SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ilma urban mormi — Direttiva 91/271/KEE — Artikoli 3 u 4 — Obbligu ta’ ġbir — Obbligu ta’ trattament”

Fil-Kawża C‑395/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn T. Materne u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn E. Gillet u A. Lepièce, avukati,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma żgurax il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi ta’ 57 agglomerazzjonijiet żgħar b’ekwivalenza ta’ popolazzjoni (iktar ’il quddiem “e.p.”) ta’ iktar minn 2 000 u ta’ inqas minn 10 000, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

Il-kuntest ġuridiku

2

It-tielet u t-tmien premessa tad-Direttiva jipprovdu li:

“Billi biex jigi prevenut illi l-ambjent jiġi effetwat negattivament mit-tneħħija ta’ ilma urban mormi li ma jkunx itrattat suffiċjentement, hemm bżonn ġenerali għal trattament sekondarju ta’ ilma urban mormi;

[…]

Billi huwa meħtieġ li jkunu sorveljati l-impjanti ta’ trattament, l-ilmijiet li fihom jintefa’ l-ilma mormi u d-disponiment ta’ ħama biex jiġi żgurat li l-ambjent ikun protett mill-effetti negattivi kkawżati mill-iskariki ta’ ilma mormi.”

3

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali.

L-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-Ambjent minn effetti negattivi iskariki ta’ ilma mormi hawn fuq imsemmija.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

1)

‘ilma mormi urban’ tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;

[...]

4)

‘agglomerazzjoni’ tfsser żona fejn il-popolazzjoni u/jew l-attivitajiet ekonomiċi jkunu konċentrati b’mod suffiċjenti sabiex l-ilma mormi urban ikun jista jinġabar u jittieħed f’impjant ta’ trattament ta’ l-ilma mormi urban jew għall-punt ta’ skarikar finali;

5)

‘sistema ta’ ġbir’ tfisser sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

6)

‘[e.p.]’ tfisser it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60g ta’ ossiġnu kuljum;

7)

‘trattament primarju’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban permezz ta’ proċessi fiżiċi u/jew kemikali li jinvolvu t-tqegħid ta’ solidi sospiżi, jew proċessi oħra li fihom l-BOD5 ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqas b’minn ta’ l-anqas 20 % qabel ma dan jintrema, waqt li s-solidi sospiżi totali ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqsu b’minn ta’ lanqas 50 %;

8)

‘trattament sekondarju’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bioloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness I huma rispettati;

[...]”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban,

[...]

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal dawk li jkollhom e.p. ta’ bejn l-2000 u il-15000 ruħ.

[...]

Fejn it-twaqqif ta’ sistemi ta’ ġbir ma jkunx iġġustifikat jew għaliex dan ma jkun jipprovdi l-ebda benefiċċju ambjentali jew għaliex ikun jinvolvi spiża eċċessiva, għandhom jintużaw sistemi individwali jew sistemi adatti oħra li jkunu jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali.

2.   Sistemi ta’ ġbir deskritti fil-paragrafu 1 għandhom jilħqu l-kriterji tal-Anness I (A). […]”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu [qabel] ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

[...]

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal skariki li jispiċċaw f’ilma ħelu u estwarji minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-2000 u l-10000 e.p.

[...]

3.   Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji relevanti ta’ l-Anness I. B. […]

4.   It-toqol espress f’termini ta’ e.p. għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tat-toqol massimu medju ta’ ġimgħa li jidħol fl-impjant ta’ trattament matul is-sena, esklużi biss sitwazzjonijiet mhux tas-soltu bħal dawk li jiġu kkawżati minn xita qalila.”

7

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-awtoritjiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jissorveljaw:

l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji tal-Anness I. B, skont il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness I. D,

[...]”

8

L-Anness I tad-Direttiva, intitolat, “Rekwiżiti għall-ilma mormi urban” huwa redatt kif ġej:

“A. Sistemi ta’ ġbir [...]

Is-sistemi ta’ ġbir għandhom jikkunsidraw il-kriterji tat-trattament ta’ l ilma mormi.

Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ġbir għandhom isru skont l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi, partikolarment dwar:

il-volum u l-karatteristi ta’ l-ilma mormi urban,

prevenzjoni ta’ tnixxijiet,

limitazzjoni ta’ tniġġis fl-ilmijiet minħabba tifwir ta’ ilma tax-xita.

B. Skarikar minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi għall-ilmijiet li riċeventi [...]

1.

Impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi għandhom ikunu ppjanati u modifikati biex kampjun rappreżentattiv ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel u l-effluwent ittrattat ikun jista’ jinkiseb qabel ma dan jintrema fl-ilmijiet riċeventi.

2.

Skariki minn impjant tat-trattment tal-ilma mormi urban soġġetti għat-trattament skont l-Artikoli 4 u 5 għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet murija fit-Tabella 1.

[...]

D. Metodi ta’ referenza għal sorveljanza u evalwazzjoni tar-riżultati

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun applikat Metodu ta’ sorveljanza li jkun jikkorrispondi għal ta’ lanqas mal-livell tal-kriterji deskritti hawn taħt.

[...]

2.

Kampjuni [ta’ ħamla] flow-proportional jew dawk ibbażati fuq perjodu ta’ 24 siegħa għandhom jinġabru fl-istess post definit tajjeb fl-iżbokk u jekk ikun meħtieġ fid-daħla ta’ l-impjant tat-trattament biex tiġi sorveljata l-konformità mal-kriterji ta’ l-ilma mormi skarikat hekk kif stabbilit f’din id-Direttiva.

Għandhom ikunu applikati prattiċi tajbin internazzjonali tal-laboratorju li għandhom l-għan li jnaqqsu d-degradazzjoni tal-kampjuni bejn il-kollezzjoni u l-analiżi.

3.

In-numru minimu annwali ta’ kampjuni għandu jkun determinat skont il-qies tal-impjant tat-trattament u dawn għandhom jinġabru f’intervalli regolari matul is-sena:

2000 sa 9999 e.p.

12-il kampjun matul l-ewwel sena.

Erba’ kampjuni fis-snin ta’ wara, jekk ikun jista’ jintwera li l-ilma matul l-ewwel sena ikun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva; jekk wieħed mill-erba’ kampjuni ifalli, għandhom jittieħdu 12-il kampjun fis-sena ta’ wara.

[...]”

9

It-titoli tal-Punti A u B tal-Anness I tad-Direttiva jirreferu għal nota ta’ qiegħ il-paġna li hija redatta kif ġej:

“Peress li fil-prattika mhux possibbli li jinbnew sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament b’tali mod illi l-ilma tad-drenaġġ kollu jkun jista’ jiġi ttrattat f’sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq il-miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn tifwir ta’ xita qawwija [tempestuża]”. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu bbażati fuq ir-rati jew il-kapaċita tad-dilwizzjoni f’relazzjoni maċ-ċirkulazzjoni ta’ temp xott, jew jistgħu jispeċifikaw ċertu numru aċċettabbli ta’ tifwir kull sena.”

10

It-tabella 1 ta’ dan l-Anness hija intitolata “Ħtiġiet għar-rimi minn makkinarju għat-trattament ta’ skart urban ta’ ilma skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva”. Din tidher kif ġej:

“Parametri

Konċentrazzjonijiet

Perċentaġġ minimu ta’ tnaqqis

[...]

Domanda għal ossiġnu bio-kemikali (BOD5 f’temperatura ta’ 20°C) mingħajr nitrifikazzjoni

125 mg/l O2

70-90

40 taħt l-Artikolu 4(2)

[...]

Domanda kimika ta’ ossiġenu (COD)

125 mg/l O2

75

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]”

11

Wara t-titolu ta’ din it-tabella 1 hemm previst li “Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-persentaġġ ta’ tnaqqis għandhom japplikaw”.

12

It-titolu tat-tielet kolonna tal-imsemmija tabella 1 jirreferi għal nota ta’ qiegħ il-paġna li tispeċifika:

“Tnaqqis f’relazzjoni għat-toqol ta’ l-influwent.”

13

It-titolu tat-tieni linja tal-istess tabella 1 jirreferi għal nota ta’ qiegħ il-paġna li hija redatta kif ġej:

“Il-parametru jista’ jinbidel b’ieħor: il-karbon organiku kollu (TOC) jew id-domanda totali għall-ossiġnu (TOD) jekk tista’ tiġi stabbilità relazzjoni bejn BOD5 u l-parametru sostitut.”

14

Mit-tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva jirriżulta li d-“Domanda għal ossiġnu bio-kemikali (BOD5 f’temperatura ta’ 20 °C) mingħajr nitrifikazzjoni” ta’ skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi suġġetti għall-ispeċifikazzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva għandha tissodisfa kundizzjoni ta’ konċentrazzjoni massima ta’ 25 mg/l ta’ ossiġnu jew titnaqqas għal minimu ta’ 70 % f’relazzjoni għat-toqol tal-influwenti ta’ dawn l-impjanti, u li d-“Domanda għal ossiġnu kemikali (DOK)” ta’ dawn l-iskariki ma għandhiex teċċedi l-limitu massimu ta’ konċentrazzjoni ta’ 125 mg/l ta’ ossiġnu jew għandha titnaqqas b’75 % fir-rigward tat-toqol tal-influwenti tal-imsemmija impjanti.

Il-proċedura prekontenzjuża

15

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani sabiex jipprovdulha informazzjoni marbuta mal-osservanza tal-obbligi tagħhom ta’ ġbir u ta’ trattament imposti mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva. Dawn l-awtoritajiet wieġbu għal din it-talba fil-15 ta’ Lulju 2009. Mill-eżami ta’ din ir-risposta rriżulta li, f’numru sostanzjali ta’ agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta’ iktar minn 2 000 u ta’ inqas minn 10000, imsejħa “agglomerazzjonijiet żgħar”, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva ma ġewx osservati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Novembru 2009, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju.

16

Wara analiżi tat-tweġiba tal-awtoritajiet Belġjani għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, li saret permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, f’diversi agglomerazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva baqgħu ma ġewx osservati. Konsegwentement, fit-28 ta’ April 2011, hija bagħtet lir-Renju tal-Belġju opinjoni motivata. Wara t-tweġiba mill-awtoritajiet Belġjani għall-opinjoni motivata u l-iskambju ta’ dokumenti sussegwenti, il-Kummissjoni waslet għall-konstatazzjoni li 57 agglomerazzjonijiet, kemm mir-Reġjun Fjamming kif ukoll mir-Reġjun ta’ Wallonie, kienu għadhom ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u għaldaqstant iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

17

Il-Kummissjoni ssostni, billi tinvoka l-punt 25 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-219/05, EU:C:2007:223), li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jimponi obbligu ta’ ġbir li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat preċiż, ifformulat b’mod ċar u inekwivoku, bil-għan li, f’terminu stabbilit fid-Direttiva, l-ilma urban mormi kollu li joriġina minn agglomerazzjonijiet jidħol f’sistemi ta’ ġbir. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva kien jimponi obbligu ta’ trattament fejn l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma urban mormi kollu li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir implementati skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, qabel ma jintrema fl-ilma li jirċevihom, jiġi suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti mwettaq permezz ta’ proċess li jippermetti l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fit-tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva.

18

Barra minn hekk, mit-tmien premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi applikat metodu ta’ sorveljanza tal-impjanti ta’ trattament li jissodisfa r-rekwiżiti deskritti fil-punt D tal-Anness I tad-Direttiva. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li impjant ta’ trattament jeżisti u li l-funzjonament tiegħu ġie kkonstatat b’rendikont uniku ta’ kampjuni li l-valuri puntwali tagħhom kienu josservaw ir-rekwiżiti tat-tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva, ma huwiex suffiċjenti sabiex juri l-konformità tat-trattament tal-ilma urban mormi minn dan l-impjant mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-punt D tal-Anness I tad-Direttiva, il-funzjonament tajjeb tal-impjanti ta’ trattament jiġi kkontrollat permezz tat-teħid ta’ mhux inqas minn tnax-il kampjun matul perijodu ta’ sena.

19

Il-Kummissjoni tirrileva li d-Direttiva ma tapplikax għall-agglomerazzjonijiet b’e.p. ta’ inqas minn 2 000, b’tali mod li l-assenza ta’ ġbir ta’ ilma urban mormi li jikkorrispondi għal e.p. ta’ inqas minn 2 000 ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li d-Direttiva teżiġi rata ta’ ġbir ta’ 100 %, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tibda proċedura għal ksur, ikkunsidrat f’dan il-każ li rata ta’ ġbir ta’ 98 % kienet suffiċjenti, filwaqt li rrikjediet ukoll li r-residwu ta’ 2 % tal-ilma mhux miġbur ma jkunx jirrappreżenta e.p. ta’ 2 000 jew iktar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, filwaqt li tirreferi għall-punt 25 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑440/06, EU:C:2007:642), li, peress li ċerti agglomerazzjonijiet ma għandhomx sistemi li jippermettu l-ġbir, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, ta’ 98 % tal-ilma urban mormi li huma jarmu, l-obbligu li l-iskariki kollha jiġu ssuġġettati għal trattament sekondarju jew ekwivalenti, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, ma huwiex, a fortiori, issodisfat.

20

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonstata li s-sitwazzjoni ta’ agglomerazzjoni fir-Reġjun Fjamming ma hijiex konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva u li s-sitwazzjoni ta’ 56 agglomerazzjoni fir-Reġjun ta’ Wallonie la hija konformi mal-Artikolu 4, u lanqas, konġuntament, mal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

21

Il-Gvern Belġjan ikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-konformità tal-funzjonament ta’ impjant ta’ trattament mal-Artikolu 4 tad-Direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punt D tal-Anness I tad-Direttiva. Fil-fatt, ma teżisti ebda bażi legali li timponi terminu ta’ sena għat-teħid ta’ kampjuni peress li l-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jirreferix għall-punt D tal-Anness I iżda għall-punt B ta’ dan l-Anness, li ma jimponix l-obbligu ta’ teħid ta’ kampjuni matul perijodu ta’ mill-inqas sena wara l-bidu tal-operar tal-impjant ta’ trattament sabiex l-agglomerazzjoni inkwistjoni titqies li hija konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva.

22

Il-Gvern Belġjan josserva li huwa l-Artikolu 15 tad-Direttiva li jirreferi għall-punt D tal-Anness I. Madankollu, dan l-artikolu ma jissemmiex fir-rikors u għaldaqstant ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi konkluż li, b’mod konformi mal-Artikolu 4 u mal-punt B tal-Anness I tad-Direttiva, l-obbligi taħt id-Direttiva jkunu ssodisfatti meta impjant ta’ trattament li jkun ikopri agglomerazzjoni jkun beda jopera u meta l-ewwel riżultati tal-analiżijiet juru li l-kompożizzjoni tal-effluwenti hija konformi mar-regoli inklużi fit-tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva.

23

Filwaqt li ma jikkontestax il-fatt li l-Kummissjoni għandha s-setgħa diskrezzjonali li tikkunsidra li agglomerazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva meta jinġabar inqas minn 98 % tal-ilma urban mormi tagħha, il-Gvern Belġjan isostni li tali pożizzjoni hija stretta wisq, sproporzjonata u ma tosservax l-għan tad-Direttiva sa fejn, f’tali każ, ir-riskju ambjentali huwa marġinali ħafna, jew saħansitra ineżistenti, u dan iktar u iktar meta, fl-agglomerazzjonijiet Belġjani, meħuda fit-totalità tagħhom, ir-rata ta’ ġbir ta’ dan l-ilma kienet ogħla minn 98 %.

24

Filwaqt li rrikonoxxa li r-Reġjun ta’ Wallonie ma wettaqx l-obbligi kollha tiegħu taħt l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva fit-terminu stabbilit f’din tal-aħħar, il-Gvern Belġjan isostni li kien assolutament impossibbli għal dan ir-reġjun li josserva dawn l-obbligi kollha fid-dawl tal-isfidi ta’ natura materjali, teknika u baġitarja li dan tal-aħħar kellu jiffaċċja.

25

Fid-dawl tal-informazzjoni u tar-riżultati inklużi fl-Annessi tar-risposta ppreżentata mill-Gvern Belġjan, il-Kummissjoni llimitat is-suġġett tar-rikors tagħha għall-ilmenti marbuta mhux iktar ma’ 57, iżda ma’ 48 agglomerazzjoni.

26

Għalhekk, għal ħmistax-il agglomerazzjoni ta’ Aywaille, ta’ Baelen, ta’ Blegny, ta’ Chastre, ta’ Grez‑Doiceau, ta’ Jodoigne, ta’ Lasne, ta’ Obourg, ta’ Oreye, ta’ Orp, ta’ Raeren, ta’ Sart‑Dames‑Avelines, ta’ Soiron, ta’ Sombreffe u ta’ Yvoir‑Anhee, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-dawl tal-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, li r-rata ta’ ġbir tal-ilma urban mormi ma tilħaqx it-98 %. Minn dan jirriżulta nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ ġbir kif stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jimplika wkoll nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ trattament previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

27

Fir-rigward tal-31 agglomerazzjoni ta’ Bassenge, ta’ Chaumont‑Gistoux, ta’ Chievre, ta’ Crisnée, ta’ Dalhem, ta’ Dinant, ta’ Écaussinnes, ta’ Estinnes, ta’ Feluy‑Arquennes, ta’ Fexhe‑Slins, ta’ Fosses la‑Ville, ta’ Godarville, ta’ Hannut, ta’ Havré, ta’ Jurbise, ta Rœulx, ta’ Leuze, ta’ Lillois‑Witterzée, ta’ Profondeville, ta’ Rotheux‑Neuville, ta’ Saint‑Georges‑sur‑Meuse, ta’ Saint‑Hubert, ta’ Sirault, ta’ Sprimont, ta’ Villers‑la‑Ville, ta’ Villers‑le-Bouillet, ta’ Virginal‑Hennuyères, ta’ Walcourt, ta’ Welkenraedt, ta’ Wépion u ta’ Wiers, in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-obbligu ta’ trattament previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa stabbilit sa fejn dawn l-agglomerazzjonijiet ma għandhomx impjant ta’ trattament.

28

Fir-rigward taż-żewġ agglomerazzjonijiet ta’ Gaurain‑Ramecroix u ta’ Hélécine, għalkemm mgħammra b’impjanti ta’ trattament, dawn ma humiex konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva sa fejn it-teħid ta’ tnax-il kampjun, previsti f’dan l-artikolu, ma twettqux matul l-ewwel sena ta’ operazzjoni tat-tagħmir tagħha.

29

Dawn l-48 agglomerazzjoni jinsabu fir-Reġjun ta’ Wallonie.

30

Il-Kummissjoni żżid li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet prattiċi jew amministrattivi sabiex jiġġustifika l-inosservanza tal-obbligi u tat-termini stabbiliti f’direttiva. Barra minn hekk, hija tirrileva, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, konxju mill-portata tax-xogħlijiet ta’ infrastruttura li għandhom jitwettqu għall-implementazzjoni tad-Direttiva, ikkonċeda lill-Istati Membri terminu suffiċjentement twil, jiġifieri 14-il sena, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2005, sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom marbuta mal-agglomerazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li hija ppreżentat ir-rikors tagħha f’din il-kawża kważi 8 snin wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Qabelxejn, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jimponi obbligu ta’ riżultat preċiż, ifformulat b’mod ċar u inekwivoku, bil-għan li, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005, l-ilma urban mormi kollu li joriġina mill-agglomerazzjonijiet b’e.p. ta’ bejn 2 000 u 15 000 jidħol f’sistema ta’ ġbir ta’ ilma urban mormi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2007:223, punt 25, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2007:642, punt 25).

32

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar jekk hemmx lok li tinbeda proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u dwar liema aġir jew nuqqas imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat għandha tinbeda din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, EU:C:1995:260, punt 22; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, EU:C:2002:631, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-394/02, EU:C:2005:336, punt 28).

33

F’dan il-każ, il-Kummissjoni b’hekk iddeċidiet li tibda proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod konformi mal-prassi ġenerali tagħha fil-qasam tal-ġbir tal-ilma urban mormi fl-agglomerazzjonijiet, li tipprovdi li, minkejja l-fatt li d-Direttiva teżiġi rata ta’ ġbir ta’ 100 %, hija tibda tali proċedura biss għall-agglomerazzjonijiet li r-rata tagħhom ta’ ġbir tkun ta’ inqas minn 98 % jew meta l-iskariku mhux miġbur ta’ 2 % jkun jirrappreżenta e.p. ta’ 2 000 jew iktar.

34

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni, filwaqt li tirtira parzjalment l-ilment inizjali tar-rikors tagħha dwar ċerti agglomerazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan, titlob b’mod definittiv li jiġi kkonstatat li l-ħmistax-il agglomerazzjoni li jinsabu fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma humiex konformi mal-obbligu ta’ ġbir stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

35

Huwa paċifiku li dawn il-ħmistax l-agglomerazzjoni huma ċċitati fit-tabella li tinsab fl-Anness 1 tar-risposta tal-Gvern Belġjan ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2013. Huwa indikat f’din it-tabella li, f’din id-data, l-imsemmija agglomerazzjonijiet ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, kif iddefiniti f’dan il-każ mill-Kummissjoni.

36

Il-Gvern Belġjan ma jinvokax sitwazzjonijiet bħal dawk previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligi li jikkonċernaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ ġbir li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tad-Direttiva.

37

Madankollu, dan il-Gvern jirrileva li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, hija, f’dan il-każ, stretta wisq u sproporzjonata, sa fejn l-agglomerazzjonijiet Belġjani, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom, jiżguraw rata ta’ ġbir ta’ ilma urban mormi ta’ iktar minn 98 %. Għalhekk, ir-riskju għas-saħħa u għall-ambjent huwa limitat ħafna.

38

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sistema tad-Direttiva hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “agglomerazzjoni” kif iddefinita fl-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, l-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, inkwistjoni f’din il-kawża, huma marbuta konkretament mal-agglomerazzjonijiet u jvarjaw skont id-daqs ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva għandu jiġi vverifikat fir-rigward ta’ kull agglomerazzjoni kkunsidrata individwalment.

39

Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑525/03, EU:C:2005:648, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑279/11, EU:C:2012:834, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’risposta għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan irrikonoxxa li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit-28 ta’ Ġunju 2011, il-ħmistax-il agglomerazzjoni li dwarhom saru l-ilmenti tal-Kummissjoni u li huma ċċitati fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ġbir ta’ ilma urban mormi previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

41

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas ma ġie sodisfatt l-obbligu previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li l-iskariki kollha għandhom jiġu suġġetti għal trattament sekondarju jew ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2007:642, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma żgurax il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Aywaille, ta’ Baelen, ta’ Blegny, ta’ Chastre, ta’ Grez‑Doiceau, ta’ Jodoigne, ta’ Lasne, ta’ Obourg, ta’ Oreye, ta’ Orp, ta’ Raeren, ta’ Sart‑Dames‑Avelines, ta’ Soiron, ta’ Sombreffe u ta’ Yvoir‑Anhee, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

43

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirtira parzjalment l-ilment inizjali tar-rikors tagħha marbut ma’ ċerti agglomerazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan, titlob li jiġi kkonstatat li l-31 agglomerazzjoni li jinsabu fil-punt 27 ta’ din is-sentenza ma humiex f’konformità mal-obbligu ta’ trattament tal-ilma urban mormi stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

44

Huwa paċifiku li dawn il-31 agglomerazzjoni huma inklużi fit-tabella li tinsab fl-Anness 1 tar-risposta tal-Gvern Belġjan, imsemmija iktar ’il fuq, li fiha hemm indikat li, fid-data tal-15 ta’ Ottubru 2013, l-imsemmija agglomerazzjonijiet ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva.

45

Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Belġjan ma jikkontestax il-fatt li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dawn il-31 agglomerazzjoni ma kellhomx impjanti ta’ trattament operazzjonali tal-ilma urban mormi u li, konsegwentement, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva ma ġewx sodisfatti.

46

Fir-rigward taż-żewġ agglomerazzjonijiet iċċitati fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni, dawn kellhom impjanti ta’ trattament iżda, kuntrarjament għal dak previst fil-punt D tal-Anness I tad-Direttiva, ma kinux ittieħdu tnax-il kampjun matul l-ewwel sena tal-operazzjoni tagħhom.

47

Għaldaqstant, peress li kkunsidrat li dawn l-agglomerazzjonijiet kienu għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva, il-Kummissjoni żammet ir-rikors tagħha li jikkonċernahom. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ agglomerazzjonijiet, ma kellhiex l-intenzjoni li tibdel id-data li fiha kellha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

48

Il-Gvern Belġjan ma jikkontestax il-fatt li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iż-żewġ agglomerazzjonijiet inkwistjoni ma kellhomx impjanti ta’ trattament u li, konsegwentement, huma ma kinux f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva.

49

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma żguratx it-trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Bassenge, ta’ Chaumont‑Gistoux, ta’ Chievre, ta’ Crisnée, ta’ Dalhem, ta’ Dinant, ta’ Écaussinnes, ta’ Estinnes, ta’ Feluy‑Arquennes, ta’ Fexhe‑Slins, ta’ Fosses‑la‑Ville, ta’ Godarville, ta’ Hannut, ta’ Havré, ta’ Jurbise, ta’ Rœulx, ta’ Leuze, ta’ Lillois‑Witterzée, ta’ Profondeville, ta’ Rotheux‑Neuville, ta’ Saint‑Georges‑sur‑Meuse, ta’ Saint‑Hubert, ta’ Sirault, ta’ Sprimont, ta’ Villers‑la‑Ville, ta’ Villers‑le-Bouillet, ta’ Virginal‑Hennuyères, ta’ Walcourt, ta’ Welkenraedt, ta’ Wépion, ta’ Wiers, ta’ Gaurain‑Ramecroix u ta’ Hélécine, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva.

50

Fir-rigward tat-twettiq tardiv tax-xogħlijiet neċessarji għall-ġbir u għat-trattament sekondarju tal-ilma urban mormi, kif ukoll tan-nuqqas ta’ twettiq sussegwenti tal-obbligu tiegħu li jirriżultaw mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva, il-Gvern Belġjan jinvoka l-isfidi ta’ natura materjali, teknika u baġitarja li kienu preżenti fir-Reġjun ta’ Wallonie.

51

Għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, li kien konxju mill-portata tax-xogħlijiet ta’ infrastruttura li kienet tirrikjedi l-applikazzjoni tad-Direttiva u mill-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ din tal-aħħar, ikkonċeda lill-Istati Membri terminu ta’ diversi snin għat-twettiq tal-obbligi tagħhom, li f’dan il-każ skada fil-31 ta’ Diċembru 2005. Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika l-inosservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑407/09, EU:C:2011:196, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, EU:C:2012:834, punt 71).

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma żgurax il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Aywaille, ta’ Baelen, ta’ Blegny, ta’ Chastre, ta’ Grez‑Doiceau, ta’ Jodoigne, ta’ Lasne, ta’ Obourg, ta’ Oreye, ta’ Orp, ta’ Raeren, ta’ Sart‑Dames‑Avelines, ta’ Soiron, ta’ Sombreffe u ta’ Yvoir‑Anhee, kif ukoll it-trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Bassenge, ta’ Chaumont‑Gistoux, ta’ Chievre, ta’ Crisnée, ta’ Dalhem, ta’ Dinant, ta’ Écaussinnes, ta’ Estinnes, ta’ Feluy‑Arquennes, ta’ Fexhe‑Slins, ta’ Fosses‑la‑Ville, ta’ Godarville, ta’ Hannut, ta’ Havré, ta’ Jurbise, ta’ Rœulx, ta’ Leuze, ta’ Lillois‑Witterzée, ta’ Profondeville, ta’ Rotheux‑Neuville, ta’ Saint‑Georges‑sur‑Meuse, ta’ Saint‑Hubert, ta’ Sirault, ta’ Sprimont, ta’ Villers‑la‑Ville, ta’ Villers‑le-Bouillet, ta’ Virginal‑Hennuyères, ta’ Walcourt, ta’ Welkenraedt, ta’ Wépion, ta’ Wiers, ta’ Gaurain‑Ramecroix u ta’ Hélécine, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

Fuq l-ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li ġie kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, dan għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tiddikjara u tiddeċiedi li:

 

1)

Billi ma żgurax il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Aywaille, ta’ Baelen, ta’ Blegny, ta’ Chastre, ta’ Grez Doiceau, ta’ Jodoigne, ta’ Lasne, ta’ Obourg, ta’ Oreye, ta’ Orp, ta’ Raeren, ta’ Sart Dames Avelines, ta’ Soiron, ta’ Sombreffe u ta’ Yvoir Anhee, kif ukoll it-trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Bassenge, ta’ Chaumont Gistoux, ta’ Chievre, ta’ Crisnée, ta’ Dalhem, ta’ Dinant, ta’ Écaussinnes, ta’ Estinnes, ta’ Feluy Arquennes, ta’ Fexhe Slins, ta’ Fosses la Ville, ta’ Godarville, ta’ Hannut, ta’ Havré, ta’ Jurbise, ta’ Rœulx, ta’ Leuze, ta’ Lillois Witterzée, ta’ Profondeville, ta’ Rotheux Neuville, ta’ Saint Georges sur Meuse, ta’ Saint Hubert, ta’ Sirault, ta’ Sprimont, ta’ Villers la Ville, ta’ Villers le-Bouillet, ta’ Virginal Hennuyères, ta’ Walcourt, ta’ Welkenraedt, ta’ Wépion, ta’ Wiers, ta’ Gaurain Ramecroix u ta’ Hélécine, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.

 

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.