SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Appell — Dumping — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 464/2011 — Importazzjoni tat-trab żeolit A li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 2 — Determinazzjoni tal-valur normali — Kunċett ta’ ‘tmexxija ordinarja tal-kummerċ’ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali]”

Fil-Kawża C‑393/13 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2013,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn G. M. Berrisch sussegwentement minn D. Geradin, avukati,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Alumina d.o.o., stabbilita fi Zvornik (Bosnja-Ħerzegovina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u B. Servais, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis (Relatur), J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Alumina vs Il-Kunsill (T‑304/11, EU:T:2013:224, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011, tal-11 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 125, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inkwistjoni”), sa fejn jikkonċerna lil Alumina d.o.o. (iktar ’il quddiem “Alumina”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, u r-rettifika ĠU 2010 L7, p. 22, iktar ’il quddiem ir- “Regolament bażiku”), jistabbilixxi fl-Artikolu 2(1) sa (4) u (6) tiegħu:

“1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali], minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

[…]

2.   Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi wżat biex jiġi stabbilit valur normali jekk volum ta’ bejgħ bħal dan jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni lill-Komunità. Madanakollu, jista’ jiġi wżat volum inqas ta’ bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.

3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

[…]

4.   Bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew bejgħ ta’ esportazzjoni lil pajjiż terz, bi prezzijiet inqas miċ-ċifra ta’ l-ispejjez tal-produzzjoni (fissi u varjabbli) flimkien ma’ l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi jistgħu jiġu trattati bħala li ma jkunux fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqisux fid-determinazzjoni tal-valur normali, sakemm ikun stabbilit li bejgħ bħal dan isir f’perjodu estiż fi kwanitajiet sostanzjali, u jkun bi prezzijiet li ma jagħmlux tajjeb għall-irkupru ta’ l-ispejjeż kollha f perjodu raġjonevoli.

[…]

6.   L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

(a)

l-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

(b)

l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini;

(ċ)

kwalunkwe metodu raġjonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Il-fatti rilevanti li wasslu għall-kawża fir-rigward ta’ dan l-appell huma esposti kif ġej fil-punti 1, 3, 5 u 7 sa 10 tas-sentenza appellata

“1

Wara lment ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fis-17 ta’ Jannar 2010, avviż ta’ tnedija ta’ proċedura anti-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet tat-trab Zeolite A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU C 40, p. 5).

[…]

3

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1036/2010, tal-15 ta’ Novembru 2010, li jimponi dazju ta’ anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-trab zeolite A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 298, p. 27, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament provviżorju’), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping provviżorju ta’ 28.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ trab zeolit A, magħruf ukoll bħala trab zeolit NaA jew zeolit 4A, li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina. Skont il-premessa 11, il-perijodu ta’ investigazzjoni jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2009.

[…]

5

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali, il-Kummissjoni użat il-metodoloġija deskritta fil-Artikolu 2(3) tar-[Regolament bażiku], peress li l-bejgħ [ta’ Alumina] fis-suq intern ma kienx rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-istess regolament. Għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni użat il-profitt medju kkalkolat magħmul fuq il-bejgħ domestiku tal-prodotti simili mwettaq mill-grupp li għalih tappartjeni [Alumina] (premessi 21 sa 26 tar-Regolament provviżorju).

[…]

7

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, [Alumina] ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, billi sostniet ksur tal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-użu, għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali, tal-marġni tal-profitt magħmul mill-bejgħ, lill-uniku klijent domestiku tiegħu, li kien affettwat minn riskju ikbar ta’ nuqqas ta’ ħlas jew ta’ ħlas tardiv u, konsegwentement, ma jikkostitwixxix tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

8

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet lil [Alumina], skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, dokument finali ta’ informazzjoni u risposta li tiċħad l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ domestiku msemmi fil-punt preċedenti. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2011, [Alumina], b’mod partikolari, tenniet il-pożizzjoni tagħha esposta fil-punt preċedenti.

9

Dazju definittiv ta’ 28.1 % applikabbli għall-prezz nett liberu fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, qabel il-ħruġ mid-dwana, kien ġie applikat għall-prodotti ċċitati fil-punt 3 iktar ’il fuq skont [ir-Regolament inkwistjoni].

10

Fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kunsill [...] jesponi, fil-premessi 19 u 20 tar-regolament [inkwistjoni], li l-bejgħ domestiku meħud inkunsiderazzjoni twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u li l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw ruħhom fuq id-data li tirriżulta minnu minkejja li ma għandux natura rappreżentattiva fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Peress li l-bejgħ inkwistjoni kien jiġġenera profitt, il-valur normali kostruwit kien identiku għal dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.”

4

Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Alumina qajmet żewġ motivi, ibbażati fuq ksur, minn naħa, tal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 6 tal-istess artikolu. Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, Alumina kienet essenzjalment sostniet li l-Kunsill kien wettaq żball ta’ liġi meta qies bħala twettiq ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali l-bejgħ minn din il-kumpannija tal-prodott inkwistjoni lil klijent wieħed domestiku tagħha minkejja li l-prezzijiet kienu miżjuda bi 25 % skont il-primjum ta’ riskju ta’ pagament tardiv jew ta’ nuqqas ta’ ħlas. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-tieni parti tat-tieni motiv billi qieset li l-prezzijiet ta’ bejgħ lil klijent wieħed domestiku ta’ Alumina ma kienx jirrifletti tranżazzjonijiet kummerċjali normali fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, annullat ir-Regolament inkwistjoni sa fejn jikkonċerna lil Alumina.

It-talbiet tal-partijiet

5

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Alumina quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

6

Alumina titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad l-appell tal-Kunsill;

sussidjarjament, tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-ewwel istanza u tannulla r-Regolament inkwistjoni, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

7

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka aggravju wieħed, dirett kontra l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, dwar il-kunċett ta’ bejgħ imwettaq “fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ” [fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali] fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

L-argumenti tal-partijiet

8

L-ewwel nett, il-Kunsill iqis li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, dwar it-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem minn Alumina fir-rikors tagħha, huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod inkorrett il-kunċett ta’ bejgħ imwettaq “fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ” [fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali] fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (6) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-bejgħ li ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali minħabba l-fatt li l-prezzijiet kienu jinkludu primjum intiż li jkopri r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas mix-xerrej, li ma kienx marbut mal-valur tal-prodott, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali. Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ” [bejgħ imwettaq fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali] la hija sostnuta mir-Regolament bażiku u lanqas mill-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (GATT), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Barra minn hekk, huwa jqis li l-punt 17 tas-sentenza Minolta Camera vs Il-Kunsill (C‑178/87, EU:C:1992:112) iċċitat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li jirreferi għalih il-punt 38 tagħha, ma jikkorroborax l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali.

9

Il-kriterju tal-“prezz li jirrefletti l-valur tal-prodott” applikat mill-Qorti Ġenerali ma huwiex, skont il-Kunsill, xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fl-ewwel lok, tali interpretazzjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet sabiex jobsru sistematikament il-motivi tal-pagament u l-implementazzjoni tal-prezzijiet ikkomunikati u sabiex jiddeterminaw il-valur reali tal-prodott. Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tinkludi riskju importanti ta’ abbuż favur l-inklużjoni, fil-kuntratti ta’ bejgħ, ta’ klawżola li tipprovdi li l-prezzijiet għandhom jinkludu tali primjum ta’ riskju sabiex jiġi evitat l-użu ta’ dawn il-prezzijiet għad-determinazzjoni tal-valur normali.

10

B’mod partikolari, fir-rigward tal-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Kunsill iqis li r-riferiment għall-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, dwar il-fatturi l-oħra li jaffettwaw il-prezzijiet, ma huwiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, l-aġġustamenti previsti f’dan l-artikolu huma intiżi biex jeliminaw ċerti differenzi bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni u mhux biss biex jiġi aġġustat il-valur normali maħdum fuq il-prezz li bih il-prodott jinbiegħ fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali fis-suq intern.

11

F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li l-bejgħ seħħ matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali minkejja li l-bejjiegħ żied il-prezz tiegħu ta’ bejgħ biex ikopri r-riskju ta’ pagament tardiv jew ta’ nuqqas ta’ ħlas. Għalkemm din is-sitwazzjoni toħloq ir-riskju li taffettwa l-paragunabbiltà bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni, għandhom isiru l-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku meta jsir il-paragun bejn il-prezz normali u l-prezz għall-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ifakkar li l-imsemmi paragrafu 10(g) espliċitament jipprovdi għall-aġġustamenti abbażi tad-differenzi fl-ispiża tal-kreditu mogħti għal bejgħ taħt kunsiderazzjoni.

12

It-tieni nett, il-Kunsill iqis li l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “bejgħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ” [bejgħ imwettaq fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali], li teskludi minn dan il-kunċett il-bejgħ li l-prezzijiet tiegħu jinkludu primjum intiż li jkopri r-riskju li x-xerrej ma jkunx ser iħallas jew li ma jkunx irid iħallas, tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali sa fejn l-istituzzjonijiet ser ikunu obbligati li sistematikament jobsru l-motivi tal-pagament u l-applikazzjoni tal-prezzijiet ikkomunikati u li jiddeterminaw il-valur “reali” tal-prodott, kif ġie rrilevat fil-punt 9 ta’ din is-sentenza.

13

Fl-aħħar nett, il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata ma tinkludix spjegazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-bejgħ ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali li kieku l-prezz kien jinkludi l-primjum ta’ riskju għal nuqqas ta’ ħlas.

14

Alumina tqis, b’mod prinċipali, li l-aggravju invokat mill-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu huwa inammissibbli, għaliex fil-verità jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 31 sa 35 tas-sentenza appellata. Sussidjarjament, hija tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-aggravju u titlob li jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

15

Alumina ssostni li l-appell huwa inammissibbli għaliex il-Kunsill qed iqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fil-punti 31 sa 35 tas-sentenza appellata mill-Qorti Ġenerali sabiex isostni li l-bejgħ tal-prodotti kkonċernati ma twettqux fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, mingħajr ma jindika l-iżball ta’ liġi li din tal-aħħar wettqet.

16

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Eworopea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti u min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjoni tal-fatti, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha jew f’każ ta’ żnaturament tal-provi ammessi insostenn ta’ dawn il-fatti li din il-konstatazzjoni jew din l-evalwazzjoni tal-imsemmija provi jkunu jikkostitwixxu punti ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ, skont l-Artikolu 256 TFUE, il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li siltet minnhom il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenzi Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C-337/09 P, EU:C:2012:471, punt 55, u Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, EU:C:2010:147, punti 30 u 31).

17

F’din il-kawża, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ bejgħ imwettaq “fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ” [tranżazzjonijiet kummerċjali normali] fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (6) tar-Regolament bażiku. Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni, hija kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti li servew ta’ bażi għar-regolament inkwistjoni biex tikkonkludi li d-difett marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-primjum ta’ riskju jaffettwa l-validità tal-kalkolu tal-valur normali stabbilit għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ dumping.

18

Għalhekk, l-appell la jirrigwarda l-konstatazzjoni inkwantu tali tal-fatti u lanqas l-evalwazzjoi tal-provi tal-Qorti Ġenerali dwar il-primjum ta’ riskju, iżda jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni tagħha għall-fatti kif ġew ikkonstatati mill-Kunsill.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

20

Għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott tikkostitwixxix wieħed mill-istadji essenzjali li għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping eventwali. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi, f’dan ir-rigward, li “[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, meta jiġi ddeterminat il-valur normali, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali li għandu, bħala regola ġenerali, jittieħed l-ewwel inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-valur normali. Fil-fatt, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, dan il-prinċipju jista’ biss jiġi dderogat meta l-ebda bejgħ tal-prodott simili ma jkun seħħ matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali jew meta dan il-bejgħ huwa insuffiċjenti jew meta tali bejgħ ma jippermettix paragun validu (ara s-sentenza Goldstar vs Il-Kunsill, C‑105/90, EU:C:1992:69, punt 12).

21

Dawn id-derogi għall-metodi tal-iffissar tal-valur normali skont il-prezz reali għandhom natura eżawrjenti u huma marbuta mal-karatteristiċi tal-bejgħ u mhux mal-prezz tal-prodott (sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑76/98 P u C‑77/98 P, EU:C:2001:234, punt 40).

22

Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal‑1994 u lanqas ir-Regolament bażiku ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Ċertament, ir-Regolament bażiku espliċitament jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, żewġ ipoteżi ta’ bejgħ li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ma jistgħux jikkostitwixxu tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

23

Fl-ewwel lok, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jippreċiża li l-prezzijiet bejn il-partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom ftehim ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu bħala prezzijiet milħuqa fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u jistgħu biss jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali kemm-il darba ma jkunx stabbilit b’eċċezzjoni li dawn il-prezzijiet ma humiex affettwati minn din ir-relazzjoni (sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 85).

24

Fit-tieni lok, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq intern tal-pajjiż esportatur jew il-bejgħ b’destinazzjoni ta’ pajjiż terz għal prezz inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni għal kull prodott ma jistgħux jitqiesu li ma seħħewx matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali ħlief jekk jiġi ddeterminat li dawn twettqu matul perijodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali u bi prezzijiet li ma jippermettux li jiġu koperti l-ispejjeż kollha fi terminu raġonevoli.

25

Madankollu, l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku xorta ma jipprovdix lista eżawrjenti tal-metodi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet intlaħqux matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali jikkonċerna n-natura stess tal-bejgħ meqjus fih innifsu. Dan il-kunċett huwa intiż li jeskludi, għad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma jkunx sar skont il-kundizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari meta prodott jinbiegħ bi prezz inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni jew meta t-tranżazzjonijiet iseħħu bejn il-partijiet li huma assoċjati jew li jkunu kkonkludew ftehim ta’ kumpens (ara s-sentenzi Goldstar vs Il-Kunsill, EU:C:1992:69, punt 13, kif ukoll Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2001:234, punt 38).

26

Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-primjum ta’ nuqqas ta’ ħlas jikkostitwixxi korrispettiv għar-riskju li l-fornitur jieħu meta jbigħ prodotti lil klijent partikolari. Għalhekk, dan il-primjum ma jirrappreżentax parti mill-valur tal-prodott mibjugħ u lanqas huwa marbut mal-karatteristiċi tiegħu, iżda jiddependi fuq l-identità tal-klijent u fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-fornitur tiegħu tal-kapaċità finanzjarja ta’ dan il-klijent.

27

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni ta’ tali primjum ta’ riskju fil-kalkolu tal-marġni ta’ profitt stabbilit għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali jieħu inkunsiderazzjoni element li ma jirriflettix parti mill-valur tal-prodott mibjugħ, li għalhekk iżid artifiċjalment ir-riżultat tal-kalkolu tal-valur normali, b’mod li dan ir-riżultat ma jibqax jirrifletti bl-iktar mod preċiż possibbli l-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott, kif ikun jekk il-prodott inkwistjoni jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

28

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali huwa li jiġi żgurat li l-valur normali ta’ prodott jikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq intern tal-esportatur. Jekk bejgħ huwa konkluż skont it-termini u l-kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-prattika kummerċjali li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodott simili f’dan is-suq fil-mument rilevanti għad-deteminazzjoni dwar jekk hemmx dumping jew le, dan ma jikkostitwixxix bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott simili fl-imsemmi suq.

29

F’din il-kawża, il-Qorti Generali ġustament qieset li l-inklużjoni, meta jiġi ddeterminat il-valur normali fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, ta’ primjum bħal dak dwar ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas, twassal biex jiddaħħal f’din id-determinazzjoni fattur li ma għandux l-għan li jistabbilixxi l-prezz li bih il-prodott ikkonċernat ser jinbiegħ f’ċirkustanzi normali fis-suq intern. Tali element, li jirrigwarda esklużivament il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku partikolari, huwa fil-fatt fost l-elementi li jaqgħu taħt il-karatteristiċi ta’ bejgħ li l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jikkonkludu jekk dan il-bejgħ sarx fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal-prodott simili fis-suq intern matul il-perijodu rilevanti għad-determinazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ dumping.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezz ta’ prodott huwa biss waħda mill-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni kummerċjali. Il-kwistjoni dwar jekk prezz huwiex skont tranżazzjonijiet kummerċjali normali tiddependi wkoll fuq kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni li tista’ tinfluwenza l-prezzijiet, bħal pereżempju l-volum tat-tranżazzjoni, l-obbligi addizzjonali assunti mill-partijiet fl-imsemmija tranżazzjoni u t-terminu ta’ kunsinna. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li għandha ssir każ b’każ, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti u ċ-ċirkustanzi kollha partikolari dwar il-bejgħ inkwistjoni.

31

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċertament qieset, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni tal-primjum ta’ riskju marbut man-nuqqas ta’ ħlas la kienet tirrappreżenta parti mill-valur tal-prodott mibjugħ u lanqas ma kienet marbuta mal-karatteristiċi tiegħu u, fil-punt 38 tal-istess sentenza, hija sostniet li l-primjum kien element li ma jirriflettix parti mil-valur tal-prodott mibjugħ. Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-punti ma jesprimux dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju magħmula mill-Qorti Ġenerali li abbażi tagħhom in-natura normali tal-bejgħ neċessarjament tiddependi mill-fatt li l-prezz tiegħu jirrifletti l-valur tal-prodott.

32

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li dan il-primjum iżid b’mod artifiċjali r-riżultat tal-kalkolu tal-valur normali, huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-inklużjoni ta’ dan il-primjum ta’ riskju kienet ta’ natura li taffettwa n-natura normali ta’ bejgħ (ara s-sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2001:234, punti 39 u 41). F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw jekk din il-kundizzjoni ta’ bejgħ kinitx applikata lill-klijenti kollha b’mod ġenerali fis-suq tal-prodott simili jew jekk din kinitx speċifika fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-klijent inkwistjoni.

33

L-argumenti tal-Kunsill dwar ir-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali għall-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku fil-punti 38 sa 40 tas-sentenza appellata huma irrelevanti, għaliex ir-raġunament deċiżiv tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, żviluppat b’mod partikolari fil-punti 36 u 37 tal-istess sentenza, ma huwiex ivvizzjat minn żball ta’ liġi. Fil-fatt, anki jekk kien stabbilit li dan ir-riferiment huwa żbaljat, dan ma għandu l-ebda effett fuq il-validità tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u għalhekk ma jistax iwassal għall-annullament tagħha.

34

Fl-aħħar nett, il-parti tal-aggravju bbażata fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li barra minn hekk ma hijiex ibbażata fuq argumenti speċifiċi, tista’ biss tiġi miċħuda peress li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

35

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-aggravju uniku invokat mill-Kunsill insostenn tal-appell tiegħu ma jistax jintlaħaq u, konsegwentement, dan għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

36

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont il-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 184, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub minn Alumina.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.