SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ — Modalità ta’ kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema mkeċċija”

Fil-Kawża C‑392/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Andrés Rabal Cañas

vs

Nexea Gestión Documental SA,

Fondo de Garantía Salarial,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, kif ukoll minn J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Rabal Cañas u Nexea Gestión Documental SA (iktar ’il quddiem “Nexea”) u l-Fondo de Garantía Salarial fir-rigward tat-tkeċċija ta’ A. Rabal Cañas, li dan tal-aħħar iqis li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-premessa 1 tad-Direttiva 98/59 jirriżulta li hija kkodifikat id-Direttiva 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam ta’ liċenzjamenti kollettivi (ĠU L 48, p. 29).

4

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi waqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ żvilupp ibbilanċjat, ekonomiku u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

5

Il-premessi 3 u 4 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:

“(3)

Billi, minkejja ż-żieda ta’ konverġenza, jibqgħu differenzi bejn id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri dwar l-arranġamenti prattiċi u l-proċeduri għal din ir-redundancy u l-miżuri intenzjonati biex iserrħu mill-konsegwenzi tar-redundancy tal-ħaddiema;

(4)

Billi dawn id-differeni jistgħu jkollom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.”

6

Il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tenfasizza n-neċessità ta’ promozzjoni tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet.

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tifsiriet u l-iskop”, jgħid:

“1.   Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

a)

‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

ii)

jew, fuq perijodu ta’ 20 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti in kwistjoni;

[...]

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini [terminazzjonijiet] ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal-raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

a)

redundancies kollettivi effettwat taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perjodi limitati taż-żmien jew għal xogħolijiet speċifiċi ħlief meta dan il-redundancies iseħħ qabel id-data ta’ skadenza jew il-kompletazzjoni ta’ dawn il-kuntratti;

[...]”

8

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jgħid:

“1.   Meta dak li iħaddem jkun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jiftaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

[...]

3.   Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

a)

ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

b)

f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

i)

tar-raġunijiet għar-redundancies proġettati;

ii)

tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

iii)

tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

iv)

tal-perijodu meta r-redundancies proġettati għandhom jiġu effettwati;

v)

tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

vi)

tal-metodu għall-kalkolu ta’ xi pagamenti tar-redundancy ta’ xort’oħra minn dawk ikkawżati mill-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).

[...]”

9

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/16/KE jipprevedi:

“Kull min iħaddem għandu jinnotifika lil awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

[...]

Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għall-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfaw mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.”

10

L-Artikolu 4 (1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-redundancies kollettivi proġettati nnotifikati lil awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 3 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 1(1) bla ħsara għal xi disposizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

2.   Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġgettati.”

11

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jgħid:

“Din id-Direttiva ma għandiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.”

Id-dritt Spanjol

12

Bis-saħħa tal-Artikolu 49(1)(c) tal-liġi dwar l-istatus tal-ħaddiema (Ley del Estatuto de los Trabajadores), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ET”), il-kuntratt ta’ xogħol jispiċċa bl-iskadenza tat-terminu konvenut jew bit-twettiq tal-kompitu jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt.

13

L-Artikolu 51 tal-ET jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dak li tistabbilixxi din il-liġi, tkeċċija kollettiva tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew ta’ produzzjoni, sakemm, matul perijodu ta’ 90 jum, din it-terminazzjoni tirrigwarda tal-inqas:

a)

10 ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw inqas minn 100 ħaddiem;

b)

10 % tan-numru ta’ ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw bejn 100 u 300 ħaddiem;

c)

30 ħaddiem f’impriżi li jimpjegaw iktar minn 300 ħaddiem.

Ir-raġunijiet ekonomiċi għandhom jitqiesu li ġew stabbiliti meta sitwazzjoni ekonomika negattiva tkun apparenti mill-prestazzjoni finanzjarja tal-impriża, bħal fejn it-telf jiġi attwalment soffert jew previst jew meta jkun hemm tnaqqis persistenti fid-dħul jew bejgħ ordinarju. Fi kwalunkwe każ, tnaqqis għandu jitqies li jkun persistenti jekk, għal tliet trimestri konsekuttivi, il-limitu ta’ dħul jew bejgħ ordinarju f’kull trimestru jkun iktar baxx minn dak irreġistrat fl-istess trimestru tas-sena preċedenti [...].

Il-kawżi jitqiesu li jkunu tekniċi meta jseħħu bidliet, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-mezzi jew tal-għodda ta’ produzzjoni; il-kawżi jitqiesu li jkunu relatati mal-organizzazzjoni meta jseħħu bidliet, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sistemi jew tal-metodi ta’ xogħol tal-persunal jew fil-mod ta’ organizzazzjoni u l-kawżi jitqiesu li jkunu relatati mal-produzzjoni meta l-bidliet iseħħu b’mod partikolari fid-domanda tal-prodotti jew tas-servizzi li l-impriża tkun trid tqiegħed fis-suq.

Titqies ukoll li tkun tkeċċija kollettiva t-terminazzjoni tal-kuntratti tal-persunal kollu tal-impriża, bil-kundizzjoni li n-numru ta’ ħaddiema affettwati jkun iktar minn ħamsa, meta jirriżulta mill-waqfien sħiħ tal-attività tal-impriża, għall-istess kawżi indikati iktar ’il fuq.

Biex jiġi kkalkolat in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha titqies kull terminazzjoni oħra li ġrat fil-perijodu ta’ riferiment fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega, għal raġunijiet oħrajn, li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati u li jkunu differenti mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 49(1)(c) ta’ din il-liġi, iżda n-numru ta’ terminazzjonijiet għandu jkun mill-inqas ħamsa.

Meta, matul il-perijodi suċċessivi ta’ 90 ġurnata u sabiex jiġu evażi d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, l-impriża tittermina kuntratti taħt l-Artikolu 52(c) ta’ din l-liġi f’numru inferjuri għal-limiti indikati u mingħajr ma jkun hemm kawża ġdida li tiġġustifika l-azzjoni tagħha, dawn it-terminazzjonijiet jitqiesu li jkunu twettqu b’mod frawdolenti taħt il-liġi u jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

2.   It-tkeċċija kollettiva għandha tiġi ppreċeduta minn perijodu ta’ konsultazzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għal tul massimu ta’ 30 ġurnata ċivili jew ta’ 15-il ġurnata għall-impriżi b’inqas minn 50 ħaddiem. Il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti legali għandha tirrigwarda, mill-inqas, il-possibbiltà li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet u li jittaffu l-konsegwenzi tal-miżuri soċjali li jmorru magħhom, bħall-miżuri ta’ riklassifikazzjoni jew ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ riċiklaġġ professjonali sabiex titjieb il-possibbiltà ta’ impjieg mill-ġdid.

L-imprenditur għandu jikkomunika l-ftuħ tal-perijodu ta’ konsultazzjoni bil-miktub lir-rappreżentanti legali tal-ħaddiema, b’kopja lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg. Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

a)

l-indikazzjoni tal-kawżi tat-tkeċċija kollettiva skont il-paragrafu 1;

Il-komunikazzjoni inkwistjoni għandha jkollha magħha nota ta’ spjega tal-kawżi tat-tkeċċija kollettiva u ta’ aspetti oħra msemmija fl-inċiż preċedenti

[...]

Meta jiskadi l-perijodu ta’ konsultazzjonijiet, l-imprenditur għandu jikkomunika r-riżultat lill-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg. Jekk ikun intlaħaq ftehim, huwa jittrażmetti kopja sħiħa. Fil-każ kuntrarju, huwa jgħadd f’idejn ir-rappreżentanti legali u l-awtorità ta’ ħarsien tal-impjieg id-deċiżjoni finali tat-tkeċċija kollettiva li jkun adotta, bil-kundizzjonijiet ta’ din it-tkeċċija.

[...]”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

A. Rabal Cañas kien jaħdem, mill-14 ta’ Jannar 2008, bħala aġent ikkwalifikat ta’ Nexea, kumpannija li kienet tagħmel parti mill-grupp kummerċjali Correos, li l-kapital tiegħu huwa proprjetà ta’ Sociedad Estatal de Participaciones Industriales (SEPI). Din tal-aħħar hija kumpannija pubblika kummerċjali li taqa’ taħt il-Ministerio de Hacienda y Administraciones Públicas (ministeru tal-ekonomija u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi), li l-għan tagħhom huwa li jamministraw u li jisfruttaw l-ishma ta’ natura kummerċjali li jiġu assenjati lilha mill-gvern.

15

Fix-xahar ta’ Lulju 2012, Nexea kellha żewġ stabbilimenti, f’Madrid u f’Barcelona (Spanja), li kienu jimpjegaw, rispettivament, 164 u 20 persuna. F’Lulju 2012, din l-impriża keċċiet 14-il impjegat tal-istabbiliment ta’ Madrid, filwaqt li invokat tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ matul tliet trimestri konsekuttivi kif ukoll telf sostnut matul is-sena 2011 u dawk previsti għas-sena 2012. L-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jikkontestaw dawn it-tkeċċijiet ġew miċħuda.

16

Fix-xahar ta’ Awwissu 2012, ġew itterminati żewġ kuntratti ta’ impjegati tal-istabbiliment ta’ Barcelona u, fix-xahar ta’ Settembru 2012, dak ta’ impjegat tal-istabbiliment ta’ Madrid.

17

Fix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2012, seħħu t-terminazzjonijiet ta’ ħames kuntratti ta’ xogħol oħra, tlieta fl-istabbiliment ta’ Madrid u tnejn oħra f’dak ta’ Barcelona, minħabba l-iskadenza tal-kuntratti għal żmien iddeterminat li kienu ġew konklużi sabiex ilaħħqu ma’ żieda fil-produzzjoni.

18

Fl-20 ta’ Diċembru 2012, A. Rabal Cañas u 12-il impjegat ieħor tal-istabbiliment ta’ Barcelona ġew informati bit-tkeċċija tagħhom għal raġunijiet ekonomiċi u marbuta mal-produzzjoni kif ukoll mal-organizzazzjoni li ġiegħlu lil Nexea tagħlaq l-imsemmi stabbiliment u tittrasferixxi l-bqija tal-persunal lejn Madrid. Ir-raġunijiet invokati kienu, sostanzjalment, l-istess bħal dawk allegati matul it-tkeċċijiet li seħħu matul ix-xahar ta’ Lulju 2012.

19

A. Rabal Cañas ikkontesta t-tkeċċija tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, u invoka n-nullità tagħha, għar-raġuni li Nexea kienet, b’mod frawdolenti, evitat l-applikazzjoni tal-proċedura dwar it-tkeċċijiet kollettivi li, bis-saħħa tad-Direttiva 98/59, kellha natura mandatorja.

20

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqis, minn naħa, li Nexea kellha tirrikorri għal din il-proċedura, għaliex l-għeluq tal-istabbiliment ta’ Barcelona, li fix-xahar ta’ Diċembru 2012 kien ikkawża 16-il terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol, seta’ jitqies li jikkostitwixxi tkeċċija kollettiva, filwaqt li dan l-għeluq u t-tkeċċija tal-persunal kollu jistgħu jiġu assimilati għall-għeluq tal-impriża jew għat-terminazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali tagħha.

21

A. Rabal Cañas isostni, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-fatt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet kollha tal-kuntratti ta’ xogħol, inklużi wkoll dawk tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat, il-limitu ddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 98/59, u lil hinn minnha l-proċedura dwar it-tkeċċija kollettiva hija mandatorja, kien intlaħaq.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kunċett ta’ “redundancies kollettivi”, iddefinit fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, peress li jinkludi t-tkeċċijiet kollha mwettqa minn persuna li timpjega għal raġuni waħda jew iktar mhux marbuta mal-persuna tal-ħaddiema, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi, kif tagħmel il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-portata ta’ dan il-kunċett għat-terminazzjonijiet minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni.

23

It-tieni nett, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet neċessarji sabiex il-klassifikazzjoni ta’ “redundancies kollettivi” tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jirriżultaw mill-iskadenza tat-terminu tal-kuntratti ta’ xogħol individwali.

24

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva t-tkeċċijiet kollettivi mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din l-eċċezzjoni hija ddefinita esklużivament mill-kriterju strettament kwantitattiv li jidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jew jekk hija teżiġix li l-kawża tat-terminazzjoni kollettiva tar-relazzjoni ta’ xogħol tirriżulta mill-istess kuntest ta’ reklutaġġ kollettiv għall-istess żmien jew għal l-istess kompitu.

25

Din il-qorti tippreċiża, għal dak li jirrigwarda dawn it-tliet kwistjonijiet, li, skont ir-risposti li ser jingħatawlhom, il-5 terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol li seħħew matul ix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2012, minħabba n-natura temporanja ta’ dawn il-kuntratti, ikunu jistgħu jiġu miżjuda mat-13-il tkeċċija mwettqa fix-xahar ta’ Diċembru 2012, li fosthom hemm dik ta’ A. Rabal Cañas. Minn dan jirriżulta numru totali ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol ekwivalenti għal 18 matul perijodu ta’ 90 ġurnata, liema numru huwa iktar minn 10 % tal-effettivi, u, għaldaqstant, klassifikazzjoni tagħhom ta’ “redundancies kollettivi”.

26

Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifiki dwar il-kunċett ta’ “stabbiliment”, li jidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59. Fil-fatt, jekk il-limitu ta’ 10 ħaddiema kellu jiġi applikat għall-istabbiliment ta’ Barcelona, it-tkeċċija tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tat-12-il impjegat ieħor ikkonċernat, li seħħet fl-istess data, kellhom jiġu kklassifikati bħala “redundancies kollettivi”.

27

F’dan ir-rigward, din il-qorti żżid li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi wkoll ikklassifikata bħala “redundancies kollettivi” t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu tal-impriża, bil-kundizzjoni li n-numru ta’ ħaddiema kkonċernati jkun iktar minn 5, meta hija tirriżulta mill-waqfien totali tal-attività tagħha. Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmija qorti, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti trattament differenti lit-tkeċċijiet li jirriżultaw mill-għeluq ta’ stabbiliment ta’ impriża.

28

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju trid issir taf jekk l-Artikoli 1(1) u 5 tad-Direttiva 98/59 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tqabbel il-limitu numeriku previst esklużivament għall-impriża kollha, bl-esklużjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom dan il-limitu jkun inqabeż jekk l-istabbiliment ikun intgħażel bħala unità ta’ riferiment.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (qorti tax-xogħol Nru 33 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Peress li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ‘tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati’, skont il-limitu numeriku indikat, il-kunċett ta’ ‘redundancies kollettivi’ stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 59/51 għandu jiġi interpretat — fid-dawl tal-portata [tal-UE] tiegħu — fis-sens li jipprekludi jew jopponi li r-regola ta’ integrazzjoni jew ta’ traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett għal tipi partikolari ta’ terminazzjoni, jiġifieri dawk għal raġunijiet ‘ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew produttivi’, kif jagħmel l-Artikolu 1(1) tal-[ET]?

2)

Għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex każ ta’ ‘redundancy kollettiva’ skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 — kemm jekk ‘tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem’ (subparagrafu a) jew ta’ termini [terminazzjonijiet] ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem [il-punt (a) tal-ewwel subartikolu tal-Artikolu 1(1)] għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies’ (it-tieni subparagrafu) — għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet individwali dovuti għall-iskadenza ta’ kuntratt għal żmien iddeterminat (konkluż għal perijodu ta’ żmien, kompitu jew servizz miftehma minn qabel) kif hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 49(1)(c) tal-[ET]?

3)

Il-kunċett ta’ ‘redundancies kollettivi effettwati taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perjodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi’ imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59, li jippermetti li tali direttiva ma tapplikax, huwa esklużivament iddefinit bil-kriterju strettament kwantitattiv tal-Artikolu [1(1)(a)] jew jeħtieġ barra minn hekk li l-klawżola tat-terminazzjoni kollettiva tirriżulta mill-istess qafas ta’ reklutaġġ kollettiv għall-istess tul, għall-istess servizz jew għall-istess kompitu?

4)

Bħala ‘kunċett tad-dritt [tal-UE]’ essenzjali għad-definizzjoni ta’ ‘redundancies kollettivi’, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, u fid-dawl tal-istandard minimu ta’ din id-direttiva, stabbilit fl-Artikolu 5 tagħha, il-kunċett ta’ ‘stabbiliment’ jawtorizza interpretazzjoni li tippermetti li r-regola ta’ traspożizzjoni u ta’ integrazzjoni fil-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru — l-Artikolu 1(1) tal-[ET] fil-każ ta’ Spanja — torbot il-kamp tal-kalkolu tal-livell numeriku esklużivament mal-‘impriża’ fl-intier tagħha, bl-esklużjoni ta’ sitwazzjonijiet fejn, kieku l-‘istabbiliment’ tqies bħala unità ta’ referenza, il-livell numeriku previst minn din id-dispożizzjoni kien jiġi eċċess? Fil-kuntest tal-Artikolu 1(98)(a)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 59/1/KE, il-kelma ‘stabbiliment’ għandha l-istess tifsira bħal dik fil-kuntest tal-[ewwel subparagrafu (a) tal-]Artikolu 1(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-deċiżjoni tagħha, li tissottometti l-kawża għal proċedura mħaffa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda bid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Rabal Cañas (C-392/13, EU:C:2013:877).

31

B’ittra tal-10 ta’ Frar 2015, il-qorti tar-rinviju kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fil-5 ta’ Frar 2015. Billi qieset li l-Avukat Ġenerali kien naqas milli jipproponi risposta għar-raba’ domanda magħmula f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tistieden lill-Avukat Ġenerali jikkompleta l-konklużjonijiet tiegħu jew, sussidjarjament, li tammetti l-osservazzjonijiet tagħha bħala kjarifiki taħt l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura.

32

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet jew għall-qorti tar-rinviju, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi mill-possibbiltà li titlob kjarifika lill-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq ir-raba ’ domanda

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li l-ewwel nett tiġi eżaminata r-raba’ domanda.

34

Il-gvern Spanjol iqis li r-raba’ domanda hija inammissibbli, peress li, f’dan il-każ, id-Direttiva 98/59 ma hijiex applikabbli.

35

Dan il-gvern isostni li l-kriterji previsti minn din id-direttiva ma jippermettux li tiġi kkonstatata, fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ każ ta’ tkeċċija kollettiva. Huwa jfakkar li d-Direttiva 98/59 tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fl-Artikolu 1 tagħha, billi ssemmi, fis-subparagrafu (1)(a)(i) ta’ dan l-artikolu, unikament l-istabbilimenti li normalment jimpjegaw iktar minn 20 persuna jew, fis-subparagrafu (1)(a)(ii) tal-imsemmi artikolu, il-każijiet li fihom it-tkeċċijiet jikkonċernaw mill-inqas 20 persuna. Peress li l-istabbiliment ta’ Barcelona ma jilħaq l-ebda waħda minn dawn il-limiti, din id-domanda hija, skont l-imsemmi gvern, ipotetika.

36

Issa, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, EU:C:2013:853, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Il-gvern Spanjol iqis li rrikorra għall-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 meta introduċa dispożizzjonijiet leġiżlattivi ddestinati li jkunu iktar favorevoli għall-ħaddiema. Huwa, b’mod partikolari, iddetermina bħala unità ta’ riferiment mhux biss l-istabbiliment, imma l-impriża. Peress li l-kalkolu tal-limiti fil-livell tal-impriża jista’ jostakola l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni prevista minn din id-direttiva għat-tkeċċijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata hijiex konformi mal-imsemmija direttiva.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula ma tistax titqies li hija ipotetika.

39

Konsegwentement, ir-raba’ domanda għandha titqies li hija ammissibbli.

40

B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “redundancies kollettivi” billi tuża bħala unika unità ta’ riferiment l-impriża u mhux l-istabbiliment.

41

Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi l-ewwel nett li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “stabbiliment”.

42

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “stabbiliment”, li ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 98/59, jikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax jiġi ddefinit mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rockfon, C-449/93, EU:C:1995:420, punt 25). Huwa għandu, minħabba f’hekk, jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Chartopoiïa, C-270/05, EU:C:2007:101, punt 23).

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett ta’ “stabbiliment” jew ta’ “stabbilimenti” li jidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

44

Fil-punt 31 tas-sentenza Rockfon (C-449/93, EU:C:1995:420), il-Qorti tal-Ġustizzja, hija u tirreferi għall-punt 15 tas-sentenza Botzen et, (186/83, EU:C:1985:58), osservat li r-relazzjoni ta’ xogħol hija essenzjalment ikkaratterizzata bir-rabta li teżisti bejn il-ħaddiem u l-parti tal-impriża li lilha jkun assenjat sabiex jeżerċita l-kompitu tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza Rockfon (C-449/93, EU:C:1995:420), li hemm lok li tinterpreta l-kunċett ta’ “stabbiliment” li jidher fl--ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 bħala li jindika, skont iċ-ċirkustanzi, l-unità li lilha l-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija jkunu assenjati sabiex jeżerċitaw il-kompitu tagħhom. Il-fatt li l-unità inkwistjoni jkollha direzzjoni li tkun tista’ twettaq b’mod indipendenti tkeċċijiet kollettivi ma hijiex essenzjali għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment”.

45

Fis-sentenza Athinaïki Chartopoiïa (C‑270/05, EU:C:2007:101), il-Qorti tal-Ġustizzja tat informazzjoni supplimentari għall-kunċett ta’ “stabbiliment”, b’mod partikolari billi ddeċidiet, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, tista’ tikkostitwixxi “stabbiliment”, fil-kuntest ta’ impriża, entità distinta, li jkollha ċerta permanenza u stabbiltà, li tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ kompitu wieħed jew iktar kompiti ddeterminati u li tiddisponi minn numru ta’ ħaddiema kif ukoll mill-mezzi tekniċi u ċerta struttura organizzattiva li jippermettulha twettaq dawn il-kompiti.

46

Permezz tal-kliem “entità distinta” u “fil-kuntest ta’ impriża”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “stabbiliment” huma differenti u li l-istabbiliment jikkostitwixxi parti minn impriża. Dan madankollu ma jeskludix li, fil-każ li l-impriża ma jkollhiex diversi unitajiet distinti, l-istabbiliment u l-impriża jistgħu jikkoinċidu.

47

Fil-punt 28 tas-sentenza Athinaïki Chartopoiïa (C‑270/05, EU:C:2007:101), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li peress li d-Direttiva 98/59 tkopri l-effetti soċjo‑ekonomiċi li t-tkeċċijiet kollettivi jistgħu jipprovokaw f’kuntest lokali u f’ambjent soċjali ddeterminat, l-entità inkwistjoni ma għandhiex neċessarjament ikollha xi awtonomija ġuridika jew awtonomija ekonomika, finanzjarja, amministrattiva jew teknoloġika sabiex tiġi kklassifikata bħala “stabbiliment”.

48

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi Lyttle et (C-182/13, EU:C:2015:291, punt 35) kif ukoll USDAW u Wilson (C‑80/14, EU:C:2015:291, punt 54), li t-tifsira tal-kelmiet “stabbiliment” jew “stabbilimenti” li jidhru fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu (1) tad-Direttiva 98/59 hija l-istess bħal dawk tal-kelmiet “stabbiliment” jew “stabbilimenti” li jidhru fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ din id-direttiva.

49

Konsegwentement, meta “impriża” tinkludi diversi entitajiet li jissodisfaw il-kriterji indikati fil-punti 44, 45 u 47 ta’ din is-sentenza, hija l-entità li lilha l-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija ġew assenjati sabiex jeżerċitaw il-kompiti tagħhom li tikkostitwixxi l-“[i]stabbiliment” fis-sens tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 u li tagħha għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ tkeċċijiet imwettqa separatament minn dawk li seħħu fl-istabbilimenti l-oħra ta’ din l-istess impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lyttle et, C-182/13, EU:C:2015:291, punt 33, kif ukoll USDAW u Wilson, C-80/14, EU:C:2015:291, punt 52).

50

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet sottomessi mill-gvern Spanjol, u din hija ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jirriżulta li, fil-mument tat-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Nexea kienet teżerċita attività kummerċjali tagħha ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kunsinna ibrida f’żewġ stabbilimenti, ibbażati f’Madrid u f’Barcelona. Għalkemm dawn iż-żewġ stabbilimenti kienu jiddisponu minn persuna responsabbli waħda għall-produzzjoni, ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni baġitarja komuni, u kienu jeżerċitaw funzjonijiet essenzjalment identiċi, jiġifieri l-istampar, it-trattament u t-tqegħid f’pakkett tal-kunsinna, l-istabbiliment ta’ Barcelona kellu madankollu kap ta’ stabbiliment, imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-istabbiliment ta’ Madrid, u li kien responsabbli għall-koordinazzjoni tax-xogħol fil-post. L-istabbiliment ta’ Barcelona kien infetaħ bl-iskop li jkabbar il-kapaċità ta’ Nexea li tmexxi l-kunsinna lill-klijenti tagħha u, b’mod partikolari, sabiex tmexxi l-ordnijiet tal-klijenti lokali tal-impriża.

51

Għaldaqstant, l-istabbiliment ta’ Barcelona jista’ jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, iċċitati fil-punti 44, 45 u 47 ta’ din is-sentenza, dwar il-kunċett ta’ “stabbiliment” li jidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

52

Is-sostituzzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment” b’dak ta’ “impriża” jista’ jitqies li huwa favorevoli għall-ħaddiema biss bil-kundizzjoni li dan l-element ikun addizzjonali u ma jimplikax it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fil-każ fejn, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ stabbiliment, in-numru ta’ tkeċċijiet mitlub fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ “redundancies kollettivi” jintlaħaq.

53

B’hekk, iktar speċifikament, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies li tkun konformi mal-ewwel subparagafu (a) (i) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 biss jekk tipprevedi l-applikazzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li jirriżultaw mill-Artikoli 2 sa 4 tagħha, mill-inqas, fil-każ ta’ tkeċċija ta’ 10 ħaddiema fl-istabbilimenti li jimpjegaw normalment iktar minn 20 u inqas minn 100 ħaddiem. Dan l-obbligu huwa indipendenti mir-rekwiżiti addizzjonali, li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, imposti fuq l-impriżi li jimpjegaw normalment inqas minn 100 ħaddiem.

54

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi, bħala unità unika ta’ riferiment, l-impriża u mhux l-istabbiliment, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jkollha bħala konsegwenza li tostakola l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva, filwaqt li, kieku ġie użat l-istabbiliment bħala unità ta’ riferiment, it-tkeċċijiet ikkonċernati kienu jridu jiġu kklassifikati bħala “tkeċċijiet kollettivi” fid-dawl tad-definizzjoni li tidher fl- fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

55

F’dan il-każ, mill-proċess li tiddisponi minnu l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tkeċċijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jilħqux il-limitu ta’ applikazzjoni previst fl-ewwel subparagafu (b) tal-Artikolu 51(1) tal-ET, fil-livell tal-impriża, li tinkludi ż-żewġ stabbilimenti ta’ Nexea stabbiliti f’Madrid u f’Barcelona. Peress li dan l-aħħar stabbiliment ma kienx jimpjega, matul il-perijodu kkonċernat, iktar minn 20 ħaddiem, jidher li l-limitu ta’ applikazzjoni previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagafu (a) (i) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, u lanqas il-limitu l-ieħor previst fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-direttiva, ma ntlaħaq.

56

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 98/59 ma teżiġix l-applikazzjoni tal-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tagħha għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha ta’ livell ta’ applikazzjoni previsti minn din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti.

57

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ntqalu jirriżulta li l-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi, bħala unika unità ta’ referenza, l-impriża u mhux l-istabbiliment, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jkollha bħala konsegwenza li tostakola l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva ma ssirx applikabbli, filwaqt li, kieku ġie użat l-istabbiliment bħala unità ta’ riferiment, it-tkeċċijiet ikkonċernati kienu jridu jiġu kklassifikati bħala “tkeċċijiet kollettivi” fid-dawl tad-definizzjoni li tidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ewwel domanda

58

Peress li l-eżami tar-raba’ domanda wera li d-Direttiva 98/59, f’din il-kawża, ma hijiex applikabbli għal dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

Fuq it-tieni domanda

59

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni li tkeċċijiet kollettivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikunu seħħu, hemm lok li jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, fil-każ fejn dawn it-terminazzjonijiet iseħħu fid-data ta’ skadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol jew fid-data li fih dan il-kompitu jkun twettaq.

60

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59, li jgħid li din id-direttiva ma tapplikax għat-tkeċċijiet kollettivi mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, ħlief jekk dawn it-tkeċċijiet iseħħu qabel l-iskadenza jew it-twettiq ta’ dawn il-kuntratti. Hija tissuġġerixxi li, billi uża l-kliem “redundancies kollettivi” li jidhru f’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla, a contrario, miftuħa l-possibbiltà li jiġu inklużi, fil-kunċett ta’ “redundancies kollettivi” li jidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, it-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti.

61

Għalkemm huwa minnu li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59 tikkonċerna unikament it-tkeċċijiet kollettivi, jiġifieri dawk li n-numru tagħhom jilħaq limitu ddeterminat, ma huwiex possibbli li minnu wieħed jiddeduċi, a contrario, li t-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat ma għandhomx ikunu iktar esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

62

Madankollu, din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 tat-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat tirriżulta b’mod ċar mit-test u mill-istruttura ta’ din id-direttiva.

63

Fil-fatt, dawn il-kuntratti jispiċċaw mhux b’inizjattiva tal-persuna li timpjega, imma bis-saħħa tal-klawżoli li jkollhom jew bis-saħħa tal-liġi applikabbli, fid-data tal-iskadenza tagħhom jew fid-data tat-twettiq tal-kompitu li għalih ikunu ġew konklużi. Għaldaqstant, ikun inutli li wieħed isegwi l-proċeduri previsti fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 98/59. B’mod partikolari, l-għan li jiġu evitati t-tkeċċijiet jew li jitnaqqas in-numru tagħhom u li jinstabu l-possibbiltajiet li jittaffu l-konsegwenzi ma jkun bl-ebda mod jista’ jintlaħaq f’dak li jirrigwarda t-tkeċċijiet li jirriżultaw minn dawn it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti.

64

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni evokata fit-tieni frażi tal-punt 60 ta’ din is-sentenza twassal għar-riżultat paradossali li bih it-tkeċċijiet kollettivi li jirriżultaw minn terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, u li jseħħu fl-okkażjoni tat-tmiem jew tat-twettiq ta’ dawn il-kuntratti, ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, filwaqt li dawk it-terminazzjonijiet, meħuda individwalment, ma jkunux esklużi.

65

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li integrazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tat-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat tkun utli għall-finijiet li jsir stħarriġ tal-ġustifikazzjoni tagħhom.

66

F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, għalkemm id-Direttiva 98/59 ma għandhiex dan l-istħarriġ bħala għan, hemm testi speċifiċi, bħal, b’mod partikolari, id-Direttivi 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2003, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 4, p. 219), u 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 3, p. 368).

67

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ntqalu jirriżulta li għandha tingħata risposta lit-tieni domanda li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-fini li jiġi kkonstatat li “redundancies kollettivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikunu seħħu, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, fil-każ li dawn it-terminazzjonijiet iseħħu fid-data ta’ skadenza tal-kuntratt jew fid-data li fiha jkun twettaq dak il-kompitu.

Fuq it-tielet domanda

68

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tkeċċijiet kollettivi mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, huwa neċessarju li l-kawża ta’ dawn it-tkeċċijiet kollettivi tirriżulta mill-istess kuntest ta’ reklutaġġ kollettiv għall-istess żmien jew għall-istess kompitu.

69

Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “redundancies kollettivi”, kif jirriżulta mill-kliem introduttiv tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59, huwa ddefinit għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva meħuda kollha kemm hi, inklużi l-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tagħha. B’hekk, l-interpretazzjoni mitluba ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tista’ tillimita wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59.

70

Issa, fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, il-leġiżlatur uża unikament kriterju kwalitattiv wieħed, jiġifieri dak li bih il-kawżi tat-tkeċċija għandhom ikunu “mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati”. Huwa ma ppreveda l-ebda rekwiżit ieħor f’dak li jirrigwarda kemm it-tnissil tar-relazzjoni ta’ xogħol kif ukoll it-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni. Billi llimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, dawn ir-rekwiżiti jistgħu jippreġudikaw l-għan tal-imsemmija direttiva li huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessa (2) ta’ din tal-aħħar, li jipproteġi lill-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi.

71

Għaldaqstant, rekwiżiti bħal dawk imsemmija fit-tielet domanda ma jistgħux jitqiesu li huma ġġustifikati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal- Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59.

72

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ntqalu jirriżulta li għandha tingħata risposta lit-tielet domanda li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tkeċċijiet kollettivi mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, ma huwiex neċessarju li l-kawża ta’ dawn it-tkeċċijiet kollettivi tirriżulta mill-istess kuntest ta’ reklutaġġ kollettiv għall-istess żmien jew l-istess kompitu.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar “redundancies kollettivi”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi, bħala unika unità ta’ referenza, l-impriża u mhux l-istabbiliment, meta l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jkollha bħala konsegwenza li tostakola l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva, filwaqt li, kieku ġie użat l-istabbiliment bħala unità ta’ riferiment, it-tkeċċijiet ikkonċernati kienu jridu jiġu kklassifikati bħala “tkeċċijiet kollettivi” fid-dawl tad-definizzjoni li tidher fl-ewwel subparagafu (a) tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

 

2)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-fini li jiġi kkonstatat li “redundancies kollettivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, seħħu, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-terminazzjonijiet individwali ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, fil-każ li dawn it-terminazzjonijiet iseħħu fid-data ta’ skadenza tal-kuntratt jew fid-data li fiha jkun twettaq dak il-kompitu.

 

3)

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tkeċċijiet kollettivi mwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien jew għal kompitu ddeterminat, ma huwiex neċessarju li l-kawża ta’ dawn it-tkeċċijiet kollettivi tirriżulta mill-istess kuntest ta’ reklutaġġ kollettiv għall-istess żmien jew l-istess kompitu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.