SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 75/442/KEE — Immaniġġar ta’ skart — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260(2) TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Somma f’daqqa u pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C-378/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia, E. Sanfrutos Cano u A. Alcover San Pedro, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, assistita minn V. Liogkas, espert tekniku, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, E. Jarašiūnas, C.G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑502/03, EU:C:2005:592), mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2005, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni l-pagamenti ta’ penalità proposti ta’ EUR 71 193.60 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), dekorribbli mill-jum tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti sal-jum tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592);

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 7 786.80 għal kull jum b’effett mill-jum tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) sal-jum tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti jew sal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), jekk tali eżekuzzjoni ssir qabel l-għoti tas-sentenza, u

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”):

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent [...]

[...]

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.”

3

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 kien jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-detenturi tal-iskart jipproċessawh permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku, jew inkella permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Anness II A jew II B ta’ din id-direttiva, jew jirkuprawh jew jiddisponu minnu huma stess skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

4

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 75/442 kien jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-istabbilimenti jew l-impriżi kollha li xogħlhom kien li jipproċessaw l-iskart kellhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 9(2) ta’ din l-istess direttiva kien jippreċiża li dawn il-permessi setgħu jingħataw għal perijodu determinat, setgħu jiġġeddu, setgħu jinkludu rekwiżiti u obbligi jew, b’mod partikolari, jekk il-metodu ta’ eliminazzjoni previst ma kienx aċċettabbli mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent, setgħu jiġu rrifjutati.

5

Id-Direttiva 75/442 ġiet ikkodifikata mid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), li, sussegwentement, ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3). L-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 ġew essenzjalment riprodotti fl-Artikoli 13, 36(1), 15 u 23 tad-Direttiva 2008/98.

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja

6

Wara lmenti, mistoqsijiet u rapporti tal-Parlament Ewropew dwar l-eżistenza ta’ landfills illegali u mhux ikkontrollati fil-Greċja kif ukoll dwar l-inosservanza tad-Direttiva 75/442, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE, li issa hija prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Fis-26 ta’ Novembru 2003, peress li qieset li t-terminu previst fl-opinjoni motivata tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2002 kien skada mingħajr ma r-Repubblika Ellenika ma kienet ikkonformat ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 8 u 9 tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

7

Ir-Repubblika Ellenika ma kkontestatx l-ilmenti li ġew allegati fil-konfront tagħha u rrikonoxxiet li, fi Frar 2004, 1125 siti ta’ rimi ta’ skart mhux ikkontrollati kienu għadhom joperaw fit-territorju tagħha u li l-għeluq tal-landfills kollha illegali u mhux ikkontrollati ma kienx previst qabel is-sena 2008, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

8

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-fondatezza tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie ppreżentat quddiemha. Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“Billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tal-Artikoli 4, 8, u 9 tad-[Direttiva 75/442], ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9

Wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) fis-6 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika, fl-14 ta’ Novembru 2005, li permezz tagħha talbet lil dan l-Istat Membru jinformaha bil-miżuri li huwa kien ħa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza.

10

Ir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2006, informat lill-Kummissjoni li l-pjan nazzjonali ta’ mmaniġġjar tal-iskart kien ġie emendat fid-dawl tal-għeluq u tar-riabilitazzjoni tas-siti ta’ rimi tal-iskart mhux ikkontrollati (iktar ’il quddiem il-“landfills illegali”) u tas-sostituzzjoni tagħhom b’installazzjonijiet xierqa ta’ mmaniġġar ta’ skart. Dan kien japplika wkoll għall-pjanijiet reġjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart li kienu fil-proċess li jiġu emendati jew aġġornati. Fir-risposta tagħhom, l-awtoritajiet Griegi sostnew ukoll li, fid-dawl ta’ inventarju tal-landfills illegali u tal-klassifikazzjoni tagħhom abbażi tal-perikolu tagħhom, il-Ministru tal-Ambjent, tal-Iżvilupp tat-Territorju u tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien adotta linji gwida dwar it-tfassil ta’ studji ta’ riabilitazzjoni.

11

Waqt “laqgħa kollettiva” tas-6 ta’ April 2006, l-imsemmija awtoritajiet ipprovdew informazzjoni dwar l-istat tal-progress tat-twettiq tal-programm ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni tal-landfills illegali u inkarigaw ruħhom li jinformaw regolarment lill-Kummissjoni bil-progress imwettaq fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592).

12

Fl-ittri tagħhom tad-29 ta’ Mejju 2006, tal-25 ta’ Ottubru 2006, tat-2 ta’ Frar 2007, tal-21 ta’ Mejju 2007, tal-25 ta’ Settembru 2007, tal-5 ta’ Mejju 2008 u tat-13 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni bil-progress imwettaq fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji għal din l-eżekuzzjoni.

13

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lil dawn l-awtoritajiet informazzjoni fid-dettall u aġġornata dwar l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-landfills illegali. Barra minn hekk, bħala risposta għal mistoqsija min-naħa tal-Kummissjoni waqt il-“laqgħa kollettiva” tat-8 ta’ April 2008, l-imsemmija awtoritajiet ittrażmettew, b’ittri tal-5 ta’ Mejju u tat-13 ta’ Ottubru 2008, pjanijiet reġjonali tal-immaniġġar tal-iskart għal tnax-il reġjun.

14

Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2009 tal-Viċi Ministru tal-Intern u tal-President tal-Kumitat Interministerjali inkarigat bil-proġetti ta’ mmaniġġar tal-iskart, ġew indirizzati żewġ rapporti lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-proġetti tal-immaniġġar tal-iskart, jiġifieri r-riabilitazzjoni tal-landfills illegali u s-sostituzzjoni tagħhom b’installazzjonijiet xierqa ta’ mmaniġġar tal-iskart.

15

Billi qieset li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ikkonformat ruħha b’mod sħiħ mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fil-15 ta’ April 2009, ittra ta’ intimazzjoni, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE, li issa hija prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, li permezz tagħha hija tat lill-imsemmi Stat Membru l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fi żmien xahrejn.

16

L-awtoritajiet Griegi rrispondew għal din l-ittra ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ April 2009 permezz ta’ ittri tat-2 ta’ Ġunju 2009, tas-17 ta’ Lulju 2009 u tat-18 ta’ Mejju 2010.

17

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, peress li kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx żgurat li l-landfills illegali kollha li kienu jeżistu fit-territorju Grieg jingħalqu u jiġu riabilitati, il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, li permezz tagħha hija reġgħet tat lill-imsemmi Stat Membru l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn. Skont il-Kummissjoni, in-numru ta’ landfills illegali li kellhom jiġu riabilitati kien jammonta għal 750, u 316 fosthom kien għad iridu jingħalqu.

18

Fis-27 ta’ Lulju 2011, fit-12 ta’ April 2012, fit-8 ta’ Novembru 2012 u fil-5 ta’ April 2013, l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni rapporti suċċessivi rigward il-progress ta’ proġetti ta’ mmaniġġar tal-iskart u, partikolarment, ir-rijabilitazzjoni tal-landfills illegali u s-sostituzzjoni tagħhom b’installazzjonijiet xierqa ta’ mmaniġġar tal-iskart.

19

Peress li kkunsidrat li kien għad hemm problema strutturali, fir-rigward kemm tan-numru ta’ landfills mhux ikkontrollati kif ukoll tal-assenza ta’ numru suffiċjenti ta’ siti ta’ rimi tal-iskart adattati, u li, konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx eżegwixxiet is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-21 ta’ Frar 2013, li tippreżenta dan ir-rikors.

20

Fit-18 ta’ Ġunju 2013, l-awtoritajiet Griegi kkomunikaw lill-Kummissjoni t-tmien rapport dwar il-progress tal-proġetti tal-immaniġġar tal-iskart li, fir-rigward tal-landfills illegali, kien jindika li 73 fosthom kienu għadhom joperaw u li 292 landfills illegali, minkejja li ma kinux għadhom joperaw, ma kinux ġew riabilitati.

21

Bħala risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni informawha, fit-13 u fil-15 ta’ Mejju 2014 rispettivament li, minn total ta’ 293 landfill illegali, 70 kienu għadhom joperaw u 223, minkejja li ma kinux għadhom joperaw, ma kinux għadhom ġew riabilitati.

Fuq in-nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

22

Il-Kummissjoni ssostni li, matul il-proċeduri relatati mal-Kawża C‑502/03, li fil-kuntest tagħha r-Repubblika Ellenika ma kinitx ikkontestat l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fih innifsu, din tal-aħħar kienet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ 2 180 landfill illegali matul l-istadju tal-ittra ta’ intimazzjoni u ta’ 1 458 landfill illegali matul l-istadju tal-opinjoni motivata. Din l-istituzzjoni tirrileva li, sa mill-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), u b’mod partikolari mis-sena 2009, l-awtoritajiet Griegi kienu pproduċew rapporti suċċessivi dwar il-progress tal-proġetti ta’ mmaniġġar tal-iskart, li minnhom jirriżulta li n-numru ta’ landfills illegali naqas, iżda li, fir-rigward ta’ numru sostanzjali minnhom, dawn kienu għadhom joperaw (73), jew inkella ma kinux ġew riabilitati (292) fid-data li fiha l-aħħar rapport kien ġie indirizzat lill-Kummissjoni, qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

23

Ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax l-assenza tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) fiha nfisha u ċ-ċifri li tikkwota hija stess jikkorrispondu preċiżament għal dawk invokati mill-Kummissjoni. Madankollu, dan l-Istat Membru jirrileva li dawn iċ-ċifri ma jirriflettux id-dimensjoni reali tal-problema mqajma u jenfasizza li l-landfills illegali li għadhom joperaw jikkonċernaw biss madwar 5 % tal-popolazzjoni tagħha, peress li l-parti l-kbira tal-landfills illegali diġà ngħalqu jew ġew riabilitati.

24

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-prattika, u minkejja l-fatt li hija bdiet il-proċeduri amministrattivi neċessarji mill-iktar fis possibbli wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), it-tfassil u l-implementazzjoni ta’ programm intiż għall-għeluq tal-landfills illegali kollha jikkostitwixxu operazzjonijiet kumplessi li t-twettiq immedjat tagħhom huwa fiżikament impossibbli, sa fejn, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandhom jiġu osservati. Hija essenzjalment tqis li għamlet użu mill-mezzi kollha li setgħu jintużaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li kellha quddiemha, u b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-kriżi finanzjarja li naqset sostanzjalment il-kapaċità tagħha li twettaq ix-xogħlijiet. Ir-Repubblika Ellenika b’mod partikolari implementat soluzzjonijiet provviżorji f’ċerti lokalitajiet, bħat-trasport tal-iskart lejn sit ta’ landfill li jinsab f’lokalità oħra, u dan fl-aspettattiva tal-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ landfill legali fil-lokalitajiet ikkonċernati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Repubblika Ellenika adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), għandu jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar żguratx b’mod sħiħ l-osservazzjoni tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, b’mod partikolari bl-għeluq u bir-riabilitazzjoni tal-landfills illegali kollha li, fil-każ ineżami, huma s-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet. Fil-fatt, mill-punti 8 u 9 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm ksur ta’ dawn l-artikoli mill-fatt li 1125 siti ta’ rimi ta’ skart mhux ikkontrollati kienu għadhom joperaw fit-territorju Grieg fi Frar 2004. Barra minn hekk, huwa paċifiku fil-każ inkwistjoni li, fid-dawl tal-argumentazzjoni tal-partijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) ser jissokta sakemm ċerti landfills identifikati fir-risposti rispettivi tagħhom tat-13 u tal-15 ta’ Mejju 2014 għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jingħalqux jew jiġu riabilitati.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 228(2) KE, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont din id-dispożizzjoni hija d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li tkun intbagħtet abbażi tagħha (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, EU:C:2005:444, punt 30, u Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 66).

27

Peress li t-Trattat FUE elimina, mill-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-istadju relatat mat-trażmissjoni ta’ opinjoni motivata, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha titqies li hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 67).

28

Fil-każ ineżami, peress li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, id-data ta’ riferiment imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri d-29 ta’ Diċembru 2010. Huwa paċifiku li, f’din id-data, mhux il-landfills kollha inkwistjoni kienu ngħalqu jew ġew riabilitati.

29

Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-Repubblika Ellenika bbażata fuq id-diffikultajiet li hija ltaqgħet magħhom sabiex tagħlaq jew tirriabilita l-landfills kollha illegali inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku tiegħu sabiex jiġġustifika l-inosservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-278/01, EU:C:2003:635, punt 31). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-imsemmija argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

Osservazzjonijiet preliminari

31

Il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 260(2) TFUE u fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implementazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE] [SEC(2005) 1658], kif aġġornata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Awwissu 2012, intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma sħiħa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur” [C(2012) 6106 finali, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”], tissanzjona n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni bil-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità, skont il-punt 10 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

32

Ir-Repubblika Ellenika tqis li l-Kummissjoni kien imissha stenniet li jintemm il-programm ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni tal-landfills li hija kienet ittrażmettitilha u li kien qiegħed jiżvolġi kif previst, qabel ma ppreżentat rikors skont l-Artikolu 260 TFUE. Fid-dawl ta’ dan, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu peress li, fil-fehma tagħha, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji hija prematura fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

33

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, peress li rrikonoxxiet li r-Repubblika Ellenika ma kkonformatx ruħha mas-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(2) TFUE, timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas ta’ somma f’daqqa u/jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

34

Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li saret fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li r-Repubblika Ellenika ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) fid-data ta’ riferiment tad-29 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri iktar minn ħames snin wara d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, hija fil-prinċipju suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata, fil-każ inkwistjoni, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji, minkejja l-eżistenza ta’ programm, li għadu ma twettaqx b’mod sħiħ, ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni tal-landfills illegali inkwistjoni.

35

Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura differenti taż-żewġ sanzjonijiet li l-Kummissjoni titlob li jiġu applikati, hemm lok li tiġi eżaminata separatament il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ kundanna tal-Istat Membru kkonċernat għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tiegħu u dik tal-kundanna tiegħu għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, kif ukoll, skont il-każ, il-kwistjoni tal-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet.

Fuq il-pagamenti ta ’ penalità

L-argumenti tal-partijiet

36

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-ksur ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) huwa dak tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 u li huwa għalhekk dan in-nuqqas fl-intier tiegħu li r-Repubblika Ellenika hija marbuta ttemm. L-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-artikoli tippresupponi, l-ewwel nett, l-għeluq tal-landfills illegali, it-tieni nett, ir-riabilitazzjoni effettiva tagħhom, u mhux sempliċement il-programmazzjoni tar-riabilitazzjoni tagħhom, kif ukoll, it-tielet nett, il-ftuħ ta’ installazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ din id-direttiva fuq bażi permanenti u sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ landfills illegali oħra. Fid-dawl ta’ dan, l-argument tar-Repubblika Ellenika, li s-sempliċi adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi neċessarji għall-finijiet tar-riabilitazzjoni tal-landfills illegali għandha tkun suffiċjenti, fil-każ ineżami, sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, ma jistax jintlaqa’.

37

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur ikkonstatat, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni tipproponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tar-regoli miksura u tan-natura dannuża tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Hija tirrileva li l-progress li sar fir-rigward tat-tnaqqis tan-numru ta’ landfills illegali jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, iżda tenfasizza li l-inċertezza li tissussisti fir-rigward tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti. Skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 9, fuq skala minn 1 sa 20, hija, konsegwentement, adattata fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tfakkar, billi tirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-2/90, EU:C:1992:310, punt 30), li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-iskart huwa prodott ta’ natura partikolari u li l-akkumulazzjoni tiegħu, anki qabel ma jsir perikoluż għas-saħħa, tikkostitwixxi, fid-dawl b’mod partikolari tal-kapaċità limitata ta’ kull reġjun jew żona li jirċevuh, perikolu għall-ambjent.

38

Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tat-tul tal-ksur, li d-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura preżenti ttieħdet fil-21 ta’ Frar 2013, jiġifieri 88 xahar wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), fis-6 ta’ Ottubru 2005, fatt li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-koeffiċjent massimu ta’ 3. Fir-rigward tal-koeffiċjent tal-kapaċità ta’ ħlas, imsejjaħ fattur “n”, din l-istituzzjoni tfakkar li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi dan bħala 4.12 fir-rigward tar-Repubblika Ellenika.

39

Il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-formola stabbilita f’din il-komunikazzjoni, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum huma ugwali għal ammont bażiku uniformi, ta’ EUR 640, immultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità, bil-koeffiċjent tat-tul u bil-fattur “n”. Għalhekk, f’dan il-każ, hija tipproponi pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 71 193.60 (640 x 9 x 3 x 4.12).

40

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jitnaqqsu gradwalment abbażi tal-progress li jsir fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592). Għaldaqstant, hija tipproponi li l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 71 193.60 jiġu diviżi bejn in-numru ta’ siti ta’ rimi tal-iskart mhux ikkontrollati li ma kinux konformi ma’ din is-sentenza fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi ppreżentat dan ir-rikors, jiġifieri 365 (73 landfill illegali li kienu għadhom joperaw u 292 li ma kinux ġew riabilitati), li jirriżulta fl-ammont ta’ EUR 195.05 għal kull sit (71 193.60/365), u dan l-ammont jitnaqqas mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum hekk kif landfill illegali minnhom tkun saret konformi mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592). Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-tnaqqis jista’ japplika biss jekk ir-Repubblika Ellenika, minn naħa, tittrażmetti lill-Kummissjoni informazzjoni li tistabbilixxi, bla dubju, li l-landfill illegali kkonċernat sar konformi u, min-naħa l-oħra, tinforma lill-Kummissjoni bil-post fejn sussegwentement ser jiġi ttrasferit l-iskart għar-rimi.

41

Il-Kummissjoni żżid ukoll li, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha Stat Membru jirregola b’mod konformi l-landfills illegali filwaqt li joħloq, simultanjament, siti ta’ rimi ta’ skart ġodda u mhux ikkontrollati, hija għandha tkun tista’ tikkonstata li jkun sar progress mhux sempliċement abbażi tal-konformità tal-landfills inklużi mir-Repubblika Ellenika fil-listi trażmessi lil din l-istituzzjoni, iżda abbażi tan-numru ta’ landfills illegali eżistenti fit-territorju Grieg, kif ser jiġi stabbilit mill-kontrolli li ser isiru fuq bażi regolari.

42

Il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità jiġi stabbilit kull sitt xhur. Konsegwentement, l-ammont kollu ta’ pagamenti ta’ penalità dovut għas-sitt xhur preċedenti jiġi kkalkolat billi l-ammont inizjali ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum jitnaqqas mill-ammont li jikkorrispondi għal-landfills illegali li l-konformità tagħhom tkun ġiet stabbilita matul dan il-perijodu, u r-riżultat miksub għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li kien jinkorpora dan il-perijodu ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll iżżomm il-possibbiltà li taġġorna l-kalkolu, matul il-proċedura, skont iċ-ċifri pprovduti mir-Repubblika Ellenika wara d-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi ppreżentat dan ir-rikors.

43

Ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li t-talba tal-Kummissjoni għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ser issir mingħajr skop fid-data tal-għoti tas-sentenza, peress li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) ser tiġi eżegwita qabel din id-data u li, fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ kuljum ta’ EUR 71 193.60 huwa sproporzjonat fir-rigward tal-gravità tal-ksur allegat. Fi kwalunkwe każ, hija tqis li, fid-dawl tal-finalità tagħhom ta’ “koerċizzjoni”, il-pagamenti ta’ penalità mhux ser ikunu iktar iġġustifikati, peress li l-awtoritajiet kompetenti ser ikunu pproduċew prova li ħadu l-miżuri xierqa sabiex jirriabilitaw l-landfills illegali, minkejja li r-riabilitazzjoni effettiva tagħhom mhux ser tkun intemmet. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tirrileva li l-Kummissjoni ma baqgħetx titlob il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-387/97, EU:C:2000:356) minn meta l-landfill illegali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ngħalaq u ġie ssostitwit b’faċilità ta’ kkumpattar u ta’ ppakkettar ta’ skart, bħala soluzzjoni provviżorja.

44

Sussidjarjament, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 9 propost mill-Kummissjoni. Hija tosserva li, skont il-punt 16.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-ksur inkwistjoni, il-possibbiltà ta’ “ħsara gravi jew irreparabbli kkawżata lis-saħħa umana jew lill-ambjent”. Fil-fehma tagħha, tali ħsara għas-saħħa tal-bniedem ma hijiex ikkonstatata fil-każ inkwistjoni, filwaqt li l-ħsara li jista’ jkun hemm għall-ambjent ser tiġi eliminata bir-riabilitazzjoni tas-siti kkonċernati. Ikun skorrett jekk jitqies li l-ksur allegat jimplika l-eżistenza ta’ problema strutturali fuq livell nazzjonali, peress li kull reġjun tal-Greċja issa jinkludi mill-inqas sit wieħed ta’ landfill legali. Fi kwalunkwe każ, skont ir-Repubblika Ellenika, dan il-koeffiċjent ta’ 9 huwa spoporzjonat meta mqabbel mal-koeffiċjent ta’ 4 propost mill-Kummissjoni u applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2003:635), jew mal-koeffiċjent 6 propost u applikat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2000:356), fir-rigward ukoll tal-ksur li kellu effett fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u ta’ gravità paragunabbli għal dik fil-każ inkwistjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, fil-każ inkwistjoni, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2003:635, punti 49 sa 50), il-progress li diġà twettaq għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592).

45

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li l-koeffiċjent ta’ 3 propost mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat, b’mod partikolari meta mqabbel ma’ dak li ġie stabbilit fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (EU:C:2005:444) li wkoll kien koeffiċjent ta’ 3, għal ksur li dam ħdax-il sena. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, koeffiċjent ta’ tul inqas għoli minn dak li ġie propost, kif ġie stabbilit minnha fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2003:635). Fir-rigward tal-fattur “n” li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas, ir-Repubblika Ellenika tosserva li dak ta’ 4.12, indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, kif emendata fl-2012, jieħu inkunsiderazzjoni l-prodott domestiku gross (GDP) ta’ dan l-Istat Membru għas-sena 2010, li kien ta’ EUR 222.1 biljun, minkejja li sa minn dak iż-żmien naqas, sabiex jammonta biss għal EUR 193.7 biljun għas-sena 2012 u ammont stmat għal EUR 182.8 biljun għas-sena 2013. Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika fattur “n” inqas elevat, jekk ikun il-każ, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dan il-fatt kif ukoll il-problemi ekonomiċi kollha li jaffettwaw lil dan l-Istat Membru minħabba l-kriżi finanzjarja.

46

Fil-każ li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità, ir-Repubblika Ellenika tqis li l-proposta tal-Kummissjoni, intiża sabiex dawn jiġu stabbiliti kull sitt xhur, għandha tintlaqa’ sabiex hija tkun tista’ tittrażmetti lil din l-istituzzjoni provi tal-evoluzzjoni kontinwa tal-programm ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni tal-landfills illegali u sabiex din tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-progress imwettaq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, fil-prinċipju, hija biss iġġustifikata jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-ineżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti jissokta sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-533/11, EU:C:2013:659, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fil-każ ineżami, mill-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ellenika u mill-Kummissjoni fit-13 u fil-15 ta’ Mejju 2014 rispettivament, jirriżulta li, minn total ta’ 293 landfill illegali, 70 kienu għadhom joperaw u 223, minkejja li ngħalqu, ma kinux għadhom ġew riabilitati. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-data ta’ meta ġew eżaminati l-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) la kienu għadhom ġew adottati b’mod sħiħ u lanqas implementati.

49

F’dan ir-rigward, l-argument tar-Repubblika Ellenika, ibbażat fuq il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tagħha ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jirriabilitaw il-landfills illegali, minkejja li r-riabilitazzjoni effettiva tagħhom għadha ma ntemmitx, ma jistax jintlaqa’. Effettivament, il-fatt, jekk jiġi kkonstatat, li l-awtoritajiet kompetenti adottaw, fuq livell amministrattiv, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jeliminaw il-ksur ikkonstatat ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-impożizzjoni, fil-każ inkwistjoni, ta’ pagamenti ta’ penalità, peress li, fir-rigward tal-landfills illegali inkwistjoni, uħud minnhom għadhom joperaw u/jew ma ġewx riabilitati.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju adattat sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-374/11, EU:C:2012:827, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Kuntrarjament, fid-dawl tal-evoluzzjoni lejn eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) u tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li, fil-jum tal-għoti tas-sentenza preżenti, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) tkun ġiet eżegwita b’mod sħiħ. Għaldaqstant, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu imposti biss fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta sad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

52

Fir-rigward tal-ammont u tal-għamla ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita, li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’mod li jkunu, minn naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati mal-ksur ikkonstatat, kif ukoll, mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-576/11, EU:C:2013:773, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-proposti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nfisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2012:781, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jissokta min-naħa ta’ Stat Membru minkejja l-fatt li dan l-istess nuqqas ikun ġie kkonstatat f’sentenza inizjali mogħtija abbażi tal-Artikolu 226 KE jew tal-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jibqa’ jkollha l-libertà li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità imposti fl-ammont u fl-għamla li hija tikkunsidra xierqa sabiex tinkoraġġixxi lil dan l-Istat Membru jtemm l-ineżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din is-sentenza inizjali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

53

Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għall-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li l-l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, EU:C:2013:773, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu li l-iskart jintrema mingħajr ma joħloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma joħloq dannu għall-ambjent jagħmel parti mill-għanijiet stess tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE. In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 għandu r-riskju li, permezz tan-natura stess ta’ dan l-obbligu, ipoġġi direttament f’perikolu s-saħħa tal-bniedem u jikkawża dannu lill-ambjent, u għandu jitqies li huwa partikolarment gravi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2000:356, punt 94).

55

Għandu jiġi rrilevat li, fil-każ inkwistjoni, in-numru ta’ landfills illegali li kienu s-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri 293, li 70 minnhom kienu għadhom ma ġewx riabilitati, huwa sostanzjali. Madankollu, dan in-numru huwa kunsiderevolment inqas min-numru ta’ siti illegali li kienu joperaw, skont iċ-ċifri pprovduti mir-Repubblika Ellenika nfisha, fi Frar 2004, waqt l-ewwel proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri 1125 landfill illegali (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2005:592, punt 8).

56

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, il-portata tad-dannu li, fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ikompli jaffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minħabba l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tiddependi, prinċipalment, fuq in-numru ta’ siti individwali affettwati minn dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u b’mod partikolari, fuq in-numru ta’ landfills illegali li għadhom joperaw. Għaldaqstant, dan id-dannu huwa inqas sostanzjali mid-dannu li ġie kkawżat lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent minħabba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inizjali kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592).

57

Fir-rigward, it-tieni nett, tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux il-mument li fih din tal-aħħar tkun adita mill-Kummissjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-70/06, EU:C:2008:3, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ inkwistjoni, it-tul tal-ksur, jiġifieri iktar minn disa’ snin mid-data tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), huwa kunsiderevoli.

58

It-tielet nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, ibbażati fuq il-fatt li, mill-2010, il-GDP tagħha naqas. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-GDP ta’ Stat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-279/11, EU:C:2012:834, punt 78).

59

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas gradwalment il-pagamenti ta’ penalità skont il-progress imwettaq fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592).

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jintalbu fl-intier tagħhom sakemm l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, f’ċerti każijiet partikolari tista’ madankollu tiġi prevista sanzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-progress li jkun eventwalment sar mill-Istat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2003:635, punti 43 sa 51; Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2011:740, punti 47 sa 55, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2013:659, punti 73 u 74).

61

Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Ellenika u mill-Kummissjoni fit-13 u fil-15 ta’ Mejju 2014 rispettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità, kif ukoll il-frekwenza tagħhom.

62

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kwistjoni, skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment għandhom jiġu stabbiliti kull sitt xhur, sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tevalwa l-istat ta’ progress tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), fid-dawl tas-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem il-perijodu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2011:740, punt 54).

63

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dannu li jkompli jaffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huwa fil-prinċipju iktar sostanzjali fir-rigward tas-70 landfill li għadhom joperaw milli fir-rigward tat-223 landfill l-oħra li ma għadhomx joperaw, iżda li għadhom iridu jiġu riabilitati. Fid-dawl ta’ dan, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jiġi inċentivat mhux biss sabiex iwettaq ir-riabilitazzjoni tal-landfills kollha inkwistjoni mill-iktar fis possibbli, iżda wkoll, qabel ir-riabilitazzjoni sussegwenti tagħhom, sabiex jagħlaq mill-iktar fis possibbli l-landfills li għadhom joperaw.

64

Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, li kull landfill li għadu jopera jinkludi, fil-verità, żewġ każijiet distinti ta’ ksur. Għaldaqstant, il-ksur globali għandu jinqasam mhux f’293 każ distint ta’ ksur, jiġifieri każ għal kull landfill, iżda fi 363 każ ta’ ksur, jiġifieri każ għal kull wieħed mill-223 landfill li għadhom iridu jiġu riabilitati u żewġ każijiet għal kull wieħed mis-70 landfill li għadhom ma ngħalqux u li għandhom ukoll jiġu riabilitati sussegwentement.

65

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u tan-neċessità li l-Istat Membru inkwistjoni jiġi inċentivat itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li, abbażi tat-363 każ ta’ ksur ikkonstatat f’din is-sentenza, tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità ta’ kull sitt xhur għal EUR 14 520 000, somma li minnha għandu jitnaqqas l-ammont ta’ EUR 40 000 għal kull każ ta’ ksur li jkun intemm fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur ikkonċernat.

66

Sabiex il-pagamenti ta’ penalità jkunu jistgħu jitnaqqsu, ir-Repubblika Ellenika għandha tipproduċi l-prova li, qabel it-tmiem ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, il-landfills speċifiċi li huma s-suġġett tal-ksur ikunu waqfu joperaw u/jew ikunu ġew riabilitati. Sabiex jiġi evitat ir-riskju, evokat mill-Kummissjoni, li l-Istat Membru kkonċernat jagħlaq il-landfills illegali filwaqt li joħloq, simultanjament, siti ta’ rimi ta’ skart ġodda u mhux ikkontrollati, għandu jitqies li landfill illegali li kien jopera jkun ingħalaq biss sa fejn ir-Repubblika Ellenika tipproduċi l-prova mhux biss tal-għeluq tal-landfill fih innifsu, iżda wkoll tal-fatt li l-iskart li kien jintrema hemmhekk qabel issa jintrema b’mod legali f’sit ta’ landfill li huwa speċifikament identifikat.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 30 tas-sentenza preżenti jissokta sal-imsemmija data, pagamenti ta’ penalità ta’ kull sitt xhur kkalkolati, fir-rigward tal-ewwel sitt xhur wara l-imsemmi għoti, fi tmiem dan il-perijodu, minn ammont inizjali stabbilit għal EUR 14 520 000, li minnu għandu jitnaqqas ammont ta’ EUR 40 000 għal kull sit ta’ rimi tal-iskart mhux ikkontrollat, li huwa s-suġġett tan-nuqqas ikkonstatat, li jkun ingħalaq jew ġie riabilitat mit-13 ta’ Mejju 2014 kif ukoll ammont ta’ EUR 80 000 għal dawk is-siti kkonċernati li jkunu ngħalqu u ġew riabilitati sa minn din l-istess data. Għas-sitt xhur kollha sussegwenti, il-pagamenti ta’ penalità dovuti għal kull sitt xhur għandhom jiġu kkalkolati, fi tmiem dawn is-sitt xhur, mill-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità stabbiliti għas-sitt xhur preċedenti, u l-istess tnaqqis għandu jsir skont l-għeluq u r-riabilitazzjonijiet li jkunu saru matul is-sitt xhur inkwistjoni, fir-rigward ta’ siti li huma s-suġġett tan-nuqqas ikkonstatat.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

68

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, din l-istituzzjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi somma f’daqqa fissa billi tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn il-jum li fih ingħatat is-sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE u l-jum tal-eżekuzzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta’ din is-sentenza jew il-jum li fih ser tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE. Għall-kalkolu ta’ din is-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tuża l-istess kriterji bħal dawk użati għall-pagamenti ta’ penalità, jiġifieri l-kriterji marbuta mal-gravità tal-ksur, mat-tul tiegħu, li huwa kkalkolat billi tiġi mmultiplikata s-somma f’daqqa ta’ kuljum bin-numru ta’ jiem ta’ ineżekuzzjoni, u man-neċessità li tiġi żgurata n-natura dissważiva tas-sanzjoni pekunjarja. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, huwa propost li s-somma f’daqqa tiġi stabbilita għal EUR 210. Għaldaqstant, fid-dawl tal-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 9 u tal-fattur “n” ta’ 4.12, is-somma f’daqqa ta’ kuljum tammonta għal EUR 7 786.80 (210 x 9 x 4.12). Peress li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592) ingħatat fis-6 ta’ Ottubru 2005 u peress li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta dan ir-rikors skont l-Artikolu 260 TFUE fil-21 ta’ Frar 2013, iddekorrew 2696 jum bejn l-għoti ta’ din is-sentenza u l-imsemmija deċiżjoni.

69

Fil-21 ta’ Frar 2013, is-somma f’daqqa totali (EUR 7 786.80 x 2696 jum), li konsegwentement kienet tammonta għal EUR 20 993 212.80, kienet teċċedi s-somma f’daqqa minima li, għar-Repubblika Ellenika, kienet stabbilita għal EUR 2 181 000. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li s-somma f’daqqa ta’ kuljum għandha tiġi stabbilita għal EUR 7 786.80 kull jum, b’effett mis-6 ta’ Ottubru 2005 sal-jum li fih tingħata s-sentenza li ttemm dawn il-proċeduri jew, jekk dan iseħħ qabel, sal-jum li fih tiġi eżegwita b’mod sħiħ is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592). Il-Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għall-argumenti tar-Repubblika Ellenika, ma jistax jiġi eskluż riskju ta’ perpetwità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt li dan l-Istat Membru kellu jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni diversi deċenni ilu u, a fortiori, b’effett mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592).

70

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fid-dawl tal-finalità dissważiva tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u tal-fatt li dan l-Istat Membru juri, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, li diġà wettaq l-atti kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), billi kkoopera b’mod sistematiku u sinċier mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li huwa jiġi impost ħlas ta’ somma f’daqqa. Fil-fatt, fil-każ ineżami, ma hemm ebda riskju ta’ reċidività, peress li issa 95 % tat-territorju tal-Istat Membru huwa kopert b’installazzjonijiet legali tar-rimi ta’ skart domestiku. Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi ħlas ta’ tali somma, ir-Repubblika Ellenika tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi s-somma minima prevista fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal dan l-Istat Membru, jiġifieri EUR 2 181 000.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, simultanjament, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-369/07, EU:C:2009:428, punt 143).

72

Il-prinċipju tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa essenzjalment ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat għall-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil wara l-għoti tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatat tali nuqqas (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-184/11, EU:C:2014:316, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Din il-kundanna għandha, f’kull każ partikolari, tibqa’ tiddependi fuq l-elementi rilevanti kollha li jikkonċernaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat li huwa involut fil-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jikkonferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ din is-sanzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 141).

74

Fil-kawża preżenti, il-fatturi legali u fattwali kollha li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, b’mod partikolari, in-numru ferm għoli ta’ landfills illegali li kienu s-suġġett ta’ tali nuqqas, skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), mogħtija f’Ottubru 2005, jiġifieri 1125 landfill, li 293 minnhom kienu għadhom ma ngħalqux u/jew ġew riabilitati f’Mejju 2014, jikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa ta’ natura li jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2009:428, punt 146).

76

Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm dawk tal-gravità tal-ksur ikkonstatat u tal-perijodu li matulu dan issokta mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2011:740, punt 94).

77

Il-fatti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 54, 57 u 58 tas-sentenza preżenti, dwar il-gravità u t-tul tal-ksur, kif ukoll dwar il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni.

78

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu madankollu jiġi rrilevat li n-numru ta’ landfills illegali li kienu s-suġġett tal-allegat ksur matul il-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), fix-xahar ta’ Ottubru 2005, u dak tas-sentenza preżenti, kien ferm ogħla, fil-medja, minn dak li ġie kkonstatat fil-punt 55 tas-sentenza preżenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, jiġifieri 293 landfills, li 70 minnhom għadhom ma ngħalqux. Fil-fatt, matul l-imsemmi perijodu, in-numru ta’ landfills illegali naqas, minn 1125, numru li ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fix-xahar ta’ Ottubru 2005, għal 293, li 70 minnhom għadhom joperaw, skont iċ-ċifri pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fix-xahar ta’ Mejju 2014. Għalhekk, b’mod konformi ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 56 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-fatt li d-dannu kkawżat lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent minħabba l-ksur ikkonstatat fil-kawża inkwistjoni jiddependi, fil-parti l-kbira, min-numru ta’ siti individwali affettwati minn dan il-ksur, għandu jitqies li l-imsemmi ksur huwa iktar gravi għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma f’daqqa milli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-pagamenti ta’ penalità.

79

Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi inkwistjoni jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Ellenika għandha tħallas jiġi stabbilit għal EUR 10 miljun.

80

Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-502/03, EU:C:2005:592), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2005:592), fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza preżenti jissokta sal-imsemmija data, pagamenti ta’ penalità ta’ kull sitt xhur kkalkolati, fir-rigward tal-ewwel sitt xhur wara l-imsemmi għoti, fi tmiem dan il-perijodu, minn ammont inizjali stabbilit għal EUR 14 520 000, li minnu għandu jitnaqqas ammont ta’ EUR 40 000 għal kull sit ta’ rimi tal-iskart mhux ikkontrollat, li huwa s-suġġett tan-nuqqas ikkonstatat, li jkun ingħalaq jew ġie riabilitat mit-13 ta’ Mejju 2014 kif ukoll ammont ta’ EUR 80 000 għal dawk is-siti kkonċernati li jkunu ngħalqu u ġew riabilitati sa minn din l-istess data. Għas-sitt xhur kollha sussegwenti, il-pagamenti ta’ penalità dovuti għal kull sitt xhur għandhom jiġu kkalkolati, fi tmiem dawn is-sitt xhur, mill-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità stabbiliti għas-sitt xhur preċedenti, u l-istess tnaqqis għandu jsir skont l-għeluq u r-riabilitazzjonijiet li jkunu saru matul is-sitt xhur inkwistjoni, fir-rigward ta’ siti li huma s-suġġett tan-nuqqas ikkonstatat.

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun.

 

4)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.