Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawżi magħquda C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13,
li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ April 2013, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju u fis-17 ta’ Lulju 2013, fil-kawżi
Maurizio Fiamingo (C-362/13),
Leonardo Zappalà (C-363/13),
Francesco Rotondo et (C-407/13)
vs
Rete Ferroviaria Italiana SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Fiamingo u L. Zappalà, minn A. NotarianNi, avvocatessa,
– għal F. Rotondo et , minn V. De Michele u R. Garofalo, avvocati,
– għal Rete Ferroviaria Italiana SpA, minn F. Sciaudone, avvocato,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Gvern Norveġiż, minn I. S. Jansen u K. B. Moen, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u J. Enegren, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 3 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).
2. Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ tilwim bejn ħaddiema impjegati bħala baħħara u l-persuna li timpjegahom, Rete Ferroviaria Italiana Bluvia SpA (iktar ’il quddiem “RFI”), fir-rigward tal-kwalifika tal-kuntratti ta’ xogħol li kienu jivvinkolawhom ma’ din tal-aħħar.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 1999/70/KE
3. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.
4. It-tieni sar-raba’ paragrafi tal-preambolu tal-Ftehim qafas jipprovdu kif ġej:
“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit [indeterminat] huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.
Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.
Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] ħlief dawk mibgħuta minn aġenzija ta’ xogħol temporanju għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti. Hija l-intenzzjoni tal-partijiet li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim simili relatat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.”
5. Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas jipprovdu:
“6. Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal żmien indefinit [indeterminat] huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;
7. Billi l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat] ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;
8. Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;
[...]
10. Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’ natura staġjonali.”
6. Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”:
“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:
a) li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;
b) li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat].”
7. Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi:
“1. Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.
2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:
a) relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprendistat tal-bidu;
b) kuntratti u relazzjonijiet ta’ mpjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”
8. Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:
“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:
1. ‘ħaddiem għal terminu fiss’ [żmien determinat] ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.
[…]”
9. Skont il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:
“1. Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ mpjieg għal termini fissi, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b'mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:
a) raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;
b) iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat];
ċ) in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.
2. L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ mpjieg għal terminu fiss:
a) għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;
b) għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [indeterminat].”
10. Il-klawżola 8 tal-Ftehim qafas, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni”, tistabbilixxi, fil-punt 2 tagħha:
“Dan il-ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet speċifiċi Komunitarji, u b’mod partikolari disposizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw trattament jew opportunitajiet ugwali għall-irġiel u għan-nisa.”
Id-Direttiva 2009/13/KE
11. L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE, tas-16 ta’ Frar 2009, li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, p. 30), huwa redatt kif ġej:
“Din id-Direttiva timplimenta l-Ftehim dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 [iktar ’il quddiem il-‘KXM tal-2006’], konkluż fid-19 ta’ Mejju 2008, bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema fis-settur tat-trasport marittimu (Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea, ECSA, u Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, ETF) li jinsab fl-Anness [iktar ’il quddiem il-‘ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006’].”
12. Il-parti tal-ftehim intitolata “Definizzjonijiet u ambitu ta’ applikazzjoni” tipprovdi:
“1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u sakemm mhux previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet partikolari, it-terminu:
[…]
c) baħħar ifisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità fuq bastiment li għalih japplika dan il-Ftehim;
[…]
e) bastiment ifisser bastiment minbarra wieħed li jbaħħar esklussivament f’ilmijiet interni jew ilmijiet ġo, jew qrib, ibħra protetti jew postijiet fejn japplikaw ir-regolamenti portwali;
[…]
2. Ħlief jekk ikun previst mod ieħor, dan il-Ftehim japplika għall-baħħara kollha.
[…]”
13. Fil-parti tal-imsemmi ftehim intitolata “Ir-regolamenti u l-istandards”, it-titolu 2 tagħha, taħt it-titolu “Kondizzjonijiet tal-impjieg”, jinkludi, b’mod partikolari, ir-regolament 2.1, li tikkonċerna l-“Ftehim [Kuntratt] dwar l-impjieg tal-baħħara”. L-Istandard A2.1(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:
“Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jispeċifikaw il-materji li għandhom ikunu inklużi fil-ftehim [kuntratt] dwar l-impjieg tal-baħħara kollha li jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. F’kull każ, kull ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandu jkollu d-dettalji li ġejjin:
[…]
c) il-post fejn u d-data meta sar il-ftehim [kuntratt] dwar l-impjieg tal-baħħara;
[…]
g) it-tmiem tal-ftehim [kuntratt] u l-kondizzjonijiet tiegħu, inkluż:
i) jekk il-ftehim [kuntratt] ikun sar għal perijodu indefinite [żmien indeterminat], il-kondizzjonijiet li jintitolaw waħda mill-partijiet biex itemmu, kif ukoll il-perjodu ta’ notifika meħtieġ, li ma għandux ikun inqas għas-sid tal-bastiment minn dak għall-baħħar;
ii) jekk il-ftehim [kuntratt] ikun sar għal perijodu definit [żmien determinat], id-data ffissata għall-iskadenza tiegħu; u
iii) jekk il-ftehim [kuntratt] ikun sar għal vjaġġ, il-port tad-destinazzjoni u l-ħin li jrid jiskadi wara l-wasla qabel il-baħħar jiġi rilaxxat;
[…]”
14. L-aħħar parti ta’ dan il-ftehim, intitolata “Dispożizzjonijiet finali”, tinkludi r-raba’ paragrafu li jipprovdi:
“Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi [tad-dritt tal-Unjoni] eżistenti li tkun iktar restrittiva u/jew speċifika.”
Id-dritt Taljan
15. Fl-Italja, il-kuntratt tax-xogħol tal-baħħara huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tan-navigazzjoni, approvat permezz tad-Digriet Irjali Nru 327, tat-30 ta’ Marzu 1942 (iktar ’il quddiem il-“kodiċi tan-navigazzjoni”), li, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, japplika bi prijorità u jieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol. Dawn il-kuntratt għaldaqstant ma jaqgħux taħt id-Digriet leġiżlattiv Nru 368, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim qafas konkluż minn CES, UNICE u CEEP dwar ix-xogħol għal żmien determinat (decreto legislativo n. 368 — Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES), tas-6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001, p. 4).
16. L-Artikolu 325 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni jipprovdi:
“Il-kuntratt ta’ impjieg jista’ jiġi konkluż:
a) għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi speċifikati;
b) għal żmien determinat;
c) għal żmien indeterminat.
[…]
Għall-finijiet tal-kuntratt ta’ impjieg, ‘vjaġġ’ ifisser il-qsim kollu mwettaq bejn il-port ta’ tgħabija u l-port ta’ destinazzjoni finali, minbarra qsim eventwali b’saborra lejn il-port ta’ tgħabija.
[…]”
17. Skont l-Artikolu 326 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni:
“Il-kuntratt għal żmien determinat u dak għal numru ta’ vjaġġi ma jistgħux jiġu konklużi għal iktar minn sena; jekk jiġu konklużi għal terminu ogħla, jiġu kkunsidrati bħala kuntratti għal żmien indeterminat.
Jekk, skont numru ta’ kuntratti għal vjaġġi jew numru ta’ kuntratti għal żmien determinat, jew inkella numru ta’ kuntratti ta’ tip jew ieħor, il-persuna impjegata taħdem mingħajr interruzzjoni fis-servizz tal-istess armatur għal żmien ogħla minn sena, il-kuntratt ta’ impjieg huwa rregolat mir-regoli dwar il-kuntratt għal żmien indeterminat.
Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, il-provvista ta’ xogħol titqies li ma ġietx interrotta meta, bejn it-terminazzjoni ta’ kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ wara, jiddekorri terminu ta’ massimu ta’ [60] ġurnata.”
18. L-Artikolu 332 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni jipprovdi:
“Il-kuntratt ta’ impjieg għandu jindika:
[...]
4) il-vjaġġ jew il-vjaġġi li għandhom jitwettqu u d-data li fiha l-persuna impjegata għandha tidħol fis-servizz, jekk dan ikun impjieg għal vjaġġi, il-bidu u t-tul tal-kuntratt jekk l-impjieg huwa għal żmien determinat [...]
[…]”
19. L-Artikolu 374 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni jipprevedi:
“Ir-regoli korporattivi [...] jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet [tal-Artikolu] 326; il-kuntratt individwali jista’ jidderoga minnu biss jekk id-deroga tkun tiffavorixxi l-persuna impjegata. Madankollu, ir-regoli korporattivi ma jistgħux itawwli t-tul previst fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 326, u lanqas ma jistgħu jnaqqsu t-terminu previst fit-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu.”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
20. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma baħħara mniżżla fir-reġistru tal-baħħara. Huma ġew impjegati minn RFI fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, konklużi wara s-sena 2001, għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi u għal massimu ta’ 78 ġurnata, għall-finijiet ta’ imbarkazzjoni fuq ferry-boats li jwettqu l-kollegament Messina‑Villa San Giovanni u Messina‑Reggio Calabria (l-Italja). Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija rikorrenti, fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti, ħadmu fis-servizz tal-persuna li timpjegahom għal tul inferjuri għal sena u li ddekorra perijodu ta’ iktar minn 60 ġurnata bejn il-waqfien ta’ kuntratt tax-xogħol u l-konklużjoni tal-kuntratt segwenti.
21. Billi qiesu li r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom kienet ġiet xolta illegalment fil-mument meta żbarkaw, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talbiet quddiem it-Tribunale di Messina sabiex jiksbu n-nullità tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom, il-bidla ta’ dawn il-kuntratti f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, l-impjieg mill-ġdid tagħhom b’mod immedjat jew l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu mġarrab.
22. Filwaqt li t-Tribunale di Messina, fl-ewwel istanza, laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑407/13 u ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi C‑362/13 u C‑363/13, il-Corte d’appello di Messina, fl-appell, ċaħdet dawn il-pretensjonijiet kollha.
23. B’hekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talba quddiem il-Corte suprema di cassazione għal appell li fil-kuntest tiegħu lmentaw li l-Corte d’appello di Messina ddeċidiet li l-Ftehim qafas ma kienx applikabbli għall-baħħara u li kkunsidrat li l-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat tagħhom kienu legali, meta dawn tal-aħħar ma jindikawx it-terminu ta’ żmien tal-kuntratti, iżda biss it-tul tagħhom permezz tal-formola “massimu ta’ 78 ġurnata”, u lanqas ma jindikaw ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu ta’ tali kuntratti. Skont l-imsemmija rikorrenti, hemm użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ġaladarba dawn ma jintużawx minħabba n-natura speċjali tax-xogħol marittimu jew minħabba l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi, iżda bil-għan li jiġu rrimedjati nuqqasijiet strutturali fir-rigward tal-persunal.
24. Konsegwentement, il-Corte suprema di cassazione tqis li jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk il-Ftehim qafas japplikax għar-relazzjonijiet tax-xogħol konklużi fis-settur marittimu. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, jista’ jirriżulta li l-metodi ta’ impjieg għal żmien determinat previsti mill-Kodiċi tan-navigazzjoni jmorru kontra l-Ftehim qafas. Peress li permezz tad-Digriet Liġi Nru 368, tas-6 ta’ Settembru 2001, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, il-leġiżlatur Taljan issodisfa l-obbligu stabbilit fil-Klawżola 5 ta’ dan il-ftehim, li tikkonsisti f’li jkunu previsti miżuri ta’ natura li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, minn dan jista’ jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet għandhom jiġu applikati wkoll għar-relazzjonijiet ta’ xogħol fis-settur marittimu.
25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-klawżoli tal-ftehim qafas [...] huma applikabbli għax-xogħol fis-settur nawtiku [marittimu]? B’mod partikolari, il-klawżola 2(1), tikkonċerna wkoll il-ħaddiema għal żmien determinat impjegati fuq ferry-boats li jagħmlu kollegamenti ta’ kuljum?
2) Il-ftehim qafas [...], u b’mod partikolari l-klawżola 3(1) [tiegħu], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi (Artikolu 332 tal-Kodiċi ta’ Navigazzjoni) li t-‘tul’, u mhux it-‘terminu’, tal-kuntratt għandu jiġi indikat? Huwa kompatibbli mal-imsemmija direttiva li jiġi previst it-tul tal-kuntratt bl-indikazzjoni ta’ tmiem finali ċert fir-rigward tal-eżistenza tiegħu (‘massimu ta’ 78 ġurnata’) iżda mhux fir-rigward ta’ meta jiġi fi tmiemu?
3) Il-ftehim qafas [...], u b’mod partikolari l-klawżola 3(1) [tiegħu], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikoli 325, 326 u 332 tal-Kodiċi ta’ Navigazzjoni) li tikkunsidra li r-raġunijiet oġġettivi tal-kuntratt għal żmien determinat huma kkostitwiti mis-sempliċi indikazzjoni tal-vjaġġ jew vjaġġi li għandhom isiru, fejn b’hekk jikkoinċidu essenzjalment l-għan tal-kuntratt (il-prestazzjoni) mal-kawża tiegħu (il-motiv tal-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat)?
4) Il-ftehim qafas [...] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (f’dan il-każ, il-Kodiċi ta’ Navigazzjoni) li, f’każ ta’ rikors għal kuntratti suċċessivi (ta’ natura li jikkostitwixxu abbuż fis-sens tal-klawżola 5), teskludi t-trasformazzjoni tagħhom f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat (miżura prevista mill-Artikolu 326 tal-Kodiċi ta’ Navigazzjoni biss fl-ipoteżi fejn il-persuna impjegata taħdem b’mod mhux interrott għal tul ta’ żmien ta’ iktar minn sena u fl-ipoteżi fejn ikun għadda terminu massimu ta’ sittin ġurnata bejn it-tmiem ta’ kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt segwenti)?”
26. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Awwissu 2013, il-Kawżi C-362/13, C-363/13 u C-407/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati bħala baħħara fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu kollegament marittimu bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru.
28. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ddeċidiet bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem stess tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa interpretat b’mod wiesa’, inkwantu huwa jsemmi b’mod ġenerali lill-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adeneler et , C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56; Della Rocca, C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 34, kif ukoll Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 38).
29. Minbarra dan, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]” skont il-Ftehim qafas, mogħtija fil-punt 1 tal‑klawżola 3 tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta (sentenza Adeneler et , EU:C:2006:443, punt 56; Della Rocca, EU:C:2013:235, punt 34, kif ukoll Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 38) u tkun liema tkun il-kwalifika tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenza Angelidaki et , C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 166).
30. B’hekk il-Ftehim qafas japplika għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28, u Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 42, kif ukoll id-digriet Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 26).
31. Ċertament, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas ma huwiex mingħajr limiti. B’hekk, mill-kliem tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li d-definizzjoni tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li għalihom japplika dan il-ftehim qafas ma taqax taħtu jew taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda taħt il-leġiżlazzjoni u/jew prattiki nazzjonali, sa fejn id-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti ma twassalx sabiex tiġi arbitrarjament eskluża kategorija ta’ persuni milli tibbenefika mill-protezzjoni offerta mill-Ftehim qafas (sentenza Sibilio, C‑157/11, EU:C:2012:148, punti 42 u 51).
32. Barra minn hekk, il-punt 2 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ftehim qafas għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiftaħ lill-Istati Membri, u/jew lill-imsieħba soċjali, il-possibbiltà li jneħħu mill-portata ta’ dan il-ftehim qafas ir-“relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprendistat tal-bidu” kif ukoll il-“kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid” (sentenzi Adeneler et , EU:C:2006:443, punt 57; Sibilio, EU:C:2012:148, punti 52 u 53; kif ukoll Della Rocca, EU:C:2013:235, punt 35).
33. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas jirriżulta espliċitament li dan tal-aħħar ma’ japplikax għall-ħaddiema b’kuntratt temporanju (ara s-sentenza Della Rocca, EU:C:2013:235, punti 36 u 45).
34. F’dan il-każ, mill-elementi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġewx ikkontestati, jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu marbuta mal-persuna li timpjegahom b’kuntratt ta’ xogħol fis-sens tad-dritt nazzjonali. Huwa wkoll paċifiku li dawn il-kuntratti tax-xogħol ma jagħmlux parti mir-relazzjonijiet ta’ xogħol li jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas taħt il-punt 2 tal-klawżola 2 tiegħu.
35. RFI kif ukoll il-Gvern Taljan u Norveġiż jenfasizzaw madankollu li d-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt internazzjonali u d-dritt nazzjonali, jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jirregolaw speċifikament is-settur marittimu. B’mod partikolari, il-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 2009/13, jipprovdi sensiela ta’ regolamenti u standards dwar il-kuntratt ta’ impjieg marittimu, b’mod partikolari regolament A2.1(4)(g), li jiddefinixxi t-terminu tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet ta’ waqfien tiegħu. Issa, skont il-punt 2 tal-klawżola 8 tal-Ftehim qafas, dan tal-aħħar japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni.
36. Madankollu ma jidhirx, u wara kollox lanqas ma ġie sostnut, li l-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, bħall-atti l-oħra adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar is-settur marittimu, jinkludi regoli, intiżi, bħall-Ftehim qafas, li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat jew li jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet jew ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Issa, il-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet paragrafu tad-dispożizzjonijiet finali tiegħu, japplika bla ħsara għal kull dispożizzjoni oħra fis-seħħ fl-Unjoni li hija iktar speċifika jew li toffri livell ta’ protezzjoni ogħla għall-baħħara.
37. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punti 1(c) u (e), kif ukoll 2 tal-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, dan ma japplikax għall-baħħara impjegati fuq bastimenti li jinnavigaw esklużivament l-ibħra interni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
38. Minn dan jirriżulta li ħaddiema li jinsabu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandhom in-natura ta’ baħħara impjegati fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu konnessjoni marittima bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, peress li dan ma jeskludi ebda settur partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
39. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-kontenut tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li minnu jirriżulta li, konformement mat-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas kif ukoll mal-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, huwa fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sa fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 45, kif ukoll Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 49).
40. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati bħala baħħara fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu kollegament marittimu bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru.
Fuq it-tieni domanda
41. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-punt 1 tal-klawżola 3 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jindikaw it-tul ta’ żmien tagħhom, iżda mhux it-terminu tagħhom.
42. RFI tqis li din id-domanda hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas huwa intiż biss sabiex jiddefinixxi ċerti termini u għaldaqstant ma jikkostitwixxix kriterju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.
43. Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li din id-domanda tikkonċerna b’mod ċar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għaldaqstant hija ammissibbli.
44. Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li l-Ftehim qafas ma għandux bħala għan li jarmonizza r-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda huwa intiż biss, billi jiffissa prinċipji ġenerali u rakkomandazzjonijiet minimi, sabiex jistabbilixxi qafas ġenerali biex jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema għal żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u biex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew minn kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, EU:C:2007:509 punti 26 u 36; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 111, u Huet, C‑251/11, EU:C:2012:133, punt 41, kif ukoll id-digriet Vino, C‑20/10, EU:C:2010:677, punt 54).
45. Il-Ftehim qafas ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkonċerna r-riferimenti formali li għandhom jinsabu fil-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
46. F’dan ir-rigward, il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mit-titolu tiegħu u mill-kliem tiegħu, jieħu ħsieb jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” u jispeċifika, f’dan il-kuntest, l-element karatteristiku ta’ kuntratt għal żmien determinat, jiġifieri ċ-ċirkustanza li t-terminu ta’ tali kuntratt huwa ddeterminat b’“kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”. Min-naħa l-oħra, din il-klawżola ma timponi ebda obbligu lill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli tad-dritt intern applikabbli għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, id-digriet Vino, EU:C:2010:677, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47. Fi kwalunkwe każ, sa fejn din id-domanda għandha tinftiehem li hija intiża biex tiddetermina jekk il-Ftehim qafas huwiex applikabbli għal ħaddiema li huma vvinkolati b’kuntratti ta’ xogħol li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jindikaw biss it-tul tagħhom, bir-riferiment “massimu ta’ 78 ġurnata”, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li tali ħaddiema għandhom jitqiesu li huma “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, ġaladarba tali riferiment huwa tali li jiddetermina b’mod oġġettiv it-terminu tal-imsemmija kuntratti, u li, għalhekk, il-Ftehim qafas huwa applikabbli għalihom.
48. Fir-rigward tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jindikaw it-tul tagħhom, iżda mhux it-terminu tagħhom.
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
49. Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 3 u l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tqis li l-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa mfassal bis-sempliċi indikazzjoni tal-vjaġġ jew tal-vjaġġi li għandhom jitwettqu u, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat biss fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat kien impjegat mingħajr interruzzjoni bis-saħħa ta’ tali kuntratti mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena, fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li kienet mingħajr interruzzjoni meta l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu separati minn żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata.
50. Skont RFI, il-parti ta’ din l-interrogazzjoni li tikkorrispondi għat-tielet domanda hija inammissibbli, billi ma hijiex relatata mas-suġġett tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, ġaladarba hija intiża sabiex tivverifika l-kompatibbiltà mal-Ftehim qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi speċifikati, filwaqt li, fil-kawżi prinċipali, il-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni ġew ikkwalifikati bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
51. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Della Rocca, EU:C:2013:235, punt 29, u Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 35).
52. F’dan il-każ, madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim qafas fil-kuntest ta’ tilwim reali li jirriżulta wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi speċifikati. Permezz tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-indikazzjoni tal-vjaġġ jew tal-vjaġġi li għandhom jitwettqu tikkostitwixxi raġuni oġġettiva għall-konklużjoni ta’ tali kuntratti, hija konformi mar-rekwiżiti magħmula mill-Ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda ma tistax titqies li hija ta’ natura ipotetika u, għaldaqstant, hija għandha titqies li hija ammissibbli.
53. Fuq il-mertu, sa fejn dawn id-domandi huma intiżi għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni hija mingħajr rilevanza, inkwantu hija ma timponi ebda obbligu lill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli ta’ dritt intern applikabbli għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
54. Fir-rigward tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li l-punt 1 ta’ din il-klawżola għandha bħala għan li timplementa waħda mill-għanijiet segwiti minn dan il-Ftehim qafas, jiġifieri li joħloq qafas għall-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrati bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jipprevedi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet minimu ta’ ħarsien intiżi biex jiġi evitat il-prekarjat tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adeneler et , EU:C:2006:443, punt 63; Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 73; Deutsche Lufthansa, C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 31; Kücük, EU:C:2012:39, punt 25; kif ukoll Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 41).
55. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-ħtiġijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (sentenzi Adeneler et , EU:C:2006:443, punt 62, kif ukoll Huet, EU:C:2012:133, punt 35).
56. Għalhekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jimponi lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li huwa jelenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Angelidaki et , EU:C:2009:250, punti 74 u 151; Kücük, EU:C:2012:39, punt 26, u Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 42, kif ukoll id-digriet Papalia, C‑50/13, EU:C:2013:873, punti 18 u 19).
57. Madankollu, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Ftehim qafas ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżura li tirrikjedi li kull l-ewwel jew uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi. Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li jirrigwarda biss il-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, peress li r-raġunijiet oġġettivi previsti fil-punt 1(a) tal-klawżola msemmija jirrigwardaw biss it-“it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet” ta’ xogħol (ara s-sentenza Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 90, kif ukoll id-digriet Vino, EU:C:2010:677, punti 58 u 59).
58. Fir-rigward tal-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fil-fatt mill-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas, bħal ma jindika l-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, ikkunsidraw li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ prevenzjoni tal-abbużi (ara s-sentenzi Adeneler et , EU:C:2006:443, punt 67; Angelidaki et , EU:C:2009:250, punti 91 u 92; kif ukoll id-digriet Vassilakis et , C‑364/07, EU:C:2008:346, punt 86).
59. Madankollu, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, ġaladarba għandhom l-għażla li jirrikorru għal waħda jew għal numru mill-miżuri msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, jew ulterjorment mill-miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (ara s-sentenzi Impact, EU:C:2008:223, punt 71; Angelidaki et , EU:C:2009:250, punti 81 u 93; kif ukoll Deutsche Lufthansa, EU:C:2011:129, punt 35).
60. B’hekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi biex jilħqu dan l-għan, sa fejn huma ma jqiegħdux inkwistjoni l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza Huet, EU:C:2012:133, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61. Għalhekk, għall-finijiet ta’ din l-implementazzjoni, Stat Membru jista’ leġittimament jagħżel li ma jadottax il-miżura prevista fil-punt 1(a) tal-imsemmija klawżola, li tikkonsisti f’li jiġi rikjest li t-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkun iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi. B’mod kuntrarju, huwa jista’ jippreferi jadotta waħda mill-miżuri jew iż-żewġ miżuri previsti fil-punt 1(b) u (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jirrigwardaw, rispettivament, it-tul ta’ żmien massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħhom, jew inkella jagħżel li jżomm miżura legali eżistenti ekwivalenti, u dan sa fejn, tkun xi tkun il-miżura magħżula, il-prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat tkun iggarantita (ara s-sentenzi Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 94, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Lufthansa, EU:C:2011:129, punt 44).
62. Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 158, kif ukoll id-digrieti Affatato, C‑3/10, EU:C:2010:574, punt 45, u Papalia, EU:C:2013:873, punt 20).
63. Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, madankollu dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 159, kif ukoll id-digrieti Affatato, EU:C:2010:574, punt 46, u Papalia, EU:C:2013:873, punt 21).
64. Għalhekk, meta jkun seħħ użu abbużiv suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema biex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 160, kif ukoll id-digrieti Affatato, EU:C:2010:574, punt 47, u Papalia, EU:C:2013:873, punt 22).
65. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif enfasizzat numru ta’ drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas iħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-attenzjoni sabiex jiddeterminaw liema huma l-kundizzjonijiet li għalihom il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet għalfejn jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien indeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Huet, EU:C:2012:133, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66. F’dan il-każ, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, fejn dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 56 sa 65 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti bid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 39, u Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 163, kif ukoll id-digriet Papalia, EU:C:2013:873, punt 30).
67. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vassallo, EU:C:2006:518, punt 41, kif ukoll Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 164).
68. Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderiġi lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vassallo, EU:C:2006:518, punt 39, u d-digriet Papalia, EU:C:2013:873, punt 31).
69. F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas, tinkludix “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni tali, li tipprovdi regola imperattiva li, meta ħaddiem ikun ġie impjegat mingħajr interruzzjoni mill-istess persuna li timpjega, bis-saħħa ta’ numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, għal tul ta’ iktar minn sena, dawn il-kuntratti jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 56 sa 65 ta’ din is-sentenza.
70. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ tinkludi kemm miżura legali eżistenti ekwivalenti għall-miżura preventiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi msemmija fil-punt 1(b) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, relatata mat-tul massimu totali ta’ tali kuntratti, kif ukoll miżura li tissanzjona effettivament tali użu abbużiv (ara, b’analoġija, is-sentenza Angelidaki et , EU:C:2009:250, punt 170, kif ukoll id-digriet Koukou, C‑519/08, EU:C:2009:269, punt 79).
71. Din il-konklużjoni ma tidhirx li hija tali li titqiegħed inkwistjoni mir-rekwiżit li jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni, li huma kkunsidrati bħala “mhux interrotti” u, għaldaqstant, bħala “suċċessivi”, biss il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat separati b’differenza ta’ żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata. Fil-fatt, tali differenza ta’ żmien jista’ jitqies, ġeneralment, li huwa suffiċjenti biex tiġi interrotta kull relazzjoni ta’ xogħol eżistenti u, konsegwentement, sabiex kull kuntratt eventwali ffirmat ulterjorment ma jitqiesx li huwa suċċessiv, u dan ulterjorment meta, bħal fil-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tul tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistax jaqbeż it-78 ġurnata. Fil-fatt jidher li huwa diffiċli, għal persuna li timpjega li għandha bżonnijiet permanenti u fit-tul, li tevita l-protezzjoni mogħtija mill-Ftehim qafas kontra l-abbużi billi tħalli jiddekorri terminu ta’ madwar xahrejn mat-tmiem ta’ kull kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, b’analoġija, id-digriet Vassilakis et , EU:C:2008:346, punt 115).
72. Madankollu, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, li huma inkarigati bl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u li b’hekk għandhom jiddeċiedu dwar il-kwalifika ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li għandhom jeżaminaw, fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jipprekludu li xi relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jintużaw b’mod abbużiv mill-persuni li jimpjegaw (ara d-digriet Vassilakis et , EU:C:2008:346, punt 116).
73. B’mod partikolari, fil-kawżi bħal dawk fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li t-tul massimu ta’ sena previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkalkolat b’mod li ma jwassalx sabiex jitnaqqas b’mod sostanzjali l-karattru effettiv tal-prevenzjoni u tas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dan jista’ jkun il-każ, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li kieku dan it-tul massimu ma kienx ikkalkolat skont in-numru ta’ ġranet kalendarji koperti minn dawn il-kuntratti ta’ xogħol, iżda skont in-numru ta’ ġranet ta’ attivitajiet effettivament ipprovduti mill-ħaddiem ikkonċernat, meta, minħabba, pereżempju, il-frekwenza żgħira ta’ kollegamenti, dan l-aħħar numru jkun kunsiderevolment inferjuri għall-ewwel.
74. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat biss fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun ġie impjegat mingħajr interruzzjoni bis-saħħa ta’ tali kuntratti mill-istess persuna li timpjega għal tul ta’ żmien ogħla minn sena, fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li ma ġietx interrotta meta l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu separati minn żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni joħolqu miżura adegwata għall-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.
Fuq l-ispejjeż
75. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat‑28 t a’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati bħala baħħara fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu kollegament marittimu bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru.
2) Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jindikaw it-tul tagħhom, iżda mhux it-terminu tagħhom.
3) Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat biss fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun ġie impjegat mingħajr interruzzjoni bis-saħħa ta’ tali kuntratti mill-istess persuna li timpjega għal tul ta’ żmien ogħla minn sena, fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li ma ġietx interrotta meta l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu separati minn żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni joħolqu miżura adegwata għall-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
3 ta’ Lulju 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Settur marittimu — Ferry-boats li jwettqu kollegament bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Klawżola 3, punt 1 — Kunċett ta’ ‘kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat’ — Klawżola 5, punt 1 — Miżuri intiżi għall-prevenzjoni mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat — Sanzjonijiet — Bidla fir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat — Kundizzjonijiet”
Fil-Kawżi magħquda C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13,
li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ April 2013, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju u fis-17 ta’ Lulju 2013, fil-kawżi
Maurizio Fiamingo (C-362/13),
Leonardo Zappalà (C-363/13),
Francesco Rotondo et (C-407/13)
vs
Rete Ferroviaria Italiana SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal M. Fiamingo u L. Zappalà, minn A. NotarianNi, avvocatessa, |
— |
għal F. Rotondo et, minn V. De Michele u R. Garofalo, avvocati, |
— |
għal Rete Ferroviaria Italiana SpA, minn F. Sciaudone, avvocato, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Norveġiż, minn I. S. Jansen u K. B. Moen, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 3 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ tilwim bejn ħaddiema impjegati bħala baħħara u l-persuna li timpjegahom, Rete Ferroviaria Italiana Bluvia SpA (iktar ’il quddiem “RFI”), fir-rigward tal-kwalifika tal-kuntratti ta’ xogħol li kienu jivvinkolawhom ma’ din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 1999/70/KE
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”. |
4 |
It-tieni sar-raba’ paragrafi tal-preambolu tal-Ftehim qafas jipprovdu kif ġej: “Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit [indeterminat] huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema. Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema. Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] ħlief dawk mibgħuta minn aġenzija ta’ xogħol temporanju għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti. Hija l-intenzzjoni tal-partijiet li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim simili relatat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.” |
5 |
Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas jipprovdu:
[...]
|
6 |
Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”: “L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:
|
7 |
Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi:
|
8 |
Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi: “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:
[…]” |
9 |
Skont il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:
|
10 |
Il-klawżola 8 tal-Ftehim qafas, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni”, tistabbilixxi, fil-punt 2 tagħha: “Dan il-ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet speċifiċi Komunitarji, u b’mod partikolari disposizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw trattament jew opportunitajiet ugwali għall-irġiel u għan-nisa.” |
Id-Direttiva 2009/13/KE
11 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE, tas-16 ta’ Frar 2009, li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, p. 30), huwa redatt kif ġej: “Din id-Direttiva timplimenta l-Ftehim dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 [iktar ’il quddiem il-‘KXM tal-2006’], konkluż fid-19 ta’ Mejju 2008, bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema fis-settur tat-trasport marittimu (Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea, ECSA, u Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, ETF) li jinsab fl-Anness [iktar ’il quddiem il-‘ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006’].” |
12 |
Il-parti tal-ftehim intitolata “Definizzjonijiet u ambitu ta’ applikazzjoni” tipprovdi:
[…]” |
13 |
Fil-parti tal-imsemmi ftehim intitolata “Ir-regolamenti u l-istandards”, it-titolu 2 tagħha, taħt it-titolu “Kondizzjonijiet tal-impjieg”, jinkludi, b’mod partikolari, ir-regolament 2.1, li tikkonċerna l-“Ftehim [Kuntratt] dwar l-impjieg tal-baħħara”. L-Istandard A2.1(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej: “Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jispeċifikaw il-materji li għandhom ikunu inklużi fil-ftehim [kuntratt] dwar l-impjieg tal-baħħara kollha li jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. F’kull każ, kull ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandu jkollu d-dettalji li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
14 |
L-aħħar parti ta’ dan il-ftehim, intitolata “Dispożizzjonijiet finali”, tinkludi r-raba’ paragrafu li jipprovdi: “Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi [tad-dritt tal-Unjoni] eżistenti li tkun iktar restrittiva u/jew speċifika.” |
Id-dritt Taljan
15 |
Fl-Italja, il-kuntratt tax-xogħol tal-baħħara huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tan-navigazzjoni, approvat permezz tad-Digriet Irjali Nru 327, tat-30 ta’ Marzu 1942 (iktar ’il quddiem il-“kodiċi tan-navigazzjoni”), li, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, japplika bi prijorità u jieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol. Dawn il-kuntratt għaldaqstant ma jaqgħux taħt id-Digriet leġiżlattiv Nru 368, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim qafas konkluż minn CES, UNICE u CEEP dwar ix-xogħol għal żmien determinat (decreto legislativo n. 368 — Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES), tas-6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001, p. 4). |
16 |
L-Artikolu 325 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni jipprovdi: “Il-kuntratt ta’ impjieg jista’ jiġi konkluż:
[…] Għall-finijiet tal-kuntratt ta’ impjieg, ‘vjaġġ’ ifisser il-qsim kollu mwettaq bejn il-port ta’ tgħabija u l-port ta’ destinazzjoni finali, minbarra qsim eventwali b’saborra lejn il-port ta’ tgħabija. […]” |
17 |
Skont l-Artikolu 326 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni: “Il-kuntratt għal żmien determinat u dak għal numru ta’ vjaġġi ma jistgħux jiġu konklużi għal iktar minn sena; jekk jiġu konklużi għal terminu ogħla, jiġu kkunsidrati bħala kuntratti għal żmien indeterminat. Jekk, skont numru ta’ kuntratti għal vjaġġi jew numru ta’ kuntratti għal żmien determinat, jew inkella numru ta’ kuntratti ta’ tip jew ieħor, il-persuna impjegata taħdem mingħajr interruzzjoni fis-servizz tal-istess armatur għal żmien ogħla minn sena, il-kuntratt ta’ impjieg huwa rregolat mir-regoli dwar il-kuntratt għal żmien indeterminat. Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, il-provvista ta’ xogħol titqies li ma ġietx interrotta meta, bejn it-terminazzjoni ta’ kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ wara, jiddekorri terminu ta’ massimu ta’ [60] ġurnata.” |
18 |
L-Artikolu 332 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni jipprovdi: “Il-kuntratt ta’ impjieg għandu jindika: [...]
[…]” |
19 |
L-Artikolu 374 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni jipprevedi: “Ir-regoli korporattivi [...] jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet [tal-Artikolu] 326; il-kuntratt individwali jista’ jidderoga minnu biss jekk id-deroga tkun tiffavorixxi l-persuna impjegata. Madankollu, ir-regoli korporattivi ma jistgħux itawwli t-tul previst fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 326, u lanqas ma jistgħu jnaqqsu t-terminu previst fit-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma baħħara mniżżla fir-reġistru tal-baħħara. Huma ġew impjegati minn RFI fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, konklużi wara s-sena 2001, għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi u għal massimu ta’ 78 ġurnata, għall-finijiet ta’ imbarkazzjoni fuq ferry-boats li jwettqu l-kollegament Messina‑Villa San Giovanni u Messina‑Reggio Calabria (l-Italja). Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija rikorrenti, fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti, ħadmu fis-servizz tal-persuna li timpjegahom għal tul inferjuri għal sena u li ddekorra perijodu ta’ iktar minn 60 ġurnata bejn il-waqfien ta’ kuntratt tax-xogħol u l-konklużjoni tal-kuntratt segwenti. |
21 |
Billi qiesu li r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom kienet ġiet xolta illegalment fil-mument meta żbarkaw, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talbiet quddiem it-Tribunale di Messina sabiex jiksbu n-nullità tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom, il-bidla ta’ dawn il-kuntratti f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, l-impjieg mill-ġdid tagħhom b’mod immedjat jew l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu mġarrab. |
22 |
Filwaqt li t-Tribunale di Messina, fl-ewwel istanza, laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑407/13 u ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi C‑362/13 u C‑363/13, il-Corte d’appello di Messina, fl-appell, ċaħdet dawn il-pretensjonijiet kollha. |
23 |
B’hekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talba quddiem il-Corte suprema di cassazione għal appell li fil-kuntest tiegħu lmentaw li l-Corte d’appello di Messina ddeċidiet li l-Ftehim qafas ma kienx applikabbli għall-baħħara u li kkunsidrat li l-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat tagħhom kienu legali, meta dawn tal-aħħar ma jindikawx it-terminu ta’ żmien tal-kuntratti, iżda biss it-tul tagħhom permezz tal-formola “massimu ta’ 78 ġurnata”, u lanqas ma jindikaw ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu ta’ tali kuntratti. Skont l-imsemmija rikorrenti, hemm użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ġaladarba dawn ma jintużawx minħabba n-natura speċjali tax-xogħol marittimu jew minħabba l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi, iżda bil-għan li jiġu rrimedjati nuqqasijiet strutturali fir-rigward tal-persunal. |
24 |
Konsegwentement, il-Corte suprema di cassazione tqis li jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk il-Ftehim qafas japplikax għar-relazzjonijiet tax-xogħol konklużi fis-settur marittimu. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, jista’ jirriżulta li l-metodi ta’ impjieg għal żmien determinat previsti mill-Kodiċi tan-navigazzjoni jmorru kontra l-Ftehim qafas. Peress li permezz tad-Digriet Liġi Nru 368, tas-6 ta’ Settembru 2001, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, il-leġiżlatur Taljan issodisfa l-obbligu stabbilit fil-Klawżola 5 ta’ dan il-ftehim, li tikkonsisti f’li jkunu previsti miżuri ta’ natura li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, minn dan jista’ jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet għandhom jiġu applikati wkoll għar-relazzjonijiet ta’ xogħol fis-settur marittimu. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
26 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Awwissu 2013, il-Kawżi C-362/13, C-363/13 u C-407/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati bħala baħħara fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu kollegament marittimu bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ddeċidiet bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem stess tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa interpretat b’mod wiesa’, inkwantu huwa jsemmi b’mod ġenerali lill-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56; Della Rocca, C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 34, kif ukoll Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 38). |
29 |
Minbarra dan, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]” skont il-Ftehim qafas, mogħtija fil-punt 1 tal‑klawżola 3 tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta (sentenza Adeneler et, EU:C:2006:443, punt 56; Della Rocca, EU:C:2013:235, punt 34, kif ukoll Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 38) u tkun liema tkun il-kwalifika tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenza Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 166). |
30 |
B’hekk il-Ftehim qafas japplika għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28, u Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 42, kif ukoll id-digriet Montoya Medina, C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 26). |
31 |
Ċertament, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas ma huwiex mingħajr limiti. B’hekk, mill-kliem tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li d-definizzjoni tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li għalihom japplika dan il-ftehim qafas ma taqax taħtu jew taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda taħt il-leġiżlazzjoni u/jew prattiki nazzjonali, sa fejn id-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti ma twassalx sabiex tiġi arbitrarjament eskluża kategorija ta’ persuni milli tibbenefika mill-protezzjoni offerta mill-Ftehim qafas (sentenza Sibilio, C‑157/11, EU:C:2012:148, punti 42 u 51). |
32 |
Barra minn hekk, il-punt 2 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ftehim qafas għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiftaħ lill-Istati Membri, u/jew lill-imsieħba soċjali, il-possibbiltà li jneħħu mill-portata ta’ dan il-ftehim qafas ir-“relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprendistat tal-bidu” kif ukoll il-“kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid” (sentenzi Adeneler et, EU:C:2006:443, punt 57; Sibilio, EU:C:2012:148, punti 52 u 53; kif ukoll Della Rocca, EU:C:2013:235, punt 35). |
33 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas jirriżulta espliċitament li dan tal-aħħar ma’ japplikax għall-ħaddiema b’kuntratt temporanju (ara s-sentenza Della Rocca, EU:C:2013:235, punti 36 u 45). |
34 |
F’dan il-każ, mill-elementi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġewx ikkontestati, jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu marbuta mal-persuna li timpjegahom b’kuntratt ta’ xogħol fis-sens tad-dritt nazzjonali. Huwa wkoll paċifiku li dawn il-kuntratti tax-xogħol ma jagħmlux parti mir-relazzjonijiet ta’ xogħol li jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas taħt il-punt 2 tal-klawżola 2 tiegħu. |
35 |
RFI kif ukoll il-Gvern Taljan u Norveġiż jenfasizzaw madankollu li d-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt internazzjonali u d-dritt nazzjonali, jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jirregolaw speċifikament is-settur marittimu. B’mod partikolari, il-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 2009/13, jipprovdi sensiela ta’ regolamenti u standards dwar il-kuntratt ta’ impjieg marittimu, b’mod partikolari regolament A2.1(4)(g), li jiddefinixxi t-terminu tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet ta’ waqfien tiegħu. Issa, skont il-punt 2 tal-klawżola 8 tal-Ftehim qafas, dan tal-aħħar japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni. |
36 |
Madankollu ma jidhirx, u wara kollox lanqas ma ġie sostnut, li l-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, bħall-atti l-oħra adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar is-settur marittimu, jinkludi regoli, intiżi, bħall-Ftehim qafas, li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat jew li jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet jew ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Issa, il-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet paragrafu tad-dispożizzjonijiet finali tiegħu, japplika bla ħsara għal kull dispożizzjoni oħra fis-seħħ fl-Unjoni li hija iktar speċifika jew li toffri livell ta’ protezzjoni ogħla għall-baħħara. |
37 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punti 1(c) u (e), kif ukoll 2 tal-ftehim li jikkonċerna l-KXM tal-2006, dan ma japplikax għall-baħħara impjegati fuq bastimenti li jinnavigaw esklużivament l-ibħra interni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
38 |
Minn dan jirriżulta li ħaddiema li jinsabu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandhom in-natura ta’ baħħara impjegati fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu konnessjoni marittima bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, peress li dan ma jeskludi ebda settur partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
39 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-kontenut tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li minnu jirriżulta li, konformement mat-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas kif ukoll mal-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, huwa fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sa fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 45, kif ukoll Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 49). |
40 |
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati bħala baħħara fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fuq ferry-boats li jwettqu kollegament marittimu bejn żewġ portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru. |
Fuq it-tieni domanda
41 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-punt 1 tal-klawżola 3 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jindikaw it-tul ta’ żmien tagħhom, iżda mhux it-terminu tagħhom. |
42 |
RFI tqis li din id-domanda hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas huwa intiż biss sabiex jiddefinixxi ċerti termini u għaldaqstant ma jikkostitwixxix kriterju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. |
43 |
Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li din id-domanda tikkonċerna b’mod ċar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għaldaqstant hija ammissibbli. |
44 |
Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li l-Ftehim qafas ma għandux bħala għan li jarmonizza r-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda huwa intiż biss, billi jiffissa prinċipji ġenerali u rakkomandazzjonijiet minimi, sabiex jistabbilixxi qafas ġenerali biex jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema għal żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u biex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew minn kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Del Cerro Alonso, EU:C:2007:509 punti 26 u 36; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 111, u Huet, C‑251/11, EU:C:2012:133, punt 41, kif ukoll id-digriet Vino, C‑20/10, EU:C:2010:677, punt 54). |
45 |
Il-Ftehim qafas ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkonċerna r-riferimenti formali li għandhom jinsabu fil-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. |
46 |
F’dan ir-rigward, il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mit-titolu tiegħu u mill-kliem tiegħu, jieħu ħsieb jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” u jispeċifika, f’dan il-kuntest, l-element karatteristiku ta’ kuntratt għal żmien determinat, jiġifieri ċ-ċirkustanza li t-terminu ta’ tali kuntratt huwa ddeterminat b’“kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”. Min-naħa l-oħra, din il-klawżola ma timponi ebda obbligu lill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli tad-dritt intern applikabbli għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, id-digriet Vino, EU:C:2010:677, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Fi kwalunkwe każ, sa fejn din id-domanda għandha tinftiehem li hija intiża biex tiddetermina jekk il-Ftehim qafas huwiex applikabbli għal ħaddiema li huma vvinkolati b’kuntratti ta’ xogħol li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jindikaw biss it-tul tagħhom, bir-riferiment “massimu ta’ 78 ġurnata”, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li tali ħaddiema għandhom jitqiesu li huma “ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat]”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, ġaladarba tali riferiment huwa tali li jiddetermina b’mod oġġettiv it-terminu tal-imsemmija kuntratti, u li, għalhekk, il-Ftehim qafas huwa applikabbli għalihom. |
48 |
Fir-rigward tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jindikaw it-tul tagħhom, iżda mhux it-terminu tagħhom. |
Fuq it-tielet u r-raba ’ domanda
49 |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 3 u l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tqis li l-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa mfassal bis-sempliċi indikazzjoni tal-vjaġġ jew tal-vjaġġi li għandhom jitwettqu u, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat biss fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat kien impjegat mingħajr interruzzjoni bis-saħħa ta’ tali kuntratti mill-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena, fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li kienet mingħajr interruzzjoni meta l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu separati minn żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata. |
50 |
Skont RFI, il-parti ta’ din l-interrogazzjoni li tikkorrispondi għat-tielet domanda hija inammissibbli, billi ma hijiex relatata mas-suġġett tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, ġaladarba hija intiża sabiex tivverifika l-kompatibbiltà mal-Ftehim qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi speċifikati, filwaqt li, fil-kawżi prinċipali, il-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni ġew ikkwalifikati bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. |
51 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Della Rocca, EU:C:2013:235, punt 29, u Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 35). |
52 |
F’dan il-każ, madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim qafas fil-kuntest ta’ tilwim reali li jirriżulta wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal vjaġġ jew numru ta’ vjaġġi speċifikati. Permezz tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-indikazzjoni tal-vjaġġ jew tal-vjaġġi li għandhom jitwettqu tikkostitwixxi raġuni oġġettiva għall-konklużjoni ta’ tali kuntratti, hija konformi mar-rekwiżiti magħmula mill-Ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda ma tistax titqies li hija ta’ natura ipotetika u, għaldaqstant, hija għandha titqies li hija ammissibbli. |
53 |
Fuq il-mertu, sa fejn dawn id-domandi huma intiżi għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni hija mingħajr rilevanza, inkwantu hija ma timponi ebda obbligu lill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli ta’ dritt intern applikabbli għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. |
54 |
Fir-rigward tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li l-punt 1 ta’ din il-klawżola għandha bħala għan li timplementa waħda mill-għanijiet segwiti minn dan il-Ftehim qafas, jiġifieri li joħloq qafas għall-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrati bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jipprevedi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet minimu ta’ ħarsien intiżi biex jiġi evitat il-prekarjat tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adeneler et, EU:C:2006:443, punt 63; Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 73; Deutsche Lufthansa, C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 31; Kücük, EU:C:2012:39, punt 25; kif ukoll Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 41). |
55 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-ħtiġijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (sentenzi Adeneler et, EU:C:2006:443, punt 62, kif ukoll Huet, EU:C:2012:133, punt 35). |
56 |
Għalhekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jimponi lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li huwa jelenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Angelidaki et, EU:C:2009:250, punti 74 u 151; Kücük, EU:C:2012:39, punt 26, u Márquez Samohano, EU:C:2014:146, punt 42, kif ukoll id-digriet Papalia, C‑50/13, EU:C:2013:873, punti 18 u 19). |
57 |
Madankollu, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Ftehim qafas ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżura li tirrikjedi li kull l-ewwel jew uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi. Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li jirrigwarda biss il-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, peress li r-raġunijiet oġġettivi previsti fil-punt 1(a) tal-klawżola msemmija jirrigwardaw biss it-“it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet” ta’ xogħol (ara s-sentenza Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 90, kif ukoll id-digriet Vino, EU:C:2010:677, punti 58 u 59). |
58 |
Fir-rigward tal-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fil-fatt mill-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas, bħal ma jindika l-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, ikkunsidraw li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ prevenzjoni tal-abbużi (ara s-sentenzi Adeneler et, EU:C:2006:443, punt 67; Angelidaki et, EU:C:2009:250, punti 91 u 92; kif ukoll id-digriet Vassilakis et, C‑364/07, EU:C:2008:346, punt 86). |
59 |
Madankollu, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, ġaladarba għandhom l-għażla li jirrikorru għal waħda jew għal numru mill-miżuri msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, jew ulterjorment mill-miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (ara s-sentenzi Impact, EU:C:2008:223, punt 71; Angelidaki et, EU:C:2009:250, punti 81 u 93; kif ukoll Deutsche Lufthansa, EU:C:2011:129, punt 35). |
60 |
B’hekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi biex jilħqu dan l-għan, sa fejn huma ma jqiegħdux inkwistjoni l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza Huet, EU:C:2012:133, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Għalhekk, għall-finijiet ta’ din l-implementazzjoni, Stat Membru jista’ leġittimament jagħżel li ma jadottax il-miżura prevista fil-punt 1(a) tal-imsemmija klawżola, li tikkonsisti f’li jiġi rikjest li t-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jkun iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi. B’mod kuntrarju, huwa jista’ jippreferi jadotta waħda mill-miżuri jew iż-żewġ miżuri previsti fil-punt 1(b) u (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jirrigwardaw, rispettivament, it-tul ta’ żmien massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħhom, jew inkella jagħżel li jżomm miżura legali eżistenti ekwivalenti, u dan sa fejn, tkun xi tkun il-miżura magħżula, il-prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat tkun iggarantita (ara s-sentenzi Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 94, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Lufthansa, EU:C:2011:129, punt 44). |
62 |
Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 158, kif ukoll id-digrieti Affatato, C‑3/10, EU:C:2010:574, punt 45, u Papalia, EU:C:2013:873, punt 20). |
63 |
Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, madankollu dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 159, kif ukoll id-digrieti Affatato, EU:C:2010:574, punt 46, u Papalia, EU:C:2013:873, punt 21). |
64 |
Għalhekk, meta jkun seħħ użu abbużiv suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema biex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 160, kif ukoll id-digrieti Affatato, EU:C:2010:574, punt 47, u Papalia, EU:C:2013:873, punt 22). |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif enfasizzat numru ta’ drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas iħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-attenzjoni sabiex jiddeterminaw liema huma l-kundizzjonijiet li għalihom il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet għalfejn jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien indeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Huet, EU:C:2012:133, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, fejn dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 56 sa 65 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti bid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 39, u Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 163, kif ukoll id-digriet Papalia, EU:C:2013:873, punt 30). |
67 |
Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vassallo, EU:C:2006:518, punt 41, kif ukoll Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 164). |
68 |
Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderiġi lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vassallo, EU:C:2006:518, punt 39, u d-digriet Papalia, EU:C:2013:873, punt 31). |
69 |
F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi tan-navigazzjoni, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas, tinkludix “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni tali, li tipprovdi regola imperattiva li, meta ħaddiem ikun ġie impjegat mingħajr interruzzjoni mill-istess persuna li timpjega, bis-saħħa ta’ numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, għal tul ta’ iktar minn sena, dawn il-kuntratti jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 56 sa 65 ta’ din is-sentenza. |
70 |
Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ tinkludi kemm miżura legali eżistenti ekwivalenti għall-miżura preventiva tal-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi msemmija fil-punt 1(b) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, relatata mat-tul massimu totali ta’ tali kuntratti, kif ukoll miżura li tissanzjona effettivament tali użu abbużiv (ara, b’analoġija, is-sentenza Angelidaki et, EU:C:2009:250, punt 170, kif ukoll id-digriet Koukou, C‑519/08, EU:C:2009:269, punt 79). |
71 |
Din il-konklużjoni ma tidhirx li hija tali li titqiegħed inkwistjoni mir-rekwiżit li jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni, li huma kkunsidrati bħala “mhux interrotti” u, għaldaqstant, bħala “suċċessivi”, biss il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat separati b’differenza ta’ żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata. Fil-fatt, tali differenza ta’ żmien jista’ jitqies, ġeneralment, li huwa suffiċjenti biex tiġi interrotta kull relazzjoni ta’ xogħol eżistenti u, konsegwentement, sabiex kull kuntratt eventwali ffirmat ulterjorment ma jitqiesx li huwa suċċessiv, u dan ulterjorment meta, bħal fil-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tul tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistax jaqbeż it-78 ġurnata. Fil-fatt jidher li huwa diffiċli, għal persuna li timpjega li għandha bżonnijiet permanenti u fit-tul, li tevita l-protezzjoni mogħtija mill-Ftehim qafas kontra l-abbużi billi tħalli jiddekorri terminu ta’ madwar xahrejn mat-tmiem ta’ kull kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, b’analoġija, id-digriet Vassilakis et, EU:C:2008:346, punt 115). |
72 |
Madankollu, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, li huma inkarigati bl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u li b’hekk għandhom jiddeċiedu dwar il-kwalifika ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li għandhom jeżaminaw, fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jipprekludu li xi relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jintużaw b’mod abbużiv mill-persuni li jimpjegaw (ara d-digriet Vassilakis et, EU:C:2008:346, punt 116). |
73 |
B’mod partikolari, fil-kawżi bħal dawk fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li t-tul massimu ta’ sena previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkalkolat b’mod li ma jwassalx sabiex jitnaqqas b’mod sostanzjali l-karattru effettiv tal-prevenzjoni u tas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dan jista’ jkun il-każ, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li kieku dan it-tul massimu ma kienx ikkalkolat skont in-numru ta’ ġranet kalendarji koperti minn dawn il-kuntratti ta’ xogħol, iżda skont in-numru ta’ ġranet ta’ attivitajiet effettivament ipprovduti mill-ħaddiem ikkonċernat, meta, minħabba, pereżempju, il-frekwenza żgħira ta’ kollegamenti, dan l-aħħar numru jkun kunsiderevolment inferjuri għall-ewwel. |
74 |
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat biss fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun ġie impjegat mingħajr interruzzjoni bis-saħħa ta’ tali kuntratti mill-istess persuna li timpjega għal tul ta’ żmien ogħla minn sena, fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol titqies li ma ġietx interrotta meta l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu separati minn żmien inferjuri jew ugwali għal 60 ġurnata. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni joħolqu miżura adegwata għall-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.