SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
19 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )
“Regolament (KE) Nru 6/2002 — Disinn Komunitarju — Artikolu 6 — Karattru individwali — Impressjoni ġenerali differenti — Artikolu 85(2) — Disinn Komunitarju mhux irreġistrat — Validità — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova”
Fil-Kawża C-345/13,
għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura
Karen Millen Fashions Ltd
vs
Dunnes Stores,
Dunnes Stores (Limerick) Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Karen Millen Fashions Ltd, minn J. Waters, solicitor, |
— |
għal Dunnes Stores u Dunnes Stores (Limerick) Ltd, minn G. Byrne, solicitor, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal- Artikoli 6 u 85(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Karen Millen Fashions Ltd (iktar ’il quddiem “KMF”) u Dunnes Stores u Dunnes Stores (Limerick) Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dunnes”) dwar talba mressqa minn KMF intiża li tipprojbixxi l-użu, minn Dunnes, ta’ disinni. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-ftehim TRIPs
3 |
Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”) jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994, u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). |
4 |
Fit-Taqsima 4, intitolata “Disinji Industrijali”, tal-parti II tal-imsemmi ftehim, intitolat “Standards dwar id-disponibbiltà, l-għan u l-użu tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali”, l-Artikolu 25, li minn naħa tiegħu huwa intitolat “Ħtiġijiet għall-Protezzjoni”, jiddisponi: “1. Il-Membri għandhom jipprovdu għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali maħluqa indipendentement li huma oriġinali jew ġodda. Il-Membri għandhom jipprovdu li d-disinji mhumiex oriġinali jew ġodda jekk ma jkunux daqshekk differenti mid-disinji jew kombinazzjonijiet tal-karatteristiċi tad-disinn magħrufa. Il-Membri jistgħu jipprovdu li din il-protezzjoni ma tkoprix iżjed minn disinji dettati essenzalment minn konsiderazzjonijiet tekniċi jew funzjonali. [...]” |
Ir-Regolament Nru 6/2002
5 |
Il-premessi 9, 14, 16, 17, 19 u 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdu:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
6 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 6/2002: “1. Disinn li jikkonforma mal-kondizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament huwa minn issa ’l quddiem imsejjaħ bħala ‘disinn Komunitarju’. 2. Disinn għandu jkun protett:
[...]” |
7 |
Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-protezzjoni ta’ disinn bħala disinn Komunitarju jingħata biss sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali. |
8 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:
2. Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.” |
9 |
L-Artikolu 6 tal-istess regolament jiddisponi: “1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat [avżat] tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:
2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.” |
10 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa fformulat kif ġej: “1. Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba. 2. Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-Komunità jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.” |
11 |
L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet. 2. Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett. L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur. [...]” |
12 |
Skont l-Artikolu 85(2) tal-imsemmi regolament: “Fil-proċeduri rigward kawża ta’ kontravenzjoni jew kawża ta’ kontravenzjoni mhedda ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tittratta d-disinn Komunitarju bħala validu jekk il-pussessur tad-dritt jipproduċi prova illi ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 u jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu. Madankollu, il-konvenut jista’ jikkontesta l-validità tiegħu permezz ta’ talba jew b’kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
KMF hija kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li għandha bħala attività tagħha l-fabbrikazzjoni u l-bejgħ ta’ ħwejjeġ tan-nisa. |
14 |
Dunnes huwa grupp kbir ta’ bejgħ bl-ingrossa fl-Irlanda, li, permezz tal-attivitajiet tiegħu, ibiegħ ħwejjeġ tan-nisa. |
15 |
Fl-2005, KMF ħolqot u qegħdet għall-bejgħ fl-Irlanda qmis irrigata, f’verżjoni blu u f’verżjoni kannella lewn il-ġebla, kif ukoll top iswed tas-suf (iktar ’il quddiem il-“ħwejjeġ ta’ KMF”). |
16 |
Rappreżentanti ta’ Dunnes xtraw xi eżemplari tal-ħwejjeġ ta’ KMF minn wieħed mill-punti ta’ bejgħ ta’ din il-kumpannija tal-aħħar. Sussegwentement, Dunnes iffabbrika kopji ta’ dawn il-ħwejjeġ barra mill-Irlanda u qegħdhom għall-bejgħ fil-ħwienet Irlandiżi fl-aħħar tas-sena 2006. |
17 |
Peress li affermat li kienet id-detentur ta’ disinni Komunitarji mhux irreġistrati fir-rigward tal-imsemmija ħwejjeġ, KMF, fit-2 ta’ Jannar 2007, ressqet kawża quddiem il-High Court, li biha fittxet, b’mod partikolari, li tipprojbixxi lil Dunnes milli juża dawn id-disinni, kif ukoll li tikseb kumpens. |
18 |
Il-High Court laqgħet din it-talba. |
19 |
Dunnes ressaq appell mid-deċiżjoni tal-High Court quddiem is-Supreme Court. |
20 |
Din il-qorti tindika li Dunnes ma jikkontestax li kkopja l-ħwejjeġ ta’ KMF u jammetti li d-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, li tagħhom KMF tafferma li hija d-detentur, huma ġodda. |
21 |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Dunnes jikkontesta li KMF hija detentur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat għal kull waħda mill-ħwejjeġ ta’ KMF għar-raġuni li, minn naħa, dawn ma għandhomx karattru individwali fis-sens tar-Regolament Nru 6/2002 u li, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar jimponi fuq KMF li tipprova, fil-fatt, li dawn il-ħwejjeġ għandhom dan il-karattru. |
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni ġenerali li d-disinn jipproduċi fuq l-utent avżat għandha tkun differenti minn dik prodotta fuq l-istess utent minn wieħed jew diversi disinni preċedenti, meħuda individwalment, jew b’kombinazzjoni ta’ elementi iżolati, meħuda minn diversi disinni preċedenti. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirriżultax li l-impressjoni ġenerali msemmija f’dan l-artikolu għandha tkun dik prodotta minn din il-kombinazzjoni. |
25 |
Fil-fatt, peress li jagħmel riferiment għall-impressjoni ġenerali li tiġi prodotta fuq utent avżat minn “kull disinn” li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku, l-imsemmi Artikolu 6 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandha titwettaq fil-konfront ta’ wieħed jew diversi disinni speċifiċi, individwalizzati, iddeterminati u identifikati minn fost id-disinni kollha magħmula disponibbli preċedentement lill-pubbliku. |
26 |
Hekk kif irrilevaw il-gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li, meta dan ikun possibbli, l-utent avżat iwettaq paragun dirett tad-disinni inkwistjoni (ara s-sentenzi PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 55, kif ukoll Neuman et vs José Manuel Baena Grupo, C-101/11 P u C-102/11 P, EU:C:2012:641, punt 54), għaliex dan il-paragun jitqabbel effettivament mal-impressjoni prodotta fuq dan l-utent mhux minn numru ta’ elementi speċifiċi jew minn partijiet ta’ disinni preċedenti, imma minn disinni preċedenti individwalizzati u ddeterminati. |
27 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma jistax jiġi eskluż li tali tqabbil ma jsirx, jew ma huwiex normali li jsir fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi jew minħabba l-karatteristiċi tal-oġġetti li t-trade mark u d-disinn inkwistjoni jirrappreżentaw. F’dan il-kuntest, hija rrilevat li, fl-assenza ta’ indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 6/2002, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-evalwazzjoni tad-disinni eventwali għal paragun dirett (ara s-sentenzi PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, EU:C:2011:679, punti 55 u 57, kif ukoll Neuman et vs José Manuel Baena Grupo, EU:C:2012:641, punti 54 u 56). |
28 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà ta’ paragun indirett tad-disinni inkwistjoni, hija sussegwentement sempliċement iddeċidiet li l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tibbaża r-raġunament tagħha fuq it-tifkira imperfetta tal-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn id-disinni (ara s-sentenzi PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, EU:C:2011:679, punt 58, kif ukoll Neuman et vs José Manuel Baena Grupo, EU:C:2012:641, punt 57). |
29 |
Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-paragun indirett ibbażat fuq memorja imperfetta huwa rrelatat mhux ma tifkira ta’ elementi speċifiċi minn numru ta’ disinni preċedenti, imma ma’ dik ta’ disinni ddeterminati. |
30 |
Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq ma jistgħux jiġu mxejna mill-argumenti mqajma minn Dunnes. |
31 |
Għaldaqstant, fir-rigward, minn naħa, tal-argumenti bbażati fuq il-premessi 14 u 19 tar-Regolament Nru 6/2002, li jużaw, rispettivament, l-espressjonijiet “corpus tad-disinn eżistenti” u “f’paragun ma’ disinji oħra”, għandu jitfakkar li l-preambolu ta’ att Komunitarju ma għandux saħħa legali vinkolanti u ma jista’ jiġi invokat la biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas biex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
F’kull każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 tirreferi għall-impressjoni prodotta fuq utent avżat mill-“corpus tad-disinn eżistenti”, dawn il-kliem ma jidhru fl-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament. |
33 |
Barra minn hekk, la l-użu ta’ dawn il-kliem, la dak, fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 6/2002, tal-kliem “f’paragun ma’ disinji oħra” ma jimplika li l-impressjoni rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament tkun dik li tiġi prodotta mhux minn disinni preċedenti individwalizzati, imma minn kombinazzjoni ta’ elementi iżolati, ibbażati fuq tali disinni. |
34 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riferiment għal “kombinazzjonijiet tal-karatteristiċi tad-disinn magħrufa”, li jidher fit-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Ftehim TRIPs, huwa biżżejjed li jingħad li din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini fakultattivi u li, konsegwentement, il-partijiet għal dan il-ftehim ma humiex marbuta li jipprevedu li n-novità jew l-oriġinalità ta’ disinn jiġu evalwati fid-dawl ta’ dawn il-kombinazzjonijiet. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni ġenerali li dan id-disinn jipproduċi fuq l-utent avżat għandha tkun differenti minn dik li tiġi prodotta fuq dan l-utent mhux b’kombinazzjoni ta’ elementi iżolati, ibbażati fuq numru ta’ disinni preċedenti, imma minn wieħed jew diversi disinni preċedenti, meħuda individwalment. |
Fuq it-tieni domanda
36 |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex qorti tad-disinni Komunitarji tqis li disinn Komunitarju mhux irreġistrat huwa validu, id-detentur ta’ dan id-disinn ikollu jipprova li dan għandu karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, jew jekk għandux biss jindika x’jikkostitwixxi l-karattru fl-imsemmi disinn. |
37 |
Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, sabiex disinn Komunitarju mhux irreġistrat jitqies li huwa validu, huwa d-detentur tiegħu, minn naħa, li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li għandu jindika x’jikkostitwixxi karattru individwali f’dan id-disinn. |
38 |
Konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 1 ta’ dan ir-regolament jiġi protett bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat matul perijodu ta’ tliet snin li jibdew jiddekorru mid-data li fiha dan id-disinn ikun magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
39 |
Hekk kif jindika t-titolu stess tal-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, preżunzjoni ta’ validità tad-disinni Komunitarji rreġistrati u, fil-paragrafu 2 tiegħu, preżunzjoni ta’ validità tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati. |
40 |
Issa, l-implementazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ta’ validità hija, min-natura tagħha, inkompatibbli mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 mogħtija minn Dunnes, li tgħid li l-prova li d-detentur ta’ disinn għandu jipproduċi bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti, tinkludi l-prova li d-disinn inkwistjoni jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fit-Taqsima 1 tat-Titolu II tal-imsemmi regolament, jiġifieri fl-Artikoli 3 sa 9 ta’ dan l-istess regolament. |
41 |
Bl-istess mod, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, proposta minn Dunnes, ikollha bħala effett li tneħħi mis-sens tagħha u mis-sustanza tagħha t-tieni kundizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 85(2), jiġifieri dik li tgħid li d-detentur ta’ disinn għandu jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali f’dan id-disinn. |
42 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma tkunx konformi mal-għan ta’ sempliċità u ħeffa li, kif jirriżulta mil-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 6/2002, jiġġustifika l-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat. |
43 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li d-differenza kkontemplata, fl-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 6/2002, bejn il-proċedura dwar disinn Komunitarju rreġistrat u dik dwar disinn Komunitarju mhux irreġistrat toħroġ min-neċessità, fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija, li tiġi ddeterminata d-data li minnha d-disinn inkwistjoni jibda jibbenefika mill-protezzjoni prevista minn dan ir-regolament, kif ukoll l-għan preċiż ta’ din il-protezzjoni. Fil-fatt, minħabba l-assenza ta’ formalità ta’ reġistrazzjoni, dawn l-elementi jistgħu jiġu identifikati b’iktar diffikultà fil-każ ta’ disinn mhux irreġistrat milli dawk ta’ disinn irreġistrat. |
44 |
Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kellu jiġi interpretat fis-sens li disinn Komunitarju mhux irreġistrat jista’ jitqies li huwa validu biss jekk id-detentur tiegħu jistabbilixxi li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fit-Taqsima 1 tat-Titolu II tal-imsemmi regolament, il-possibbiltà, prevista fit-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 85(2), għall-konvenut, li jikkontesta l-validità tal-imsemmi disinn permezz ta’ eċċezzjoni jew permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità titlef ħafna mis-sens tagħha, u tixxejjen fis-sustanza tagħha. |
45 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li sempliċement teżiġi mid-detentur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jindika x’jikkostitwixxi l-karattru individwali, tneħħitilha kull ambigwità u ma għandhiex tiġi interpretata li timplika obbligu li jiġi pprovat li d-disinn inkwistjoni għandu karattru individwali. |
46 |
Fil-fatt, jekk ikun neċessarju, minħabba l-assenza, għal din il-kategorija ta’ disinn, ta’ formalità ta’ reġistrazzjoni, li d-detentur tad-disinn inkwistjoni jispeċifika l-għan tal-protezzjoni li jinvoka bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, ikun biżżejjed għalih li jidentifika l-element jew l-elementi tad-disinn tiegħu li jagħtuh karattru individwali. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex qorti tad-disinni Komunitarji tqis li disinn Komunitarju mhux irreġistrat huwa validu, id-detentur ta’ dan id-disinn ma huwiex marbut li jipprova li huwa għandu karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, imma għandu biss jindika x’jikkostitwixxi dan il-karattru fl-imsemmi disinn, jiġifieri jidentifika l-element jew l-elementi tad-disinn inkwistjoni li, skont dan id-detentur, jagħtuh dan il-karattru. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.