SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 3 — Tkomplija ta’ irregolaritajiet — Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) — Irkupru tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament irċevuti — Terminu ta’ preskrizzjoni — Applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal — Terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali — Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi”

Fil-Kawża C‑341/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Cruz & Companhia Lda

vs

Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas, IP (IFAP),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cruz & Companhia Lda, minn P. Sousa Machado u F. Duarte Geada, advogados,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Moreno, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cruz & Companhia Lda (iktar ’il quddiem “Cruz & Companhia”) u l-Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas, IP (Istitut għall-finanzjament tal-agrikoltura u tas-sajd, iktar ’il quddiem l‑“IFAP”), li kienet tikkonċerna eżekuzzjoni fiskali relatata mal-irkupru ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ nbid indebitament irċevuti minn Cruz & Companhia matul is-sena ta’ negozju 1995.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2988/95

3

Skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95:

“Billi regoli dettaljati li jirregolaw din l-amministrazzjoni deċentralizzata u l-osservazzjoni mill-qrib ta’ l-użu tagħhom huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet dettaljati li jvarjaw skond il-politika Komunitarja involuta; billi atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom, madankollu, jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;”

4

Il-ħames premessa ta’ dan ir-regolament tipprovdi li “[b]illi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament”.

5

Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

2.   “Irregolarità” għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

6

L-Artikolu 3(1) u (3) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

[...]

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragraf[u] 1 […]”

7

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[...]

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[...]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

8

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

a)

il-ħlas ta’ multa amministrattiva;

b)

il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; [...];

ċ)

it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

[...]

ġ)

penali oħra ta’ tip purament ekonomiku, ekwivalenti fin-natura u l-qasam ta’ applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-oqsma involuti u b’konformità mal-poteri ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m’humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il-penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.”

9

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2988/95, dan daħal fis-seħħ fis‑26 ta’ Diċembru 1995.

Ir-Regolament (KEE) Nru 729/70

10

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal‑21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 94, p. 13), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat‑22 ta’ Mejju 1995 (ĠU L 125, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 729/70”), kien jipprovdi, li l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), huwa parti mill-baġit tal-Unjoni li jinkludi żewġ taqsimiet, jiġifieri t-taqsima “garanzija” u t-taqsima “gwida”. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, it-taqsima “garanzija” tiffinanzja, fost oħrajn, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

11

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, mogħtija skont ir-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, għandhom jiġu ffinanzjati skont l-Artikolu 1(2)(a).

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament kien jgħid kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni:

a)

id-dettalji dwar id-dipartimenti u l-korpi akkreditati biex iħallsu l-infiq imsemmi fl-Artikoli 2 u 3, iktar ’il quddiem imsejħa ‘il-korpi li jħallsu’.

[...]

3.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni [ċerta] informazzjoni [...] dwar il-korpi li jħallsu, [li tikkonċerna] l-isem tagħhom u l-istatus tagħhom, il-kundizzjonijiet amministrattivi, kontabbli u ta’ verifika interna li fihom isiru l-ħlasijiet relatati mal-eżekuzzjoni tar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, [kif ukoll] l-att ta’ akkreditazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minnufih dwar kull emenda li ssir.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 729/70 kien jirregola l-metodi skont liema l-finanzjamenti magħmula mid-dipartimenti u mill-korpi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament huma approvati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-kontijiet FAEGG u kien jipprovdi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari li d-deċiżjoni ta’ verifika tal-kontijiet tikkonċerna n-natura integra, eżatti u veritiera tal-kontijiet trażmessi.

14

L-Artikolu 5(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi iktar preċiżament li l-Kummissjoni:

“għandha tiddeċiedi fuq l-infiq għandu jiġi eskluż mill-finanzjament [tal-Unjoni] msemmi fl-Artikoli 2 u 3, meta hija tikkonstata li ma jkunx sar konformement mar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni].

Qabel ma tittieħed kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament, ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni kif ukoll ir-risposti tal-Istat Membru kkonċernat huma suġġetti għal komunikazzjonijiet bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jipprovaw jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Fil-każ ta’ assenza ta’ ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil-għan ta’ medjazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi f’terminu ta’ erba’ xhur, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport ikkomunikat lill-Kummissjoni u eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi b’mod partikolari fid-dawl tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatata. Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan is-sens, in-natura u l-gravità tal-ksur, kif ukoll tad-dannu finanzjarju kkawżat lill‑[Unjoni].

Rifjut ta’ finanzjament ma jistax jikkonċerna l-infiq magħmul qabel l-erbgħa u għoxrin xahar li ppreċedew il-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat tar-riżultati ta’ dawn il-verifiki. Madankollu, din id‑dispożizzjoni ma tapplikax għall‑konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu:

mill-każijiet ta’ irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 8(2),

wara għajnuniet nazzjonali, jew wara ksur li għalihom inbdew il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 93 u 169 tat-Trattat [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L‑Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw, konformement mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw ruħhom dwar ir-realtà u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG, sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet u jieħdu passi fil-konfront tagħhom, kif ukoll sabiex jirkupraw l-ammonti mitlufa bħala riżultat ta’ irregolaritajiet jew ta’ negliġenza.

16

L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament kien jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet jew tan-negliġenza għandhom jiġu sostnuti mill-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew lill-korpi oħra fl-Istati Membri. Skont l-aħħar subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, “l-ammonti rkuprati għandhom jitħallsu lill-korpi li jħallsu akkreditati u huma għandhom inaqqsuhom mill-infiq iffinanzjat mill-[FAEGG]. L-interessi fuq l-ammonti rkuprati jew imħallsa tardivament għandhom jitħallsu fil-[FAEGG]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Portugiż

17

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Portugiż ma jipprovdix terminu ta’ preskrizzjoni speċifika għall-irkupru, favur il-baġit tal-Unjoni, tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament irċevuti f’dan l-Istat Membru. L-Artikolu 309 tal-kodiċi ċivili jipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali ta’ għoxrin sena, filwaqt li l-Artikolu 304(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“[m]eta t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun iddekorra, il-benefiċjarju għandu l-possibbiltà li jirrifjuta li jwettaq is-servizz jew li jikkontesta, b’kull mod, l-eżerċizzju tad-dritt preskritt.”

18

Id-Digriet-Liġi Nru 155/92, tat‑28 ta’ Ġunju 1992, jistabbilixxi s-sistema ta’ amministrazzjoni finanzjarja tal-Istat. L-Artikolu 36 tiegħu jipprovdi b’mod partikolari l-metodi ta’ rkupru ta’ fondi pubbliċi intiżi li jitħallsu fit-Teżor pubbliku.

19

L-Artikolu 40 ta’ dan id-Digriet-Liġi jiddisponi:

“1 –   In-natura obbligatorja tal-ħlas lura tal-ammonti rċevuti hija preskritta ħames snin wara li dawn ikunu ġew irċevuti.

2 –   It-terminu msemmi iktar ’il fuq huwa interrott jew sospiż jekk tiġi sodisfatta waħda mill-kawżi ġenerali ta’ interruzzjoni jew ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Cruz & Companhia hija kumpannija li l-għan tagħha jikkonsisti fil-kummerċ ta’ nbejjed, eaux de vie u d-derivati tagħhom. Fil-kuntest tal-attività tagħha, din il-kumpannija wettqet numru ta’ esportazzjonijiet ta’ nbid lejn l-Angola, matul is-sena ta’ negozju 1995, bi prezz inferjuri għal dak li hija kienet tikseb li kieku hija kienet biegħet l-inbid fis-suq tal-Unjoni. Cruz & Companhia talbet lill-Instituto Nacional de Garantia Agrária (Istitut nazzjonali ta’ granzija agrikola, iktar ’il quddiem l-“INGA”) il-ħlasijiet fuq l-esportazzjoni u f’dan ir-rigward ippreżentat id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni fuq l-esportazzjoni.

21

Matul is-sena 2004, l‑INGA talab lil Cruz & Companhia r-rimbors tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament irċevuti li jammontaw għal EUR 634 995.78.

22

Matul is-sena 2005, l-INGA ressaq proċedura ta’ rkupru ġudizzjarju ta’ dan id-dejn kontra Cruz & Companhia.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2011, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Viseu (tribunal amministrattiv u fiskali ta’ Viseu, il-Portugall) ċaħad ir-rikors ta’ Cruz & Companhia kontra l-proċedura ta’ rkupru, billi qies li din ma kinitx preskritta fir-rigward tat-terminu ta’ għoxrin sena previst fl-Artikolu 309 tal-kodiċi ċivili.

24

Cruz & Companhia ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (Qorti amministrattiva suprema). Hija ssostni, essenzjalment, li l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ġenerali ta’ għoxrin sena għall-irkupru, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ nbid mogħtija matul is-sena ta’ negozju 1995 tikser id-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku Portugiż, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni tat-tilwim Komunitarju fil-konfront tat-tilwim nazzjonali u ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, Cruz & Companhia ssostni li, fil-kawża li tikkonċernaha, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 kellu jiġi applikat, ġaladarba l-leġiżlazzjoni Portugiża ma kinitx tipprovdi terminu speċifiku itwal, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Insostenn tal-argumenti tagħha, hija tinvoka b’mod partikolari r-raġunament li nsilet mis-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282).

25

Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li, fil-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi applikat terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni itwal skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, Cruz & Companhia tqis li dan għandu jkun it-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 40 tad-Digriet‑Liġi Nru 155/92, tat‑28 ta’ Ġunju 1992, dwar l-azzjoni kontra irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi nazzjonali tar-Repubblika Portugiża, ġaladarba l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi li l-azzjoni kontra irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tiġi rregolata minn regola ta’ preskrizzjoni erba’ darbiet itwal minn dik applikabbli għas-sitwazzjonijiet analogi nazzjonali.

26

Min-naħa tagħha l-IFAP essenzjalment issostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 ma kienx japplika għall-azzjonijiet kontra irregolaritajiet eżerċitati taħt il-forma ta’ miżuri amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ir-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 3 jikkonċernaw biss azzjonijiet intiżi bil-għan li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament.

27

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2011 tat-Tribunal Administrativo e Fiscal de Viseu hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma kienx dak stabbilit fl-Artikolu 40 tad-Digriet‑Liġi Nru 155/92, iżda kienet it-terminu ġenerali ta’ għoxrin sena stabbilit fl-Artikolu 309 tal-kodiċi ċivili.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-applikabbiltà fil-kawża li biha hija adita tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-punt jekk din id-dispożizzjoni tapplikax biss għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-korp nazzjonali ta’ ħlas tal-għajnuna agrikola, jew ukoll għar-relazzjonijiet bejn dan il-korp ta’ ħlas u l-benefiċjarju tal-għajnuna meqjusa li ġiet irċevuta b’mod indebitu. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin japplikax biss għas-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, jew jekk japplikax ukoll għall-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supremo Tribunal Administrativo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 2988/95], japplika biss għar-relazzjoni bejn [l-Unjoni] Ewropea u l-[korp] ta’ ħlas ta’ għajnuna [tal-Unjoni], jew ukoll għar-relazzjoni bejn il-[korp nazzjonali] ta’ ħlas ta’ għajnuna [tal-Unjoni] u [...] [l-]benefiċjarja ta’ għajnuna meqjusa li ngħatat indebitament?

2)

Jekk tingħata risposta fis-sens li t-terminu previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 2988/95] huwa applikabbli wkoll għar-relazzjoni bejn [il-korp nazzjonali] ta’ ħlas tal-għajnuna u l-benefiċjarja tal-għajnuna meqjusa li ngħatat indebitament, dan it-terminu għandu jinftiehem li huwa applikabbli biss meta jkun hemm sanzjonijiet amministrattivi mqiegħda inkwistjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 2988/95] jew anki meta inkwistjoni jkun hemm ‘proċedura amministrattiva’, skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, b’mod partikolari dik li jiġu rrimborsati l-ammonti rċevuti indebitament?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq ir-rilevanza tar-risposti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali

30

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Portugiż sostna li l-kawża prinċipali ma tistax tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/95, sa fejn jidher li ma huwiex inkwistjoni t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet amministrattivi, iżda l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rimbors tal-għajnuna indebitament mogħtija lil Cruz & Companhia, jiġifieri proċedura għal irkupru ta’ dejn. B’hekk, is-sistema ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, ma jistax iżjed jiġi invokat fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata li tobbliga l-irkupru tal-għajnuna. Konsegwentement, ir-risposti għad-domandi magħmula ma humiex rilevanti biex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

31

Ċertament, hekk kif jenfasizza dan il-gvern, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jipprovdix terminu ta’ eżekuzzjoni għal deċiżjoni nazzjonali li tiddeċiedi “miżura amministrattiva” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

32

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:429, punt 26, kif ukoll Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, f’din il-kawża, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta espressament mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħti deċiżjoni billi tikkunsidra li Cruz & Companhia ma kinitx invokat direttament fir-rikors tagħha l-preskrizzjoni tad-dejn li għandu jiġi eżegwit, iżda l-preskrizzjoni tal-“obbligu li trodd lura s-somom irċevuti” li jirriżultaw mill-azzjonijiet dovuti għall-irregolaritajiet ikkonstatati. B’hekk il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi tagħha bil-għan li tiddetermina, essenzjalment, sa fejn ir-Regolament Nru 2988/95 jinkludi, mill-perspettiva temporali, l-azzjoni ta’ awtorità amministrattiva intiża li tadotta miżura amministrattiva ta’ rkupru ta’ dejn indebitament irċevut mill-baġit tal-Unjoni.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-azzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet nazzjonali kontra l-benefiċjarji ta’ għajnuna tal-Unjoni wara l-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet mill-korp nazzjonali inkarigat mill-għoti tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fil-kuntest tal-FAEGG.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 729/70, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mogħtija skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli huma ffinanzjati taħt l-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament.

37

Bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom jakkreditaw id-dipartimenti u l-korpi inkarigati milli jħallsu l-infiq imsemmi fl-Artikoli 2 u 3 tiegħu. Huma għandhom, b’mod partikolari, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kundizzjonijiet amministrattivi u kontabbli skont liema jsiru l-ħlasijiet relatati mal-eżekuzzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jirregola l-metodi skont liema l-finanzjamenti ttrasferiti minn dawn id-dipartimenti u korpi nazzjonali huma approvati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-kontijiet FAEGG.

38

Bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom jadottaw, konformement mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat jekk l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG humiex reali u regolari, sabiex ikun hemm prevenzjoni u azzjonijiet kontra l-irregolaritajiet kif ukoll sabiex jiġu rkuprati l-ammonti ta’ flus mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi. Fin-nuqqas ta’ rkupru totali, l-Unjoni għandha tbati l-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet jew tan-negliġenzi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew negliġenzi attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew lill-korpi tal-Istati Membri. L-ammonti hekk irkuprati għandhom jitħallsu lid-dipartimenti jew lill-korpi ta’ ħlas u għandhom jitnaqqsu mill-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEGG.

39

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu bħala prinċipju inkarigati mill-azzjonijiet u mill-premuri għall-bżonnijiet tas-sistemi ta’ ġbir u ta’ restituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mertens et, 178/73 sa 180/73, EU:C:1974:36, punt 16) u li, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi, il-kliem innifsu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 729/70, dwar l-irkupru, mill-Istati Membri, tal-ammonti mitlufa wara li jkunu seħħew irregolaritajiet, jobbligaw espressament lill-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati mill-ġestjoni tal-mekkaniżmi Komunitarji ta’ intervent agrikolu li jirkupraw l-ammonti indebitament jew irregolarment imħallsa mingħajr ma dawn l-amministrazzjonijiet, li jaġixxu f’isem l-Unjoni, jistgħu, f’din l-okkażżjoni, jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali fuq l-opportunità jekk għandux jiġi rikjest jew le l-ħlas lura tal-fondi tal-Unjoni indebitament jew irregolarment mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BayWa et, 146/81, 192/81 u 193/81, EU:C:1982:146, punt 30).

40

F’dan ir-rigward, billi rrikjedew ir-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni rċevuti indebitament mill-baġit tal-Unjoni mingħand operatur, bħal Cruz & Companhia fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jaġixxu f’isem il-baġit tal-Unjoni u qed jieħdu azzjoni kontra irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, b’tali mod li huma jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

41

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal azzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet nazzjonali kontra benefiċjarji ta’ għajnuna tal-Unjoni wara li jkunu ġew ikkonstatati irregolaritajiet mill-korp nazzjonali inkarigat mill-għoti tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fil-kuntest tal-FAEGG.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwiex applikabbli mhux biss għal azzjonijiet kontra irregolaritajiet li jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll għall-azzjoniijet li jagħtu lok għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]” u li, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan regolament, “[s]abiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni]” (sentenzi Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 31, kif ukoll Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 20).

44

Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fir-rigward tal-azzjonijiet, terminu ta’ preskrizzjoni li jiddekorri minn meta titwettaq l-irregolarità, li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, isemmi “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni]” (sentenzi Handlbauer, EU:C:2004:388, punt 32, kif ukoll Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 21).

45

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 tiegħu, kif ukoll għal dawk li huma s-suġġett ta’ miżura amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, liema miżura jkollha bħala għan l-irtirar tal-vantaġġ indebitament miksub mingħajr madankollu ma jkollu n-natura ta’ sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Handlbauer, EU:C:2004:388, punti 33 u 34, kif ukoll Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 22).

46

Madankollu, fejn jikkonċerna l-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ir-Regolament Nru 2988/95 japplikax ratione temporis, sa fejn il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament irċevuti minn Cruz & Companhia tħallsu għal tranżazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

47

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kien ippreveda ebda regola ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tal-vantaġġi indebitament irċevuti mill-operaturi ekonomiċi wara att jew ommissjoni min-naħa tagħhom li kellhom jew jidhru li kellhom bħala effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni jew baġits amministrati minnha (sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 25).

48

Għalhekk, qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, it-tilwim relatat mal-irkupru ta’ ammonti indebitament imħallsa skont id-dritt tal-Unjoni għandhom, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom, madankollu bil-kundizzjoni ta’ limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens li l-metodi previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex ikun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-irkupru tal-għajnuna indebita u li l-applikazzjoni ta’ din għandha ssir b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbel mal-proċeduri intiżi sabiex tittieħed deċiżjoni ta’ kawżi nazzjonali tal-istess tip (ara s-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 26).

49

Billi adotta r-Regolament Nru 2988/95, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikabbli fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà li jiġu rkuprati ammonti tal-baġit tal-Unjoni indebitament imħallsa wara li jkun skada l-perijodu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li affettwat il-ħlasijiet kontenzjużi (sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 27).

50

B’hekk, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa b’dan il-mod regola ta’ preskrizzjoni ġenerali li permezz tagħha huwa naqqas volontarjament b’erba’ snin il-perijodu li matulu l-awtoritajiet tal-Istati Membri, meta jaġixxu f’isem il-baġit tal-Unjoni, għandhom jew misshom irkupraw tali vantaġġi rċevuti b’mod indebitu (sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 29), madankollu bl-eċċezzjoni ta’ azzjonijiet kontra żbalji jew irregolaritajiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali nfushom (ara, f’dan is-sens, Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, C‑281/07, EU:C:2009:6, punt 22).

51

Fir-rigward tad-dejn li rriżulta taħt regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni, li jkun għadu ma ġiex preskritt taħt din ir-regola, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu bħala konsegwenza li, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, tali dejn għandu bħala prinċipju jkun preskritt f’terminu ta’ erba’ snin li jiddekorru mid-data li fiha seħħew l-irregolaritajiet (ara s-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 31).

52

F’tali ċirkustanzi, skont l-imsemmija dispożizzjoni, kull ammont li operatur jirċievi indebitament minħabba irregolarità preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu, bħala prinċipju, jitqies li huwa preskritt fl-assenza ta’ kull att ta’ interruzzjoni adottat fl-erba’ snin wara li tkun saret irregolarità, att ta’ interruzzjoni li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament, għandu jitqies li huwa att li jkun innotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jkun provenjenti mill-awtorità kompetenti u intiż għall-investigazzjoni ta’ jew għat-tressiq ta’ azzjoni kontra din l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 32).

53

Minn dan jirriżulta li, meta tkun twettqet irregolarità, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, matul is-sena 1995 tali irregolarità hija suġġetta għar-regola ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin u tkun, għalhekk, preskritta matul is-sena 1999 skont id-data preċiża ta’ meta twettqet din l-irregolarità li tmur lura għas-sena 1995, madankollu bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li jipprovdu għal termini ta’ preskrizzjoni itwal (ara, b’analoġija, is-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, EU:C:2009:38, punt 33).

54

Fit-tieni lok, għandu jitqies ukoll il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espressament, fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li l-Istati Membri jistgħu japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu minimu ta’ erba’ snin previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 3. Fil-fatt, l-imsemmi leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li joħloq uniformità tat-termini applikabbli fil-qasam u, konsegwentement, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 ma jistax kellu bħala konsegwenza li jġiegħel lill-Istati Membri jċaqilqu għal erba’ snin it-termini ta’ preskrizzjoni tagħhom, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni eżistenti preċedentement f’dan ir-rigward, applikati fl-imgħoddi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 25).

55

B’hekk, fil-kuntest tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar tat-termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l-intenzjoni li japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenzi Corman, C‑131/10, EU:C:2010:825, punt 54, kif ukoll Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 26).

56

F’dan ir-rigward, l-itwal termini ta’ preskrizzjoni li l-Istati Membri jżommu l-fakultà li japplikaw skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġenerali li jippreċedu d-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li l-imsemmija Stati jistgħu japplikaw tali termini itwal permezz ta’ applikazzjoni, deċiża permezz ta’ ġurisprudenza, ta’ dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ogħla minn erba’ snin fil-qasam tal-irkupru tal-vantaġġi rċevuti b’mod indebitu (sentenza Ze Fu Fleischhandel et Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 29).

57

Ċertament, huwa iktar komdu għal operatur li jiddetermina t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli meta tali terminu jkun definit mil-leġiżlatur nazzjonali f’dispożizzjoni speċifikament applikabbli għall-qasam ikkonċernat. Madankollu, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni speċifika applikabbli għal qasam bħal dak tar-rimbors tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni rċevuti b’mod indebitu għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix, fih innifsu, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ natura ġenerali previst f’dispożizzjoni li taqa’ taħt id-dritt ċivili u li jirriżulta li huwa ogħla mit-terminu ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 33).

58

Madankollu, tali applikazzjoni tosserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali biss li kieku kellha tkun prevedibbli biżżejjed. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex obbligu li tikkonstata, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, l-eżistenza jew le ta’ tali prassi ġurisprudenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 34).

59

Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal, bħal kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, bil-għan li titressaq azzjoni kontra irregolaritajiet fis-sens ta’ dan ir-regolament, ma għandhiex tmur manifestament lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 79, kif ukoll Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 38).

60

Ċertament, minn naħa, ma huwiex eskluż li regola ta’ preskrizzjoni ta’ għoxrin sena li tirriżulta mid-dritt ċivili tista’ tidher li hi neċessarja u proporzjonata, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ tilwim bejn persuni privati, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija regola u ddefinita mil-leġiżlatur nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 41). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt ċivili tal-Istat Membru inkwistjoni ma huwiex kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Corman, EU:C:2010:825, punti 24, 31 u 49).

61

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-imsemmi għan, li fir-rigward tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, jew anki ta’ tliet snin, kien diġà fih innifsu terminu suffiċjenti sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu fir-rigward ta’ irregolarità li tippreġudika dawn l-interessi finanzjarji u li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ miżura bħall-irkupru ta’ vantaġġ miksub b’mod indebitu, il-fatt li l-awtoritajiet jingħataw terminu ta’ tletin sena jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal amministrazzjoni diliġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 43).

62

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din l-amministrazzjoni għandha obbligu ġenerali ta’ diliġenza fil-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet imwettqa minnha stess u li jaqgħu taħt il-baġit tal-Unjoni, ġaladarba l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligu ta’ diliġenza ġenerali tal-Artikolu 4(3) UE li jimplika li huma għandhom jadottaw il-miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw għall-irregolaritajiet bi prontezza. B’hekk, li tiġi aċċettata l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu lill-imsemmija amministrazzjoni perijodu itwal sabiex tressaq azzjoni minn dak previst l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jista’, b’ċertu mod, jinkoraġġixxi inerzja min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex iressqu azzjoni kontra “irregolaritajiet” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, filwaqt li jesponu lill-operaturi, minn naħa, għal perijodu twil ta’ inċertezza legali u, min-naħa l-oħra, għar-riskju li ma jkunux iżjed f’pożizzjoni li jipproduċu l-prova tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fi tmiem tali perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punti 44 u 45).

63

Tali kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għoxrin sena li jirriżulta minn dispożizzjoni tal-kodiċi ċivili bil-għan li titressaq azzjoni kontra irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, għalkemm li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin seta’ deher qasir wisq biex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jressqu azzjoni kontra irregolaritajiet li jkollhom ċerta kumplessità, xorta jibqa’ possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali konformement mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu li jadotta terminu ta’ preskrizzjoni itwal bħall-Artikolu 40 tad-Digriet-Liġi Nru 155/92 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, EU:C:2011:282, punt 46).

64

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, fl-assenza ta’ tali regola, irregolaritajiet bħal dawk li kienu s-suġġett tal-kawża prinċipali għandhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jitqiesu li huma preskritti f’terminu ta’ erba’ snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha huma twettqu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni previsti fit-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u b’osservanza tal-limitu massimu stabbilit permezz tar-raba’ subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 3(1).

65

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma huwiex applikabbli biss għat-tressiq ta’ azzjoni kontra irregolaritajiet li jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll għall-azzjonijiet li jagħtu lok għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Għalkemm l-Artikolu 3(3) tal-istess regolament jippermetti lill-Istati Membri japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal minn dawk ta’ erba’ jew tliet snin previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġenerali li jippreċedu d-data ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għoxrin sena jmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal azzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet nazzjonali kontra benefiċjarji ta’ għajnuna tal-Unjoni wara li jkunu ġew ikkonstatati irregolaritajiet mill-korp nazzjonali inkarigat mill-għoti tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG).

 

2)

It-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma huwiex applikabbli biss għat-tressiq ta’ azzjoni kontra irregolaritajiet li jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll għall-azzjonijiet li jagħtu lok għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Għalkemm l-Artikolu 3(3) tal-istess regolament jippermetti lill-Istati Membri japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal minn dawk ta’ erba’ jew tliet snin previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġenerali li jippreċedu d-data ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għoxrin sena jmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.