Kawża C‑327/13

Burgo Group SpA

vs

Illochroma SA

u

Jérôme Theetten

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ — Grupp ta’ kumpanniji — Stabbiliment — Dritt li tiftaħ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza — Kriterji — Persuna awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament Nru 1346/2000 – Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza – Proċedimenti sekondarji – Debitur li għandu stabbiliment fit-territorju tal-Istat tas-sede rreġistrata tiegħu – Kunċett ta’ stabbiliment – Stabbiliment li għandu personalità ġuridika – Inklużjoni – Kriterji

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikoli 2(h) u 3(2))

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament Nru 1346/2000 – Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza – Proċedimenti sekondarji – Persuni li huma awtorizzati li jiftħu – Evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt nazzjonali – Limitazzjoni biss lil dawk il-kredituri ddomiċiljati jew li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Istat Membru tal-istabbiliment ikkonċernat jew lil dawk li għandhom kreditu li toriġina mill-operat ta’ dan l-istabbiliment – Inammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 29(b))

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament Nru 1346/2000 – Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza – Proċedimenti sekondarji – Ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji f’proċedimenti prinċipali ta’ stralċ – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ adegwatezza – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)

  1.  L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tat-tqegħid fi stralċ ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih għandha s-sede rreġistrata tagħha, din il-kumpannija tista’ tkun suġġetta wkoll għal proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza fl-Istat Membru l-ieħor, fejn ikollha s-sede rreġistrata tagħha u fejn hija jkollha personalità ġuridika.

    Fil-fatt, min-naħa, l-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jeskludix li stabbiliment, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkollu personalità ġuridika u li jkun qiegħed fl-Istat Membru fejn il-kumpannija għandha s-sede prinċipali tagħha bil-kundizzjoni li jissodisfa l-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni.

    Min-naħa l-oħra, jekk il-kunċett ta’ “stabbiliment” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jinkludi post ta’ operazzjonijiet ta’ kumpannija debitriċi, post li jissodisfa espressament il-kriterji previsti fl-Artikolu 2(h) u li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab is-sede prinċipali ta’ din il-kumpannija, l-interessi lokali, li jinkludu b’mod partikolari l-interessi ta’ kredituri stabbiliti f’dan l-Istat Membru, jiġu mċaħħdin mill-protezzjoni prevista minn dan ir-regolament, f’forma ta’ ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji fl-imsemmi Stat Membru. Fl-aħħar nett din l-interpretazzjoni x’aktarx twassal għal trattament diskriminatorju tal-kredituri stabbiliti fl-Istat Membru fejn il-kumpannija debitriċi jkollha s-sede rreġistrata tagħha meta mqabbla, b’mod partikolari mal-kredituri stabbiliti fi Stati Membri oħra li fihom, skont il-każ, ikun hemm stabbilimenti oħra tad-debitur.

    (ara l-punti 32, 35, 38, 39 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 29(b) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar liema persuna jew awtorità li hija awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandha tiġi evalwata abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Id-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ma jistax madankollu jiġi limitat biss għall-kredituri ddomiċiljati jew li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Istat Membru li fih qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat jew biss għall-kredituri li d-dejn tagħhom joriġina mill-operat ta’ dan l-istabbiliment.

    Fil-fatt, fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kwistjoni dwar liema persuni huma awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, l-Istati Membri huma obbligati li jaraw li tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament, fid-dawl tal-għan tiegħu. Issa, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jikkonċernaw id-dritt ta’ kreditur li jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji huma mmirati, b’mod partikolari, biex itaffu l-effetti tal-applikazzjoni universali tad-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti prinċipali, billi jawtorizza, f’ċerti ċirkustanzi, il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji bil-għan li jiġu protetti d-diversi interessi li jinkludu interessi oħra minbarra l-interessi lokali.

    Min-naħa l-oħra, ir-Regolament jagħmel distinzjoni netta bejn il-proċedimenti territorjali miftuħa qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali u l-proċedimenti sekondarji. Madankollu, huwa biss fir-rigward tal-ewwel proċedimenti li d-dritt li jintalab il-ftuħ tagħhom jingħata biss lill-kredituri li d-domiċilju, ir-residenza abitwali jew is-sede rreġistrata tagħhom ikunu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat, jew li d-dejn tagħhom joriġina fl-operat ta’ dan l-istabbiliment. Minn dan jirriżulta, a contrario, li dawn il-limitazzjonijiet ma japplikawx għall-proċedimenti sekondarji.

    Fl-aħħar nett, limitazzjoni possibbli tad-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji biss għall-kredituri lokali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li, ma hijiex ġġustifikata.

    (ara l-punti 46-51 u d-dispożittiv 2)

  3.  Ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza huma proċedimenti ta’ stralċ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ adegwatezza mill-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Meta l-Istati Membri, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti, għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tiegħu kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000.

    Barra minn hekk, il-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, l-għanijiet mixtieqa permezz tal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ tali proċedimenti.

    Fl-aħħar nett, wara l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji, il-qorti li tkun fetħet din il-proċedura għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedimenti prinċipali u tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura tar-Regolament b’osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

    (ara l-punti 65-67 u d-dispożittiv 3)