SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
3 ta’ April 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Enerġija — Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar, tal-konsum tal-enerġija tat-televixins — Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2010 — Responsabbiltajiet tan-negozjanti — Televixin ipprovdut mingħajr tikketta, qabel il-bidu tal-applikazzjoni tar-Regolament — Obbligu għan-negozjant li jittikkettja, mill-bidu tal-applikazzjoni tar-Regolament, tali televixin u li jikseb tikketta sussegwentement”
Fil-Kawża C‑319/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Thüringer Oberlandesgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura
Udo Rätzke
vs
S+K Handels GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u B. Eggers, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010, tat-28 ta’ Settembru 2010, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkett[j]ar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, p. 64, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn U. Rätzke u S+K Handels GmbH (iktar ’il quddiem “S+K”), kompetitriċi ta’ U. Rätzke fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparat elettriku, u b’mod partikolari ta’ televixins, dwar azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni bbażata fuq il-Liġi Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni żleali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2010/30/UE
3 |
Il-premessa 19 tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010, dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkett[j]ar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, p. 1), tipprovdi li: “Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonferita s-setgħa sabiex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-ittikkett[j]ar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra skont il-prodott marbut mal-enerġija waqt l-użu. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.” |
4 |
Il-premessa 25 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li: “Meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jippruvaw iżommu lura minn miżuri li jistgħu jimponu, mingħajr ma jkun meħtieġ, obbligi burokratiċi u mhux prattiċi fuq il-parteċipanti tas-suq konċernati, b’mod partikolari intrapriżi [impriżi] żgħar u ta’ daqs medju [SME].” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
[...]” |
6 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Ir-responsabbiltajiet tal-fornituri”, jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[...]
[...]” |
7 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “Ir-responsabbiltajiet tan-negozjanti”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
|
8 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Atti delegati”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu li: “1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu. Fejn prodott jissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, hu għandu jiġi kopert minn att delegat skont il-paragrafu 4. Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta. Fejn att delegat jistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward kemm tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-konsum tar-riżorsi essenzjali ta’ prodott, id-disinn u l-kontenut tat-tikketta għandhom jenfasizzaw l-effiċjenza enerġetika tal-prodott. 2. Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma li ġejjin:
3. Fl-abbozzar ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha: [...]
|
9 |
L-Artikoli 11, 12 u 13 tad-Direttiva 2010/30 jistabbilixxu l-kuntest li fih l-atti delegati skont l-Artikolu 290(2) TFUE jiġu adottati. L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jirregola t-tul tal-eżerċizzju tad-delega mill-Kummissjoni u jobbliga lil din tal-aħħar tippreżenta rapport dwar is-setgħat delegati mhux iktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem ta’ perijodu ta’ ħames snin b’effett mid-19 ta’ Ġunju 2010. Barra minn hekk, huwa jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kull att delegat mill-adozzjoni tiegħu. L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna l-possibbiltà għal revoka tad-delega u l-Artikolu 13 tal-istess direttiva jikkonċerna l-proċedura li l-Parlament u l-Kunsill għandhom isegwu sabiex jifformulaw oġġezzjonijiet għall-atti delegati. |
10 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ sa mhux iktar tard mill-20 ta’ Ġunju 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-20 ta’ Lulju 2011. […]” |
11 |
L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprovdi li: “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-punti (d), (g) u (h) tal-Artikolu 5 għandhom japplikaw mill-31 ta’ Lulju 2011.” |
Ir-Regolament Delegat
12 |
Il-premessa 3 tar-Regolament Delegat tiddikjara li: “Dispożizzjonijiet armonizzati għall-indikazzjoni tal-effiċjenza u l-konsum tal-enerġija tat-televixins permezz tat-tikkett[j]ar u l-informazzjoni standard tal-prodott għandhom jiġu stabbiliti sabiex jipprovdu inċentivi lill-produtturi biex itejbu l-effiċjenza enerġetika tat-televixins, iħeġġu lill-utenti aħħara biex jixtru mudelli enerġetikament effiċjenti, jitnaqqas il-konsum tal-elettriku minn dawn il-prodotti, u jingħata kontribut favur il-funzjonament tas-suq intern.” |
13 |
Il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li: “Sabiex tiġi mħeġġa l-produzzjoni tat-televixins li huma effiċjenti fl-enerġija, il-fornituri li jixtiequ jqiegħdu fis-suq televixins li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti għal klassijiet ogħla ta’ effiċjenza enerġetika għandhom jitħallaw jipprovdu tikketti li juru l-klassijiet qabel id-data għall-wiri mandatorju ta’ dawn il-klassijiet.” |
14 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltajiet tal-fornituri”, jipprovdi li: “1. Il-fornituri għandhom jiżġuraw li:
[...] 3. It-taqsim tat-tikketta stipulata fl-Anness V se japplika skont l-iskeda li ġejja:
|
15 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Responsabbiltajiet tan-negozjanti” jindika li: “In-negozjanti għandhom jiżguraw li:
[...]” |
16 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprovdi li: “Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika [mit-30 ta’ Novembru 2011]. [...] Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.” |
Id-dritt Ġermaniż
17 |
L-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2010 I, p. 254, iktar ’il quddiem il-“UWG”), jipprovdi li: “Prattiki kummerċjali żleali huma illegali meta jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew ta’ operaturi tas-suq oħra”. |
18 |
L-Artikolu 4 tal-UWG jipprovdi li: “Eżempji ta’ prattiki kummerċjali żleali Iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, kull min [...] 11. jikser dispożizzjoni legali li hija, fost oħrajn, intiża li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq.” |
19 |
L-Artikolu 5a(2) u (4) tal-UWG huwa fformulat kif ġej: “(2) Kull min jinfluwenza l-libertà ta’ deċiżjoni tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 3(2), billi jonqos milli jipprovdi informazzjoni li hija importanti fil-kuntest fattwali speċifiku, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-limiti tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali. [...] (4) Informazzjoni li l-konsumaturi ma jistgħux jiċċaħħdu minnha skont regolamenti Komunitarji jew dispożizzjonijiet li jittrasponu direttivi Komunitarji fil-qasam tal-komunikazzjoni kummerċjali, b’mod partikolari tar-reklamar u tal-marketing, għandha titqies wkoll bħala importanti fis-sens tal-paragrafu 2.” |
20 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-UWG hija redatta kif ġej: “Azzjoni għat-tneħħija tal-istat ta’ fatt illegali jew, fil-każ ta’ riskju ta’ reċedività, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni tista’ titressaq kontra kull min iwettaq att kummerċjali illegali fis-sens tal-Artikoli 3 u 7.” |
Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21 |
Fl-20 ta’ Jannar 2012, S+K esponiet, fil-vetrina tagħha, televixin għall-bejgħ li ma kienx juri t-tikketta dwar il-konsum tal-enerġija prevista fl-Anness V tar-Regolament Delegat. It-televixin kien ġie kkunsinnat mill-produttur tiegħu, lil bejjiegħa bl-ingrossa, ElectronicPartner Handel SE, li, min-naħa tagħha, ikkunsinnatu lil S+K fl-20 ta’ Mejju 2011. Dan it-tip ta’ televixin kien għadu jiġi prodott fl-20 ta’ Jannar 2012. |
22 |
Wara twissija magħmula minn U. Rätzke, S+K ressqet azzjoni dikjaratorja negattiva li, min-naħa tagħha, ġiet segwita minn kontrotalba ta’ U. Rätzke intiża li tipprojbixxi lil din il-kumpannija milli tesponi televixins għall-bejgħ li ma jurux it-tikketta prevista fl-Anness V tar-Regolament Delegat. |
23 |
Din il-kontrotalba hija bbażata fuq l-Artikoli 3(1), 4(11) u 8(1) tal-UWG u tqajjem il-kwistjoni dwar jekk S+K kellhiex l-obbligu li tittikkettja, skont l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat, it-televixin li kien ġie kkunsinnat lilha fl-20 ta’ Mejju 2011 mingħajr tikketta. |
24 |
Il-Landgericht Mühlhausen ċaħdet l-imsemmija kontrotalba minħabba li t-televixins ikkunsinnati qabel it-30 ta’ Novembru 2011 mingħajr it-tikketta inkwistjoni u skont is-sitwazzjoni legali prevalenti qabel din id-data ma għandhomx ikollhom iktar tali tikketta wara t-30 ta’ Novembru 2011. |
25 |
Adita b’appell ippreżentat kontra s-sentenza tal-imsemmija qorti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat, li jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, regola ta’ aġir fis-suq, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-UWG. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li t-termini “pprovduta mill-” użati fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat jistgħu jissuġġerixxu li n-negozjant ma huwiex suġġett għal obbligu ta’ ttikkettjar tat-televixins b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011 ħlief jekk il-fornitur ikkunsinna dawn it-televixins b’tikketta skont l-obbligu tiegħu b’effett minn din l-istess data. Madankollu, l-għan tal-obbligu ta’ ttikkettjar, kif iddikjarat fil-premessa 3 tar-Regolament Delegat, jista’, fil-fehma tagħha, ikun favur obbligu ta’ ttikkettjar, b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011, għal kull televixin espost min-negozjanti, inklużi dawk ikkunsinnati qabel din id-data. U. Rätzke jqis li jista’ jiġi dedott mill-konnessjoni mal-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 2010/30, li l-fornituri għandhom l-obbligu li jipprovdu bla ħlas u mingħajr dewmien tikketti fil-każijiet kollha, jiġifieri wkoll għall-apparat ikkunsinnat qabel it-30 ta’ Novembru 2011, sabiex in-negozjanti jkunu jistgħu jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom ta’ ttikkettjar b’effett minn din l-istess data. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Thüringer Oberlandesgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat [...] għandu jiġi interpretat fis-sens
|
Fuq id-domanda preliminari
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għan-negozjanti li jiżguraw li kull televixin, fil-punt tal-bejgħ, juri tikketta li tipprovdi informazzjoni fuq l-effiċjenza enerġetika japplika biss għat-televixins imqiegħda fis-suq b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011. |
28 |
F’dan ir-rigward, kif sostnew il-partijiet ikkonċernati, għandha titwettaq analiżi globali tal-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ televixins imposti fuq in-negozjanti kif ukoll fuq il-fornituri permezz tar-Regolament Delegat, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tiegħu, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/30. |
29 |
Fil-fatt, l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat jimponi fuq in-negozjanti l-obbligu li jwaħħlu fuq kull televixin it-tikketta pprovduta mill-fornituri “skont l-Artikolu 3(1)” ta’ dan ir-regolament. |
30 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat, kuntrarjament għall-Artikolu 3 tiegħu, ma jinkludix skeda awtonoma li tirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis tiegħu. Issa, skont l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2010/30, l-obbligu ta’ ttikkettjar impost fuq in-negozjanti jirrigwarda biss il-prodotti rregolati minn att delegat, u l-Artikolu 10(3)(d) ta’ din l-istess direttiva jippreċiża li dan l-att delegat jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-responsabbiltà fil-qasam tal-ittikkettjar. Fil-fatt, huwa jipprovdi li l-Kummissjoni għandha, meta tabbozza att delegat, “tiffissa data(i) ta’ implimentazzjoni, kull miżura jew perjodu f’diversi stadji, waqt li tikkunsidra b’mod partikolari l-impatti possibbli fuq l-SMEs jew fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi primarjament manifatturati mill-SMEs”. |
31 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li Artikolu 4 tar-Regolament Delegat ma jinkludix skeda awtonoma, iżda jirreferi għall-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jirregola r-responsabbiltajiet tal-fornituri, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, l-obbligu ta’ negozjant li jwaħħal tikketti huwa anċillari għall-obbligu tal-fornitur li jipprovdi t-tikketti korrispondenti. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artiklu 3(3) tar-Regolament Delegat, b’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament, li, skont l-Artikolu 9 tiegħu, japplika mit-30 ta’ Novembru 2011, ma jinkludi ebda rekwiżit għat-televixins imqiegħda fis-suq qabel din id-data. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirregola preċiżament ir-rekwiżiti applikabbli għat-“televixins li tqiegħdu fis-suq [b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011]”, u wara progressivament, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, mill-1 ta’ Jannar 2017 u mill-1 ta’ Jannar 2020. |
33 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, kif sostnew il-partijiet ikkonċernati, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, għandhom jiġu interpretati t-termini “tqiegħdu fis-suq” użati fl-Artikolu 3(3)(a) tar-Regolament Delegat. |
34 |
Skont l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva, “‘tqegħid fis-suq’ tfisser li prodott ikun disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni bil-ħsieb tad-distribuzzjoni jew l-użu tiegħu fl-Unjoni, kemm jekk b’kumpens kif ukoll jekk bla ħlas u irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ”. Għaldaqstant, l-ewwel tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq huwa deċiżiv, irrispettivament mill-metodu ta’ distribuzzjoni. |
35 |
Għaldaqstant, l-obbligu ta’ ttikkettjar huwa impost fuq in-negozjanti biss għal dak li jikkonċerna t-televixins imqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011, jiġifieri trażmessi lill-katina ta’ bejgħ mill-produttur b’effett minn din id-data. |
36 |
Tali approċċ, li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat, ma huwiex ikkontestat minn interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni. |
37 |
Ċertament, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat, impożizzjoni tal-obbligu ta’ ttikkettjar tat-televixins li ġew ikkunsinnati qabel it-30 ta’ Novembru 2011 tista’ tinkoraġġixxi lill-utenti finali sabiex jixtru mudelli li huma effiċjenti fl-enerġija, skont l-għan segwit mir-Regolament Delegat fis-sens tal-premessi 3 u 9 tiegħu. |
38 |
Madankollu, l-effett ta’ inċentiv imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta limitat sa fejn it-tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imsemmija televixins seħħ matul perijodu relattivament qasir. |
39 |
Barra minn hekk, l-effett limitat ta’ obbligu ta’ ttikkettjar impost ukoll fil-konfront tat-televixins ikkunsinnati qabel it-30 ta’ Novembru 2011 ikun sproporzjonat mal-piż amministrattiv li l-miżuri jimponu fuq il-fornituri u n-negozjanti. B’mod partikolari, l-SMEs ikunu obbligati jitolbu lill-produttur tikketti tal-enerġija għat-televixins kollha diġà kkunsinnati qabel it-30 ta’ Novembru 2011. Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 2010/30, ma għandhomx jiġu adottati miżuri li jistgħu jimponu obbligi amministrattivi mingħajr ma jkunu meħtieġa fuq il-parteċipanti tas-suq ikkonċernati, b’mod partikolari l-SMEs. |
40 |
Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 2010/30, din id-dispożizzjoni ma tistax, kuntrarjament għal dak li ġie sostnut minn U. Rätzke quddiem il-qorti tar-rinviju, tkun ta’ bażi ta’ riżultat ieħor. Fil-fatt, hija la tirregola ċ-ċirkustanzi li fihom il-provvista ta’ tikketti hija neċessarja u lanqas il-kuntest ratione temporis ta’ dan l-obbligu, kwistjoni fir-rigward ta’ liema din id-direttiva, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 10(3)(d) tagħha, tirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ att delegat. Issa, l-att delegat inkwistjoni ddefinixxa b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-obbligu ta’ ttikkettjar billi jipprevedi li r-Regolament Delegat jirrigwarda biss it-televixins imqiegħda fis-suq għall-ewwel darba b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011. |
41 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għan-negozjanti li jiżguraw li kull televixin, fil-punt tal-bejgħ, juru t-tikketta pprovduta mill-fornituri, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, japplika biss għat-televixins li tqiegħdu fis-suq, jiġifieri trażmessi għall-ewwel darba mill-produttur għad-distribuzzjoni tagħhom fil-katina ta’ bejgħ, b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 4(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010, tat-28 ta’ Settembru 2010, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkett[j]ar enerġetiku għat-televixins, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għan-negozjanti li jiżguraw li kull televixin, fil-punt tal-bejgħ, juru t-tikketta pprovduta mill-fornituri, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, japplika biss għat-televixins li tqiegħdu fis-suq, jiġifieri trażmessi għall-ewwel darba mill-produttur għad-distribuzzjoni tagħhom fil-katina ta’ bejgħ, b’effett mit-30 ta’ Novembru 2011. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.