SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) u (10) — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 19 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna li magħha jaħdmu ħaddiema impjegati jew ħaddiema bi prova kkollokati l-obbligu li tiddikjara lil dawk li ma jistgħux jipproduċu l-konferma ta’ rċevuta tad-dikjarazzjoni li kellha ssir fl-Istat Membru ospitanti mill-persuna li timpjegahom stabbilita fi Stat Membru ieħor — Sanzjoni kriminali”

Fil-Kawża C‑315/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Mechelen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2013, fil-proċeduri kriminali kontra

Edgard Jan De Clercq,

Emiel Amede Rosa De Clercq,

Nancy Genevieve Wilhelmina Rottiers,

Ermelinda Jozef Martha Tampère,

Thermotec NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. J. De Clercq kif ukoll għal N. G. W. Rottiers, minn S. Bouzoumita, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S. Rodrigues u I. Majumdar, avukati,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u J. Enegren kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431), u tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fl-ambitu ta’ proċedura kriminali mibdija kontra, minn naħa, E. J. De Clercq, N. G. W Rottiers u E. J. M. Tampère, ċittadini Belġjani, u, min-naħa l-oħra, Thermotec NV, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“imputati”), peress li, f’diversi okkażjonijiet, matul perijodu mill-1 ta’ April 2007 sat-18 ta’ Novembru 2008, kisru obbligu ta’ dikjarazzjoni dwar ħaddiema impjegati kkollokati impost mill-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 96/71

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skont paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[...]

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a)

jibgħatu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluz bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ mpjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perijodu tal-kollokazzjoni;

jew

(b)

jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament;

[...]”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ mpjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

skont liġi, regolament jew disposizzjonijiet amministrattiva,

u/jew

bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness [, jiġifieri l-attivitajiet kollha fil-qasam tal‑kostruzzjoni li jinkludu t-twettiq, il-manutenzjoni, it-tiswija, it-tibdil jew it-tneħħija ta’ kostruzzjonijiet]:

(a)

il-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistireħ;

(b)

it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

(ċ)

ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; [...]

(d)

il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni ta’ ħaddiema, b’mod partkulari il-fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ mpjieg temporanju;

(e)

is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f)

miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ mpjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;

(g)

it-trattament ugwali bejn rġiel u nisa u disposizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.

[...]

10.   Din id-Direttiva ma’ tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati oħra, fuq bażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament ta’:

it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sa fejn għandhom x’jaqsmu disposizzjonijiet ta’ ordni pubbliku,

it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ mpjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ fi s-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk msemmijia fl-Anness.”

5

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ non-konformità mad-Direttiva.

Għandhom b’mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappresentanti tagħhom għat-twettiq ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.”

Id-Direttiva 2006/123

6

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

[...]

(g)

restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 19”.

7

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123, li jinsab fil-Kapitolu IV, Taqsima 2 tagħha, dwar id-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa intitolat “Restrizzjonijiet projbiti”. Dan l-artikolu jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu rekwiżiti fuq riċevitur li jillimitaw l-użu ta’ servizz provdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn jew li ssir dikkjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom;

[...]”

8

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tagħha, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva qabel it-28 ta’ Diċembru 2009.

Id-dritt Belġjan

Il-Liġi ta’ Riorjentazzjoni Ekonomika tal-4 ta’ Awwissu 1978

9

Il-Liġi ta’ Riorjentazzjoni Ekonomika tal-4 ta’ Awwissu 1978 (Moniteur belge tas-17 ta’ Awwissu 1978, p. 9106) tipprovdi fl-Artikolu 69 tagħha:

“§ 1   Kull persuna li magħha jew għaliha jaħdmu ħaddiema ta’ terzi li jibqgħu persuni taxxabbli taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru [...] li ma huwiex il-Belġju, għandha tikkomunika, matul l-ewwel jum tal-preżenza ta’ dawn il-ħaddiema, lid-Dipartiment tal-Ispezzjoni Soċjali tal-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali, l-ismijiet ta’ dawk li ma humiex f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova li huma persuni taxxabbli bil-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ kollokament previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83], kif ukoll il-komunikazzjoni tal-isem jew tad-denominazzjoni u l-indirizz tal-persuni li jimpjegawhom.

[...]

§ 2   [...]

Is-sanzjonijiet kriminali msemmija fl-Artikoli 35 u 39 tal-[Liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969, li tirrevedi id-Digriet-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema] huma applikabbli għall-persuni li ma josservawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1.”

10

Dan l-Artikolu 69 tħassar permezz tal-Artikolu 149 tal-Liġi-Qafas (I) tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75178, iktar ’il quddiem il-“Liġi-Qafas”).

Il-Liġi-Qafas

11

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas, li tinkludi l-Artikoli 137 u 138 tagħha, tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu u tagħti ċerti definizzjonijiet. L-Artikolu 137 tal-Liġi-Qafas jipprovdi:

“Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu u tad-digrieti ta’ implementazzjoni tiegħu, huma applikabbli dawn it-tifsiriet:

(1)

ħaddiema impjegati: il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ xogħol, għal remunerazzjoni u taħt l-awtorità ta’ persuna oħra;

(2)

ħaddiema impjegati kkollokati: il-persuni previsti fil-punt 1 li jagħtu temporanjament jew parzjalment servizz ta’ xogħol fil-Belġju u li,

a)

jaħdmu abitwalment fit-territorju ta’ pajjiż jew ta’ diversi pajjiżi oħra li ma jinkludux il-Belġju, jew

b)

ġew impjegati f’pajjiż li ma huwiex il-Belġju;

(3)

persuni li jimpjegaw: il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jimpjegaw lill-ħaddiema previsti fil-paragrafu 2;

(4)

ħaddiema bi prova: il-persuni li, fl-ambitu ta’ programm ta’ studji jew ta’ taħriġ professjonali, iwettqu xogħol matul perijodu ta’ taħriġ b’mod obbligatorju jew volontarju sabiex jiksbu d-diploma jew iċ-ċertifikat jew esperjenza prattika;

(5)

ħaddiema bi prova kkollokati: il-persuni previsti fil-punt 4 li, fl-ambitu ta’ programm ta’ studji barrani jew ta’ taħriġ professjonali barrani, iwettqu xogħol matul perijodu ta’ taħriġ jew parti minn perijodu ta’ taħriġ fit-territorju Belġjan;

(6)

istituzzjoni li magħha ħaddiem bi prova jagħmel l-istudji jew it-taħriġ professjonali tiegħu: l-impriża, l-istabbiliment ta’ tagħlim privat jew pubbliku jew kull entità oħra li għaliha jsir it-taħriġ professjonali;

[...]”

12

Skont l-Artikolu 138 tal-Liġi-Qafas:

“Dan il-Kapitolu japplika:

għall-ħaddiema impjegati kkollokati u għall-persuni li jimpjegawhom;

għall-ħaddiema bi prova kkollokati u, fejn applikabbli, għall-istituzzjonijiet li magħhom huma jwettqu l-istudji jew it-taħriġ professjonali tagħhom;

[...]”

13

Il-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas huwa intitolat “Dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati u indipendenti kkollokati”. Dan il-kapitolu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2007, jistabbilixxi sistema ta’ dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati u indipendenti kkollokati msejħa “sistema tad-dikjarazzjoni Limosa”, u dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel ġie introdott fl-ambitu ta’ proġett iktar wiesa’, imsejjaħ sistema “Limosa”, akronimu ta’ “Landenoverschrijdend Informatiesysteem ten behoeve van Migratieonderzoek bij de Sociale Administratie” (sistema ta’ informazzjoni transkonfinali intiża għar-riċerka fil-qasam tal-migrazzjoni mill-amministrazzjoni soċjali).

14

It-Taqsima 2 tal-istess Kapitolu VIII, li tinkludi l-Artikoli 139 sa 152 tal-Liġi-Qafas, hija intitolata “Id-dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati kkollokati”. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas kien jipprovdi:

“Qabel l-impjieg ta’ ħaddiem impjegat ikkollokat fit-territorju Belġjan, il-persuna li timpjegah, jew persuna inkarigata jew mandatarja tagħha għandha tagħmel elettronikament, lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, dikjarazzjoni redatta b’mod konformi mal-Artikolu 140 u skont ir-regoli stabbiliti mir-Re.

Qabel il-bidu tal-perijodu ta’ prova tiegħu fit-territorju Belġjan, il-ħaddiem bi prova barrani kkollokat jew l-istituzzjoni fejn qed isegwi l-istudji jew it-taħriġ professjonali tiegħu għandu jagħmel elettronikament, lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, dikjarazzjoni redatta b’mod konformi mal-Artikolu 140 u skont ir-regoli stabbiliti mir-Re.

[...]

Meta ssir id-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafi preċedenti, id-dikjarant għandu jirċievi konferma tal-irċevuta [...].

[...]”

15

Skont l-Artikolu 140 tal-Liġi-Qafas, “[i]r-Re jiddetermina l-gruppi ta’ data li għandhom jidhru fid-dikjarazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 139” u “[l]‑Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali għandu jiddefinixxi l-kontenut ta’ dawn il-gruppi ta’ data.”

16

L-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas, li jaqa’ taħt il-Parti 2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas, dwar l-obbligu tal-utenti finali jew tal-isponsers tal-ħaddiema impjegati kkollokati, jipprovdi:

“Kull persuna li magħha jew għaliha huma impjegati, direttament jew permezz ta’ sottokuntratt, persuni previsti fl-Artikolu 137, 2° u 5, għandu jikkomunika elettronikament, qabel il-bidu tal-impjieg ta’ dawn il-persuni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw il-konferma tal-irċevuta mogħtija skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 139 ta’ dan il-kapitolu, lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali skont ir-regoli stabbiliti mir-Re.

Meta ssir id-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafi preċedenti, id-dikjarant għandu jirċievi konferma tal-irċevuta [...].

[...]”

17

Fit-Taqsima 4 tal-imsemmi Kapitolu VIII, intitolata “Sorveljanza u Sanzjonijiet”, l-Artikolu 157 tal-Liġi-Qafas ippreveda s-sanzjoni applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 139 tagħha. L-Artikolu 158 tal-Liġi-Qafas, li jaqa’ taħt l-istess taqsima, ippreveda inter alia d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 141 tagħha u kien redatt kif ġej:

“Mingħajr ħsara għall-Artikoli 269 sa 274 tal-Kodiċi Kriminali, [hija ssanzjonata] b’multa ta’ EUR 250 sa EUR 2 500 kull persuna li ma tikkonformax ruħha mad-dispożizzjonijiet [tal-]Artikol[u] 141 [...]; il-multa hija applikata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-ħaddiema impjegati jew indipendenti kkollokati li fir-rigward tiegħu jkun twettaq il-ksur, b’dan però li t-total tal-multi ma għandux jeċċedi l-ammont ta’ EUR 125 000.”

Il-Kodiċi Kriminali Soċjali u l-Kodiċi Kriminali

18

Il-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 2010 (Moniteur belge tal-1 ta’ Lulju 2010, p. 43712), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011, introduċiet il-Kodiċi Kriminali Soċjali fl-Artikolu 2 tagħha. L-Artikolu 109, punt 55, ta’ din il-liġi jħassar inter alia l-Artikolu 158 tal-Liġi-Qafas.

19

L-Artikolu 183 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, intitolat “L-obbligi tal-utenti finali jew tal-isponsers”, jipprovdi:

“Hija sanzjonabbli b’sanzjoni tal-livell 3:

(1) kull persuna li magħha jew għaliha huma impjegati ħaddiema kkollokati jew ħaddiema bi prova kkollokati, direttament jew permezz ta’ sottokuntratt li, bi ksur tal-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas [...] u tad-Digrieti ta’ Implementazzjoni tagħha, ma kkomunikatx elettronikament u skont ir-regoli stabbiliti mir-Re lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali qabel il-bidu tal-impjieg ta’ dawn il-persuni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw konferma ta’ rċevuta.

[...]

Fir-rigward tal-ksur previst fil-paragrafu 1, il-multa hija mmultiplikata bin-numru ta’ ħaddiema, ta’ ħaddiema bi prova, ta’ ħaddiema indipendenti jew ta’ ħaddiema bi prova indipendenti kkonċernati.”

20

Skont l-Artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, “[i]s-sanzjoni tal-livell 3 hija kkostitwita minn multa kriminali ta’ EUR 100 sa EUR 1 000 jew minn multa amministrattiva ta’ EUR 50 sa EUR 500”. L-Artikolu 102 tal-istess kodiċi jipprevedi li d-deċimi addizzjonali, previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Liġi tal-5 ta’ Marzu 1952 dwar id-deċimi addizzjonali fuq il-multi kriminali (Moniteur belge tat-3 ta’ April 1952, p. 2606), kif emendata bil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2011 dwar dispożizzjonijiet differenti fil-qasam tal-ġustizzja (II) (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 2011, p. 81669), huma applikabbli għal dawn il-multi kriminali kif ukoll għal dawn il-multi amministrattivi. L-applikazzjoni ta’ dawn id-deċimi għandha l-effett li timmultiplika b’sitta l-ammont ta’ dawn il-multi.

21

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kriminali jipprevedi li, “[j]ekk is-sanzjoni stabbilita fiż-żmien tal-ġudizzju tkun differenti minn dik ipprovduta fiż-żmien tal-ksur, hija s-sanzjoni l-inqas qawwija li għandha tiġi applikata”.

Id-Digriet Irjali

22

Il-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas ġie kkompletat bid-Digriet Irjali tal-20 ta’ Marzu 2007 li jimplementa dan il-kapitolu (Moniteur belge tat-28 ta’ Marzu 2007, p. 16975), kif emendat bid-Digriet Irjali tal-31 ta’ Awwissu 2007 (Moniteur belge tat-13 ta’ Settembru 2007, p. 48537, iktar ’il quddiem id-“Digriet irjali”).

23

Skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali:

“Id-dikjarazzjoni prevista [fl-]Artikol[u] 141 [...] tal-Liġi-Qafas [...] tipprovdi d-data li ġejja:

(1)

Data ta’ identifikazzjoni tad-dikjarant. Meta dan ikollu diġà numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni għas-sigurtà soċjali jekk il-persuna tkun fiżika u ma jkollhiex l-istatus ta’ impriża fis-sens tal-liġi msemmija iktar ’il fuq tas-16 ta’ Jannar 2003, dan in-numru ikun suffiċjenti;

(2)

Data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiem impjegat [...] jew tal-ħaddiem bi prova kkollokat. Meta dan ikollu numru ta’ identifikazzjoni tar-Reġistru Nazzjonali jew Numru tal-Banque-Carrefour previst fl-Artikolu 8 tal-liġi msemmija iktar ’il fuq tal-15 ta’ Jannar 1990, dan in-numru ikun suffiċjenti;

(3)

Data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li timpjega lill-ħaddiem impjegat ikkollokat jew tal-istituzzjoni li magħha l-ħaddiem bi prova ikun qed jagħmel xogħol bi prova jew it-taħriġ professjonali tiegħu. Meta dan ikollu diġà numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni għas-sigurtà soċjali jekk il-persuna tkun fiżika u ma jkollhiex l-istatus ta’ impriża fis-sens tal-liġi msemmija iktar ’il fuq tas-16 ta’ Jannar 2003, dan in-numru jkun suffiċjenti”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Thermotec NV hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan li għandha bħala attività l-manifattura ta’ sistemi ta’ tkessiħ industrijali. L-erba’ persuni mħarrka fil-kawża prinċipali huma jew kienu l-amministraturi. Kumpannija fl-istess grupp ta’ kumpanniji, Thermotec sp. z o.o., ġiet stabbilita fil-Polonja. Hija twettaq l-istess attività bħal Thermotec NV.

25

Matul kontroll li sar fil-5 ta’ Mejju 2008 fis-sede ta’ Thermotec NV, id-Dipartiment tal-Ispezzjoni Soċjali kkonstata l-preżenza ta’ erba’ ħaddiema Pollakki, li minnhom tlieta kienu impjegati minn Thermotec sp. z o.o. Ebda formola E 101 ma setgħet tiġi pprovduta għal dawn il-ħaddiema. Thermotec sp. z o.o. lanqas ma pprovdiet il-konferma ta’ rċevuta mogħtija mal-ħruġ tad-dikjarazzjoni minn qabel għall-kollokament prevista fl-Artikolu 139 tal-Liġi-Qasam (iktar ’il quddiem il-“konferma ta’ rċevuta”) u Thermotec NV, utent finali tas-servizzi, ma kkomunikatx lid-Dipartiment Belġjan kompetenti d-data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiema kkollokati li ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta.

26

Verifika wriet li anki għall-perijodi ta’ impjieg preċedenti tal-ħaddiema jew tal-ħaddiema bi prova Pollakki, ebda formola E 101 ma ntalbet minn Thermotec sp. z o.o. Barra minn hekk, għall-perijodu li jippreċedi l-1 ta’ April 2007, l-imputati ma kinux ikkomunikaw l-isem ta’ dawn il-ħaddiema u lanqas l-isem u l-indirizz tal-persuni li jimpjegawhom lill-Ispezzjoni Soċjali matul l-ewwel jum ta’ preżenza. Għall-perijodu wara din id-data, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma setgħux jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta ma ġietx ikkomunikata.

27

Fit-3 ta’ Ottubru 2008, l-Awditur tax-Xogħol fetaħ inkjesta ġudizzjarja. Fl-ambitu tagħha, saret tfittxija fit-18 ta’ Novembru 2008. Fil-21 ta’ Novembru 2008, formoli E 101 validi b’effett retroattiv inħarġu mid-Dipartiment tal-Ispezzjoni Soċjali Pollakk.

28

Ġie redatt verbal ta’ ksur fil-konfront ta’ Thermotec sp. z o.o. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2012, Thermotec NV u l-erba’ persuni fiżiċi mħarrka fil-kawża prinċipali ntbagħtu quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex jirrispondu għal żewġ okkorrenzi ta’ ksur. L-ewwel ksur huwa marbut ma’ fatti mwettqa bejn is-27 ta’ Ġunju 2004 u l-31 ta’ Marzu 2007 inklużivament u jikkonsisti fil-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tal-Liġi ta’ Riorjentazzjoni Ekonomika tal-4 ta’ Awwissu 1978. It-tieni ksur huwa marbut ma’ fatti li seħħew bejn l-1 ta’ April 2007 u t-18 ta’ Novembru 2008 inklużivament u jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 141 tal-Liġi-Qasam. Dawn iż-żewġ okkorrenzi ta’ ksur huma suġġetti għal sanzjonijiet pekunjarji ta’ natura kriminali.

29

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-intimati huma mħarrka mhux għax ma għamlux id-dikjarazzjoni minn qabel għall-kollokament li huwa l-kompitu tal-persuna li timpjega l-ħaddiema kkollokati, iżda għax, bħala utenti finali jew prinċipali, huma ma kkomunikawx id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma setgħux jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta.

30

Quddiem il-qorti tar-rinviju, E. J. De Clercq u N. G. W. Rottiers isostnu li l-obbligu impost bl-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni”) jirrappreżenta ostakolu disproporzjonat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huma jenfasizzaw li għandu jitqies il-fatt li dan l-obbligu huwa miżjud mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi barrani impost mill-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas u jinvokaw ukoll l-Artikolu 19(a) tad-Direttiva 2006/123.

31

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:477, punt 54), id-Direttiva 2006/123 ma tistax tkun rilevanti fil-każ ineżami, peress li l-fatti imputati jippreċedu t-2 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, hija tqis li d-Direttiva 96/71 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

32

Din il-qorti tosserva li l-obbligu għall-utenti u għall-prinċipali li jikkomunikaw id-data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiema impjegati kkollokati li ma humiex iddikjarati mal-awtoritajiet Belġjani mill-persuna li timpjegahom jista’ jiġi kklassifikat, mill-utenti ta’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, hija tindika li hemm diversi ġustifikazzjonijiet li jistgħu jkunu previsti fil-każ ineżami, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati kkollokati u n-neċessità li tinkiseb l-informazzjoni li tippermetti li jsir kontroll effettiv tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli għalihom, il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali, fosthom il-ġlieda kontra d-dumping soċjali, iż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali u n-neċessità li l-frodi tiġi prekluża u li l-abbużi jiġu missielta. Hija tistaqsi madankollu dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni u s-sanzjoni li takkompanja n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”) imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

33

Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li, fid-data li fiha hija tat id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ħaditx pożizzjoni fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10), li tipprevedi wkoll il-Liġi-Qafas. Madankollu, hija ssostni li din il-kawża tal-aħħar tirrigwarda l-ħaddiema indipendenti, filwaqt li, fil-kawża odjerna, huma inkwistjoni l-obbligi tal-utent finali fl-ambitu tal-kollokament ta’ ħaddiema u ta’ ħaddiema bi prova impjegati, b’mod li l-kawża odjerna għalhekk tirrigwarda dispożizzjonijiet tal-Liġi-Qafas differenti minn dawk li huma previsti fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi r-rechtbank van eerste aanleg te Mechelen (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Mechelen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 56 u 57 TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 49 u 50 KE) u l-Artikolu 3(1) u (10) tad-[Direttiva 96/71], irrispettivament mill-fatt jekk jiġu jew jiġux moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tad-[Direttiva 2006/123] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjoni tal-Artikolu 141 tal-[Liġi-Qafas], li permezz tagħha huwa impost fuq kull persuna li magħha jew li għaliha jaħdmu, direttament jew b’sottokuntratt, ħaddiema bi salarju jew stagiaires issekondati, l-obbligu li tikkomunika b’mod elettroniku (jew fil-każ ta’ impossibbiltà, permezz ta’ faks jew b’ittra), lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, qabel il-bidu tax-xogħol ta’ dawn il-persuni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuni li ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw il-konferma ta’ rċevuta, mogħtija lill-persuna li timpjeghom, tad-dikjarazzjoni preliminari tagħhom, flimkien mal-Artikolu 157 tal-[Liġi-Qafas] u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 183(1) tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, li jissanzjonaw bi pieni korrezzjonali n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu?”

Fuq id-domanda preliminari

35

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 157 tal-Liġi-Qafas. Dan l-artikolu jipprevedi inter alia s-sanzjoni applikabbli għall-persuna li timpjega ħaddiema kkollokati li tikser l-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija s-sanzjoni applikabbli għad-destinatarju ta’ servizzi li ma josservax l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-ħaddiema li ma ġewx iddikjarati minn qabel mill-persuna li timpjegahom li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din is-sanzjoni kienet prevista fl-Artikolu 158 tal-Liġi-Qafas. Dan l-artikolu ġie ssostitwit fl-1 ta’ Lulju 2011 bl-Artikolu 183 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali u, skont kif indikat mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija applikabbli fil-kawża prinċipali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kriminali. Min-naħa l-oħra, minkejja li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imputati tressqu quddiem il-qorti nazzjonali sabiex iwieġbu għal żewġ okkorrenzi ta’ ksur, din il-qorti tal-aħħar tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja biss fir-rigward tal-okkorrenza ta’ ksur marbuta mal-allegat ksur tal-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas.

36

Barra minn hekk, għandu qabelxejn jiġi ppreċiżat li, minkejja li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-ħaddiema bi prova kkollokati fit-territorju Belġjan, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma applikabbli għalihom huma, mutatis mutandis, identiċi. Għalhekk, l-iżviluppi sussegwenti marbuta mal-ħaddiema kkollokati japplikaw ukoll għall-imsemmija ħaddiema bi prova, ladarba l-perijodu ta’ xogħol tagħhom isir taħt il-kundizzjonijiet ta’ attività ta’ impjieg reali u effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punt 22, kif ukoll Bernini, C‑3/90, EU:C:1992:89, punti 14 u 15).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71, kemm jekk moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll jekk le, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha d-destinatarju ta’ servizzi li jingħataw mill-ħaddiema impjegati kkollokati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun marbut jiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti, qabel il-bidu tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova tad-dikjarazzjoni li l-persuna li timpjegahom kellha tagħmel mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ospitanti qabel il-bidu tal-imsemmija provvista.

38

Il-Gvern Belġjan, dak Daniż u dak Franċiż isostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li, fi kwalunkwe każ, din il-leġiżlazzjoni hija, minn naħa, iġġustifikata b’raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali partikolarment il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u l-ġlieda kontra l-frodi u, min-naħa l-oħra, neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, dawn il-gvernijiet iqisu li, f’dan il-każ, la hemm lok li tiġi interpretata d-Direttiva 96/71 u lanqas id-Direttiva 2006/123.

39

Il-Gvern Awstrijak iqis, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni twieġeb għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, li skontha l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adegwati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha.

40

E. J. De Clercq u N. G. W. Rottiers isostnu, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kuntrarja għall-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Huma jżidu li d-Direttiva 2006/123 tipprekludi espressament lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ dikjarazzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn provvista min-naħa ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor.

41

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok, f’dan il-każ, li jiġi interpretat l-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71 u tirrileva li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, iżda huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi u tevalwa konkretament u preċiżament l-għan imfittex minnha kif ukoll il-proporzjonalità tagħha.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71

42

Skont it-titolu tiegħu, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71 jirrigwarda l-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” tal-ħaddiema kkollokati.

43

B’hekk, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tkun liema tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni tax-xogħol, l-impriżi stabbiliti fi Stat membru li, fl-ambitu ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jiggarantixxu lil dawn tal-aħħar kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq ix-xogħol, huma stabbiliti minn liġijiet, regoli jew dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew minn ftehimiet kollettivi jew sentenzi arbitrali sa fejn dawn jikkonċernaw ċerti attivitajiet tas-settur tal-kostruzzjoni elenkati fl-Anness ta’ din id-direttiva, u li jikkonċernaw b’mod partikolari l-perijodi massimi tax-xogħol u l-perijodi minimi tal-mistrieħ, it-tul minimu tal-leave annwali mħallas, ir-rati tas-salarju minimu kif ukoll is-sigurtà, is-saħħa u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol.

44

B’mod simili, il-paragrafu 10 tal-istess Artikolu 3 jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu wkoll jimponu, b’mod ugwali u fl-osservanza tat-Trattat FUE, fuq impriżi nazzjonali u fuq impriżi ta’ Stati Membri oħra, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li jirrigwardaw suġġetti oħra li ma humiex dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, sa fejn dawn jirrigwardaw dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg stabbiliti fi ftehimiet kollettivi jew sentenzi arbitrali li jirrigwardaw attivitajiet li ma humiex dawk previsti fl-Anness tad-Direttiva 96/71.

45

Il-paragrafi 1 u 10 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71 huma intiżi, għalhekk, sabiex jiżguraw għall-ħaddiema kkollokati l-applikazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni minima tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg marbuta mas-suġġetti indikati fl-imsemmi paragrafu 1 u, fejn applikabbli, dawk speċifikati mill-Istati Membri skont l-imsemmi paragrafu 10, meta dawn iwettqu xogħol temporanju fit-territorju tal-istess Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 76).

46

F’dan il-każ, mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tikkonċernax direttament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, iżda hija intiża sabiex tiġi żgurata l-effikaċità tal-kontrolli li jistgħu jsiru mill-awtoritajiet Belġjani sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg.

47

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li tali miżuri ta’ kontroll ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 u lanqas ma huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea, peress li d-Direttiva 96/71 hija intiża sabiex tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sostantivi marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati, indipendentement mir-regoli amministrattivi aċċessorji intiżi sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu liberament jiddefinixxu dawn il-miżuri, fl-osservanza tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dos Santos Palhota et, C‑515/08, EU:C:2010:589, punti 25 sa 27).

48

Għaldaqstant, sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u (10) tad-Direttiva 96/71.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123

49

L-Artikolu 16(2)(g) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikolu 19 tal-istess direttiva. Issa, kif E. J. De Clercq u N. G. W. Rottiers jirrilevaw, minn qari flimkien tal-istess Artikolu 16(2)(g) u tal-Artikolu 19(a) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq id-destinatarju ta’ servizzi rekwiżiti li jirrestrinġu l-użu ta’ servizz ipprovdut minn fornitur li għandu l-istabbiliment tiegħu fi Stat Membru ieħor, inter alia l-obbligu li jagħmel dikjarazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

50

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imputati huma mħarrka għal fatti li seħħew bejn l-1 ta’ April 2007 u t-18 ta’ Novembru 2008, jiġifieri qabel ma skada t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123, stabbilit fl-Artikolu 44(1) tagħha, fit-28 ta’ Diċembru 2009. Għalhekk din ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/123 fl-ambitu tal-eżami tad-domanda preliminari.

Fuq l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE

52

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda d-destinatarji ta’ servizzi mogħtija minn impriża stabbilita fi Stat Membru li kkollokat il-ħaddiema tagħha għal perijodu partikolari lil impriża tal-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor bil-għan li tipprovdi servizzi. Peress li l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju tagħhom, tali sitwazzjoni ta’ fatt taqa’ wkoll taħt l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

53

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu, jew minħabba li dan ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandha ssir il-provvista, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 38, kif ukoll Essent Energie Productie, C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju ta’ dawn is-servizzi.

55

F’dan il-każ, mill-Artikolu 141 tal-Liġi-Qafas jirriżulta li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jimplika, għall-utenti finali jew l-isponsers li magħhom jew li għalihom jaħdmu, direttament jew permezz ta’ sottokuntratt, ħaddiema impjegati kkollokati, li jivverifikaw, qabel il-bidu tal-provvista ta’ servizzi, jekk dawn il-ħaddiema kkollokati humiex f’pożizzjoni li jipprovdu l-konferma ta’ rċevuta. Jekk il-konferma ta’ rċevuta ma tistax tiġi pprovduta, dawn l-utenti finali jew l-isponsers huma marbuta jagħmlu elettronikament dikjarazzjoni lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti.

56

Skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali, din id-dikjarazzjoni għandha tirriproduċi d-data ta’ identifikazzjoni tad-dikjarant, li tista’ fejn applikabbli tkun limitata għal numru ta’ impriża jew għal numru ta’ identifikazzjoni tas-sigurtà soċjali, id-data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiem ikkollokat li ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi l-konferma ta’ rċevuta, li tista’ tkun, fejn applikabbli, numru ta’ identifikazzjoni tar‑Reġistru Nazzjonali jew “Numru tal-Banque-Carrefour”, kif ukoll id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li timpjega lill-ħaddiem, li tista’ wkoll, fejn applikabbli, tkun numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni tas-sigurtà soċjali.

57

Skont l-Artikoli 101 u 183 tal-Kodiċi Kriminali Soċjali, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni mid-destinatarju tas-servizzi hija suġġetta għal multa kriminali f’ammont bejn EUR 100 u EUR 1 000, jew għal multa amministrattiva f’ammont bejn EUR 50 u EUR 500, bl-applikazzjoni tad-deċimi addizzjonali u bil-multiplikazzjoni tal-multa bin-numru ta’ ħaddiema involuti.

58

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tobbliga lid-destinatarji ta’ provvista ta’ servizzi minn ħaddiema kkollokati minn persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju mhux biss li jikkontrollaw, qabel il-bidu tal-provvista, jekk il-persuna li timpjega lil dawn il-ħaddiema tkunx hija stess issodisfat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 139 tal-Liġi-Qafas, iżda wkoll, fejn applikabbli, li jiġbru mingħand dawn il-ħaddiema, ukoll qabel ma jingħata bidu għall-provvista, id-data ta’ identifikazzjoni tagħhom kif ukoll dik tal-persuna li timpjegahom u li jibagħtuha, flimkien ma’ tagħhom, lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti.

59

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni li timponi tali obbligi, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jiġi ssanzjonat kriminalment, hija ta’ natura li trendi inqas attraenti, għad-destinatarji ta’ servizzi stabbiliti fil-Belġju, is-servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra u konsegwentement tiskoraġġixxi lil dawn id-destinatarji milli jfittxu fornituri ta’ servizzi residenti fi Stati Membri oħra.

60

Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 TFUE.

61

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-affermazzjoni tal-Gvern Belġjan li, essenzjalment, l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni huma insinjifikattivi minħabba li hija biss komunikazzjoni ta’ numru limitat ta’ data li hija mitluba, minħabba li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huwa purament dikjaratorju u minħabba li din tintervjeni biss b’mod sussidjarju. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, anki restrizzjoni ta’ portata dgħajfa jew ta’ importanza minuri għal libertà fundamentali hija, bħala prinċipju, ipprojbita mit-Trattat [sentenzi Corsica Ferries (France), C‑49/89, EU:C:1989:649, punt 8, kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, EU:C:2014:2011, punt 42].

Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

62

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit‑territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun iġġustifikata sa fejn din twieġeb għal raġuni impellanti ta’ interess ġenerali u dan l-interess ma jkunx diġà ssalvagwardjat mir-regoli li għalihom ikun suġġett il-fornitur fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, sa fejn din tkun xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan imfittex minnha u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenzi Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punti 34 u 35; dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2012:814, punt 44).

63

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, fir-rigward tal-possibbiltà, għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir provvista ta’ servizzi, li jwettqu kontrolli intiżi sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet li l-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru tagħti lill-ħaddiema fit-territorju tiegħu, l-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir il-provvista u dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru sabiex jipprovdu fih servizz jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Finalarte et, C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, EU:C:2001:564, punti 63, 64 u 73, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2012:814, punt 48).

64

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata bil-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati kkollokati, bin-neċessità li jkun jista’ jiġi eżerċitat kontroll effettiv tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli għalihom, bil-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali, inkluża l-ġlieda kontra d-dumping soċjali, biż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jew ukoll bin-neċessità li l-frodi tiġi prekluża u l-abbużi jiġu missielta. Il-Gvern Belġjan isostni wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, ta’ prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u tal-ġlieda kontra l-frodi.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, fost ir-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizz jirriżultaw b’mod partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema (sentenza dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali min-naħa ta’ impriżi li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati tagħhom f’livell iktar baxx minn dak li jikkorrispondi għas-salarju minimu, sa fejn dan l-għan jintegra għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema permezz tal-ġlieda kontra d-dumping soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wolff & Müller, C‑60/03, EU:C:2004:610, punti 35, 36 u 41), kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment soċjali, u l-prevenzjoni tal-abbużi, b’mod partikolari l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, sa fejn dan l-għan jista’ jintrabat partikolarment mal-għan ta’ protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rüffert, C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għall-Istati Membri l-fakultà li jivverifikaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi u aċċettat li r-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ leġiżlazzjoni jistgħu wkoll jiġġustifikaw il-miżuri ta’ kontroll neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arblade et, EU:C:1999:575, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punt 48).

67

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel impost, essenzjalment, mill-Artikolu 153 tal-Liġi-Qafas fuq il-fornituri ta’ servizzi indipendenti legalment stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u li jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi fil-Belġju fuq bażi temporanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li r-Renju tal-Belġju seta’ jipprevalixxi ruħu, bħala ġustifikazzjoni għall-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkawżat minn din id-dispożizzjoni, mill-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment soċjali, tal-prevenzjoni tal-abbużi u tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2012:814, punt 45).

68

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huwa impost fuq id-destinatarju tas-servizzi u li dan jikkompleta l-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel diġà impost fuq il-persuna li timpjega lill-ħaddiema kkollokati. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, il-ħaddiema kkollokati fit-territorju Belġjan mill-persuna li timpjegahom li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor jibbenefikaw bħala prinċipju, partikolarment fuq il-bażi tad-Direttiva 96/71, minn ċerti drittijiet soċjali li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tfittex li tiżgura li jiġu rrispettati.

69

Minn dan jirriżulta li l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati u tal-ġlieda kontra l-frodi, invokati f’dan il-każ mill-Gvern Belġjan, jistgħu jiġġustifikaw ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u li din, sa fejn tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, hija, a priori, xierqa sabiex tiżgura li jintlaħqu dawn l-għanijiet.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet identifikati, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Finalarte et, EU:C:2001:564, punt 49, kif ukoll International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 84).

71

Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li obbligu impost fuq persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor sabiex tindika, qabel kollokament, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, il-preżenza ta’ ħaddiem jew ta’ diversi ħaddiema impjegati li għandhom jiġu kkollokati, iż-żmien previst ta’ din il-preżenza u l-provvista jew il-provvisti ta’ servizzi li jiġġustifikaw il-kollokament jikkostitwixxi miżura effikaċi u proporzjonata li hija ta’ natura li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet sabiex, minn naħa, jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u tar-remunerazzjoni tal-Istat Membru ospitanti matul iż-żmien tal-kollokament fid-dawl tal-obbligi li għalihom din il-persuna li timpjega hija diġà suġġetta skont ir-regoli tad-dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, jissieltu kontra l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dos Santos Palhota et, EU:C:2010:589, punti 51, 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Issa, kif il-Gvern Belġjan jindika, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn din timplika kontroll tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost fuq il-persuna li timpjega lill-ħaddiema kkollokati fuq bażi temporanja fit-territorju Belġjan, tista’ titqies li hija korollari għal tali obbligu, neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mis-sistema Limosa.

73

Jista’ jitfakkar ukoll li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi ta’ natura kriminali, jistgħu jitqiesu neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza effettiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm, madankollu, in-natura u l-ammont tas-sanzjoni imposta jkunu f’kull każ proporzjonali għall-gravità tal-ksur li hija tintendi tissanzjona (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Louloudakis, C‑262/99, EU:C:2001:407, punti 69 u 70, kif ukoll il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑156/04, EU:C:2007:316, punt 72).

74

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet indikati mill-qorti tar-rinviju u l-Gvern Belġjan, li huwa madankollu l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda li saret hemm lok li tingħata r-risposta li l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħha d-destinatarju ta’ servizzi li jitwettqu minn ħaddiema impjegati kkollokati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun marbut jiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova tad-dikjarazzjoni li l-persuna li timpjegahom kellha tagħmel mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ospitanti qabel il-bidu ta’ din il-provvista peress li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-protezzjoni ta’ raġuni impellanti ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema jew il-ġlieda kontra l-frodi soċjali, sakemm ikun stabbilit li din hija xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet leġittimi mfittxija u li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-bażi tagħha d-destinatarju ta’ servizzi li jitwettqu minn ħaddiema impjegati kkollokati ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun marbut jiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-prova tad-dikjarazzjoni li l-persuna li timpjegahom kellha tagħmel mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ospitanti qabel il-bidu ta’ din il-provvista peress li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-protezzjoni ta’ raġuni impellanti ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema jew il-ġlieda kontra l-frodi soċjali, sakemm ikun stabbilit li din hija xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet leġittimi mfittxija u li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.