SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
23 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 31 — Talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna miżuri provviżorji jew kawtelatorji — Artikolu 1(1) — Kamp ta’ applikazzjoni — Materji ċivili u kummerċjali — Kunċett — Talba ta’ kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea — Tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport — Artikolu 22(2) — Ġurisdizzjoni esklużiva — Kunċett — Tilwima fil-qasam tal-kumpanniji u tal-persuni ġuridiċi — Deċiżjoni li jiġi konċess it-tnaqqis — Artikolu 34(1) — Motivi għar-rifjut ta’ rikonoxximent — Ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba”
Fil-Kawża C‑302/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura
flyLAL-Lithuanian Airlines AS, fi stralċ,
vs
Starptautiskā lidosta Rīga VAS,
Air Baltic Corporation AS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal flyLAL-Lithuanian Airlines AS, fi stralċ, minn R. Audzevičius, advokatas, kif ukoll minn V. Skrastiņš u A. Guļajevs, advokāti, |
— |
għal Starptautiskā lidosta Rīga VAS, minn U. Zeltiņš, G. Lejiņš, M. Aljēns, S. Novicka, K. Zīle, advokāti, |
— |
għal Air Baltic Corporation AS, minn J. Jerņeva, D. Pāvila, u A. Lošmanis, advokāti, kif ukoll J. Kubilis, advokāta palīgs, |
— |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Litwan, minn A. Svinkūnaitė u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka kif ukoll minn A.‑M. Rouchaud-Joët u I. Rubene, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 22(2), 34(1) u 35(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, flyLAL-Lithuanian Airlines AS, fi stralċ (iktar ’il quddiem, “flyLAL”), kumpannija rregolata mid-dritt Litwan, u, min-naħa l-oħra, Starptautiskā lidosta Rīga VAS (iktar ’il quddiem, “Starptautiskā lidosta Rīga”), kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan li tamministra l-ajruport ta’ Riga (il-Latvja), u Air Baltic Corporation AS (iktar ’il quddiem, “Air Baltic”), kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan, rigward talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni fil-Latvja ta’ sentenza ta’ qorti Litwana li tordna miżuri provviżorji jew kawtelatorji. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 6, 7, 16, 17 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:
[...]
[...]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma jkoprix, b’mod partikolari, l-oqsma tat-taxxa, tad-dwana jew dawk amministrattivi. |
5 |
Skont l-Artikolu 5(3) u (4) ta’ dan ir-regolament: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja: […]
|
6 |
Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament. Is-Sezzjoni 6 ta’ dan il-kapitolu tinkludi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva. L-Artikolu 22 tal-istess regolament jipprevedi, b’mod partikolari: “Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju: [...]
|
7 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li l-miżuri provviżorji jew kawtelatorji li huma applikabbli skont il-liġi ta’ Stat Membru jistgħu jintalbu mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat, anki jekk, skont dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kawża. |
8 |
L-Artikoli 33 sa 37 tar-Regolament Nru 44/2001 jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ sentenzi. L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali. L-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament jistabbilixxu r-raġunijiet għalfejn ir-rikonoxximent jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jiġi rrifjutat. |
9 |
L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi: “Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:
[...]” |
10 |
L-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.” |
11 |
L-Artikoli 36 u 45(2) tal-istess regolament jipprevedu li, għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, din is-sentenza ma tistax tiġi riveduta fuq il-mertu. |
Id-dritt Latvjan
12 |
Skont il-Liġi dwar l-Avjazzjoni Latvjana (Likums “Par aviāciju”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom iħallsu tariffi, fost l-oħrajn, għall-użu tal-ajruporti. |
13 |
Skont l-imsemmija liġi, l-iskema ta’ ffissar u ta’ tqassim tat-taxxi hija stabbilita mill-Kunsill tal-Ministri. |
14 |
Il-punt 3.5 tad-Digriet Nru 20 tal-Kunsill tal-Ministri, tat-3 ta’ Jannar 2006, dwar id-determinazzjoni tat-taxxi għas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u s-servizzi pprovduti minn Starptautiskā lidosta Rīga u t-tqassim tagħhom (Latvijas Vēstnesis, 2006, no 10), jipprevedi li kull trasportatur li jwettaq titjiriet li jkollhom bħala destinazzjoni l-ajruport ta’ Riga u li jitilqu minnu jibbenefika minn tnaqqis, skont in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati fi żmien sena minn dan l-ajruport. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet sottomessi fil-proċedura bil-miktub u fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija parti minn kontenzjuż usa’, pendenti quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (Qorti tal-Appell tal-Litwanja). B’dan ir-rikors, flyLAL tixtieq tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta, minn naħa, mill-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Air Baltic fis-suq tat-titjiriet li jitilqu jew li għandhom bħala destinazzjoni l-ajruport ta’ Vilnius (il-Litwanja) u, min-naħa l-oħra, minn akkordju antikompetittiv bejn il-konvenuti. Għal dan l-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet miżuri provviżorji u kawtelatorji. |
16 |
B’sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008, il-Lietuvos apeliacinis teismas laqgħet din it-talba u ddikjarat, b’mod provviżorju u kawtelatorju, it-tqegħid taħt sekwestru tal-beni mobbli u/jew immobbli u tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ Air Baltic u ta’ Starptautiskā lidosta Rīga għal ammont ta’ 199830000 litas Litwani (LTL), jiġifieri 40765320 lats Latvjani (LVL) (EUR 58 020 666.10). |
17 |
B’deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2012, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (qorti distrettwali ta’ Vidzeme tal-belt ta’ Riga, il-Latvja) iddeċidiet li tikkonċedi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-Latvja ta’ din is-sentenza, sa fejn kienet tirrigwarda t-tqegħid taħt sekwestru tal-beni mobbli u/jew immobbli u tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ Air Baltic u ta’ Starptautiskā lidosta Rīga. It-talba ta’ flyLAL rigward il-garanzija tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza ġiet miċħuda. Fl-appell, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesu kolēģija (Diviżjoni Ċivili tal-Qorti tal-Appell ta’ Riga, il-Latvja). |
18 |
Ġew ippreżentati appelli kontra d-deċiżjoni tar-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesu kolēģija quddiem il-qorti tar-rinviju. Starptautiskā lidosta Rīga u Air Baltic isostnu li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-31 ta’ Diċembru 2008 jmorru kontra kemm ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar l-immunità minn proċeduri ġudizzjarji kif ukoll kontra r-Regolament Nru 44/2001. Huma jallegaw li din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, peress li t-tilwima hija dwar tariffi tal-ajruport iffissati b’regoli tal-Istat, hija ma tirrigwardax materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-imsemmi regolament. Din is-sentenza la għandha tiġi rikonoxxuta u lanqas eżegwita fil-Latvja. Bħala risposta, flyLAL tqis li r-rikors tagħha huwa ta’ natura ċivili, għaliex huwa intiż għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE. |
19 |
Minħabba n-natura tar-regoli li jiffissaw il-livelli ta’ tariffi tal-ajruport u ta’ tnaqqis fuqhom, il-qorti tar-rinviju tiddubita, qabel kollox, li l-kawża mressqa quddiemha hija kawża ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001. B’riferiment għas-soluzzjoni adottata fis-sentenza St. Paul Dairy (C‑104/03, EU:C:2005:255), hija fil-fatt issostni li sentenza li tordna miżuri provviżorji u kawtelatorji tista’ tiġi rrikonoxxuta abbażi ta’ dan ir-regolament biss jekk il-kawża li fiha ntalbu dawn il-miżuri tkun kawża ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-imsemmi regolament. |
20 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, tqum, imbagħad, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva. L-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi tali regola ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru favur qrati ta’ dan l-Istat Membru. It-tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport jiġi applikat permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda minn korpi ta’ kumpanniji kummerċjali. Għaldaqstant, teżisti, minn naħa, inċertezza f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 35(1) tal-istess regolament jipprojbixxi r-rikonoxximent tas-sentenzi jekk dawn jiksru r-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok li din il-kwistjoni tiġi eżaminata. |
21 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonxxuta jekk dan ir-rikonoxximent imur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih qed jintalab ir-rikonoxximent. Fl-ewwel lok, is-somma mitluba hija kunsiderevoli, mingħajr ma s-sentenza tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-31 ta’ Diċembru 2008 tagħti spjegazzjonijiet fuq il-mod li bih ġew ikkalkolati s-somom inkwistjoni. Fit-tieni lok, ir-rikors huwa dirett kontra kumpanniji kummerċjali li l-Istat huwa azzjonist tagħhom. Peress li FlyLAL hija fi stralċ, fil-każ li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, Starptautiskā lidosta Rīga, Air Baltic u r-Repubblika tal-Latvja ma jkollhom l-ebda mod li jirkupraw it-telf li huma jsostnu minħabba l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji ordnati permezz ta’ din is-sentenza. Tali ċirkustanzi jqiegħdu għaldaqstant dubju fuq il-konformità tar-rikonoxximent tal-imsemmija sentenza mal-ordni pubbliku tal-Istat ta’ rikonoxximent fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās Tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tidħolx, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
24 |
Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 44/2001 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. L-imsemmi kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions Assurance, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Hi Hotel HCF, C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Imbagħad, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa, bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Sabiex jiġi stabbilit jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 32 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Sunico et, EU:C:2013:545, punti 33 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Mill-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, fil-prinċipju, l-azzjonijiet intiżi għall-ksib tal-kumpens għal dannu jaqgħu fil-materji ċivili u kummerċjali u jidħlu għaldaqstant fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Kif tfakkar il-premessa 7 tal-imsemmi regolament, huwa importanti li jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan, il-materji ċivili u kummerċjali prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti materji ddefiniti b’mod ċar. L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxu eċċezzjonijiet li, bħal kull eċċezzjoni, u fid-dawl tal-għan tal-imsemmi regolament, jiġifieri li jinżamm u jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi jippromwovi l-moviment liberu tas-sentenzi, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. |
28 |
L-azzjoni mibdija minn flyLAL għandha bħala għan il-kumpens għad-dannu marbut ma’ allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’dan il-mod, hija taqa’ taħt id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili għal delitti jew kważi delitti (ara, b’mod analogu, is-sentenza Sunico et, EU:C:2013:545, punt 37). |
29 |
Għaldaqstant, rikors, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa intiż għall-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa ta’ natura ċivili u kummerċjali. |
30 |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li ċerti tilwim bejn awtorità pubblika u persuna privata jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali, dan ma huwiex minnu meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha (sentenzi Sapir et, EU:C:2013:228, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Sunico et, EU:C:2013:545, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, għaliex teżerċita setgħat li joħorġu mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
B’dan il-mod, f’dak li jirrigwarda tariffi għal navigazzjoni ta’ rotot, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kontrolli u s-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru huma attivitajiet li jaqgħu min-natura tagħhom taħt is-setgħat pubbliċi u li jeżiġu, għat-twettiq tagħhom, l-eżerċizzju ta’ tali setgħat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 28). |
33 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-provvista ta’ faċilitajiet ta’ ajruport, bi ħlas ta’ tariffa, tikkostitwixxi attività ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78, kif ukoll Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, tali relazzjonijiet legali effettivament jaqgħu taħt il-materji ċivili u kummerċjali. |
34 |
F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali konklużjoni la hija kontradetta bil-fatt li l-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali, u lanqas bil-fatt li l-Istat għandu 100 % u 52.6 % mill-kapital tal-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali. |
35 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa irrilevanti li Starptautiskā lidosta Rīga hija suġġetta, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rati ta’ tariffi tal-ajruport u tat-tnaqqis fuqhom, għal dispożizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja. Dan il-fatt jirrigwarda, bil-kontra, ir-relazzjonijiet legali bejn dan l-Istat Membru u Starptautiskā lidosta Rīga, u ma jaffettwax ir-relazzjonijiet legali ta’ din tal-aħħar mal-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mis-servizzi tagħha. |
36 |
Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex konsegwenza diretta tar-rikors għal kumpens, iżda l-iktar l-iktar jikkostitwixxi konsegwenza indiretta li tirriżulta minn kontroll bħala rimedju ta’ eċċezzjoni. |
37 |
Fit-tieni lok, l-Istat Latvjan ma huwiex parti fl-istanza prinċipali u s-sempliċi kunsiderazzjoni li huwa azzjonist fl-imsemmija entitajiet ma jikkostitwixxix ċirkustanza ekwivalenti għal dik fejn l-imsemmi Stat Membru jeżerċita setgħat pubbliċi. Tali kunsiderazzjoni tgħodd iktar u iktar meta dawn l-entitajiet, ċertament miżmuma fil-biċċa l-kbira jew unikament mill-imsemmi Stat, jaġixxu bħal kwalunkwe operatur ekonomiku, kemm jekk ikun persuna fiżika jew ġuridika, li jopera fis-suq speċifiku. L-azzjoni mressqa b’dan il-mod hija diretta mhux kontra aġir jew proċeduri li jinvolvu eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, iżda kontra atti mwettqa minn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 45). |
38 |
Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
39 |
Bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandha titqies li tikkostitwixxi proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk, meta l-proċedura fuq il-mertu titressaq quddiem qorti differenti minn dik li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 22(2), id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament jipprekludux ir-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ din il-qorti l-oħra li tordna miżuri provviżorji u kawtelatorji. |
40 |
Fir-rigward tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri biss it-tilwimiet li fihom parti tikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni ta’ korp ta’ kumpannija taħt id-dritt tal-kumpanniji applikabbli jew taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tal-korpi tagħha (sentenza Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 26). |
41 |
Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, essenzjalment, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirrigwarda talba ta’ kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u mhux il-validità, in-nullità jew id-dissoluzzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament. |
42 |
Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma tikkostitwixxix proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
43 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni u t-tielet domandi, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ dawn, marbuta mal-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament. |
Fuq ir-raba’ domanda
44 |
Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ motivazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati b’sentenza li għaliha ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, jew l-invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji, jikkostitwixxu motivi li jistabbilixxu ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba li jippermettu li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. |
45 |
Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista fih hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Tali fiduċja teħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu mhux biss rikonoxxuti b’mod sħiħ fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża sabiex tirrendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effettiva u rapida. Tali proċedura, skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, għandha tinvolvi biss sempliċi kontroll formali tad-dokumenti meħtieġa għall-attribuzzjoni tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru fejn issir it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 27 u 28). |
46 |
Imbagħad, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba. Il-motivi ta’ kontestazzjoni li jistgħu jiġu invokati huma msemmija b’mod espliċitu fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament. Din il-lista, li l-elementi tagħha għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, hija ta’ natura eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Apostolides, EU:C:2009:271, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Prism Investments, EU:C:2011:653, punt 33). |
47 |
Fl-aħħar nett, hija ġurisprudenza stabbilita li, filwaqt li l-Istati Membri, fil-prinċipju, jibqgħu liberi, bis-saħħa tar-riżerva fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiddeterminaw, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom, il-ħtiġijiet tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, minkejja li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-kunċett ta’ ordni pubbliku ta’ Stat Membru, hija għandha madankollu tikkontrolla l-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tuża dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Krombach, C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 22 u 23, kif ukoll Renault, C‑38/98, EU:C:2000:225, punti 27 u 28). |
48 |
F’dan ir-rigward, billi jipprojbixxu reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludu lill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza għas-sempliċi raġuni li teżisti differenza bejn id-dispożizzjoni legali applikata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru fejn issir it-talba kieku t-tilwima tressqet quddiemha. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini (ara s-sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għandu jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ivarjaw mill-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudikaw prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti min-nuqqas ta’ motivazzjoni għall-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati bis-sentenza li qed jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, dwar il-konsegwenzi marbuta mal-ammont ta’ dawn is-somom. |
51 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq jeżiġi li kull deċiżjoni ġudizzjarja tiġi mmotivata, u dan sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet għall-kundanna tiegħu u jippreżenta kontra tali deċiżjoni rikors xieraq u effettiv (sentenza Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-portata tad-dmir ta’ motivazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni u għandha tiġi eżaminata, fid-dawl tal-proċedura kkunsidrata b’mod globali u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji proċedurali involuti f’din id-deċiżjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn tal-aħħar jiżgurawx li l-persuni kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw kontra l-imsemmija deċiżjoni rikors xieraq u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trade Agency, EU:C:2012:531, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.). |
53 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni kollha li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, l-elementi ta’ motivazzjoni ma humiex nieqsa, għaliex tista’ tiġi segwita l-linja ta’ raġunament li wasslet għad-determinazzjoni tal-ammont tas-somom inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati kellhom il-possibbiltà li jibdew rikors kontra tali deċiżjoni u huma għamlu użu minn din il-possibbiltà. |
54 |
Għaldaqstant, il-prinċipji elementari ta’ smigħ xieraq ġew ippreżervati u, konsegwentement, ma hemmx lok li jitqies li nkiser l-ordni pubbliku. |
55 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-konsegwenzi marbuta mal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati bis-sentenza li qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha, għandu jiġi enfasizzat, kif tfakkar fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ ordni pubbliku għandu l-għan li jipprekludi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali meqjusa li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku. |
56 |
Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 84 u 85 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa intiż sabiex jipproteġi interessi legali espressi permezz ta’ dispożizzjoni legali u mhux interessi purament ekonomiċi. Dan jgħodd ukoll meta, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-awtorità pubblika ġġib ruħha bħal operatur fis-suq, f’dan il-każ bħal azzjonist, u tesponi ruħha għal ċerti danni. |
57 |
Jirriżulta, minn naħa, mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-konsegwenzi finanzjarji marbuta mal-ammont tat-telf possibbli diġà ġew diskussi quddiem il-qrati Litwani. Min-naħa l-oħra, kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, il-miżuri provviżorji u kawtelatorji, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonsistu mhux fil-ħlas ta’ somma, iżda biss fis-sorveljanza tal-beni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali. |
58 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li s-sempliċi invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji ma tikkostitwixxix ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 4/2001. |
59 |
Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għalihom jirreferu l-miżuri provviżorji u kawtelatorji ddikjarati b’sentenza li qed jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha, meta tkun tista’ tiġi segwita l-linja ta’ raġunament li wasslet għad-determinazzjoni tal-ammont tal-imsemmija somom, u anki meta rimedji ġudizzjarji kienu disponibbli u ġew eżerċitati sabiex jiġu kkontestati tali modalitajiet ta’ kalkolu, u lanqas is-sempliċi invokazzjoni ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji ma jikkostitwixxu motivi li jistabbilixxu ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn issir it-talba li jippermettu li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ tali sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.