SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Tassazzjoni — Direttiva 2008/7/KE — Artikoli 5(2) u 6 — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Taxxa fuq il-konverżjoni ta’ titoli ta’ possessjoni f’titoli nominattivi jew f’titoli żmaterjalizzati”

Fil-Kawża C‑299/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju), b’deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2013,

Isabelle Gielen

vs

Ministerraad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. Gielen, minn P. Malherbe, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(2) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Gielen u l-Ministerraad (Kunsill tal-Ministri) dwar it-taxxa fuq il-konverżjoni ta’ titoli ta’ possessjoni f’titoli nominattivi jew f’titoli żmaterjalizzati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 9 tad-Direttiva 2008/7 huma redatti kif ġej:

“(2)

It-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, jiġifieri d-dazju dovut fuq kontributi ta’ kapital lil kumpaniji u ditti, minn hawn ’il quddiem ‘dazju fuq il-kapital’, it-taxxa tal-boll fuq titoli, u dazju fuq operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni, irrispettivament minn jekk dawk l-operazzjonijet jinvolvux żieda fil-kapital, joħolqux diskriminazzjoni, taxxa doppja jew inugwaljanzi li jinterferixxu fil-moviment liberu tal-kapital. L-istess japplika fir-rigward ta’ taxxi indiretti oħrajn bl-istess karatteristiċi bħal dazju fuq il-kapital u taxxa tal-boll fuq it-titoli.

[…]

(9)

Minbarra d-dazju fuq il-kapital, l-ebda taxxa indiretta fuq il-ġbir tal-kapital m’għandha tiġi imposta. […].”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tirregola l-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

a)

kontributi ta’ kapital lil kumpaniji ta’ kapital;

b)

operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li jinvolvu kumpaniji ta’ kapital;

c)

il-ħruġ ta’ ċerti titoli u obbligazzjonijiet.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jelenka sensiela ta’ tranżazzjonijiet li għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni ta’ kapital għall-finijiet tagħha.

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7, taħt it-titolu “Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:

a)

kontributi ta’ kapital;

b)

self, jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-kontributi ta’ kapital;

c)

ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalihom il-kumpanija ta’ kapital tista’ tkun suġġetta minħabba l-forma ġuridika tagħha;

d)

l-alterazzjoni ta’ l-istrument jew tar-regolamenti kostitwenti ta’ kumpanija ta’ kapital, u b’mod partikolari li ġejjin:

i)

l-alterazzjoni ta’ l-istrument jew tar-regolamenti kostitwenti ta’ kumpanija ta’ kapital, u b’mod partikolari li ġejjin;

ii)

it-trasferiment minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor taċ-ċentru effettiv ta’ ġestjoni jew ta’ l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija ta’ kapital;

iii)

bidla fl-għanijiet ta’ kumpanija ta’ kapital;

iv)

l-estensjoni tal-perijodu ta’ eżistenza ta’ kumpanija ta’ kapitali;

e)

l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni msemmija fl-Artikolu 4.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lil dawn li ġejjin għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta:

a)

il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ stocks, ishma jew titoli oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw dawn it-titoli, irrispettivament minn min ikunu maħruġa;

b)

ammonti ta’ self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn, irrispettivament minn min ikunu maħruġa, jew kwalunkwe formalità relatata magħhom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ dawn l-obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn.”

7

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, taħt it-titolu “Dazji u taxxa fuq il-valur miżjud”, jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin:

a)

dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata fissa kif ukoll jekk le;

b)

dazji fuq trasferiment, inklużi taxxi fuq ir-reġistrazzjoni ta’ l-art, fuq it-trasferiment, lil kumpanija ta’ kapital, ta’ negozji jew ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tagħhom;

c)

dazji ta’ trasferiment fuq assi ta’ kwalunkwe tip trasferiti lil kumpanija ta’ kapital, sa fejn din il-proprjetà tiġi trasferita għal konsiderazzjoni diversa minn ishma fil-kumpanija;

d)

dazji fuq il-ħolqien, reġistrazzjoni jew ħlas ta’ ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra;

e)

dazji fil-forma ta’ miżati jew drittijiet;

f)

it-taxxa fuq il-valur miżjud.

2.   L-ammont impost bħala d-dazji u t-taxxi elenkati fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 m’għandhomx ivarjaw skond jekk iċ-ċentru ta’ ġestjoni effettiva jew l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija ta’ kapital jinsabux fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jimponi d-dazji jew it-taxxi. Dawk l-ammonti ma jistgħux jeċċedu dawk id-dazji jew taxxi applikabbli għal transazzjonijiet simili li jseħħu fl-Istat Membru li jimponihom.”

8

Id-Direttiva 2008/7, skont l-Artikoli 16 u 17 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, mill-1 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(2) u 6(1) tad-Direttiva 2008/7 essenzjalment jirriproduċu l-kontenut tal-Artikoli 11 u 12(1) tad-Direttiva 69/335.

Id-dritt Belġjan

9

L-Artikoli 3 sa 5 u 7 tal-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2005, dwar it-tħassir tat-titoli ta’ possessjoni (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Diċembru 2005, p. 55-488 u tas-6 ta’ Frar 2006, p. 6-111) essenzjalment jistabbilixxu projbizzjoni ta’ ħruġ u ta’ għoti fiżiku ta’ titoli ta’ possessjoni ġodda, mill-1 ta’ Jannar 2008, konverżjoni legalment sħiħa ta’ ċerti titoli ta’ possessjoni f’titoli żmaterjalizzati u obbligu ta’ konverżjoni tat-titoli ta’ possessjoni l-oħra, fuq għażla tal-proprjetarju tagħhom, f’titoli nominattivi jew f’titoli żmaterjalizzati, sal-iktar tard il-31 ta’ Diċembru 2013. It-tħassir progressiv tat-titoli ta’ possessjoni jidħol fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-abbużi, il-kriminalità finanzjarja, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-prattiki ta’ ħasil ta’ flus u l-frodi fiskali.

10

Skont l-Artikolu 167 tal-Kodiċi tad-dazji u taxxi diversi (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”), introdott bil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2011 dwar dispożizzjonijiet diversi (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ Diċembru 2011, p. 81644):

“Qed tiġi stabbilita taxxa fuq il-konverżjoni tat-titoli ta’ possessjoni f’titoli żmaterjalizzati jew f’titoli nominattivi skont il-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar it-tħassir tat-titoli ta’ possessjoni, bl-eċċezzjoni tat-titoli fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi tal-14 ta’ Diċembru 2005, li tintemm qabel l-1 ta’ Jannar 2014”.

11

L-Artikolu 168 tal-Kodiċi jistabbilixxi:

“Ir-rata tat-taxxa hija ffissata kif ġej:

1 % għall-konverżjonijiet imwettqa matul is-sena 2012;

2 % għall-konverżjonijiet imwettqa matul is-sena 2013.”

12

L-Artikolu 169 tal-Kodiċi huwa redatt kif ġej:

“It-taxxa dovuta hija kkalkolata fid-data ta’ reġistrazzjoni:

a)

għall-valuri mobbli awtorizzati fis-suq regolat jew f’sistema multilaterali ta’ negozjazzjoni, fuq l-aħħar perijodu stabbilit qabel id-data ta’ reġistrazzjoni;

b)

għat-titoli ta’ kreditu mhux awtorizzati fis-suq regolat, fuq l-ammont nominali tal-kapital tal-kreditu;

c)

għall-ishma ta’ korpi ta’ investiment b’numru varjabbli ta’ ishma, fuq l-aħħar valur tal-inventarju kkalkolat qabel id-data ta’ reġistrazzjoni;

d)

fil-każijiet l-oħra, fuq il-valur kontabbli, mhux inklużi l-interessi, tat-titoli fil-jum ta’ reġistrazzjoni, li għandu jiġi stmat mill-persuna li tagħmel il-konverżjoni tat-titoli.

Meta l-valur tat-titoli suġġetti għal konverżjoni tkun munita barranija, din tinbidel f’EUR abbażi tar-rata ta’ skambju fid-data ta’ reġistrazzjoni.”

13

L-Artikolu 170 tal-Kodiċi jipprovdi:

“It-taxxa titħallas:

1

mill-intermedjarji professjonali meta t-titoli ta’ possessjoni huma inklużi f’kont ta’ titoli wara r-reġistrazzjoni tagħhom mill-proprjetarju;

2

mill-kumpanniji emittenti meta t-titoli huma rreġistrati bi ħsieb li jiġu kkonvertiti f’titoli nominattivi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

I. Gielen hija l-proprjetarja maż-żewġt it-tfal tagħha ta’ titoli ta’ possessjoni maħruġa minn żewġ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata li s-sede tagħhom tinsab fil-Belġju. Fil-21 ta’ Diċembru 2011, hija kkonvertithom f’titoli nominattivi, skont il-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar it-tħassir tat-titoli ta’ possessjoni, iżda din il-konverżjoni ma setgħetx titwettaq qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2012, tat-taxxa fuq it-titoli ta’ possessjoni stabbilita mil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2011 dwar id-dispożizzjonijiet diversi.

15

I. Gielen ippreżentat quddiem il-Grondwettelijk Hof, rikors għal annullament tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu din it-taxxa għal ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7. Hija tqis li peress li l-konverżjoni tat-titoli ta’ possessjoni kienet obbligatorja, din tifforma parti mill-“operazzjonijiet globali” ta’ ġbir ta’ kapital u għalhekk ma tista’ tiġi suġġetta għal ebda taxxa indiretta.

16

Il-Gvern Belġjan huwa tal-fehma li t-taxxa ma għandhiex l-għan li taffettwa operazzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji volontarji li jikkonċernaw azzjonijiet jew self, iżda hija intiża li tinkoraġġixxi lill-kumpanniji biex jieħdu kont ta’ dispożizzjoni ex ante“kontra l-abbuż”. Għalhekk, din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7, li, fil-fehma tiegħu, jikkonċerna l-operazzjonijiet imwettqa fis-suq primarju. Huwa jqis li din id-direttiva tikkonċerna l-ħruġ jew it-tqegħid fis-suq ta’ titoli ġodda u mhux il-konverżjoni tagħhom. L-operazzjoni ta’ konverżjoni msemmija mil-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar it-tħassir tat-titoli ta’ possessjoni la sseħħ fis-suq primarju u lanqas fis-suq sekondarju, u ma għandhiex rabta mal-fatt ta’ ġbir ta’ kapital.

17

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari tas-sentenzi FECSA u ACESA (C‑31/97 u C‑32/97, EU:C:1998:508) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑415/02, EU:C:2004:450), il-Grondwettelijk Hof tistaqsi jekk, fid-dawl tal-obbligu ta’ konverżjoni, sal-iktar tard il-31 ta’ Diċembru 2013, tat-titoli ta’ possessjoni, it-taxxa għandhiex titqies bħala taxxa indiretta fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda għal deċiżjoni preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa fuq konverżjoni ta’ titoli ta’ possessjoni f’titoli nominativi jew f’titoli żmaterjalizzati (mhux f’forma kartaċea) imposta bil-liġi u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, tali taxxa tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6 [ta’ din id-direttiva]?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa fuq il-konverżjoni ta’ titoli ta’ possessjoni f’titoli nominattivi jew f’titoli żmaterjalizzati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, jekk iva, jekk tali taxxa tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif jirriżulta wkoll mill-preambolu tad-Direttiva 69/335, li d-Direttiva 2008/7 issostitwixxiet b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, li din tal-aħħar hija intiża biex tippromwovi l-libertà tal-moviment tal-kapital, meqjusa bħala essenzjali għall-ħolqien ta’ unjoni ekonomika li għandha karatteristiċi simili għal dawk ta’ suq intern. It-tfittxija ta’ tali għan tippreżumi, fir-rigward tat-taxxa li tolqot il-ġbir tal-kapital, it-tneħħija tat-taxxi indiretti li sa dak iż-żmien kienu fis-seħħ fl-Istati Membri, u l-applikazzjoni, minflokhom, ta’ taxxa miġbura darba biss fis-suq intern u f’livell ugwali fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza HSBC Holdings u Vidacos Nominees, C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 28).

21

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/7 jipprekludi kull forma ta’ taxxa indiretta, b’mod partikolari, fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva jipprekludi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għal taxxa indiretta, irrispettiva mill-forma tagħha, minn naħa, il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ azzjonijiet, ishma jew titoli oħra tal-istess natura, kif ukoll ċertifikati li jirrappreżentaw dawn it-titoli irrispettivament minn min ikunu maħruġa, u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn, irrispettivament minn min ikunu maħruġa, jew kwalunkwe formalità relatata magħhom.

22

Fir-rigward tal-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 69/335, li l-kliem tiegħu huwa riprodott fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2008/7, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha FECSA u ACESA (EU:C:1998:508, punt 18), li għalkemm din id-dispożizzjoni ma ssemmix espressament ir-rimbors ta’ self obbligatorju, xorta jibqa’ l-fatt li l-projbizzjoni tal-ġbir ta’ taxxa meta jinħareġ self li iżda huwa awtorizzat meta tali self jiġi rrimborsat ikollu l-konsegwenza, kuntrarjament għall-għan imfittex mid-direttiva, li jimponi s-self bħala operazzjoni globali għall-ġbir tal-kapital.

23

Bl-istess mod, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:2004:450, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 11(a) tad-Direttiva 69/335, redatt bi kliem identiku bħall-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7, ma jsemmix b’mod espress l-ewwel xiri ta’ azzjonijiet jew il-provvista ta’ titoli ta’ possessjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-ġbir ta’ taxxa fuq l-ewwel xiri ta’ titolu maħruġ mill-ġdid jew ta’ taxxa fuq il-provvisti ta’ titoli ta’ possessjoni li tolqot it-tqegħid materjali ta’ tali titoli li seħħ fil-kuntest tal-ħruġ tagħhom, twassal fil-verità biex jiġi intaxxat il-ħruġ innifsu ta’ dan it-titolu inkwantu jifforma parti integrali minn operazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital.

24

Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335, u b’mod partikolari mis-sentenzi FECSA u ACESA (EU:C:1998:508) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:2004:450), jirriżulta li, skont l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, il-projbizzjoni ta’ taxxa fuq l-operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapital tapplika wkoll għall-operazzjonijiet mhux imsemmija minn din il-projbizzjoni, għaliex tali taxxa twassal biex tiġi intaxxata operazzjoni li tifforma parti integrali minn operazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir tal-kapital. Din l-interpretazzjoni tapplika għall-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7 li jirriproduċi, bi kliem identiku, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335.

25

F’din il-kawża, għalkemm huwa minnu, kif isostni l-Gvern Belġjan, li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 ma jsemmix b’mod espress il-konverżjoni ta’ azzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-konverżjoni ta’ azzjonijiet ta’ possessjoni f’titoli żmaterjalizzati jew f’titoli nominattivi, li saret obbligatorja bil-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar it-tħassir tat-titoli ta’ possessjoni, taqa’ taħt ħruġ ta’ azzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7.

26

Għalhekk, billi ġiet stabbilita taxxa fuq l-imsemmija konverżjoni, l-Artikolu 167 tal-Kodiċi fil-verità qed jimponi taxxa fuq il-ħruġ stess ta’ dan it-titolu inkwantu jifforma parti integrali minn operazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital, u għalhekk jippreġudika l-effettività tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi FECSA u ACESA, EU:C:1998:508, punti 18 u 19, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2004:450, punti 32 u 33).

27

Minn dan isegwi li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li l-ħruġ ta’ azzjonijiet jiġi suġġett għal taxxa indiretta, irrispettivament mill-forma tagħha, tipprekludi taxxa fuq il-konverżjoni ta’ azzjonijiet ta’ possessjoni diġà maħruġa f’titoli żmaterjalizzati jew f’titoli nominattivi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali taxxa tistax tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/7 li tippermetti lill-Istati Membri li jiġbru taxxa fuq it-trasferiment ta’ valuri mobbli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 69/335, li kliemu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/7, jikkostitwixxi deroga għall-projbizzjoni tal-prinċipju ta’ intaxxar li għandu l-istess karatteristiċi bħad-dazju fuq il-kapital (sentenza Grillo Star Fallimento, C‑443/09, EU:C:2012:213, punt 28).

29

Din id-dispożizzjoni, li bħala eċċezzjoni għar-regola ta’ nuqqas ta’ intaxxar, għandha tiġi interpretata b’mod strett, ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ taxxa fuq il-konverżjoni ta’ azzjonijiet ta’ possessjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-konverżjoni azzjonijiet ta’ possessjoni huma kkonvertiti f’titoli żmaterjalizzati jew f’titoli nominattivi, mingħajr ma hemm trasferiment legali mill-ewwel proprjetarju għat-tieni proprjetarju.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/7 jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa fuq il-konverżjoni ta’ titoli ta’ possessjoni f’titoli nominattivi jew f’titoli żmaterjalizzati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali taxxa ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa fuq il-konverżjoni ta’ titoli ta’ possessjoni f’titoli nominattivi jew f’titoli żmaterjalizzati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali taxxa ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.