SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Klassifikazzjoni tariffarja — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Taqsima XVI, nota 2 — Intestaturi 8422, 8456, 8473, 8501, 8504, 8543, 8544 u 8473 — Kunċetti ta’ ‘bċejjeċ’ u ta’ ‘oġġetti’ — Bċejjeċ u aċċessorji (muturi, provvisti ta’ enerġija, lejżers, ġeneraturi, kejbils u heat sealers) intiżi għas-sistemi ta’ programmazzjoni ‘– Assenza ta’ klassifikazzjoni prijoritarja taħt l-intestatura 8473 meta mqabbla mal-intestaturi l-oħra tal-Kapitoli 84 u 85””

Fil-Kawża C‑297/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Data I/O GmbH

vs

Hauptzollamt München,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Aġent Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Data I/O GmbH, minn A. Linscheid, avukat,

għall-Hauptzollamt München, minn C. Erhart-Parzefall, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li hemm fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 (ĠU L 290, p 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Data I/O GmbH (iktar ’il quddiem “Data I/O”) u Hauptzollamt München (awtorità doganali ta’ München) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ muturi, ta’ provvisti ta’ enerġija, ta’ lejżers, ta’ ġeneraturi, ta’ kejbils u ta’ heat sealers użati fis-sistemi ta’ programmazzjoni awtomatiċi.

Il-kuntest ġuridiku

In-NM

3

In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-‘SA’), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottata mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, bil-Protokoll ta’ Emenda tagħha fl-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-sottointestaturi tas-SA.

4

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirripproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazju doganali, kif din il-verżjoni tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

5

Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 2031/2001, 1832/2002, 1789/2003 u 1810/2004. Id-dispożizzjonijiet rilevanti esposti hawn taħt huma fformulati b’mod identiku f’dawn il-verżjonijiet differenti.

6

Ir-“regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM” jinsabu fit-Taqsima I A tal-Ewwel Parti tagħha. Huma jipprovdu li:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda [żewġ intestaturi] jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

[...]”

7

It-Tieni Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u strumenti mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

8

In-nota 2 ta’ din it-taqsima tan-NM hija fformulata kif ġej:

“[B]ċejjeċ ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ ta’ l-oġġetti ta’ titlu 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom jiġu kklassifikati skond dawn ir-regoli:

(a)

Bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi wieħed mit-titli [l-intestaturi] ta’ Kapitlu 84 jew 85 (ħlief it-titli 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt it-titli rispettivi tagħhom.

(b)

Bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni ta’ l-istess titlu (inkluża magna ta’ titlu 8479 jew 8543) għandhom jiġu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew f’titlu 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq. Madankollu, bċejjeċ li huma ugwalment tajbin għal użu prinċipalment ma’ l-oġġetti ta’ titli 8517 u 8525 sa 8528 għandhom jiġu kklassifikati f’titlu 8517.

[...]”

9

Il-Kapitolu 84 tan-NM jaqa’ taħt it-Taqsima XVI tagħha. Huwa intitolat “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; bċejjeċ tagħhom”.

10

L-intestatura 8422 tan-NM, li tidher taħt dan il-kapitolu, hija relatata mal-“[m]agni għal ħasil tal-platti; makkinarju għal tindif jew tnixxif ta’ fliexken jew kontenituri oħrajn; makkinarju għal mili, għeluq, issiġillar jew twaħħil ta’ tikketti ma’ fliexken, bottijiet, kaxex, boroż jew kontenituri oħrajn; makkinarju għal tqegħid ta’ għotien ta’ fliexken, vażetti, tubi u kontenituri simili; makkinarju ieħor għal ippakkjar jew tgeżwir (inkluż makkinarju ta’ tgeżwir li jiqsar u jintrass bis-sħana (heat-shrink)); makkinarju li jissupplixxi l-arja fix-xorb”.

11

L-intestatura 8456 tan-NM, li tidher taħt l-imsemmi kapitolu, hija intitolata “Għodod tal-magni għax-xogol fuq kull materjal bit-tneħħija ta’ materjal, bil-lejżer jew raġġ ieħor ta’ dawl jew foton, raġġ ultrasoniku, ta’ skarg elettriku, elettrokimiku, ta’ elettron, raġġ joniku jew proċessi ta’ ark ta’ plażma”.

12

L-intestatura 8471 tan-NM taqa’ taħt l-istess kapitolu tagħha u tirrigwarda l-“[m]agni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla ikkowdjata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.

13

L-intestatura 8473 tal-Kapitolu 84 tan-NM hija intitolata “Bċejjeċ u aċċessorji (ħlief għata, bagalji biex jinġarru fihom u bħal dawn) tajbin biss u prinċipalment għal użu ma’ magni ta’ titli [intestaturi] 8469 sa 8472”.

14

It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi wkoll il-Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

15

Dan il-kapitolu tan-NM jinkludi b’mod partikolari l-intestaturi li ġejjin:

“8501

Muturi u ġeneraturi elettriċi (ħlief settijiet ta’ ġenerazzjoni):

[...]

8504

Transformers ta’ l-elettriku, converters statiċi (per eżempju, rectifiers) u inductors:

[...]

8543

Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra f’dan il-kapitlu:

[...]

8544

Wajer iżolat (inkluż żmaltat jew anodizzat), kejbil (inkluż kejbil koassjali) u kondutturi oħrajn elettriċi iżolati, mgħammrin b’connectors jew le; kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, immuntati b’kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’connectors jew le:

[...]”

16

Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tan-NM u dik li taqa’ taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura bħala bċejjeċ ta’ magni msemmija fl-intestatura 8471 tagħha, kienet eżenti mid-dazju doganali, filwaqt li l-merkanzija kklassifikata fl-intestaturi 8422, 8456, 8501, 8504, 8543 u 8544 tan-NM kienet suġġetti għad-dazju doganali ta’ livell varjabbli, skont is-subintestatura kkonċernata.

In-noti ta ’ spjega tas-SA

17

L-ODD tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanziji, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. Il-verżjoni tal-imsemmija noti li hija applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik adottata matul is-sena 2002.

18

F’din il-verżjoni, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar ir-regola ġenerali 3(a), jippreċiżaw b’mod partikolari, fil-punt IV(a) tagħhom, li “intestatura li tindika speċifikament oġġett partikolari hija iktar speċifika milli intestatura li tinkludi familja ta’ oġġetti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19

In-noti ta’ spjega dwar in-nota 2 tat-Taqsima XVI tas-SA, li jidhru fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ din it-taqsima, huma redatti kif ġej:

“II. – Bċejjeċ

Bħala regola ġenerali, bla ħsara għall-esklużjonijiet imsemmija f’figura I iktar ’il fuq, il-bċejjeċ rikonoxxibbli bħala esklużivament jew prinċipalment maħsubin għal magna jew apparat speċifiku jew għal diversi magni jew apparat inklużi fl-istess intestatura (l-istess in-nri 84.79 jew 85.43) huma kklassifikati fl-intestatura relatata ma’ dik jew ma’ dawk il-magni. [...]

[...]

Iżda dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-biċċiet li jikkonsistu f’oġġetti msemmija fi kwalunkwe waħda mill-intestaturi tal-Kapitoli 84 jew 85 (bl-eċċezzjoni tan-nri 84.85 u 85.48). L-oġġetti f’dan il-każ isegwu s-sistema rispettiva tagħhom fil-każijiet kollha, anki jekk fil-fatt huma speċjalment maħsubin biex jintużaw bħala bċejjeċ ta’ magna speċifika.[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

In-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 84 tas-SA huma fformulati kif ġej:

“A. – Portata ġenerali tal-kapitolu

Bla ħsara għad-diżpozzjonijiet tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-Taqsima XVI, dan il-kapitolu jkopri l-magni, l-apparat elettriku u l-għodod kollha kif ukoll il-bċejjeċ tagħhom, li ma humiex imsemmija b’mod iktar speċifiku fil-kapitolu 85, bl-esklużjoni:

[...]

C. – Bċejjeċ

Għar-regoli ġenerali li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-bċejjeċ, ser isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-taqsima.

Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-bċejjeċ elettriċi ta’ makkinarji jew apparat ta’ dan il-kapitolu, għandu jitfakkar li dawk li jikkonsistu f’oġġetti msemmija fi kwalunkwe intestatura tal-Kapitolu 85 jaqgħu taħt dan il-kapitolu tal-aħħar. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-muturi elettriċi (Nru 85.01) [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21

In-noti ta’ spjega li jirrigwardaw l-intestatura 8473 tas-SA jipprovdu li:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-bċejjeċ (ara l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-taqsima), din l-intestatura tkopri l-bċejjeċ u l-aċċessorji intiżi esklużivament jew prinċipalment għall-magni jew għall-apparat tan-Nri 84.69 sa 84.72.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22

In-noti ta’ spjega li jirrigwardaw il-Kapitolu 85 tas-SA jipprovdu:

“A. – Portata ġenerali u struttura tal-kapitolu

“Dan il-kapitolu jkopri l-makkinarju u l-apparat elettriku kollu kif ukoll il-bċejjeċ tagħhom, bl-eċċezzjoni:

a)

tal-makkinarju u l-apparat tan-natura ta’ dawk previsti fil-Kapitolu 84, li għadhom ikklassifikati minkejja li huma elettriċi […];

[...]

C. – Bċejjeċ

Fir-rigward tar-regoli ġenerali dwar il-klassifikazzjoni ta’ bċejjeċ, wieħed għandu jirriferi għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-taqsima.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23

Matul is-snin 2002 sa 2005, Data I/O importat fil-Ġermanja, mill-Istati Uniti, muturi elettriċi, provvisti ta’ enerġija, lejżers, ġeneraturi, kejbils u heat sealers (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien il-“merkanzija kkonċernata”), użati fis-sistemi ta’ programmazzjoni awtomatiċi.

24

Is-sistemi ta’ programmazzjoni awtomatiċi jservu għall-programmazzjoni ta’ komponenti tal-memorja, mikrokontrolluri u netwerks loġiċi. Matul il-proċess ta’ pprogrammar, id-data li tkun ġejja minn fajl jew minn komponent ieħor huma trażmessi bil-konverżjoni ta’ sinjali fil-komponenti li jiġu pprogrammati. Matul dan il-proċess, il-muturi elettriċi jċaqalqu fiżikament il-komponenti li jiġu pprogrammati. Il-provvisti ta’ enerġija jipproduċu l-kurrent dirett meħtieġ biex jitħaddmu s-sistemi. Il-lejżers huma użati għall-kodifikazzjoni tal-komponenti fis-sistema. Il-ġeneraturi huma intiżi biex joħolqu vakwu biex jiċċaqalqu l-komponenti fis-sistemi ta’ programmazzjoni. Il-kejbils jgħaqqdu l-komponenti elettroniċi tal-imsemmija sistemi. Finalment, il-heat sealers jippermettu l-issiġillar u l-ippakkjar tal-komponenti pprogrammati.

25

Il-merkanzija kkonċernata minn dawn l-importazzjonijiet ġiet iddikjarata bħala li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tan-NM. Hija ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera mingħajr ġbir ta’ dazji doganali.

26

Wara kontroll a posteriori, billi l-Hauptzollamt München ikkunsidra li l-muturi elettriċi, il-provvisti ta’ enerġija, il-lejżers, il-ġeneraturi, il-kejbils u l-heat sealers kellhom jiġu kklassifikati, rispettivament, taħt l-intestaturi 8501, 8504, 8456, 8543, 8544 u 8422 tan-NM, wettaq irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni li jirriżultaw minn din il-klassifikazzjoni.

27

F’dan il-kuntest, Data I/O ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tagħha, hija ssostni li l-merkanzija kkonċernata kellha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8473 tan-NM, bħala bċejjeċ ta’ magna li jaqgħu, fil-fehma tagħha, taħt l-intestatura 8471 tan-NM.

28

Il-Hauptzollamt München iqis min-naħa l-oħra li, skont in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, oġġett inkluż f’intestatura tal-Kapitolu 84 jew tal-Kapitolu 85 tan-NM jaqa’ taħt din l-intestatura, anki jekk jista’ wkoll jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura.

29

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-muturi elettriċi, il-provvisti ta’ enerġija, il-lejżers, il-ġeneraturi, il-kejbils u l-heat sealers li jikkostitwixxu bċejjeċ mis-sistemi ta’ programmazzjoni awtomatiċi ta’ Data I/O u għandhom jiġu kklassifikati, rispettivament, taħt l-intestaturi 8501, 8504, 8456, 8543, 8544 u 8422 tan-NM.

30

Din il-qorti tistaqsi, madankollu, fid-dawl tas-sentenza Data I/O (C‑370/08, EU:C:2010:284) dwar il-konformità ta’ din il-klassifikazzjoni fid-dawl tan-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM. Skont l-imsemmija qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat, fil-punt 43 ta’ dik is-sentenza, li adapter bħal dak użat fis-sistemi ta’ programmazzjoni ta’ Data I/O, ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8536 tan-NM ħlief sa fejn klassifikazzjoni taħt l-intestaturi 8471 u 8473 ikun ġie eskluż. Minn dan issegwi klassifikazzjoni prijoritarja taħt l-intestatura 8473 meta mqabbla mal-intestatura 8536 tan-NM, jiġifieri prijorità sistematika tal-intestatura 8473 fuq l-intestaturi l-oħra tal-Kapitoli 84 u 85 tan-NM. Madankollu, peress li osservat b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-imsemmija sentenza, ma kinitx wettqet interpretazzjoni tan-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-bċejjeċ ta’ magni, il-qorti tar-rinviju tiddubita mill-fatt li tali bċejjeċ ta’ magni għandhom jiġu kklassifikati b’mod prijoritarju taħt l-intestatura 8473. B’riferiment għan-noti ta’ spjega tas-SA dwar in-nota 2 tat-Taqsima XVI, fil-Kapitoli 84 u 85, kif ukoll fl-intestatura 8473 ta’ din is-sistema, il-qorti tar-rinviju tqis li l-intestatura 8473 tan-NM hija, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-bċejjeċ tal-magni, nieqsa minn natura prijoritarja fuq l-intestaturi l-oħra tal-Kapitoli 84 u 85 ta’ din in-nomenklatura.

31

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija li tissodisfa r-rekwiżiti kemm sabiex tiġi kklassifikata bħala parti fis-sens tal-intestatura 8473 NM kif ukoll sabiex tiġi kklassifikata bħala merkanzija taħt intestatura oħra tal-Kapitolu 84 NM jew taħt intestatura oħra tal-Kapitolu 85 NM, għandha tiġi kklassifikata f’din l-intestatura l-oħra inkwantu l-intestatura 8473 NM la tipprevalixxi fuq l-intestaturi l-oħra tal-Kapitolu 84 u lanqas fuq l-intestaturi tal-Kapitolu 85 NM?”

Fuq id-domanda preliminari

32

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li oġġett li jista’ jiġi kklassifikat kemm taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura, bħala biċċa ta’ magna li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tal-imsemmija nomenklatura, kif ukoll taħt waħda mill-intestaturi 8422, 8456, 8501, 8504, 8543 u 8544 ta’ din l-istess nomenklatura, bħala oġġett awtonomu, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 jew taħt waħda minn dawn l-intestaturi tal-aħħar.

33

Għandu jitfakkar li n-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma għandhom setgħa vinkolanti tad-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 24).

34

Bl-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li n-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM tapplika biss għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-“bċejjeċ tal-magni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Senelco, 57/85, EU:C:1986:94, punt 12).

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-NM, fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali, ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “bċejjeċ”, fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XVI ta’ din in-nomenklatura. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata f’dak li jikkonċerna l-intestatura 8473 tan-NM u tan-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tagħha, jirriżulta li l-kunċett ta’ “bċejjeċ” jimplika l-preżenza ta’ ragruppament ta’ elementi li għall-funzjonament tagħhom dawn huma indispensabbli (ara s-sentenzi Peacock, C‑339/98, EU:C:2000:573, punt 21; Ruma, C‑183/06, EU:C:2007:110, punt 31 kif ukoll Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe et, C‑336/11, EU:C:2012:500, punt 34). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jikkwalifika bħala “biċċa”, ma huwiex biżżejjed li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispondi għall-bżonnijiet li hija destinata għalihom. Jerġa’ għandu jiġi stabbilt li l-funzjonament mekkaniku jew elettriku tal-magna inkwistjoni hija kkundizzjonata mill-imsemmi oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Turbon International, C‑276/00, EU:C:2002:88, punt 30, kif ukoll Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe et, EU:C:2012:500, punt 35).

36

Madankollu, għandu jitfakkar li meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hija f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenza Lecson Elektromobile, C‑12/10, EU:C:2010:823, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Huwa l-obbligu, konsegwentement, tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk il-provvisti ta’ enerġija, il-kejbils, il-muturi, il-ġeneraturi, il-lejżers u l-heat sealers inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux il-“bċejjeċ” ta’ magni, fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM. Jekk hija kellha tikkonkludi li dawn l-elementi jikkostitwixxu tali “bċejjeċ” ta’ magni, huwa l-obbligu tagħha li tikklassifikahom skont din in-nota.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, “bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi wieħed mit-titli [l-intestaturi] ta’ Kapitlu 84 jew 85 (ħlief it-titli 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt it-titli rispettivi tagħhom”.

39

Din ir-regola ta’ klassifikazzjoni tapplika meta l-bċejjeċ inkwistjoni jikkonsistu f’oġġetti li, minħabba l-karatteristiċi rispettivi tagħhom, huma koperti b’intestatura tariffarja speċifika li taqa’ taħt il-Kapitolu 84 jew il-Kapitolu 85 tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fuss, 60/77, EU:C:1977:213, 2462).

40

Skont din ir-regola ta’ klassifikazzjoni, il-bċejjeċ ta’ magni huma kklassifikati skont il-karatteristiċi rispettivi tagħhom, bħala oġġetti awtonomi, taħt l-intestatura speċifika li taħtha jaqgħu dawn l-oġġetti.

41

Fir-rigward tal-muturi elettriċi, il-provvisti ta’ enerġija, il-lejżers, il-ġeneraturi, il-kejbils u l-heat sealers inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn huma, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, oġġetti li jaqgħu, rispettivament, taħt l-intestaturi 8501, 8504, 8456, 8543, 8544 u 8422 tan-NM. Huma jistgħu, għaldaqstant, jiġu kklassifikati, skont in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, taħt dawn l-intestaturi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li kull waħda minn dawn il-merkanziji tista’ tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8473 tan-NM, bħala biċċa ta’ magna li taqa’ taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk din il-merkanzija għandhiex, b’applikazzjoni tan-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, tiġi kklassifikata taħt l-intestaturi 8422, 8456, 8501, 8504, 8543 u 8544 jew taħt l-intestatura 8473 tan-NM. Peress li din l-aħħar intestatura hija msemmija fil-parenteżi miftuħa fl-imsemmija nota kif ukoll fin-nota 2(b) ta’ din it-taqsima, għandu, bl-għan li jiġu ddeterminati r-rabtiet bejn l-imsemmija intestaturi, jiġi evalwat, minn naħa, is-sinjifikat ta’ din il-parenteżi u, min-naħa l-oħra, l-interazzjoni li teżisti bejn in-nota 2(a) u n-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM.

43

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sinjifikat tal-parenteżi li tidher fin-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, hemm lok li jiġi rrilevat li din in-nota tirrifletti l-kontenut tar-regola ġenerali 3(a) ta’ din in-nomenklatura li tipprovdi li, meta merkanzija taqa’ fl-istess waqt taħt żewġ intestaturi distinti, hija għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika. Għandu jiġi ppreċiżat li, skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar din ir-regola ġenerali, “intestatura li tindika speċifikament oġġett partikolari hija iktar speċifika milli intestatura li tinkludi familja ta’ oġġetti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

44

Issa, l-intestatura 8473 tan-NM, sa fejn issemmi l-bċejjeċ u l-aċċessorji rikonoxxibbli bħala intiżi prinċipalment jew esklużivament għall-magni jew għall-apparati li jaqgħu taħt l-intestaturi 8469 sa 8472 tan-NM, hija, kif jagħmlu intestaturi oħrajn imsemmija mill-parenteżi li tidher fin-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, intestatura ġenerika.

45

B’hekk jirriżulta li l-bċejjeċ ta’ magni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala oġġetti awtonomi fl-intestaturi relatati magħhom, ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestaturi msemmija fi ħdan il-parenteżi li tidher fin-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, f’dan il-każ, taħt l-intestatura 8473 tan-NM.

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interazzjoni bejn in-nota 2(a) u n-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM tipprovdi, kif ġie indikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, regola ta’ klassifikazzjoni bbażata fuq il-karatteristiċi rispettivi tal-bċejjeċ tal-magni, in-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM tistabbilixxi regola ta’ klassifikazzjoni bbażata fuq l-użu tagħhom, meta l-bċejjeċ “jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni ta’ l-istess titlu [intestatura]”. Skont din ir-regola, “[il-bċejjeċ, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu preċedenti], għandhom jiġu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew f’titlu [intestatura] 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq”.

47

Mill-kliem tan-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM jirriżulta minn naħa, li din tapplika biss għall-bċejjeċ tal-magni li ma jistgħux jiġu kklassifikati skont il-punt (a) ta’ din l-istess nota, għaliex huma ma jikkostitwixxux oġġetti awtonomi li jaqgħu bħala tali, taħt l-intestaturi speċifiċi tal-Kapitolu 84 jew tal-Kapitolu 85 tan-NM. Din l-interpretazzjoni tirriżulta ċarament minn diversi verżjonijiet lingwistiċi tan-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa Ġermaniża, li jipprovdu li l-imsemmija nota tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ “bċejjeċ oħra” (“other parts”, “andere Teile”).

48

Min-naħa l-oħra, in-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tan-NM li tistabbilixxi regola ta’ klassifikazzjoni bbażata fuq l-użu tal-biċċa tal-magna kkonċernata, tippermetti espressament klassifikazzjoni ta’ tali biċċa taħt l-intestatura 8473 tan-NM.

49

Għaldaqstant, klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8473 tan-NM hija possibbli biss fl-assenza ta’ intestatura tariffarja li tippermetti li tikklassifika l-biċċa meqjusa bħala oġġett awtonomu. L-intestatura 8473 tan-NM għandha, konsegwentement, titqies bħala intestatura residwa u, minħabba f’hekk, sussidjarja meta mqabbla mal-intestaturi li jippermettu klassifikazzjoni ta’ biċċa tal-magna bħala oġġett awtonomu.

50

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata minn noti ta’ spjega tas-SA dwar in-nota 2 tat-Taqsima XVI ta’ din is-sistema, li jipprovdu li jekk il-bċejjeċ tal-magni huma, fil-prinċipju, ikklassifikati fl-intestatura relatata ma’ dik jew ma’ dawk il-magni li għalihom huma esklużivament jew prinċipalment maħsubin, il-“bċejjeċ li jikkonsistu f’oġġetti msemmija fi kwalunkwe mill-intestaturi tal-Kapitoli 84 jew 85 [tas-SA] isegwu s-sistema rispettiva tagħhom fil-każijiet kollha, anki jekk fil-fatt [dawn l-oġġetti] huma speċjalment maħsubin biex jintużaw bħala bċejjeċ ta’ magna speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

51

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, bil-kontra li tgħid Data I/O, in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM ma tipprevedix il-klassifikazzjoni prijoritarja ta’ bċejjeċ ta’ magna taħt l-intestatura 8473 tan-NM minflok taħt intestatura oħra li taqa’ taħt il-Kapitoli 84 u 85 tan-NM. Bil-kontra, min-nota 2(a) u (b) tat-Taqsima XVI ta’ din in-nomenklatura jirriżulta li klassifikazzjoni ta’ biċċa ta’ magna taħt l-intestatura 8473 hija sussidjarja meta mqabbla mal-klassifikazzjoni tal-biċċa bħala oġġett skont il-punt (a) tal-imsemmija nota.

52

Tali prijorità tal-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8473 tan-NM ma tirriżultax iktar mill-ewwel paragrafu tal-Parti A, tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 85 ta’ din is-sistema li jipprovdu li l-imsemmi Kapitolu 85 “jkopri l-makkinarju u l-apparat elettriku kollu kif ukoll il-bċejjeċ tagħhom, bl-eċċezzjoni [...] tal-makkinarju u l-apparat tan-natura ta’ dawk previsti fil-Kapitolu 84, li għadhom ikklassifikati minkejja li huma elettriċi”.

53

Ċertament, minn dawn in-noti ta’ spjega jirriżulta li meta magna jew apparat jista’ jaqa’ taħt intestatura kemm tal-Kapitolu 84 kif ukoll tal-Kapitolu 85 tan-NM, għandha ssir il-klassifikazzjoni tariffarja tiegħu taħt l-ewwel waħda minn dawn l-intestaturi. Barra minn hekk, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza Data I/O (EU:C:2010:284), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-ewwel paragrafu tal-Parti A tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 85 ta’ din is-sistema li biċċa ta’ magna, bħall-adapter użat minn Data I/O fil-magni tal-programmazzjoni inkwistjoni fl-imsemmija kawża, ma tistax tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8536 tan-NM ħlief jekk ma taqax taħt l-intestaturi 8471 u 8473 ta’ din in-nomenklatura.

54

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-regola stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Parti A, tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 85 ta’ din is-sistema ma tapplikax għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-bċejjeċ ta’ magni fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM.

55

Fil-fatt, minn naħa, skont l-ewwel paragrafu tal-Parti A, tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 85 ta’ din is-sistema, dan il-kapitolu jkopri l-magni u l-apparat elettriku kollu kif ukoll il-bċejjeċ ta’ dawn il-magni u l-apparat, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, “tal-magni u l-apparat tan-natura ta’ dawk previsti fil-Kapitolu 84”. Issa, il-bċejjeċ ta’ magni ma humiex imsemmija minn din l-eċċezzjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward preċiżament tal-bċejjeċ tal-magni, il-Parti C ta’ dawn in-noti ta’ spjega tirriferi għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-Taqsima XVI li jinkludu b’mod partikolari n-nota 2 imsemmija iktar ’il fuq.

56

Għaldaqstant, l-ewwel paragrafu tal-Parti A tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 85 ta’ din is-sistema ma tistax tiġi kkunsidrata la bħala li qed tagħmel eċċezzjoni għar-regoli tal-klassifikazzjoni tal-bċejjeċ ta’ magna, kif jirriżultaw min-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM, u lanqas li tistabbilixxi kwalunkwe prijorità tal-klassifikazzjoni tal-bċejjeċ ta’ magni taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura meta mqabbla mal-intestaturi li jaqgħu taħt il-Kapitolu 85 ta’ din tal-aħħar.

57

Barra minn hekk, tali prijorità tal-klassifikazzjoni ta’ bċejjeċ ta’ magni taħt l-intestatura 8473 minflok taħt l-intestaturi l-oħra li jaqgħu taħt il-Kapitoli 84 u 85 tan-NM lanqas ma tista’ tiġi dedotta mis-sentenzi l-oħra li għalihom Data I/O tagħmel riferiment u fil-kuntest tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet allegatament wettqet klassifikazzjoni tariffarja prijoritarja taħt l-intestatura 8473 tan-NM.

58

Fil-fatt, qabelxejn, fir-rigward tas-sentenza Peacock (EU:C:2000:573), għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 21 tagħha, li l-merkanziji inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri karti tan-network intiżi li jiġu installati f’kompjuters, ma kinux jikkostitwixxu “bċejjeċ” ta’ magna. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sodisfatta li teżamina l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija taħt l-intestatura 8471 jew taħt l-intestatura 8473 tan-NM, mingħajr ma teżamina l-intestatura 8517 ta’ din in-nomenklatura, li biċċa ta’ magna għandha tiġi kklassifikata bi prijorità taħt l-intestatura 8473 tal-imsemmija nomenklatura minflok taħt waħda mill-intestaturi l-oħra li jaqgħu taħt il-Kapitolu 85 tan-NM.

59

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda s-sentenza Turbon International (C‑250/05, EU:C:2006:681), huwa biżżejjed li jiġi osservat li, minn naħa, il-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kienet qajmet ebda kwistjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ biċċa ta’ magna fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kien diġà jirriżulta mill-punt 31 tas-sentenza Turbon International (EU:C:2002:88) li l-cartridge tal-linka inkwistjoni f’dawn iż-żewġ kawżi ma kienx jikkostitwixxi “biċċa”, fis-sens tal-intestatura 8473 tan-NM.

60

Finalment, fir-rigward tas-sentenza Kloosterboer Services (C‑173/08, EU:C:2009:382), għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat, fil-kuntest ta’ din is-sentenza, ir-Regola Ġenerali 3(b) tan-NM dwar il- klassifikazzjoni tal-prodotti magħmula minn materjali differenti, relatati ma’ subintestaturi differenti tan-NM. Skont din ir-regola ġenerali, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema huwa l-materjal, minn fost dawk li huwa magħmul minnhom, li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu (sentenza Kloosterboer Services, EU:C:2009:382, punt 31). Huwa għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola ġenerali li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din is-sentenza tal-aħħar, wettqet analiżi suċċessiva tal-intestaturi tariffarji 8473 30 90 u 8414 59 30 tan-NM. Ma jistax jiġi dedott minn din l-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tirrikonoxxi kwalunkwe prijorità tal-intestatura 8473 tan-NM fuq l-intestaturi l-oħra tal-Kapitolu 84, jiġifieri fuq dawk tal-Kapitolu 85, ta’ din in-nomenklatura għal klassifikazzjoni tariffarja skont in-nota 2 tat-Taqsima XVI tal-imsemmija nomenklatura.

61

Għaldaqstant, fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata, u bla ħsara għall-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata twettaq f’dan ir-rigward, meta din tista’ tiġi kklassifikata kemm taħt l-intestatura 8473, bħala bċejjeċ ta’ magna li jaqgħu taħt l-intestatura 8471 tan-NM, kif ukoll bħala oġġetti taħt waħda mill-intestaturi 8422, 8456, 8501, 8504, 8543 u 8544 tan-NM, din il-merkanzija għandha tiġi kklassifikata bħala oġġetti awtonomi taħt waħda minn dawn l-intestaturi tal-aħħar skont il-karatteristiċi rispettivi tagħhom.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li oġġett li jista’ jiġi kklassifikat kemm taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura, bħala biċċa ta’ magna li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tal-imsemmija nomenklatura, kif ukoll taħt waħda mill-intestaturi 8422, 8456, 8501, 8504, 8543 u 8544 tal-istess nomenklatura, bħala oġġett awtonomu, għandu jiġi kklassifikat, bħala tali, taħt waħda minn dawn l-intestaturi tal-aħħar, skont il-karatteristiċi rispettivi tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda li hemm fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li oġġett li jista’ jiġi kklassifikat kemm taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura, bħala biċċa ta’ magna li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tal-imsemmija nomenklatura, kif ukoll taħt waħda mill-intestaturi 8422, 8456, 8501, 8504, 8543 u 8544 tal-istess nomenklatura, bħala oġġett awtonomu, għandu jiġi kklassifikat, bħala tali, taħt waħda minn dawn l-intestaturi tal-aħħar, skont il-karatteristiċi rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.