SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali ta’ Weichert fil-Kawża C‑293/13 P

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-appell ta’ Del Monte fil-Kawża C-293/13 P

 

Fuq l-interess ta’ Weichert li tippreżenta risposta

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, ibbażat fuq in-nuqqas tal-eżistenza ta’ unitŕ ekonomika bejn Del Monte u Weichert matul il-perijodu tal-ksur

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, ibbażat fuq żnaturament tal-provi

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, dwar l-oneru tal-prova

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq ir-raba’ aggravju fil-Kawża C-293/13 P, ibbażat fuq il-prinċipju in dubio pro reo

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq il-ħames aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑294/13 P

 

Fuq l-interess ta’ Weichert li tippreżenta risposta

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑294/13 P, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ obbligu legali għal Weichert li tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑294/13 P, ibbażat fuq l-assenza ta’ unitŕ ekonomika bejn Del Monte u Weichert matul il-proċedura amministrattiva

 

Fuq l-appelli inċidentali ta’ Weichert u ta’ Del Monte fil-Kawża C‑294/13 P

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

 

Fuq l-ispejjeż

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-banana — Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza — Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ bejn żewġ kumpanniji — Kunċett ta’ ‘influwenza determinanti’ — Imputabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija lil kumpannija oħra — Żnaturament tal-provi — Oneru tal-prova — Prinċipju in dubio pro reo — Kunċett ta’ ‘ksur uniku u kontinwu’ — Kunċett ta’ ‘prattika miftiehma’ — Kunċett ta’ ‘ksur bl-għan’ — Impriżi membri ta’ akkordju — Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni — Obbligu legali — Portata — Dritt għall-protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni — Intervenjent fl-ewwel istanza — Appell inċidentali — Ammissibbiltà”

Fil-Kawżi magħquda C‑293/13 P u C‑294/13 P,

li għandhom bħala suġġett appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2013,

Fresh Del Monte Produce Inc., stabbilita f’George Town, il-Gżejjer Kajman (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn B. Meyring, avukat, u L. Suhr, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, M. Kellerbauer u P. Van Nuffel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑293/13 P),

Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Smith, QC, kif ukoll minn C. Humpe u S. Kon, solicitors,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, M. Kellerbauer u P. Van Nuffel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent/i,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Fresh Del Monte Produce Inc., stabbilita f’George Town, il-Gżejjer Kajman (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn B. Meyring, avukat, u L. Suhr, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Smith, QC, kif ukoll minn C. Humpe u S. Kon, solicitors,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑294/13 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑293/13 P, Fresh Del Monte Produce Inc. (iktar ’il quddiem “Del Monte”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni (T‑587/08, EU:T:2013:129, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha, din tal-aħħar, minn naħa, ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39 188 ‐ Banana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) u, min-naħa l-oħra, laqgħet it-talba tagħha intiża għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta minn din id-deċiżjoni.

2

Permezz tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C‑293/13 P, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Weichert”) titlob l-annullament tas-sentenza appellata.

3

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑294/13 P, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Del Monte permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni.

4

Permezz tal-appelli inċidentali rispettivi tagħhom fil-Kawża C‑294/13 P, Del Monte u Weichert jitolbu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni f’din il-kawża, minn naħa, l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li huma ma setgħux jinvokaw id-dritt għal protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom in solidum.

Il-kuntest ġuridiku

5

L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE), tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Talba għall-informazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja.

2.   Meta tintbagħat talba sempliċi għall-informazzjoni li xi impriża jew assoċjazzjoni ta’ l-impriża, il-Kummissjoni ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal limitu ta’ ħin li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, u il-pieni previsti mil-Artikolu 23 għal-fornitura inkorretta jew informazzjoni qarrieqa.

3.   Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika wkoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Is-sidien tal-impriża jew ir-rappreżentanti tagħhom u, f’każ ta’ persuni legali, kumpanniji jew ditta, jew assoċjazzjoni li ma għandha l-ebda personalità legali, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew konstizjunalment ħa jiffornixxu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni tal-impriża kunċernata. L-avukati awtorizzati li jagixxu jistgħu jiffornixxu l-informazzjoni f’isem il-klienti tagħhom. Dan ta’ l-aħħar ħa jibqgħu responsabbli bis-sħieħ jekk l-informazzjoni mogħtija tkun inkompluta, inkorretta jew qarrieqa.”

6

L-Artikolu 23(1)(a) u (b) tal-imsemmi Regolament, intitolat “Multi”, jippreċiża:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriża multi li ma jeċċedux aktar mil-1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b’mod negligenti:

a)

jiffornixxu informazzjoni inkorretta jew qarrieqa f’risposta għat-talba magħmula skont l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 18(2);

b)

b’riposta għat-talba magħmula b’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 18(3), jiffornixxu informazzjoni inkorretta, inkompluta jew qarrieqa jew ma jipprovdux l-informazzjoni fil-limitu ta’ ħin speċifikat.”

7

L-Artikolu 24(1)(d) tal-istess Regolament, intitolat “Perijodu ta’ pagamenti tal- pieni” jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża perjodu ta’ pagamenti tal-pieni li ma jeċċedux il-5 % tal-valur tal-bejgħ normali ta’ kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti u kalkulata sa mid-data maħtura bid-deċiżjoni, sabiex tordnhom:

[...]

d)

biex jiffornixxu l-informazzjoni kompluta u korretta li ġiet mitluba b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 18(3).”

8

Skont il-punti 20 sa 23 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”):

“B. Tnaqqis f’multa

20.

Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.

Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22.

Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23.

Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)

jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)

il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta 30-50 %,

it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %,

impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, il-fatti li wasslu għall-kawża, kif sostnut fil-punti 1 sa 35 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

10

Il-grupp Fresh Del Monte Produce huwa wieħed mill-ikbar produtturi, negozjanti u distributuri vertikalment integrati ta’ frott u ta’ ħaxix frisk u maqtugħ frisk fid-dinja, kif ukoll wieħed mill-produtturi u distributuri prinċipali ta’ frott u ħaxix ippreparat, ta’ meraq, ta’ xarbiet, ta’ snacks u ta’ deżerta fl-Ewropa, fl-Istati Uniti, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika. Huwa jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu fid-dinja kollha, b’mod partikolari l-banana, bit-trade mark Del Monte.

11

Del Monte hija l-kumpannija ċentrali tal-grupp Fresh Del Monte Produce. Dan tal-aħħar huwa attiva fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ banana fl-Ewropa permezz ta’ diversi sussidjarji li huma proprjetà tiegħu biss, b’mod partikolari Del Monte Fresh Produce International Inc., Del Monte (Germany) GmbH u Del Monte (Holland) BV.

12

Meta seħħew il-fatti, Weichert kienet soċjetà in akkomandita rregolata mid-dritt Ġermaniż, prinċipalment involuta fil-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, tal-ananas u ta’ frott eżotiku ieħor fl-Ewropa ta’ Fuq. Mill-24 ta’ Ġunju 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2002, Del Monte kellha, indirettament, sehem ta’ 80 % f’Weichert, permezz tas-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha Westeuropa-Amerika-Linie GmbH (iktar ’il quddiem “WAL”). Sal-31 ta’ Diċembru 2002, Weichert kienet id-distributur esklużiv fir-reġjun tal-Ewropa ta’ Fuq tal-banana kkummerċjalizzata bit-trade mark Del Monte.

13

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 382 u 383 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li Weichert kienet sħubija bejn Del Monte, soċju akkomandant, u, inizjalment, M. D. W., sussegwentement, b’effett minn Marzu 1999, il-familja Weichert, bħala soċji solidali. B’mod partikolari, hija indikat li r-relazzjoni kummerċjali bejn is-soċji f’din l-impriża konġunta ġiet stabbilita permezz ta’ ftehim ta’ sħubija, intiż li jiddefinixxi l-istatuti tas-soċjetà in akkomandita u b’mod partikolari tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ direzzjoni (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sħubija”), u permezz ta’ ftehim esklużiv ta’ distribuzzjoni dwar banana pprovduta minn Del Monte intiża għall-importazzjoni fil-Komunità (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ distribuzzjoni”).

14

Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita Brands International Inc. (iktar ’il quddiem “Chiquita”) ressqet talba għal immunità abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

15

Fit-3 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali mill-multa skont l-Artikolu 8(a) tal-imsemmi Avviż.

16

Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fost l-oħrajn, lil Chiquita, lil Dole Food Company Inc. (iktar ’il quddiem “Dole”), lil Del Monte u lil Weichert.

17

Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni li permezz tagħha kkonstatat, fil-premessi 1 sa 3 tagħha, li d-destinatarji ta’ din tal-aħħar kienu pparteċipaw fi prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana kkummerċjalizzata fl-Ewropa ta’ Fuq; fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Finlandja, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija u fl-Isvezja, u dan mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002.

18

Mill-premessi 104 u 107 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li Chiquita, Dole u Weichert kienu jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ referenza tagħhom għat-trade mark tagħhom kull ġimgħa, f’dan il-każ, il-Ħamis filgħodu, u kienu jħabbruhom lill-klijenti tagħhom. L-espressjoni “prezz ta’ referenza” kienet tikkorrispondi ġeneralment għall-prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra, peress li l-prezzijiet ta’ referenza għall-banana safra kienu normalment komposti mill-offerta msejħa “ħadra” biż-żieda ta’ ħlas għas-sajran.

19

Fil-premessi 34 u 104 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li l-“prezzijiet reali” imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u mid-distributuri setgħu jirriżultaw minn negozjati li kienu jsiru kull ġimgħa, f’dan il-każ normalment il-Ħamis jew iktar tard, jew inkella mill-implementazzjoni ta’ kuntratti ta’ provvista b’formoli ta’ tariffi stabbiliti minn qabel li kienu jindikaw prezz fiss jew li jorbtu l-prezz ma’ prezz ta’ referenza tal-bejjiegħ jew ta’ kompetitur, jew ma’ prezz ta’ referenza ieħor bħall-“prezz Aldi”. Kull nhar ta’ Ħamis, bejn il-11 u l-11:30 ta’ filgħodu, il-katina ta’ bejgħ bl-imnut Aldi kienet tirċievi offerti mill-fornituri tagħha u sussegwentement kienet tagħmel kontroproposta, u l-“prezz Aldi”, li kien il-prezz imħallas lill-fornituri, kien ġeneralment jiġi stabbilit fis-14:00 ta’ wara nofsinhar. B’effett mit-tieni semester tas-sena 2002, il-prezz “Aldi” beda jintuża iktar u iktar bħala indikatur tal-kalkolu tal-prezz tal-banana għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-banana bi trade mark.

20

Fil-premessi 51 sa 210 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tispjega li l-impriżi destinatarji ta’ din tal-aħħar wettqu komunikazzjonijiet bilaterali dwar ipprezzar minn qabel li matulhom iddiskutew fatturi ta’ pprezzar tal-banana, jiġifieri fatturi relatati mal-prezz ta’ referenza għall-ġimgħa sussegwenti, jew iddiskutew jew żvelaw it-tendenzi tal-prezzijiet jew taw indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħa sussegwenti. Dawn il-komunikazzjonijiet inżammu qabel ma l-impriżi kkonċernati stabbilixxew il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, normalment nhar ta’ Erbgħa, u kienu kollha relatati mal-prezzijiet ta’ referenza futuri.

21

Fil-premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li għalhekk Dole kkomunikat bilateralment kemm ma’ Chiquita kif ukoll ma’ Weichert. Chiquita kellha għarfien tal-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel jew minn tal-inqas kienet konxja minn dawn il-komunikazzjonijiet bejn Dole u Weichert.

22

Mill-premessa 54 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li dawn il-komunikazzjonijiet bilaterali ta’ pprezzar minn qabel kienu intiżi li jnaqqsu l-inċertezza marbuta mal-aġir tal-impriżi fir-rigward tal-prezzijiet ta’ referenza stabbiliti minnhom kull nhar ta’ Tlieta filgħodu.

23

Fil-premessi 198 sa 208, 227, 247 u 273 sa 277 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tindika li, wara l-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza nhar ta’ Ħamis filgħodu, l-impriżi kkonċernati kienu jiskambjaw dawn il-prezzijiet bejniethom bilateralment. Dan l-iskambju sussegwenti tahom il-possibbiltà jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tal-prezzijiet ta’ referenza individwali fid-dawl tal-komunikazzjonijiet preċedenti dwar ipprezzar minn qabel, u saħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom.

24

Fil-premessa 115 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li l-prezzijiet ta’ referenza kienu jservu, minn tal-inqas, bħala sinjali, tendenzi u/jew indikazzjonijiet tas-suq fir-rigward tal-iżvilupp intenzjonat tal-prezzijiet tal-banana u kienu rilevanti għall-kummerċ tal-banana u għall-prezzijiet miksuba. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza skont formoli bbażati fuq il-prezzijiet ta’ referenza.

25

Mill-premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati kellhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rċevuta mingħand kompetituri waqt id-determinazzjoni tal-aġir tagħhom fis-suq, u Chiquita u minn Dole espliċitament ammettew li dan kien il-każ.

26

Fil-premessi 54 u 271 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-komunikazzjonijiet dwar l-ipprezzar minn qabel, minn naħa, bejn Dole u Chiquita u, min-naħa l-oħra, bejn Dole u Weichert, setgħu jinfluwenzaw il-prezzijiet implementati mill-operaturi, kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u taw lok għal prattika miftiehma li kellha l-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

27

L-imsemmija istituzzjoni tqis, fil-premessa 258 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-ftehimiet kollużorji kollha deskritti f’din id-deċiżjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Chiquita u Dole kienu responsabbli għall-ksur fit-totalità tiegħu, filwaqt li Weichert kienet responsabbli biss għall-parti tal-ksur li kienet tikkonċerna l-ftehimiet kollużorji ma’ Dole.

28

Fid-dawl tal-fatt li s-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq kien ikkaratterizzat mill-volum kummerċjali sostanzjali bejn l-Istati Membri u li l-prattiki miftiehma kienu jkopru parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tikkunsidra, fil-punti 333 sa 338 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-imsemmija ftehimiet kellhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

29

Peress li kkonstatat li, flimkien mas-soċji akkomandanti ta’ Weichert, Del Monte kellha l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq il-mod li bih Weichert kienet tamministra n-negozju tagħha u kienet fil-fatt eżerċitat tali influwenza matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, il-Kummissjoni tqis, fil-premessi 384, 432 sa 434 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li Del Monte u Weichert kienu jikkostitwixxu unità ekonomika, peress li din l-impriża tal-aħħar ma kinitx iddeterminat il-pożizzjoni tagħha fis-suq b’mod indipendenti. Konsegwentement, Del Monte u Weichert ġew iddikjarati responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 81 KE kkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni.

30

Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”) u tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

31

Il-Kummissjoni ddeterminat ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta, li jikkorrispondi għal ammont bejn 0 u 30 % tal-valur tal-bejgħ ikkonċernat tal-impriża skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, u ammont addizzjonali bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ bil-għan li tiskoraġġixxi l-impriżi milli jaġixxu illegalment.

32

L-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta tnaqqas b’60 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni inkwistjoni, b’mod partikolari peress li l-koordinazzjoni kienet tikkonċerna l-prezzijiet ta’ referenza. Weichert ingħatat tnaqqis supplimentari ta’ 10 % peress li ma kinitx informata bil-komunikazzjonijiet ta’ pprezzar minn qabel bejn Dole u Chiquita.

33

Chiquita bbenefikat minn immunità mill-multi abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Ebda aġġustament ieħor ma ngħata lil Dole, lil Del Monte jew lil Weichert.

34

Id-deċiżjoni inkwistjoni tinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

Billi pparteċipaw għal prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana l-impriżi li ġejjin kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE]:

[Chiquita], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Diċembru 2002 ;

[...]

[Dole], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

Dole Fresh Fruit Europe OHG, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

[Weichert], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002;

[Del Monte], mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002,

Il-ksur kien ikopri l-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 huma imposti s-segwenti multi:

[Chiquita], Chiquita International Ltd, Chiquita International Services Group NV u Chiquita Banana Company BV, flimkien u in solidum: EUR 0;

[Dole] et Dole Fresh Fruit Europe OHG, flimkien u in solidum: EUR 45600000;

[Weichert] u [Del Monte], flimkien u in solidum: EUR 14700000;

[...]”

35

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2008, Del Monte ressqet rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

36

Fid-9 ta’ April 2009, Weichert talbet tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet ta’ Del Monte. Il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba fis-17 ta’ Frar 2010.

37

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ Del Monte intiża għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u laqgħet it-talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni, bl-ammont stabbilit għal EUR 8.82 miljun.

It-talbiet tal-partijiet

38

Del Monte titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn dawn jikkonċernawha;

tiċħad l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑294/13 P jew, sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 839 ta’ din is-sentenza, li d-dritt għal silenzju ma japplikax għal sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tkun għamlet sempliċi talba għal informazzjoni u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet relatati ma’ jekk id-dikjarazzjonijiet mitluba mill-Kummissjoni kinux ta’ natura awtoinkriminanti, u jekk Weichert u Del Monte kellhomx, konsegwentement, jingħataw tnaqqis tal-multa; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri u tal-istanzi kollha.

39

Weichert titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad l-appell ta’ Del Monte fil-Kawża C-293/13 P sa fejn jikkonċerna r-responsabbiltà ta’ Del Monte bħala kumpannija parent, u tilqa’ dan l-appell sa fejn jikkonċerna ksur uniku u kontinwu, tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkonferma d-deċiżjoni inkwistjoni dwar il-ksur uniku u kontinwu u tnaqqas il-multa imposta fuq Del Monte u Weichert b’mod li tirrifletti l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni dwar il-ksur uniku u kontinwu;

fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑294/13 P, tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tikkonstata li Weichert ma tistax tinvoka d-dritt għal protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni, u tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq Weichert u Del Monte, b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Weichert ikkooperat iktar milli kienet obbligata billi wieġbet għat-talbiet għal informazzjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri u tal-istanzi kollha.

40

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fil-Kawża C‑293/13 P u l-appell inċidentali ta’ Del Monte fil-Kawża C‑294/13 P;

tiċħad l-appelli inċidentali ta’ Weichert fil-Kawżi C‑293/13 P u C‑294/13 P;

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata kif ukoll tagħti deċiżjoni finali dwar il-kawża;

tikkundanna lil Del Monte u lil Weichert għall-ispejjeż tal-proċeduri differenti.

41

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi C-293/13 u C-294/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali ta ’ Weichert fil-Kawża C‑293/13 P

L-argumenti tal-partijiet

42

Il-Kummissjoni tirrileva li, peress li r-rikors ta’ Weichert kontra d-deċiżjoni inkwistjoni ġie ppreżentat tardivament, din id-deċiżjoni saret definittiva fir-rigward ta’ Weichert, b’mod li dan l-appell inċidentali ma jistax jeskludi l-effett vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ Weichert. L-annullament tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn jikkonċernaw lil Del Monte, ikunu jmorru kontra l-interessi ta’ Weichert, peress li din tal-aħħar tkun għalhekk l-unika waħda responsabbli għall-ħlas tal-multa imposta.

43

Bħall-Kummissjoni, Del Monte tikkunsidra li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali ta’ Weichert.

44

Weichert tirrileva li l-Qorti Ġenerali awtorizzatha tintervjeni fil-kawża billi kkonstatat li din kellha interess dirett u attwali fid-deċiżjoni tal-kawża u għalhekk kienet direttament affettwata bl-eżitu tal-kawża. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ikkunsidrat lil Del Monte u lil Weichert bħala unità ekonomika u kkundannat lil dawn il-kumpanniji, flimkien u in solidum, għall-ħlas ta’ multa minħabba ksur marbut mal-aġir ta’ Weichert. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll rilevanti fil-kuntest tal-appell inċidentali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Kif irrilevat il-Kummissjoni, l-annullament tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn jikkonċernaw lil Del Monte, imur kontra l-interessi ta’ Weichert, peress li din tal-aħħar tkun l-unika waħda responsabbli għall-ħlas tal-multa imposta bid-deċiżjoni inkwistjoni li saret definittiva fir-rigward tagħha.

46

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-appellant jippresupponi li l-appell, jekk jirnexxi, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk, l-appell inċidentali ta’ Weichert fil-Kawża C‑293/13 P, intiż għall-annullament tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn jikkonċernaw lil Del Monte, li ma jistax jibbenefika lil Weichert, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq l-appell ta ’ Del Monte fil-Kawża C-293/13 P

Fuq l-interess ta ’ Weichert li tippreżenta risposta

L-argumenti tal-partijiet

48

Il-Kummissjoni tirrileva li hija kkontestat l-interess ta’ Weichert li tintervjeni fil-proċedura li tat lok għas-sentenza appellata, peress li r-rikors ta’ Weichert kontra d-deċiżjoni inkwistjoni ġie ppreżentat tardivament u din saret definittiva fir-rigward ta’ Weichert, b’mod li l-appell ta’ Del Monte ma jistax jeskludi l-effett vinkolanti tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ Weichert. Għal dawn l-istess kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkontesta l-interess ta’ Weichert li tippreżenta risposta.

49

Bħall-Kummissjoni, Del Monte tikkunsidra li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-interess ta’ Weichert li tippreżenta risposta. Barra minn hekk, hija tikkritika l-fatt li, bħala intervenjenti, Weichert tinqeda bl-appell ta’ Del Monte sabiex tiddefendi l-fehma tagħha stess u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-eżami tagħha għall-kwistjonijiet imqajma minnha.

50

Weichert tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u ta’ Del Monte.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli min-notifika tal-appell.

52

Fil-każ preżenti, kuntrarjament għal dak li jidhru li qegħdin jallegaw il-Kummissjoni u Del Monte, Weichert ċertament għandha interess li l-appell ta’ Del Monte fil-Kawża C-293/13 P jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li Weichert ma kkontestatx id-deċiżjoni inkwistjoni fit-terminu stabbilit, b’mod li din saret definittiva fir-rigward tagħha, hija għandha, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ta’ Del Monte fil-Kawża C-293/13 P, tkun, waħedha, responsabbli għall-ħlas tal-multa stabbilita, u mhux in solidum ma’ Del Monte.

53

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li Weichert għandha interess tippreżenta risposta.

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, ibbażat fuq in-nuqqas tal-eżistenza ta ’ unità ekonomika bejn Del Monte u Weichert matul il-perijodu tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

54

Del Monte tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li hija kienet responsabbli għall-aġir ta’ Weichert bħala kumpannija parent ta’ din tal-aħħar.

55

Fl-ewwel lok, Del Monte tirrileva li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali rrikonoxxew li Weichert mhux dejjem segwiet l-istruzzjonijiet tagħhom u li d-deċiżjonijiet tariffarji ta’ Weichert ma setgħux jissodisfaw l-aspettattivi ta’ Del Monte. Għalhekk, Weichert ma wettqitx, sostanzjalment, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn Del Monte, b’mod li ma setgħetx tinsilet l-eżistenza ta’ influwenza determinanti.

56

B’mod partikolari, ma hemm ebda ġustifikazzjoni għall-affermazzjoni fil-punt 208 tas-sentenza appellata li mill-provi fil-fajl ma jistax jinsilet li Weichert ġeneralment ma segwietx l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte. Fil-fatt, il-kriterju rilevanti huwa dak dwar jekk Weichert segwietx, sostanzjalment, l-istruzzjonijiet, jew jekk ħaditx id-deċiżjonijiet tariffarji tagħha b’indipendenza sħiħa.

57

Il-provi inkwistjoni jikkonċernaw każijiet li fihom Weichert aġixxiet b’mod indipendenti u kuntrarjament għall-aspettattivi ta’ Del Monte. Anki jekk jitqies li deċiżjonijiet oħra meħuda minn Weichert kienu ġeneralment kompatibbli mal-aspettattivi ta’ Del Monte, li ma huwiex il-każ, dan ma jaffettwax l-indipendenza ta’ Weichert.

58

Barra minn hekk, Del Monte rrilevat li, fil-punti 233, 237 u 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li Weichert tat struzzjonijiet lil konsulenti esterni tliet darbiet sabiex jiddefendu l-interessi tagħha kontra Del Monte. Madankollu, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-fatt li Del Monte ma setgħetx tipprekludi lil Weichert milli tiddefendi l-interessi tagħha ma huwiex sinjal tal-inabbiltà ta’ Weichert li teżerċita influwenza deċiżiva fuq Weichert. Din il-konstatazzjoni tikkontradixxi l-ġurisprudenza stabbilita dwar ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent, peress li jkun inkonsistenti jekk jiġi ammess li Weichert aġixxiet indipendentement fir-rigward ta’ kwistjonijiet essenzjali u fl-istess ħin li jiġi kkonstatat li Del Monte u s-soċji solidali ta’ Weichert kienu jeżerċitaw kontroll konġunt fuq Weichert.

59

Fit-tieni lok, Del Monte tqis li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata numru ta’ fatturi li, fil-fehma tagħha, taw lil Del Monte ċerta influwenza fuq Weichert. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qatt ma kkonstatat li din l-influwenza kienet determinanti u li Weichert segwiet, sostanzjalment, l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte.

60

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Del Monte ssostni li, bħala soċju akkomandant, hija kienet eskluża, skont id-dritt Ġermaniż, mill-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ma kellha ebda possibbiltà li tieħu deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-amministrazzjoni ta’ Weichert.

61

Qabelxejn, skont l-Artikolu 7(1) tal-ftehim ta’ sħubija, Del Monte setgħet biss toġġezzjona fir-rigward ta’ miżuri li ma kinux jaqgħu taħt l-amministrazzjoni ordinarja. Sussegwentement, ebda miżura stabbilita fl-Artikolu 7(2) u (3) tal-ftehim ta’ sħubija ma kienet taqa’ taħt l-amministrazzjoni ordinarja ta’ Weichert jew kellha rabta mal-aġir ta’ Weichert fis-suq.

62

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-possibbiltà tagħha li ssejjaħ laqgħa tal-imsieħba f’kull mument, Del Monte tfakkar li s-soċji akkomandanti setgħu jopponu l-veto tagħhom fir-rigward ta’ kull miżura proposta f’tali laqgħa. Barra minn hekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, is-soċji solidali setgħu jinvokaw bord ta’ arbitraġġ, li fir-rigward tiegħu kienu ċerti li ma kinux fil-minoranza.

63

It-tieni nett, skont Del Monte, ebda wieħed mill-fatturi, ikkunsidrat individwalment, li wasslu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-eżistenza ta’ influwenza minn Del Monte fuq Weichert, ma jista’ jistabbilixxi li hija effettivament eżerċitat tali influwenza.

64

Fir-rigward tal-ftehim ta’ sħubija, Del Monte tqis li l-bilanċ tal-poteri kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, ma jikkostitwixxix indizju ta’ influwenza determinanti.

65

Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li s-soċji solidali kienu awtorizzati jaġixxu u jiffirmaw għan-nom ta’ Weichert, jorbtu lil Weichert ma’ terzi u terzi ma’ din tal-aħħar, jirċievu u jużaw fondi għan-nom tagħha, jamministraw fuq bażi ta’ kuljum u jassumu inkarigi b’mod illimitat u solidali, l-imsemmi bilanċ ta’ poteri u d-dritt ta’ veto ma jistgħux jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ influwenza determinanti.

66

Kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, id-drittijiet ta’ veto li kienet tibbenefika minnhom Del Monte ma jikkostitwixxux influwenza deċiżiva, peress li din il-kumpannija la setgħet timponi baġit annwali u lanqas pjan ta’ investiment jew pjan ta’ reklutaġġ ta’ persunal u dawn id-drittijiet ta’ veto ma affettwawx il-fatt li s-soċji solidali ta’ Weichert baqgħu jamministraw.

67

Fir-rigward tar-rabtiet kapitali, Del Monte ssostni li r-raġunament fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li jgħid li d-daqs tal-interess tagħha f’Weichert kien jinċentivaha teżerċita influwenza fuq din tal-aħħar u kien jirrifletti ċertu poter ekonomiku u, għaldaqstant, abbiltà li tiġi eżerċitata tali influwenza hija żbaljata, peress li sempliċi motivazzjoni ma taffettwax l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti u ċertu poter ekonomiku ma huwiex sinjal ta’ influwenza determinanti. Il-Qorti Ġenerali ma tindika ebda fattur dwar id-daqs tal-interess ta’ WAL li seta’ affettwa l-indipendenza ta’ Weichert fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ amministrazzjoni u tal-aġir tagħha fis-suq.

68

Fir-rigward tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, ebda wieħed mit-tliet fatturi identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 135 sa 149 tas-sentenza appellata ma jiżvelaw, skont Del Monte, li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert.

69

Qabelxejn, ma hemm xejn fis-sentenza appellata li jistabbilixxi, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħra, li l-ftehim ta’ distribuzzjoni pprekluda lil Weichert milli tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha indipendentement. Dan kien ftehim normali bejn operaturi ekonomiċi indipendenti. L-interess rikonoxxut ta’ Del Monte fil-fatt li Weichert tbigħ il-banana tagħha bi prezzijiet ogħla ma jindikax abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

70

Sussegwentement, fir-rigward tal-informazzjoni rċevuta minn Del Monte, mill-punt 157 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-mekkaniżmi ta’ informazzjoni, flimkien mal-mekkaniżmi ta’ kontroll fil-ftehim ta’ sħubija kienu jawtorizzaw lil Del Monte biss tinfluwenza l-aġir kummerċjali ta’ Weichert, inkluż l-amministrazzjoni fuq bażi ta’ kuljum, u mhux li teżerċita influwenza determinanti.

71

Fl-aħħar nett, l-erba’ istanzi li fihom Del Monte intervjeniet direttament fil-kummerċjalizzazzjoni u fil-prezzijiet stabbiliti minn Weichert li hemm riferiment għalihom fil-punt 164 tas-sentenza appellata juri li Del Monte xtaqet tistabbilixxi t-trade mark tagħha bħala trade mark li teżiġi prezzijiet għolja u li Weichert biegħet il-banana tagħha bi prezzijiet orħos. Għaldaqstant, dawn l-interventi ma jiżvelawx influwenza determinanti. Id-domanda rilevanti hija dik dwar jekk Weichert kinitx marbuta tikkonforma mar-rieda ta’ Del Monte. Madankollu, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li dan ma kienx il-każ.

72

Il-Kummissjoni u Weichert jikkontestaw l-argument ta’ Del Monte kemm fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-fondatezza tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel motiv ta’ Del Monte, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-Kummissjoni u Weichert, mill-argumenti ta’ Del Monte jirriżulta b’mod ċar li hija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali li wettqet il-Qorti Ġenerali u lanqas l-evalwazzjoni tagħhom, iżda biss il-klassifikazzjoni legali tagħhom.

74

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

75

Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 58; Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 43; kif ukoll Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 30).

76

Għall-finijiet tal-eżaminazzjoni dwar jekk il-kumpannija parent tistax teżerċita influwenza determinanti fis-suq tas-sussidjarja tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha marbuta mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent tagħha u, għalhekk, tar-realtà ekonomika (sentenza Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 66).

77

Barra minn hekk, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti jista’ jiġi dedott minn ġabra ta’ indizji konkordanti, anki jekk l-ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali influwenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 65).

78

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ kontroll konġunt minn żewġ kumpanniji parent indipendenti minn xulxin, fuq is-sussidjarja tagħhom, ma jipprekludix, fil-prinċipju, il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomija bejn waħda minn dawn il-kumpanniji parent u s-sussidjarja inkwistjoni (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 101).

79

F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kapaċità ta’ Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq Weichert, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, ikkaratterizzat id-drittijiet ta’ Del Monte li jirriżultaw mill-Artikoli 7(2) sa (4), 8(2) u 9(2) sa (5) tal-ftehim ta’ sħubija bħala li juru li Del Monte u l-familja Weichert kellhom kontroll konġunt fuq il-kumpannija Weichert u li jikkostitwixxu indizju tal-kapaċità ta’ Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq Weichert.

80

Sussegwentement, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkaratterizzat ir-rabtiet kapitalisti bejn Del Monte u Weichert bħala li jirriflettu kapaċità tal-ewwel li teżerċita influwenza fuq it-tieni.

81

Fl-aħħar nett, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkaratterizzat id-drittijiet u l-obbligi ta’ Del Monte li jirriżultaw mill-Artikoli 2(a), 3, 4, 9(3), u 11 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni bħala li jsaħħu l-kapaċità ekonomika u ġuridika ta’ Del Monte li teżerċita influwenza fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju ta’ Weichert.

82

Il-Qorti Ġenerali bbażat dawn il-klassifikazzjonijiet legali b’mod partikolari fuq l-evalwazzjonijiet segwenti tal-provi kkonstatati.

83

L-ewwel nett, fil-punti 101 u 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-Artikolu 7(2) u (3) tal-ftehim ta’ sħubija jirriżulta li numru ta’ azzjonijiet importanti, li neċessarjament għandhom impatt, anki indirett, fuq il-ġestjoni ta’ Weichert, ma setgħux jittieħdu mingħajr il-kunsens tas-soċju akkomandant u dan il-ftehim irrileva “bilanċ ta’ poter” bejn is-soċji solidali u s-soċji akkomandanti.

84

It-tieni nett, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-interess finanzjarju ta’ Del Monte fl-attivitajiet ta’ Weichert kien jikkostitwixxi motivazzjoni evidenti għal Del Monte li teżerċita influwenza fuq Weichert u li l-ammont tas-sehem tagħha fil-kapital kien jimplika ċertu poter ekonomiku.

85

It-tielet nett, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tosserva li Del Monte kellha interess doppju li teżerċita kontroll fuq il-prezzijiet imposti minn Weichert, sa fejn dawn mhux biss kellhom impatt fuq id-dħul ta’ din il-kumpannija, u konsegwentement fuq il-qligħ iġġenerat għall-azzjonisti, iżda kienu jinfluwenza direttament il-prezzijiet miksuba minn Del Monte għall-banana fornita lil Weichert skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni.

86

Ir-raba’ nett, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sa fejn Del Monte kellha l-possibbiltà kuntrattwali li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-volum ta’ banana li hija kienet tforni lil Weichert u li din tal-aħħar kienet obbligata tixtri kważi l-ammont kollu ta’ banana minn Del Monte, din tal-aħħar kellha l-possibbiltà li tagħmel pressjoni kbira fuq Weichert.

87

F’dan il-kuntest, l-argument ta’ Del Monte fil-proċeduri tal-appell ma jistgħux jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi inkwistjoni bħala li juru abbiltà ta’ Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq Weichert.

88

Qabelxejn, iċ-ċirkustanzi li fihom Del Monte kienet legalment eskluża mill-funzjonijiet ta’ ġestjoni tan-negozju ta’ kuljum ta’ Weichert u li d-drittijiet ta’ veto tagħha ma kinux jawtorizzawha, inter alia, timponi baġit partikolari, ma humiex ta’ natura li jeskludu kull possibbiltà għal Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, ċirkustanzi oħra, b’mod partikolari dawk li hemm riferiment għalihom fil-punti 79 sa 86 tas-sentenza appellata, tawha l-possibbiltà li jkollha tali poter.

89

Sussegwentement, għal dawn l-istess raġunijiet, il-fatt li Weichert tat istruzzjonijiet tliet darbiet lil konsulenti esterni sabiex jiddefendu l-interessi tagħha kontra Del Monte, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li Del Monte ma kinitx kapaċi teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq ikkonċernat.

90

Fl-aħħar nett, fil-kuntest ġenerali tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, kien hemm bejn Del Monte u Weichert, il-fatt li Del Monte kellha possibbiltà kuntrattwali li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-volum ta’ banana li hija kienet tforni lil Weichert u li din tal-aħħar kienet obbligata tixtri kważi l-ammont kollu ta’ banana minn Del Monte, ippermetta lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, mhux biss li Del Monte kellha l-possibbiltà li tagħmel pressjoni kbira fuq Weichert, iżda wkoll li teżerċita influwenza determinanti fuqha.

91

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq Weichert, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, kkaratterizzat il-fatt li Del Monte kienet irċeviet informazzjoni li tmur lil hinn minn dik meħtieġa skont l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni bħala indikazzjoni ċara tal-eżerċizzju ta’ influwenza.

92

Min-naħa l-oħra, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, hija kkaratterizzat il-provi dwar il-korrispondenza bejn Del Monte u Weichert bħala indikazzjoni tal-eżerċizzju minn Del Monte ta’ influwenza determinanti ta’ Del Monte fuq Weichert matul il-perijodu ta’ ksur.

93

Il-Qorti Ġenerali bbażat dawn il-klassifikazzjonijiet legali, inter alia, fuq l-evalwazzjonijiet tal-provi kkonstatati segwenti:

ir-rapporti li, bejn Mejju 2000 u Jannar 2003, Weichert ittrażmettiet lil Del Monte kull ġimgħa b’indikazzjoni, fir-rigward ta’ Del Monte, Dole, Chiquita u fornituri tal-banana oħra u għal kull wieħed mis-swieq ġeografiċi inkwistjoni, tal-volumi kkonċernati, tal-prezzijiet uffiċjali u tal-prezzijiet reali, jiġifieri “tentattiv ta’ prezz reali nett”, kienu sors addizzjonali ta’ informazzjoni direttament marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-banana, u għalhekk, mal-ġestjoni ta’ kuljum ta’ Weichert (punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata);

ir-regolarità tat-trażmissjoni ta’ kull ġimgħa ta’ dawn ir-rapporti kienet twassal għal fluss kontinwu ta’ informazzjoni lejn Del Monte li kien jagħtih fehim estensiv u preċiż dwar is-suq, inkluż dwar il-pożizzjonament ta’ Weichert (punt 156 tas-sentenza appellata);

dawn ir-rapporti kienu jikkostitwixxu informazzjoni mitluba u miksuba barra mill-kuntest kuntrattwali (punt 158 tas-sentenza appellata);

l-iskambju bejn Del Monte u Weichert jiżvela mistoqsijiet diretti min-naħa ta’ Del Monte dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-prezzijiet mitluba minn Weichert, istruzzjonijiet preċiżi ħafna, peress li jinkludu ċifri, fir-rigward tal-politika tariffarja li kellha tiġi adottata, tal-laqgħat u tal-konverżazzjonijiet bit-telefon dwar dan is-suġġett, ordni espliċita intiża għall-provvista ta’ informazzjoni ta’ kuljum dwar in-negozjati kummerċjali, pressjoni espliċita fir-rigward tal-forniment u spjegazzjonijiet jew ġustifikazzjonijiet ta’ Weichert fir-rigward tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum (punti 175 u 203 tas-sentenza appellata);

Del Monte kellha kapaċità reali li tinfluwenza, b’mod sinjifikattiv, il-forniment ta’ Weichert u, fil-prattika, hija eżerċitat pressjoni qawwija fuq din l-impriża, billi hedditha li tnaqqas il-volum ta’ forniment ta’ kull ġimgħa tal-banana “fuq livell tal-liċenzji ta’ Interfrucht, jiġifieri, +/- 60000 kaxxa fil-ġimgħa”, mingħajr ma tirreferi għal kwalunkwe każ ta’ forza maġġuri, jiġifieri ammont inferjuri għal-limitu minimu previst mill-ftehim ta’ distribuzzjoni, tnaqqis li seta’ jqiegħed lil Weichert f’diffikultà fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha (ara l-punti 185 sa 187 tas-sentenza appellata);

Del Monte kienet twettaq sorveljanza stretta tal-aġir kummerċjali ta’ Weichert u kienet saħansitra tintervjeni direttament fid-determinazzjoni tal-politika tariffarja tagħha (punt 204 tas-sentenza appellata);

ir-risposti ta’ Weichert jirrilevaw li din ħasset li kellha l-obbligu li tispjega d-deċiżjonijiet ta’ pprezzar tagħha fir-rigward ta’ Del Monte u għamlet sforz sabiex tissodisfa l-aspettattivi ta’ din tal-aħħar (punt 205 tas-sentenza appellata);

fid-dawl tar-riskji fuq il-forniment u t-tnaqqis okkażjonali tiegħu, Weichert kienet obbligata ssegwi l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte sabiex tevita li tfalli, fejn din il-biża’ kienet ġiet manifestament trażmessa lill-fornitur tagħha (punt 207 tas-sentenza appellata);

għalkemm, kif tammetti l-Kummissjoni nfisha fil-premessa 424 tad-deċiżjoni inkwistjoni, id-deċiżjonijiet tariffarji ta’ Weichert ma setgħux jissodisfaw l-aspettattivi ta’ Del Monte, ma jistax jiġi dedott mill-provi dokumentarji miġbura mill-Kummissjoni li Weichert ma segwietx b’mod ġenerali “l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte”, skont l-espressjoni użata mir-rikorrenti, u aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq (punt 208 tas-sentenza appellata).

94

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet fattwali, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi b’dawk tagħha stess, ma jistax jingħad li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkaratterizzat l-informazzjoni kollha mitluba u miksuba minn Del Monte u l-istruzzjonijiet, flimkien ma’ theddid u pressjoni, indirizzati minn din tal-aħħar lil Weichert bħala li turi l-eżerċizzju effettiv ta’ Del Monte ta’ influwenza determinanti fuq Weichert.

95

Fil-fatt, l-argumenti mressqa minn Del Monte fil-kuntest tal-proċedura preżenti ma jistgħux jaffettwaw din il-konstatazzjoni.

96

Sa fejn Del Monte tenfasizza li l-provi kollha marbuta mal-iskambju tagħha ma’ Weichert juru aġir ta’ din tal-aħħar li jmur kontra l-aspettattivi ta’ Del Monte, minn naħa, għandu jitfakkar, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 101, 103 u 104 tal-konklużjonijiet tagħha, li ma huwiex neċessarju li s-sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet kollha tal-kumpannija parent sabiex turi l-eżistenza ta’ influwenza determinanti, sakemm in-nuqqas ta’ osservanza tal-istruzzjonijiet indirizzati ma kienx in-norma.

97

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 108 u 109 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-provi kollha li ġew sottomessi quddiemha ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li n-nuqqas ta’ osservanza tal-istruzzjonijiet indirizzati ma kienx in-norma.

98

Min-naħa l-oħra, peress li kkonstatat li Del Monte kienet kisbet, fuq talba tagħha u lil hinn mid-drittijiet tagħha, informazzjoni aġġornata dwar l-istat tas-suq tal-banana inkwistjoni, li hija tat istruzzjonijiet preċiżi lil Weichert dwar l-aġir li hija kellha tadotta fis-suq, li dawn l-istruzzjonijiet kienu jinkludu theddid abbażi tal-fatt li Del Monte setgħet tagħmel pressjoni kbira fuq Weichert u li din tal-aħħar, peress li kellha biża’ li tfalli, għamlet sforz sabiex tissodisfa l-aspettattivi ta’ Del Monte, il-Qorti Ġenerali kellha ġabra ta’ indizji li ppermettewha tikkonkludi li Del Monte, flimkien mas-soċji solidali ta’ Weichert, eżerċitat influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

99

Isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kklassifikat l-informazzjoni kollha mitluba u miksuba minn Del Monte kif ukoll l-istruzzjonijiet, flimkien mat-theddid u l-pressjoni, indirizzati minn din tal-aħħar lil Weichert, bħala li juru eżerċizzju effettiv minn Del Monte ta’ influwenza determinanti fuq Weichert.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑293/13 P għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, ibbażat fuq żnaturament tal-provi

L-argumenti tal-partijiet

101

Del Monte ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjoni tagħha, dwar il-fatt li Del Monte eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert, fuq żnaturament tal-provi.

102

L-ewwel nett, id-drittijiet ta’ veto ta’ Del Monte previsti fl-Artikolu 7(3) tal-ftehim ta’ sħubija ma jippermettux li jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, li dawn kellhom impatt, anki indirett, fuq il-ġestjoni ta’ Weichert. Fil-fatt, ebda wieħed minn dawn id-drittijiet ta’ veto ma huwa marbut mal-aġir ta’ Weichert fis-suq, aġir li kien esklużivament iddeterminat mis-soċji solidali.

103

It-tieni nett, skont Del Monte, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-ftehim ta’ sħubija billi qieset, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li l-fatt li s-soċji akkomandanti kellhom dritt ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet kollha ta’ Weichert ma jirriżultax mit-termini ta’ dan il-ftehim. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni tikkontradixxi l-konstatazzjonijiet l-oħra tal-Qorti Ġenerali li jipprovdu li:

Weichert kienet amministrata u rrappreżentata esklużivament mis-soċji solidali u ebda miżura ta’ ġestjoni, ta’ nomina jew ta’ revoka ma setgħet għalhekk tiġi imposta kontra r-rieda tas-soċji akkomandanti;

is-soċji akkomandanti kellhom bżonn il-kunsens minn qabel ta’ Del Monte biss għal ċertu numru limitat ta’ miżuri li ebda waħda minnhom, bl-eċċezzjoni tal-baġit u tal-pjanijiet ta’ investiment u ta’ reklutaġġ ta’ persunal, ma kienet taqa’ taħt il-ġestjoni ordinarja tan-negozju;

is-soċji akkomandanti setgħu jużaw il-veto tagħhom kontra l-emendi tal-ftehim ta’ sħubija, il-kontijiet finanzjarji, it-tneħħija tas-soċji akkomandanti għall-ġestjoni tagħhom u ħatra ta’ awditur, kif ukoll kontra kwalunkwe deċiżjoni li setgħet tittieħed matul il-laqgħat, u s-soċji akkomandanti biss setgħu jadottaw att ta’ amministrazzjoni jew rappreżentazzjoni tas-sħubija, proposti annwali għall-baġit, pjanijiet ta’ investiment u ta’ reklutaġġ tal-persunal, preparazzjoni ta’ kontijiet finanzjarji u trasferiment tal-ishma tagħhom fil-kumpannija.

104

B’mod partikolari, Del Monte tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma tirreferi għal ebda deċiżjoni li Del Monte setgħet timponi jew effettivament imponiet fuq Weichert kontra l-veto tas-soċji akkomandanti u ebda deċiżjoni ta’ dan it-tip ma ttieħdet.

105

It-tielet nett, Del Monte tqis li kien biss billi tiżnatura l-fatti li l-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad l-argument tagħha li jgħid li hija la setgħet tirrevoka, la tissostitwixxi u lanqas tipprekludi l-veto tagħha għan-nomina tal-amministraturi ta’ Weichert, billi tqis li kien biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-unanimità tal-imsieħba kienet meħtieġa għal kull emenda tal-ftehim ta’ sħubija.

106

Ir-raba’ nett, Del Monte ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-Artikolu 9(5) tal-ftehim ta’ sħubija billi qieset li l-allegazzjoni ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi fi ħdan il-bord ta’ arbitraġġ, u għaldaqstant ta’ deċiżjonijiet inevitabbilment favorevoli għas-soċji akkomandanti, ma hijiex sostnuta u li, fi kwalunkwe każ, il-portata tal-vantaġġ inkwistjoni għandha tiġi rrelativizzata fir-rigward tal-kompetenzi speċifiċi tal-laqgħa ġenerali tas-soċji.

107

F’dan ir-rigward, Del Monte tirrileva li kien paċifiku li, fi ħdan l-imsemmi bord, it-tqassim tad-drittijiet tal-vot kien is-segwenti: tliet voti għas-soċji akkomandanti, vot għal Del Monte u żewġ voti newtrali. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ sħubija ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni li teħtieġ maġġoranza kkwalifikata. Fl-aħħar nett, peress li Del Monte kienet eskluża mill-ġestjoni ta’ Weichert, il-laqgħa ġenerali kienet l-unika korp governattiv li fih hija kienet irrappreżentata. Il-mekkaniżmu previst mill-ftehim ta’ sħubija fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim kien għalhekk indikazzjoni ta’ tqassim ta’ poteri.

108

Il-ħames nett, Del Monte kkunsidrat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dikjarazzjoni tagħha li tipprovdi li l-ftehim ta’ sħubija kien jirrifletti “bilanċ ta’ poter” bejn Del Monte u s-soċji akkomandanti billi interpretat din id-dikjarazzjoni bħala li tikkonferma li kienet tindika influwenza deċiżiva. Madankollu, huwa ċar li din l-interpretazzjoni hija inkonsistenti mal-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni.

109

Is-sitt nett, Del Monte ssostni li, fil-punti 212 sa 214 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole u ta’ Chiquita, li tirreferi għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel u t-tieni dikjarazzjonijiet ta’ Dole jagħtu prova li l-istrateġija ta’ Del Monte kienet li tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha fl-istess livell bħal dawk ta’ Dole. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tat-tieni dikjarazzjoni ta’ Dole, li tikkonferma li Weichert, u mhux Del Monte, riedet tqiegħed it-trade mark ta’ Del Monte fuq l-istess livell ma’ dik ta’ Dole, abbażi tal-fatt li din it-tieni dikjarazzjoni kienet inseparabbli mill-ewwel dikjarazzjoni ta’ Dole.

110

Madankollu, Del Monte tqis li dan huwa skorrett, peress li t-tieni dikjarazzjoni ta’ Dole hija iktar reċenti, u tirrispondi mistoqsija preċiża tal-Kummissjoni u tispjega fid-dettall u tissupplementa l-informazzjoni mogħtija fl-ewwel dikjarazzjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali interpretat l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Dole bħala li hija kontradittorja mat-tieni dikjarazzjoni.

111

It-tielet dikjarazzjoni ta’ Dole u dik ta’ Chiquita huma neqsin minn kull ambigwità u l-unika konklużjoni li tista’ tinsilet hija dik li Del Monte kienet insodisfatta bl-istrateġija kummerċjali ta’ Weichert u li Del Monte implementat l-istrateġija tagħha stess minn meta bdiet tikkummerċjalizza l-banana tagħha permezz tas-sussidjarji li kienet proprjetarja 100% tagħhom. Meta Dole sostniet li Del Monte kienet insodisfatta bir-riżultati tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Weichert, il-Qorti Ġenerali llimitat dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjon għall-qligħ, minkejja l-fatt li kien ċar li n-nuqqas ta’ sodisfazzjoni ta’ Del Monte kien jikkonċerna l-istrateġija tas-suq ta’ Weichert.

112

Fil-fehma ta’ Del Monte, mill-imsemmija dikjarazzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li Del Monte ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-istrateġija kummerċjali ta’ Weichert.

113

Del Monte ssostni li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-raba’ dikjarazzjoni ta’ Dole billi ssuġġerixxiet li Del Monte kienet biddlet l-istrateġija wara s-separazzjoni minn Weichert fi tmiem il-perijodu tal-ksur. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli mad-dikjarazzjoni ta’ Chiquita u mal-komunikazzjonijiet bejn Del Monte u Weichert, li jiżvelaw nuqqas ta’ ftehim bejn dawn iż-żewġ kumpanniji fir-rigward tal-pożizzjonament tal-banana ta’ Del Monte. Fattur ieħor tar-raba’ dikjarazzjoni ta’ Dole jikkonferma li kien hemm nuqqas ta’ ftehim kostanti.

114

Is-seba’ nett, Del Monte ssostni li, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ittra indirizzata lil Del Monte fis-27 ta’ Marzu 1997 minn avukat estern għan-nom ta’ Weichert sabiex tiddefendi l-interessi ta’ din tal-aħħar kontra Del Monte. Din l-ittra turi b’mod ċar li Weichert aġixxiet kontra l-interessi ta’ Del Monte, u għalhekk turi li ma kienx hemm influwenza determinanti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Del Monte billi qieset li s-soċji akkomandanti ddefendew l-interessi tagħhom kontra s-soċju solidali, filwaqt li din l-ittra turi inekwivokament li ma ntbagħtitx għan-nom tas-soċji akkomandanti iżda għan-nom ta’ Weichert.

115

It-tmien nett, Del Monte tqis li, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-risposta ta’ Weichert fil-kuntest ta’ proċeduri legali bejn Weichert u WAL, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti ppreżentati għas-sempliċi raġuni li l-proċeduri inkwistjoni ma kinux tressqu minn Weichert iżda minn Del Monte. Madankollu, il-kwistjoni dwar min ressaq il-proċeduri hija irrilevanti għall-kontenut ta’ tali risposta.

116

Id-disa’ nett, Del Monte tqis li, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-prova bbażata fuq il-fatt li r-riżultati ta’ Weichert ma kinux ikkonsolidati fil-kontabbiltà ta’ Del Monte billi ċaħditha bħala irrilevanti, peress li Weichert kienet sħubija. Madankollu, ma hemm ebda ġustifikazzjoni għall-fatt li hemm differenza bejn ir-regoli ta’ konsolidazzjoni applikabbli għas-sħubija u dawk għal forom legali oħra tal-impriżi.

117

L-għaxar nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-korrelazzjoni bejn il-provi negattivi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat jekk dawn jistabbilixxux, individwalment, in-nuqqas ta’ influwenza determinanti u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ. Madankollu, hija naqset milli teżamina jekk dawn il-provi, fl-intier tagħhom, kinux jindikaw li ma kienx hemm influwenza determinanti.

118

Del Monte hija tal-fehma li l-provi fl-intier tagħhom ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Del Monte eżerċitat tant influwenza fuq Weichert li ma setgħetx tiddetermina awtonomament l-aġir tagħha fis-suq u, sostanzjalment, segwiet l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte.

119

Weichert tqis li Del Monte ma tipprovax l-iżnaturament tal-provi iżda sempliċement tikkonfuta l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

120

Il-Kummissjoni tqis li ma hemm xejn fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jista’ jikkonstata żnaturament tal-provi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

121

L-ewwel, it-tielet, il-ħames, it-tmien u l-għaxar argument ta’ Del Monte għandhom jiġu miċħuda mill-bidu, peress li, manifestament, ma jiżvelaw ebda motiv li juri li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata minħabba żnaturament tal-provi, jew ma jindikawx b’mod preċiż liema provi ġew żnaturati u, għalhekk, ma humiex konformi mal-eżiġenzi tal-ġurisprudenza.

122

Filwaqt li t-tieni, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ argumenti ta’ Del Monte effettivament jinkludu lmenti li jallegaw żnaturament tal-fatti, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma infondati.

123

Fil-fatt, fir-rigward tat-tieni argument ta’ Del Monte, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 131 u 132 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li tgħid li “l-fatt li s-soċju akkomandanti kellu [...] dritt ta’ vetu fuq id-deċiżjonijiet ‘kollha’ tal-kumpannija ma jirriżultax mill-provvedimenti tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni”, għandu jinqara fid-dawl tal-punti preċedenti tas-sentenza appellata, li jikkonċernaw it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, dispożizzjoni li tikkonċerna esklużivament ċerti deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali tal-imsieħba, iddefiniti fl-Artikolu 9(4) ta’ dan il-ftehim.

124

Fir-rigward tar-raba’ argument ta’ Del Monte, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 143 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Artikolu 9(5) tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni ma fih ebda indikazzjoni dwar liema rekwiżiti tal-maġġoranza japplikaw għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-bord ta’ arbitraġġ. Min-naħa l-oħra, Del Monte ma tispeċifikax kif il-Qorti Ġenerali żnaturat din id-dispożizzjoni meta kkonstatat, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li “l-portata tal-vantaġġ inkwistjoni għandha tiġi rrelativizzata fir-rigward tal-kompetenzi speċifiċi tal-laqgħa ġenerali tas-soċji”.

125

Fir-rigward tas-sitt argument, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 152 u 153 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ta’ Chiquita u ta’ Dole ma humiex kompletament inekwivoki u għalhekk kienu suġġetti għal interpretazzjoni. Peress li ma jidhirx li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija manifestament inkonċiljabbli mal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, l-allegat żnaturament ma jistax jiġi kkonstatat.

126

Fl-aħħar nett, is-seba’ argument ta’ Del Monte ma jistax jintlaqa’ peress li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “l-fatt li soċju jitlob lil rappreżentant legali sabiex ikun jaf id-drittijiet tiegħu u sabiex jiddefendi ruħu quddiem persuna li jissuspetta li ma tirrispettahx” hija inkompatibbli mal-kontenut tal-ittra mibgħuta lil Del Monte fis-27 ta’ Marzu 1997 minn avukat estern f’isem Weichert, li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 157 u 158 tal-konklużjonijiet tagħha, hija mfassla b’mod ambigwu, sa fejn l-introduzzjoni tagħha turi li l-ittra tippreżenta l-opinjoni tal-kumpannija, filwaqt li l-kumplament tal-ittra hija miktuba, inter alia, f’isem W. ukoll u Weichert konġuntament.

127

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju fil-Kawża C-293/13 għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, dwar l-oneru tal-prova

L-argumenti tal-partijiet

128

Del Monte ssostni li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkonstatat li l-oneru tal-prova tal-influwenza determinanti kien tal-Kummissjoni, wettqet inverżjoni ta’ dan l-oneru diversi drabi. Fil-fatt, ir-raġunament espost iktar ’il quddiem jimplika preżunzjoni tal-influwenza determinanti li għandha tiġi kkonfutata minn Del Monte.

129

L-ewwel nett, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fir-rigward tad-dritt ta’ veto tas-soċji akkomandanti fl-Artikolu 9(2) tal-ftehim ta’ sħubija, li, skont l-Artikolu (3) u (4) ta’ dan il-ftehim, il-laqgħa tal-imsieħba kellha poteri ddefiniti b’mod ċar, “liema sitwazzjoni ma kinitx tali li teskludi kull possibbiltà għal Del Monte li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Weichert fis-suq inkwistjoni”.

130

It-tieni nett, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “għalkemm [...] id-deċiżjonijiet ta’ pprezzar ta’ Weichert ma setgħux jissodisfaw l-aspettattivi ta’ Del Monte, ma jistax jiġi dedott mill-provi dokumentarji miġbura [...] li Weichert ma segwietx b’mod ġenerali ’l-istruzzjonijiet ta’ Del Monte’, [...] u aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq”.

131

It-tielet nett, fil-punti 237 u 238 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li “silta mir-risposta tal-15 ta’ Mejju 2002 ippreżentata minn Weichert quddiem qorti Ġermaniża, fil-kuntest ta’ kwistjoni bejnha u bejn WAL [li fiha] huwa sostnut li l-valur miżjud ekonomiku kollu ta’ Weichert, jiġifieri x-xiri, il-marketing u l-loġistika, kien esklużivament imputabbli lis-soċji solidali u li r-rwol ta’ WAL fi ħdan il-kumpannija kien jillimita ruħu għal parteċipazzjoni finanzjarja [...] ma teskludix il-konklużjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti”.

132

Ir-raba’ nett, fil-punt 260 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fir-rigward tal-fatt li l-kontabbiltà ta’ Del Monte u ta’ Weichert ma kinitx ikkonsolidata, li “n-nuqqas ta’ tali kkonsolidar ma jfissirx neċessarjament, [...], li huwa impossibbli li wieħed jikkonkludi li teżisti influwenza determinanti [...]”.

133

Li kieku applikat b’mod korrett il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, il-Qorti Ġenerali kienet tkun meħtieġa teżamina jekk id-dritt ta’ veto tas-soċju solidali, il-fatt li l-prezzijiet ta’ Weichert ma kinux jissodisfaw l-aspettattivi ta’ Del Monte, is-sottomissjonijiet ta’ Weichert quddiem il-qrati Ġermaniżi u l-fatt li l-kontabbiltà ma kinitx ikkonsolidata kinux ta’ natura li joħolqu dubju dwar il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Del Monte eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert u kkonkludiet li din il-konstatazzjoni ma kinitx stabbilita għall-istandard meħtieġ.

134

Weichert u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument ta’ Del Monte.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

135

Għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Del Monte, insostenn tat-tielet aggravju, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

136

Fil-fatt, qabelxejn, kif tammetti Del Monte, mill-punti 104 u 221 tas-sentenza appellata jirriżulta inekwivokament li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-oneru tal-prova tar-responsabbiltà konġunta ta’ Del Monte għall-ksur imwettaq minn Weichert kien obbligu tal-Kummissjoni.

137

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 98 sa 220 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-imsemmi oneru u kkunsidrat li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni kienu ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà konġunta.

138

Fl-aħħar nett, fil-punti 222 sa 265 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-provi u l-argumenti mressqa minn Del Monte kinux ta’ natura li jimminaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur imwettaq minn Weichert kien imputabbli fil-konfront ta’ Del Monte.

139

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tagħha, tali analiżi ma timplika ebda inverżjoni tal-oneru tal-prova.

140

Lanqas ma jimplika tali inverżjoni tal-oneru tal-prova l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 113 u 208 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument ta’ Del Monte li jgħid li ċ-ċirkustanzi li hemm riferiment għalihom f’dawn il-punti pprekludew l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn Del Monte fuq Weichert. Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali sempliċement indirizzat l-allegazzjonijiet ta’ Del Monte dwar l-imputabbiltà tal-ksur.

141

Isegwi li t-tielet aggravju fil-Kawża C-293/13 P għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ aggravju fil-Kawża C-293/13 P, ibbażat fuq il-prinċipju in dubio pro reo

L-argumenti tal-partijiet

142

Del Monte ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ in dubio pro reo meta kkonstatat li kienet responsabbli mill-aġir ta’ Weichert minkejja l-fatt li l-provi fil-fajl jixħtu dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk hija eżerċitatx influwenza determinanti fuq Weichert jew le.

143

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq. Meta ebda prova fiha nfisha ma ssostni din il-konvinzjoni, ikun neċessarju li ġabra ta’ indizji jissodisfaw, b’mod ġenerali, dan ir-rekwiżit.

144

F’dan il-każ, numru ta’ fatturi jagħtu lok għal dubju dwar l-allegazzjoni li tgħid li Del Monte ddeterminat, sostanzjalment, l-aġir ta’ Weichert fis-suq ikkonċernat. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-fatturi kollha abbażi tal-fatt li, fil-fehma tagħha, ma pprovawx in-nuqqas ta’ influwenza determinanti. Madankollu, anki li kieku dan kien korrett, id-dubji li dawn il-fatturi jixħtu fuq il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ influwenza determinanti kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-prinċipju in dubio pro reo.

145

Skont Weichert, Del Monte tikkonfuta l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali, li minnha jidher li ebda prova invokata minn Del Monte ma hija ta’ natura li tixħet dubju suffiċjenti fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

146

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, peress li Del Monte titlob l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-provi, dan l-aggravju huwa inammissibbli. Barra minn hekk, hija tqis li mill-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-argumenti ta’ Del Monte jirriżulta li hija kkunsidrat li l-provi kienu juru suffiċjentement skont id-dritt li Del Monte eżerċitat influwenza determinanti, mingħajr ma indikat dubju f’dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ aggravju ta’ Del Monte, hemm lok li jiġi rrilevat li din wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ksur tal-prinċipju in dubio pro reo u li, għaldaqstant, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

148

Fir-rigward tal-mertu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, mill-provi kollha li kellha disponibbli, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Del Monte eżerċitat influwenza determinanti fuq Weichert matul il-perijodu ta’ ksur.

149

Peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, kienet konklużiva u għalhekk, nieqsa minn kwalunkwe dubju, u min-naħa l-oħra, nieqsa minn żball ta’ liġi, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ in dubio pro reo ma kinux issodisfatti fil-kawża ineżami.

150

Isegwi li r-raba’ aggravju fil-Kawża C-293/13 P huwa infondat u għaldaqstant, għandu jiġi miċħud

Fuq il-ħames aggravju fil-Kawża C‑293/13 P, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ eżistenza ta ’ ksur uniku u kontinwu

L-argumenti tal-partijiet

151

Del Monte tqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 81(1) KE meta kkunsidrat li Del Monte kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu ma’ Dole u Chiquita, filwaqt li rrikonoxxiet li Weichert ma kellhiex għarfien tal-iskambju bejn Chiquita u Dole. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 590 sa 651 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq diviżjoni artifiċjali tal-analiżi tagħha li, minn naħa, hija bbażata fuq aġir illegali, u min-naħa l-oħra, fuq ir-responsabbiltà konġunta, u l-kwistjoni dwar l-intenzjoni suġġettiva hija biss indirizzata fil-kuntest tar-responsabbiltà.

152

Fil-fatt, fil-fehma ta’ Del Monte, il-fatt li Weichert ma kellhiex għarfien ta’ dan l-iskambju ma huwiex biss fattur mitiganti għad-determinazzjoni tal-multa iżda jikkostitwixxi fattur importanti għad-determinazzjoni dwar jekk ksur uniku u kontinwu ġiex stabbilit. Prattiki miftiehma jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu biss jekk jista’ jiġi stabbilit li kien hemm għan komuni u konoxxenza u/jew preparazzjoni jew aċċettazzjoni tar-riskju marbut mal-parteċipazzjoni fil-kartell kollu. Għaldaqstant, dan il-kriterju jinkludi elementi oġġettivi u suġġettivi, u l-element suġġettiv huwa nieqes fir-rigward ta’ Weichert.

153

Weichert issostni l-argument ta’ Del Monte u żżid li, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 593 tas-sentenza appellata, li l-komunikazzjonijiet bilaterali bejn Dole u Chiquita kif ukoll dawk bejn Dole u Weichert kienu marbuta u komplementari, hija bbażat ruħha biss fuq il-fatt li Dole kienet involuta fiż-żewġ komunikazzjonijiet. Li kieku dan kien suffiċjenti, kull serje ta’ komunikazzjonijiet bilaterali li jiksru l-Artikolu 81 KE jistgħu jitqiesu li huma ksur uniku u kontinwu.

154

Weichert tqis li dan l-iżball ta’ liġi jimplika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, peress li l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu ma jistax jiġi eskluż mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni.

155

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Del Monte u ta’ Weichert.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

156

Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-serje ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom infushom u individwalment, jikkostitwixxu ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan generali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba l-aġir tagħha stess, f’għamla ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implementat minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158

Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu fl-intier tiegħu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda jkollha għarfien tal-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-kisba tal-istess għanijiet, jew li tkun setgħet raġonevolment ipprevediet u aċċettat li tieħu dan ir-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43).

159

A contrario, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-għamliet ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir illegali l-ieħor kollu previst jew implementat minn dawn il-parteċipanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet komuni, jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta dan ir-riskju, il-Kummissjoni għandha dritt timputa responsabbiltà fuq din l-impriża biss fir-rigward tal-aġir li fih hija pparteċipat direttament għall-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fil-kisba tal-istess għanijiet tagħha, fejn ikun ġie pprovat li hija kellha għarfien ta’ dan jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 44).

160

Konsegwentement, fil-kawża inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-fatt li Weichert ma kellhiex għarfien tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn Dole u Chiquita u ma kellhiex għalfejn tkun taf dwaru ma setax jibdel il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, li madankollu ma setax jiġi imputat fl-intier tiegħu lil din il-kumpannija.

161

Isegwi li l-ħames aggravju fil-Kawża C-293/13 P u, konsegwentement, l-appell ta’ Del Monte, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑294/13 P

Fuq l-interess ta ’ Weichert li tippreżenta risposta

L-argumenti tal-partijiet

162

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni u Del Monte jikkontestaw l-interess ta’ Weichert li tippreżenta risposta.

163

Weichert tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Del Monte.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

164

Kif ġie rrilevat fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-“appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud” tista’ tippreżenta risposta f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell.

165

Fil-każ inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li jidhru li qegħdin jallegaw il-Kummissjoni u Del Monte, Weichert ċertament għandha interess li l-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan l-appell, il-multa li Weichert tkun obbligata tħallas in solidum tista’ tkun ogħla, b’mod li huwa fl-interess tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet legali rilevanti kollha.

166

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li Weichert għandha interess li tippreżenta risposta.

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑294/13 P, ibbażat fuq l-eżistenza ta ’ obbligu legali għal Weichert li tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

167

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 840 sa 853 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni pprovduta minn Weichert matul il-proċedura amministrattiva ġġustifikat it-tnaqqis tal-multa imposta mid-deċiżjoni inkwistjoni.

168

Il-Kummissjoni tindika li, skont il-punt 29 tal-linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ jitnaqqas meta l-impriża kkonċernata effettivament tikkoopera mal-Kummissjoni, u b’mod partikolari, lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera.

169

Skont il-Kummissjoni, l-impriżi għandhom obbligu li jwieġbu għat-talbiet ta’ informazzjoni li jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda dritt lill-impriżi inkwistjoni jevadu tali talbiet u timponi fuqhom obbligu li jikkooperaw b’mod attiv. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tobbliga impriża tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li jkollha għarfien tagħhom u li tiżvela, skont il-bżonn, id-dokumenti rilevanti.

170

Għalhekk, impriża li tipprovdi informazzjoni billi twiegeb għal talba għal informazzjoni mingħand il-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mill-kooperazzjoni li hija marbuta tipprovdi skont l-imsemmija dispożizzjoni u l-informazzjoni mogħtija f’dan il-kuntest ma jikkostitwixxux kooperazzjoni volontarja li għandha tiġi kkumpensata bi tnaqqis tal-multa imposta fuq l-impriża kkonċernata.

171

Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li kooperazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandha l-impriża skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, ma tagħti ebda dritt għal tnaqqis tal-multa li għandha tiġi imposta fuq din l-impriża, indipendentement mill-informazzjoni li tkun ġiet mitluba skont l-Artikolu 18(2) tar-regolament jew permezz ta’ deċiżjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament.

172

Il-Kummissjoni żżid li impriża li sempliċement tosserva l-obbligi ta’ kooperazzjoni li hija għandha skont l-imsemmi regolament ma hijiex xhieda ta’ kooperazzjoni volontarja ġenwina fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-Komunikazzjoni dwar il-klemenza.

173

Il-Kummissjoni ssostni li l-għanijiet marbuta mat-tfixkil ta’ kartelli bl-inkoraġġiment lill-impriżi sabiex jiżvelawhom lill-Kummissjoni, u mal-faċilitazzjoni tal-kompitu tagħha li tipproduċi provi jkunu serjament kompromessi li kieku l-impriżi li ma jipprovdux informazzjoni spontanjament, iżda jillimitaw ruħhom li jirrispondu għal miżuri investigattivi, setgħu wkoll jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa jekk jirriżulta li l-informazzjoni mitluba kienet utli.

174

Il-Kummissjoni tosserva li, f’ħafna każijiet, l-informazzjoni pprovduta bħala risposta għal talbiet għal informazzjoni hija utli sabiex tistabbilixxi l-ksur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni, peress li dan l-istrument investigattiv jippermetti lill-Kummissjoni tikseb informazzjoni li hija tqis utli.

175

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-ammont finali tal-multa imposta in solidum fuq Weichert u fuq Del Monte għal EUR 9800000.

176

Del Monte u Weichert isostnu li l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali, eżaminat fil-punti 834 sa 839 tal-imsemmija sentenza, in-natura volontarja jew le tal-kooperazzjoni ta’ Weichert u kkonstatat, fil-punt 840 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija kooperazzjoni kienet volontarja, peress li ġiet ipprovduta bħala risposta, mhux għal deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda għal sempliċi talba fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

177

Barra minn hekk, Del Monte u Weichert huma tal-fehma li ma hemmx obbligu legali li tingħata risposta għal sempliċi talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Huma jsostnu li hija biss deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament li toħloq obbligu legali eżekuttiv, li tista’ tiġi kkontestata u li tagħti lok għall-impożizzjoni tal-multi għal nuqqas li tingħata risposta, skont l-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament. Fil-każ ta’ sempliċi talba għal informazzjoni, la hemm multa u lanqas pagamenti ta’ penalità minħabba nuqqas ta’ risposta. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 288 TFUE, huma biss ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet li huma vinkolanti. Barra minn hekk, meta impriża tonqos milli twieġeb għal tali talba, il-Kummissjoni tista’, sabiex toħloq obbligu legali, tadotta deċiżjoni.

178

Del Monte u Weichert iqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-qasam tar-reviżjoni tal-multi u li ma hijiex marbuta ssegwi l-Linji Gwida tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka validament il-fatt li t-tnaqqis mogħti jikkomprometti l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u dan it-tnaqqis ma jistax jiġi kkontestat fuq il-bażi li ma jikkorrispondix ma’ waħda minn dawn l-avviżi. Il-Qorti Ġenerali diġà naqqset multi fil-każ ta’ risposti għal sempliċi talbiet għal informazzjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat din il-prassi.

179

Fl-aħħar nett, Del Monte u Weichert jikkunsidraw li t-tħassib tal-Kummissjoni marbut mal-effett dissważiv ta’ dawn il-multi ma huwiex kredibbli, peress li l-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’2%. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tixtieq tevita tali tnaqqis, hija tista’ tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Impriżi li jwieġbu għal talbiet għal informazzjoni jiffaċilitaw kunsiderevolment l-investigazzjonijiet u jirrinunzjaw għal diversi drittijiet proċedurali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

180

Fil-punti 840 sa 853 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-risposta ta’ Weichert għal talba għal informazzjoni, li saret abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tiġġustifika, skont il-kooperazzjoni ta’ din il-kumpannija matul il-proċedura amministrattiva, l-għoti ta’ tnaqqis tal-multa.

181

F’dan ir-rigward, meta, konformement mal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tibgħat sempliċi talba għal informazzjoni lil impriża jew lil assoċjazzjoni ta’ impriżi, hija għandha tindika l-bażi legali u l-għan ta’ din it-talba, tippreċiża l-informazzjoni mitluba u tistabbilixxi terminu li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni.

182

Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li Weichert ma kinitx obbligata tipprovdi informazzjoni b’deċiżjoni formali fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda li kienet marbuta tagħmel dan b’sempliċi talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament.

183

Peress li Weichert sempliċement wieġbet għal sempliċi talba għal informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma pprovdietx informazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ma ntalbet tagħmel hekk.

184

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 246 tal-konklużjonijiet tagħha, tnaqqis tal-multa, bħal dak previst fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, huwa biss iġġustifikat meta l-impriża tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ma tkun mistiedna tagħmel dan. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir tal-impriża kkonċernata għandu mhux biss jiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, iżda wkoll jattesta spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni (ara, f’dan il-każ, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 395 u 396, kif ukoll is-sentenza Schenker & Sentenza D., C-681/11, EU:C:2013:404, punt 48.

185

Kwalunkwe interpretazzjoni oħra timmina kemm il-finalità kif ukoll l-effett inċentivanti tas-sistema ta’ klemenza, peress li, minn naħa, din ikollha l-effett li tagħti lill-partijiet kollha li jipparteċipaw fil-kartell tnaqqis tal-multa jekk huma jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, informazzjoni jew provi utli u, it-tieni nett, tinkoraġġixxi lill-impriżi jadottaw aġir aspettattiv minflok ma jipprovdu, fuq inizjattiva tagħhom stess, u mill-iktar fis possibbli u komprensivament, l-informazzjoni u l-provi.

186

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 840 sa 853 tas-sentenza appellata, li r-risposta għat-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tiġġustifika tnaqqis tal-multa.

187

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 853 sa 856 u 880 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball ta’ liġi meta, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija naqqset il-multa b’10 % fir-rigward ta’ Del Monte u Weichert abbażi tal-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar matul il-proċedura amministrattiva, minkejja li l-aġir ta’ Weichert ma jistax jitqies li jirrileva spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni.

188

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑294/13 P għandu jintlaqa’ u l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑294/13 P, ibbażat fuq l-assenza ta ’ unità ekonomika bejn Del Monte u Weichert matul il-proċedura amministrattiva

189

Peress li t-tieni aggravju ġie invokat mill-Kummissjoni sussidjarjament u peress li l-ewwel aggravju ntlaqa’, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni aggravju.

Fuq l-appelli inċidentali ta ’ Weichert u ta ’ Del Monte fil-Kawża C‑294/13 P

L-argumenti tal-partijiet

190

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑294/13 P, Del Monte tqis li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk it-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni jeżiġux li Weichert tammetti ksur min-naħa tagħha tal-Artikolu 81 KE. Peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar jekk Weichert kinitx intitolata ma tweġibx abbażi tal-fatt li t-talbiet għal informazzjoni kienu jimplikaw dikjarazzjonijiet awtoinkriminatorji, is-sentenza appellata tinkludi żball ta’ liġi.

191

Weichert issostni wkoll li, kieku t-talbiet għal informazzjoni kienu jimplikaw obbligu legali li tingħata tweġiba, id-dritt għall-protezzjoni mill-awtoinkriminazzjoni jkun japplika u l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Ġenerali li tgħid li Weichert ma kinitx awtorizzata tinvoka dan id-dritt ma tkunx fondata. Fil-fatt, peress li Weichert intalbet tispjega fid-dettall dak li ġie diskuss matul il-komunikazzjonijiet bilaterali dwar ipprezzar minn qabel, fiċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni ssuspettat li l-għan tal-komunikazzjonijiet kien li tiġi llimitata l-kompetizzjoni, id-domandi kienu jobbligaw lil Weichert tirrikonoxxi l-ksur, li kien oneru tal-prova tal-Kummissjoni.

192

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Weichert u ta’ Del Monte. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-appell inċidentali ta’ Weichert fil-Kawża C‑294/13 huwa inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

193

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, iċ-ċaħda fuq il-mertu tal-appell inċidentali ta’ Weichert fil-Kawża C-294/13 P mingħajr ma tagħti deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Boehringer C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

194

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa l-każ. Anki jekk din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tintlaqa’, għandhom jiġu eżaminati, fuq il-mertu, l-argumenti ta’ Del Monte li, sostanzjalment, huma identiċi għal dawk imqajma minn Weichert.

195

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt ta’ protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni ma huwiex affettwat b’talbiet għal informazzjoni li jsiru skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 35, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 272).

196

Fil-fatt, in-nuqqas li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba fuq din il-bażi fit-terminu previst ma tistax twassal għal impożizzjoni ta’ multa jew ta’ pagamenti ta’ penalità skont l-Artikoli 23 u 24, rispettivament, tar-Regolament Nru 1/2003. Sempliċi talba għal informazzjoni hija għalhekk differenti minn deċiżjoni formali adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li fir-rigward tiegħu dan ir-regolament jipprovdi impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fil-każ li ma tingħatax risposta.

197

Fil-każ preżenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ Weichert.

198

F’dawn il-kundizzjonijiet, Weichert u Del Monte ma jistgħux isostnu validament id-dritt ta’ Weichert li ma tkunx obbligata mill-Kummissjoni tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 35, kif ukoll Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 272).

199

Isegwi li l-appelli inċidentali ta’ Weichert u ta’ Del Monte fil-Kawża C‑294/13 P għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

200

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

201

Fil-każ preżenti, peress li huwa biss l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, dwar l-ammont tal-multa, li għandu jiġu annullat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħti deċiżjoni finali dwar dan l-ammont.

202

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi rrettifikat l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 188 tas-sentenza preżenti, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 184 sa 186 tas-sentenza preżenti, huwa neċessarju li ssir reviżjoni tat-tnaqqis ta’ 10 % tal-multa mogħtija mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-kooperazzjoni ta’ Weichert fil-proċedura amministrattiva u għalhekk, li tiġi stabbilita għal EUR 9800000.

Fuq l-ispejjeż

203

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta jkun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

204

Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

205

Skont l-Artikolu 140(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

206

Peress li Del Monte u Weichert tilfu fil-proċeduri kollha u l-Kummissjoni talbet li dawn il-kumpanniji jbatu l-ispejjeż tal-proċeduri, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Madankollu, Weichert għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċeduri mressqa minn Del Monte u l-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell fil-Kawża C-293/13 P u l-appelli inċidentali fil-Kawżi C‑293/13 P u C‑294/13 P huma miċħuda.

 

2)

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni (T-587/08, EU:T:2013:129) huwa annullat.

 

3)

L-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39188 ‐ Banana), huwa stabbilit għal EUR 9800000.

 

4)

Fresh Del Monte Produce Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-appelli prinċipali fil-Kawżi C‑293/13 P u C‑294/13 P kif ukoll, min-naħa l-oħra, mal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C-294/13 P, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti minn Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG li għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-imsemmija proċeduri kollha.

 

5)

Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert GmbH & Co. KG, hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appelli inċidentali fil-Kawżi C‑293/13 P u C‑294/13 P.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.