SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Ċittadin ta’ Stat Membru, li fih jirrisjedi, impjegat bħala ħaddiem impjegat fuq vapur li jinstalla pajpijiet li jtajjar il-bandiera ta’ Stat ieħor terz — Ħaddiem impjegat inizjalment minn impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u, sussegwentement, minn impriża stabbilita fl-Isvizzera — Xogħol imwettaq suċċessivament fuq il-blata kontinentali maġenb Stat terz, fl-ibħra internazzjonali u fil-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi regolament — Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”

Fil-Kawża C‑266/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

L. Kik

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Kik, minn H. Menger,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn B. Koopman, M. Bulterman, C. Schillemans u M. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Kik u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar l-affiljazzjoni ta’ L. Kik mal-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2004.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka) fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, ġiet irratifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-28 ta’ Ġunju 1998 u mir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-25 ta’ Lulju 1997, u ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”).

4

Fl-Artikolu 60 tagħha, intitolat “Gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fiż-żona ekonomika esklussiva”, din il-konvenzjoni tipprovdi:

“1.   Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu jkollu d-dritt esklussiv li jibni u li jawtorizza u jirregola l-kostruzzjoni, l-oprazzjoni u l-użu ta’:

(a)

gżejjer artifiċjali;

(b)

stallazzjonijiet u strutturi għall-iskopijiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 56 u għal skopijiet ekonomiċi oħrajn;

(ċ)

stallazzjonijiet u strutturi li jistgħu ifixxklu fl-eżerċitar tad-drittijiet ta’ l-Istat kostali f’dik iż-żona.

2.   L-Istat kostali għandu jkollu l-ġurisdizzjoni esklussiva fuq dawk il-gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi, inkluża l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-liġijiet u r-regolament doganali, fiskali, tas-saħħa, tas-sigurtà u ta’ l-immigrazzjoni.

[...]”

5

L-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolat “Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka [il-blata] kontinentali” jipprovdi:

“1.   L-Istat kostali jeżerċita fuq is-sikka [il-blata] kontinentali drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha.

2.   Id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 huma esklussivi fis-sens li jekk Stat kostali ma jesplorax is-sikka kontinentali jew ma jutilizzax ir-riżorsi tagħha, ħadd ma jkun jista jidħol għal dawn l-attivitajiet mingħajr il-kunsens espliċitu ta’ l-Istat kostali.

3.   Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka kontinentali ma jiddependux mill-okkupazzjoni, effettiva jew mistħajjla, jew fuq xi proklama espressa.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 79 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Fili u pajpijiet sottomarini fuq is-sikka [il-blata] kontinentali”:

“1.   L-Istati kollha huma ntitolati li jqiegħdu fili u pajpijiet sottomarini fuq is-sikka [il-blata] kontinentali, b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Bla ħsara għad-dritt li jieħdu miżuri raġjonevoli għall-esplorazzjoni tas-sikka kontinentali, l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha u tal-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġiż minn pajpijiet, l-Istat kostali ma jistax jimpedixxi it-tqegħid jew il-manteniment ta’ fili jew pajpijiet bħal dawk.

3.   Il-delineazzjoni tal-korsa għat-tqegħid ta’ pajpijiet bħal dawk fuq is-sikka kontinentali hija suġġetta għall-kunsens ta’ l-Istat kostali.

4.   Xejn f’din il-parti ma jaffettwa d-dritt ta’ l-Istat kostali li jistabbilixxi kondizzjonijiet dwar il-fili u l-pajpijiet li jidħlu fit-territorju jew fl-ibħra territorjali tiegħu, jew tal-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-fili u l-pajpijiet kostruwiti jew użati b’konnessjoni ma l-esplorazzjoni tas-sikka kontinentali jew l-esplorazzjoni tar-riżorsi tagħha jew ta’ l-operazzjonijiet ta’ gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

[...]”

7

L-Artikolu 80 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolat “Gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fis-sikka [fuq il-blata] kontinentali”, jipprovdi li l-Artikolu 60 ta’ din il-konvenzjoni japplika mutatis mutandis għal gżejjer artifiċjali, installazzjonijiet u strutturi fuq il-blata kontinentali.

Id-dritt tal-Unjoni

8

Ir-Regolament Nru 1408/71 huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 51 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 51 tat-Trattat KE, li, min-naħa tiegħu sar, wara emenda, l-Artikolu 42 KE), li għalih jikkorrispondi attwalment l-Artikolu 48 TFUE. Dawn l-artikoli jikkonċernaw prinċipalment il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u l-ħlas tal-benefiċċji fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi hekk ikkoordinati. Wara din il-bażi legali, dan ir-regolament jinkludi, inter alia, il-premessi li ġejjin:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[...]

Billi d-differenzi konsiderevoli li jeżistu bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar il-persuni li għalihom japplikaw jagħmluha preferibbli li jistabbilixxu l-prinċipju li r-Regolament japplika għall-persuni kollha assigurati taħt l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom jew permezz tat-tfittxija ta’ l-impjieg jew ta’ l-impjieg għal rashom;

Billi huwa meħtieġ li jkunu rispettati l-karatteristiċi speċjali tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali u biex titwaqqaf biss sistema ta’ koordinazzjoni;

[...]

Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

[...]

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha;

Billi f’ċerti sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw kriterja oħra ta’ applikabbiltà, huwa possibbli li tidderoga mir-regola ġenerali;

[...]”

9

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

(a)

persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

(i)

kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

[...]”

10

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

11

It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi l-Artikoli 13 sa 17a ta’ dan tal-aħħar, li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Wara li, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 13 jistabbilixxi r-regola li l-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti, bħala prinċipju, għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, dan l-artikolu jkompli kif ġej:

“2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[...]

(ċ)

persuna impjegata abbord vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

[...]

(d)

persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

12

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[...]

2.

Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

(a)

Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

(i)

fejn l-imsemmija impriża jkollha fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju, persuna impjegata minn tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu rinsab it-tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti;

(ii)

fejn persuna hija impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita, hija tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk l-impriża li timpjegah m’għandha ebda uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju jew fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju;

(b)

Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f(a) tkun suġġetta:

(i)

għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;

(ii)

għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha, jekk ma tabitax fit-territorju ta’ kwalunkwe Stati Membri fejn hija tkun qed twettaq l-attività tagħha.

[...]”

13

L-Artikolu 14b tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-baħrin, jipprovdi:

“L-Artikolu 13(2)(ċ) jkun japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċirkustanzi segwenti:

[...]

4.

Persuna impjegata abbord vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li [hija] mħallsa għal tali impieg minn impriża jew persuna li l-uffiċċju reġistrat tagħha jew il-post tan-negozju jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-aħħar Stat kemm-il darba hija residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat; l-impriża jew persuna li jħallsu r-rimunerazzjoni tkun ikkunsidrata bħala dik li tħaddem għall-iskop ta’ l-imsemmija leġislazzjoni.”

14

Skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli li jikkonċernaw s-sigurtà voluntarja jew is-sigurtà b’għażla kontinwata”:

“1.   l-Artikolu 13 sa 14d ma japplikawx għas-sigurtà voluntarja jew għas-sigurtà b’għażla kontinwata kemm-il darba, fejn tidħol waħda mill-friegħi li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4, teżisti f’xi Stat Membru skema ta’ sigurtà voluntarja biss.

2.   Fejn l-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri tinvolvi aktar minn assigurazzjoni waħda:

taħt skema ta’ assigurazzjoni bilfors u waħda jew iktar voluntarji jew skema ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata, il-persuna kkonċernata tkun suġġetta esklussivament għall-iskema ta’ assigurazzjoni ta’ bilfors;

[...]”

15

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim [ta’ seba’ ftehimiet] mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”), jipprovdi fl-Artikolu 8 tiegħu:

“B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

(a)

jiġi żgurat trattament ugwali;

(b)

tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

(c)

tinħoloq aggregazzjoni, sabiex jiġi miksub u miżmum id-dritt għall- benefiċċji, u jiġu kkalkolati tali benefiċċji, b’kont meħud, mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, tal-perjodi kollha;

(d)

jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

(e)

titrawwem assistenza u koperazzjoni amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.”

16

L-Anness II tal-Ftehim KE u Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-Ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   [It-termini] ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż[i] fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-anness [għandhom jitqiesu li jirreferu], minbarra għall-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-Isvizzera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

It-Taqsima A tal-imsemmi anness tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 1408/71.

18

Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li sar applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010, data li minnha tħassar ir-Regolament Nru 1408/71. L-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera ġie aġġornat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, tal-31 ta’ Marzu 2012, li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 103, p. 51), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012. L-imsemmi anness issa jagħmel riferiment għar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, il-fatti preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni jibqgħu rregolati mir-Regolament Nru 1408/71, b’applikazzjoni kemm tal-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li skontu r-Regolament Nru 1408/71 għandu jibqa’ fis-seħħ u għandu jibqa’ jkollu effett legali għall-finijiet, inter alia, tal-Ftehim KE-Svizzera sakemm dan il-ftehim ma jkunx ġie emendat, kif ukoll tal-punt 3 tas-Sezzjoni A tal-Anness II tal-imsemmi ftehim, fil-verżjoni emendata tiegħu, li jibqa’ jirreferi għar-Regolament Nru 1408/71 “meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat”.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-iskema ġenerali ta’ sigurtà soċjali, il-ħaddiema impjegati residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħala regola ġenerali, huma affiljati b’mod obbligatorju mad-diversi fergħat ta’ din l-iskema. B’eċċezzjoni għal dan, skont l-Artikolu 12(1) tad-Digriet tal-1999 dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni taċ-ċirku ta’ persuni affiljati mal-assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen 1999), din l-assigurazzjoni tieqaf fil-każ ta’ xogħol matul perijodu minimu ta’ tliet xhur konsekuttivi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm dan ma jkunx xogħol fis-servizz ta’ persuna li timpjega stabbilita f’dan l-Istat Membru. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-Digriet dwar l-obbligu ta’ affiljazzjoni tal-baħrin (Besluit verzekeringsplicht zeevarenden) jipprovdi, fl-istess sens, li, meta baħri li jirrisjedi fi Stat Membru jaħdem fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz li ma huwiex Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), għal impjegat stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-assigurazzjonijiet soċjali tal-ħaddiema impjegati.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Matul is-sena 2004, L. Kik, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, ħadem fuq vapur li jinstalla pajpijiet li jtajjar il-bandiera tal-Panama. Sal-31 ta’ Mejju ta’ dik is-sena, huwa kien impjegat minn kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u kien suġġett għall-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru. Mill-1 ta’ Ġunju ta’ wara, huwa kien impjegat minn kumpannija stabbilita fl-Isvizzera għall-istess xogħol. Is-salarju tiegħu baqa’ suġġett għat-taxxa fuq id-dħul tal-Pajjiżi l-Baxxi. Skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-affiljazzjoni mal-imsemmija skema ġenerali ta’ assigurazzjoni soċjali tieqaf fil-każ ta’ xogħol imwettaq barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għal persuna li timpjega mhux stabbilita f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu ta’ tliet xhur konsekuttivi.

21

Il-kwistjoni ċentrali fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-punt jekk, fid-dawl tar-Regolament Nru 1408/71, L. Kik huwiex obbligat iħallas kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2004. Matul dan il-perijodu, il-vapur li fuqu kien jaħdem kien jinsab suċċessivament fuq il-blata kontinentali maġenb Stat terz, fl-ibħra internazzjonali u fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri (il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit).

22

L. Kik isostni li mir-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li huwa ma kienx jaqa’ taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi matul l-imsemmi perijodu.

23

Adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn L. Kik mis-sentenza mogħtija fl-aħħar istanza li ddikjarat li huwa kellu jħallas il-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi dwar l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament.

24

Dik il-qorti tistaqsi qabelxejn jekk l-imsemmi regolament japplikax esklużivament għall-ħaddiema migranti u, jekk dan ikun il-każ, jekk L. Kik jistax jitqies bħala tali, fid-dawl tal-postijiet li fihom ħadem suċċessivament matul il-perijodu inkwistjoni, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-vapur li fuqu kien jaħdem u l-klassifikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-użu li għalih kienu intiżi l-pajpijiet installati.

25

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, matul il-perijodi li fihom il-vapur ikkonċernat kien jinsab fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi jew maġenb ir-Renju Unit, L. Kik kellux jitqies li ħadem fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri. Skont ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, ikollu jiġi kkonstatat li, jew matul il-perijodu inkwistjoni kollu, jew matul parti kbira minn dan il-perijodu, il-persuna kkonċernata ħadmet barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u ma tistax titqies li hija ħaddiem migrant li, bħala tali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71.

26

Madankollu, b’riferiment għas-sentenza Aldewereld (C‑60/93, EU:C:1994:271), il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, anki fil-każ ta’ twettiq ta’ attività professjonali barra mit-territorju tal-Unjoni, l-eżistenza ta’ konnessjoni suffiċjentement stretta ma’ dan it-territorju twassal għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament għal ħaddiem li jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

27

F’dan ir-rigward, hija tipprevedi l-possibbiltà li jiġi rrikonoxxut li jista’ jkun hemm fatturi ta’ konnessjoni kemm mal-Konfederazzjoni Svizzera – Stat li għandu jiġi assimilat ma’ Stat Membru f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament – (il-post ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjega) kif ukoll mat-territorju tal-Unjoni (il-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi u, eventwalment, ix-xogħol fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, jekk ix-xogħol fuq il-vapur li jinstalla pajpijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, waqt li kien qed jopera fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb dawn l-Istat Membri, jista’ jiġi assimilat ma’ xogħol fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar). Madankollu, f’dak li jirrigwarda dan l-element tal-aħħar, anki jekk jitqies li huwa rilevanti, għandu jsir magħruf jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss fir-rigward tal-perijodi li fihom il-vapur kien qed jopera fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb l-imsemmija Stati Membri jew fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni kollu, ħaġa li tista’ eventwalment tiddependi minn jekk dan kienx ġie ppjanat mill-bidu nett jew le.

28

Jekk jitqies li L. Kik jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 u, għalhekk, li jkun hemm lok li jiġu applikati r-regoli li jinsabu fit-Titolu II ta’ dan tal-aħħar sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema hija r-regola rilevanti.

29

Hija tikkunsidra li l-post ta’ xogħol huwa element importanti u, għalhekk, li huwa neċessarju, f’dan ir-rigward ukoll, li jsir magħruf jekk attività bħala persuna impjegata mwettqa fuq vapur li jinstalla pajpijiet u li jopera fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb Stat Membru għandhiex tiġi assimilata ma’ xogħol imwettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

30

Fil-każ ta’ risposta negattiva, ebda regola li tinsab fl-imsemmi Titolu II ma tkun applikabbli bħala tali. Għalhekk, peress li ma huwiex aċċettabbli li ħaddiem li għalih japplika r-Regolament Nru 1408/71 ma jkun suġġett għal ebda skema ta’ assigurazzjoni soċjali, ikun hemm lok li jiġi identifikat l-iktar fattur ta’ konnessjoni rilevanti. F’dan il-każ, ir-residenza tal-ħaddiem għandha tiġi eskluża, fl-assenza ta’ indikazzjoni ta’ kwalunkwe rabta bejnha u r-relazzjoni ta’ xogħol. L-istess japplika għall-post tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul professjonali, peress li r-Regolament Nru 1408/71 bl-ebda mod ma jieħu dan l-element inkunsiderazzjoni. B’eliminazzjoni, il-post ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjega għandha importanza partikolari, u f’dan ir-rigward isir riferiment għas-sentenza Aldewereld (EU:C:1994:271).

31

Fil-każ li l-attività bħala persuna impjegata mwettqa fuq vapur li jinstalla pajpijiet u li jopera fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb Stat Membru kellha tiġi assimilata ma’ xogħol imwettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, il-Hoge Raad der Nederlanden jipprevedi żewġ soluzzjonijiet possibbli.

32

L-ewwel soluzzjoni tikkonsisti fir-riferiment għar-regola prinċipali stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li tindika l-leġiżlazzjoni tal-post ta’ xogħol, u, għalhekk, fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit fir-rigward tal-perijodi li matulhom ix-xogħol għandu jitqies li twettaq fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Svizzera tkun applikabbli għall-kumplament, għall-istess raġunijiet spjegati fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

33

Skont it-tieni soluzzjoni prevista, għandu jitqies li x-xogħol twettaq normalment fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, fis-sens tal-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament, u, għalhekk, għandha tiġi applikata r-regola msemmija fl-ewwel sitwazzjoni indikata fl-Artikolu 14(2)(b)(i), soluzzjoni li twassal sabiex tintgħażel l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza, peress li parti mill-attività twettqet hemmhekk.

34

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fatt li, skont l-intestatura tiegħu, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati f’impjieg imħallas, jista’ ma jkunx determinanti, peress li l-Artikolu 14b ta’ dan ir-regolament, li fih jinsabu r-regoli speċjali applikabbli għall-baħrin, ma jinkludi ebda dispożizzjoni applikabbli għal dan il-każ.

35

Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar id-distinzjoni li għandha ssir bejn dan il-każ u dak li fih attività bħala persuna impjegata titwettaq l-ewwel fi Stat Membru u sussegwentement fi Stat Membru ieħor, sitwazzjoni rregolata mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, għaliex, strettament, żewġ attivitajiet ma jistgħu qatt jitwettqu fl-istess ħin mill-istess persuna f’żewġ postijiet differenti. Konsegwentement, l-espressjoni “normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar”, użata fl-imsemmi Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament tkopri wkoll attività li titwettaq suċċessivament fit-territorju ta’ diversi Stati Membri. Issa interpretazzjoni stretta wisq ta’ din l-espressjoni ma tiffavorixxix il-moviment liberu tal-ħaddiema, għaliex timplika li l-ħaddiem mhux koperti mir-regola speċjali msemmija fl-Artikolu 14(2) ikunu suġġetti għall-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament u, minħabba f’hekk, jiġu affaċċjati b’tibdil frekwenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.

36

F’dan il-kuntest, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

a)

Ir-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-regoli li jiddeterminaw il-portata territorjali tar-regoli ta’ determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jinsabu fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli ta’ determinazzjoni huma applikabblli f’każ bħal dan inkwistjoni, li jikkonċerna ħaddiem residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li għandu nazzjonalità Olandiża, f’kull każ, kien preċedentement obbligatorjament affiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa impjegat bħala baħri minn persuna li timpjega stabbilita fl-Isvizzera, itwettaq xogħlu abbord bastiment li jqiegħed il-pajpijiet li jtajjar il-bandiera Panamiża u jwettaq dawn l-attivitajiet, l-ewwel, barra mit-territorju tal-Unjoni (madwar tliet ġimgħat ’il fuq mill-pjattaforma kontinentali tal-Istati Uniti u madwar ġimagħtejn fl-ibħra internazzjonali) u, sussegwentement ’il fuq mill-pjattaforma kontinentali tal-Pajjiżi l-Baxxi (perijodi ta’ xahar u ta’ madwar ġimgħa) u tar-Renju Unit (perijodu ta’ ftit iktar minn ġimgħa), filwaqt li d-dħul li huwa hekk qala’ kien ġie suġġett għall-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul Olandiża?

b)

Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, ir-Regolament KEE Nru 1408/71 japplika biss fil-jiem li matulhom il-persuna kkonċernata taħdem ’il fuq mill-pjattaforma kontinentali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew huwa applikabbli wkoll fil-perijodu preċedenti, li matulu hija ħadmet xi mkien ieħor, barra mit-territorju tal-Unjoni?

2)

Jekk ir-Regolament KEE Nru 1408/71 japplika fir-rigward ta’ ħaddiem bħal dak imsemmi fid-domanda 1.a, dan ir-regolament liema leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet jiddetermina bħala li huma applikabbli?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem impjegat li, bħal L. Kik, huwa ċittadin ta’ Stat Membru li fih jirrisjedi, u li fih id-dħul tiegħu huwa suġġett għat-taxxa, li jaħdem fuq vapur li jinstalla pajpijiet li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz u li jbaħħar f’postijiet differenti tad-dinja, b’mod partikolari fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri, li qabel kien impjegat minn impriża stabbilita fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, li jbiddel il-persuna li timpjegah u issa huwa impjegat minn impriża stabbilita fl-Isvizzera, filwaqt li jibqa’ jirrisjedi fl-istess Stat Membru u jibqa’ jbaħħar fuq l-istess vapur, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, dan ir-regolament japplika, b’mod partikolari, għall-ħaddiema impjegati li huma jew kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċittadini ta’ Stat Membru.

39

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan kien il-każ ta’ L. Kik matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi u kien assigurat, matul dan il-perijodu, mal-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxa minħabba r-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, għalkemm il-kawża prinċipali tirrigwarda l-punt jekk L. Kik kienx jaqa’, matul l-imsemmi perijodu, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi jew taħt il-leġiżlazzjoni Svizzera, ma huwiex madankollu kkontestat li huwa kien suġġett għal waħda jew l-oħra minn dawn il-leġiżlazzjonijiet.

40

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li x-xogħol imwettaq fuq vapur li jinstalla pajpijiet ma jistax jiġi assimilat ma’ xogħol imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru meta dan il-vapur ikun jinsab fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb dan l-Istat Membru.

41

Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 79(4) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jagħti lil Stat kostali hija limitata għall-fili u għall-pajpijiet installati jew użati b’konnessjoni mal-esplorazzjoni tal-blata kontinentali tiegħu jew mal-isfruttament tar-riżorsi tagħha, u għalhekk ma testendix għall-vapur li jwettaq l-installazzjoni ta’ dawn il-fili jew pajpijiet. Barra minn hekk, tali vapur ma jistax jiġi assimilat ma’ “gżira artifiċjali”, “stallazzjoni” jew “struttura” fuq il-blata kontinentali, fis-sens tal-Artikolu 80 ta’ din il-konvenzjoni. Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-pajpijiet installati mill-vapur li fuqu kien qed jaħdem L. Kik matul il-perijodi li fihom kien jinsab fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri kienu intiżi għall-esplorazzjoni tal-blata kontinentali jew għall-isfruttar tar-riżorsi tagħha.

42

Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ L. Kik, il-konstatazzjoni li x-xogħol imwettaq fuq vapur li jinstalla pajpijiet ma jistax jiġi assimilat ma’ xogħol imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru anki meta dan il-vapur ikun jinsab fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb dan l-Istat Membru, waħedha, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-attivitajiet ta’ ħaddiem jitwettqu barra mit-territorju tal-Unjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema meta r-relazzjoni ta’ xogħol iżżomm konnessjoni suffiċjentement stretta ma’ dan it-territorju (sentenza Aldewereld, EU:C:1994:271, punt 14).

43

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li konnessjoni suffiċjentement stretta bejn ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni u t-territorju tal-Unjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li ċittadin tal-Unjoni, residenti fi Stat Membru, ġie rreklutat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li f’isimha huwa jeżerċita l-attivitajiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Petersen, C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 42).

44

Issa kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ix-xogħol imwettaq minn L. Kik matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat minn numru ta’ fatturi ta’ konnessjoni mat-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ma’ dak tal-Konfederazzjoni Svizzera, li hija Stat assimilat ma’ Stat Membru għall-finijiet tar-Regolament Nru 1408/71. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li L. Kik kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi u li l-post ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjegah kien jinsab fl-Isvizzera.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem impjegat li, bħal L. Kik, huwa ċittadin ta’ Stat Membru li fih jirrisjedi, u li fih id-dħul tiegħu huwa suġġett għat-taxxa, li jaħdem fuq vapur li jinstalla pajpijiet li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz u li jbaħħar f’postijiet differenti tad-dinja, b’mod partikolari fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri, li qabel kien impjegat minn impriża stabbilita fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, li jbiddel il-persuna li timpjegah u issa huwa impjegat minn impriża stabbilita fl-Isvizzera, filwaqt li jibqa’ jirrisjedi fl-istess Stat Membru u jibqa’ jbaħħar fuq l-istess vapur, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ li r-Regolament Nru 1408/71 jkun applikabbli għal ħaddiem bħal L. Kik u li għalhekk hemm lok li tingħata risposta għaliha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema hija l-leġiżlazzjoni li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li jinsabu fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament jindikaw li hija applikabbli għal tali ħaddiem.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta persuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar, ir-regola ta’ uniċità stabbilita fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, bħala prinċipju, hija applikabbli u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament (sentenza Aldewereld, EU:C:1994:271, punt 10).

48

Fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu II ma tkopri direttament is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li ġie rreklutat minn impriża tal-Unjoni, iżda li ma jwettaq ebda attività fit-territorju tal-Unjoni, minħabba li jaħdem esklużivament fit-territorju ta’ Stat terz.

49

Ma’ din is-sitwazzjoni, għandha tiġi assimilata dik ta’ ħaddiem li ġie rreklutat minn impriża tal-Unjoni sabiex jaħdem fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz.

50

Dan japplika indipendentement mill-introduzzjoni, sussegwentement għall-perijodu rilevanti fil-kuntest tal-imsemmija sentenza, tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, li skontu persuna li għaliha tieqaf tkun applikabbli l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru mingħajr ma ssir applikabbli għaliha l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tirrisjedi.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-waqfien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li din tal-aħħar ma tiddefinixxix hija stess il-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf tkun applikabbli (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑347/98, EU:C:2001:236, punt 31). Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fil-punt 33 tas-sentenza van Pommeren-Bourgondiën (C‑227/03, EU:C:2005:431), hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet.

52

Fil-fatt, kif speċifikat fl-Artikolu 10b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91, tal-25 ta’ Ġunju 1991 (ĠU L 206, p. 2), id-data u l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf tkun applikabbli għal persuna prevista fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament għandhom jiġu ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.

53

Issa skont il-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru baqgħet applikabbli għal L. Kik matul il-perijodu inkwistjoni kollu. Billi l-kundizzjoni dwar il-waqfien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma hijiex issodisfatta, l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, f’sitwazzjoni bħal din, sakemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ikollha konnessjoni suffiċjentement stretta mat-territorju tal-Unjoni, huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 minbarra l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament li leġiżlazzjoni tiġi indikata li hija applikabbli.

55

Issa kif ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, teżisti konnessjoni suffiċjentement stretta mat-territorju tal-Unjoni f’sitwazzjoni bħal dik ta’ L. Kik.

56

F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’sitwazzjoni bħal din skont ir-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi kkunsidrat li r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 13(2)(ċ) ta’ dan tal-aħħar, li tindika l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera f’dak li jirrigwarda l-baħrin, ma hijiex applikabbli b’analoġija, peress li l-persuna inkwistjoni, f’dan il-każ, hija persuna li taħdem fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz.

57

F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni applikabbli hija dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-elementi ta’ konnessjoni li għandha s-sitwazzjoni kkonċernata mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri (ara s-sentenza Aldewereld, EU:C:1994:271, punt 20).

58

F’dan il-każ, bħal fis-sitwazzjoni prevista fis-sentenza Aldewereld (EU:C:1994:271, punt 21), l-uniċi elementi ta’ konnessjoni ma’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, jew ta’ Stat assimilat, huma r-residenza tal-ħaddiem u l-post li fih hija stabbilita l-persuna li timpjega. Issa kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 22 ta’ dik is-sentenza, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-ħaddiem, fis-sistema tar-Regolament Nru 1408/71, tidher li hija regola anċillari li tapplika biss fil-każ li din il-leġiżlazzjoni jkollha fattur ta’ konnessjoni mar-relazzjoni ta’ xogħol. Għalhekk, meta l-ħaddiem ma jirrisjedix fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li fih iwettaq l-attività tiegħu, hija normalment il-liġi tal-uffiċċju reġistrat jew tal-post tan-negozju tal-persuna li timpjega li tapplika.

59

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-konstatazzjoni hija sostnuta bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li hija dispożizzjoni indikattiva tas-sistema ta’ dan ir-regolament f’dak li jirrigwarda l-persuni li jwettqu xogħol ta’ natura essenzjalment itineranti li jsir f’kundizzjonijiet tali li t-twettiq tiegħu ma jistax jintrabat ma’ post partikolari, li skontha l-leġiżlazzjoni tal-uffiċċju reġistrat jew tal-post tan-negozju tal-persuna li timpjega hija applikabbli għal dawn il-persuni.

60

Fil-fatt, għalkemm, kif jirriżulta mill-intestatura tagħha, din id-dispożizzjoni tinkludi regoli applikabbli għall-persuni li ma humiex baħrin, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik ta’ ħaddiem li jwettaq attività bħala persuna impjegata barra mit-territorju tal-Unjoni fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz, hija paragunabbli ma’ dik tal-persuni koperti direttament mill-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn la l-Istat tal-bandiera u lanqas il-post ta’ xogħol ma għandhom konnessjoni mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

61

Konsegwentement, fis-sitwazzjoni ta’ ħaddiem bħal L. Kik, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija dik tal-Istat Membru jew tal-Istat assimilat li fih l-impriża li timpjega lil dan il-ħaddiem għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tagħha.

62

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni dwar in-natura tal-iskema ta’ assigurazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Svizzera u fid-dawl tal-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, din tal-aħħar hija intiża li tirregola s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem bħal L. Kik matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tipprevedi l-affiljazzjoni ta’ tali ħaddiem ma’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, li magħhom għandha tiġi assimilata l-Konfederazzjoni Svizzera, tinvolvi l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ assigurazzjoni volontarja u ma’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, il-persuna kkonċernata tkun suġġetta esklużivament għall-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

63

Fil-każ li, konformement mar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjega ma tipprevedi l-affiljazzjoni ta’ ħaddiem bħal L. Kik ma’ ebda skema ta’ sigurtà soċjali, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ tali ħaddiem. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament għandhom ukoll l-għan li jimpedixxu li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, minħabba li ma jkunx hemm leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (sentenza van Pommeren-Bourgondiën, EU:C:2005:431, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru, jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, li hija Stat assimilat ma’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li jwettaq attività bħala persuna impjegata fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz barra mit-territorju tal-Unjoni, inkluż fuq il-blata kontinentali ta’ Stat Membru, iżda li huwa impjegat minn impriża stabbilita fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjegah. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fil-każ li, konformement mal-imsemmi regolament, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tinvolvi l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ assigurazzjoni volontarja jew ma tinvolvi l-affiljazzjoni ma’ ebda skema ta’ sigurtà soċjali, dan iċ-ċittadin ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem impjegat li, bħal L. Kik, huwa ċittadin ta’ Stat Membru li fih jirrisjedi, u li fih id-dħul tiegħu huwa suġġett għat-taxxa, li jaħdem fuq vapur li jinstalla pajpijiet li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz u li jbaħħar f’postijiet differenti tad-dinja, b’mod partikolari fuq il-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri, li qabel kien impjegat minn impriża stabbilita fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, li jbiddel il-persuna li timpjegah u issa huwa impjegat minn impriża stabbilita fl-Isvizzera, filwaqt li jibqa’ jirrisjedi fl-istess Stat Membru u jibqa’ jbaħħar fuq l-istess vapur, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru, jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, li hija Stat assimilat ma’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li jwettaq attività bħala persuna impjegata fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz barra mit-territorju tal-Unjoni, inkluż fuq il-blata kontinentali ta’ Stat Membru, iżda li huwa impjegat minn impriża stabbilita fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjegah. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fil-każ li, konformement mal-imsemmi regolament, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tinvolvi l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ assigurazzjoni volontarja jew ma tinvolvi l-affiljazzjoni ma’ ebda skema ta’ sigurtà soċjali, dan iċ-ċittadin ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.