SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Settembru 2014 ( *1 )
“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 3(1)(e) — Rifjut jew invalidità ta’ reġistrazzjoni — Trade mark tridimensjonali — Siġġu tat-tfal li jirregola ruħu ‘Tripp Trapp’ — Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott — Sinjal ikkostitwit mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott”
Fil-Kawża C‑205/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2013, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ April 2013, fil-proċedura
Hauck GmbH & Co. KG
vs
Stokke A/S,
Stokke Nederland BV,
Peter Opsvik,
Peter Opsvik A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis (Relatur), J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Hauck GmbH & Co. KG, minn S. Klos, A. A. Quaedvlieg u S. A. Hoogcarspel, advocaten, |
— |
għal Stokke A/S, Stokke Nederland BV, Peter Opsvik u Peter Opsvik A/S, minn T. Cohen Jehoram u R. Sjoerdsma, advocaten, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Salvatorelli, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, kif ukoll minn B. Czech u J. Fałdyga, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Solnado Cruz, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, u N. Saunders, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F.W. Bulst u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-trade marks”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hauck GmbH & Co. KG, kumpannija rregolata mil-liġi Ġermaniża (iktar ’il quddiem “Hauck”), u Stokke A/S, Stokke Nederland BV, Peter Opsvik u Peter Opsvik A/S (iktar ’il quddiem, “Stokke et”) fir-rigward ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Benelux ta’ sinjal li għandu l-forma ta’ siġġu tat-tfal ikkumerċjalizzat minn Stokke et. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Taħt it-titolu “Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità”, l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks jipprovdi: “Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi: [...]
|
Il-Ftehim Benelux
4 |
L-Artikolu 2.1(2) tal-Ftehim Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), iffirmat f’Den Haag fil‑25 ta’ Frar 2005 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2006, jipprovdi: “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark Benelux: [...] 2. Madankollu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala trade marks is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li hija imposta min-natura stess tal-prodott, li tagħti valur sostanzjali lill-prodott jew li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
5 |
P. Opsvik ħoloq siġġu għat-tfal bl-isem ta’ “Tripp Trapp”. Dan is-siġġu huwa kompost minn sostenni angolati li fuqhom huma ffissati l-elementi kollha tas-siġġu kif ukoll sostenni u travi f’forma ta’ “L”, li, skont il-qorti tar-rinviju, jagħtuh livell għoli ta’ oriġinalità. Id-disinn ta’ dan is-siġġu ġie ppremjat numru ta’ drabi, kien suġġett għal eloġji u ġie ppreżentat fil-mużewijiet. Mis-sena 1972, is-siġġijiet “Tripp Trapp” tqiegħdu fis-suq minn Stokke et, fuq kollox fis-suq Skandinavu u, mis-sena 1995, fis-suq Olandiż. |
6 |
Hauck tiffabbrika, tiddistribwixxi u tbigħ prodotti għat-tfal, fosthom siġġijiet li għalihom tirreferi bħala “Alpha” u “Beta”. |
7 |
Fit‑8 ta’ Mejju 1998, Stokke A/S ippreżentat fi ħdan l-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta l-forma tas-siġġu għat-tfal “Tripp Trapp”. It-trade mark ġiet irreġistrata f’isimha għal “siġġijiet, u b’mod partikolari siġġijiet għat-tfal” u tikkonċerna l-forma rrappreżentata hawn taħt:
|
8 |
Fil-Ġermanja, fil-kuntest ta’ proċedura oħra bejn Stokke et u Hauck, l-Oberlandesgericht Hamburg ammettiet, permezz ta’ sentenza li saret res judicata, li s-siġġu “Tripp Trapp” kien igawdi minn protezzjoni taħt id-dritt tal-awtur Ġermaniż u li s-siġġu “Alpha” kien jikser din il-protezzjoni. |
9 |
Fil-Pajjiżi l-Baxxi, Stokke et ippreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank ’s‑Gravenhage fejn sostnew li l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tas-siġġijiet “Alpha” u “Beta” kienu jiksru d-drittijiet tal-awtur li jirriżultaw mis-siġġu “Tripp Trapp” kif ukoll it-trade mark Benelux tagħhom, u talbu d-danni għal tali ksur. Għad difiża tagħha, Hauck għamlet kontrotalba għall-annullament tat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata minn Stokke A/S. |
10 |
Ir‑Rechtbank ’s‑Gravenhage laqa’ bis-sħiħ it-talbiet ta’ Stokke et sa fejn dawn kienu bbażati fuq id-drittijiet tagħhom ta’ operat. Madankollu, huwa laqa’ t-talba għal annullament tal-imsemmija trade mark. |
11 |
Hauck ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te’s‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi). Fis-sentenza tiegħu, huwa kkunsidra li s-siġġu “Tripp Trapp” kien suġġett għal protezzjoni taħt id-dritt tal-awtur u li s-siġġijiet “Alpha” u “Beta” kienu jaqgħu taħt il-portata ta’ din il-protezzjoni. Għaldaqstant il‑Gerechtshof te’s‑Gravenhage kkonkluda li, bejn is-snin 1986 u 1999, Hauck kienet kisret id-drittijiet tal-awtur ta’ Stokke et. |
12 |
Madankollu l-Gerechtshof te’s‑Gravenhage qies li l-aspett attraenti tas-siġġu “Tripp Trapp” jagħti valur sostanzjali għall-prodott inkwistjon u li l-forma tiegħu hija ddeterminata min-natura nnifisha tal-prodott jiġifieri siġġu għat-tfal sigur, komdu u ta’ kwalità. B’hekk, skont il-Gerechtshof te’s‑Gravenhage, it-trade mark kontenzjuża hija sinjal esklużivament ikkostitwita minn forma li tissodisfa r-raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(1)(e), tad-Direttiva dwar it-trade marks. Għalhekk din il-qorti ddeċidiet li r-Rechtbank ’s‑Gravenhage ġustament kien invalida l-imsemmija trade mark tridimensjonali. |
13 |
Quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, Hauck ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof te’s‑Gravenhage u Stokke et ippreżentaw appell inċidentali fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-Hoge Raad der Nederlanden ċaħad l-appell ta’ kassazzjoni, iżda qies li l-appell inċidentali jinvolvi l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks, li, sa llum, ma jirriżultawx li ġew interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
15 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks għandux jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni jistax japplika biss għal sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma indispensabbli għall-funzjoni tal-prodott jew ukoll għal sinjal esklużivament ikkostitwit minn forma li tippreżenta karatteristika jew numru ta’ karatteristiċi ta’ użu essenzjali ta’ dan il-prodott, li l-konsumatur jista’ eventwalment ifittex fil-prodotti tal-kompetituri. |
16 |
Skont din id-dispożizzjoni, tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura nnifisha tal-prodott jew jekk dawn jiġu rreġistrati, jistgħu jiġu ddikjarati invalidi. |
17 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jeħtieġ li r-raġunijiet differenti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar it-trade marks jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali wara kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 25 sa 27, kif ukoll Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 77). |
18 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-ratio wara r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti f’din id-dispożizzjoni tikkonsisti f’li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade marks twassal sabiex taħti lill-proprjetarju tagħha monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jkunu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri [sentenza Philips, EU:C:2002:377, punt 78, u, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), dispożizzjoni li hija essenzjalment identika għall-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks, sentenza Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43]. |
19 |
L-għan immedjat tal-projbizzjoni li jiġu rreġistrati l-forom purament funzjonali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks jew li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott, fis-sens tat-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, huwa li jiġi evitat li d-dritt esklużiv u permanenti wara l-għoti ta’ trade mark jista’ jservi sabiex jiġu fis-seħħ, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet oħra li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jissuġġetta għal termini perentorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punt 45). |
20 |
B’hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks għandu l-istess għan bħal dak imfittex mit-tieni u mit-tielet inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, dan l-ewwel inċiż għandu jingħata interpretazzjoni konkordanti. |
21 |
Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, applikazzjoni korretta tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkonċernat, jiġifieri l-iktar elementi importanti tiegħu, jiġu debitament identifikati skont il-każ, billi tibbaża ruħha fuq l-impressjoni globali li tirriżulta mis-sinjal jew fuq eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu dan is-sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punti 68 sa 70). |
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks ma tistax tapplika meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tikkonċerna forma ta’ prodott li fih element ieħor, bħal element ornamentali jew ta’ fantasija, li ma huwiex inerenti għall-funzjoni ġenerali tal-prodott, ikollu rwol importanti jew essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punti 52 u 72). |
23 |
B’hekk, interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, li dan japplika biss għal sinjali esklużivament ikkostitwiti minn forom indispensabbli għall-funzjoni tal-prodott ikkonċernat, li ma jħallu ebda marġni lill-produttur ikkonċernat sabiex jagħmel kontribut personali essenzjali, ma jippermettix lir-raġuni għal rifjut, previst fih, li jissodisfa l-għan tiegħu għal kollox. |
24 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex tillimita din ir-raġuni għal rifjut għall-prodotti msejħa “naturali”, li ma għandhomx sostitut, jew għall-prodotti msejħa “rregolati”, li l-forma tagħhom hija preskritta minn regoli, filwaqt li s-sinjali kkostitwiti mill-forom li jirriżultaw minn tali prodotti ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu rreġistrati minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv tagħhom. |
25 |
Min-naħa l-oħra, fl-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ “għamla [forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [prodotti] nnifishom” ifisser li r-reġistrazzjoni tal-forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom huma inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott għandha wkoll, bħala prinċipju, tiġi rrifjutata. |
26 |
Hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, iż-żamma ta’ tali karatteristiċi għall-benefiċċju ta’ operatur ekonomiku wieħed jostakola lil impriżi kompetituri milli jagħtu lill prodotti tagħhom forma li tkun utli għall-użu tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma karatteristiċi essenzjali li l-konsumatur jista’ jfittex fil-prodotti tal-kompetituri ġaladarba dawn il-prodotti jkunu intiżi jissodisfaw funzjoni identika jew simili. |
27 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal sinjal esklużivament ikkostitwit mill-forma ta’ prodott li jippreżenta karatteristika jew numru ta’ karatteristiċi ta’ użu essenzjali u inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott, li l-konsumatur jista’ eventwalment ifittex fil-prodotti tal-kompetituri. |
Fuq it-tieni domanda
28 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trademarks għandux jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott li għandu numru ta’ karatteristiċi li jistgħu jagħtuh valuri sostanzjali differenti u jekk, f’din l-evalwazzjoni, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-forma tal-prodotti mill-pubbliku rilevanti. |
29 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji espressi mill‑Hoge Raad der Nederlanden għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni joriġinaw miċ-ċirkustanza li, skontu, il-forma tas-siġġu “Tripp Trapp” tagħti valur estetiku importanti lilu meta, fl-istess waqt, dan il-prodott jippreżenta karatteristiċi oħra, ta’ sigurtà, ta’ kumdità u ta’ kwalità li jagħtuh valuri essenzjali għall-funzjoni tiegħu. |
30 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-forma titqies li tagħti valur sostanzjali lill-prodott ma jeskludix li karatteristiċi oħra tal-prodott jistgħu jagħtuh ukoll valur importanti. |
31 |
B’hekk, l-għan li jiġi evitat li d-dritt esklużiv u permanenti li jagħti trade mark jista’ jservi sabiex jingħata lok, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, għal drittijiet oħra li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jissuġġetta għal termini perentorji jirrikjedi, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks ma tiġix awtomatikament eskluża meta, barra mill-funzjoni estetika tiegħu, il-prodott ikkonċernat jiżgura wkoll funzjonijiet essenzjali oħra. |
32 |
Fil-fatt, il-kunċett ta’ “għamla [forma] li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott]” ma jistax jiġi limitat biss għall-forma ta’ prodotti li għandhom esklużivament valur artistiku jew ornamentali, bir-riskju li ma jiġux koperti l-prodotti li għandhom, minbarra element estetiku importanti, karatteristiċi funzjonali essenzjali. F’dan l-aħħar każ, id-dritt mogħti mit-trade mark lill-proprjetarju tagħha jagħti monopolju fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti, liema fatt jipprekludi l-imsemmi raġuni għal rifjut milli tissodisfa l-għan tagħha bis-sħiħ. |
33 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-effett fuq il-pubbliku rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva dwar it-trade marks, fejn il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha imperattivament tittieħed inkunsiderazzjoni peress li hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal ippreżentat sabiex ikun irreġistrat bħala trade mark jippermettix li ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala provenjenti minn impriża partikolari, tali obbligu ma jistax jiġi impost fil-kuntest tal-paragrafu (e) ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punt 75). |
34 |
Il-perċezzjoni preżunta tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fit-tielet inċiż ta’ din l-aħħar dispożizzjoni iżda tista’, l-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punt 76). |
35 |
F’dan ir-rigward, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ta’ evalwazzjoni oħra bħan-natura tal-kategorija kkonċernata tal-prodotti, il-valur artistiku tal-forma inkwistjoni, il‑partikolarità ta’ din il-forma meta mqabbla ma’ forom oħra ġeneralment ippreżentati fis-suq ikkonċernat, id-differenza notevoli tal-prezz meta mqabbel ma’ prodotti simili jew l-implementazzjoni ta’ strateġija promozzjonali li tenfasizza l-karatteristiċi estetiċi tal-prodott inkwistjoni. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista għal din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott li għandu numru ta’ karatteristiċi li jistgħu jagħtuh valuri sostanzjali differenti. Il-perċezzjoni tal-forma tal-prodott mill-pubbliku rilevanti jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tar-raġuni għal rifjut inkwistjoni. |
Fuq it-tielet domanda
37 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks għandux jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni jistgħux jiġu applikati flimkien. |
38 |
Skont din id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata jew tista’ tiġi ddikjarata invalida jekk jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott, mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku u mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott. |
39 |
Minn dan il-kliem jirriżulta b’mod ċar li t-tliet raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-imsemmija dispożizzjoni huma ta’ natura awtonoma. Fil-fatt, iċ-ċitazzjoni suċċessiva tagħhom kif ukoll l-użu tal-kelma “esklussivament” jimplikaw li kull waħda minnhom għandhom japplikaw indipendentement mill-oħra. |
40 |
B’hekk, jekk wieħed biss mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks jiġi sodisfatt, is-sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott, jew saħansitra rappreżentazzjoni grafika ta’ din il-forma, ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark (sentenzi Philips, EU:C:2002:377, punt 76, u Benetton Group, C‑371/06, EU:C:2007:542, punt 26, it-tielet inċiż). |
41 |
F’dan ir-rigward, huwa mingħajr effett li dan is-sinjal jista’ jiġi rrifjutat abbażi ta’ numru ta’ raġunijiet għal rifjut, ġaladarba wieħed biss minn dawn ir-raġunijiet japplika għal kollox għall-imsemmi sinjal. |
42 |
Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ interess ġenerali wara l-applikazzjoni tat-tliet raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trade marks jostakola r-rifjut ta’ reġistrazzjoni meta ebda waħda minn dawn it-tliet raġunijiet ma tkun għal kollox applikabbli. |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva dwar it-trademarks għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux jiġu applikati flimkien. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.