Kawża C‑204/13

Finanzamt Saarlouis

vs

Heinz Malburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis — Xoljiment ta’ kumpannija minn membru — Xiri ta’ parti mill-klijentela ta’ din il-kumpannija — Trasferiment in natura f’kumpannija oħra — Ħlas tat-taxxa tal-input — Tnaqqis possibbli”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis – Xiri minn wieħed mill-membri ta’ parti mill-klijentela ta’ kumpannija bl-iskop li titpoġġa liberament għad-dispożizzjoni ta’ kumpannija ġdida – Dritt għal tnaqqis – Assenza – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Inapplikabbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2(1), 4(1) u (2), u 17(2)(a))

L-Artikoli 4(1) u (2) kif ukoll 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandhom, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jiġu interpretati fis-sens li membru ta’ kumpannija ta’ konsulenza fiskali li jakkwista mingħand din il-kumpannija parti mill-klijentela bl-uniku skop li jpoġġiha direttament u liberament għad-dispożizzjoni ta’ kumpannija ġdida ta’ konsulenza fiskali rregolata mid-dritt ċivili, li dan ikun il-membru prinċipali tagħha, sabiex din tuża l-klijentela msemmija għal skopijiet professjonali, madankollu mingħajr ma din tidħol fil-patrimonju tal-kumpannija l-ġdida, ma għandux dritt li jnaqqas it-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud imħallsa fuq l-akkwist tal-klijentela inkwistjoni.

Fil-fatt, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-klijentela lill-kumpannija l-ġdida huwa liberu u għalhekk ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, li jirrigwarda biss il-kunsinni u s-servizzi pprovduti b’korrispettiv, u lanqas ta’ dak tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva li jirrigwarda l-użu ta’ beni fiżiċi jew mhux fiżiċi bil-għan li jinkiseb dħul ta’ natura permanenti.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa rifless fis-sistema tat-tnaqqis, liema sistema għandha l-għan li teħles b’mod sħiħ lill-imprenditur mill-piż tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Għaldaqstant, is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tiggarantixxi li l-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet u mir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni iżda li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess suġġetti għall-taxxa fuq il-valur miżjud, jiġu intaxxati b’mod għal kollox newtrali. B’hekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma japplikax għal sitwazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni libera tal-klijentela lil kumpannija li ma hijiex operazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud.

(ara l-punti 36, 41, 42, 47 u d-dispożittiv)