SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Universitajiet — Għalliema assoċjati — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Klawżola 5(1) — Miżuri li huma intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat — Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw tali kuntratti — Klawżola 3 — Kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat’ — Sanzjonijiet — Dritt għal kumpens — Differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat”
Fil-Kawża C‑190/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2013, fil-proċedura
Antonio Márquez Samohano
vs
Universitat Pompeu Fabra,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Universitat Pompeu Fabra, minn E. Arranz Serrano, avukat, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 3 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Márquez Samohano u l-persuna li timpjegah, l-Universitat Pompeu Fabra (iktar ’il quddiem l-“UPF”), dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol li jorbtuh ma’ din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, li hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, itejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. |
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) anness[...] hawn”. |
5 |
It-tieni u t-tielet paragrafi tal-preambolu tal-ftehim qafas huma fformulati kif ġej: “Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema. Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [għal żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.” |
6 |
Il-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jipprovdu kif ġej:
[...]
|
7 |
Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ l-impjieg għal terminu fiss suċċessivi. |
8 |
Il-Klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]” tipprovdi, fil-paragrafu 1 tagħha, li dan japplika għal ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattiki fis-seħħ f’kull Stat Membru. |
9 |
Il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi: “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim
|
10 |
Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tagħha tipprovdi: “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.” |
11 |
Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprevedi:
|
Id-dritt Spanjol
Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-universitajiet
12 |
L-Artikolu 48 tal-Liġi Organika 6/2001 dwar l-universitajiet (Ley Orgánica 6/2001 de Universidades), tal-21 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 307, tal-24 ta’ Diċembru 2001, p. 49400), kif emendata bil-Liġi Organika 7/2007, tat-12 ta’ April 2007 (BOE Nru 89, tat-13 ta’ April 2007, iktar ’il quddiem il-“Liġi 6/2001”), tipprevedi: “1. L-universitajiet jistgħu jirreklutaw persunal li jgħallem u li jagħmel riċerka taħt is-sistema kuntrattwali skont il-modalitajiet ta’ reklutaġġ speċifiċi għas-settur universitarju li jinsabu ddefiniti f’din il-liġi jew skont il-modalitajiet previsti fir-Regolament tal-Ħaddiema [(Estatuto de los Trabajadores)] għas-sostituzzjoni ta’ ħaddiema li għandhom dritt għaż-żamma tal-impjieg tagħhom. Huma jistgħu wkoll jirreklutaw persunal li jagħmel riċerka, persunal tekniku jew persunal ieħor permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal kompitu jew servizz partikolari, bl-għan li jitwettqu proġetti ta’ riċerka xjentifika jew teknika. Barra minn hekk l-universitajiet jistgħu jaħtru professuri emeritus, bil-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi. 2. Il-modalitajiet ta’ reklutaġġ permezz ta’ kuntratt li huma speċifiċi għas-settur universitarju huma dawk li jikkonċernaw l-istatuti ta’ assistent, ta’ lekċerer għal żmien determinat, ta’ lekċerer għal żmien indeterminat, ta’ għalliem assoċjat u ta’ għalliem mistieden. Is-sistema tal-modalitajiet ta’ reklutaġġ permezz ta’ kuntratt imsemmija iktar ’il fuq hija dik stabbilita b’din il-liġi u bid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha; b’mod addizzjonali, ser jiġi applikat it-test rivedut tal-Liġi li tistabbilixxi Regolament tal-Ħaddiema [(Ley del Estatuto de los Trabajadores)], approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995 [(BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654)], u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha. [...]” |
13 |
Skont l-Artikolu 53 tal-Liġi 6/2001, intitolat “Għalliema assoċjati”: “Ir-reklutaġġ ta’ għalliema assoċjati għandu jseħħ b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
|
14 |
L-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali 898/1985, dwar is-sistema tal-korp tal-għalliema tal-università (Real Decreto 898/1985 sobre régimen del profesorado universitario), tat-30 ta’ April 1985 (BOE Nru 146, tad-19 ta’ Ġunju 1985, p. 18927), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi: “Artikolu 20. Għalliema assoċjati 1. L-universitajiet jistgħu jirreklutaw b’mod temporanju, full-time jew part-time, bil-kundizzjonijiet previsti fl-istatuti tagħhom u b’osservanza tal-previżjonijiet baġitarji, għalliema assoċjati fost l-ispeċjalisti b’kompetenza rikonoxxuta li normalment jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra mill-università. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, eżerċizzju normali tal-attività professjonali għandha tinftiehem bħala l-eżerċizzju, barra mill-qasam universitarju, ta’ kull attività professjonali mħallsa li tippermetti li jsir użu mid-diploma li l-persuna kkonċernata jkollha għal perijodu minimu ta’ tliet snin matul il-ħames snin ta’ qabel ir-reklutaġġ tagħha minn università bħala għalliem assoċjat. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, u fil-kundizzjonijiet kollha previsti mill-istatuti jekk ikun il-każ, l-universitajiet jistgħu jirreklutaw persuni ta’ kompetenza rikonoxxuta. [...] 9. L-istatuti tal-universitajiet għandhom jiffissaw it-tul massimu ta’ dawn il-kuntratti, jekk dawn jistgħux jiġġeddu jew le, il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jsir tiġdid suċċessiv jekk ikun il-każ, u n-numru massimu ta’ tiġdidiet. [...] 10. L-osservanza taż-żmien previst fil-kuntratt timplika t-tmiem awtomatiku tiegħu mingħajr ma tkun meħtieġa terminazzjoni minn qabel, sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu minn qabel dwar it-tiġdid tal-kuntratt għall-perijodu awtorizzat mill-istatuti jew għal perijodu inqas twil. 11. It-tmiem tal-kuntratt tal-għalliema assoċjati fl-iskadenza taż-żmien miftiehem ma jagħti dritt għal ebda kumpens, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-istatuti. [...] 15. Il-kuntratti tal-għalliema assoċjati jiġu fi tmiemhom mhux biss fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, iżda wkoll meta l-għalliem ingaġġat jilħaq l-età tal-irtirar, kif ukoll għal kull raġuni oħra possibbilment prevista fl-istatuti li ma tkunx tikkostitwixxi abbuż ta’ liġi.” |
15 |
Il-Liġi 1/2003 dwar l-universitajiet tal-Cataluña (Ley 1/2003 de Universidades de Cataluña), tad-19 ta’ Frar 2003 (BOE Nru 60, tal-11 ta’ Marzu 2003, p. 9404), tipprovdi: “Artikolu 43. Kompożizzjoni 1. Il-korp tal-għalliema universitarji għandu jkun kompost mill-persunal li jgħallem fl-università u mill-persunal ingaġġat b’mod permanenti jew temporanju, skont il-kategoriji previsti b’din il-liġi. 2. Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, l-universitajiet għandhom jiggarantixxu l-identiċità tad-drittijiet bejn il-persunal ingaġġat b’mod permanenti u l-persunal li jgħallem fl-università, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni bażika tal-Istat. Artikolu 44. L-għalliema ingaġġati 1. L-għalliema ingaġġati b’mod permanenti huma l-professuri, il-professuri superjuri u l-assistenti lekċerers permanenti. 2. Jaqgħu taħt il-kategorija tal-għalliema ingaġġati b’mod temporanju, il-lekċerers, l-assistenti lekċerers, il-professuri assoċjati, il-professuri mistiedna u l-professuri emeritus. [...] Artikolu 50. L-għalliema assoċjati L-għalliema assoċjati għandhom jiġu ingaġġati fil-kuntest ta’ ingaġġar part-time, ta’ natura temporanja u kuntrattwali, fost l-ispeċjalisti ta’ kompetenza rikonoxxuta li jistgħu jagħtu prova li dawn jeżerċitaw l-attività professjonali barra mill-università, sabiex iwettqu kompiti ta’ tagħlim fi ħdan l-università. Huma għandhom ikollhom kapaċità li jgħallmu full-time fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom.” |
16 |
L-istatuti tal-Universitat Pompeu Fabra, approvati permezz tad-Digriet 209/2003, tad-9 ta’ Settembru 2003 (BOE Nru 266, tas-6 ta’ Novembru 2003, p. 39397), u emendati permezz tal-Ftehim GOV/203/2010, tad-9 ta’ Novembru 2010, jipprovdu: “Titolu 6. Persunal li jgħallem [...] Kapitolu 2. Korp tal-għalliema Artikolu 93. Sistema legali 93.1. Il-korp tal-għalliema fl-[UPF] huwa rregolat bil-Liġi [6/2001] u bid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha, b’kull dispożizzjoni adottata mill-Generalitat tal-Cataluña, bil-liġi ġenerali dwar l-uffiċjali, bl-istatuti preżenti u bid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom. 93.2. L-għalliema ingaġġati huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi [6/2001], tal-Liġi [1/2003, tad-19 ta’ Frar 2003,] dwar l-universitajiet tal-Cataluña u għad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom; b’mod komplementari, japplika r-Regolament tal-Ħaddiema u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu, l-istatuti preżenti u l-ftehim kollettiv applikabbli. [...] Taqsima 1. L-għalliema rreklutati Artikolu 101. Kategoriji u tul tal-kuntratti [...] 101.3. L-għalliema assoċjati għandhom jiġu rreklutati fil-kuntest ta’ ingaġġ part‑time u b’mod temporanju fost speċjalisti b’kompetenza rikonoxxuta li jistgħu jagħtu prova li huma jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra mill-qasam universitarju, sabiex iwettqu kompiti ta’ tagħlim partikolari. Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi għaż-żmien stabbilit mil-Liġi [6/2001], u jistgħu jiġġeddu għal perijodi tal-istess tul, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet relattivi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali jibqgħu jeżistu.” |
17 |
L-Artikolu 16(3) tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-għalliema u r-riċerkaturi tal-universitajiet pubbliċi Katalani għall-perijodu bejn l-10 ta’ Ottubru 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2009 jistipula: “F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju tal-attività professjonali sabiex wieħed ikun jista’ jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ għalliema assoċjati, din il-kundizzjoni titqies bħala sodisfatta meta l-kandidati jagħtu prova li eżerċitaw attività professjonali għal tal-inqas sentejn matul l-aħħar erba’ snin, ma’ ħaddieħor jew għal rashom, jew skont kull modalità oħra alternattiva li dwarha kull università tista’ taqbel mal-kunsill tax-xogħol korrispondenti.” |
Il-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għall-ħaddiema għal żmien determinat
18 |
L-Artikolu 15(3) u (5) tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar ir-Regolament tal-Ħaddiema, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet-Liġi Irjali 10/2010, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għar-riforma tas-suq tax-xogħol (Real Decreto-ley 10/2010, de medidas urgentes para la reforma del mercado de trabajo), tas-16 ta’ Ġunju 2010 (BOE Nru 147, tas-17 ta’ Ġunju 2010, p. 51699, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Ħaddiema”), fis-seħħ sa mit-18 ta’ Ġunju 2010, jipprovdi: “3. Il-kuntratti temporanji konklużi b’evażjoni tal-liġi għandhom jiġu preżunti konklużi għal żmien indeterminat. [...] 5. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1(a), 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-ħaddiema li ġew ingaġġati, bi jew mingħajr interruzzjoni, għal tul ta’ iktar minn [24] xahar fuq perijodu ta’ [30] xahar, sabiex jokkupaw pożizzjoni tax-xogħol identika jew differenti fi ħdan l-istess impriża jew l-istess grupp ta’ impriżi, billi jkunu kkonkludew tal-inqas żewġ kuntratti temporanji, sew jekk b’mod dirett jew permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom minn aġenziji ta’ xogħol temporanju, skont modalitajiet kuntrattwali għal żmien determinat identiċi jew differenti, jiksbu l-istatus ta’ ħaddiema permanenti. [...]” |
19 |
Il-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, intitolata “Applikazzjoni tal-limiti tat-tul għall-kuntratt għal kompitu jew servizz partikolari u għall-kuntratti suċċessivi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi”, kif emendata bl-Artikolu 1(6) tal-Liġi 35/2010, tas-17 ta’ Settembru 2010, li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għar-riforma tas-suq tax-xogħol (BOE Nru 227, tat-18 ta’ Settembru 2010, p. 79326), li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Settembru 2010, tipprovdi: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(a), fil-qasam tat-tul massimu tal-kuntratt għal kompitu jew servizz partikolari, u tal-Artikolu 15(5), dwar il-limiti applikabbli għall-kuntratti suċċessivi, ta’ din il-liġi, jipproduċu effetti fir-rigward tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-korpi pubbliċi li għandhom rabtiet magħhom jew li jiddependu fuqhom, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza fl-aċċess għall-impjieg pubbliku, b’mod li dan ma jkunx ta’ ostakolu għall-obbligu li jimlew il-pożizzjonijiet inkwistjoni permezz tal-proċeduri ordinarji, skont id-dispożizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli. F’din il-perspettiva, il-ħaddiem iżomm il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa sa kemm din tingħata b’applikazzjoni tal-proċeduri msemmija iktar ’il fuq, li jimmarka t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, sakemm l-imsemmi ħaddiem ma jiksibx impjieg pubbliku billi jkun għadda mill-proċedura ta’ selezzjoni korrispondenti. [...] 3. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu applikabbli għall-kuntratti suċċessivi previst fl-Artikolu 15(5), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kuntratti konklużi taħt il-ġurisdizzjoni ta’ kull waħda mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’esklużjoni, għal dawn l-għanijiet, tal-korpi pubbliċi, aġenziji u entitajiet oħra rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom personalità ġuridika proprja, marbuta ma’ jew dipendenti fuq dawn tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 15(5) ma humiex applikabbli fir-rigward tal-modalitajiet partikolari tal-kuntratt ta’ xogħol imsemmija fil-Liġi [6/2001] jew fi kwalunkwe regola oħra li għandha status ta’ liġi.” |
20 |
Permezz tad-Digriet Liġi Irjali 3/2012, li jistabbilixxi miżuri ta’ urġenza għar-riforma tas-suq tax-xogħol (Real Decreto-ley 3/2012 de medidas urgentes para la reforma del mercado laboral), tal-10 ta’ Frar 2012, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Ħaddiema ġiet sospiża sal-31 ta’ Diċembru 2012. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 |
A. Márquez Samohano ffirma, mal-UPF, kuntratt ta’ xogħol sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ għalliem assoċjat part-time għall-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Settembru 2008 u d-29 ta’ Settembru 2009. Dan il-kuntratt ġie mġedded tliet darbiet, l-ewwel sal-21 ta’ Settembru 2010, imbagħad sal-21 ta’ Settembru 2011 u, fl-aħħar nett, sat-28 ta’ Lulju 2012. Matul ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħinijiet tax-xogħol tal-persuna kkonċernata ġew mibdula sakemm laħqu s-sitt sigħat fil-ġimgħa fl-aħħar kuntratt ta’ xogħol konkluż. |
22 |
Fid-29 ta’ Ġunju 2012, l-UPF informat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li l-funzjonijiet tiegħu ser jiġu fi tmiemhom fit-28 ta’ Lulju 2012. |
23 |
F’din l-aħħar data, l-imsemmi rikorrent ippreżenta talba għat-tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
24 |
Fid-29 ta’ Lulju 2012, ir-rettur tal-UPF informa lil A. Márquez Samohano li r-relazzjoni ta’ xogħol ġiet fi tmiemha dakinhar stess, peress li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat kien skada, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53 tal-Liġi 6/2001 kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali 898/1985, u li la r-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata u lanqas l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt ma kienu, konsegwentement, ivvizzjati b’irregolaritajiet. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali kkonkluda l-ewwel kuntratt ta’ xogħol tiegħu, huwa ffirma dikjarazzjoni li skontha huwa kellu l-intenzjoni jikkonċilja l-eżerċizzju ta’ attività ta’ għalliem assoċjat ma’ dak ta’ attività professjonali fis-settur privat. Sussegwentement, A. Márquez Samohano ma ffirmax dikjarazzjonijiet oħra u qatt ma ġie mistoqsi dwar dan is-suġġett. Huwa informa wkoll lis-superjuri tiegħu li l-funzjonijiet li huwa kien qiegħed jeżerċita fl-università kienu jikkostitwixxu l-attività prinċipali tiegħu. |
26 |
Fit-13 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, quddiem il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona, azzjoni kontra l-UPF, li permezz tagħha huwa talab l-annullament tat-tkeċċija tiegħu jew, b’mod sussidjarju, il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ fondatezza tagħha. Essenzjalment, l-imsemmi rikorrent isostni li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u t-tiġdidiet ulterjuri ta’ dan tal-aħħar huma irregolari u ġew konklużi b’evażjoni tal-liġi, minħabba li, minn naħa, il-kundizzjonijiet legali li jippermettu r-reklutaġġ tiegħu bħala għalliem assoċjat ma kinux sodisfatti u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma kinux preżenti. |
27 |
Fid-deċiżjoni ta’ rinviju, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona tikkonstata li, b’differenza mil-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-universitajiet, b’mod partikolari l-Artikolu 53 tal-Liġi 6/2011, fir-rigward tar-reklutaġġ tal-għalliema assoċjati ma tinkludi ebda miżura legali ekwivalenti sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Din il-leġiżlazzjoni lanqas ma tipprevedi raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti u la timponi tul massimu totali u lanqas in-numru ta’ tiġdidiet tal-imsemmija kuntratti. B’mod partikolari, l-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Ħaddiema, li jgħid li l-ħaddiema ingaġġati għal iktar minn 24 xhur fuq perijodu ta’ 30 xahar jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma huwiex applikabbli għal din il-kawża. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-universitajiet għaldaqstant tidher li hija inkompatibbli mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas. |
28 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fis-settur privat, meta kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikun illegali, kemm minħabba użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi jew minħabba evażjoni tal-liġi, li jfisser, skont l-Artikolu 15(3) u (5) tar-Regolament tal-Ħaddiema, li dan il-kuntratt jitqies li huwa konkluż għal żmien indeterminat, ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ ssir rexissjoni tagħha mill-persuna li timpjega biss jekk issir tkeċċija bi ħlas ta’ kumpens statutorju. Għall-kuntrarju, fis-settur pubbliku, f’sitwazzjoni simili, fid-dawl tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza li għalihom huwa suġġett l-aċċess għall-impjieg pubbliku, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat hekk stabbilita tista’, skont l-Artikolu 1(2) tal-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, tiġi fi tmiemha, mingħajr il-ħlas ta’ ebda kumpens, minħabba li l-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem ikkonċernat tkun imtliet jew tneħħiet. Għalhekk, il-ħaddiema “għal żmien indeterminat” (“por tiempo indefinido”) tas-settur pubbliku b’hekk ma jistgħux jiġu assimilati ma’ ħaddiema “permanenti” (“fijos”) ta’ dan is-settur, liema ħaddiema, bħala ħaddiema ingaġġati mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, jibbenefikaw mill-istess drittijiet, fir-rigward tal-effetti tal-iskadenza tal-kuntratti ta’ xogħol, bħall-ħaddiema għal żmien indeterminat tas-settur privat. L-ewwel tip ta’ ħaddiema msemmija, ikklassifikati bħala “ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti” għaldaqstant huma, fil-verità, ittrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema għal żmien determinat. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti” ma jikkorrispondix għad-definizzjoni tal-“ħaddiem għal terminu fiss [żmien indeterminat]” li tinsab fil-Klawżola 3 tal-ftehim qafas, peress li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ tali ħaddiem tiġi fi tmiemha meta jseħħ avveniment partikolari. Konsegwentement, tqum mistoqsija dwar jekk ħaddiem li jaqa’ taħt l-imsemmi kunċett għandux jiġi ttrattat, f’dak li jikkonċerna d-dritt għall-benefiċċju ta’ kumpens fil-każ ta’ rexissjoni unilaterali tar-relazzjoni ta’ xogħol mill-persuna li timpjega, bl-istess mod bħal ħaddiem permanenti tas-settur pubbliku jew bħal ħaddiem għal żmien indeterminat tas-settur privat. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 5 tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jġeddu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi mal-għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitazzjoni f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti. |
32 |
Il-Gvern Spanjol isostni li din id-domanda hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet. |
33 |
Minn naħa, din ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, fit-talba tiegħu mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, kulma għamel ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien li sostna li l-kuntratti ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat ġew konklużi b’evażjoni tal-liġi, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Ħaddiema, minħabba li l-kundizzjonijiet legali li jippermettu r-reklutaġġ tiegħu bħala għalliem assoċjat ma kinux sodisfatti u minħabba li ċ-ċirkustanzi previsti bil-liġi sabiex ikun jista’ jiġi konkluż kuntratt għal żmien determinat ma kinux preżenti. Issa, l-evażjoni tal-liġi ma taqax fl-iskop tal-ftehim qafas. |
34 |
Min-naħa l-oħra, il-ftehim qafas ma huwiex applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema assoċjati. Fil-fatt, f’dan il-każ ma jeżisti ebda ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli, fis-sens tal-Klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż ma’ għalliem assoċjat ma jistax, min-natura tiegħu stess, isir b’mod abbużiv, fis-sens tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas. Fil-fatt, billi l-attività ta’ tali għalliem hija aċċessorja għal attività esterna ta’ speċjalist b’kompetenza rikonoxxuta, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fl-ebda każ ma jista’ jqiegħed lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà. |
35 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca, C‑290/12, punt 29). |
36 |
Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, tkun xi tkun il-formulazzjoni tad-domanda magħmula quddiem il-qorti tar-rinviju mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li dan tal-aħħar ikkonkluda numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, li huma preċiżament is-suġġett tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas. L-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola għaldaqstant tista’ manifestament tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni li tgħid li għalliem assoċjat, bħalma huwa l-imsemmi rikorrent, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas tikkonċerna r-risposta dwar il-mertu għad-domanda magħmula u mhux l-ammissibbiltà ta’ din tal-aħħar. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ewwel domanda hija ammissibbli. |
38 |
F’dak li jikkonċerna l-mertu, b’mod preliminari għandu jitfakkar li, mill-formulazzjoni stess tal-Klawżola 2(1) tal-ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’ peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” fis-sens tal-ftehim qafas, stabbilita fil-Klawżola 3(1) tiegħu, tkopri l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega, li jkunu marbutin magħha (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 56, kif ukoll Della Rocca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
39 |
Minn dan isegwi li ħaddiem bħalma huwa għalliem assoċjat ta’ università li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bilfors għandu jiġi konkluż għal żmien determinat, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas. |
40 |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, il-fatt li, għal tali ħaddiem, ma jeżistix ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli jew li dan il-ħaddiem ma jistax ikollu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi abbużivi, ma għandux rilevanza. Fil-fatt, tali kunsiderazzjonijiet huma rilevanti biss għall-għan li jiġi identifikat ksur possibbli tal-Klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas, li jirrigwardaw, rispettivament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat kif ukoll il-miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Għall-kuntrarju, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, liema kamp ta’ applikazzjoni huwa ddefinit fil-Klawżola 2(1) moqrija flimkien mal-Klawżola 3(1) ta’ dan il-ftehim qafas. |
41 |
Għandu jitfakkar li l-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandha l-għan li timplementa wieħed mill-għanijiet imħaddna minn dan il-ftehim, jiġifieri li jiġi limitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minimi intiżi sabiex tiġi evitata l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punt 73; kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C-586/10, punt 25). |
42 |
B’hekk, din id-dispożizzjoni tal-ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri, bl-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ minn tal-inqas waħda mill-miżuri elenkati minnha, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri stabbiliti b’dan il-mod fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, jittrattaw rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi, u n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 74, kif ukoll Kücük, punt 26). |
43 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni applikabbli għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-istatuti tal-UPF, ma tinkludi ebda miżura legali ekwivalenti, fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, u ma timponi ebda limitu f’dak li jikkonċerna kemm it-tul massimu totali kif ukoll in-numru ta’ tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mill-universitajiet mal-għalliema assoċjati, bis-saħħa tal-imsemmija Klawżola 5(1)(b) u (ċ). |
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat sa fejn it-tiġdid ta’ tali kuntratti ta’ xogħol jista’ jiġi ġġustifikat minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas. |
45 |
Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kücük, punt 27). |
46 |
Għall-kuntrarju, dispożizzjoni nazzjonali li kulma tagħmel huwa li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ regola leġiżlattiva jew regolament, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti hekk kif ippreċiżati fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kücük, punt 28). |
47 |
Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti effettivament jissodisfax bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-għan. Din id-dispożizzjoni għalhekk tinvolvi riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punti 98 u 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Kücük, punt 29). |
48 |
Madankollu, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-konklużjoni u t-tiġdid, mill-universitajiet, ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ għalliema assoċjati, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, huma ġġustifikati min-neċessità li t-twettiq, fuq bażi part-time, ta’ kompiti ta’ tagħlim partikolari jiġu fdati lil “speċjalisti ta’ kompetenza rikonoxxuta” li jeżerċitaw attività professjonali barra mill-qasam universitarju, sabiex dawn joffru l-konoxxenzi tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom lill-università, billi b’hekk jistabbilixxu sħubija bejn il-qasam tat-tagħlim universitarju u l-qasam professjonali. Skont din il-leġiżlazzjoni, tali għalliem assoċjat irid ikun eżerċita attività professjonali mħallsa abbażi tad-diploma miksuba minnu, għal perijodu minimu ta’ diversi snin matul perijodu stabbilit preċedenti għar-reklutaġġ tiegħu mill-università. Il-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni huma, barra minn hekk, konklużi u mġedda bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet relattivi għall-eżerċizzju tal-attività professjonali jibqgħu jeżistu u huma għandhom jintemmu meta l-għalliem assoċjat ikkonċernat jilħaq l-età tal-irtirar. |
49 |
B’hekk jidher, bla ħsara għall-verifika li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, billi din tal-aħħar biss għandha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dritt nazzjonali, li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti li fihom, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi u mġedda għall-finijiet tal-impjieg ta’ għalliema assoċjati u li hija tissodisfa bżonn reali. |
50 |
B’mod partikolari, tali kuntratti temporanji jidhru li huma ta’ natura li jilħqu l-għan imfittex, li jikkonsisti f’li jiġi arrikkit it-tagħlim universitarju, f’oqsma partikolari, permezz tal-esperjenza ta’ speċjalisti rikonoxxuti, peress li dawn il-kuntratti jippermettu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp kemm tal-kompetenzi tal-persuni kkonċernati fl-oqsma kkonċernati kif ukoll tal-bżonnijiet tal-universitajiet. |
51 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, il-ftehim qafas stess jirrikonoxxi, hekk kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet paragrafi tal-preambolu tiegħu kif ukoll mill-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, li l-kuntratti għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċertu setturi jew għal ċerti xogħlijiet jew attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 86, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Sibilio, C‑157/11, punt 38). |
52 |
Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, sabiex tiġi rreklutata bħala għalliem assoċjat, il-persuna kkonċernata bilfors għandha teżerċita attività professjonali barra mill-università u hija tista’ biss twettaq il-kompiti ta’ tagħlim tagħha fuq bażi part-time, lanqas ma jidher li tali kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, bħala tali, jista’ jikkawża preġudizzju għall-għan tal-ftehim qafas, li huwa dak li jiġu protetti l-ħaddiema kontra l-instabbiltà fil-qasam tal-impjieg. |
53 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif sostnew il-persuni kkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet iġeddu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ xi għalliema assoċjati, tidher, bla ħsara għal verifikazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li tikkonforma mal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. |
54 |
Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm ir-raġuni oġġettiva prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-attività kkonċernata u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mal-eżiġenzi tal-ftehim qafas. Waqt l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tal-liġi nazzjonali, dawn l-awtoritajiet għandhom għalhekk ikunu jistgħu jiddeterminaw kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jivverifikaw jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti effettivament jissodisfax bżonn reali, u jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-għan (ara s-sentenza Kücük, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex ikopru bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja iżda, għall-kuntrarju, permanenti u li jdumu fiż-żmien, ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kücük, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
56 |
Fil-fatt, tali użu tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat il-ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 61, u Kücük, punt 37). |
57 |
L-uniċi ċirkustanzi fejn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema assoċjati jiġġeddu bl-għan li jiġi kopert bżonn rikorrenti jew permanenti tal-universitajiet fil-qasam, u fejn tali bżonn jista’ jiġi sodisfatt permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ma humiex, madankollu, ta’ natura li jeskludu l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, peress li n-natura tal-attività ta’ tagħlim inkwistjoni u l-karatteristiċi inerenti għal din l-attività jistgħu jiġġustifikaw, fil-kuntest inkwistjoni, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Minkejja li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-għalliema assoċjati jkopru bżonn permanenti tal-universitajiet, sa fejn l-għalliem assoċjat, permezz ta’ tali kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, iwettaq kompiti definiti sew li jagħmlu parti mill-attivitajiet abitwali tal-universitajiet, madankollu jibqa’ l-fatt li l-bżonn fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ għalliema assoċjati jibqa’ temporanju peress li l-għalliem huwa meħtieġ ikompli bl-attività professjonali tiegħu full-time fi tmiem il-kuntratt tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kücük, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 50). |
58 |
Għall-kuntrarju, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġġeddu bl-għan li jitwettqu b’mod permanenti u li jdumu fiż-żmien, għalkemm part-time, kompiti ta’ tagħlim li normalment jagħmlu parti mill-attività tal-persunal ordinarju li jgħallem. |
59 |
Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi l-qrati nazzjonali, li għandhom jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-osservanza tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, u dan billi jivverifikaw b’mod konkret li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi ma’ għalliema assoċjati huwa intiż sabiex ikopri l-bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex użata, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-universitajiet fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Angelidaki et, punt 106, u Kücük, punt 39). |
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Klawżola 5 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jwettqu tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitu f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, peress li tali kuntratti huma ġġustifikati minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-paragrafu 1(a) ta’ din il-klawżola, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, hija wkoll din il-qorti li għandha tivverifika b’mod konkret li, fil-kawża prinċipali, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni effettivament kien intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
61 |
Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 3 tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, tal-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, li tgħid li l-ħaddiema tas-settur pubbliku li jkunu ġew impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jkunu qabżu t-tul massimu stabbilit fl-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-regolament huma suġġetti għas-sistema partikolari tal-ħaddiema “għal żmien indeterminat mhux permanenti”, li skontha, meta l-persuna li timpjega timla l-pożizzjoni tagħhom b’applikazzjoni tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tintemm awtomatikament, mingħajr ma huma jkollhom dritt għall-ħlas ta’ kumpens, filwaqt li kemm il-ħaddiema għal żmien indeterminat tas-settur privat kif ukoll il-ħaddiema permanenti tas-settur pubbliku jkollhom dritt, f’każ simili, għall-benefiċċju ta’ kumpens għat-tkeċċija. |
62 |
Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-mistoqsijiet ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li dawn huma ta’ natura ipotetika. |
63 |
Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, il-qorti tar-rinviju stess indikat fid-deċiżjoni tagħha, hekk kif jirriżulta mill-punti 27 u 43 tas-sentenza preżenti u hekk kif tippostula l-formulazzjoni tal-ewwel domanda, li t-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, kif prevista fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Ħaddiema, ma hijiex applikabbli għal għalliem assoċjat, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali. |
64 |
Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, it-tieni u t-tielet domandi huma inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jwettqu tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitu f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, peress li tali kuntratti huma ġġustifikati minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-paragrafu 1(a) ta’ din il-klawżola, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, hija wkoll din il-qorti li għandha tivverifika b’mod konkret li, fil-kawża prinċipali, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni effettivament kien intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.