Kawża C‑176/13 P
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
vs
Bank Mellat
“Appell — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Islamika tal-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ bank Iranjan — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proċedura ta’ adozzjoni tal-att — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Frar 2016 ?I – 0000
Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Terminu għal raġuni ta’ distanza — Natura fissa — Użu minn parti tal-mezz elettroniku biex tikkomunika mal-qrati tal-Unjoni — Assenza ta’ effett
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 51)
Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Rikors ippreżentat kontra att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent — Organizzazzjoni governattiva li tinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbutin mad-drittijiet fundamentali — Kwistjoni li ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tal-motiv iżda l-fondatezza tiegħu
(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE)
Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ — Neċessità li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti — Assenza
(Artikolu 296 TFUE)
Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi
(Paragrafu 2 tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESC; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007 u Nru 668/2010)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi — Proċedura ta’ adozzjoni — Obbligi tal-Kunsill — Stħarriġ tal-punti sottomessi mill-Istati Membri jew ir-Rappreżentant Għoli biex tiġi ġġustifikata l-iskrizzjoni — Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESC; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007 u Nru 668/2010)
L-Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Portata tal-istħarriġ
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/413/PESK)
Appell — Aggravji — Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà
(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 39, 40)
Fil-kuntest ta’ appell ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, kull persuna fiżika jew kull entità tista’ targumenta aggravji bbażati fuq ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża jew tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll aggravji bbażati fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali , bħal dak ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ aggravji bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, il-possibbiltà, għal entità li tirriżulta mill-Istat, li tinvokahom hija kwistjoni relatata mal-mertu tal-kawża.
(ara l-punti 48-51)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 74, 75)
Fir-rigward ta’ att li jimponi miżuri restrittivi, mingħajr ma tiġi imposta l-ħtieġa li tingħata risposta b’mod dettaljat għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni tikkorrispondi għall-motivi esposti minn korp internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-persuna kkonċernata kellha tkun suġġetta għal tali miżuri. Il-qorti tal-Unjoni għandha, għaldaqstant, b’mod partikolari tivverifika n-natura suffiċjentement speċifika u konkreta tal-motivi invokati.
F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ att li jimponi miżuri ta’ ffriżar tal-fondi fir-rigward ta’ bank Iranjan, abbażi tar-Regolamenti Nru 423/2007 u Nru 668/2010, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran, ma huwiex l-imsemmi bank, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, li għandu jqabbel, għall-finijiet tad-difiża tiegħu, il-listi tiegħu ta’ klijenti mal-ismijiet tal-entitajiet li jinsabu fuq il-listi tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni, jew inkella li jivverifika jekk wieħed mill-klijenti tiegħu kienx impjegat tal-Organizzazzjoni tal-Industriji Aerospazzjali. Madankollu, tali riżultat huwa kuntrarju għar-rekwiżit li l-motivazzjoni tal-att tidentifika l-motivi individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta għal miżuri restrittivi.
(ara l-punti 76, 80, 81)
Fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, peress li l-ebda kawża ta’ annullament imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE ma ġiet stabbilita quddiem il-qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fl-adozzjoni tal-ewwel att li jordna miżuri restrittivi kontra entitajiet allegatament involuti fil-proliferazzjoni nukleari, il-Kunsill għandu l-obbligu li jeżamina r-relevanza u l-fondatezza tal-informazzjoni u tal-provi li jingħatawlu minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
(ara l-punt 91)
L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti. Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-imsemmi eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami. Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija għalhekk din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha.
B’hekk, peress li l-awtorità kompetenti ma tipproduċi ebda element li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni li tivverifika l-fondatezza ta’ motiv, huwa impossibbli għall-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi ta’ inklużjoni filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u elementi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, b’mod li dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni ta’ inklużjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, l-aċċenn biss tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’reżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti tal-indikazzjoni tagħha mill-Unjoni.
(ara l-punti 109-112, 114)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 116)