SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Appell — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Islamika tal-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ bank Iranjan — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proċedura ta’ adozzjoni tal-att — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑176/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-9 ta’ April 2013,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert u M. Bishop, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn L. Christie u minn S. Behzadi-Spencer u C. R. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn S. Lee, barrister,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Bank Mellat, stabbilit f’Tehran (Iran), irrappreżentat minn M. Brindle, QC, R. Blakeley u V. Zaiwalla, barristers, kif ukoll minn Z. Burbeza, P. Reddy, S. Zaiwalla, u F. Zaiwalla, solicitors,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, D. Šváby, A Rosas (Relatur), E. Juhász, u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Jannar 2013, Bank Mellat vs Il-Kunsill (T‑496/10, EU:T:2013:39, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tiegħu din annullat, sa fejn jikkonċernaw lil Bank Mellat:

il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39, u Rettifika ĠU L 197, p. 19);

il-punt 2 tat-Tabella B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran; (ĠU L 195, p. 25);

il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81);

il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007; (ĠU L 281, p. 1),

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (JO L 319, p.71);

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p.11);

il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu 1, tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1),

sa fejn l-isem ta’ “Bank Mellat” jidher fuq il-listi tal-persuni, korpi u organi li japplikaw għalihom il-miżuri restrittivi deċiżi skont dawn l-atti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2

Preokkupat mill-varji rapporti tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AEOI) u mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-gvernaturi tal-AEOI dwar il-programm nukleari tar-Repubblika Islamika tal-Iran, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”), fit-23 ta’ Diċembru 2006, adotta r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), li l-punt 12 tagħha, moqri flimkien mal-anness tagħha, jelenka serje ta’ persuni u ta’ entitajiet li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari u li l-fondi kif ukoll ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati.

3

Sabiex tiġi implementata fl-Unjoni Ewropea r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), il-Kunsill adotta, fis-27 ta’ Frar 2007, il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, p. 155).

4

L-Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet enumerati fil-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 5(1) kien jirrigwarda l-persuni u l-entitajiet indikati fl-anness tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) kif ukoll il-persuni u l-entitajiet l-oħra indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà maħluq b’mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006). Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness I tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 5(1) ikopri l-persuni u l-entitajiet mhux imsemmija f’dan l-Anness I li, b’mod partikolari, jipparteċipaw, huma direttament assoċjati jew jappoġġaw l-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, huma ta’ riskju għall-proliferazzjoni. Il-lista ta’ dawn il-persuni u ta’ dawn l-entitajiet tidher fl-Anness II tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

5

Sa fejn il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea kienu kkonċernati, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata bir-Regolament (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969), adottat abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, fir-rigward tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment simili għal dak ta’ din tal-aħħar, bl-istess ismijiet ta’ entitajiet u ta’ persuni fiżiċi jidhru fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, dwar il-persuni, l-entitajiet u l-organi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u, fl-Anness V tal-imsemmi regolament, dwar il-persuni, entitajiet u organi oħra minbarra dawk li jidhru fl-Anness IV).

6

L-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, kien ifformulat kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness IV, li, f’konformità ma’ l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, ġew identifikati li:

a)

kienu involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari ta’ l-Iran sensittivi għall-proliferazzjoni, jew [...]”.

7

Peress li kkonstata li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran kienet qed tkompli bl-attivitajiet tagħha marbuta mal-arrikkiment nukleari u ma kinitx qegħda tikkollabora mal-AEOI, fit-3 ta’ Marzu 2008 l-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1803 (2008). Fil-punt 10 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà:

“Jitlob lill-Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, b’mod partikolari mal-Bank Melli u mal-Bank Saderat, kif ukoll mal-fergħat u aġenziji tagħhom barra l-pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari, kif indikat fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006)”.

8

Permezz tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010), tad-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta miżuri iżjed severi u b’mod partikolari ddeċieda l-iffriżar tal-fondi ta’ diversi entitajiet finanzjarji. Fil-punt 21 tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jistieden b’mod partikolari lill-Istati “jostakolaw il-provvista ta’ servizzi finanzjarji fit-territorju tagħhom, b’mod partikolari servizzi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, jew it-trasferiment lejn, permezz ta’, jew mit-territorju tagħhom, lil jew minn ċittadini tagħhom jew l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom (inklużi s-sussidjarji stabbiliti f’pajjiż barrani), jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom, ta’ kull tip ta’ fondi, kull attiv jew riżorsi ekonomiċi jekk huma jkollhom informazzjoni li tagħtihom raġonevolment x’jifhmu li dawn is-servizzi, attivi jew riżorsi jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tal-Iran li jagħtu lok għal riskju ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari, b’mod partikolari billi jiffriżaw il-fondi, l-attivi u r-riżorsi ekonomiċi l-oħra li jinsabu fit-territorju tagħhom jew li iktar ’il quddiem ser ikunu fit-territorju tagħhom, jew li huma jew ser ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom, u li huma assoċjati ma’ dawn il-programmi jew ma’ dawn l-attivitajiet, u billi jeżerċitaw viġilanza msaħħa sabiex jipprevjenu tali tranżazzjonijiet, bi qbil mal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom”.

9

Bank Mellat huwa msemmi fil-punt 6 tal-Anness I tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010), fil-motivi għall-inklużjoni f’dan l-anness ta’ First East Export Bank plc (iktar ’il quddiem “FEE”):

“Dan il-bank huwa l-proprjetà, jinsab taħt il-kontroll jew jaġixxi f’isem Bank Mellat. Matul dawn l-aħħar seba’ snin, il-Bank Mellat ippermetta lill-entitajiet Iranjani assoċjati fil-programm ta’ armi nukleari, ta’ missili u ta’ difiża li jwettqu tranżazzjonijiet għal mijiet ta’ miljuni ta’ dollari”.

10

F’dikjarazzjoni annessa mal-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew enfasizza li kien iktar u iktar imħasseb mill-programm nukleari Iranjan, faħħar l-adozzjoni, mill-Kunsill tas-Sigurtà, tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010), ħa nota tal-aħħar rapport tal-AEOI, tal-31 ta’ Mejju 2010, u ħabbar it-teħid ta’ miżuri restrittivi ġodda li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-settur finanzjarju.

11

Permezz tad-Deċiżjoni 2010/413, adottata fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill implementa din id-dikjarazzjoni, billi ħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u billi adotta miżuri restrittivi supplementari meta kkomparati ma’ din tal-aħħar. Il-premessi 17 sa 20 tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar l-attivitajiet finanzjarji, jagħmlu riferiment għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) kif ukoll għad-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010. Il-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2010/413 huwa ddedikat għas-settur finanzjarju. L-Artikolu 10(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li, sabiex tiġi ostakolata l-provvista ta’ servizzi finanzjarji fit-territorju tal-Istati Membri jew it-trasferiment lejn, permezz ta’, jew mit-territorji tagħhom, lil jew minn ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom (inklużi l-fergħat barra l-pajjiż), jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorji tagħhom, ta’ kull tip ta’ fondi, kull attiv jew riżorsi ekonomiċi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tal-Iran li jagħtu lok għal riskju ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw sorveljanza msaħħa tal-attivitajiet kollha mwettqa mill-istituzzjonijiet finanzjarji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom mal-banek domiċiljati fl-Iran, mal-aġenziji, is-sussidjarji jew mal-entitajiet ikkontrollati minnhom.

12

L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 20(1) ikopri l-persuni u l-entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà, li huma elenkati fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni. Il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 20(1) jirrigwarda “persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ involviment fl-akkwist tal-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, jew persuni u entitajiet li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010) jew din id-Deċiżjoni kif ukoll membri għolja oħra u entitajiet tal-IRGC, u ta’ entitajiet oħra tal-IRISL u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f’isimhom, kif elenkati fl-Anness II”.

13

Diversi entitajiet finanzjarji jew gruppi ta’ tali entitajiet huma msemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/412. Bank Mellat huwa elenkat fil-punt 4 tal-Parti I, B ta’ dan l-anness. Huma indikati l-motivi segwenti:

“Il-Bank Mellat huwa bank ippossedut mill-Istat Iranjan. Il-Bank Mellat jimpenja ruħu fi stil ta’ mġiba li tappoġġa u tiffaċilita l-programmi fir-rigward tal-missili nukleari u ballistiċi tal-Iran. Huwa pprovda servizzi bankarji lill-entitajiet elenkati min-NU u l-UE jew lil entitajiet li jaġixxu għan-nom tagħhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil entitajiet ipposeduti jew ikkontrollati minnhom. Huwa l-bank matriċi [l-kumpannija omm] tal-[FEE] li huwa indikat taħt il-UNSCR 1929[...]”

14

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, adottat fis-26 ta’ Lulju 2010, b’implimentazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, l-isem ta’ Bank Mellat, imsemmi fil-punt 2 tal-parti I, B, tal-anness ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ġie miżjud mal-lista tal-persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li jidhru fit-Tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

15

Il-motivi tal-inklużjoni ta’ Bank Mellat fl-imsemmija lista huma kważi identiċi għal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni 2010/413.

16

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill informa lil Bank Mellat bl-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

17

Permezz ta’ ittri tas-16 u tal-24 ta’ Awwissu u tat-2 u tad-9 ta’ Settembru 2010, Bank Mellat talab lill-Kunsill sabiex jikkomunikalu l-elementi li kien ibbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

18

Bħala tweġiba għat-talbiet ta’ aċċess għall-fajl tar-rikorrent, il-Kunsill ikkomunikalu, permezz tal-ittra tat-13 ta’ Settembru 2010, il-kopji ta’ żewġ proposti għal adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ppreżentati mill-Istati Membri. Huwa ffissa wkoll terminu li skada fil-25 ta’ Settembru 2010 biex fih ir-rikorrent jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

19

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġie rrivedut u miktub mill-ġdid mid-Deċiżjoni 2010/644, adottata fil-25 ta’ Ottubru 2010. Fil-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill indika li ħa inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet li sarulu mill-partijiet interessati.

20

L-isem ta’ Bank Mellat ġie inkluż fil-punt 4 tal-lista ta’ entitajiet li jidhru fit-Tabella I tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 hekk kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644. Il-motiv ma għandux jindika li dan huwa bank tal-Istat, iżda għall-bqija huwa identiku għal dak li jinsab fid-Deċiżjoni 2010/413.

21

Ir-Regolament Nru 423/2007 ġie abrogat u sostitwit mir-Regolament Nru 961/2010, adottat fil-25 ta’ Ottubru 2010. Skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament:

“2. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness VIII għandhom ikunu ffriżati. L-Anness VIII għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, [...], li f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, ġew identifikati li:

a)

huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal attivitajiet nukleari ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari mill-Iran, inkluż permezz l-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti u teknoloġija pprojbiti, jew li jkunu propjetà ta’, jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

b)

huma persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li assistew lil persuna, entità jew korp elenkati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni [...] 2010/413 [...] jew tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010);

[...]”

22

L-isem ta’ Bank Mellat ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 4 tal-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u organizzazzjonijiet elenkati fl-Anness VIII, B, tar-Regolament Nru 961/2010. Il-motivi ta’ din l-inklużjoni huma kważi identiċi għal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni 2010/413 kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644.

23

Fil-31 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill ikkomunika lil Bank Mellat, fl-anness tal-kontroreplika magħmula fil-kuntest tar-rikors għal annullament li wassal għas-sentenza appellata, dokument tal-Kunsill bid-data tas-27 ta’ Mejju 2011 li jinkludi l-estratt ta’ tielet proposta ta’ inklużjoni ta’ Bank Mellat fil-lista ta’ entitajiet li huma suġġetti ta’ miżuri restrittivi (iktar ’il quddiem it-“tielet proposta”).

24

Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, wara li għamel eżami mill-ġdid, li jżomm lil Bank Mellat fuq il-lista tad-Deċiżjoni 2010/413, permezz tad-Deċiżjoni 2011/783, kif ukoll fuq il-lista tar-Regolament Nru 961/2010, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 1245/2011.

25

Filwaqt li rrefera għall-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta miżuri ġodda permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 19, p. 22).

26

Fit-23 ta’ Marzu 2012, huwa adotta miżuri ġodda permezz tar-Regolament Nru 267/2012, li jħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 961/2010. L-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi huwa previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 267/2012. L-Artikolu 23(2) huwa fformulat kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness IX għandhom jiġu ffriżati. L-Anness IX għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni [2010/413], ġew identifikati li:

a)

huma impenjati, direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal attivitajiet nukleari ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari mill-Iran, inkluż permezz l-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti u teknoloġija pprojbiti, jew li jkunu propjetà ta’, jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

b)

huma persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li assistew lil persuna, entità jew korp elenkati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni [2010/413] jew tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010);

[...]

d)

huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom; [...]”

27

Bank Mellat huwa elenkat fil-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Il-motivi ta’ din l-inklużjoni huma kważi identiċi għal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni 2010/413 kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2010, Bank Mellat ippreżenta rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010. Sussegwentement, huwa wessa’ l-kap ta’ talbiet, fejn talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644, tar-Regolament Nru 961/2010, tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

29

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument kemm tal-Kunsill kif ukoll tal-Kummissjoni, li Bank Mellat ma kellux id-dritt li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

30

Sussegwentement, huwa eżamina r-rikors ippreżentat minn Bank Mellat. Dan sostna tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

31

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu, il-Qorti Ġenerali eżaminat kull waħda mill-motivi li jikkonċernaw lil Bank Mellat u li jinsabu fl-atti kkontestati u fil-proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Hija ddeċidiet li l-Kunsill kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna ċerti motivi minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom. Minħabba dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni, id-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja ta’ Bank Mellat inkiser ukoll f’dak li jikkonċerna dawn il-motivi. Barra minn hekk, dan id-dritt inkiser għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010 minħabba l-komunikazzjoni tardiva tat-tielet proposta ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-eżami tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 kien affettwat minn difett peress li l-fajl ma kien jinkludi l-ebda indizju li jissuġġerixxi li l-Kunsill kien ivverifika r-relevanza u l-fondatezza tal-elementi li jirrigwardaw lil Bank Mellat. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010.

32

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ Bank Mellat. Dan l-eżami kien dwar il-motivi kkunsidrati biżżejjed preċiżi u li ma jiksrux l-obbligu ta’ motivazzjoni. Peress li l-ebda waħda mill-motivi invokati mill-Kunsill kontra r-rikorrent ma jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontrih, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv u annullat l-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma kien neċessarju li teżamina t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

It-talbiet tal-partijiet

33

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

taqta’ definittivament il-kawża u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Bank Mellat kontra l-atti kkontestati;

tikkundanna lil Bank Mellat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

34

Bank Mellet titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni ssostni fl-intier tagħhom it-talbiet ifformulati mill-Kunsill fl-appell tiegħu.

36

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Bank Mellat kontra l-atti kkontestati.

Fuq l-appell

Fuq l-eċċezzjoni ta ’ inammissibbiltà tal-appell

L-argumenti tal-partijiet

37

Bank Mellat isostni li l-appell ġie ppreżentat barra mit-terminu. Huwa jsostni li t-termini ta’ distanza previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma humiex applikabbli, peress li l-Kunsill ma jinsabx ’il bogħod mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li jikkomunika magħha b’mod elettroniku.

38

Il-Kunsill ifakkar fl-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura, li t-termini ta’ distanza huma terminu fiss.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm it-terminoloġija użata sabiex issemmi t-termini previsti fl-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tfakkar dik tat-termini li kienu intiżi sabiex jikkumpensaw iż-żmien meħtieġ għas-servizzi tal-posta skont id-distanza mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn it-termini huma, sa minn meta ġew emendati r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 322, p. 1), termini fissi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 63).

40

Minn dan isegwi li l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura kien applikabbli f’dan il-każ, anki jekk il-Kunsill jikkomunika mal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod elettroniku. Konsegwentement, l-appell ġie ppreżentat fit-terminu previst u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

41

Il-Kunsill isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-motivi ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali

– Is-sentenza appellata

42

Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument kemm tal-Kunsill kif ukoll tal-Kummissjoni, li Bank Mellat ma kellux id-dritt li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Hija ddeċidiet, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regoli li jipprojbixxu lil persuni ġuridiċi li huma entitajiet li jirriżultaw minn Stati terzi milli jinvokaw favurihom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali, u fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, li barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ressqux elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien effettivament entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan.

– L-argumenti tal-partijiet

43

Il-Kunsill jikkritika, qabelxejn, il-punti 35 sa 41 tas-sentenza appellata. Huwa jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, anki jekk jiġi stabbilit li Bank Mellat huwa entità li tirriżulta mill-Istat Iranjan, dan jista’ jinvoka favur tiegħu, quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

44

Huwa jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma, fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li teskludi li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tiġi adita minn organizzazzjoni governattivi u entitajiet simili, u dispożizzjonijiet oħra ekwivalenti, bħall-Artikolu 44 tal-Konvenzjoni Amerikana dwar id-drittijiet tal-bniedem, tat-22 ta’ Novembru 1969. Ir-ratio legis huwa l-fatt li Stat ma jistax ikun benefiċjarju ta’ drittijiet fundamentali. Anki jekk it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma fihomx dispożizzjonijiet identiċi għall-Artikolu 34 tal-KEDB, għandu japplika l-istess prinċipju.

45

Huwa jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset li ma jeżisti l-ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li Bank Mellat jikkostitwixxi organizzazzjoni governattiva. F’dan ir-rigward il-Kunsill isemmi:

il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, skont liema huwa neċessarju li jiġi eżaminat bir-reqqa kull kuntest ta’ fatt u ta’ liġi sabiex jiġi ddeterminat jekk entità hijiex organizzazzjoni jew entità governattiva jew non-governattiva;

ix-xogħlijiet tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari l-kummentarji dwar l-Artikolu 2(1)(b) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq l-Immunità Ġudizzjarja tal-Istati u l-beni tagħhom, adottata fit-2 ta’ Diċembru 2004, fejn il-kunċett “organi jew istituzzjonijiet tal-Istat u entitajiet oħrajn” jista’ jinkludi impriżi tal-Istat jew entitajiet oħrajn stabbiliti mill-Istat li jagħmlu tranżazzjonijiet kummerċjali, u;

il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ għajnuna (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 55).

46

Għalhekk il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li, minħabba l-fatt li Bank Mellat iwettaq attivitajiet kummerċjali suġġetti għad-dritt komuni, dawn ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala ta’ “servizz pubbliku” anki jekk huma neċessarji għall-funzjonament tal-ekonomija ta’ Stat. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-influwenza li l-Gvern Iranjan jeżerċita fuq Bank Mellat, meta dan l-Istat għandu, f’dan il-bank, holding ta’ 20 % u li l-bqija tal-azzjonijiet huma mxerrda.

47

Bank Mellat jikkontesta l-argument tal-Kunsill.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Għandu jiġi rrelevat li r-rikors ippreżentat minn Bank Mellat jaqa’ fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 50).

49

Bank Mellat isostni motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża u d-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu. Tali drittijiet jistgħu jiġu invokati minn kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe entità li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

50

L-istess japplika għall-motivi bbażati fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali bħal dak ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att.

51

Fir-rigward ta’ motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà, għal entità li tirriżulta mill-Istat, li tinvokahom hija kwistjoni relatata mal-mertu tal-kawża (sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 51).

52

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-aggravju tal-Kunsill għandu jiġi miċħud mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali meta din iddeċidiet li ma kienx stabbilit li Bank Mellat hija entità li tirriżulta mill-Istat, peress li dan l-argument huwa ineffettiv.

Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-aċċess għall-fajl

– Is-sentenza appellata

53

Fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza dwar l-obbligu li tingħata motivazzjoni għall-atti, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Fil-punti 52 sa 55 ta’ din is-sentenza, titfakkar il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tad-difiża u l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi użati kontra l-entità kkonċernata sabiex din titqiegħed f’pożizzjoni li ssostni effettivament il-perspettiva tagħha dwar dawn il-provi.

54

Fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligu li jiġu kkomunikati lil Bank Mellat il-provi użati kontrih, għandhom jiġu kkunsidrati, minbarra l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati, żewġ proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati mill-Kunsill lir-rikorrent permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2010, kif ukoll it-tielet proposta annessa mill-Kunsill mal-kontroreoplika tiegħu, ippreżentata fil-31 ta’ Mejju 2011. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn il-proposti ġew suġġetti lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-konvenut u jikkostitwixxu, konsegwentement, provi li huma bbażati fuqhom dawn il-miżuri.

55

Fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet:

“[...] huwa minnu li t-tielet proposta ġiet ikkomunikata lir-rikorrent kemm wara l-introduzzjoni tar-rikors kif ukoll wara l-adattament tat-talbiet konsekuttivi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010. Għalhekk, hija ma tistax validament issaħħaħ il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010. Hija tista’, madankollu, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti sussegwenti, jiġifieri tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012. Hija tista’ madankollu, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ atti ulterjuri, jiġifieri tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012”.

56

Fil-punti 66 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat kull wieħed mill-motivi mogħtija fl-atti kkontestati u fil-proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Il-punti 66 sa 69 huma fformulati kif ġej:

“66

L-atti kkontestati jsemmu l-erba’ motivi segwenti li jirrigwardaw ir-rikorrent:

skont id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ir-rikorrent huwa bank ta’ Stat (iktar ’il quddiem l-‘ewwel motiv’);

ir-rikorrent għandu aġir li jgħin u jiffaċilita l-programmi nukleari u ta’ missili balistiċi tal-Iran (iktar ’il quddiem it-‘tieni motiv’);

ir-rikorrent jipprovdi servizzi bankarji lil entitajiet li jinsabu fil-listi tan-Nazzjonijiet Unit u tal-[Unjoni], lil entitajiet li jaġixxu f’isem jew fuq l-istruzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar jew lil entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minnhom (iktar ’il quddiem it-‘tielet motiv’);

ir-rikorrent huwa l-kumpannija [omm] ta’ First East Export (iktar ’il quddiem ‘FEE’), li tissemma fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem ir-‘raba’ motiv’).

67

L-ewwel żewġ proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati fit-13 ta’ Settembru 2010 parzjalment jikkoinċidu mat-tieni motiv ipprovdut fl-atti kkontestati. Hija żżid il-motivi segwenti:

ir-rikorrent jipprovdi servizzi bankarji lill-Organizzazzjoni Iranjana tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem ‘AEOI’) u lil Novin Energy Company (iktar ’il quddiem ‘Novin’), li huma milquta bil-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-‘ħames motiv’);

ir-rikorrent jamministra l-kontijiet ta’ uffiċjali għolja tal-Organizzazzjoni Iranjana tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem is-‘sitt motiv’).

68

It-tieni proposta kkomunikata fit-13 ta’ Settembru 2010 essenzjalment tikkoinċidi mal-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Hija żżid motiv wieħed, li jipprovdi li r-rikorrent kien iffaċilita l-moviment ta’ miljuni ta’ dollari għall-programm nukleari Iranjan sa minn tal-inqas l-2003 (iktar ’il quddiem is-‘seba’ motiv’).

69

It-tielet proposta ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li hija annessa mal-kontroreplika, ma tinkludi l-ebda prova addizzjonali meta mqabbla mal-atti kkontestati u maż-żewġ proposti kkomunikati fit-13 ta’ Settembru 2010”.

57

Fil-punt 77, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrent il-provi użati kontrih f’dak li jirrigwarda t-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motiv, iżda li dawn l-obbligi ġew osservati f’dak li jirrigwarda l-motivi l-oħra.

58

Fir-rigward tal-aċċess għall-fajl, il-Qorti Ġenerali tosserva, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li mill-elementi tal-fajl ma jirriżultax li l-Kunsill, meta adotta l-atti kkontestati, kien ibbaża ruħu fuq elementi li ma humiex it-tliet proposti ta’ miżuri restrittivi kontra Bank Mellat ppreżentati mill-Istati Membri. Għaldaqstant, fil-punt 82 ta’ din is-sentenza hija tikkonstata li t-tielet proposta ġiet ikkomunikata lir-rikorrent biss fl-anness tal-kontroreplika tal-Kunsill, jiġifieri wara li skada t-terminu stabbilit għar-rikorrent mill-Kunsill biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, wara l-introduzzjoni tar-rikors kif ukoll wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 20110/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

59

Fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kunsill li dan kien ikkomunika din il-proposta sa mill-mument meta kiseb il-qbil tal-Istat Membru minn fejn kienet toriġina. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-Kunsill ikun jixtieq jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn Stat Membru biex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entità, huwa għandu jiżgura, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, li l-elementi inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata fi żmien utli sabiex din tal-aħħar tkun tista’ ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 85 ta’ din l-istess sentenza, li l-Kunsill ma tax aċċess għal dan l-element fil-fajl tiegħu fi żmien utli, u dan bi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

60

Meta ddeċidiet dwar il-possibbiltà għar-rikorrent li jsostni utilment il-perspettiva tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li r-rikorrent kellu l-okkażjoni li jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu, ħlief f’dak li jirrigwarda, minn naħa, it-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motiv ipprovduti mill-Kunsill, li kienu eċċessivament vagi, u, min-naħa l-oħra, il-proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati fl-anness tal-kontroreplika tal-Kunsill, sa fejn din ma kinitx tinkludihom fil-mument tal-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet.

61

Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-ittri tal-Kunsill jirriżulta li dan kien ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent. Huwa jirreleva, b’mod partikolari fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li l-Kunsill biddel id-dikjarazzjoni li r-rikorrent huwa bank tal-Istat, li l-eżattezza tagħha kienet ikkontestata minn dan tal-aħħar.

62

Fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kien ġie miksur, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motiv, u tal-komunikazzjoni tardiva ta’ waħda mill-proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma ġiex miksur fir-rigward tal-ewwel, ir-raba’ u l-ħames motiv invokat mill-Kunsill.

– L-argumenti tal-partijiet

63

Fl-ewwel lok, taħt it-titolu “Obbligu ta’ motivazzjoni”, il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat kull wieħed mill-motivi separatament minflok ma eżaminathom globalment. Dawn il-motivi huma evidentement relatati. B’mod partikolari, it-tielet motiv huwa deskrizzjoni iktar preċiża tal-aġir imsemmi fit-tieni wieħed. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li dawn l-aħħar żewġ motivi “ma jippreċiżawx [...] l-aġir li bih huwa akkużat ir-rikorrent”. Anki jekk dan it-tielet motiv ma jsemmix l-isem tal-entitajiet li jinsabu fil-listi tal-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni li lilhom Bank Mellat jipprovdi servizzi bankarji, dan seta’ jqabbel l-imsemmija entitajiet mal-lista tal-klijenti tiegħu u jikkontesta l-imsemmi motiv fil-każ fejn l-ebda wieħed mill-klijenti tiegħu ma jkun jinsab fuq il-listi tan-Nazzjonijiet Uniti jew tal-Unjoni.

64

Fir-rigward tas-seba’ motiv, li jinsab fi proposta ta’ inklużjoni ppreżentata minn Stat Membru u li ssemmi li Bank Mellat jamministra l-kontijiet ta’ responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Industriji Aerospazjali u ta’ responsabbli tax-xiri, il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li ma kienx biżżejjed iddettaljat. Fil-fatt, peress li l-informazzjoni dwar il-klijenti ta’ bank tinkludi l-isem ta’ min jimpjegahom, Bank Mellat seta’ jivverifika jekk wieħed mill-klijenti kienx impjegat ta’ din l-organizzazzjoni jew responsabbli mix-xiri. Dan il-motiv jirrispondi għalhekk għar-rekwiżiti ddefiniti mill-ġurisprudenza peress li jagħti biżżejjed informazzjoni sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk l-atti kkontestati kinux fondati.

65

Il-Kummissjoni ssostni li l-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, skont liema r-rikors għal annullament huwa fondat għal dak li jikkonċerna ċerti motivi iżda mhux għal oħrajn, ma huwiex difendibbli. Il-Kunsill ma jistax jiġi kkunsidrat li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ komunikazzjoni fir-rigward tal-konvenut għal kull motiv separatament.

66

Fl-intervent tiegħu, ir-Renju Unit jikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-għaxar motiv huwa eċċessivament vag, meta fil-fatt dan il-motiv għandu jinqara flimkien mal-motivi segwenti.

67

Fit-tieni lok, taħt it-titolu “L-aċċess għall-fajl”, il-Kunsill jikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, skont liema “biex tiġi evalwata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligu li jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata l-provi kontra użati, għandhom jiġu kkunsidrati, minbarra l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati, it-tliet proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikati mill-Kunsill lir-rikorrent”.

68

Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tiċċita fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li ġiet stabbilita fil-kuntest tal-ewwel kawżi dwar it-terroriżmu, meta l-ebda motiv ma kien ipprovdut biex tiġi ġġustifikata inklużjoni fuq lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-termini “motivi” u “provi” kienu interkambjabbli. F’dan il-każ, l-atti kienu jinkludu motivi, minkejja li xejn ma kien jiġġustifika l-komunikazzjoni tal-proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li, fi kwalunkwe każ, ma kienu jipprovdu l-ebda valur miżjud.

69

Fir-rigward tal-elementi li ma jinsabux fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill, lanqas dawn ma għandhom jiġu kkomunikati separatament peress li ma jistax jiġi preżunt ex officio li l-Kunsill użahom bħala motivi u bħala provi. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kellha tapplika l-ġurisprudenza li ċċitat fil-punt 55 tas-sentenza, skont liema, meta l-motivi jkunu biżżejjed preċiżi, huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (sentenza, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill,T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 97).

70

Filwaqt li jirreferi għall-punt 111 tas-sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), ir-Renju Unit isostni li, fir-rigward tal-listi ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, hija biss l-espożizzjoni tal-motivi ta’ inklużjoni fuq tali listi pprovduti mill-Kunsill li għandha tiġi żvelata u mhux il-proposti ta’ inklużjoni tal-entitajiet ikkonċernati.

71

Bank Mellat jagħmel tiegħu l-argument tal-Qorti Ġenerali. Huwa jsostni li, anki meta eżaminati flimkien, it-tieni u t-tielet motivi ma humiex biżżejjed preċiżi, peress li t-tielet wieħed, allegatament iktar speċifiku, ġie kkwalifikat ġustament bħala “eċċessivament vag”. Fir-rigward tas-sitt motiv, Bank Mellat isostni li l-Kunsill ma jressaq l-ebda prova tal-affermazzjoni li l-fajls tal-bank fuq il-klijenti tiegħu jinkludu isem il-persuna li timpjega lil dawn tal-aħħar. Fir-rigward tas-seba’ motiv, il-Kunsill ma jiddefendihx fil-kuntest tal-appell.

72

Bank Mellat isostni li l-Kunsill kellu l-obbligu li jipprovdi l-proposti ta’ inklużjoni fl-imsemmija listi fid-data stess ta’ din l-inklużjoni jew ftit wara, peress li dawn kienu l-uniċi elementi fil-fajl. Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kunsill li ma kien tal-ebda utilità, għal Bank Mellat, li jikseb dawn il-proposti ta’ inklużjoni, Bank Mellat jirrispondi li ma huwiex il-Kunsill li għandu jevalwa l-elementi tal-fajl li jistgħu jkunu rilevanti għal konvenut. Huwa kuntrarju għad-drittijiet tad-difiża li l-Kunsill jitħalla jagħżel l-elementi tal-fajl li għandhom jinżammu.

73

Bank Mellat jikkontesta l-argument li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (T‑390/08, EU:T:2009:401) kellha tiġi applikata f’dan il-każ, peress li ma kellux informazzjoni biżżejjed preċiża li tippermettilu jesprimi utilment il-perspettiva tiegħu dwar l-elementi użati kontra tiegħu. Huwa jenfasizza li kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Kunsill ibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-proposti ta’ inklużjoni fuq il-listi ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi kienu jikkostitwixxu provi, meta dan ma kienx il-każ.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, għaliex in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata). Att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat suffiċjentement jekk ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 71).

76

Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, mingħajr ma tiġi imposta l-ħtieġa li tingħata risposta dettaljata għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni tikkorrispondi għall-motivi esposti minn korp internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika l-motivi individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti iqisu li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett tal-miżuri restrittivi. Il-qorti tal-Unjoni għandha għalhekk tivverifika n-natura biżżejjed preċiża u konkreta tal-motivi invokati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 116 u 118).

77

F’dan il-każ, billi eżaminat it-tieni u t-tielet motivi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, peress li l-Kunsill quddiemha ressaq biss dawn il-motivi li għandhom jinqraw flimkien.

78

Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi, kif isostni l-Kunsill, li t-tielet motiv kellu jinftiehem fis-sens li jispjega l-aġir ikkritikat fit-tieni motiv, qari flimkien tal-imsemmija motivi ma jippermettix lil Bank Mellat li jkun jaf konkretament liema servizzi bankarji dan ipprovda lil liema entitajiet “li jinsabu fuq il-listi tan-NU u tal-[Unjoni]” jew “lil entitajiet li jaġixxu għan-nom tagħhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil entitajiet ipposeduti jew ikkontrollati minnhom”. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkonkludiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li t-tieni u t-tielet motivi ta’ inklużjoni huma wisq vagi.

79

Kellha wkoll raġun il-Qorti Ġenerali tikkwalifika, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, is-sitt motiv bħala li ma huwiex biżżejjed preċiż minħabba l-fatt li ma jidentifikax il-persuni li Bank Mellat amministra l-kontijiet tagħhom.

80

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fl-appell tiegħu, ma huwiex Bank Mellat, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, li għandu jqabbel, għall-finijiet tad-difiża tiegħu, il-listi tiegħu ta’ klijenti mal-ismijiet tal-entitajiet li jinsabu fuq il-listi tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni, jew inkella li jivverifika jekk wieħed mill-klijenti tiegħu kienx impjegat tal-Organizzazzjoni tal-Industriji Aerospazzjali.

81

Tali riżultat huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, li teżiġi li l-motivazzjoni tal-att tidentifika l-motivi individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta għal miżuri restrittivi.

82

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aċċess għall-fajl, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkunsidrat, fil-punti 84, 85 u 105 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kellu jiżgura, qabel l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li l-provi użati kontra Bank Mellat setgħu jiġu kkomunikati lilu fi żmien utli sabiex dan ikun jista’ jsostni effettivament il-perspettiva tiegħu u li l-komunikazzjoni tardiva tat-tielet proposta annessa mal-kontroreplika tal-Kunsill, tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, għalhekk taffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Bank Mellat.

Fuq id-difetti li jaffettwaw l-eżami magħmul mill-Kunsill

– Is-sentenza appellata

83

Dejjem fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali tqassar kif ġej l-argument ta’ Bank Mellat:

“97

Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma pproċediex b’eżami veru tal-fatti tal-kawża, iżda sempliċement adotta l-proposti ppreżentati mill-Istati Membri. Dan id-difett jaffettwa kemm l-eżami preliminari għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, kif ukoll l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn l-istess miżurii”.

84

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“101

F’din il-kawża, minn naħa, il-proċess ma jinkludi l-ebda indizzju li jissuġġerixxi li l-Kunsill ivverifika r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi li jirrigwarda r-rikorrent li ntbagħtulu qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 20110/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010. Bil-kontra, l-indikazzjoni żbaljata, f’dawn l-atti, li tipprovdi li r-rikorrent huwa bank tal-Istat, li l-ineżattezza tagħha ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill, twassal biex jiġi stabbilit li ma saret l-ebda verifika f’dan is-sens.

102

Min-naħa l-oħra, mill-punti 90 sa 92 iktar ’il fuq jirriżulta li meta ġew adottati l-atti kkontestati sussegwenti, il-Kunsill eżamina mill-ġdid il-fatti tal-kawża fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, għaliex huwa ħassar l-indikazzjoni li tipprovdi li r-rikorrent kien bank tal-Istat u li kien esprima ruħu dwar l-argument tiegħu dwar is-servizzi finanzjarji pprovduti lil entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

[…]

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu milqugħa l-argumenti tar-rikorrent dwar id-difetti li affettwaw l-eżami magħmul mill-Kunsill, f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/010, filwaqt li l-kumplament tal-argumenti għandhom jiġu miċħuda.”

85

Fil-punt 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill ma osservax l-obbligu li jeżamina r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi ta’ informazzjoni u ta’ prova dwar ir-rikorrent mibgħuta lilu, u għalhekk ivvizzja l-imsemmija atti b’illegalità.

– L-argumenti tal-partijiet

86

Il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżiġiet, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-preżenza fil-fajl ta’ indizji li juru li l-Kunsill ivverifika l-provi li ngħatawlu. Huwa jsostni li ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati l-indizji qabel ma jiġu prodotti sabiex jintwera li din il-verifika fil-fatt saret mill-membri tal-Kunsill u, barra minn hekk, li ċerti provi kienu joriġinaw minn sorsi kunfidenzjali li mhux il-membri kollha tal-Kunsill għandhom aċċess għalihom.

87

Bank Mellat isostni li l-prinċipju ġuridiku skont liema l-Kunsill għandu jevalwa r-rilevanza u l-fondatezza tal-informazzjoni u tal-provi li jiġu ppreżentati lilu ma huwiex ikkontestat. Huwa jqis li l-Qorti Ġenerali kellha d-dritt li tinvoka l-assenza ta’ kwalunkwe prova dwar il-fatt li l-Kunsill għamel verifika adegwata insostenn tal-konklużjoni tiegħu li ma kienx mexa hekk. Barra minn hekk, huwa jirreleva li l-Kunsill jammetti li ma għamel l-ebda verifika tal-allegazzjonijiet li jinsabu fil-proposti li sarulu dwar il-kunsiderazzjoni ta’ Bank Mellat bħala entità suġġetta għal miżuri restrittivi, preċiżament għaliex ma kellux aċċess għall-provi relatati, ikkunsidrati kunfidenzjali.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Mis-sentenza appellata jirriżulta li Bank Mellat ġie inkluż fil-lista ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 abbażi biss ta’ proposti ta’ inklużjoni ppreżentati mill-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma turix kif dan l-element jista’ jikkostitwixxi waħda mill-kawżi ta’ annullament imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE.

89

Kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jidhirx li l-verifika tar-relevanza u tal-fondatezza tal-provi li jikkonċernaw lir-rikorrent li ġew suġġetti lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 tista’ tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jista’ jwassal għall-illegalità ta’ dawn. Il-Qorti Ġenerali ma stabbilietx li tali rekwiżit proċedurali huwa previst mit-Trattat FUE jew minn att ta’ dritt sekondarju.

90

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma stabbiliet kif dan l-element jista’ jikkontribwixxi għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża ta’ Bank Mellat jew tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva invokati minn Bank Mellat fl-ewwel motiv tiegħu, jew kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra.

91

Peress li l-ebda kawża ta’ annullament imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE ma ġiet murija mill-Qorti Ġenerali bħala li taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 minħabba n-nuqqas ta’ verifika tar-relevanza u tal-fondatezza tal-provi kontra r-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, li, fl-adozzjoni tal-ewwel att li jordna miżuri restrittivi kontra entitajiet allegatament involuti fil-proliferazzjoni nukleari, il-Kunsill għandu l-obbligu li jeżamina r-relevanza u l-fondatezza tal-informazzjoni u tal-provi li jingħatawlu minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill ma osservax l-obbligu li jiġu eżaminati r-relevanza u l-fondatezza tal-informazzjoni u tal-provi fir-rigward tal-konvenut li ngħatawlu, u b’hekk jivvizzja l-imsemmija atti b’illegalità.

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

– Is-sentenza appellata

92

Fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni, tat-tielet, tas-sitt u tas-seba’ motiv invokati mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent, jaqbel li ssir verifika biss tal-fondatezza tal-ewwel, tar-raba’ u tal-ħames motiv invokat.

93

Fil-punt 113 tal-imsemmija sentenza, hija ddeċidiet li l-ewwel motiv, li Bank Mellat huwa bank tal-Istat, huwa bbażat fuq konstatazzjoni fattwali żbaljata u ma jistax għalhekk jiġġustifika l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrent mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010.

94

Fir-rigward tar-raba’ motiv, huwa minnu li l-FEE, sussidjarja miżmuma totalment minn Bank Mellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 117 ta’ din l-istess sentenza, li, minn naħa huwa bbażat fuq sempliċi allegazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxix motiv awtonomu meta mqabbel ma’ dawk li jirrigwardaw ir-rikorrent direttament.

95

F’dak li jikkonċerna l-ħames motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma ressaq l-ebda prova jew informazzjoni li tistabbilixxi li Bank Mellat kien ipprovda servizzi lil AEOI. Fir-rigward tas-servizzi pprovduti lil Novin, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-allegazzjoni ta’ Bank Mellat li dan ma kienx ġie informat bl-involviment ta’ Novin fil-proliferazzjoni nukleari qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra tiegħu mill-Kunsill tas-Sigurtà.

96

Barra minn hekk, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrent wera li aġixxa mingħajr dewmien sabiex iwaqqaf il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil Novin ladarba sar jaf dwar l-involviment ta’ din tal-aħħar fil-proliferazzjoni nukleari. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, li la s-servizzi pprovduti minn Bank Mellat lil Novin qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu li din tal-aħħar u lanqas il-modalitajiet ta’ tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tar-rikorrent ma’ Novin ma jikkostitwixxu għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll tar-Regolamenti Nri 423/2007, 961/2010 u 267/2012.

97

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li peress li l-ebda wieħed mill-ewwel, ir-raba’ u l-ħames motivi invokati mill-Kunsill kontra r-rikorrent ma jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontrih, kien hemm lok li t-tieni motiv jiġi milqugħ.

– L-argumenti tal-partijiet

98

Fir-rigward tar-raba’ motiv, dwar il-fatt li FEE, sussidjarja miżmuma 100 % minn Bank Mellat, hija milquta mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Sigurtà 1929 (2010), il-Kunsill fakkar li din il-kunsiderazzjoni ta’ FEE, bħala entità suġġetta għal miżuri restrittivi, hija mmotivata, b’mod partikolari, mill-fatt li, “matul dawn l-aħħar seba’ snin, Bank Mellat ippermetta lill-entitajiet Iranjani assoċjati mal-programm ta’ armi nukleari, ta’ missili u ta’ difiża li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ diversi miljuni ta’ dollari”. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien ibbażat biss fuq sempliċi allegazzjonijiet u ma kienx jikkostitwixxi motiv awtonomu meta mqabbel ma’ dawk li jirrigwardaw lil Bank Mellat direttament. Huwa jfakkar l-importanza partikolari li għandhom ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-trattati.

99

Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni n-natura klandestina tal-attivitajiet, tant li l-provi joriġinaw minn sorsi kunfidenzjali u ma jistgħu jiġu kkomunikati fl-ebda każ. Huwa jenfasizza wkoll il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Il-Kunsill isostni barra minn hekk li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jeżistix dritt assolut għad-divulgazzjoni tal-provi. Jekk tali prinċipju japplika fl-akkużi kriminali, dan japplika iktar u iktar għall-miżuri restrittivi kkonċernati, li huma miżuri prekawzjonarji.

100

Dan l-argument japplika wkoll għas-servizzi bankarji pprovduti mill-AEOI.

101

F’dak li jikkonċerna l-ammissjoni ta’ Bank Mellat li dan ipprovda servizzi bankarji lil Novin, imsemmija fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1747(2007), il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kunsill billi ddeċidiet li l-fatt li Bank Mellat ipprovda fil-passat servizzi bankarji lil Novin ma kienx jiġġustifika l-atti kkontestati peress li Bank Mellat kien progressivament illimita, u wara waqqaf kompletament ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Novin wara li sar jaf li din tal-aħħar kienet ġiet imsemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont il-Kunsill, il-provvista ta’ servizzi bankarji qabel l-inklużjoni ta’ Novin, jiġifieri matul il-perijodu li matulu sar magħruf li din kienet involuta fl-iżvilupp ta’ attivitajiet Iranjani li kienu joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni, turi li Bank Mellat jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-futur lil entitajiet oħra li għandhom l-istess attivitajiet. Għalhekk, kellu raġun il-Kunsill jimponi ffriżar tal-attiv kontra Bank Mellat bħala miżura prekwazjonarja. Il-fatt li Bank Mellat kienx jaf jew le bl-involviment ta’ dawn l-entitajiet f’dawn l-attivitajiet, jew li s-servizzi bankarji jkunu jew le użati fil-kuntest tal-imsemmija attivitajiet, ma huwiex fattur deċiżiv f’dan ir-rigward.

102

Il-Kunsill iżid li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni eċċessivament stretta tal-kunċett ta’ sostenn għall-attivitajiet nukleari Iranjani b’riskju ta’ proliferazzjoni, fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012 u li, b’hekk, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kunsill dwar il-fatti li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ ffriżar tal-attiv bħala miżura prekawzjonarja, u b’hekk marret kontra l-ġurisprudenza tagħha stess (sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 138).

103

Il-Kummissjoni ssostni li l-attivitajiet ta’ Bank Mellat għandhom jiġu kkunsidrati f’perspettiva iktar globali u ma jistgħux jiġu eżaminati bħala tranżazzjonijiet individwali barra mill-kuntest. Hija tfakkar li l-inklużjoni ta’ Bank Mellat ġiet ikkunsidrata mill-Kunsill tas-Sigurtà. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà abbażi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

104

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-miżuri restrittivi jagħmlu parti integrali mir-risposta ta’ oppożizzjoni għall-programm nukleari tal-Iran, li huwa mwettaq mingħajr kooperazzjoni mal-AEOI. L-inklużjoni tal-banek fuq il-listi hija spjegata mill-bżonn, għall-Iran, li juża s-servizzi bankarji għall-importazzjoni tal-uranju, ta’ teknoloġija u ta’ materjal ieħor. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li bank bħal Bank Mellat jiġi eskluż minn wieħed mis-swieq finanzjarji prinċipali fejn isiru dawn it-tipi ta’ tranżazzjonijiet huwa razjonalment marbut mal-għan tal-komunità internazzjonali ta’ prevenzjoni tal-iżvilupp u l-proliferazzjoni ta’ armi nukleari. Il-provvista ta’ servizzi bankarji minn Bank Mellat lil Novin qabel ma din ġiet inkluża mill-Kunsill tas-Sigurtà tikkostitwixxi indikazzjoni ċara li Bank Mellat huwa f’pożizzjoni li jipprovdi dan it-tip ta’ servizzi.

105

Skont il-Kummissjoni, il-Kunsill ma għandux ikollu jipprova li s-servizzi jew it-tranżazzjonijiet speċifikament inkwistjoni kienu “direttament” marbuta mal-proliferazzjoni nukleari, bħal ma tissuġġerixxi l-Qorti Ġenerali fil-punti 135 u 137 tas-sentenza appellata. L-ekwilibriju li għandu jinstab bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jinsabu inklużi fil-listi u l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi evidenti tal-Unjoni fil-qasam ta’ sigurtà jeżiġi li l-Kunsill ikollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina jekk entità, permezz tal-attività tagħha ta’ provvista ta’ servizzi finanzjarji, tgħinx lil entitajiet, inklużi fil-listi ta’ entitajiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, sabiex jipparteċipaw f’attivitjiet b’riskju ta’ proliferazzjoni, anki jekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma humiex, huma stess, daqshekk diretti bħal ma jidher li tixtieq il-Qorti Ġenerali. Hija ssostni li l-istħarriġ magħmul mill-qorti għandu jkun limitat għall-verifika ta’ jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter. Skont il-Kummissjoni, ma jistax jiġi allegat li l-Kunsill abbuża l-poter tiegħu billi inkluda fil-listi bank parzjalment miżmum mill-Istat Iranjan u li dwar dan is-suġġett anki l-Kunsill tas-Sigurtà ddikjara li huwa mħasseb.

106

Ir-Renju Unit isostni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-analiżi rispettivi tagħhom dwar il-provvista ta’ servizzi bankarji lil Novin.

107

Bank Mellat jikkontesta l-argumenti ppreżentati mill-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

L-argument tal-Kunsill huwa unikament dwar l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tar-raba’ u tal-ħames motivi.

109

Fir-rigward tal-provi użati sabiex tkun iġġustifikata l-inklużjoni ta’ Bank Mellat fuq l-imsemmija listi u tal-prova tal-fondatezza ta’ din l-inklużjoni, għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jeżiġi, b’mod partikolari, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura ruħha li d-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, isserraħ fuq bażi fattwali solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja b’mod astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119; Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 64; Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 73; Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:247, punt 45; Anbouba vs Il-Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:248, punt 46, kif ukoll Ipatau vs Il-Kunsill,C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 42).

110

Għal dan il-għan, il-qorti tal-Unjoni għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew le, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, put 120, kif ukoll Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 65).

111

Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija għalhekk din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 123, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 68).

112

F’dak li jikkonċerna r-raba’ motiv, dwar il-fatt li FEE, sussidjarja miżmuma 100 % mill-konvenut, hija milquta mir-Riżoluzzjoni 1929 (2010), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li dan kien ibbażat fuq sempliċi allegazzjonijiet. Fil-fatt, il-Kunsill ma pproduċa l-ebda prova li tippermetti lill-Qorti Ġenerali li tivverifika l-fondatezza ta’ dan il-motiv. F’tali sitwazzjoni, huwa impossibbli għall-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi ta’ inklużjoni filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u elementi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, b’mod li dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jservu ta’ bażi għad-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 137).

113

Sa fejn il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li r-raba’ motiv ma jikkostitwixxix motiv awtonomu meta mqabbel mal-motivi l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma huwiex sostnut.

114

Barra minn hekk, li jiġi ġġustifikat l-iffriżar tal-fondi ta’ Bank Mellat permezz ta’ dak ta’ FEE meta din tal-aħħar kienet ġiet inkluża fir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti minħabba l-attività ta’ Bank Mellat, jikkostitwixxi raġunament ċirkolari, tant li l-iffriżar tal-fondi tal-konvenut ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tal-inklużjoni ta’ FEE f’din ir-riżoluzzjoni. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, is-sempliċi fatt li Bank Mellat jissemma fl-imsemmija riżoluzzjoni, skont liema dan tal-aħħar “ippermetta lill-entitajiet Iranjani assoċjati fil-programm ta’ armi nukleari, ta’ missili u ta’ difiża li jwettqu tranżazzjonijiet għal mijiet ta’ miljuni ta’ dollari”, ma jistax skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 109 u 112 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti tal-inklużjoni tiegħu mill-Unjoni.

115

Fl-appell tiegħu, il-Kunsill isostni li l-provi tas-sostenn mogħti minn Bank Mellat għall-attivitajiet nukleari tal-Iran joriġinaw minn sorsi kunfidenzjali li l-iżvelar tagħhom jippermetti li jiġu identifikati l-persuni li pprovdewhom, li jpoġġi f’perikolu, b’mod partikolari, il-ħajja u s-sigurtà ta’ dawn il-persuni. Barra minn hekk, il-provi jistgħu jkunu ġew trażmessi minn pajjiż terz li jirrifjuta l-iżvelar tagħhom. F’tali każ, għandha tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità taħt piena li tiġi kompromessa l-kooperazzjoni internazzjonali.

116

Fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-provi, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju u argumenti li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall‑evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l‑argumenti li jkunu ġew diskussi quddiem l-ewwel qorti (sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

117

Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq il-kunfidenzjalità tal-provi huwa inammissibbli.

118

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li r-raba’ motiv ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ Bank Mellat.

119

Fir-rigward tal-ħames motiv, sa fejn huwa dwar is-servizzi finanzjarji pprovduti lill-AEOI, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li Kunsill ma pproduċa l-ebda prova jew informazzjoni li tistabbilixxi li tali servizzi ġew ipprovduti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill madankollu invoka, fl-appell tiegħu, in-natura klandestina tal-attivitajiet, li tfixkel il-komunikazzjoni ta’ provi li joriġinaw minn sorsi kunfidenzjali, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, kif ukoll l-ineżistenza ta’ dritt assolut għall-iżvelar tal-provi.

120

Peress li dan l-argument ġie invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat inammissibbli.

121

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova meta kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-allegazzjonijiet dwar l-AEOI ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent.

122

Fir-rigward tal-ħames motiv, sa fejn jirrigwarda s-servizzi finanzjarji pprovduti lil Novin, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ. Għalhekk, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat li s-servizzi pprovduti lil Novin mir-rikorrent kienu fit-territorju Iranjan. Fil-punt 128, hija kkunsidrat li kellha tittieħed l-allegazzjoni ta’ Bank Mellat li ma kienx jaf dwar l-involviment ta’ Novin fil-proliferazzjoni nukleari qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu lil din tal-aħħar mill-Kunsill tas-Sigurtà, sa fejn il-Kunsill ma kienx ressaq provi jew informazzjoni preċiżi u konkreti f’dan ir-rigward. Fil-punt 129, huwa ddeskriva l-mod kif Bank Mellat għalaq il-kontijiet ta’ Novin wara l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra din l-entità. Wara eżami tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata, li l-aħħar tranżazzjonijiet finanzjarji magħmula minn Bank Mellat favur Novin kienu awtorizzati u li l-Kunsill u l-Kummissjoni lanqas biss allegaw li l-ħlas inkwistjoni kien relatat mal-proliferazzjoni nukleari.

123

Fir-rigward tal-elementi preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li la s-servizzi pprovduti minn Bank Mellat lil Novin qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu li din tal-aħħar u lanqas il-modalitajiet ta’ tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tar-rikorrent ma’ Novin ma jikkostitwixxu għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413, kif ukoll tar-Regolamenti Nri 423/2007, 961/2010 u 267/2012.

124

Din il-konklużjoni hija kkontestata mill-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit minħabba li ma huwiex importanti jekk Bank Mellat kienx jaf jew le bl-involviment ta’ Novin fl-attivitajiet nukleari, mingħajr madankollu ma huma kkontestati l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-inklużjoni, fuq il-listi tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, ta’ banek li jipprovdu servizzi finanzjarji marbuta mal-kummerċ internazzjonali hija marbuta mal-għan tal-komunità internazzjonali li tipprevjeni l-iżvilupp u l-proliferazzjoni tal-armi nukleari.

125

Issa, l-atti kkontestati huma intiżi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront ta’ Bank Mellat minħabba l-fatt li, bl-aġir tiegħu, dan jagħti sostenn lill-attivitajiet nukleari tal-Iran b’riskju ta’ proliferazzjoni. Issa, fid-dawl tal-fatt li, minkejja l-kontestazzjoni minn Bank Mellat tal-fondatezza tal-ħames motiv, il-Kunsill ma kien ippreżenta l-ebda prova jew informazzjoni preċiża li tippermetti li jiġi stabbilit li s-servizzi pprovduti minn Bank Mellat lil Novin kienu jikkostitwixxu tali sostenn, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jolqtu lil Bank Mellat.

126

Minn dan isegwi li l-argument tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fondatezza tar-raba’ u tal-ħames motivi għandu jiġi miċħud.

Fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-eżami tal-appell

127

Mill-eżami tal-appell jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jivvizzja r-raġunament tagħha billi kkonkludiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li, meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill ma osservax l-obbligu li jeżamina r-rilevanza u l-fondatezza tal-informazzjoni u tal-prova dwar Bank Mellat mibgħuta lilu. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożittiv ta’ din is-sentenza jistax jinżamm abbażi tal-motivi tal-imsemmija sentenza li ma humiex ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

128

Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali annullat l-atti kkontestati abbażi ta’ diversi motivi flimkien.

129

Għalhekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li d-difett li jaffettwa d-deċiżjoni tal-Kunsill kien jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, f’dak li jikkonċerna lil Bank Mellat, madankollu, fil-punti 105 u 107 tas-sentenza appellata, hija annullat dawn l-istess atti minħabba difetti oħra mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li d-difett ikkonstatat fil-punt 106 tas-sentenza appellata ma jaffettwax id-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

130

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

131

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

132

L-Artikolu 138 tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

133

Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Bank Mellat fiż-żewġ istanzi, kif mitlub minn Bank Mellat.

134

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

135

Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fiż-żewġ istanzi.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Bank Mellat fiż-żewġ istanzi.

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u Il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fiż-żewġ istanzi.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.