SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
27 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — VAT — Kamp ta’ applikazzjoni — Determinazzjoni tal-valur taxxabbli — Kunċett ta’ ‘sussidju direttament marbut mal-prezz’ — Ħlas ta’ allowance imħallsa mill-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-istabbilimenti ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti”
Fil-Kawża C‑151/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour administrative d’appel de Versailles (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura
Le Rayon d’Or SARL
vs
Ministre de l’Économie et des Finances,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Le Rayon d’Or SARL, minn A. Grousset, E. Ashworth u F. Bertacchi, avukati, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Le Rayon d’Or SARL (iktar ’il quddiem “Rayon d’Or”), kumpannija stabbilita fi Franza, u l-amministrazzjoni fiskali, irrappreżentata mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, dwar is-suġġett tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) applikabbli għal stabbiliment ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti (iktar ’il quddiem l-“SRPAD”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:
|
4 |
L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li: “Fit-territorju tal-pajjiż 1. L-ammont [valur] taxxabbli għandu jkun:
|
5 |
L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jelenka serje ta’ eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess ġenerali. L-Istati Membri għandhom għaldaqstant jeżentaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-eżenzjonijiet previsti u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż, possibbli b’mod partikolari:
|
6 |
Id-Direttiva tal-VAT, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT huma, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva. |
7 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
[...]” |
8 |
L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT li jissostitwixxi l-Artikolu 11 A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi: “Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont [valur] taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista”. |
9 |
L-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin: […]
|
10 |
L-Artikolu 174(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi: “Il-proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jinkludi l-ammonti li ġejjin:
L-Istati Membri jistgħu jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk marbuta direttament mal-prezz tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi msemmija fl-Artikolu 73.” |
Id-dritt Franċiż
11 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 256 tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (iktar ’il quddiem il-“KĠT”) jipprovdi: “Huma suġġetti għall-[VAT] il-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi bi ħlas minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. |
12 |
Skont l-Artikolu 261(4)(1b) tal-KĠT, “hija eżentata mill-[VAT] il-kura, pprovduta mill-istabbilimenti ta’ residenza privati għall-persuni anzjani msemmija fl-Artikolu L. 312-1(I)(6) tal-code de l’action sociale et des familles (Kodiċi għall-azzjoni soċjali u għall-familji), li hija koperta minn allowance globali annwali għall-kura skont l-Artikolu L. 174-7 tal-code de la sécurité sociale (Kodiċi tas-sigurtà soċjali)”. |
13 |
L-Artikolu 266(1)(a) tal-KĠT jispeċifika: “1. Il-valur taxxabbli għandu jkun magħmul:
|
14 |
Skont l-Artikolu L. 174-7 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali: “L-ispejjeż marbuta mal-kura medika mogħtija lill-persuna assigurata u lil dawk li jibbenefikaw minn għajnuna soċjali fl-istabbilimenti u faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu L. 162‑24‑1 huma mħallsa mill-iskemi tal-assigurazzjoni kontra l-mard jew huma koperti mill-għajnuna soċjali, skont il-metodi ffissati mil-leġiżlazzjoni, eventwalment skont allowances ikkalkolati bħala somma waħda.” |
15 |
F’konformità mal-Artikolu L. 313-12 tal-code de l’action sociale et des familles, l-iSRPAD li kienu ffirmaw ftehim pluriennali mal-President tal-Kunsill Ġenerali u mal-awtorità kompetenti tal-Istat jirċievu allowance globali għall-provvisti ta’ kura li huma jipprovdu. |
16 |
L-Artikolu R. 314-158 tal-code de l’action sociale et des familles jipprovdi dan li ġej: “Il-provvisti pprovduti mill-istabbilimenti jew minn taqsimiet tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu L. 313-12 [...] jinkludu:
|
17 |
L-Artikolu R. 314-161 tal-code de l’action sociale et des familles jipprovdi: “Ir-rata marbuta mal-kura tkopri l-provvisti mediċi u paramediċi neċessarji sabiex tingħata kura għal problemi somatiċi u psikiċi tal-persuni residenti fl-istabbiliment kif ukoll il-provvisti paramediċi li jirrigwardaw kura marbuta mal-livell ta’ dipendenza tar-residenti.” |
18 |
Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-metodi ta’ kalkolu tal-“allowance għal kura” jieħdu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ residenti milqugħa f’kull stabbiliment u l-livell ta’ dipendenza tagħhom, evalwati skont il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikoli R. 314-170 u R. 31-171 tal-code de l’action sociale et des familles u l-koeffiċjenti storiċi stabbiliti fuq livell nazzjonali u aġġornati kull sena abbażi tal-ispejjeż medji tal-iSRPAD kollha. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19 |
Le Rayon d’Or, li tamministra SRPAD, ikkunsidrat li l-ammonti li tagħtiha l-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard bħala “allowance għal kura” ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT u li, konsegwentement, dawn l-ammonti ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-proporzjon ta’ tnaqqis tal-VAT li japplika għaliha għas-snin 2006 sa 2008. Hija għaldaqstant għaddiet, għas-snin inkwistjoni, għal rettifika tal-ammont deduċibbli u talbet, mingħand l-amministrazzjoni fiskali, ir-rimbors ta’ EUR 60 064. |
20 |
Peres li l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba, Le Rayon d’Or ressqet il-kawża quddiem it-tribunal administratif de Montreuil. Billi din il-qorti ma laqgħetx ir-rikors ta’ Le Rayon d’Or, din tal-aħħar appellat quddiem il-cour administrative d’appel de Versailles. |
21 |
Quddiem din il-qorti, Le Rayon d’Or saħqet l-opinjoni tagħha fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li jeżentaw mill-VAT l-ammonti li jikkorrispondu għall-“allowance għal kura” u li, skont din il-kumpannija, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa, imorru kontra s-Sitt Direttiva u d-Direttiva tal-VAT. Insostenn tal-argument tagħha, Le Rayon d’Or issostni li l-metodi ta’ kalkolu tal-“allowance għal kura” ma jippermettux li din tiġi kkwalifikata bħala “sussidju direttament marbut mal-prezz” tal-provvista ta’ kura mogħtija mill-iSRPAD lir-residenti. |
22 |
Fil-fatt, qabel kollox, is-servizzi mogħtija lir-residenti la huma ddefiniti minn qabel u lanqas ippersonnalizzati u r-residenti ma jkunux jafu l-prezz tagħhom. Sussegwentement, peress li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa l-prinċipju ta’ kura medika bla ħlas mogħtija fi ħdan l-iSRPAD, ir-residenti għandhom il-garanzija li ser jibbenefikaw minn din il-kura bla ħlas ikun xi jkun l-ammont tas-sussidju mogħti lill-istabbiliment u indipendentement minn kemm ikun irnexxielu jew le li jlaħħaq mal-ispejjeż li huwa obbligat li jkopri. Fl-aħħar nett, l-ammont tas-sussidju mogħti lill-istabbiliment ma jikkorrispondix mal-ispejjeż attwali għall-kura. |
23 |
L-amministrazzjoni fiskali ssostni, prinċipalment, li l-“allowance għal kura” ma għandhiex tiġi analizzata bħala sussidju, iżda bħala skema ta’ tariffikazzjoni u li ċ-ċirkustanza li t-tariffikazzjoni hija stabbilita abbażi tal-bżonnijiet għal kura ma tfixkilhix milli tiġi kklassifikata bħala “provvista bi ħlas”. Sussidjarjament, din l-amministrazzjoni sostniet, b’mod partikolari, li teżisti rabta diretta u immedjata bejn il-ħlas tal-“allowance għal kura” u s-servizzi għal kura mogħtija lill-benefiċjarji. Ċertament, is-servizzi ma humiex neċessarjament ippersonalizzati, iżda huma għandhom il-potenzjal li jkunu tali. Barra minn hekk, Le Rayon d’Or għandha obbligu legali li tipprovdi l-kura inkwistjoni, fejn il-prezz ma għandux għalfejn jitħallas mill-benefiċjarji tal-kura u wisq inqas ma għandu jkun proporzjonali għall-valur ta’ dawn is-servizzi. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour administrative d’appel de Versailles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 11, [...] A(1)(a) tas-[Sitt] Direttiva, imsemmi fl-Artikolu 73 tad-Direttiva [VAT], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“allowance għal kura” imħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-[iSRPAD], skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 174-7 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, u eżentata mill-[VAT] skont id-dispożizzjonijiet [...] tal-Artikolu 261 [(1b) u (4)] tal-[KĠT], tikkostitwixxi sussidju direttament marbut mal-prezz tal-provvista ta’ kura mogħtija lir-residenti u li f’dan is-sens tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[VAT]?” |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Haug, C‑286/05, EU:C:2006:296, punt 17; Campina, C‑45/06, EU:C:2007:154, punt 30, u Hewlett-Packard Europe, C‑361/11, EU:C:2013:18, punt 35). |
26 |
Għal dawn l-iskopijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 58). |
27 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT u għandux jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis. |
28 |
Huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jifhem id-domanda bħala li tirreferi għal, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11A(a) tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvisti ta’ kura bi ħlas mill-iSRPAD li minnha jibbenefikaw ir-residenti tiegħu u jaqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. |
29 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, minn naħa, li, f’konformità mal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jagħti definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, huma suġġetti għall-VAT “il-provvisti ta’ servizzi magħmula bi ħlas” u li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, provvista ta’ servizzi ma ssirx “bi ħlas”, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, u ma tkunx għalhekk taxxabbli, ħlief meta, bejn il-fornitur ta’ din il-provvista u l-benefiċjarju, tkun teżisti relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-kumpens riċevut mill-fornitur ta’ din il-provvista jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 14; Kennemer Golf, C‑174/00, EU:C:2002:200, punt 39, u RCI Europe, C‑37/08, EU:C:2009:507, punt 24). |
30 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sussidji direttament marbuta mal-prezz ta’ tranżazzjoni taxxabbli jikkostitwixxu biss sitwazzjoni fost oħrajn imsemmija fl-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva u li, indipendentement mis-sitwazzjoni partikolari inkwistjoni, il-valur taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi huwa, fi kwalunkwe każ, ikkostitwit minn dak kollu rċevut bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keeping Newcastle Warm, C‑353/00, EU:C:2002:369, punti 23 u 25). |
31 |
Peress li l-Artikolu 73 tad-Direttiva VAT, li ssostitwixxa l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, huwa, essenzjalment, identiku għal din l-aħħar dispożizzjoni, il-ġurisprudenza ċċitata fiż-żewġ punti preċedenti u l-iżviluppi li jsegwu japplikaw mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 73. |
32 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-“allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali mħallsa mill-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-iSRPAD hija rċevuta minn dawn tal-aħħar bħala korrispettiv għas-servizzi ta’ kura li jipprovdu, skont formuli differenti, lir-residenti tagħhom. |
33 |
Fil-fatt, qabel kollox, Le Rayon d’Or, waqt is-seduta, irrikonoxxiet il-fatt li l-iSRPAD huma effettivament obbligati li jipprovdu, bħala korrispettiv għall-ħlas tal-allowance, servizzi lir-residenti tagħhom. |
34 |
Sussegwentement, sabiex provvista ta’ servizzi tkun tista’ tiġi kkunsidrata li saret “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma huwiex meħtieġ li l-korrispettiv għal din il-provvista jinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha, iżda l-korrispettiv jista’ jinkiseb mingħand terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Loyalty Management UK u Baxi Group, C‑53/09 u C‑55/09, EU:C:2010:590, punt 56). |
35 |
Il-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarju dirett tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni ma huwiex il-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard li jħallas l-allowance, iżda l-persuna assigurata, ma huwiex, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Le Rayon d’Or, ta’ natura li jkisser ir-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista tas-servizzi effettwati u l-korrispettiv irċevut. |
36 |
Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni tkun ikkaratterizzata, b’mod partikolari, mid-disponibbiltà permanenti ta’ min jipprovdi, fil-mument meħtieġ, is-servizzi ta’ kura li huma mitluba mir-residenti, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-imsemmija provvista u l-korrispettiv miksub, li ħlas jirrelata ma’ provvista ta’ kura ppersonalizzata u fil-ħin fuq talba ta’ residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kennemer Golf, EU:C:2002:200, punt 40). |
37 |
Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-provvisti ta’ kura mogħtija, fil-kawża prinċipali, lir-residenti la huma ddefiniti minn qabel u lanqas ippersonalizzati u li l-ħlas isir fil-forma ta’ allowance ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista tas-servizzi effettwati u l-korrispettiv irċevut, fejn l-ammont huwa stabbilit minn qabel u skont kriterji stabbiliti fis-sod. |
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvisti ta’ kura bi ħlas mill-iSRPAD li minnha jibbenefikaw ir-residenti tiegħu u jaqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvisti ta’ kura bi ħlas minn stabbiliment ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti li minnha jibbenefikaw ir-residenti tiegħu u jaqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.