SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2004/39/KE — Artikolu 54 — Obbligu ta’ sigriet professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni finanzjarja — Informazzjoni dwar impriża ta’ investiment frawdolenti u fi stralċ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑140/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Annett Altmann,

Torsten Altmann,

Hans Abel,

Waltraud Apitzsch,

Uwe Apitzsch,

Simone Arnold,

Barbara Assheuer,

Ingeborg Aubele,

Karl-Heinz Aubele

vs

Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht,

fil-preżenza ta’:

Frank Schmitt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Altmann u T. Altmann, H. Abel, W. Apitzsch u U. Apitzsch, S. Arnold u B. Assheuer kif ukoll I. Aubele u K.‑H. Aubele, minn M. Kilian u S. Giller, avukati,

għall-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht, minn R. Wiegelmann, bħala aġent,

għal F. Schmitt, bħala likwidatur ta’ Phoenix Kapitaldienst GmbH, minn A. J. Baumert, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Germani, K. Nasopoulou u F. Dedousi, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A. Cunha u M. Manuel Simões, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.‑P. Wojcik, A. Nijenhuis u J. Rius, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-rikorrenti A. Altmann u T. Altmann, H. Abel, W. Apitzsch u U. Apitzsch, S. Arnold u B. Assheuer kif ukoll I. Aubele u K.‑H. Aubele u l-konvenut il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Uffiċċju federali għas-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“BaFin”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, tad-9 ta’ Ottubru 2012, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti u informazzjoni dwar Phoenix Kapitaldienst GmbH Gesellschaft für die Durchführung und Vermittlung von Vermögensanlagen (iktar ’il quddiem “Phoenix”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 63 tad-Direttiva 2004/39 jistabbilixxu:

“(2)

[…] huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti tal-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni [uniku], fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post [tal-Istat Membru ta’ oriġini]. […]

[…]

(63)

[…] Minħabba l-attività tiżdied li taqsam il-fruntieri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin it-tagħrif rilevanti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, inklużi s-sitwazzjonijiet meta l-kontravenzjonijiet [ksur] jew il-kontravenzjonijiet issuspettati jistgħu jkunu ta’ tħassib lill-awtoritajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar. Fl-iskambju tat-tagħrif, hija meħtieġa segretezza stretta professjonali sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni bla xkiel ta’ dan it-tagħrif u għall-protezzjoni ta’ drittijiet partikolari.”

4

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/39, intitolat “L-Obbligu ġenerali rigward is-sorveljanza kontinwa”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet tad-ditti tal-investiment sabiex jistmaw il-konformità mal-kondizzjonijiet operatorji pprovvduti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu fil-post miżuri approprjati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu t-tagħrif meħtieġ sabiex jistmaw il-konformità tad-ditti tal-investiment ma’ dawn l-obbligi.”

5

L’Artikolu 50 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Poteri li jridu jsiru disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti”, jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw il-poteri kollha tas-sorveljanza u l-investigazzjoni li jkunu meħtieġa għall-eżeċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. […]

2.   Il-poteri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżerċitati skont il-liġijiet nazzjonali u għandhom mill-inqas jinkludi d-drittijiet li:

a)

ikollhom aċċess għal kull dokument f’kull għamla u li jirċievu kopja tiegħu;

b)

jiddomandaw tagħrif minn għand kull persuna u, jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu persuna bil-ħsieb li jiksbu tagħrif;

[…]”

6

L-Artikolu 54 tal-istess direttiva, intitolat “Is-Segretezza professjonali”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti […] jkunu marbuta l-obbligu tas-segretezza professjonali. Ma jista’ jiġi żvelat l-ebda tagħrif li jistgħu jirċievu fil-kors tad-dmirijiet tagħhom lill-ebda persuna jew awtorità, ikunu xi jkunu, għajr f’għamla sommarja u aggregata hekk li d-ditti individwali tal-investiment jew kull persuna oħra ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

2.   Meta ditta tal-investment [tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun tqiegħdet fi stralċ obbligatorju], jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali, l-awtoritajiet kompetenti […] li jirċievu tagħrif kunfidenzali skond din id-Direttiva jistgħu jużawh biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom […] Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw it-tagħrif jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal għanijiet oħra.

4.   Kull tagħrif kunfidenzali rċevut, skambjat jew trasmess skond din id-Direttiva għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu. Madankollu, dan l-Artikolu ma għandux jipprevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu tagħrif kunfidenzali […], bil-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp jew persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] oħra li jkunu kkomunikaw dan it-tagħrif.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux jippevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu skond il-liġijiet nazzjonali, it-tagħrif kunfidenzali li ma jkunx ġie rċevut minn għand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.”

7

L-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2004/39, intitolat “L-Obbligu tal-koperazzjoni”, jistabbilixxi:

“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti għandhom jikkoperaw ma’ xulxin kulmeta meħtieġ bil-għan li jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva sewwa jekk iddikjarati f’din id-Direttiva jew fil-liġijiet nazzjonali u sewwa jekk le.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, għandhom jiskambjaw it-tagħrif u jikkoperaw f’kull investigazzjoni jew attivitajiet tas-sorveljanza.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

8

L’Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-libertà ta’ informazzjoni (Informazzjonifreiheitsgesetz), tal-5 ta’ Settembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 2722, iktar ’il quddiem l-“IFG”), huwa hekk ifformulat:

“Kull persuna tista’ tippretendi mill-awtoritajiet federali aċċess għal informazzjoni uffiċjali, kif ipprovdut permezz ta’ din il-liġi.”

9

Il-punt 4 tat-Artikolu 3 tal-IFG, intitolat “Protezzjoni ta’ interessi pubbliċi individwali”, jiddisponi:

“Persuna ma tistax tippretendi li jkollha aċċess għall-informazzjoni

[…]

4.

meta l-informazzjoni tkun koperta bis-sigriet professjonali jew bis-sigriet tas-servizz jew anki b’obbligu ta’ kunfidenzjalità jew ta’ diskrezzjoni prevista minn liġi jew minn dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-protezzjoni materjali u organizzattiva tal-informazzjoni klassifikata.”

10

L-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar is-settur tal-kreditu (Kreditwesengesetz), tad-9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2776), kif emendata bil-liġi tat-4 ta’ Lulju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1981, iktar ’il quddiem il-“KWG”), intitolat “Obbligu ta’ kunfidenzjalità”, jipprovdi:

“Meta jimplementaw din il-liġi fil-kuntest tal-attività tagħhom, il-persuni impjegati mill-[BaFin] ma għandhomx id-dritt li jiżvelaw jew jużaw mingħajr awtorizzazzjoni il-punti ta’ fatt li huma saru jafu bihom matul l-attività tagħhom u li [l-persuni suġġetti għal din il-liġi] jew terzi għandhom interess iżommu l-kunfidenzjalità (bħal b’mod partikolari s-sigrieti kummerċjali u s-sigrieti tan-negozju), inkluż meta dawn ma jibqgħux fis-servizz jew li l-attività tagħhom intemmet. […]”

11

L-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar it-tranżazzjonijiet kummerċjali (Wertpapierhandelsgesetz), tad-9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2708), kif emendata bil-liġi tat-15 ta’ Lulju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 2390, iktar ’il quddiem il-“WpHG”), intitolat “Obbligu ta’ kunfidenzjalità”, huwa fformulat b’mod identiku għall-Artikolu 9(1) tal-KWG.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li nbdiet proċedura kollettiva ta’ arranġament mal-kredituri fil-konfront ta’ Phoenix b’deċiżjoni tal-Amtsgericht Frankfurt am Main (Qorti kantonali ta’ Frankfurt am Main) tal-1 ta’ Lulju 2005. Din il-kumpannija ġiet xolta f’dak iż-żmien u issa tinsab fi stralċ ġudizzjarju. Il-mudell kummerċjali ta’ Phoenix kien prinċipalment li jiffroda l-investituri. Madwar 30000 investitur kienu leżi, b’dannu li jammonta għal EUR 600 miljun.

13

B’sentenza tal-Landgericht Frankfurt am Main (Qorti reġjonali ta’ Frankfurt am Main), mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2006, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali żewġ membri tal-eżekuttiv preċedenti ta’ Phoenix instabu ħatja ta’ abbuż ta’ fiduċja u ta’ frodi għal investimenti u kienu kkundannati rispettivament għal seba’ snin u erba’ xhur u għal sentejn u tliet xhur priġunerija.

14

Fil-21 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw quddiem il-BaFin l-Artikolu 1(1) tal-IFG sabiex ikunu jistgħu jikkonsultaw dokumenti dwar Phoenix, bħar-rapporti tal-awdituri, il-kuntratti, in-noti tal-fajl, il-kummenti interni, il-korrispondenza rilevanti kif ukoll ir-rapporti ta’ attività u ta’ ġestjoni tal-fondi ta’ kumpens tal-kumpanniji ta’ investiment.

15

B’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2012, il-BaFin laqgħat fil-parti l-kbira t-talba għal informazzjoni. Madankollu, hija rrifjutat li r-rikorrenti jikkonsultaw ir-rapport speċjali ta’ verifika tal-31 ta’ Marzu 2002 imħejji minn Ernst & Young, kif ukoll ir-rapporti tal-awdituri ta’ Phoenix, il-kummenti interni, ir-rapporti, il-korrispondenza, id-dokumenti, il-ftehimiet, il-kuntratti, in-noti tal-fajl u l-korrispondenza relatata ma’ Phoenix kif ukoll il-kummenti interni kollha u l-korrispondenza stabbilita jew magħmula wara l-komunikazzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ verifika.

16

Il-BaFin ċaħdet dawn it-talbiet b’mod partikolari minħabba li l-obbligi ta’ kunfidenzjalità previsti fl-Artikoli 9 tal-KWG u 8 tal-WpHG, moqrija flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-IFG, jipprojbixxu l-aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni. Fil-21 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors amministrattiv kontra dan ir-rifjut. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2012, il-BaFin ċaħdet dan ir-rikors.

17

Fit-12 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontenzjuż quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni. Bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2012, il-qorti tar-rinviju ordnat lill-BaFin, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (Qorti amministrattiva federali), tagħti aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba.

18

Madankollu, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li f’kawża oħra li tikkonċerna wkoll l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-BaFin fir-rigward ta’ Phoenix, il-qorti tar-rinviju, bid-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2008, iddeċidiet li dritt għall-informazzjoni jeżisti wkoll, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-IFG, meta l-għan ta’ protezzjoni kopert mill-Artikoli 9 tal-KWG u 8 tal-WpHG ma jimponux iktar il-bżonn ta’ kunfidenzjalità. Għalhekk, hija ddikjarat li ma kien hemm l-ebda interess leġittimu sabiex is-sigrieti kummerċjali u s-sigrieti tan-negozju ta’ Phoenix jibqgħu kunfidenzjali peress li l-informazzjoni mitluba tikkonċerna atti sanzjonabbli kriminalment jew ksur ieħor serju tad-dritt.

19

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li tkompli tikkunsidra, f’każ bħal dak f’din il-kawża, ma huwiex neċessarju li jiġu protetti l-interessi ta’ Phoenix u għalhekk huwa possibbli, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li tirrinunzja għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità prevista fl-Artikoli 9 tal-KWG u 8 tal-WpHG.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)

Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-obbligi mandatorji ta’ kunfidenzjalità tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kontroll tal-kumpanniji tas-servizzi finanzjarji u li huma bbażati fuq l-atti tad-dritt tal‑Unjoni debitament trasposti fid-dritt nazzjonali [f’dan il-każ, id-Direttivi 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p. 38), 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, p. 1) u 2009/65/CE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32) trasposti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 9 tal-KWG u l-Artikolu 8 tal-WpHG] jistgħu jiġu ppreġudikati bl-applikazzjoni u bl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni proċedurali nazzjonali bħall-Artikolu 99 tal-Verwaltungsgerichtsordnung [Liġi dwar il-kodiċi tal-proċedura amministrattiva]?

2)

Awtorità ta’ superviżjoni bħall-[BaFin] tista’ tinvoka, fir-rigward ta’ persuna li talbitha, skont l-[IFG] [Liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni], aċċess għall-informazzjoni ta’ fornitur partikolari ta’ servizzi finanzjarji, l-obbligi ta’ kunfidenzjalità tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni [bħall-obbligi taħt l-Artikolu 9 tal-(KWG) u l-Artikolu 8 tal-(WpHG)], meta l-mudell ewlieni tan-negozju tal-kumpannija li toffri servizzi finanzjarji u li issa hija fi stralċ ġudizzjarju wara x-xoljiment tagħha minħabba f’insolvenza kienet tikkonsisti fi frodi fuq skala kbira intiża li xjentement tiffrodi l-investituri u li l-persuni responsabbli minn din il-kumpannija ġew ikkundannati permezz ta’ sentenza definittiva għal diversi snin ta’ priġunerija?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

B’deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2014, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, il-qorti tar-rinviju informatha bid-deċiżjoni tagħha li tirtira l-ewwel domanda tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

Fuq it-tieni domanda preliminari

22

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, anki jekk il-qorti tar-rinviju rreferiet għad-Direttivi 2004/109, 2006/48 u 2009/65, fid-dawl tal-elementi komplementari pprovduti minn din il-qorti, b’risposta għal kjarifika mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, u minħabba fil-portata tal-attivitajiet ta’ Phoenix, l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 huwa l-uniku artikolu rilevanti fil-kawża prinċipali.

23

Għalhekk, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi eżaminata biss fir-rigward ta’ dan l-artikolu.

24

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali fil-konfront ta’ persuna li talbitha l-aċċess għal informazzjoni dwar impriża ta’ investiment li issa tinsab fi stralċ ġudizzjarju, meta l-mudell kummerċjali ewlieni ta’ din l-impriża jikkonsisti fi frodi fuq skala kbira intiża li xjentement tiffrodi l-investituri u li l-persuni responsabbli minn din l-impriża ġew ikkundannati għal priġunerija.

25

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/39 u l-kuntest tal-Artikolu 54.

26

Jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2004/39 li din hija intiża sabiex jintlaħaq il-grad ta’ armonizzazzjoni neċessarju sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex jippermetti lill-impriżi tal-investiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Unjoni kollha fuq il-bażi tas-superviżjoni eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini.

27

Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 63 ta’ din id-direttiva li, f’kuntest ta’ attività transkonfinali dejjem tiżdied, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni neċessarja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-istess direttiva.

28

Għalhekk, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/39, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw b’mod permanenti l-attività tal-impriżi ta’ investiment sabiex jiżguraw li dawn josservaw l-obbligi tagħhom.

29

L-Artikolu 50(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddisponu mis-setgħat kollha tagħhom ta’ superviżjoni u ta’ investigazzjoni neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jkollhom aċċess għal kull dokument u li jitolbu għal informazzjoni minn kull persuna.

30

L-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2004/39 jiddisponi li kull awtorità kompetenti tagħti l-assistenza tagħha lil kull awtorità kompetenti ta’ Stati Membri oħra u li, b’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u jikkooperaw fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew ta’ attivitajiet ta’ superviżjoni.

31

Il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, ibbażata fuq is-superviżjoni eżerċitata fi ħdan Stat Membru u dwar l‑iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ numru ta’ Stati Membri, hekk kif deskritti fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-impriżi taħt superviżjoni kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Hillenius, 110/84, EU:C:1985:495, punt 27).

32

Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif jirriżulta wkoll mill-aħħar frażi tal-premessa 63 tad-Direttiva 2004/39, l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trażmissjoni mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ superviżjoni.

33

Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll il-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jimponi, bħala regola ġenerali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali.

34

Il-każijiet speċifiċi fejn il-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali koperti mis-segretezza professjonali ma humiex ta’ ostakolu għat-trażmissjoni jew għall-użu tagħhom huma deskritti b’mod dettalljat fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39.

35

Minn dan jirriżulta li l-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma għandhiex eċċezzjonijiet oħra għajr dawk is-sitwazzjonijiet speċifiċi previsti minn dan l-artikolu.

36

F’dan il-każ, u fid-dawl tan-natura frawdolenti tal-attività li Phoenix teżerċita, kundanni ta’ natura kriminali tal-persuni responsabbli minnha kif ukoll it-tqegħid tagħha fi stralċ ġudizzjarju, għandu jingħad, minn naħa, li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jiddisponi li l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali huwa applikabbli “mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”

37

Għandu jitfakkar, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 54(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, meta impriża ta’ investiment tkun ġiet iddikjarata falluta jew tqegħdet fi stralċ obbligatorju, “jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment”.

38

Għalhekk, fir-rigward ta’ informazzjoni dwar impriżi ta’ investiment iddikjarati falluti jew fi stralċ obbligatorju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali jista’ biss jiġi eskluż, bla ħsara għall-każijiet li jirriżultaw mid-dritt kriminali, meta t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, jiġifieri li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx tikkonċerna terzi, li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni sseħħ fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali u li tali informazzjoni tkun neċessarja għall-iżvolġiment ta’ dawn il-proċeduri, huma ssodisfatti.

39

Ma huwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali, li tirrigwarda proċedura amministrattiva fuq talba għal aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti miżmuma minn awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni skont l-IFG, taqa’ taħt id-dritt kriminali, billi din it-talba kienet ġiet ippreżentata sussegwentement għall-kundanni ta’ natura kriminali fil-konfront tal-persuni responsabbli minn Phoenix, jew li taqa’ fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali mibdija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

40

Jekk dan huwa l-każ, li huwa għall-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-ebda dispożizzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 ma tippermetti l-esklużjoni tal-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali.

41

Iċ-ċirkustanzi enfasizzati mill-qorti tar-rinviju li, minn naħa, il-mudell kummerċjali ewlieni tal-impriża kkonċernata kien jikkonsisti fi frodi fuq skala kbira intiża li xjentement tiffrodi l-investituri u, min-naħa l-oħra, li numru ta’ persuni responsabbli minn din l-impriża ġew ikkundannati għal priġunerija, bl-ebda mod ma jibdlu r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula.

42

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda hija li l-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali fil-konfront ta’ persuna, mhux involuta f’każ li jirriżulta mid-dritt kriminali jew minn proċeduri ċivili jew kummerċjali, li talbitha l-aċċess għal informazzjoni dwar impriża ta’ investiment li issa tinsab fi stralċ ġudizzjarju, meta l-mudell kummerċjali ewlieni ta’ din l-impriża jikkonsisti fi frodi fuq skala kbira intiża li xjentement tiffrodi l-investituri u li l-persuni responsabbli minn din l-impriża ġew ikkundannati għal priġunerija.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali fil-konfront ta’ persuna, mhux involuta f’każ li jirriżulta mid-dritt kriminali jew minn proċeduri ċivili jew kummerċjali, li talbitha l-aċċess għal informazzjoni dwar impriża ta’ investiment li issa tinsab fi stralċ ġudizzjarju, meta l-mudell kummerċjali ewlieni ta’ din l-impriża jikkonsisti fi frodi fuq skala kbira intiża li xjentement tiffrodi l-investituri u li l-persuni responsabbli minn din l-impriża ġew ikkundannati għal priġunerija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.