SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Produzzjoni organika u ttikkettjar ta’ prodotti organiċi — Regolament (KE) Nru 889/2008 — Artikolu 27(1)(f) — Użu ta’ prodotti u sustanzi fl-ipproċessar ta’ oġġetti tal-ikel — Projbizzjoni tal-użu ta’ minerali, vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti fejn ma jkunux legalment meħtieġa — Żieda ta’ glukonat ferruż u ta’ vitamini ma’ xarba organika — Użu ta’ minerali, vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti — Kwantitajiet meħtieġa biex jiġi awtorizzat il-bejgħ bħala suppliment tal-ikel, indikat bħala tajjeb għas-saħħa u nutrizzjonali jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari”

Fil-Kawża C‑137/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerisch Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Herbaria Kräuterparadies GmbH

vs

Freistaat Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Herbaria Kräuterparadies GmbH, minn H. Schmidt, Rechtsanwalt,

għal Freistaat Bayern, minn C. Höfner u K. Mitsching, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn C. Candat u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u G. von Rintelen kif ukoll minn S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Herbaria Kräuterparadies GmbH (iktar ’il quddiem, “Herbaria”) u l-Freistaat Bayern rigward il-possibbiltà li tintuża r-referenza marbuta mal-mod ta’ produzzjoni organika fl-ittikkettjar, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ taħlita ta’ meraq tal-frott b’estratti tal-ħxejjex li tinkludi, minbarra prodotti organiċi, vitamini u glukonat ferruż li ma humiex ġejjin mill-agrikoltura organika.

Il-kuntest ġuridiku

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, tat-28 ta’ Ġunju 2007, dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, p. 1), jgħid fil-premessi 3, 5, 22 u 25 tiegħu:

“(3)

Il-qafas legali Komunitarju li jirregola s-settur tal-produzzjoni organika għandu jsegwi l-objettiv li jiżgura kompetizzjoni ġusta u funzjonament xieraq tas-suq intern fi prodotti organiċi, u li jżomm u jiġġustifika l-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi. [...]

[...]

(5)

Huwa għalhekk xieraq li l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-produzzjoni organika jiġu definiti b’mod aktar espliċitu, sabiex jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kunfidenza tal-konsumatur kif ukoll għal perċezzjoni armonizzata tal-kunċett tal-produzzjoni organika.

[...]

(22)

Iż-żamma tal-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti organiċi hija importanti. Għalhekk l-eċċezzjonijiet mill-ħtiġiet applikabbli għall-produzzjoni organika għandhom ikunu limitati strettament għal każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ regoli eċċezzjonali hija meqjusa ġustifikata.

[...]

(25)

[...] huwa kkunsidrat xieraq li l-użu tal-logo ta’ l-UE jkun limitat għal prodotti li fihom biss, jew kważi biss, ingredjenti organiċi sabiex il-konsumaturi ma jiġux imqarrqin rigward in-natura organika tal-prodott sħiħ. Għalhekk ma’ għandux ikun permess l-użu tiegħu fit-tikkettar ta’ prodotti li qegħdin f’konverżjoni jew oġġetti ta’ l-ikel ipproċessati li minnu inqas minn 95 % ta’ l-ingredjenti tiegħu ta’ oriġini agrikola huma organiċi.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jindika l-għanijiet ġenerali segwiti permezz tal-produzzjoni organika, b’mod partikolari “tipproduċi varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli oħrajn li jwieġbu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u l-benesseri ta’ l- annimali”.

5

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar ta’ ikel organiku”:

“Flimkien mal-prinċipji ġenerali mniżżla fl-Artikolu 4, il-produzzjoni ta’ għalf organiku pproċessat għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:

a)

il-produzzjoni ta’ ikel organiku minn ingredjenti agrikoli organiċi, ħlief fejn ingredjent mhux disponibbli fis-suq f’forma organika;

b)

ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ addittivi ta’ l-ikel, ingredjenti mhux organiċi b’funzjonijiet prinċipalment teknoloġiċi u funzjonijiet sesorji kif ukoll mikronutrienti u għajnuniet għall-iproċessar, sabiex huma jintużaw mill-anqas u biss f’każ ta’ ħtieġa teknoloġika essenzjali jew għal skopijiet partikolari nutrizzjonali;

ċ)

l-esklużjoni ta’ sustanzi u metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu rigward in-natura vera tal-prodott;

d)

l-ipproċessar ta’ l-ikel b’attenzjoni, preferibbilment bl-użu ta’ metodi bijoloġiċi, mekkaniċi u fiżiċi.”

6

L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni ta’ l-ikel ipproċessat”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ ikel organiku pproċessat:

a)

il-prodott għandu jiġi prodott prinċipalment minn ingredjenti ta’ oriġini agrikola; [...]

b)

additivi, għajnuniet ta’ proċessar, aromatizzanti, ilma, melħ, preparati ta’ mikroorganiżmi u enżimi, minerali, elementi ta’ traċċa, vitamini, kif ukoll aminoaċidi u mikronutrienti oħrajn f’oġġetti ta’ l-ikel għal użu nutrizzjonali partikolari biss jistgħu jintużaw u biss safejn ġew awtorizzati għall-użu fi produzzjoni organika skond l-Artikolu 21;

[...]”

7

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Kriterji għal ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar”, jipprevedi:

“1.   L-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta ta’ prodotti u sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2) (b) u (ċ) għandha tkun soġġetta għall-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fit-Titolu II u li ssegwi l-kriterji, li għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma:

i)

alternattivi awtorizzati skond dan il-kapitolu mhumiex disponibbli;

ii)

mingħajr rikors għalihom, ikun impossibbli li jiġi prodott jew preservat l-ikel jew jiġu sodisfatti ħtiġiet dijetetiċi speċifikati previsti abbażi tal- legislazzjoni Komunitarja.

Barra minn hekk, il-prodotti u s-sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2) (b) jinsabu fin-natura u jistgħu jkunu għaddew minn proċessi mekkaniċi, fiżiċi, bijoloġiċi, enżimatiċi jew mikrobjali, ħlief jekk tali prodotti jew sustanzi minn tali sorsi ma jkunux disponibbli fi kwantitajiet jew kwalitajiet suffiċjenti fis-suq.

2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2), tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti u s-sustanzi u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tistabbilixxi kondizzjonijiet u limiti speċifiċi għall-użu tagħhom, u, jekk meħtieġ, dwar l-irtirar ta’ prodotti.

[...]”

8

Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies li jinkludi termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fit-tikkettar, fil-materjal tar-riklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu huma mfissra f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu nkisbu skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness, id-derivati jew id-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bijo’ u ‘eko’, weħidhom jew b’mod kombinat, jistgħu jintużaw fil-Komunità kollha u fi kwalunkwe lingwa tal-Komunità għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodott li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.

[...]

2.   It-termini msemmija fil-paragrafu 1 ma’ għandhom jintużaw imkien ieħor fil-Komunità u fl-ebda lingwa tal-Komunità għat-tikkettar, ir-reklamar u d-dokumenti kummerċjali ta’ prodott li ma jissodisfax il-ħtiġiet imniżżla taħt dan ir-Regolament, sakemm mhumiex applikati għal prodotti agrikoli f’ikel jew għalf jew b’mod ċar ma’ għandhom l-ebda rabta ma’ produzzjoni organika.

[...]

4.   Fir-rigward ta’ ikel ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw:

a)

fid-deskrizzjoni tal-bejgħ dment li:

i)

l-ikel ipproċessat hu konformi ma’ l-Artikolu 19;

[...]”

9

Ir-Regolament Nru 889/2008 jgħid fil-premessa 21 tiegħu:

“Għall-iskop ta’ l-ipproċessar ta’ ikel organiku, l-użu ta’ ċerti ingredjenti ta’ oriġini mhux agrikola, ċerta għajnuna għall-ipproċessar ta’ l-ikel u ċerti ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola kien permess taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 taħt kundizzjonijiet definiti tajjeb. Bl-iskop li tkun żgurata l-kontinwità ta’ l-agrikoltura organika il-prodotti u s-sustanzi in kwistjoni għandhom, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, jibqgħu ikunu permessi. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa xieraq li fl-Annessi ma’ dan ir-Regolament ikunu elenkati l-prodotti u s-sustanzi li kienu permessi taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91. Jistgħu ikunu miżjuda prodotti u sustanzi oħrajn ma’ dawn il-listi fil-ġejjieni taħt bażi legali differenti, jiġifieri l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007. [...]”

10

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar ta’ l-ikel”, jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ l-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ l-ikel organiku [...]:

[...]

f)

minerali (oligo-elementi inklużi), vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti, awtorizzati biss sa fejn l-użu tagħhom huwa legalment meħtieġ fl-affarijiet ta’ l-ikel li fihom huma inkorporati.”

11

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490), kif emendata permezz tar-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU L 311, p. 1, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2002/46”), tiddefinixxi l-kunċett ta’ “supplimenti tal-ikel” u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex oġġett tal-ikel ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala tali suppliment.

12

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9, u rettifika ĠU 2007, L 12, p. 3), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “stqarrija [indikazzjoni]” u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din.

13

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012, tas-16 ta’ Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. 1), jinkludi fl-anness tiegħu lista tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati rigward l-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006. Dan l-anness jawtorizza għall-ħadid l-indikazzjoni dwar is-saħħa li ġejja:

“Il-ħadid jikkontribwixxi għall-formazzjoni normali ta’ ċelluli ħomor tad-demm u ta’ emoglobina. L-indikazzjoni tista’ tintuża biss għal ikel li huwa mill-inqas sors ta’ ħadid kif imsemmi fl-indikazzjoni [...]”

14

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (ĠU L 124, p. 21), jiddefinixxi l-oġġetti tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari u jistabbilixxi r-rekwiżiti marbuta ma’ tali użu.

15

L-anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 953/2009, tat-13 ta’ Ottubru 2009, dwar sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda għal għanijiet nutrittivi speċifiċi fl-oġġetti tal-ikel għal użi nutrittivi partikolari (ĠU L 269, p. 9), stabbilixxa, skont l-Artikolu 4(3), tad-Direttiva 2009/39, lista ta’ sustanzi b’għanijiet ta’ nutriment partikolari, inklużi l-vitamini u l-melħ minerali, li jkunu jistgħu jiġu miżjuda ma’ oġġetti tal-ikel maħsuba għal użu nutrittiv partikolari. Il-premessi 4 u 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedu:

“(4)   L-għażla tas-sustanzi għandha tissejjes qabelxejn fuq is-sikurezza tagħhom u għaldaqstant fuq id-disponibbiltà tagħhom għall-użu mill-bnedmin u fuq il-karatteristiċi organolettiċi u teknoloġiċi tagħhom. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-dispożizzjonijiet applikabbli għal kategoriji speċifiċi ta’ oġġetti tal-ikel, l-inklużjoni ta’ sustanzi fil-lista ta’ dawk li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ oġġetti tal-ikel għal użi nutrittivi partikolari ma tfissirx li ż-żieda tagħhom f’dawk l-oġġetti tal-ikel hija neċessarja jew mixtieqa.

(5)   Fejn iż-żieda ta’ sustanza nutrittiva ġiet meqjusa bħala neċessarja, din ġiet stipulata minn regoli speċifiċi fid-direttivi speċifiċi relevanti flimkien mal-kundizzjonijiet kwantitattivi xierqa, skont kif ikun il-każ.”

16

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008, tat-8 ta’ Diċembru 2008, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, p. 25), taħt it-Titolu III, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti li jipprovdu garanziji ekwivalenti”, Kapitolu 1, intitolat “Lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti”, jipprevedi fl-Artikolu 7 tiegħu, dwar l-istabbiliment u l-kontenut tal-lista tal-pajjiżi terzi, li tali lista tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament. Taħt l-istess titolu, Kapitolu 2, intitolat “Lista ta’ korpi tal-kontroll u ta’ awtoritajiet tal-kontroll rikonoxxuti għall-iskop ta’ ekwivalenza”, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jgħid li l-lista tal-korpi ta’ kontroll u tal-awtoritajiet ta’ kontroll rikonoxxuti għall-iskop ta’ ekwivalenza tinsab fl-Anness IV tal-istess regolament.

17

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 126/2012, tal-14 ta’ Frar 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward ta’ evidenza dokumentata u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 41, p. 5), jintroduċi, permezz tal-Anness II tiegħu, bidliet fl-Annessi III u IV tar-Regolament Nru 1235/2008. Il-verżjoni rilevanti ta’ dawn l-Annessi III u IV tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 508/2012, tal-20 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 (ĠU L 162, p. 1).

18

Il-premessa 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 tgħid li “l-Istati Uniti għandhom jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1235/2008”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Herbaria timmanifattura l-prodott “Herbaria Blutquick — Eisen + Vitamine” (Herbaria Blutquick — Ħadid + Vitamini, iktar ’il quddiem, “Blutquick”), taħlita ta’ meraq tal-frott b’estratti tal-ħxejjex, li tinkludi, minbarra prodotti mill-pjanti li ġejjin minn agrikoltura organika, vitamini u glukonat ferruż. Dawn il-komponenti miżjuda msemmija l-aħħar ma humiex ġejjin minn prodotti ta’ agrikoltura organika.

20

Blutquick huwa ppreżentat u kkummerċjalizzat bħala suppliment tal-ikel li għandu ħadid u vitamini, u t-tikketta tiegħu tagħmel riferiment għall-metodu ta’ produzzjoni protetta taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007 kif ukoll l-indikazzjoni “Il-ħadid isostni l-formazzjoni normali ta’ ċelluli ħomor tad-demm u tal-emoglobina”. Id-doża rakkomandata ta’ kuljum ta’ Blutquick tkopri 20 % mill-porzjon irrakkomandata għal kuljum. Blutquick huwa rrakkomandat b’mod partikolari bħala ta’ benefiċċju għall-iżvilupp intellettwali naturali tat-tfal jekk jittieħed matul it-tqala u t-treddigħ. Blutquick jgħin, minbarra dan, fil-formazzjoni normali ta’ ċelluli ħomor tad-demm u tal-emoglobina u fit-tnaqqis tal-istati ta’ eżawriment.

21

B’deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet kompetenti tal-Bavarja ordnaw lil Herbaria tneħħi r-riferiment għall-metodu ta’ produzzjoni organika fl-ittikkettjar, fir-reklamar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ Blutquick, għaliex dan kien jikser il-punt (a)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 834/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2)(b) ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008. Skont il-motivi ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li l-minerali u l-vitamini jistgħu jiġu miżjuda biss jekk l-użu tagħhom fl-oġġetti tal-ikel li fihom huma inkorporati jkun legalment meħtieġ, tali ħtieġa legali ma teżistix għal Blutquick. B’mod partikolari, il-fatt li r-Regolament Nru 1924/2006 issuġġetta l-“indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa” għal rekwiżiti ddettaljati ma jfissirx li l-użu ta’ vitamini u ta’ minerali fil-manifattura ta’ oġġetti tal-ikel huwa legalment meħtieġ. Għalhekk, Blutquick ma jistax jiġi ttikkettjat, irreklamat jew ikkummerċjalizzat bir-riferiment għall-produzzjoni organika rregolata permezz tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007, għaliex ir-Regolament Nru 1924/2006 ma jimponix l-obbligu li jiżdiedu vitamini u glukonat ferruż mal-oġġetti tal-ikel.

22

Herbaria ppreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li sostniet li l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 kien maħsub sabiex jippermetti ż-żieda ta’ minerali u vitamini jekk, u sa fejn, dispożizzjonijiet oħra nazzjonali jew tal-Unjoni kienu jeżiġu kontenut speċifiku ta’ vitamini u ta’ minerali meta oġġett tal-ikel ma setax jaqdi l-għan indikat tiegħu mingħajr tali kontenut. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-supplimenti tal-ikel jew l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1924/2006, teżiġi li jiżdiedu minerali u vitamini mal-oġġetti tal-ikel ittikkettjati fis-sens li għandhom funzjoni nutrittiva speċifika. Herbaria qieset li l-għan iddikjarat ta’ suppliment tal-ikel kien il-bażi tal-obbligu legali li jintlaħqu l-valuri minimi korrispondenti u li jekk dawn il-valuri setgħu jinkisbu biss b’żieda ta’ sustanzi, iż-żieda għandha titqies li hija legalment meħtieġa. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 432/2012 jistabbilixxi rekwiżiti legali għal dożi għal kuljum u, għalhekk, jeħtieġ li jiżdiedu sustanzi f’oġġett ta’ ikel organiku. Herbaria enfasizzat li ż-żieda ta’ vitamini u ta’ glukonat ferruż fi Blutquick kienet essenzjali sabiex jinkisbu l-valuri nutrizzjonali meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan nutrizzjonali indikat u li dan ma setax isir bl-użu ta’ ingredjenti dderivati minn prodotti organiċi. F’kull każ, iż-żidiet kienu limitati għal dak li huwa meħtieġ.

23

Skont l-awtoritajiet tal-Bavarja, l-ebda liġi ma teżiġi ż-żieda ta’ vitamini jew ta’ glukonat ferruż. Ir-Regolament Nru 1924/2006 sempliċement jawtorizza ż-żieda ta’ dawn is-sustanzi, iżda ma jgħidx li dan huwa rekwiżit. Minbarra dan, kwalunkwe interpretazzjoni oħra tmur kontra l-Artikolu 6(b) tar-Regolament Nru 834/2007, li jipprevedi li addittivi tal-ikel għandhom jintużaw mill-inqas fl-agrikoltura organika.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerisch Verwaltungsgericht München iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tas-sustanzi msemmija jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni tipprevedi direttament l-inklużjoni ta’ dawn is-sustanzi fil-prodott tal-ikel li fih għandhom jiġu inklużi jew meta tali dispożizzjoni tistabbilixxi, minn tal-inqas, kontenut minimu għas-sustanzi msemmija li għandhom jiġu inklużi?

2)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tas-sustanzi msemmija jkun ukoll legalment meħtieġ meta, mingħajr l-inklużjoni ta’ minn tal-inqas waħda mis-sustanzi msemmija, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-ikel bħala komplement tal-ikel jew bl-użu ta’ allegazzjonijiet dwar is-saħħa tkun qarrieqa u tqarraq bil-konsumatur, minħabba li l-prodott tal-ikel ma jkunx jista’, fid-dawl ta’ konċentrazzjoni żgħira wisq ta’ waħda mis-sustanzi msemmija, jissodisfa l-għan tiegħu bħala prodott tal-ikel jew l-għan indikat fl-allegazzjoni dwar is-saħħa?

3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tas-sustanzi msemmija jkun ukoll legalment meħtieġ meta allegazzjoni partikolari dwar is-saħħa tkun tista’ tintuża biss fir-rigward tal-prodotti tal-ikel li jkun fihom kwantità partikolari, u saħansitra sinjifikattiva, ta’ minn tal-inqas waħda mis-sustanzi msemmija?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2014, Herbaria talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi invokat fatt ġdid.

26

Għal dan l-għan, Herbaria tosserva li s-suq tal-preparazzjonijiet għal trabi u tfal żgħar sa tliet snin huwa kważi esklużivament suq ta’ prodotti organiċi u li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, dawn il-prodotti jgħibu inkwantu prodotti organiċi, għaliex il-leġiżlazzjoni rigward il-prodotti tad-dieta teżiġi kontenuti minimi ta’ ċerti sustanzi, b’mod partikolari f’vitamini u minerali. Hija tenfasizza li ma jeżisti prattikament l-ebda oġġett tal-ikel intiż għat-trabi u għat-tfal ta’ età żgħira li għalih huma ggarantiti naturalment dawn il-kontenuti minimi u titlob, sabiex dan il-fatt jiġi kkonstatat, servej fl-Istati Membri u perizja.

27

Minbarra dan, Herbaria tqis li r-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li ġejjin mill-Istati Uniti inkwantu prodotti organiċi, li huma parti mid-dritt tal-Unjoni, huma, bil-kontra ta’ kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, rilevanti fil-kawża prinċipali. Hija ssostni li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, għall-finijiet tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk rikorrent sofriex dannu jew le, id-data rilevanti hija dik tal-aħħar seduta quddiem il-qorti adita. F’dan ir-rigward hija tispeċifika li s-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju seħħet fl-20 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri wara sew id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 126/2012 li jippermetti li l-prodotti ppakkjati fl-Istati Uniti bħala prodotti organiċi, minkejja l-kontenut tagħhom f’minerali u vitamini sintetiċi, ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Herbaria tqis li, jekk hija tiċċaħħad mill-possibbiltà li tqiegħed Blutquick fis-suq tal-Unjoni, dan ikun jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenzi Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 28, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑335/12, EU:C:2014:2084, punt 45).

29

Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li mit-talba ta’ Herbaria ma jirriżultax fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sentenza li għandha tingħata.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq id-domandi preliminari

32

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sustanza msemmija f’din id-dispożizzjoni jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni timponi direttament iż-żieda tal-imsemmija sustanza fl-oġġett tal-ikel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod ġenerali, jew inkella l-użu ta’ tali sustanza jkun ukoll legalment meħtieġ meta oġġett tal-ikel jiġi kkummerċjalizzat bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari, li jimplika li, sabiex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi fl-oġġetti tal-ikel, li jinsabu, rispettivament, fid-Direttiva 2002/46, fir-Regolamenti Nri 1924/2006 u 432/2012, kif ukoll fid-Direttiva 2009/39 u fir-Regolament Nru 953/2009, dan l-oġġett tal-ikel għandu jinkludi kwantità speċifika tas-sustanza inkwistjoni.

33

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007 jipprojbixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-użu ta’ termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fil-każ tal-ittikkettjar ta’ prodott li ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija f’dan l-istess regolament.

34

Fir-rigward ta’ oġġett tal-ikel ipproċessat, bħalma huwa Blutquick, huwa previst, fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li l-imsemmi riferiment huwa awtorizzat bil-kundizzjoni li dan l-oġġett tal-ikel ikun konformi mal-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament.

35

L-imsemmi Artikolu 19 tar-Regolament Nru 834/2007 jippermetti, fil-paragrafu 2(b) tiegħu, iż-żieda, fost l-oħrajn, ta’ minerali u ta’ vitamini jekk ikunu ġew awtorizzati minn qabel għal użu fil-produzzjoni organika skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament.

36

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi kriterji għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dawn is-sustanzi u jawtorizza lill-Kummissjoni tiddetermina, fil-kuntest ta’ dawn il-kriterji, lista ristretta sabiex tinkludi fiha l-imsemmija sustanzi. Skont dawn il-kriterji, li jinsabu fil-punti (i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sabiex l-użu ta’ sustanza jkun jista’ jiġi awtorizzat, ma għandhomx ikunu jeżistu soluzzjonijiet oħra awtorizzati skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament u għandu jkun impossibbli, mingħajr ma jsir dan l-użu, li jiġi prodotti u kkonservati l-oġġetti tal-ikel jew li jiġu rrispettati l-proprjetajiet djetetiċi previsti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

37

Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fl-Artikolu 27(1) u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008, il-lista ristretta tas-sustanzi li jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ oġġetti tal-ikel ikkummerċjalizzati bħala prodotti organiċi. L-Artikolu 27(1)(f) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-minerali u l-vitamini huma awtorizzati biss sa fejn l-użu tagħhom fl-oġġetti tal-ikel li fihom huma inklużi jkun legalment meħtieġ.

38

Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tindika mingħajr ambigwità li l-minerali u l-vitamini jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-oġġetti tal-ikel organiċi biss jekk dispożizzjonijiet legali jimponu l-użu tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati dawn l-oġġetti tal-ikel.

39

Huwa irrilevanti li l-użu tal-imsemmija sustanzi jkun meħtieġ b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk hija tipprevedix tali rekwiżit fis-sens tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008. Fil-każ ta’ dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali tista’, jew skont il-każ għandha, tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

40

Il-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix elementi ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u l-qorti tar-rinviju lanqas ma semmiet waħda.

41

L-interpretazzjoni teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 u tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 tikkonferma li s-sustanzi, bħalma huma l-minerali u l-vitamini, jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-oġġetti tal-ikel organiċi biss jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mal-imsemmi dritt tal-Unjoni timponi direttament l-użu tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati dawn l-oġġetti tal-ikel.

42

Fir-rigward tal-iskop tiegħu, ir-Regolament Nru 834/2007 huwa intiż, skont il-premessi 3, 5 u 22 tiegħu, għall-protezzjoni tal-kunfidenza tal-konsumaturi fil-prodotti ttikkettjati inkwantu prodotti organiċi u jipprevedi, fl-Artikolu 6(ċ) tiegħu, li għandhom jiġu esklużi s-sustanzi u l-metodi ta’ pproċessar li jistgħu jkunu qarrieqa rigward in-natura vera tal-prodott.

43

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tawtorizza sustanzi u sabiex tinkludihom fil-lista ristretta msemmija f’dan l-artikolu biss taħt kundizzjonijiet stretti, jiġifieri meta dawn is-sustanzi ma jkunux jistgħu jiġu ssostitwiti b’soluzzjonijiet oħra awtorizzati skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament u biss jekk l-użu tagħhom ikun inevitabbli.

44

Kif isostni l-Freistaat Bayern, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 889/2008 jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ tnaqqis tal-użu ta’ ingredjenti mhux organiċi, previst fl-Artikolu 6(b) tar-Regolament Nru 834/2007. Tali deroga li tapplika fil-qasam tal-oġġetti tal-ikel għall-bniedem għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

45

Herbaria tinvoka, quddiem il-qorti tar-rinviju u fil-kuntest ta’ din il-proċedura, diversi strumenti ġuridiċi tal-Unjoni sabiex turi li dawn jistabbilixxu obbligi legali li ġiegħluha tinkludi ħadid u vitamini f’Blutquick. B’dan il-mod hija tqis li ż-żieda ta’ dawn is-sustanzi għandha titqies ukoll li hija “legalment meħtieġ[a]” fis-sens tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, peress li hija ma tkunx awtorizzata tikkummerċjalizza x-xarba tagħha bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari, jekk din ix-xarba ma tkunx tinkludi ċertu kontenut ta’ minerali jew ta’ vitamini.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jistabbilixxu l-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom u li għandhom jiddeċiedu taħt liema kategorija huma jixtiequ jikkummerċjalizzawhom. Jekk huma jixtiequ jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti bħala suppliment tal-ikel fis-sens tad-Direttiva 2002/46, b’indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa fis-sens tar-Regolamenti Nri 1924/2006 u 432/2012, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari fis-sens tad-Direttiva 2009/39 u tar-Regolament Nru 953/2009, huma għandhom josservaw l-obbligi previsti f’dan il-qasam permezz tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, li jista’ jwassal għall-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni bħala prodott ta’ agrikoltura organika. Id-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxix li operatur ekonomiku jkun jista’ jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu taħt il-kategoriji kollha li huwa jqis vantaġġużi sabiex jippromwovi l-imsemmija prodotti.

47

Għaldaqstant, ladarba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett tal-ikel bħala suppliment tal-ikel fis-sens tad-Direttiva 2002/46, b’indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa fis-sens tar-Regolamenti Nri 1924/2006 u 432/2012, jew bħala oġġett tal-ikel b’użu nutrittiv partikolari fis-sens tad-Direttiva 2009/39 u tar-Regolament Nru 953/2009, hija fakultattiva, għandha tiġi miċħuda t-teżi li tgħid li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxu rekwiżiti legali fis-sens tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008.

48

Minn dan jirriżulta li ż-żieda ta’ vitamini u ta’ minerali, fil-produzzjoni ta’ xarba bħalma huwa Blutquick, ma tikkostitwixxix obbligu, prevista minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex din tkun tista’ tiġi kkummerċjalizzata. L-assenza ta’ tali żieda tista’, l-iktar l-iktar, toħloq, eventwalment, ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ din ix-xarba bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel b’użu nutrittiv partikolari.

49

Barra minn hekk, Herbaria tallega li ssir diskriminazzjoni kontriha, sa fejn ma hijiex awtorizzata tikkummerċjalizza Blutquick bħala prodott organiku, filwaqt li, skont modifiki li saru permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 fir-Regolamenti Nri 889/2008 u 1235/2008, xarba komparabbli li ġejja mill-Istati Uniti, ittikkettjata skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan il-pajjiż terz bħala prodott organiku minkejja ż-żieda ta’ minerali u ta’ vitamini sintetiċi, tiġi kkummerċjalizzata liberament fl-Unjoni taħt tali tikketta organika.

50

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tagħmel l-ebda domanda fuq dan is-suġġett u d-deċiżjoni li jsir rinviju ma tipprovdix, f’dan ir-rigward, it-tagħrif meħtieġ fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ruħha fuq dan il-punt (ara, f’dan is-sens, X u X, C‑319/10 u C‑320/10, EU:C:2011:720, punt 28).

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sustanza msemmija f’din id-dispożizzjoni jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni timponi direttament iż-żieda tal-imsemmija sustanza f’oġġett tal-ikel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod ġenerali. L-użu ta’ tali sustanza ma huwiex legalment meħtieġ, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta oġġett tal-ikel jiġi kkummerċjalizzat bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari, minkejja li dan jimplika li, sabiex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi fl-oġġetti tal-ikel, li jinsabu, rispettivament,

fid-Direttiva 2002/46,

fir-Regolamenti Nri 1924/2006 u 432/2012, kif ukoll

fid-Direttiva 2009/39 u fir-Regolament Nru 953/2009,

dan l-oġġett tal-ikel għandu jinkludi kwantità speċifika tas-sustanza inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sustanza msemmija f’din id-dispożizzjoni jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni timponi direttament iż-żieda tal-imsemmija sustanza f’oġġett tal-ikel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod ġenerali. L-użu ta’ tali sustanza ma huwiex legalment meħtieġ, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta oġġett tal-ikel jiġi kkummerċjalizzat bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari, minkejja li dan jimplika li, sabiex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi fl-oġġetti tal-ikel, li jinsabu, rispettivament,

 

fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel, kif emendata permezz tar-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008,

 

fir-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, u tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012, tas-16 ta’ Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, kif ukoll

 

fid-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 953/2009, tat-13 ta’ Ottubru 2009, dwar sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda għal għanijiet nutrittivi speċifiċi fl-oġġetti tal-ikel għal użi nutrittivi partikolari,

 

dan l-oġġett tal-ikel għandu jinkludi kwantità speċifika tas-sustanza inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.