SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Irkupru ta’ dejn doganali — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ smigħ — Destinatarju tad-deċiżjoni ta’ rkupru li ma nstemax mill-awtoritajiet doganali qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija, iżda li nstema biss fil-fażi sussegwenti ta’ lment — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Determinazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawżi magħquda C‑129/13 u C‑130/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Frar 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, fil-proċeduri

Kamino International Logistics BV (C‑129/13),

Datema Hellmann Worldwide Logistics BV (C‑130/13),

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kamino International Logistics BV u Datema Hellmann Worldwide Logistics BV, minn B. Boersma u G. Koevoets, adviseurs

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u B. Koopman kif ukoll minn M. J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn D. Kalogiros u K. Paraskevopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża skont id-dritt tal-Unjoni.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, rispettivament, Kamino International Logistics BV (iktar ’il quddiem “Kamino”) u Datema Hellmann Worldwide Logistics BV (iktar ’il quddiem “Datema”), minn naħa, u Staatssecretaris van Financiën, min-naħa l-oħra, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

“Deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali bil-miktub li jew jiċħdu talbiet jew huma detrimentali għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Għandhom jagħmlu referenza għad-dritt ta’ appell li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 243.”

4

It-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, dwar id-dejn doganali, jinkludi Kapitolu 3 li jikkonċerna l-irkupru tal-ammont ta’ dan id-dejn. It-Taqsima 1 tal-Kapitolu 3, intitolata “Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta’ l-ammont tad-dazju lid-debitur”, tinkludi l-Artikoli 217 sa 221.

5

L-Artikolu 219(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:

“1.   It-termini ta’ żmien għad-daħla fil-kontijiet stipulati fl-Artikolu 218 jistgħu jiġu estiżi:

(a)

għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-organizzazzjoni amministrattiva ta’ l-Istati Membri, u partikolarment fejn il-kotba tal-kontijiet ikunu ċentralizzati, jew

(b)

fejn ċirkostanzi speċjali jżommu lill-awtoritajiet doganali milli josservaw l-imsemmija termini ta’ żmien.

It-terminu ta’ żmien hekk estiż m’għandux jeċċedi 14-il jum.”

6

Skont l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali:

“[f]ejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skont l-Artikolu 219.”

7

L-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali jistipula:

“1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

[...]

3.   Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-[tmiem] ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn [dejn doganali]. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.

[...]”

8

L-Artikoli 243 sa 245 tal-Kodiċi Doganali jiffurmaw parti mit-Titolu VIII ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Appelli”. L-Artikolu 243 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

[...]

L-appell għandu jiġi prezentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew saret l-applikazzjoni.

2.   Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

(a)

inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;

(b)

sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

9

L-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Il-preżentazzjoni ta’ appell m’għandhiex tikkawża s-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-vertenza.

L-awtoritajiet doganali għandhom, iżda, jissospendu l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni sħiħa jew parti minnha fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li d-deċiżjoni fil-vertenza m’hijiex konsistenti mal-leġislazzjoni doganali jew li hemm il-biża’ ta’ ħsara irreparabbli għall-persuna interessata.

Fejn id-deċiżjoni fil-vertenza jkollha l-effett li tikkawża li jiġu imposti dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni, is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-eżistenza jew il-preżentazzjoni ta’ garanzija. Iżda, dik il-garanzija tista’ ma tkunx meħtieġa fejn, minħabba ċ-ċirkostanzi tad-debitur, jekk tiġi mitluba x’aktarx li jinħolqu diffikultajiet serji ekonomiċi jew soċjali.”

10

Skont l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali:

“Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri”.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

11

Skont l-Artikolu 4:8(1) tal-liġi ġenerali fil-qasam amministrattiv, (Algemene wet bestuursrecht, iktar ’il quddiem l-“Awb”), qabel ma tittieħed deċiżjoni li probabbilment tippreġudika lil persuna kkonċernata li ma talbitx din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni għandha tippermettilha tesponi l-pożizzjoni tagħha jekk, minn naħa, id-deċiżjoni msemmija hija msejsa fuq elementi li huma relatati ma’ fatti u ma’ interessi li jikkonċernawha u, min-naħa l-oħra, dawn l-elementi ma ġewx ikkomunikati mill-persuna kkonċernata nnifisha.

12

L-Artikolu 4:12(1) tal-Awb huwa fformulat kif ġej:

“Il-korp amministrattiv jista’ ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4:7 u 4:8 jekk jieħu deċiżjoni li tistabbilixxi obbligu jew dritt finanzjarju, kemm-il darba:

a.

jista’ jiġi ppreżentat ilment jew rikors amministrattiv kontra dik id-deċiżjoni, u

b.

il-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni jistgħu jkunu għal kollox riversibbli, wara l-eżitu tal-ilment jew tar-rikors.”

13

Skont l-Artikolu 6:22 tal-Awb:

“Id-deċiżjoni li kontriha jitressaq ilment jew rikors tista’, minkejja l-ksur ta’ dispożizzjoni legali miktuba jew mhux miktuba jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt, tiġi kkonfermata mill-korp li jiddeċiedi dwar l-ilment jew ir-rikors, jekk jista’ jiġi ammess li dan il-ksur tar-dispożizzjoni jew tal-prinċipju ma ppreġudikax lil persuni kkonċernati.”

14

L-Artikolu 7:2 tal-Awb jipprevedi:

“1.   Qabel ma jiddeċiedi dwar l-ilment, il-korp amministrattiv għandu joffri l-possibbiltà li l-persuna kkonċernata tinstema’.

2.   Il-korp amministrattiv għandu, fil-każijiet kollha, jinforma dwar dan lil persuna li ressqet l-ilment u lil persuni kollha kkonċernati li, fil-kuntest tat-tħejjija tad-deċiżjoni, esponew il-pożizzjoni tagħhom.”

15

Id-deċiżjonijiet amministrattivi jistgħu sussegwentement ikunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju, bil-possibbiltà ta’ appell u ta’ appell ta’ kassazzjoni.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16

F’kull waħda mill-kawżi prinċipali, aġent doganali, jiġifieri Kamino fil-Kawża C‑129/13 u Datema fil-Kawża C‑130/13, fuq mandat tal-istess impriża, għamel dikjarazzjonijiet, fl-2002 u fl-2003, bl-għan li merkanzija partikolari titpoġġa f’ċirkulazzjoni libera, merkanzija li ġiet deskritta bħala “paviljuni tal-ġnien/tined għal festini u ġnub laterali”. Kamino u Datema ddikjaraw din il-merkanzija taħt l-intestatura 6601 10 00 (“Umbrelel għal ġonna jew umbrelel simili”) tan-Nomenklatura Magħquda u ħallsu dazji doganali bir-rata ta’ 4.7 % stabbiliti għal din l-intestatura.

17

Wara verifiki mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-ispettur tat-taxxi qies li l-imsemmija klassifikazzjoni kienet skorretta u li l-merkanzija kkonċernata kellha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 6 306 99 00 tan-Nomenklatura Magħquda (“tined u oġġetti għal ikkampjar”) li għaliha japplika dazju doganali ogħla ta’ 12.2 %.

18

Konsegwentement, l-ispettur tat-taxxi, permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2 u tat-28 ta’ April 2005, ħareġ avviż għall-ħlas abbażi tal-Artikoli 220(1) u 221(1) tal-Kodiċi Doganali, sabiex ikun hemm l-irkupru tad-dazji doganali addizzjonali li kienu għadhom dovuti, fil-konfront, rispettivament, ta’ Kamino u ta’ Datema.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx il-possibbiltà li jressqu l-argumenti tagħhom qabel il-ħruġ ta’ dawn l-avviżi għall-ħlas.

20

Kull waħda mir-rikorrenti ressqet ilment kontra l-avviż li jikkonċernaha quddiem l-ispettur tat-taxxi, li ċaħdu wara li eżamina l-argumenti ppreżentati.

21

Ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ġew iddikjarati infondati mir-Rechtbank te Haarlem. Fl-appell, il-Gerechtshof te Amsterdam ikkonfermat is-sentenza tar-Rechtbank te Haarlem f’dak li jirrigwarda l-obbligu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom li jħallsu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-avviżi għall-ħlas inkwistjoni.

22

Għalhekk, Kamino u Datema kull waħda minnhom ressqu appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden

23

Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, il-Hoge Raad der Nederlanden tfakkar li l-Gerechtshof te Amsterdam fl-appell, ikkunsidrat, fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746), li l-ispettur tat-taxxi kien kiser il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża sa fejn ma kienx offra lill-persuni kkonċernati, qabel il-ħruġ tal-avviżi għall-ħlas inkwistjoni, l-opportunità li jesprimu ruħhom dwar l-elementi li fuqhom kien ibbażat l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali.

24

Madankollu, il-Hoge Raad der Nederlanden, tirrileva li la l-Kodiċi Doganali u lanqas id-dritt nazzjonali applikabbli ma fihom xi dispożizzjonijiet proċedurali li jobbligaw lil awtoritajiet doganali li jagħtu lill-persuna li għandha tħallas id-dazji doganali, qabel ma jiġi kkomunikat id-dejn doganali msemmi fl-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, il-possibbiltà li tesponi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-elementi li fuqhom kien ibbażat l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma mfassla b’mod identiku f’kull waħda mill-Kawżi magħquda C‑129/13 u C‑130/13:

“1)

Il-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni huwa suġġett għal applikazzjoni diretta mill-qorti nazzjonali?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

a)

il-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju msemmi jinkiser meta jkun ċert li d-destinatarju ta’ deċiżjoni proposta ma jkunx instema’ qabel ma l-amministrazzjoni tadotta miżura li tikkawżalu preġudizzju, iżda li madankollu tagħtih il-possibbiltà li jinstema’, f’fażi amministrattiva ulterjuri (ta’ lment), li tippreċedi l-aċċess għall-qorti nazzjonali?

b)

il-konsegwenzi legali tal-ksur mill-amministrazzjoni tal-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda (b) hija fin-sfavorevoli, liema huma ċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, u din tal-aħħar tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk huwiex permess li jitqies li l-proċedura, mingħajr il-ksur mill-amministrazzjoni tal-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, kien ikollha riżultat differenti?”

26

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-24 ta’ April 2013, il-Kawżi C‑129/13 u C‑130/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni u d-dritt li jirriżulta minnu, għal kull persuna, li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha kif japplikaw fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali, jistgħux jiġu invokati direttament, mill-individwi, quddiem il-qrati nazzjonali.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni fejn id-dritt li wieħed jinstema’ f’kull proċedura huwa parti integrali minnu (sentenzi Sopropé, EU:C:2008:746, punti 33 u 36; kif ukoll M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 81 u 82).

29

Id-dritt għal smigħ f’kull proċedura huwa llum stabbilit mhux biss fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll permezz tal-Artikolu 41 tiegħu, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 41 jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tittieħed kontriha miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli (sentenza M., EU:C:2012:744, punti 82 u 83). Issa, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, hija ma tapplikax bħala tali għall-proċeduri li wasslu għall-avviżi għall-ħlas tat-2 u t-28 ta’ April 2005 (ara, b’analoġija, is-sentenza Sabou, C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 25).

30

Skont dan il-prinċipju, li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipprospetta li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza Sopropé, EU:C:2008:746, punt 36), id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza Sopropé, EU:C:2008:746, punt 37).

31

Dan l-obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (ara s-sentenzi Sopropé, EU:C:2008:746, punt 38; M., EU:C:2012:744, punt 86, kif ukoll G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 32).

32

Fil-kawżi prinċipali, la l-Kodiċi Doganali u lanqas il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma jipprevedu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni, dritt għal smigħ mill-awtorità doganali kompetenti qabel il-ħruġ tal-avviżi għall-ħlas. Fir-rigward ta’ proċedura dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali u, għaldaqstant, ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa, barra minn hekk, stabbilit li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża japplika għall-Istati Membri.

33

Fl-aħħar nett, fil-punt 44 tal-kawża li tat lok għas-sentenza Sopropé, (EU:C:2008:746), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ terminu ta’ tmienja sa ħmistax-il jum previst mid-dritt nazzjonali għal-eżerċizzju mill-persuna taxxabbli tad-dritt tagħha għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi terminu li huwa intiż sabiex jinġabru l-osservazzjonijiet tal-persuni kkonċernati, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-informazzjoni speċifika tal-kawża, li dan it-terminu jikkorrispondi għas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna jew tal-impriża inkwistjoni u li ppermettielhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża fl-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

34

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta mhux biss li l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li l-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jinvokaw ir-rispett tagħhom direttament quddiem il-qrati nazzjonali.

35

Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domandi għandha tkun li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni u d-dritt li jirriżulta minnu, għall kull persuna, li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, kif japplikaw fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali, jistgħu jiġu invokati direttament, mill-individwi, quddiem il-qrati nazzjonali.

Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda

36

Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju trid essenzjalment tistabilixxi jekk il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt li kull persuna għandha li tinstema qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali li għandha effett sfavorevoli, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ avviż għall-ħlas adottat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni, skont il-Kodiċi Doganali, jinkisru jekk ma jkunx instema’ mill-amministrazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjoni, anki jekk ikun jista’ jesponi l-pożizzjoni tiegħu f’fażi ta’ lment amministrattiv ulterjuri.

37

Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar l-għan li għandu jintlaħaq mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dritt għal smigħ.

38

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tar-regola li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din tal-aħħar huwa li l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna jew tal-impriża kkonċernata, din għandha b’mod partikolari l-għan li dawn tal-aħħar jkunu jistgħu jikkoreġu żball jew iressqu dawk l-elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tagħhom li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari (sentenza Sopropé, EU:C:2008:746, punt 49).

39

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza M., EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt japplika anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament għal tali formalità (ara s-sentenza G. u R., EU:C:2013:533, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, fil-kawżi prinċipali, id-destinatarji tal-avviżi għall-ħlas ma kinux instemgħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkawżawlhom preġudizzju.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni tal-avviżi għall-ħlas, abbażi tal-Artikoli 220(1) u 221(1) tal-Kodiċi Doganali u tal-proċedura amministrattiva applikabbli skont leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplementa l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, tinkludi restrizzjoni għad-dritt għal smigħ tad-destinatarji ta’ dawn l-avviżi għall-ħlas.

42

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, id-drittijiet fundamentali, bħalma huwa r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhirx li jikkostitwixxu prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (sentenzi G. u R., EU:C:2013:533, punt 33, kif ukoll Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 84).

43

Għandu jiġi eżaminat jekk, f’kuntest bħal dak tal-kawżi prinċipali, ir-restrizzjoni tad-dritt għal smigħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti.

44

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-awtoritajiet nazzjonali, f’każ ta’ rkupru a posteriori, għandhom bħala prinċipju jisimgħu lill-persuni kkonċernati qabel il-ħruġ ta’ avviż għall-ħlas, jeżistu ġustifikazzjonijiet raġonevoli sabiex ma tiġix osservata din ir-regola. B’mod partikolari, is-smigħ tal-persuna kkonċernata qabel ma jintbagħat avviż għall-ħlas ma huwiex kompatibbli mar-regoli vinkolanti ta’ kontabbiltà u ta’ ġbir tal-Kodiċi Doganali. Minħabba t-termini imposti mill-Kodiċi Doganali, ikun importanti li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu, hekk kif ikunu kapaċi jistabbilixxu d-dejn doganali, idaħħluha fil-kontijiet u jibagħtu l-avviż għall-ħlas malajr kemm jista’ jkun. L-interess ġenerali li għandu jintlaħaq huwa interess ta’ simplifikazzjoni amministrattiva u ta’ ġestjoni effikaċi tal-proċedura. Minħabba n-numru kbir ħafna ta’ avviżi għall-ħlas, smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati ma tkunx effiċjenti.

45

Barra minn dan, dan il-gvern isostni li, fid-dawl tal-assjem tal-karatteristiċi tal-proċedura amministrattiva nazzjonali inkwistjoni, l-assenza ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ avviż għall-ħlas ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża fl-essenza tagħhom, peress li d-destinatarji tal-avviżi għall-ħlas għandhom, skont l-Artikolu 7:2 tal-Awb, il-possibbiltà li jinstemgħu matul proċedura ulterjuri, matul l-ilment kontra dawn l-avviżi. Sa fejn l-istess effetti ġuridiċi jistgħu jintlaħqu permezz ta’ dan l-ilment u sa fejn l-element li joħloq preġudizzju jkun jista’ jiġi postpost, l-essenza tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li tikkonsisti fil-fatt li deċiżjoni determinata tkun tista’ tiġi kkontestata mingħajr preġudizzju, tibqa ppreżervata.

46

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ terminu imposti mill-Kodiċi Doganali għad-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji li jirriżultaw minn dejn doganali u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-termini imposti mill-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 220(1) tal-imsemmi kodiċi jimponi li, meta l-ammont tad-dazji li jirriżulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikoli 218 u 219 tiegħu, jew ikun iddaħħal fil-kontijiet f’livell inqas mill-ammont legalment dovut, id-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazji li għandu jiġi rkuprat jew dak li għad fadal li jiġi rkuprat għandu jsir f’terminu ta’ jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu saru jafu b’din is-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u li jiddeterminaw id-debitur. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż skont l-Artikolu 219 tal-istess kodiċi għal raġunijiet partikolari, mingħajr ma jkun jista’ jeċċedi l-erbatax-il jum. L-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali iżid jgħid li l-ammont tad-dazji għandu jiġi kkomunikat lid-debitur malli jkun iddaħħal fil-kontijiet.

48

Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan it-terminu ta’ jumejn, mandatorju, jidher li huwa diffiċilment konċiljabbli mal-obbligu li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel il-ħruġ ta’ avviż għall-ħlas.

49

F’dan ir-rigward, madankollu għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑546/03, EU:C:2006:132), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑423/08, EU:C:2010:347), fuq in-neċessità li l-Istati Membri josservaw it-terminu tat-dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont ta’ dazji li jirriżulta minn dejn doganali previst fl-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali, fil-kuntest ta’ kawżi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fihom, f’tentattiv sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu li kien irriżulta f’dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea, l-Istati Membri kkonċernati kienu invokaw l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali.

50

Rispettivament, fil-punti 33 u 45 tas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2006:132) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2010:347), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, iddistingwiet bejn, minn naħa, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali u l-awtoritajiet doganali nazzjonali, fil-kuntest ta’ liema d-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati.

51

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża japplika, b’mod partikolari għal proċedura ta’ rkupru a posteriori, fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u Stat Membru, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, dan ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jippermetti li Stat Membru jikser l-obbligu tiegħu ta’ dħul fil-kontijiet, fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet ta’ din tal-aħħar fuq ir-riżorsi proprji (sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, EU:C:2006:132, punt 33, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2010:347, punt 45).

52

Barra dan, għandu jiġi ppreċiżat, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea matul is-seduta, li t-terminu ta’ jumejn, previst fl-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali għad-dħul fil-kontijiet tal-ammont ta’ dazji li jirriżulta minn dejn doganali, jista’ jiġi estiż skont l-Artikolu 219 tal-istess kodiċi. Skont il-paragrafu 1(b) ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, it-terminu sabiex isir id-dħul fil-kontijiet jista’, b’mod partikolari, jiġi estiż, madankollu mingħajr ma jista’ jeċċedi l-erbatax-il jum, minħabba ċirkustanzi speċjali li jipprekludu lill-awtoritajiet doganali milli jirrispettaw l-imsemmija termini.

53

Fl-aħħar nett, fil-punt 46 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2010:347), il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, fakkret li d-dħul fil-kontijiet u l-komunikazzjoni ta’ dazji doganali dovuti kif ukoll l-inklużjoni tar-riżorsi proprji ma jipprekludux lid-debitur milli jikkontesta, skont l-Artikoli 243 et seq tal-Kodiċi Doganali, l-obbligu tiegħu billi jinvoka l-argumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.

54

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-kwistjoni ta’ jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali ġewx irrispettati, meta dawn setgħu jesponu l-pożizzjoni tagħhom biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment, għandu jitfakkar li l-interess ġenerali tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-interess tal-irkupru fl-aħjar termini tad-dħul tagħha stess, jeħtieġ li l-kontrolli jsiru fl-iqsar żmien possibbli u b’mod effikaċi (sentenza Sopropé, EU:C:2008:746, punt 41).

55

Barra minn dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li smigħ a posteriori fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni sfavorevoli, taħt ċerti ċirkustanzi, tista’ tiżgura r-rispetta d-dritt għal smigħ (ara, b’analoġija, is-sentenza Texdata Software, EU:C:2013:588, punt 85).

56

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali, skont l-Artikolu 243(1) tal-Kodiċi Doganali, kull persuna għandha d-dritt li tappella minn deċiżjonijiet adottati skont il-leġiżlazzjoni doganali li jikkonċernawha direttament u individwalment. Madankollu, kif jenfasizzaw il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, it-tressiq ta’ appell, eżerċitat skont l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 244 ta’ dan il-kodiċi, bħala prinċipju, ma jissospendix l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dan l-appell ma għandux natura sospensiva, dan ma jostakolax l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-imsemmi kodiċi doganali madankollu jawtorizza lill-awtoritajiet doganali jissospendu, kompletament jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni meta dawn l-awtoritajiet ikollhom raġunijiet li jiddubitaw mill-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata. Barra minn dan, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali jimponi, f’dan il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija.

57

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali, id-dispożizzjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ appell għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

58

F’dak li jikkonċerna l-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din hija organizzata mill-Awb. Bħala prinċipju, skont l-Artikolu 4:8 tal-Awb, l-korpi amministrattivi, qabel ma jieħdu deċiżjoni li tista’ tippreġudika lil persuna kkonċernata li ma tkunx talbet din id-deċiżjoni, jippermettulha tesponi l-pożizzjoni tagħha fuq id-deċiżjoni inkwistjoni.

59

Skont l-Artikolu 4:12 tal-Awb, dan il-prinċipju, madankollu, ma jistax japplika għad-deċiżjonijiet ta’ natura finanzjarja jekk, minn naħa, ilment jew rikors amministrattiv jistgħu jitressqu kontra tali deċiżjoni u jekk, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi sfavorevoli ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jkunu kompletament imħassra mal-eżitu tal-ilment jew tar-rikors imressqa kontra din tal-aħħar.

60

Din id-dispożizzjoni ġiet applikata fil-kawżi prinċipali.

61

Fil-fatt, qabel ma setgħu jippreżentaw rikors ġudizzjarju, bil-possibbiltà ta’ appell u ta’ appell ta’ kassazzjoni, il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw ilment quddiem l-awtur tad-deċiżjoni u, skont l-Artikolu 7:2 tal-Awb, li jinstemgħu fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

62

Barra dan, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jirriżulta li dan l-ilment isir abbażi tad-dispożizzjonijiet legali u tal-fatti kif ikunu fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni meħuda mal-eżitu tal-ilment, b’mod li l-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni inizjali jistgħu jitħassru mal-eżitu tal-proċedura ta’ lment. F’dan il-każ, il-konsegwenzi potenzjalment negattivi ta’ avviż għall-ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jistgħu madankollu jitħassru a posteriori, sa fejn il-ħlas ikun jista’ jiġi pospost f’każ ta’ lment u sa fejn id-deċiżjoni ta’ avviż għall-ħlas tista’ tiġi sospiża fl-istennija tal-eżitu tal-ilment (u tar-rikors) skont ir-regoli nazzjonali.

63

Madankollu, matul is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-avviż għall-ħlas ma hijiex awtomatika iżda għandha tiġi mitluba mid-destinatarju tal-avviż għall-ħlas ikkontestat waqt l-ilment. Dan il-gvern sostna wkoll li bħala regola ġenerali din is-sospensjoni tingħata u li dan l-għoti huwa, bħala prinċipju, previst permezz ta’ ċirkolari ministerjali.

64

Għalhekk, il-proċedura ta’ lment ma għandhiex l-effett li awtomatikament tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u li trendiha immedjatament inapplikabbli.

65

Issa, mis-sentenza Texdata Software (EU:C:2013:588, punt 85), jirriżulta li din il-karatteristika tal-aħħar tista’ tkun importanti fil-eżami ta’ ġustifikazzjoni eventwali għar-restrizzjoni tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju.

66

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità mingħajr intimazzjoni minn qabel u mingħajr l-opportunità ta’ smigħ qabel l-impożizzjoni tas-sanzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura li tista’ taffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, peress li t-tressiq ta’ rikors motivat kontra d-deċiżjoni li tordna l-pagament ta’ penalità tagħmilha immedjatament inapplikabbli u tagħti bidu għal proċedura ordinarja li fil-kuntest tagħha d-dritt għal smigħ jista’ jiġi rrispettat (sentenza Texdata Software, EU:C:2013:588, punt 85).

67

Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti li, fl-assenza ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ avviż għall-ħlas, it-tressiq ta’ lment jew ta’ rikors amministrattiv kontra dan l-avviż għall-ħlas għandu neċessarjament ikollu bħala effett li jissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tal-imsemmi avviż għall-ħlas sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ dan l-ilment jew ta’ dan ir-rikors.

68

Fid-dawl tal-interess ġenerali tal-Unjoni li tirkupra d-dħul tagħha stess fl-iqsar żmien possibbli, li ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li t-tressiq ta’ rikors kontra avviż għall-ħlas għandu bħala effett is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-avviż biss meta jkun hemm raġunijiet għall-iddubitar tal-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

69

Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tal-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tiżgura l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 68, kif ukoll Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68).

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali għall-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni għandhom, fl-assenza ta’ smigħ min qabel, tiżgura li dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ raġunijiet għall-iddubitar tal-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata, ma jiġux applikati jew interpretati b’mod restrittiv.

71

Fil-kawżi prinċipali, is-sospensjoni tal-l-eżekuzzjoni tal-avviżi għall-ħlas f’każ li jitressaq ilment tingħata skont ċirkulari ministerjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-imsemmija ċirkulari hija ta’ natura li tippermetti li d-destinatarji ta’ avviżi għall-ħlas, fl-assenza ta’ smigħ minn qabel, jiksbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom sal-eventwali riforma tagħhom, sabiex id-dritt li tinkiseb tali sospensjoni tal-eżekuzzjoni jkun effettiv.

72

Fi kwalunkwe każ, il-proċedura amministrattiva nazzjonali li timplementa t-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali, ma tistax tirrestrinġi l-għoti ta’ sospensjoni bħal din meta jeżistu raġunijiet għall-iddubitar tal-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali sfavorevoli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta d-destinatarju ta’ avviż għall-ħlas adottat skont proċedura ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni, skont il-Kodiċi Doganali, ma jkunx instema’ mill-amministrazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, id-drittijiet tad-difiża tiegħu jiġu miksura anki jekk ikollu l-possibbiltà li jesponi l-pożizzjoni tiegħu matul fażi ta’ lment amministrattiv ulterjuri, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li d-destinatarji ta’ tali avviżi, fl-assenza ta’ smigħ minn qabel, jiksbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom sal-eventwali riforma tagħhom. Dan iseħħ, fi kwalunkwe każ, jekk il-proċedura amministrattiva nazzjonali li timplementa t-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali, tirrestrinġi l-għoti ta’ sospensjoni bħal din meta jeżistu raġunijiet għall-iddubitar tal-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda u t-tielet domanda

74

Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda, u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-konsegwenzi legali tal-ksur mill-amministrazzjoni tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża humiex iddeterminati mid-dritt nazzjonali u liema huma ċ-ċirkustanzi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-eżami tiegħu. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-qorti nazzjonali tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li fiha r-riżultat tal-proċess deċiżjonali kien ikun identiku li kieku d-dritt għal smigħ minn qabel ġie rrispettat.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-bidu nett li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li, fil-każ fejn la l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u lanqas il-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet ma jkunu ġew stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-konsegwenzi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, sakemm il-miżuri adottati f’dan is-sens huma l-istess bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-individwi fis-sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza G. u R., EU:C:2013:533, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Din is-soluzzjoni hija applikabbli fil-qasam doganali peress li l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali jirreferi espressament għad-dritt nazzjonali billi jippreċiża li d-“dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri”.

77

Għaldaqstant, għalkemm huwa permissibbli li l-Istati Membri jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża skont l-istess modalitajiet bħal dawk użati sabiex jirregolaw sitwazzjonijiet interni, dawn il-modalitajiet għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma għandhomx iqegħdu f’dubju l-effettività tal-Kodiċi Doganali (sentenza G. u R., EU:C:2013:533, punt 36).

78

Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni, l-obbligu impost fuq il-qorti nazzjonali li tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni ma għandux bħala effett li deċiżjoni kkontestata, għax adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, tiġi annullata fil-każijiet kollha.

79

Fil-fatt, skont id-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 31; Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 101; Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94; Storck vs UASI, C‑96/11 P, EU:C:2012:537, punt 80, kif ukoll G. u R., EU:C:2013:533, punt 38).

80

Għaldaqstant, ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata biss jekk, fl-assenza ta’ dan il-ksur, il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti.

81

Huwa importanti li wieħed jinnota li, fil-kawżi prinċipali l-persuni kkonċernati nnifishom jammettu li l-proċedura ta’ lment ma kinitx twassal għal riżultat differenti li kieku nstemgħu qabel id-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn huma ma jikkontestawx il-klassifikazzjoni tariffarja magħmula mill-awtorità tat-taxxa.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda u għat-tielet domanda għandha tkun li l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, kemm-il darba l-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). Peress li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, din tista’, meta tevalwa l-konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li tali ksur iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni u d-dritt li jirriżulta minnu, għall kull persuna, li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, kif japplikaw fil-kuntest tar-Regolament tal Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, jistgħu jiġu invokati direttament, mill-individwi, quddiem il-qrati nazzjonali.

 

2)

Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali sfavorevoli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta d-destinatarju ta’ avviż għall-ħlas adottat skont proċedura ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni, skont ir-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, ma jkunx instema’ mill-amministrazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, id-drittijiet tad-difiża tiegħu jiġu miksura anki jekk ikollu l-possibbiltà li jesponi l-pożizzjoni tiegħu matul fażi ta’ lment amministrattiv ulterjuri, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li d-destinatarji ta’ tali avviż, fl-assenza ta’ smigħ minn qabel, jiksbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom sal-eventwali riforma tagħhom. Dan iseħħ, fi kwalunkwe każ, jekk il-proċedura amministrattiva nazzjonali li timplementa t-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, tirrestrinġi l-għoti ta’ sospensjoni bħal din meta jeżistu raġunijiet għall-iddubitar tal-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

 

3)

Il-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, kemm-il darba l-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

Peress li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, din tista’, meta tevalwa l-konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li tali ksur iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.