SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Assenza ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika valida — Effetti — Ordni għal ħlas Ewropea ddikjarata eżekuttiva — Oppożizzjoni — Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali — Termini”
Fil-Kawżi magħquda C‑119/13 u C‑120/13,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Wedding (il-Ġermanja), b’deċiżjonijiet, tas-7 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2013, rispettivament, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2013, fil-proċeduri
eco cosmetics GmbH & Co. KG
vs
Virginie Laetitia Barbara Dupuy (C‑119/13),
u
Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH
vs
Tetyana Bonchyk (C‑120/13),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal V. Dupuy, minn M. Stawska-Höbel, Avukat, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Elleniku, minn F. Dedousi u M. Skorila, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud‑Joët u B. Eggers, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-9 ta’ April 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel każ, eco cosmetics GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “eco cosmetics”), li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, u V. Dupuy, iddomiċiljata fi Franza, u, fit-tieni każ, bejn Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH, li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, u T. Bonchyk, iddomiċiljata fil-Ġermanja, dwar proċeduri Ewropej ta’ ordni għal ħlas. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 13, 19 u 23 sa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006 huma redatti kif ġej:
[...]
[...]
|
|
4 |
Skont il-premessa 27 tal-istess regolament, “[…] il-proċeduri għall-infurzar ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandhom jibqgħu jiġu regolati mil-liġi nazzjonali”. |
|
5 |
L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2006 jipprovdi: “L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huma:
|
|
6 |
L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dewmien”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonixximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)].” |
|
7 |
L-Artikolu 12(3) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 huwa redatt kif ġej: “3. Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:
[…] 5. Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta’ metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.” |
|
8 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Notifika bi prova li waslet għand il-konvenut”, jipprovdi: “L-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih għandha ssir in-notifika, b’wieħed mill-metodi li ġejjin:
|
|
9 |
L-Artikolu 14(1) u (2), intitolat “Notifika mingħajr prova li waslet għand il-konvenut”, jipprovdi: “1. L-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ wkoll tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih issir in-notifika, b’wieħed mill-metodi li ġejjin:
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhuwiex ammissibbli jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf b’ċertezza.” |
|
10 |
L-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Notifika lil rappreżentant”, huwa redatt kif ġej: “Notifika b’mod konformi ma’ l-Artikoli 13 jew 14 tista’ tiġi effettwata wkoll lil rappreżentant tal-konvenut.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006: “1. Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. 2. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut. 3. Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan. [...]” |
|
12 |
L-Artikolu 17(1) tal-istess regolament jistipula: “Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti. [...]” |
|
13 |
L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Esegwibilita”, jipprovdi: “1. Jekk fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b’konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, il-qorti ta’ oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta’ oriġini għandha tivverifika d-data ta’ servizz. 2. Bla preġudizzju għall-paragrafu 1, ir-rekwiżiti formali għall-esegwebilità għandhom ikunu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini. 3. Il-qorti għandha tibgħat l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli lill-pretendent.” |
|
14 |
L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jipprovdi: “1. Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:
sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront. 2. Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra. 3. Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ. Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.” |
|
15 |
L-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament jistipula: “Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, proċeduri ta’ infurzar għandhom jiġu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar. Ordni ta’ ħlas Ewropea li tkun saret esegwibbli għandha tiġi infurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni esegwibbli fl-Istat Membru ta’ infurzar.” |
|
16 |
L-Artikolu 26 tal-istess regolament, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, huwa redatt kif ġej: “Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.” |
Id-dritt Ġermaniż
|
17 |
Fid-dritt Ġermaniż, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung) jindika l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-qasam ta’ ordni għal ħlas. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C‑119/13
|
18 |
eco cosmetics, kumpannija kkostitwita taħt id-dritt Ġermaniż, talbet lill-qorti tar-rinviju l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas Ewropea kontra V. Dupuy, iddomiċiljata fi Franza. |
|
19 |
Fit-22 ta’ Marzu 2010, l-Amtsgericht Wedding (qorti distrettwali ta’ Wedding) laqgħet, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1896/2006, l-imsemmija talba u ħarġet l-ordni għal ħlas Ewropea mitluba, sabiex tiġi nnotifikata b’ittra rreġistrata internazzjonali b’konferma ta’ rċevuta. Mill-konferma ta’ rċevuta jirriżulta li din l-ordni ġiet innotifikata fil-31 ta’ Marzu 2010 fl-indirizz indikat minn eco cosmetics. Il-konferma ta’ rċevuta ma tinkludi ebda informazzjoni oħra fir-rigward tan-notifika. |
|
20 |
Fl-20 ta’ Mejju 2010, il-qorti tar-rinviju ddikjarat din l-ordni eżekuttiva. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra bl-avukat tat-28 ta’ Lulju 2010, V. Dupuy ikkontestat l-ordni għal ħlas inkwistjoni. B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2010, il-qorti tar-rinviju indikat li l-oppożizzjoni kienet barra mit-terminu u li, f’dan l-istadju, kien possibbli biss li ssir talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. |
|
22 |
Xahrejn wara, b’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2010, V. Dupuy ressqet talba għal reviżjoni, mingħajr ma speċifikat il-mertu. Sitt xhur wara, permezz ta’ ittra bl-avukat tat-13 ta’ April 2011, hija mmotivat it-talba tagħha għal reviżjoni. |
|
23 |
V. Dupuy issostni b’mod partikolari li l-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tagħha ma ġiet fl-ebda ħin innotifikata lilha. Hija ppreċiżat li kienet ilha li telqet mill-indirizz indikat minn eco cosmetics mix-xahar ta’ Ottubru 2009 u li hija saret taf b’din l-ordni biss mill-bank tagħha fit-23 ta’ Lulju 2010. |
Kawża C‑120/13
|
24 |
Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH, bank ikkostitwit taħt id-dritt Awstrijak, talab lill-qorti tar-rinviju li toħroġ ordni għal ħlas Ewropea kontra T. Bonchyk, iddomiċiljata fil-Ġermanja. |
|
25 |
Fit-2 ta’ Settembru 2010, l-Amtsgericht Wedding ħarġet il-mitluba ordni għal ħlas Ewropea u pprovat f’żewġ okkażjonijiet, mingħajr suċċess, li tinnotifikaha bil-posta fl-indirizzi indikati mill-istess bank. |
|
26 |
Sussegwentement, l-istess bank indika indirizz ieħor fejn l-ordni għal ħlas Ewropea inkwistjoni ġiet innotifikata billi tħalliet fil-kaxxa postali fl-1 ta’ Frar 2011. |
|
27 |
Fl-10 ta’ Marzu 2011, l-Amtsgericht Wedding iddikjarat l-imsemmija ordni eżekuttiva. |
|
28 |
Permezz ta’ faks tal-1 ta’ Ġunju 2011, T. Bonchyk ikkontestat l-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tagħha. Hija argumentat li hija saret taf bl-eżistenza ta’ din l-ordni biss b’kumbinazzjoni u li, mis-sena 2009, hija ma kinitx għadha tgħix fl-indirizz fejn ġiet innotifikata. |
|
29 |
Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2011, l-Amtsgericht Wedding indikat lil T. Bonchyk li l-oppożizzjoni tagħha kienet barra mit-terminu u li, f’dan l-istadju, kien possibbli biss li ssir talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. Permezz ta’ ittra bl-avukat tal-24 ta’ Ġunju 2011, T. Bonchyk ippreżenta talba għal reviżjoni. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Wedding iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati b’mod identiku fil-Kawżi C‑119/13 u C‑120/13, bl-eċċezzjoni tat-tieni domanda preliminari li hija speċifikament għall-Kawża C‑119/13:
|
|
31 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2013, il-Kawżi C-119/13 u C120/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
32 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk meħtieġ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi sottomessi lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza Worten, C-342/12, EU:C:2013:355, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Konsegwentement, anki jekk, fil-livell formali, id-domandi li saru jirreferu prinċipalment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, tali fatt ma jżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex il-kawżi prinċipali jiġu deċiżi. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, l-elementi ta’ dan id-dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwim (sentenza Worten, EU:C:2013:355, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
F’dan il-każ, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma teskludix l-applikazzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, tal-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1896/2006. Barra minn hekk, il-Gvern Elleniku u dak Taljan iqisu dawn id-dispożizzjonijiet bħala li huma l-uniċi dispożizzjonijiet applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali. |
|
35 |
L-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament hija rilevanti wkoll fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, ladarba l-ordnijiet għal ħlas Ewropej ġew iddikjarati eżekuttivi mill-qorti tar-rinviju. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda għandha tiġi rriformulata bħala li tipprevedi, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dan ir-regolament ikunu applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li mill-Artikoli 12(5) u 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li kull ordni prevista minn dan ir-regolament għandha tkun suġġetta għal komunikazzjoni jew notifika li, filwaqt li ssegwi wieħed mill-modi deskritti fl-imsemmija Artikoli 13 sa 15, tkun konformi mal-istandards minimi imposti min dan ir-regolament. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 36 sa 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ li dawn l-istandards minimi jiġu injorati, il-bilanċ bejn dawn l-għanijiet, imfittxija mir-Regolament Nru 1896/2006, ta’ rapidità u effikaċità, minn naħa, u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, min-naħa l-oħra, jiġi ppreġudikat. |
|
38 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1896/2006, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, l-oppożizzjoni hija l-mod ordinarju li bih tingħalaq il-proċedura ta’ ordni għal ħlas Ewropea, billi din twassal sabiex it-tilwima tgħaddi b’mod awtomatiku għall-proċedura ċivili ordinarja. |
|
39 |
Fil-fatt, kemm-il darba l-krediti li jwasslu għal ordni għal ħlas Ewropea jiġu kkontestati permezz tal-oppożizzjoni, il-proċedura speċjali rregolata mir-Regolament Nru 1896/2006 ma tibqax tapplikax, ladarba, skont l-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament, dan għandu biss l-għan li “jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus”. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-konvenut jista’ jopponi l-ordni għal ħlas Ewropea quddiem il-qorti li toħroġ l-ordni permezz tal-formola F li tiġi trażmessa flimkien mal-formola E li tinkludi l-ordni. L-oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni jew min-notifika tal-ordni. |
|
41 |
Issa, sa fejn l-ordni għal ħlas Ewropea ma tiġix ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-konvenut ma jirċevix il-formoli msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza u ma jkunx għalhekk informat b’mod regolari dwar l-eżistenza u l-bażi tal-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tiegħu. F’każ bħal dan, dan ma jkollux neċessarjament l-informazzjoni utli kollha sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jopponi din l-ordni. |
|
42 |
Tali sitwazzjoni ma tistax tkun kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża, b’tali mod li applikazzjoni tal-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma tistax tkun prevista f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
|
43 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni jew notifika konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006, it-terminu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament ma jibdiex jiddekorri, b’mod li l-validità tal-proċeduri li jiddependu fuq l-iskadenza ta’ dan it-terminu, bħad-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jew it-talba għal reviżjoni prevista fl-Artikolu 20 tiegħu, anki jekk dawn ikunu diġà ġew attivati, titqiegħed f’dubju. |
|
44 |
Fir-rigward speċifikament tal-proċedura ta’ reviżjoni, għandu jitfakkar li din tapplika biss, kif jindika t-titolu stess tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, “f’każijiet eċċezzjonali” previsti b’mod limitattiv f’dan l-artikolu, filwaqt li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika ma jifformax parti minn dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali. |
|
45 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx espressament irregolati minn dan ir-regolament “għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali”. |
|
46 |
Issa, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdi xejn fir-rigward ta’ rimedji possibbilment disponibbli lill-konvenut meta dan jirriżultalu biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li din l-ordni ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata lilu b’mod konformi mal-istandards minimi stipulati fl-Artikoli 13 sa 15 ta’ dan ir-regolament. |
|
47 |
Minn dan isegwi li, f’tali każ, dawn id-domandi preliminari jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006. |
|
48 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, meta ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006, hija ma tkunx tista’ tibbenefika mill-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ tali ordni għal ħlas għandha titqies invalida. |
|
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li r-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dan ir-regolament ma jkunux applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament. Meta jkun biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li tali irregolarità tiġi rrivelata, il-konvenut għandu jkollu l-opportunità li jinvoka din l-irregolarità, li għandha, jekk tiġi debitament ipprovata, twassal għall-invalidità ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
|
50 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti tal-aħħar li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dan ir-regolament ma jkunux applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament. |
|
Meta jkun biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li tali irregolarità tiġi rrivelata, il-konvenut għandu jkollu l-opportunità li jinvoka din l-irregolarità, li għandha, jekk tiġi debitament ipprovata, twassal għall-invalidità ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.