SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Artikolu 5(3)(n) — Użu għal skop ta’ riċerka jew studju privat ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor — Ktieb imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri individwi tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati f’librerija aċċessibbli għall-pubbliku — Kunċett ta’ xogħol li ma huwiex suġġett għal ‘kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar’ — Dritt tal-librerija li tiddiġitalizza xogħol li jagħmel parti mill-kollezzjoni tagħha sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ terminals speċjalizzati — Tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol permezz ta’ terminals speċjalizzati li jippermettu l-istampar fuq il-karta jew il-ħażna tiegħu fuq USB stick”

Fil-Kawża C‑117/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Technische Universität Darmstadt

vs

Eugen Ulmer KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għat-Technische Universität Darmstadt, minn N. Rauer u D. Ettig, avukati,

għal Eugen Ulmer KG, minn U. Karpenstein u G. Schulze, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u A. Collabolletta, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn it-Technische Universität Darmstadt (iktar ’il quddiem it-“TU Darmstadt”) u Eugen Ulmer KG (iktar ’il quddiem “Ulmer”), dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mit-TU Darmstadt, permezz ta’ terminals installati fil-bini ta’ librerija, ta’ ktieb li jagħmel parti mill-kollezzjoni ta’ din tal-aħħar u li d-drittijiet tal-isfruttament tiegħu huma miżmuma minn Ulmer.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 31, 34, 36, 40, 44, 45 u 51 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...]

[...]

(34)

L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal każi bħal skopijiet edukattivi u xjentifiċi, għall-benefiċċju ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħal libreriji u arkivji, għal skopijiet ta’ rappurtaġġ ta’ aħbarijiet, għal kwotazzjonijiet, għal u minn nies b’diżabilitajiet, għal użu ta’ sigurtà pubblika u għal użu fi proċedimenti amministrattivi u legali.

[...]

(36)

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet ukoll meta japplikaw disposizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il-kumpens.

[...]

(40)

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-benfiċċju ta’ ċerti stabbilimenti li ma jaħdmux bi qligħ, bħal libreriji aċċessibbli mill-pubbliku u istituzzjonijiet ekwivalenti, kif ukoll arkivji. B’danakollu, dan għandu jkun limitat għal ċerti każi speċjali regolati bid-dritt tar-riproduzzjoni. [...] Għalhekk, kuntratti jew liċenzji speċifiċi għandhom jiġu promossi li, mingħajr ma joħolqu sbilanċ, jivvaforixxu dawn l-istabbilimenti u l-finijiet ta’ tixrid li jservu.

[...]

(44)

Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett [materjal protett] ieħor. [...]

(45)

L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) m’għandhomx, minkejja dan, jimpedixxu t-tifsira ta’ relazzjonijiet kuntrattwali maħsuba biex jiżguraw kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu permess bil-liġi nazzjonali.

[...]

(51)

[...] L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri volontarji meħuda minn ftehim detenturi tad-drittijiet, magħduda l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, biex jiffaċilitaw li jilħqu l-għanijiet ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-liġi nazzjonali skont din id-Direttiva [...].”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)

għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

[...]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett [materjal protett] ieħor”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

(a)

rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

(b)

rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

(ċ)

rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;

[...]”

7

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[...]

(n)

użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku [...] b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati] fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett [materjal protett] ieħor li mhumiex regolati bit-termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom;

[...]”

8

Skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett [materjal protett] ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

Id-dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 52b tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati [Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte, (Urheberrechtsgesetz), iktar ’il quddiem l-“UrhG”], tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha kif applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“Ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku fil-libreriji pubbliċi, il-mużewijiet u l-arkivji.

It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet ippubblikati li ġejjin mill-kollezzjonijiet sħaħ ta’ libreriji, mużewijiet jew arkivji aċċessibbli għall-pubbliku, li ma għandhom ebda għan direttament jew indirettament ekonomiku jew ta’ qligħ, u previst esklużivament fil-bini tal-istabbiliment ikkonċernat fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku previsti għalhekk b’mod speċjali għal skopijiet ta’ riċerka u studji privati, huwa awtorizzat sakemm ma jkun hemm ebda dispożizzjoni kuntrattwali li topponi dan. In-numru ta’ kopji ta’ xogħol magħmul aċċessibbli fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku, fil-prinċipju, ma għandux ikun ikbar minn dak li tinkludi l-kollezzjoni sħiħa tal-istabbiliment. It-tqegħid għad-dispożizzjoni jwassal għal pagament ta’ tariffa ġusta. Soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva biss tista’ tinvoka t-tariffa inkwistjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

It-TU Darmstadt tmexxi librerija reġjonali u universitarja li fiha installat stazzjonijiet għal qari elettroniku li jippermettu lill-pubbliku jikkonsulta xogħlijiet li jagħmlu parti mill-kollezzjoni sħiħa ta’ din il-librerija.

11

Fost dawn ix-xogħlijiet kien hemm, sa minn Jannar jew Frar 2009, il-manwal ta’ W. Schulze, “Einführung in die neuere Geschichte” (iktar ’il quddiem il-“manwal kontenzjuż”), ippublikat minn Ulmer, pubblikatriċi ta’ xogħlijiet xjentifiċi stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja).

12

It-TU Darmstadt ma aċċettatx l-offerta ta’ Ulmer, tad‑29 ta’ Jannar 2009, li takkwista u tuża, fil-forma ta’ kotba elettroniċi, il-manwali li hija tippubblika u li l-manwal kontenzjuż jagħmel parti minnhom.

13

It-TU Darmstadt iddiġitalizzat dan il-manwal sabiex tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti, fuq l-istazzjonijiet għal qari elettroniku installati fil-librerija tagħha. Dawn l-installazzjonijiet ma kinux jippermettu li jiġu kkonsultati fl-istess ħin numru ikbar ta’ kopji ta’ dan ix-xogħol milli kellha din il-librerija. L-utenti tal-imsemmija installazzjoni għal qari setgħu jistampaw fuq il-karta jew jaħżnu fuq USB stick ix-xogħol sħiħ jew parti minnu u joħorġuh f’din il-forma ’l barra mill-imsemmija librerija.

14

Adita minn Ulmer, il-Landgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali ta’ Frankfurt am Main) qieset, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Marzu 2011, li d-detentur tad-drittijiet u l-istabbiliment kellhom jikkonkludu ftehim minn qabel dwar l-użu diġitali tax-xogħol ikkonċernat sabiex l-applikazzjoni tal-Artikolu 52b tal-UrhG tiġi eskluża. Din il-qorti, barra minn hekk, ċaħdet it-talba ta’ Ulmer li kellha l-għan li tipprojbixxi lit-TU Darmstadt milli tiddiġitalizza jew li tqabbad lil min jiddiġitalizza l-manwal kontenzjuż. Madankollu din laqgħet it-talba ta’ din il-kumpannija li kellha l-għan li tipprojbixxi li l-utenti tal-librerija tat-TU Darmstadt ikunu jistgħu, permezz tal-istazzjonijiet għal qari elettroniku mgħammra fil-bini, jistampaw dan ix-xogħol u/jew jaħżnuh fuq USB stick u/jew joħorġu dawn ir-riproduzzjonijiet ’il barra minn din il-librerija.

15

Adita mit-TU Darmstadt b’rikors dirett lejn “Reviżjoni”, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) tqis li l-ewwel nett tqum il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor “[...]humiex regolati bit-termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzar” fis-sens tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, meta d-detentur tad-drittijiet jipproponi lil stabbiliment imsemmi f’din id-dispożizzjoni sabiex jikkonkludu, b’kundizzjonijiet xierqa, kuntratti ta’ liċenzja għall-użu ta’ dawn jew jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni oħra lil din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li huma koperti biss il-każijiet fejn id-detentur u l-istabbilimenti kkonċernati jkunu kkonkludew ftehim fuq dan il-punt.

16

L-imsemmija qorti tqis li, bil-kontra tal-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, il-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tagħha jmorru fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet. Din tista’ wkoll tibbaża ruħha fuq l-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2001/29. Min-naħa l-oħra, jekk tkun biss il-konklużjoni ta’ ftehim li tippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, ikun permess għall-istabbiliment ikkonċernat li jirrifjuta offerta xierqa tad-detentur tad-drittijiet sabiex jibbenefika mil-limitazzjoni inkwistjoni, u dan jimplika wkoll li dan id-detentur ma jibbenefikax minn remunerazzjoni xierqa, li l-kisba tagħha tikkostitwixxi, madankollu, wieħed mill-għanijiet ta’ din id-direttiva.

17

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti msemmija minn din id-dispożizzjoni d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet li jinsabu fil-kollezzjoni tagħhom, sa fejn il-komunikazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet fuq it-terminals tagħhom jeżiġu tali riproduzzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Istati Membri għandu jkollhom kompetenza ta’ natura anċillari sabiex jipprevedu tali eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni msemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jew tali limitazzjoni ta’ dan id-dritt, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, l-effett utli tal-Artikolu 5(3)(n) ta’ din id-direttiva ma jkunx żgurat. Din il-kompetenza tista’, fi kwalunkwe każ, tkun dedotta mill-Artikolu 5(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva.

18

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhomx il-possibbiltà li jipprevedu sistema ta’ limitazzjoni li tippermetti lill-utenti ta’ stabbiliment imsemmi minn din id-dispożizzjoni jistampaw fuq il-karta u li jaħżnu jew li jniżżlu fuq USB stick, totalment jew parzjalment, ix-xogħlijiet ikkomunikati jew mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mill-istabbiliment ikkonċernat fuq it-terminals tiegħu.

19

F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis, l-ewwel nett, li għalkemm dawn l-istampar, ħażna u tniżżil, ladarba huma relatati mar-riproduzzjoni ta’ xogħol ma humiex, fil-prinċipju, koperti mil-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, huma jistgħu madankollu jkunu permessi bħala estensjoni tal-komunikazzjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol mill-istabbiliment ikkonċernat, taħt limitazzjoni oħra, b’mod partikolari, taħt l-eċċezzjoni msejħa “ta’ kopja privata”, prevista fl-Artikolu 5(2)(b), ta’ din id-direttiva.

20

Sussegwentement, l-għan imsemmi fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, li jikkonsisti f’li jkun permess l-użu b’mod effikaċi, għal skop ta’ riċerka u studju privat, ta’ testi kkomunikati jew imqiegħda għad-dispożizzjoni fuq it-terminals ta’ stabbiliment bħal librerija, imur fis-sens ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tipprovdi li l-istampar fuq il-karta ta’ xogħol minn terminal għandu jkun permess, filwaqt li l-ħażna fuq USB stick ma għandhiex tkun.

21

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 tippermetti wkoll li jiġi żgurat li l-portata tal-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tosserva t-tliet kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, il-ħażna ta’ xogħol fuq USB stick ikollha effett ikbar fuq id-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol milli l-istampar tiegħu fuq il-karta.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huma applikabbli għal xogħol il-kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE, meta l-persuna li għandha d-dritt toffri lill-istabbilimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dan ix-xogħol?

2)

L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jawtorizza lill-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom jekk dan huwa meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ terminals?

3)

Id-drittijiet previsti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE jistgħu saħansitra jippermettu lill-utenti tat-terminals li jistampaw fuq karta jew jaħżnu fuq ċavetta USB ix-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk xogħol huwiex suġġett għal “termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzjar”, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, meta d-detentur ta’ drittijiet ikun ippropona lil stabbiliment imsemmi minn din id-dispożizzjoni, bħal librerija aċċessibbli għall-pubbliku, sabiex jikkonkludu, b’kundizzjonijiet xierqa, kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu ta’ dan ix-xogħol.

24

Il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, bl-eċċezzjoni ta’ Ulmer, jipproponu risposta negattiva għal din id-domanda u essenzjalment isostnu interpretazzjoni li tipprovdi li l-kunċett ta’ “termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzar”, li jinsab fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem fis-sens li d-detentur tad-dritt u l-istabbiliment ikkonċernat għandhom ikunu kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu tax-xogħol ikkonċernat li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom dan l-istabbiliment jista’ juża dan ix-xogħol.

25

Ulmer issostni li s-sempliċi fatt, għad-detentur tad-dritt, li jipproponi lil librerija aċċessibbli għall-pubbliku li jikkonkludu kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu, sakemm din il-proposta tkun “xierqa”, huwa biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29.

26

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett mill-paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari mill-verżjoni Ingliża, Franċiża, Ġermaniża u Spanjola, li jużaw rispettivament il-kelmiet “terms”, “conditions”, “Regelung” u “condiciones”, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża, fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċetti ta’ “kundizzjonijiet” jew ta’ “dispożizzjonijiet” li jirreferu għal klawżoli kuntrattwali effettivament miftiehma minflok għal sempliċi offerti kuntrattwali.

27

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-limitazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 hija intiża li tippromwovi l-interess pubbliku marbut mal-promozzjoni tar-riċerka u tal-istudju privat, billi jinxtered l-għarfien li, barra minn hekk, jikkostitwixxi l-missjoni fundamentali ta’ stabbilimenti bħal-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku.

28

Issa, l-interpretazzjoni sostnuta minn Ulmer timplika li d-detentur tad-dritt jista’, permezz ta’ intervent unilaterali u essenzjalment diskrezzjonali, iċaħħad lill-istabbiliment ikkonċernat mid-dritt li jibbenefika minn din il-limitazzjoni u jipprekludi għaldaqstant it-twettiq tal-missjoni fundamentali tagħha u l-promozzjoni tal-interess pubbliku.

29

Barra minn hekk, il-premessa 40 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li għandhom jiġu promossi kuntratti jew liċenzji speċifiċi li jiffavorixxu, mingħajr ma joħolqu żbilanċ, lil tali stabbilimenti u t-twettiq tal-missjoni tagħhom li jxerrdu t-tagħrif.

30

Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 21 u 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-premessi 45 u 51 ta’ din id-direttiva jikkonfermaw, inkluż fil-verżjoni Ġermaniża tagħhom, li fil-kuntest b’mod partikolari tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, isir riferiment għal relazzjonijiet kuntrattwali effettivi kif ukoll għall-konklużjoni u għall-implementazzjoni ta’ ftehimiet kuntrattwali effettivi u mhux għal sempliċi offerti ta’ kuntratti jew ta’ liċenzji.

31

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni proposta minn Ulmer diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-għan imfittex mill-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, li jinżamm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet, minn naħa, u l-utenti ta’ xogħlijiet protetti, min-naħa l-oħra, li jixtiequ jikkomunikaw dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku għal skop ta’ riċerka jew studju privat mill-individwi.

32

Apparti dan, jekk is-sempliċi fatt li tiġi proposta l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu jkun biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, din l-interpretazzjoni tkun tali li ċċaħħad lil-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minn parti kbira tas-sustanza tagħha, peress li, fil-każ li din l-interpretazzjoni tintuża, l-imsemmija limitazzjoni tapplika biss, kif sostniet Ulmer, għall-uniċi xogħlijiet, dejjem iktar rari, li għalihom għadha ma hijiex offruta fis-suq verżjoni elettronika, b’mod partikolari fil-forma ta’ ktieb elettroniku.

33

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li tipprovdi li għandu jkun hemm kundizzjonijiet kuntrattwali effettivament miftiehma, lanqas ma tista’ tiġi miċħuda, bil-kontra ta’ dak li ssostni Ulmer, minħabba l-fatt li hija tmur kontra t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

34

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, hija akkumpanjata minn diversi restrizzjonijiet li jiggarantixxu, anki jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija eskluża biss fl-ipoteżi li jiġu konklużi kundizzjonijiet kuntrattwali effettivi, li tali limitazzjoni tibqa’ applikabbli f’każijiet speċjali, li ma jikkompromettux l-użu normali ta’ xogħlijiet u lanqas ma jikkawżaw preġudizzju mhux iġġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzar”, li jinsab fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem fis-sens li huwa jimplika li d-detentur ta’ drittijiet u stabbiliment, bħal librerija aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu tax-xogħol ikkonċernat li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom dan l-istabbiliment jista’ juża dan ix-xogħol.

Fuq it-tieni domanda

36

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jagħti lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, id-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet li jagħmlu parti mill-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan l-att ta’ riproduzzjoni jkun neċessarju għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, permezz ta’ terminals speċjalizzati, fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti.

37

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li d-diġitalizzazzjoni ta’ xogħol, inkwantu tikkonsisti essenzjalment fil-konverżjoni ta’ dan tal-aħħar mill-format analogu għall-format diġitali, tikkostitwixxi att ta’ riproduzzjoni tiegħu.

38

Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jippermettix lill-Istati Membri jagħtu dan id-dritt ta’ riproduzzjoni lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, l-awturi għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom.

39

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jikkonċernaw id-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, kemm id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li jibbenefika minnu d-detentur ta’ drittijiet kif ukoll id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku.

40

Madankollu, l-Artikolu 5(3)(n) tal-imsemmija direttiva jillimita l-użu ta’ xogħlijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-“komunikazzjoni jew [...] li jagħmlu disponibbli” dawn ix-xogħlijiet u għaldaqstant, għal atti li jaqgħu biss taħt id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku msemmi fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva.

41

Sussegwentement, għandu jitfakkar li sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li l-imsemmija xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess irrispettivament jekk huma jużawx jew le din il-possibbiltà (sentenza Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 19).

42

Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-fatt, għal stabbiliment bħal librerija aċċessibbli għall-pubbliku, li jaqa’ taħt l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, li jagħti aċċess għal xogħol li jagħmel parti mill-kollezzjoni tiegħu lil “pubbliku”, jiġifieri l-individwi kollha li jużaw terminals speċjalizzati installati fil-bini tiegħu għal skop ta’ riċerka jew studju privat, għandu jiġi kklassifikat bħala “tqegħid għad-dispożizzjoni” u, konsegwentement, bħala “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svensson et, EU:C:2014:76, punt 20).

43

Dan id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet li għandhom l-istabbilimenti bħal-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, fil-limiti tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, jirriskja li jitlef parti kbira mis-sustanza tiegħu, jew anki l-effett utli tiegħu, jekk dawn ma jkollhomx dritt anċillari li jiddiġitalizzaw xogħlijiet ikkonċernati.

44

Tali dritt huwa rikonoxxut lill-imsemmija stabbilimenti fl-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, sakemm dan jirrigwarda “atti ta’ riproduzzjoni speċifiċi”.

45

Din il-kundizzjoni ta’ speċifiċità għandha tinftiehem fis-sens li l-istabbilimenti kkonċernati ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jipproċedu sabiex jiddiġitalizzaw il-kollezzjonijiet tagħhom kollha.

46

Min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni hija osservata, fil-prinċipju, meta d-diġitalizzazzjoni ta’ uħud mix-xogħlijiet ta’ kollezzjoni tkun neċessarja għall-finijiet tal-“użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku [...] b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati]”, kif jipprovdi l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29.

47

Barra minn hekk, il-portata ta’ dan id-dritt anċillari ta’ diġitalizzazzjoni għandha tkun ippreċiżata permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tagħha, li tipprovdi li din il-limitazzjoni hija applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jikkompromettux l-użu normali ta’ xogħol jew materjal ieħor protett u lanqas ma jikkawżaw preġudizzju mhux iġġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt, fejn din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma għandhiex, madankollu, l-għan li twessa’ l-portata tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 58, u ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 26).

48

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, huma debitament meqjusa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, peress li l-ewwel nett, mill-Artikolu 52b tal-UrhG jirriżulta li d-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet minn libreriji aċċessibbli għall-pubbliku ma jistax ikollha l-konsegwenza li n-numru ta’ kopji ta’ kull wieħed mix-xogħlijiet imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ terminals speċjalizzati jaqbeż in-numru ta’ kopji li dawn il-libreriji jkunu akkwistaw fil-format analogu. It-tieni nett, għalkemm skont din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, id-diġitalizzazzjoni tax-xogħol ma hijiex, fiha nnifisha, akkumpanjata minn obbligu ta’ kumpens, it-tqegħid għad-dispożizzjoni sussegwenti ta’ dan ix-xogħol f’format diġitali, fuq terminals speċjalizzati, tagħti lok għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li -Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2)(ċ) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet li jagħmlu parti mill-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan l-att ta’ riproduzzjoni jkun neċessarju għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, permezz ta’ terminals speċjalizzati, fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jagħti lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, id-dritt li jqiegħdu xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-utenti, permezz ta’ terminals speċjalizzati li jippermettu li dawn jiġu stampati fuq il-karta jew jiġu maħżuna fuq USB stick.

51

Kif jirriżulta mill-punti 40 u 42 tas-sentenza preżenti, il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 tkopri biss, fil-prinċipju, ċerti atti ta’ komunikazzjoni li normalment jaqgħu taħt id-dritt esklużiv tad-detentur imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk li permezz tagħhom l-istabbilimenti kkonċernati jqiegħdu xogħol għad-dispożizzjoni tal-individwi, għal skop ta’ riċerka jew ta’ studju privat, permezz ta’ terminals speċjalizzati installati fil-bini tagħhom.

52

Madankollu, huwa paċifiku li atti bħall-istampar ta’ xogħol fuq il-karta jew il-ħażna tiegħu fuq USB stick, anki jekk huma possibbli minħabba ċerti faċilitajiet li bihom huma mgħammra t-terminals speċjalizzati li fuqhom jista’ jiġi kkonsultat dan ix-xogħol, ma humiex atti ta’ “komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, iżda ta’ “riproduzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

53

Fil-fatt dan huwa ħolqien ta’ kopja analoga jew diġitali ġdida tal-kopja diġitali tax-xogħol imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti, minn stabbiliment, permezz ta’ terminals speċjalizzati.

54

Dawn l-atti ta’ riproduzzjoni, bil-kuntrarju ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni ta’ xogħol, lanqas ma jistgħu jiġu permessi taħt dritt anċillari li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 5(2)(ċ) u 5(3)(n) tal-imsemmija Direttiva 2001/29, peress li ma humiex neċessarji sabiex jippermettu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dan ix-xogħol, permezz ta’ terminals speċjalizzati, b’osservanza tal-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija atti ma jitwettqux mill-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, iżda mill-utenti tat-terminals speċjalizzati installati fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti ma jistgħux ikunu awtorizzati taħt din id-dispożizzjoni.

55

Min-naħa l-oħra, tali atti ta’ riproduzzjoni fuq mezz analogu jew diġitali jistgħu, skont il-każ, ikunu awtorizzati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2001/29, sakemm f’kull każ ineżami, il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk marbuta mal-kumpens ġust li għandu jibbenefika minnu d-detentur ta’ drittijiet, ikunu ssodisfatti.

56

Barra minn hekk, tali atti ta’ riproduzzjoni għandhom josservaw il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29. Konsegwentement, il-portata tat-testi riprodotti ma tistax, b’mod partikolari, tikkawża preġudizzju mhux iġġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix atti bħall-istampar ta’ xogħlijiet fuq il-karta jew il-ħażna tagħhom fuq USB stick, imwettqa minn utenti minn terminals speċjalizzati installati f’libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, tali atti jistgħu, skont il-każ, ikunu awtorizzati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2001/29, sakemm f’kull każ ineżami, il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzar”, li jinsab fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li huwa jimplika li d-detentur ta’ drittijiet u stabbiliment, bħal librerija aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu tax-xogħol ikkonċernat li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom dan l-istabbiliment jista’ juża dan ix-xogħol.

 

2)

L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2)(ċ) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet li jagħmlu parti mill-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan l-att ta’ riproduzzjoni jkun neċessarju għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, permezz ta’ terminals speċjalizzati, fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti.

 

3)

L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix atti bħall-istampar ta’ xogħlijiet fuq il-karta jew il-ħażna tagħhom fuq USB stick, imwettqa minn utenti minn terminals speċjalizzati installati f’libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, tali atti jistgħu, skont il-każ, ikunu awtorizzati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) jew (b) ta’ din id-direttiva, sakemm f’kull każ ineżami, il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.