Kawża C‑112/13

A

vs

B et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Artikolu 267 TFUE — Kostituzzjoni nazzjonali — Proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità mandatorja — Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni nazzjonali — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Assenza ta’ domiċilju jew ta’ post ta’ soġġorn magħruf tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru — Proroga ta’ ġurisdizzjoni f’każ ta’ dehra tal-konvenut — Kuratur għall-konvenut assenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014

  1. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qrati ordinarji li jiddeċiedu fl-appell jew fl-aħħar istanza sabiex jadixxu lill-Qorti Kostituzzjonali b’talba għall-annullament tal-liġijiet li jmorru kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Natura prijoritarja ta’ din il-proċedura inċidentali – Impossibbiltà għall-qorti ordinarja li tiġi deċiża immedjatament kawża filwaqt li ma tiġix applikata l-imsemmija liġi – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni – Dehra tal-konvenut quddiem il-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 – Kunċett – Dehra tal-kuratur għall-konvenut assenti – Esklużjoni – Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 24)

  1.  Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema l-qrati ordinarji li jiddeċiedu fl-appell jew fl-aħħar istanza huma obbligati, meta jqisu li liġi nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li matul il-proċedura, jadixxu l-Qorti Kostituzzjonali b’talba għall-annullament erga omnes tal-liġi minflok jillimitaw ruħhom li ma japplikawhiex, sakemm in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura għandha l-effett li tipprevjeni kemm qabel it-tressiq ta’ din it-talba lill-qorti nazzjonali li għandha r-responsabbiltà li teżerċita l-istħarriġ tal-Kostituzzjonalità ta’ liġijiet li, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti fuq l-imsemmija talba, dawn il-qrati ordinarji, li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom jew jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm l-imsemmijin qrati ordinarji jibqgħu liberi.

    li, fi kwalunkwe mument tal-proċeduri li huma jqisu xieraq u anki fi tmiem il-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-liġijiet, jadixxu bi kwalunkwe domanda preliminari li jqisu neċessarja lill-Qorti tal-Ġustizzja,

    li jadottaw kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u

    li ma japplikawx, fi tmiem tali proċedura inċidentali, id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni jekk iqisuha kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tiġi interpretata skont dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punt 46 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tinnomina kuratur għall-konvenut assenti għal konvenut li ma jkunx ġie nnotifikat bir-rikors promotur fin-nuqqas ta’ residenza magħrufa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dehra ta’ dan il-kuratur għall-konvenut assenti ma hijiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.

    Fil-fatt, il-proroga taċita tal-ġurisdizzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq għażla deliberata tal-partijiet fil-kawża marbuta ma’ din il-ġurisdizzjoni, li jippreżumi li l-konvenut kien jaf bil-proċeduri mressqa kontrih. Min-naħa l-oħra, konvenut assenti li ma jkunx ġie nnotifikat bir-rikors promotur u li ma jkunx jaf bil-proċeduri mibdija kontra tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li qed jaċċetta taċitament il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

    Barra minn hekk, konvenut assenti li ma jkunx jaf bir-rikors ippreżentat kontrih kif ukoll bil-ħatra ta’ kuratur għall-konvenut assenti, ma jistax jagħti lil dan il-kuratur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi evalwata l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita u sabiex tippermettilu jikkontesta effettivament din il-ġurisdizzjoni jew li jaċċettaha b’konjizzjoni tal-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dehra tal-imsemmi kuratur għall-konvenut assenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni taċita ta’ dan il-konvenut.

    F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn l-att promotur ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut, li kien iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor li mhux dak tal-qorti adita, l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din tal-aħħar minħabba dehra ta’ kuratur għall-konvenut assenti, innominat għall- konvenut, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha natura prevedibbli.

    Id-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrent iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li għandu jiġi implementat flimkien mad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut fil-qafas tar-Regolament Nru 44/2001. ma twassalx għal interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.

    Interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 skont liema tutur jew kuratur għall-konvenut assenti jistgħu jidhru għal dan il-konvenut skont dan l-Artikolu 24 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn id-drittijiet għal rimedju effettiv u d-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni ċċaħħad lil dan il-konvenut mill-possibbiltà li jinforza d-drittijiet ta’ difiża tiegħu billi jopponi, skont l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament, ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija kontra tiegħu.

    (ara l-punti 54, 55, 57, 58, 60, 61 u d-dispożittiv 2)