SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 12, 45, 46 u 94 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ pensjoni għall-kundizzjoni ta’ interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għax-xjuħija — Xiri mill-ġdid ta’ perijodu ta’ assigurazzjoni nieqsa bħala korrispettiv għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet — Koinċidenza tal-perijodi ta’ assigurazzjoni f’diversi Stati Membri — Fakultà tal-persuna assigurata li tevita r-regola ta’ kumulu tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ assigurazzjoni — Irtirar tal-pensjoni mogħtija u rkupru tal-ammont imħallas żejjed — Obbligu ta’ ħlas tal-interessi”

Fil-Kawża C‑103/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia‑grad (Il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Snezhana Somova

vs

Glaven direktor na Stolichno upravlenie “Sotsialno osiguryavane”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, M. Berger (Relatur), S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u Y. Atanasov, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer, D. Roussanov u V. Kreuschitz kif ukoll S. Petrova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikoli 48 TFUE u 49 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 12(1) u (2), 46(1) u (2) u 94(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006, tal-Parlament u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Somova u Glaven direktor na Stolichno upravlenie “Sotsialno osiguryavane” (Direttur Ġenerali tad-Dipartiment “Sigurtà soċjali” tal-kapitali, iktar ’il quddiem is-“SUSO”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tordna l-ħlas lura ta’ ammonti rċevuti abbażi ta’ dritt għal pensjoni individwali tax-xjuħija, flimkien mal-interessi, minħabba li dan id-dritt ingħata bi ksur tal-Artikolu 94(1) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Soċjali (Kodeks za sotsialnoto osiguryavane, iktar ’il quddiem il-“KSO”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Ir-Regolament Nru 1408/71, fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, tħassar permezz tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

4

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71 intitolat “Prevenzjoni ta’ [kumulu] ta’ l-benefiċċji” fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu ta’ assigurazzjoni. Biss, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-benefiċċji fejn jidħlu, l-invalidità, ix-xjuħija, il-mewt (pensjonijiet) jew il-mard okkupazzjonali li jingħataw mill-istituzzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 41, 43(2) u (3), 46, 50 u 51 jew l-Artikolu 60(1)(b).

2.   Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjonijiet ta’ Stat Membru li jikkontrollaw ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija tal-benefiċċji f’każijiet ta’ taħwid ma’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali oħra jew kwalunkwe forma ta’ dħul jistgħu jinvokaw anke fejn tali benefiċċji kienu akkwistati taħt leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew fejn tali dħul kien akkwistat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

5

Il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 44 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-benefiċċji meta persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri” kienu redatti kif ġej:

“1.   Id-drittijiet għall-benefiċċji ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, jew tas-superstiti tagħha, tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Ħlief jekk mhux pprovdut mod ieħor fl-Artikolu 49, il-proċess għal talba għall-għoti sottomessa mill-persuna kkonċernata jieħu inkonsiderazzjoni l-leġislazzjonijiet kollha li għalihom kienet suġġetta l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha. Eċċezzjoni għal din ir-regola ssir jekk il-persuna kkonċernata espressament titlob posponiment ta’ l-għoti tal-benefiċċji tax-xjuħija li għalihom tkun intitolata taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri.”

6

L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Konsiderazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġislazzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha, għall-akkwist, ir-retenzjoni jew l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji”, kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perjodi bħallikieku twettqu taħt il-leġislazzjoni tagħha.”

7

L-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji” kien jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Fejn il-kondizzjonijiet meħtieġa mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar tal-benefiċċji jkunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkollu jkun applikat l-Artikolu 45 jew l-Artikolu 40(3), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

a)

l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont tal-benefiċċji li jkunu dovuti:

i)

fuq naħa waħda, taħt id-dispożizzjonijiet biss tal-leġislazzjoni li hija tamministra;

ii)

fuq in-naħa l-oħra, insegwitu għall-paragrafu 2;

b)

l-istituzzjoni kompetenti tista’, madanakollu, twarrab il-kalkolu li jrid jitwettaq skond (a)(ii) jekk ir-riżultat ta’ din il-kalkulazzjoni, barra mid-differenzi li joħorġu mill-użu tal-figuri sħaħ, ikun ugwali għal jew inqas mir-riżultat tal-kalkulazzjoni mwettqa skond (a)(i), sakemm dik l-istituzzjoni ma tapplika ebda leġislazzjoni li jkun fiha regoli kontra l-irkib (overlapping) kif kien hemm riferenza fl-Artikoli 46b u 46ċ jew jekk l-istituzzjoni msemmija qabel tapplika leġislazzjoni li jkun fiha regoli kontra l-irkib (overlapping) fil-każ li kien irreferut fl-Artikolu 46ċ, basta li l-imsemmija leġislazzjoni tistipula li benefiċċji ta’ tip differenti jittieħdu inkonsiderazzjoni biss abażi tar-relazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mitluba minn dik il-leġislazzjoni sabiex tikkwalifika għall-intitolament ta’ benefiċċju sħiħ.

L-Anness IV, il-Parti Ċ, tillistja għal kull Stat Membru kkonċernat il-każijiet fejn iż-żewġ kalkulazzjonijiet iwasslu għal riżultat ta’ dan it-tip.

2.   Fejn il-kondizzjonijiet mitluba mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:

[...]”

8

L-Artikolu 84a tal-istess regolament, intitolat “Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament”, kien jipprovdi:

“1.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u koperazzjoni reċiproċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament.

L-istituzzjonijiet, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom iwieġbu għall-mistoqsijiet kollha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli u f’dan ir-rigward għandhom jipprovdu lill-persuni konċernati b’kull informazzjoni meħtieġa biex huma jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.

Il-persuni konċernati għandhom jinformaw lill-istituzzjonijiet ta’ l-Istat kompetenti u ta’ l-Istat ta’ residenza malajr kemm jisa’ jkun bil-bidliet kollha fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħhom li jolqtu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji taħt dan ir-Regolament.

2.   In-nuqqas ta’ rispett ta’ l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonali skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u m’għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli b’mod eċċessiv fil-prattika għal dawk li jagħmlu t-talba li jeżerċitaw d-drittijiet li jagħtihom dan ir-Regolament.

3.   Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni.”

9

L-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tranżitorji għall-persuni impjegati, jipprovdi li:

“Il-perjodi kollha ta’ l-assigurazzjoni, fejn xieraq, il-perjodi kollha ta’ l-impjieg jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel l-1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat jittieħdu inkonsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet akkwistati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

10

Il-Parti Ċ tal-Anness IV kienet intitolata “Każijiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 46(1)(b) tar-Regolament fejn il-kalkolu tal-benefiċċju skond l-Artikolu 46(2) tar-Regolament jista’ jkun rinunzjat”. Taħt l-ittra B “Bulgarija” kienu previsti:

“L-applikazzjonijiet kollha għal pensjonijiet għal perijodi ta’ assigurazzjoni u xjuħija, pensjonijiet ta’ invalidità minħabba mard ġenerali, u pensjonijiet ta’ min jibqa’ ħaj li ġejjin mill-pensjonijiet imsemmijin hawn fuq.”

11

L-Anness VII tal-imsemmi regolament, intitolat “Każijiet fejn persuna għandha tkun soġġetta fl-istess waqt għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri”, kien jipprovdi fil-punt 2 tiegħu:

“Fejn persuna tkun taħdem għal rasha fil-Bulgarija u mpjegata bi qliegħ fi kwalunkwe Stat Membru ieħor”.

Id-dritt Bulgaru

12

L-Artikolu 4(3) tal-KSO jipprovdi:

“Għandhom ikunu assigurati b’mod obbligatorju kontra l-invalidità kkawżata mill-mard, kontra x-xjuħija u kontra l-mewt:

[...]

5.

il-persuni li jaħdmu mingħajr ma jkunu impjegati u li jirċievu remunerazzjoni fix-xahar ogħla jew daqs salarju minimu, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż irrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni, meta huma ma jkunux assigurati mod ieħor għall-istess xahar.

6.

il-persuni li jaħdmu mingħajr ma jkunu impjegati u li huma assigurati mod ieħor għall-istess xahar, indipendentement mill-ammont ta’ remunerazzjoni.

[...]”

13

Permezz tas-sentenza Nru 5 tad-29 ta’ Ġunju 2000, il-Konstitucionen sad (Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat li l-obbligu tal-pensjonanti li jaħdmu għal rashom, li jkunu assigurati u li jħallsu l-kontribuzzjonijiet jikser il-Kostituzzjoni. Dawn il-pensjonanti ħaddiema li jaħdmu għal rashom jistgħu, madankollu, ikunu assigurati b’mod volontarju kontra t-tliet riskji msemmija fl-Artikolu 4(3) tal-KSO.

14

Fil-verżjoni tiegħu li kienet tapplika għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom għall-perijodu mis-27 ta’ Diċembru 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-Artikolu 94 tal-KSO, intitolat “Data tal-għoti tal-pensjoni” kien jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“Il-pensjonijiet għandhom jingħataw b’effett mid-data tal-kisba tad-dritt u, fir-rigward tal-pensjonijiet tax-xjuħija, b’effett mit-tmiem tal-assigurazzjoni, jekk l-applikazzjoni akkumpanjata bid-dokumenti meħtieġa tkun ġiet ippreżentata fis-sitt xhur ta’ wara l-kisba tad-dritt jew, jekk ikun il-każ, minn tmiem l-assigurazzjoni. Jekk id-dokumenti jiġu ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur wara l-kisba tad-dritt jew, jekk ikun il-każ, minn tmiem l-assigurazzjoni, il-pensjonijiet jingħataw b’effett mid-data tal-preżentazzjoni tad-dokumenti.”

15

L-obbligu li titwaqqaf l-assigurazzjoni, imposta mill-Artikolu 94 tal-KSO, għall-bidu tad-dritt għal pensjoni, tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, fir-rigward tal-ħaddiema mhux impjegati.

16

L-Artikolu 114 tal-KSO, intitolat “Irkupru ta’ ammonti rċevuti indebitament”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ammonti rċevuti indebitament bħala benefiċċji tal-assigurazzjoni għandhom jiġu rkuprati, flimkien mal-interessi, mingħand il-benefiċjarju [...]”.

17

L-Artikolu 9(3) u (5) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO jipprovdi:

“3.   Fil-perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ qabel l-irtirar mhux volontarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-perijodu li fih il-persuni kkonċernati kienu laħqu l-età msemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 68, iżda li matulu kien hemm nieqsa ħames snin ta’ kontribuzzjonijiet qabel il-kisba tad-dritt għall-irtirar u li matulu tħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni kkalkolati abbażi tad-dħul minimu ggarantit lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom kif stabbilit skont il-liġi tal-finanzjament tal-assigurazzjoni Statali obbligatorja, fil-ġurnata tal-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, peress li l-imsemmi perijodu ma jiġix ikkalkolat bħala perijodu ta’ assigurazzjoni skont xi dispożizzjoni oħra ta’ dan il-kodiċi.

[...]

5.   Għall-perijodu ta’ assigurazzjoni miksub taħt it-tielet paragrafu 3, id-dritt għall-pensjoni jinħoloq fil-ġurnata tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali jew fil-ġurnata tal-validazzjoni taċ-ċedola ta’ ħlas bin-nifs ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fit-18 ta’ Jannar 2007, S. Somova applikat sabiex tingħata pensjoni tax-xjuħija wara li ddikjarat li hija kienet ħadmet fil-Bulgarija mit-18 ta’ Jannar 1957 sal-31 ta’ Mejju 1996 u li hija ma kinitx għadha assigurata sa mill-4 ta’ Ġunju 1996. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2007 minħabba li S. Somova, wara li ħallset il-kontribuzzjonijiet fil-Bulgarija matul perijodu ta’ assigurazzjoni b’tul totali ta’ 33 sena, 11-il xahar u 17-il ġurnata, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-età u tal-anzjanità mitluba mil-liġi Bulgara.

19

Fit-22 ta’ Ġunju 2007, S.Somova talbet il-likwidazzjoni tad-drittijiet tagħha għal pensjoni tax-xjuħija abbażi tal-Artikolu 9 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ f’dak iż-żmien. Skont dan l-artikolu, din il-likwidazzjoni kienet suġġetta għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għal perijodu residwali nieqes ta’ assigurazzjoni ta’ sentejn, sitt xhur u sbatax-il ġurnata. Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007, S. Somova bbenefikat, fuq it-talba tagħha, minn ċedola għall-ħlas bin-nifs ta’ kontribuzzjonijiet neqsin.

20

Fl-istess data, bint S. Somova, li aġixxiet bħala mandatarja ta’ din tal-aħħar, iċċertifikat bil-miktub li S. Somova ma ħadmitx wara l-4 ta’ Ġunju 1996 u li hija ma kinitx assigurata.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2007, S. Somova ngħatat pensjoni tax-xjuħija f’ammont minimu, sa mill-5 ta’ Lulju 2007. Dan l-ammont ġie evalwat mill-ġdid diversi drabi.

22

Wara applikazzjoni għal pensjoni tax-xjuħija ppreżentata fl-2011 minn S. Somova għand l-organu Awstrijak tas-sigurtà soċjali kompetenti, is-SUSO rċieva, fl-20 ta’ Settembru 2011, il-formoli E 001/AT u E 205/AT. Minnhom jirriżulta li S. Somova kienet affiljata mas-sigurtà soċjali Awstrijaka, għall-perijodi mix-xahar ta’ Ottubru 1995 sax-xahar ta’ Diċembru 2000 u mix-xahar ta’ Jannar 2001 sax-xahar ta’ Lulju 2011, taħt l-iskema ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom fis-sens tal-Liġi Federali Awstrijaka dwar is-sigurtà soċjali. Matul dawn il-perijodi, S. Somova kienet teżerċita x-xogħol ta’ bidwija fl-Awstrija.

23

Minn dawn, is-SUSO ddeduċa li, fil-5 ta’ Lulju 2007, id-data tal-għoti tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha, S. Somova ma kinitx waqfet tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet mogħtija fuq din il-bażi, is-SUSO annulla, minn naħa, id-deċiżjoni li biha ngħatat pensjoni tax-xjuħija lil S. Somova, u d-deċiżjonijiet li żidulha l-ammont u, minn naħa, ordna l-irkupru tal-ammonti mħallsa lil din tal-aħħar flimkien mal-interessi.

24

L-appell ippreżentat minn S. Somova kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011 tas-SUSO. Dan tal-aħħar ikkunsidra li ċ-ċertifikat tal-5 ta’ Lulju 2007 stabbilit mill-mandatarja ta’ S. Somova ma kienx jikkonċerna biss l-interruzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali ta’ din tal-aħħar fil-Bulgarija peress li, skont l-Artikolu 84a ta-Regolament Nru 1408/71, S. Somova kienet obbligata tinforma lill-organu tas-sigurtà soċjali Bulgaru bl-affiljazzjoni ma’ assigurazzjoni li hija kellha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-Artikoli 44(2) u 45 ta’ dan ir-regolament, il-perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ S. Somova fl-Awstrija mingħajr madankollu ma tapplika l-Artikolu 9 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO.

25

Skont S. Somova, il-fatt li hija kienet affiljata fl-Awstrija fil-mument tal-applikazzjoni għal pensjoni fil-Bulgarija ma huwiex rilevanti, u dan peress li hija kienet koperta bl-assigurazzjoni soċjali fi Stat Membru ieħor.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-fatti [tal-kawża prinċipali], l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 [TFUE] u [...] l-Artikolu 49 [TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw dispożizzjoni nazzjonali bħal dik [inkwistjoni fil-kawża prinċipali], jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 94 tal-[KSO], li jeżiġi l-[interruzzjoni] tal-assigurazzjoni bħala bażi għall-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija lil ċittadin tal-Istat Membru li, fid-data ta’ meta saret l-applikazzjoni għal pensjoni, ikun jeżerċita attività bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ieħor u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1408/71]?

2)

L-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, interpretat fid-dawl tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 TFUE, jippermetti eċċezzjoni għar-regola li għandhom jingħaddu flimkien il-perijodu ta’ kontribuzzjoni u perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor qabel id-data tal-implementazzjoni tar-Regolament mill-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għal pensjoni, meta l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-persuna assigurata l-għażla li tinvoka l-perijodi li għandhom jingħaddu u li tevalwa jekk ikunx hemm lok li dawn jingħaddu, u dan f’sitwazzjoni fejn il-perijodu mwettaq taħt id-dritt tal-Istat fejn tkun saret l-applikazzjoni għal pensjoni biss ma jkunx biżżejjed sabiex jiġġustifika dritt għal pensjoni, sakemm ma jitħallsux kontribuzzjonijiet soċjali?

F’dawn l-istess ċirkustanzi, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 TFUE jippermetti li titwarrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 — dwar l-għadd tal-perijodi ta’ assigurazzjoni wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu — fuq għażla tal-persuna assigurata meta din il-persuna ma tindikax, fl-applikazzjoni tagħha għal pensjoni, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor?

3)

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax ir-rikonoxximent ta’ perijodu ta’ assigurazzjoni permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, kif previst fid-dritt Bulgaru mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 9 [tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO], meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ assigurazzjoni rikonoxxut b’dan il-mod jikkoinċidi ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor?

4)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istat Membru [jinterrompi], b’effett immedjat, il-ħlas tal-pensjoni u jirkupra l-pagamenti kollha ta’ pensjoni tax-xjuħija mogħtija skont id-dritt nazzjonali tiegħu lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu meta l-kundizzjonijiet imsemmija fit-test [ta’ dan ir-regolament] ma jkunux issodisfat[t]i qabel id-data tal-għoti tal-pensjoni minħabba raġunijiet partikolari għad-dritt nazzjonali (jiġifieri minħabba li l-assigurazzjoni ma kinitx twaqqfet fil-jum meta ngħatat il-pensjoni, minħabba li kien ittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ assigurazzjoni permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet skont id-dritt nazzjonali minflok ma ttieħdu inkunsiderazzjoni, fil-jum tal-għoti, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor, u minħabba li ma kinux esposti r-raġunijiet li wasslu għall-iffissar ta’ pensjoni ta’ ammont differenti)?

Fil-każ li jkun awtorizzat l-irkupru tal-pagamenti tal-pensjoni magħmula, mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li huma dovuti wkoll interessi meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ma jipprevedix interessi fir-rigward tal-irkupru ta’ pensjoni mogħtija skont [T]rattat internazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

27

L-Irlanda tikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li l-kawża prinċipali hija ta’ natura purament interna u li r-riżoluzzjoni tagħha lanqas ma tirrikjedi l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru huwa tal-opinjoni li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tinkludix biżżejjed informazzjoni marbuta ma’ punti ta’ fatt u ta’ dritt tal-kawża prinċipali li juru b’mod ċar l-effett possibbli tad-dritt tal-Unjoni fuq is-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

28

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tat-TFUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati sabiex jiġu implementati dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (ara, s-sentenza Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Madankollu f’dan il-każ anki jekk il-kawża prinċipali tirrigwarda essenzjalment il-kundizzjoni, imposta fl-Artikolu 94(1) tal-KSO, li tissuġġetta l-ftuħ tad-drittijiet għall-pensjoni tax-xjuħija għall-interruzzjoni tal-affiljazzjoni mal-assigurazzjoni soċjali, is-sitwazzjoni kkunsidrata ma tistax tiġi kklassifikata bħala purament interna għal Stat Membru. Fil-fatt, fid-data tal-applikazzjoni tagħha għal pensjoni, S. Somova kienet persuna li taħdem għal rasha fl-Awstrija, li b’hekk kienet teżerċita d-dritt tagħha għal libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

30

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li ċerti perijodi ta’ assigurazzjoni ta’ S. Somova fl-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Awstrija kienu jikkoinċidu ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni simili fil-Bulgarija b’mod partikolari dak ta’ sentejn, sitt xhur u sbatax-il ġurnata mixtri mill-ġdid minn S. Somova bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali skont l-Artikolu 9(3) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO. Issa, tali sitwazzjoni hija, fil-prinċipju, irregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71.

31

Konsegwentement, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 48 TFUE u 49 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 94(1) tal-KSO, li tistabilixxi li l-likwidazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tax-xjuħija hija suġġetta għall-kundizzjoni preliminari tal-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali marbuta ma’ attività eżerċitata fi Stat Membru ieħor.

Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet

33

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, jeħtieġ li jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan biss li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar. Għalhekk, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom li jiġġestixxu s-sistemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali (ara s-sentenza Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għalhekk fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (sentenza Salgado González, EU:C:2013:86, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-libertà ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Salgado González, EU:C:2013:86, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Jeħtieġ ukoll li jitfakkru d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat marbuta mal-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 94, kif ukoll ITC, C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Dispożizzjonijiet nazzjonali li jimpedixxu jew jiskoraġġixxu lill-ħaddiem ċittadin ta’ Stat membru li jitlaq l-Istat ta’ oriġni tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bosman, EU:C:1995:463, punt 96; ITC, EU:C:2007:16, punt 33, kif ukoll Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-moviment liberu tal-persuni jipprekludu kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni marbuta man-nazzjonalità, tista’ tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali iggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 45, kif ukoll Casteels, C‑379/09, EU:C:2011:131, punt 22).

39

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur Bulgaru huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi, skont id-dritt proprju tiegħu, il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija ġaladarba dawn ma jkunux diskriminatorji minħabba n-nazzjonalità tal-applikanti u ma jkunux jipprekludu jew jiddisswadu lill-persuni li jkollhom dritt għal pensjoni tax-xjuħija milli jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

40

Fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 94(1) tal-KSO japplika mingħajr ebda distinzjoni għall-persuni impjegati kollha li ħadmu fil-Bulgarija u ma jikkostitwixxix għaldaqstant diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità tal-impjegati kkonċernati.

41

Fir-rigward ta’ ostakolu possibbli għal-libertajiet fundamentali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni timponi, li sabiex tiġi eżegwita l-likwidazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tax-xjuħija, għandha ssir interruzzjoni formali tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li twassal għal waqfien mill-attività professjonali. Il-Gvern Bulgaru kkonferma, waqt is-seduta, li interruzzjoni qasira ħafna ta’ ġurnata hija suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni. Barra minn hekk, il-persuna assigurata ma kinitx imċaħda mid-dritt li teżerċita tali attività wara l-likwidazzjoni tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni tax-xjuħija u tista’ tgħaqqad flimkien tali pensjoni ma’ attività professjonali bi ħlas.

42

Fil-fatt, tali interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, daqskemm tista’ tkun faċli għal ħaddiem li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Bulgarija, daqshekk ieħor tista’ tkun diffiċli, jew impossibbli, għal ħaddiem li juża l-libertà ta’ moviment liberu tiegħu jew il-libertà ta’ stabbiliment tiegħu meta jeżerċita attività professjonali bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, il-proċess amministrattiv li jista’ jirriżulta minn din l-interruzzjoni fi Stat Membru ieħor jista’ jinċita jew anki jobbliga ħaddiem li jkun f’pożizzjoni komparabbli ma’ dik ta’ S. Somova, li jwaqqaf l-attività professjonali għal perijodu ta’ tul imprevedibbli, itwal minn dak minimu ta’ ġurnata rikjest mil-leġiżlazzjoni Bulgara, bil-għan li jingħata pensjoni tax-xjuħija skont din il-leġiżlazzjoni.

43

Issa, tali interruzzjoni tista’ tpoġġi f’dubju t-tkomplija, minn ħaddiem li jaħdem għal rasu, tal-attività professjonali u tirrendi prekarja s-sitwazzjoni professjonali tiegħu peress li, wara din l-interruzzjoni, dan ma jkollu l-ebda garanzija li jkompli l-impjieg tiegħu jew li jsib ieħor.

44

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess interruzzjoni jista’ jkollha wkoll, wara r-ritorn għall-impjieg tal-imsemmi ħaddiem, konsegwenzi negattivi fuq ir-remunerazzjoni, l-iżvolġiment tal-karriera u l-avvanz ta’ din tal-aħħar, bħal, pereżempju, telf tad-drittijiet għal-leave bi ħlas, klassifikazzjoni inqas għolja u inqas anzjanità.

45

Minn dan jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 94(1) tal-KSO, tista’ tipprekludi jew tiddisswadi persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni Bulgara milli teżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor u għaldaqstant tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu u b’mod partikolari għal-libertà ta’ stabbiliment imsemmi fl-Artikolu 49 TFUE.

Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

46

Miżura li tostakola l-libertajiet fundamentali ma tistax tiġi ammessa ħlief jekk din tkun issegwi għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Però, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ITC, EU:C:2007:16, punt 37, kif ukoll Wencel, C‑589/10, EU:C:2013:303, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Gvern Bulgaru kkonferma, waqt is-seduta, li persuna assigurata żżomm id-dritt li teżerċita attività wara l-likwidazzjoni tad-drittijiet tagħha għal pensjoni tax-xjuħija u tista’ tgħaqqad flimkien din il-pensjoni tax-xjuħija ma’ attività professjonali bi ħlas. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda rabta neċessarja u diretta bejn il-ħlas ta’ tali pensjoni skont id-dritt Bulgaru u l-waqfien ta’ attività professjonali bi ħlas.

48

Barra minn hekk, il-Gvern Bulgaru indika, waqt is-seduta, li l-għan tar-rekwiżit purament formali ta’ interruzzjoni ta’ tali attività ma kienx rikonoxxut jew anki ineżistenti. Dan il-Gvern żied li dan ir-rekwiżit kien mingħajr interess u illoġiku, li, barra minn hekk, id-dispożizzjoni li jirriżulta minnha tħassret għall-ħaddiema mhux impjegati sa mill-1 ta’ Jannar 2012 u li l-opportunità ta’ tali tħassir għall-impjegati kienet attwalment suġġetta għal eżami fil-Bulgarija.

49

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-imsemmi rekwiżit ma ġiex iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali li huwa kellu jiggarantixxi t-twettiq tiegħu.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 94(1) tal-KSO, li tistabbilixxi li l-likwidazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tax-xjuħija hija suġġetta għall-kundizzjoni preliminari tal-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali marbuta ma’ attività eżerċitata fi Stat Membru ieħor.

Fuq it-tieni domanda

51

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 46(2) u 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma ta’ natura imperattiva jew fis-sens li huma jagħtu lill-persuni li għandhom assigurazzjoni soċjali, il-fakultà li jagħżlu li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet miftuħa fi Stat Membru, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fl-ewwel Stat Membru.

52

Filwaqt li jiġi eżaminat, qabel xejn, l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, jeħtieġ li jitfakkar li hemm previst fih il-perijodu kollha ta’ assigurazzjoni kif ukoll, fejn applikabbli, il-perijodi kollha ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru qabel l-1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-regolament fuq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew fuq parti mit-territorju ta’ dak l-Istat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet miftuħa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

53

In-natura obbligatorja ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħha mhux ekwivoku, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “[għandhom] jittieħdu inkonsiderazzjoni” fil-verżjoni Franċiża. Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll minn verżjonijiet lingwistiċi oħra tar-Regolament Nru 1408/71, li ma jippermettu l-ebda diskussjoni marbuta man-natura vinkolanti tal-imsemmija dispożizzjoni.

54

Din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament hija kkorroborata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-istess regolament li jistabbilixxu l-leġiżlazzjoni applikabbli jifformaw sistema kompleta ta’ regoli dwar kunflitt li l-effett tagħhom huwa li jneħħu s-setgħa tal-leġiżlaturi nazzjonali li jistabbilixxu l-portata u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’dan il-qasam, f’dak li jirrigwarda l-persuni suġġetti għaliha u f’dak li jirrigwarda t-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza van Delft et, C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Issa, peress li r-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 1408/71 huma imposti b’hekk b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri, ma jistax iktar u iktar jingħad li l-persuni assigurati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jistgħu jevitaw l-effett billi jagħżlu li ma jaqgħux taħthom. Fil-fatt, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kunflitt ta’ liġi stabbilita b’dan ir-regolament tiddependi biss fuq is-sitwazzjoni oġġettiva li jkun jinsab fiha l-ħaddiem ikkonċernat (sentenza van Delft et, EU:C:2010:610, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, fir-rigward tal-ħaddiema migranti, li la t-TFUE, b’mod partikolari l-Artikolu 45 tiegħu, u lanqas ir-Regolament Nru 1408/71 ma joffru lil dawn il-ħaddiema l-għażla li jirrinunzjaw minn qabel għall-benefiċċju tal-mekkaniżmu implementat, b’mod partikolari mill-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament (sentenza van Delft et, EU:C:2010:610, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Barra minn hekk, meta r-Regolament Nru 1408/71 jagħti dritt ta’ għażla lill-persuni assigurati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu rigward il-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa jipprevedi dan espliċitament (sentenza van Delft et, EU:C:2010:610, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

L-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament huwa għalhekk ta’ natura imperattiva. La l-Istati Membri, la l-awtoritajiet kompetenti, u lanqas il-persuni li għandhom assigurazzjoni soċjali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistgħu jidderogaw minnu.

59

Fir-rigward tal-Artikolu 45 u 46(2) tal-istess regolament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat ukoll li dawn huma ta’ natura imperattiva, peress li dawn ma joffru, skont il-kliem tagħhom, l-ebda dritt ta’ għażla lil persuna assigurata li taqa’ taħt dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza van Delft et, EU:C:2010:610, punt 57). Konsegwentement, il-persuna assigurata ma tistax tirrinunzja għall-applikazzjoni tagħhom billi tonqos milli ssemmi fit-talba tagħha ta’ likwidazzjoni tad-drittijiet tagħha għal pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor.

60

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 84a(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-regolament huma marbuta b’obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, il-persuni kkonċernati għandhom jinformaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat kompetenti u tal-Istat ta’ residenza malajr kemm jista’ jkun bil-bidliet kollha fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħhom li jolqtu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji taħt dan ir-Regolament.

61

Minn dan jirriżulta li, kif sostniet l-Irlanda fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, l-applikant għal benefiċċju ta’ sigurtà soċjali ma għandux id-dritt li jippreżenta storja frammentata tal-vjaġġ professjonali tiegħu u tal-perijodi tiegħu ta’ assigurazzjoni bil-għan li jikseb vantaġġ finanzjarju.

62

Konsegwentement, in-natura imperattiva tal-Artikolu 45 u 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma tippermettix lill-persuna assigurata li tevita l-applikazzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għal pensjoni tax-xjuħija tkun ġiet ippreżentata, regoli dwar il-kumulu tat-totalità tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u dwar il-kalkolu tal-ammont effettiv ta’ dan il-benefiċċju, fuq bażi prorata, fid-dawl tat-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa, qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 45, 46(2) u 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jikkonferixxux lill-persuni li għandhom assigurazzjoni soċjali l-fakultà li jagħżlu li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet miftuħa fi Stat Membru, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament f’dan l-ewwel Stat Membru.

Fuq it-tielet domanda

64

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 9(3) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi x-xiri mill-ġdid ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni nieqsa bħala korrispettiv għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-perijodu hekk mixtri mill-ġdid jikkoinċidi ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

65

F’dan ir-rigward, mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li l-Artikoli 45, 46(2) u 94(2) tal-imsemmi regolament huma ta’ natura imperattiva.

66

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 45 tal-istess regolament, l-awtoritajiet kompetenti Bulgari kienu obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-għoti lil S. Somova ta’ pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-Bulgarija u fl-Awstrija.

67

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess li huwa disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minn S. Somova fl-Awstrija kienu suffiċjenti sabiex jagħmlu tajjeb għal dawk li matulhom S. Somova ma kinitx assigurata fir-rigward tad-dritt Bulgaru. Peress li l-kumulu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni ta’ S. Somova fil-Bulgarija u fl-Awstrija, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 kien suffiċjenti sabiex jiżgurawlha dritt għal pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, l-awtoritajiet Bulgari ma kinux awtorizzati li jimponu fuqha x-xiri mill-ġdid ta’ perijodu ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-KSO.

68

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement u fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta separata minn din tal-aħħar, għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba ’ domanda

69

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil dan tal-aħħar li jinterrompi l-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija u li jirkupra l-ħlasijiet kollha li jkunu saru. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi l-irkupru għandu jiġi rkuprat flimkien mal-interessi fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, meta d-dritt nazzjonali ma jipprevedix interessi għall-irkupru ta’ pensjoni mogħtija skont it-Trattat Internazzjonali.

70

Mill-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-klawżoli ta’ tnaqqis previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru f’każ ta’ kumulu ta’ benefiċċju ma’ benefiċċji oħra ta’ sigurtà soċjali jew ma’ dħul ieħor ta’ kull natura jistgħu, bħala prinċipju, jiġu invokati kontra persuni li jibbenefikaw minn benefiċċju mħallas minn dan l-Istat Membru.

71

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li huwa permess, skont id-dritt Bulgaru, li jingħaqdu flimkien attività professjonali bi ħlas u pensjoni tax-xjuħija.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex applikabbli għall-kumulu ta’ dħul professjonali u benefiċċji tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

73

Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 94(1) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Soċjali (Kodeks za sotsialnoto osiguryavane), li tistabbilixxi li l-likwidazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tax-xjuħija hija suġġetta għall-kundizzjoni preliminari tal-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali marbuta ma’ attività eżerċitata fi Stat Membru ieħor.

 

2)

L-Artikoli 45, 46(2) u 94(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006, tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jikkonferixxux lill-persuni li għandhom assigurazzjoni soċjali l-fakultà li jagħżlu li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet miftuħa fi Stat Membru, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor qabel id-data ta’ applikazzjoni tal-istess regolament f’dan l-ewwel Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.