SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
2 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )
“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 2252/2004 — Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-Organizzazzjoni internazzjonali tal-avjazzjoni ċivili (ICAO) — Standards minimi ta’ sigurtà ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri — Passaport li jista’ jinqara minn magna — Kunjom mat-twelid li għandu jidher fuq il-paġna tad-data bijografika tal-passaport — Preżentazzjoni tal-isem mingħajr probabbiltà ta’ konfużjoni”
Fil-Kawża C‑101/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2013, fil-proċedura
U
vs
Stadt Karlsruhe,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal U, minn R. Faller, avukat, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u W. Bogensberger, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 153M, p. 375), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 142, p. 1, u rettifika fil-ĠU L 188, p. 127, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2252/2004”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn U u l-iStadt Karlsruhe (il-belt ta’ Karlsruhe) minħabba li din tal-aħħar irrifjutat li timmodifika l-mod kif il-kunjom mat-twelid tiegħu qed jiġi ppreżentat fil-passaport Ġermaniż tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2 sa 4 tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprovdu:
|
|
4 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament: “Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness”. |
|
5 |
L-Anness tal-imsemmi regolament, intitolat “Standards minimi ta’ siġurtà ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri” jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tat-tieni punt intitolat “Paġna tad-data bijografika”: “Il-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar għandu jkollu paġna ta’ data bijografika li tista’ tinqara minn magna, li għandha tkun konformi mall-Parti 1 (passaporti li jistgħu jinqraw minn magna) tad-Dokument ICAO 9303 u l-mod ta’ kif jinħarġu għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet għall-passaporti li jistgħu jinqraw minn magna stabbiliti hemmhekk”. |
Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO
|
6 |
Il-ħames paragrafu tal-parti 1 tal-introduzzjoni tad-Dokument 9303 tal-ICAO jindika: “[...] L-ICAO telebora standards internazzjonali li l-Istati kontraenti huma obbligati li jimplementaw. [...]. Prinċipju fundamentali fl-elaborazzjoni ta’ dawn ir-regoli huwa li l-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiffaċilitaw il-formalitajiet ta’ spezzjoni għall-maġġoranza tal-passiġġieri bl-ajru, għandhom ikollhom livell ta’ kunfidenza sodisfaċenti fir-rigward tal-affidabbiltà tad-dokumenti għall-ivvjaġġar u tal-effikaċja tal-proċeduri ta’ spezzjoni. Il-produzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet standardizzati għad-dokumenti tal-ivvjaġġar u d-data li jkun fihom hija intiża sabiex tistabbilixxi din il-kunfidenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
7 |
Il-Parti 1 tas-Sezzjoni IV tad-Dokument 9303 tal-ICAO, intitolata “Speċifikazzjonijiet tekniċi” għall-passaport li jista’ jinqara minn magna, tinkludi fil-punt 5.2 il-kliem li ġej: “Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità fir-rigward tar-rekwiżiti tal-liġijiet u tal-użanzi tal-Istati u sabiex jiġi żgurat il-massimu tal-istandardizzazzjoni fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-paġna tal-informazzjoni tal-[passaport li jista’ jinqara minn magna (PLM)] huwa maqsum f’seba’ żoni, kif ġej: Ir-recto tal-paġna tal-informazzjoni tal-PLM Żona I Intestazzjoni obbligatorja Żona II Elementi ta’ data bijografika, obbligatorja u fakultattiva Żona III Elementi ta’ data dwar dokument, obbligatorji u fakultattivi Żona IV Firma jew sinjal abitwali tad-detentur, obbligatorja (oriġinali jew riproduzzjoni) Żona V Element ta’ identifikazzjoni obbligatorju Żona VII Żona li tinqara minn magna (ZLA) obbligatorja. Il-verso tal-paġna tal-informazzjoni tal-PLM jew il-paġna ta’ ħdejha Żona VI Elementi ta’ data volontarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
8 |
L-Artikolu 8.4 tal-imsemmija Sezzjoni IV huwa fformulat kif ġej: “Kampijiet. Ħlief għal dispożizzjonijiet li jmorru kontra r-repertorju iktar ’il quddiem, il-kampijiet kollha intiżi għall-elementi ta’ data obbligatorja fiż-“Żona ta’ spezzjoni viżiva (żoni I sa VI)” għandhom jiġu identifikati permezz ta’ deskrizzjoni, li tista’ tkun fil-lingwa uffiċjali tal-Istat li joħroġ il-passaport jew fil-lingwa tax-xogħol tal-organizzazzjoni li toħroġ il-passaport. Fil-każ li d-deskrizzjonijiet huma redatti fil-lingwa uffiċjali tal-Istat li joħroġ il-passaport, jew fil-lingwa tax-xogħol tal-organizzazzjoni li toħroġ il-passaport, f’lingwa oħra li ma hijiex il-Franċiż, l-Ingliż jew l-Ispanjol, traduzzjoni għal waħda minn dawn it-tliet lingwi għandha tiġi pprovduta, bil-korsiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
9 |
Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-kampijiet 06 u 07 taż-żona II tal-paġna tal-informazzjoni tal-passaport li jista’ jinqara minn magna, il-punt 8.6 ta’ din l-istess sezzjoni jipprovdi: “Isem sħiħ tad-detentur, identifikat mill-Istat li joħroġ il-passaport jew mill-organizzazzjoni li toħroġ il-passaport. Jekk ikun possibbli, l-isem ser jiġi maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel parti tirrappreżenta l-parti definita mill-Istat jew mill-organizzazzjoni bħala “identifikatur primarju” tad-detentur (pereżempju, kunjom, kunjom ta’ xebba u kunjom ta’ mara miżżewwġa, kunjom patronimiku) u t-tieni parti tirrappreżenta l-elementi l-oħra kollha li jagħmlu parti mill-isem tad-detentur (pereżempju, ismijiet, inizjali) li l-Istat li joħroġ il-passaport jew mill-organizzazzjoni li toħroġ il-passaport jikkunsidraw li jirrappreżentaw b’mod kollettiv “identifikatur sekondarju”. Iż-żewġ partijiet (identifikaturi primarju u sekondarju) flimkien jikkostitwixxu isem id-detentur tal-passport. Fil-każ li l-Istat li joħroġ il-passaport jew l-organizzazzjoni li toħroġ il-passaport jistabbilixxu li l-isem tad-detentur ma jistax jinqasam f’żewġ partijiet kif indikat iktar ’il fuq, l-isem sħiħ tad-detentur ser jiġi definit bħala li huwa l-identifikatur primarju [traduzzjoni mhux uffiċjali].” |
|
10 |
Għal dak li jirrigwarda iktar speċifikatament il-kamp 06, intiż li jkun fih l-identifikatur primarju, il-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV, tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, jistabbilixxi: “Komponent(i) prinċipali tal-isem tad-detentur, kif deskritt preċedentement. Fil-każijiet li l-komponent jew il-komponenti prinċipali tal-isem tad-detentur (pereżempju jekk dan huwa magħmul minn ismijiet kumplessi) ma jistgħux jiġu inklużi b’mod sħiħ jew fl-istess ordni, minħabba fin-nuqqas ta’ spazju fil-kampijiet 06 u/jew 07 jew minħabba fl-użu nazzjonali, il-komponent jew il-komponenti l-iktar importanti tal-identifikatur primarju għandu jiġu inklużi (stabbilit(i) mill-Istat jew mill-organizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
11 |
Għal dak li jirrigwarda l-kamp 07, intiż li jkun jinkludi l-identifikatur sekondarju, il-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, jipprovdi: “Komponent(i) sekondarju(i) tal-isem tad-detentur, kif deskritt preċedentement. Il-komponent jew il-komponenti l-iktar importanti tal-identifikatur sekondarju tad-detentur għandhom jiġu inklużi b’mod sħiħ, sad-dimensjonijiet massimi tal-qafas tal-kamp. Il-komponenti l-oħra jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu rappreżentati permezz ta’ inizjali. Fil-każ li l-isem tad-detentur huwa magħmul biss minn komponenti prinċipali, dan il-kamp dwar data għandu jitħalla vojt. Stat jista’ juża, fid-diskrezzjoni tiegħu, iż-żona kollha li tinkludi l-kampijiet 06 u 07 bħala kamp wieħed. F’dan il-każ, l-identifikatur primarju ser jitpoġġa l-ewwel, segwit minn virgola u minn spazju, imbagħad mill-identifikatur sekondarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
12 |
Għal dak li jirrigwarda l-kamp 13 taż-żona II tal-paġna tal-informazzjoni intiż li jinkludi “Elementi fakultattivi ta’ data bijografika”, il-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jipprovdi l-ispjegazzjoni segwenti: “Elementi fakultattivi ta’ data bijografika, pereżempju, in-numru tal-identità personali u l-marki tas-swaba’, fid-diskrezzjoni tal-Istat li joħroġ il-passaport jew tal-organizzazzjoni li toħroġ il-passaport [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt Ġermaniż
|
13 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt nazzjonali tagħha dwar l-istatus ċivili tal-persuni, isem ta’ individwu huwa magħmul biss minn ismu u mill-kunjomu. Hija tippreċiża li skont id-dritt Ġermaniż, il-kunjom ta’ persuna huwa, bħala prinċipju, il-kunjom mat-twelid tiegħu stabbilit bis-saħħa tal-Artikoli 1616 u 1617 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch), iżda li, b’mod partikolari fil-każ ta’ żwieġ, l-użu tal-kunjom mat-twelid bħala kunjom jista’ jitħalla barra. |
|
14 |
Għal dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-passaporti, l-ewwel u t-tieni frażi tal-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-passaporti (Passgesetz), tad-19 ta’ April 1986 (BGB1. 1986 I, p. 537), kif emendat l-aħħar bil-liġi tat-30 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2437), jipprovdi: “Il-passaporti għandhom jinħarġu skont mudell standard; dawn għandhom jinkludu numru tas-serje. Il-passaport jinkludi, barra minn hekk, ir-ritratt tal-identità tad-detentur tiegħu, il-firma ta’ dan tal-aħħar, isem l-awtorità li ħarġitu, id-data ta’ meta nħareġ il-passaport u d-data tal-għeluq tiegħu, u l-indikazzjonijiet dwar id-detentur li ġejjin biss: 1. Kunjom u kunjom mat-twelid, 2. Ismijiet, [...]”. |
|
15 |
In-nota 6 tal-Anness 11 tal-leġiżlazzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-liġi dwar il-passaporti (Passverordnung) hija fformulata kif ġej: “Meta jeżisti kunjom mat-twelid, dan għandu jingħata almenu linja kompleta. Din il-linja tibda b’sekwenza ta’ ħames ittri “GEB” jew “geb””. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
Il-kunjom tar-rikorrent fil-proċedimenti prinċipali huwa U u l-ismijiet tiegħu huma S. P. Il-kunjom mat-twelid, li ma jagħmilx parti minn kunjomu, huwa E. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent għandu t-titolu ta’ “Doktor” li, skont id-dritt Ġermaniż, huwa kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-kunjom. |
|
17 |
Fil-kamp deskritt bħala “Name/Surname/Nom” fil-passaport tiegħu hemm miktub dan li ġej, fuq żewġ linji: “Dr [U] GEB. [E]” |
|
18 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkunsidra li kunjomu qed jiġi ppreżentat b’mod żbaljat fil-passaport tiegħu, u li dan qed iwassal għal malintiżi meta jkollu jsiefer minħabba raġunijiet professjonali. Huwa qed jallega li l-inklużjoni, fil-passaport tiegħu, fil-kamp użat għall-kunjom, ta’ kunjomu mat-twelid, li ma jagħmilx parti minn kunjomu kif definit mid-dritt nazzjonali dwar l-istatus ċivili, ippreċedut bl-abbrevjazzjoni “GEB”, li tpoġġiet sabiex tissostitwixxi l-aġġettiv “geboren” (imwieled), qed ikollha bħala konsegwenza li, fir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu ma’ persuni privati u meta jinħarġulu l-viżi, huwa ġie msejjaħ, pereżempju, “M. GEB [E]”, “M. [E.U].”, “Dr. [U] GEB [E]” jew anki “[S E] Dr [U]”. |
|
19 |
Għal din ir-raġuni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-iStadt Karlsruhe sabiex id-data fil-passaport tiegħu tiġi mmodifikata b’tali mod jidher mingħajr ambigwità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni mhux Ġermaniżi, li ismu huwa “Dr U.” L-iStadt Karlsruhe ċaħdet din it-talba. |
|
20 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta ilment mal-Regierungspräsidium Karlsruhe u sussegwentement, peress li dan ġie miċħud, rikors għal annullament quddiem il-Verwaltungsgericht Karlsruhe, li wkoll ġie miċħud. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sussegwentement ressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaporti redatti mill-Istati Membri għandha tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet obbligatorji kollha previsti fil-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat qabel kollox li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2252/2004, il-passaporti maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-regolament. Issa, mill-ewwel paragrafu tal-punt 2, punt intitolat “Paġna tad-data bijografika, tal-Anness jirriżulta li l-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaporti redatti mill-Istati Membri għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet għall-passaporti li jistgħu jinqraw minn magna stabbiliti fil-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO. |
|
24 |
Konsegwentement, mill-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004 jirriżulta li l-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaporti redatti mill-Istati Membri għandha tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet obbligatorji kollha previsti mill-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO. |
|
25 |
Huwa importanti, barra minn hekk, li jiġi kkonstatat li dan l-obbligu huwa konformi mal-għan li tiġi msaħħa s-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea, imfittex mir-Regolament Nru 2252/2004. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaporti redatti mill-Istati Membri għandha tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet obbligatorji kollha previsti fil-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
|
27 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, meta dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li l-isem ta’ persuna jkun kompost mill-ismijiet tagħha u minn kunjomha, lil dan l-Istat Membru milli jkun jista’ madankollu jniżżel il-kunjom mat-twelid jew bħala identifikatur primarju fil-kamp 06 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, jew bħala identifikatur sekondarju fil-kamp 07 ta’ din il-paġna, jew f’kamp uniku magħmul mill-imsemmija kampijiet 06 u 07. |
|
28 |
Huwa xieraq qabel kollox li jiġi nnotat li, skont il-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, il-kampijiet 06 u 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport huma intiżi li jinkludu l-elementi identifikati mill-Istat li joħroġ il-passaport bħala li jikkostitwixxu l-“isem sħiħ” tad-detentur tal-passaport. |
|
29 |
Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk, f’kuntest ġuridiku bħal dak speċifikat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, il-kunjom mat-twelid jistax jidher fl-imsemmija kampijiet 06 u/jew 07. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 5.2 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kontenut tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport kienu maħsuba sabiex jiġu adattati għad-diversità fir-rigward tar-rekwiżiti tal-liġijiet u tal-użanzi tal-varji Stati li joħorġu l-passaport. Minn dan jirriżulta li, fil-limiti tar-rekwiżiti inerenti għall-preżentazzjoni standard ta’ din il-paġna, l-Istati li joħroġ il-passaport għandhom marġni ta’ manuvra fl-għażla tal-elementi li għandhom jitniżżlu fil-kampijiet differenti tad-data fl-imsemmija paġna. |
|
31 |
Fid-dawl ta’ tali marġni ta’ manuvra mogħtija lill-Istati u peress li l-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jirreferi għall-“isem sħiħ identifikat mill-Istat li joħroġ il-passaport” mingħajr ma jippreċiża ulterjorment dan il-kunċett, huwa xieraq li dan tal-aħħar jiġi interpretat fis-sens li jħalli lil dawn l-Istati marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-elementi li jikkostitwixxu l-“isem sħiħ”. Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-imsemmi dokument ma jipprekludix milli, f’kuntest ġuridiku bħal dak speċifikat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, Stat ikun jista’ jniżżel fil-kampijiet 06 u/jew 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport elementi oħra differenti mill-kunjom u mill-ismijiet tad-detentur, b’mod partikolari, il-kunjom mat-twelid ta’ dan tal-aħħar. |
|
32 |
Tali konklużjoni hija kkorraborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 2252/2004, kif imsemmi fil-premessi 2 u 3 tiegħu sabiex tiġi stabbilita rabta affidabbli bejn il-passaport u d-detentur tiegħu. Fil-fatt, peress li l-kunjom mat-twelid jikkostitwixxi element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn persuni li għandhom kunjomijiet identiċi, l-indikazzjoni ta’ tali informazzjoni fuq il-passaport tikkostitwixxi element li jista’ jistabbilixxi rabta iktar b’saħħitha bejn dan id-dokument u d-detentur tiegħu. |
|
33 |
Fid-dawl kemm tal-formulazzjoni tal-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV fil-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO kif ukoll tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 2252/2004, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix milli, f’kuntest ġuridiku bħal dak speċifikat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, Stat ikun jista’ jniżżel fil-kampijiet 06 u/jew 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, il-kunjom mat-twelid tad-detentur tal-passaport. |
|
34 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar f’liema eżattament minn dawn il-kampijiet 06 jew 07 il-kunjom mat-twelid tad-detentur tal-passport għandu jissemma’, mill-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV fil-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jirriżulta li huma l-Istati li joħorġu l-passaport li għandhom jidentifikaw fost l-elementi li jikkostitwixxu l-isem sħiħ tad-detentur tal-passaport, dawk li huma l-komponenti prinċipali u dawk li għaldaqstant, għandhom jidhru fl-imsemmija kamp 06 u dawk li huma l-komponenti sekondarji u li għandhom jidhru fil-kamp 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport. Skont dan l-istess punt 8.6, l-Istati li joħorġu l-passaport jistgħu wkoll jikkunsidraw li l-elementi differenti li li jifformaw l-“isem sħiħ” ma jistgħux jiġu diviżi, iżda li għandhom jintużaw bħala identifikaturi primarji, jew li l-imsemmija kampijiet 06 u 07 għandhom jiġu użati bħala kamp uniku. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta Stat Membru jiddeċiedi li jniżżel fil-passaport li jista’ jinqara minn magna l-kunjom mat-twelid tad-detentur tiegħu, huwa għandu l-għażla li jniżżlu jew, bħala identifikatur primarju, fil-kamp 06 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, jew, bħala identifikatur sekondarju, fil-kamp 07 ta’ din il-paġna, jew inkella fil-kamp uniku magħmul mill-imsemmija kampijiet 06 u 07. |
|
36 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, meta dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li l-isem ta’ persuna jkun kompost mill-ismijiet tagħha u minn kunjomha, lil dan l-Istat Membru milli jkun jista’ madankollu jniżżel il-kunjom mat-twelid jew bħala identifikatur primarju fil-kamp 06 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, jew bħala identifikatur sekondarju fil-kamp 07 ta’ din il-paġna, jew f’kamp uniku magħmul mill-imsemmija kampijiet 06 u 07. |
Fuq is-sitt domanda
|
37 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata issa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta d-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li l-isem ta’ persuna huwa kompost mill-ismijiet tagħha u minn kunjomha, jipprekludi lil dan l-Istat milli jkun jista’ jniżżel il-kunjom mat-twelid bħala data personali fakultattiva fil-kamp 13 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, tal-passport. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-imsemmi punt 8.6, il-kamp 13 ta’ din il-paġna huwa intiż li jinkludi elementi fakultattivi ta’ data. Minn dan isegwi li huma biss l-elementi ta’ data, li għalihom għad mhux previst li għandhom, minħabba fin-natura tagħhom, jitniżżlu f’kamp ieħor ta’ data u li għandhom għaldaqstant natura obbligatorja, li jistgħu jissemmew f’dan il-kamp 13. |
|
39 |
Peress li skont dan l-istess punt 8.6, l-Istati li joħorġu l-passaport għandhom iniżżlu, fil-kampijiet 06 u 07 tal-imsemmija paġna, l-elementi ta’ data li jikkostitwixxu l-“isem sħiħ” tad-detenturi tal-passaporti li huma joħorġu, u għaldaqstant neċessarjament l-elementi kollha dwar il-kunjom, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi kamp 13 ma jistax jibqa’ jinkludi l-ebda minn dawn l-elementi ta’ data. |
|
40 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata, minn naħa, miċ-ċirkustanza li l-eżempji mogħtija f’dan l-istess punt 8.6 dwar il-kamp 13 ta’ din l-istess paġna, jiġifieri n-numru tal-identità personali u l-marki tas-swaba’ tal-persuna kkonċernata, jirrigwardaw biss data ta’ natura kompletament differenti minn dik li tirrigwarda l-kunjom tad-detentur. |
|
41 |
Min-naħa l-oħra, mill-ħames paragrafu tal-introduzzjoni fil-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jirriżulta b’mod partikolari li l-għan tal-ispeċifikazzjonijiet iffissati f’dan id-dokument huwa li jiggarantixxu, permezz ta’ preżentazzjoni suffiċjentement standardizzata tad-data rilevanti, livell ta’ kunfidenza sodisfaċenti fir-rigward tal-affidabbiltà tad-dokumenti għall-ivvjaġġar u li b’dan il-mod il-proċeduri ta’ spezzjoni jiġu ffaċilitati. Issa, li kieku l-Istati li joħorġu l-passaport ikunu jistgħu jniżżlu elementi dwar il-kunjom f’kampijiet differenti minn dawk espressament previsti għal dan il-għan, minn dan il-fatt jirriżulta riskju li ċerti awtoritajiet pubbliċi jkunu żgwidati fl-identifikazzjoni tad-detentur ta’ passaport, fatt li jmur kontra l-imsemmi għan. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li l-isem ta’ persuna huwa kompost mill-ismijiet tagħha u minn kunjomha, jipprekludi lil dan l-Istat milli jkun jista’ jniżżel il-kunjom mat-twelid bħala data personali fakultattiva fil-kamp 13 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, tal-passport. |
Fuq ir-raba ’ domanda
|
43 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandux jiġi interpretat, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, fis-sens li, meta dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li l-isem ta’ persuna huwa kompost mill-ismijiet tagħha u minn kunjomha, fil-każ li dan l-Istat jagħżel madankollu li jniżżel il-kunjom mat-twelid tad-detentur tal-passaport fil-kampijiet 06 u/jew 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, huwa għandu jindika li fid-deskrizzjoni ta’ dawn il-kampijiet hemm imniżżel il-kunjom mat-twelid. |
|
44 |
Huwa xieraq li jiġi nnotat li, sa fejn l-għan imfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza jimplika li l-informazzjoni li tissemma fil-kampijiet differenti tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport tkun tista’ tiġi vverifikata faċilment u b’effikaċja mill-awtoritajiet tal-Istati l-oħra, il-preżentazzjoni tad‑diversi komponenti tal-kunjom tad-detentur tiegħu għandha tkun nieqsa minn kull ambigwità kif ukoll, għaldaqstant, minn kull probabbiltà ta’ konfużjoni. |
|
45 |
Konsegwentement, meta Stat Membru, f’kuntest ġuridiku bħal dak speċifikat mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, jiddeċiedi li jinkludi l-kunjom mat-twelid tad-detentur tal-passaport, fil-kampijiet 06 u/jew 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, huwa għandu jindika, mingħajr ambigwità, fid-deskrizzjoni ta’ dawn il-kampijiet, li hemm imniżżel il-kunjom mat-twelid. |
|
46 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-punt 8.4 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, din id-deskrizzjoni għandha tiġi redatta fil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat u, jekk ikun il-każ, għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni, bil-korsiv, f’lingwa fost dawk magħżula mill-imsemmija dispożizzjoni. |
|
47 |
Għaldaqstant, dawn ir-rekwiżiti ma jkunux qed jiġu ssodisfatti fil-każ li, f’passaport, l-inklużjoni ta’ kunjom mat-twelid tal-persuna kkonċernata ssir permezz ta’ abbrevjazzjoni u li barra minn hekk ma hijiex tradotta f’waħda mil-lingwi rikjesti. |
|
48 |
Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għall-protezzjoni tal-identità u tal-ħajja privata, fejn ir-rispett tal-kunjom huwa element importanti, irregolat mill-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 66). |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għalkemm, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 2252/2004, Stat għandu l-għażla li jżid mal-kunjom tad-detentur tal-passaport, kif definit mid-dritt nazzjonali tiegħu dwar l-istatus ċivili, elementi oħra, b’mod partikolari l-kunjom mat-twelid, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-metodi ta’ eżerċizzju ta’ din l-għażla għandhom jirrispettaw id-dritt għall-ħajja privata tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, sabiex dan id-dritt jiġi rrispettat, il-kunjom tad-detentur għandu jkun distint b’mod ċar minn dawn l-elementi addizzjonali, peress li tali kjarifika bl-ebda mod ma tfixkel it-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2252/2004. |
|
50 |
Fil-fatt, huwa paċifiku li l-preżentazzjoni ambigwa jew inkorretta tal-kunjom ta’ persuna fuq id-dokumenti maħruġa minn Stat sabiex jikkonferma l-identità tagħha hija ta’ natura li toħloq għal din tal-aħħar inkonvenjenti serji fil-ħajja privata u professjonali tagħha sa fejn hija tkun qed tirriskja li toħloq dubji rigward l-identità reali tagħha, l-awtentiċità tal-passaport jew kemm hija minnha l-informazzjoni li tinstab f’dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Grunkin u Paul, C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 23 kif ukoll Sayn-Wittgenstein, C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 69). |
|
51 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad‑dispożizzjonijiet tal-Parti 1 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, fis-sens li meta dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li l-isem ta’ persuna jkun kompost mill-ismijiet tagħha u minn kunjomha, jekk dan l-Istat Membru madankollu jagħżel li jniżżel il-kunjom mat-twelid tad-detentur tal-passaport fil-kamp 06 u/jew 07 tal-paġna tad-data bijografika, li tista’ tinqara minn magna, ta’ passaport, huwa għandu jindika, mingħajr ambigwità, fid-deskrizzjoni ta’ dawn il-kampijiet, li hemm imniżżel il-kunjom mat-twelid. |
Fuq il-ħames domanda
|
52 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma għadx hemm lok li tingħata risposta għall-ħames domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.