SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
5 ta’ Marzu 2015 ( *1 )
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-lasktu tal-kloropren — Suċċessjoni ta’ entitajiet ta’ produzzjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Reċidiva — Ġurisdizzjoni sħiħa”
Fil-Kawżi magħquda C‑93/13 P u C‑123/13 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-25 ta’ Frar 2013 u fit-12 ta’ Marzu 2013 rispettivament,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u G. Conte, kif ukoll minn R. Striani, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Versalis SpA, li kienet Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja),
Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja),
irrappreżentati minn M. Siragusa, G. M. Roberti, F. Moretti, I. Perego, F. Cannizzaro, A. Bardanzellu, D. Durante, u V. Laroccia, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
u
Versalis SpA, li kienet Polimeri Europa SpA,
Eni SpA,
irrappreżentati minn M. Siragusa, G. M. Roberti, F. Moretti, I. Perego, F. Cannizzaro, A. Bardanzellu, D. Durante, u V. Laroccia, avukati,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u G. Conte, kif ukoll minn R. Striani, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea, fil-Kawża C‑93/13 P, kif ukoll Versalis SpA (iktar ’il quddiem “Versalis”) u Eni SpA (iktar ’il quddiem “Eni”), fil-Kawża C‑123/13 P, jitolbu l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fit-13 ta’ Diċembru 2012 (Versalis u Eni vs Il‑Kummissjoni, (T‑103/08, EU:T:2012:686, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li għandha bħala suġġett rikors, ippreżentat b’mod konġunt minn Versalis u Eni, intiż sabiex jinkiseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5910 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38629 – Lasktu tal-kloropren), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), jew, sussidjarjament, it-tħassir jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Versalis u fuq Eni permezz ta’ dik id-deċiżjoni. |
2 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali naqqset għal EUR 106 200 000 l-ammont tal-multa imposta, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fuq Versalis u fuq Eni. L-appell ta’ Versalis u ta’ Eni huwa intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-istess sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
L-entitajiet inkwistjoni
3 |
Eni hija l-kumpannija parent holding tal-grupp li jġib l-istess isem, li daħal fis-suq tal-lasktu tal-kloropren (“chloroprene rubber”, iktar ’il quddiem is-“CR”) fi tmiem is-sena 1992 permezz tal-akkwist tal-fergħa CR tal-grupp Rhône-Poulenc, li l-kumpannija tiegħu speċjalizzata fis-CR kien jisimha “Distugil”. Matul il-perijodu mit-13 ta’ Mejju 1993 sal-31 ta’ Ottubru 1997, il-kumpannija responsabbli mill-attività relatata mas-CR (iktar ’il quddiem l-“attività CR”) fi ħdan il-grupp Eni kienet EniChem Elastomeri Srl (iktar ’il quddiem “EniChem Elastomeri”), ikkontrollata 100 % minn EniChem SpA (iktar ’il quddiem “EniChem”), hija stess ikkontrollata, parzjalment direttament u parzjalment indirettament, minn Eni fuq livell bejn 99.93 % u 99.97 % tal-kapital azzjonarju tagħha. Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet assorbita minn EniChem. Din tal-aħħar ħadet ir-responsabbiltà tal-attivitajiet preċedenti ta’ EniChem Elastomeri, li waqfet teżisti bħala entità ġuridika separata. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem ittrasferixxiet l-attività CR tagħha lis-sussidjarja tagħha miżmuma 100 %, jiġifieri Polimeri Europa SpA (iktar ’il quddiem “Polimeri Europa”). Fil-21 ta’ Ottubru 2002, Eni akkwistat il-kontroll dirett sħiħ ta’ Polimeri Europa. Fit-30 ta’ April 2003, EniChem bidlet l-isem tal-kumpannija tagħha għal “[kunfidenzjali]”. Fix-xahar ta’ April 2012, Polimeri Europa bidlet l-isem tal-kumpannija tagħha u issa jisimha “Versalis”. |
Il-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni
4 |
Fit-18 ta’ Diċembru 2002, Bayer AG (iktar ’il quddiem “Bayer”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tas-CR u esprimitilha x-xewqa tagħha li tikkoopera magħha fil-kundizzjonijiet previsti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”). Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni tat lil Bayer l-immunità kundizzjonali mill-multi. |
5 |
Wara l-komunikazzjoni ta’ xi informazzjoni minn Bayer, il-Kummissjoni wettqet xi spezzjonijiet għall-għarrieda fl-istabbilimenti ta’ Dow Deutschland Inc., fis-27 ta’ Marzu 2003, u fil-bini ta’ Denka Chemicals GmbH (iktar ’il quddiem “Denka Chemicals”), fid-9 ta’ Lulju 2003. |
6 |
Fil-15 ta’ Lulju 2003, Tosoh Corp. u Tosoh Europe BV (iktar ’il quddiem “Tosoh Europe”), u fil-21 ta’ Novembru 2003, DuPont Dow Elastomers LLC (iktar ’il quddiem “DDE”), impriża komuni miżmuma f’ishma ugwali minn EI DuPont de Nemours and Company (iktar ’il quddiem “EI DuPont”) u minn The Dow Chemicals Company (iktar ’il quddiem “Dow”), rispettivament, ippreżentaw talba għal klemenza skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. |
7 |
Fix-xahar ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talbiet tagħha għal informazzjoni lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). |
8 |
Malli rċeviet l-ewwel talba għal informazzjoni, [kunfidenzjali], li kienet EniChem, u Polimeri Europa, li saret Versalis, ippreżentaw, fil-15 ta’ April 2005, talbiet għal klemenza. [kunfidenzjali] ppreżentat lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet oħra fil-kuntest ta’ din it-talba għal klemenza fix-xhur ta’ Mejju 2005 u ta’ Novembru 2006. |
9 |
Permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni informat lil Tosoh Corp., Tosoh Europe u DDE bil-konklużjoni provviżorja tagħha li l-provi li huma kienu għaddewlha kienu jikkostitwixxu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, għaldaqstant, bl-intenzjoni tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa li, awtomatikament, hija kienet tistabbilixxi ammont li jinsab f’wieħed mill-valuri msemmija fil-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri minn 30 sa 50 % għal Tosoh Corp. u Tosoh Europe u ta’ 20 % sa 30 % għal DDE. Permezz ta’ ittri tal-istess jum, [kunfidenzjali], li kienet EniChem, u Polimeri Europa, li saret Versalis, ġew informati li t-talbiet tagħhom ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 8(a) u (b) tal-imsemmija komunikazzjoni u li, b’applikazzjoni tal-punti 15 u 17 tagħha, huma ma kinux ser jiksbu immunità kundizzjonali mill-multi. |
10 |
Fit-13 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedimenti amministrattivi u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), indirizzata lil tnax-il kumpannija, fosthom Eni, Polimeri Europa, li saret Versalis, u [kunfidenzjali], li kienet EniChem. Bħala risposta, id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u eżerċitaw id-dritt ta’ smigħ tagħhom matul seduta, li nżammet fil-21 ta’ Ġunju 2007. |
Id-deċiżjoni kkontestata
11 |
Fil-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lil Eni fl-10 a’ Diċembru 2007 u lil Polimeri Europa, li saret Versalis, fil-11 ta’ Diċembru 2007. Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2974 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2008, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Ottubru 2008 (ĠU C 251, p. 11). Din l-aħħar deċiżjoni ntbagħtet biss lil EI DuPont, lil DuPont Performance Elastomers SA, lil DuPont Performance Elastomers LLC u lil Dow. |
12 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-perijodu mis-sena 1993 sas-sena 2002, diversi produtturi ta’ CR, destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mifrux mat-territorju sħiħ taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u jikkonsisti fi ftehimiet u prattiki miftiehma dwar it-tqassim u l-istabbilizzazzjoni tas-swieq, ta’ partijiet mis-suq u ta’ kwoti tal-bejgħ għas-CR, kif ukoll sabiex jiġu kkoordinati u sabiex jiġu applikati diversi żidiet fil-prezz, sabiex jiġu miftiehma prezzijiet minimi, sabiex titqassam il-klijentela u sabiex tiġi skambjata informazzjoni sensittiva fuq il-livell tal-kompetizzjoni. Dawn il-produtturi kienu jiltaqgħu b’mod regolari, diversi drabi fis-sena, matul laqgħat multilaterali jew bilaterali. |
13 |
Skont l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendata bid-Deċiżjoni C (2008) 2974 finali: “Artikolu 1 L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim uniku u kontinwu u fi prattiki miftiehma fis-settur tas-[CR]:
Artikolu 2 Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 qegħdin jiġu imposti l-multi segwenti:
Artikolu 3 L-impriżi ċċitati iktar ’il fuq għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan. Huma għandhom jiddeżistu milli jirrepetu kull att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1, kif ukoll minn kull att jew aġir li jkollu għan jew effett identiku jew li jixxiebah.” |
14 |
Sabiex tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”). Hija ħadet inkunsiderazzjoni ċertu proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ CR imwettaq minn kull impriża involuta, fi ħdan iż-ŻEE, matul is-sena kalendarja 2001, l-aħħar sena kompleta ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, li hija mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ ksur. |
15 |
Bl-għan li tistabbilixxi dan il-proporzjon, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet orizzontali ta’ tqassim tas-suq u ta’ ffissar tal-prezz kienu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset ukoll li s-sehem ikkombinat tas-suq tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur kien ta’ 100 % fi ħdan iż-ŻEE, li l-firxa ġeografika tal-ksur kienet mondjali u li l-ksur kien ġie implementat b’mod sistematiku. |
16 |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża involuta, li kellu jittieħed kont tiegħu sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, kien ta’ 21 %. |
17 |
Minħabba l-parteċipazzjoni fil-ksur matul disa’ snin għal EI DuPont, Bayer, Denki Kagaku Kogyo, Denka Chemicals, Eni u Polimeri Europa li saret Versalis, kif ukoll għal Tosoh Corp. u Tosoh Europe (iktar ’il quddiem, flimkien, “Tosoh”), u matul sitt snin u xahar għal DuPont Performance Elastomers SA u DuPont Performance Elastomers LLC (iktar ’il quddiem, flimkien, “DPE”), kif ukoll għal Dow, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006, immultiplikat b’9 l-ammonti bażiċi tal-multi stabbiliti skont il-valur tal-bejgħ ta’ Eni u Polimeri Europa li saret Versalis, ta’ EI DuPont, ta’ Bayer, ta’ Denki Kagaku Kogyo, ta’ Denka Chemicals u ta’ Tosoh u b’6.5 l-ammonti bażiċi tal-multi stabbiliti skont il-valur tal-bejgħ ta’ DPE u ta’ Dow. |
18 |
Sabiex l-impriżi kkonċernati jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw fi ftehim dwar it-tqassim tas-suq jew fi ftehimiet orizzontali ta’ ffissar tal-prezz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi msemmija fil-punt 15 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-punt 25 tal-Linji Gwida tal-2006, inkludiet fl-ammont bażiku tal-multi ammont addizzjonali ta’ 20 % tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża involuta. |
19 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Eni u fuq Polimeri Europa, li saret Versalis, ġie ffissat għal EUR 59 miljun. |
20 |
Fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammonti bażiċi tal-multi, minn naħa, minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Eni u fuq Versalis żdied b’60 % u l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Bayer żdied b’50 % minħabba li dawn l-impriżi kienu fi stat ta’ reċidiva. Il-Kummissjoni sostniet li kienet teżisti ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward ta’ Versalis u ta’ Eni minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Anic SpA (iktar ’il quddiem “Anic”) f’akkordju fis-settur tal-polipropilen, ksur ikkonstatat mid-Deċiżjoni tagħha 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (IV/31.149 – polipropilen) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ‘polipropilen’”), u ta’ EniChem f’akkordju fis-settur tal-PVC, ksur ikkonstatat bid-Deċiżjoni 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-deċiżjoni “PVC II”). Iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva kontra Bayer tqieset biss fir-rigward ta’ ksur wieħed preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata. |
21 |
Min-naħa l-oħra, għaċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, ma ngħata ebda tnaqqis tal-ammonti bażiċi tal-multi, peress li l-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għal tnaqqis kollha li ġew ippreżentati għal dan l-għan. |
22 |
Mal-ammont bażiku tal-multa ta’ ċerti impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni applikat ukoll żieda partikolari sabiex tiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv lill-multi, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-livell partikolarment għoli tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-impriżi, lil hinn mill-oġġetti u mis-servizzi li għalihom jagħmel riferiment il-ksur. L-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Polimeri Europa, li saret Versalis, u fuq Eni ġie mmultiplikat b’1.4 u l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Dow ġie mmultiplikat b’1.1. |
23 |
Għaldaqstant, l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Eni u fuq Polimeri Europa, li saret Versalis, żdied sabiex jilħaq EUR 132.16 miljun. |
24 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ta’ 100 % lil Bayer, ta’ 50 % lil Tosoh, kif ukoll ta’ 25 % lil EI DuPont, lil DPE, u lil Dow. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għal tnaqqis ta’ dan l-ammont imressqa skont din il-komunikazzjoni minn [kunfidenzjali], li kienet EniChem, u minn Polimeri Europa, li saret Versalis. |
25 |
L-ammont tal-multa imposta fuq Eni u fuq Polimeri Europa, li saret Versalis, għaldaqstant ġie stabbilit għal EUR 132.16 miljun, somma li dawn tal-aħħar għandhom iħallsu in solidum. |
Is-sentenza appellata
26 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2008, Polimeri Europa, li saret Versalis, u Eni talbu, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-tħassir jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom in solidum permezz ta’ dik id-deċiżjoni. |
27 |
Quddiem il-Qorti Ġenerali, Versalis u Eni invokaw ħdax-il motiv, fejn sitta minnhom kienu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur fuq Eni, it-tieni nett, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, billi d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkuntrasta mal-ittra tal-għeluq tal-proċedimenti fir-rigward ta’ [kunfidenzjali], li kienet EniChem, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur fuq Polimeri Europa, li saret Versalis, ir-raba’ nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ kontradizzjoni ta’ motivazzjoni, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ [kunfidenzjali], li kienet EniChem, u ta’ Polimeri Europa, li saret Versalis, fil-laqgħat li seħħew matul is-snin 1993 u 2002, il-ħames nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq kontradizzjoni ta’ motivazzjoni, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba l-fatt li l-ksur ġie kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu u, is-sitt nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq nuqqas ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tat-tul tal-ksur. |
28 |
Ħames motivi kienu intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa u kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva, minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti u sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv, it-tielet nett, fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-livell massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, ir-raba’ nett, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, il-ħames nett, fuq l-assenza ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont dik il-komunikazzjoni. |
29 |
Il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-legalità tad-deċiżjoni ħlief, fil-punti 287 u 386 tas-sentenza appellata, f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva u l-livell ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, użat għal finijiet dissważivi. Peress li qieset li ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva ma setgħetx titqies fir-rigward ta’ Eni, iżda biss fir-rigward ta’ Versalis, il-Qorti Ġenerali naqqset il-perċentwali ta’ żieda ta’ dan l-ammont minħabba din iċ-ċirkustanza, minn 60 % għal 50 %. Hija naqqset ukoll l-imsemmi koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni minn 1.4 għal 1.2. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Polimeri Europa, li saret Versalis, u fuq Eni, minn EUR 132.16 miljun għal EUR 106.2 miljun. |
It-talbiet tal-partijiet
Fil-Kawża C‑93/13 P
30 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
31 |
Versalis u Eni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fil-Kawża C‑123/13 P
32 |
Versalis u Eni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
33 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
34 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2014, il-Kawżi C‑93/13 P u C‑123/13 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq l-appelli
35 |
L-aggravji ser ikunu esposti skont l-ordni tal-punti kkontestati tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
36 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, dwar il-punti 53 sa 78 tas-sentenza appellata, Versalis u Eni jsostnu li, billi żammet lill-kumpannija parent, Eni, responsabbli għall-ksur allegatament imwettaq mill-kumpanniji li hija tikkontrolla fis-settur tas-CR, il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 81 KE, ma segwietx il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma osservatx l-obbligi ta’ motivazzjoni li hija għandha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi ppreżentati sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, b’mod li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipji fundamentali ta’ legalità, ta’ individwalità tar-responsabbiltà fil-qasam tal-akkordji, ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ drittijiet tad-difiża, kif ukoll ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji. |
37 |
Versalis u Eni jfakkru ċertu numru ta’ elementi li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, li Eni ma pparteċipatx fil-ksur inkwistjoni, li hija qatt ma kellha attività fis-settur tal-kimika, u, b’mod iktar preċiż, tas-CR, li ma kienet teżisti ebda sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ funzjonijiet bejn il-membri tal-korpi ta’ direzzjoni tagħha u dawk tas-sussidjarji tagħha, li kull waħda minn dawn is-sussidjarji għandha l-proċess deċiżjonali tagħha stess, li, barra minn hekk, ma jeżisti ebda fluss ta’ informazzjoni (“reporting lines”) mill-imsemmija sussidjarji lejn il-kumpannija parent tagħhom u li Eni sempliċement eżerċitat ir-rwol normali ta’ kumpannija holding ta’ investiment fir-rigward tas-sussidjarji attivi tagħha f’settur ta’ importanza inqas milli fis-settur li fih hija teżerċita l-attivitajiet prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, huwa differenti minnu. |
38 |
Versalis u Eni jsostnu li s-sentenza hija vvizzjata sa fejn, b’mod inkoerenti u mingħajr motivazzjoni rilevanti, il-Qorti Ġenerali qieset bħala totalment nieqsa minn interess dawn l-elementi kollha sostantivament stabbiliti li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienu ta’ natura li jagħtu prova tal-assenza ta’ eżerċizzju effettiv, minn Eni, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha. Fil-prattika, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex wieħed jikkunsidra l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva bħala preżunzjoni inkonfutabbli, b’nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji msemmija fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536) u bi ksur tal-prinċipji ta’ individwalità tar-responsabbiltà u tal-pieni kif ukoll ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ drittijiet tad-difiża. |
39 |
Billi tirreferi għas-sentenza Eni vs Il‑Kummissjoni, (C‑508/11 P, EU:C:2013:289), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal aggravju simili dwar l-istess entitajiet, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa manifestament infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
L-ewwel aggravju ta’ Versalis u ta’ Eni jikkonċerna l-applikazzjoni għal Eni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpanniji parent fuq is-sussidjarji tagħhom involuti fil-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 46 tas-sentenza Eni vs Il-Kummissjoni (EU:C:2013:289) imsemmi mill-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, fuq il-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm din ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, peress li f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur. |
41 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun iżżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tkun teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (sentenza Eni vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:289, punt 47). |
42 |
F’tali sitwazzjoni, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jitqies li l-imsemmija preżunzjoni hija ssodisfatta. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent obbligata in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2009:536, punt 61, kif ukoll Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 57). |
43 |
Barra minn hekk, fil-każ partikolari fejn kumpannija holding iżżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ kumpannija intermedjarja li min-naħa tagħha żżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja tal-grupp tagħha li tkun awtur ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tkun teżisti wkoll preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija holding teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja u indirettament, permezz ta’ din tal-aħħar, anki fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eni vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:289, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 63 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li, matul it-tul kollu tal-ksur inkwistjoni, Eni żammet, parzjalment direttament, u parzjalment indirettament, 99.93 % sa 100 % tal-kapital tal-kumpanniji responsabbli fi ħdan il-grupp tagħha tal-attività CR, jiġifieri suċċessivament EniChem Elastomeri, EniChem u Polimeri Europa, li saret Versalis. Konsegwentement, il-preżunzjoni msemmija fil-punti 41 u 43 ta’ din is-sentenza hija applikabbli għal Eni. |
45 |
Fir-rigward tal-elementi invokati minn Versalis u Eni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminathom fil-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata. Il-motivazzjonijiet ta’ din is-sentenza ma jħallu spazju għal ebda dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt u konsegwentement, dawn jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel l-istħarriġ tagħha. Minn dan isegwi li s-sentenza appellata ma hija vvizzjata minn ebda nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li Versalis u Eni ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ Eni fuq is-sussidjarji tagħha EniChem Elastomeri, EniChem u Polimeri Europa, li saret Versalis, u dan minħabba li naqsu milli jipprovdu provi suffiċjenti ta’ natura li juru li dawn is-sussidjarji kienu jaġixxu b’mod awtonomu fis-suq inkwistjoni. |
46 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu Versalis u Eni, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma twassalx sabiex il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva titqies li hija preżunzjoni inkonfutabbli. Fil-fatt, il-fatt li huwa diffiċli li wieħed jagħti l-prova kuntrarja meħtieġa sabiex tikkonfuta preżunzjoni ma jfissirx, fih innifsu, li din hija fil-fatt inkonfutabbli, speċjalment meta l-entitajiet li fir-rigward tagħhom topera din il-preżunzjoni jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipproduċu din il-prova fl-isfera tal-attivitajiet tagħhom (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:620, punt 70). |
47 |
Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, billi laqgħet in-natura inkonfutabbli ta’ din il-preżunzjoni, kisret il-prinċipji ta’ individwalità tar-responsabbiltà u tal-pieni kif ukoll il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ drittijiet tad-difiża lanqas ma jista’ jintlaqa’. |
48 |
Konsegwentement, l-ewwel aggravju ppreżentat minn Versalis u Eni għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
49 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, dwar il-punti 94, 95 u 97 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, Versalis u Eni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, meta żammet lil Versalis responsabbli għall-ksur imwettaq minn [kunfidenzjali], li kienet EniChem, hija applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li hija ma mmotivatx biżżejjed iċ-ċaħda tal-argumenti tagħhom. |
50 |
Billi jinvokaw is-sentenzi ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775) kif ukoll ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191), Versalis u Eni essenzjalment isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet il-possibbiltà li ssir deroga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali biss b’mod eċċezzjonali u f’kundizzjonijiet preċiżi li ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw, b’mod partikolari, li [kunfidenzjali], li kienet EniChem, ma waqfitx teżisti ġuridikament jew ekonomikament. Huma jinvokaw ukoll l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata. |
51 |
Il-Kummissjoni tfakkar li r-riskju li [kunfidenzjali], li kienet EniChem, tista’ ssir “qoxra vojta”, ikkonstatat fil-punt 95 tas-sentenza appellata, huwa element fattwali li ma għandux jiġi mistħarreġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx il-każijiet ta’ responsabbiltà ta’ kumpannija ċessjonarja għas-sitwazzjonijiet fejn kumpannija ċedenti waqqfet l-attività ekonomika kollha. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ħarġet mis-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6) kif ukoll ETI et (EU:C:2007:775), hija biss l-eżistenza ta’ “rabta strutturali” bejn il-kumpannija ċedenti u l-kumpannija ċessjonarja li tagħmel parti mill-istess grupp li hija determinanti għall-finijiet tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52 |
It-tieni aggravju mqajjem minn Versalis u Eni fil-Kawża C‑123/13 P jirrigwarda l-kwistjoni tas-suċċessjoni tal-impriżi. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 51 tas-sentenza Versalis vs Il-Kummissjoni (C‑511/11 P, EU:C:2013:386), hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet tal-impriżi, u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur. |
53 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta żewġ entitajiet jkunu jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, tali implementazzjoni tas-sanzjoni tkun ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom kemm fuq il-livell ekonomiku kif ukoll fuq dak organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali (ara s-sentenzi ETI et, EU:C:2007:775, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Versalis vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 52). |
54 |
Fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret ir-rabtiet eżistenti bejn il-kumpanniji suċċessivament responsabbli mill-attività CR fi ħdan il-grupp u ż-żamma diretta jew indiretta minn Eni, bħala kumpannija parent, ta’ iktar minn 99.9 % tal-kapital azzjonarju ta’ dawn il-kumpanniji kollha. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija ġustament ikkonkludiet, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li kienet teżisti kontinwità ekonomika bejn il-kumpannija ċedenti involuta fl-akkordju, jiġifieri EniChem, li saret [kunfidenzjali], u l-kumpannija ċessjonarja, jiġifieri Polimeri Europa, li saret Versalis. |
55 |
Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li kien jeżisti riskju li l-operatur inizjali tal-attività CR fi ħdan il-grupp Eni, f’dan il-każ EniChem, li saret [kunfidenzjali], issir “qoxra vojta” wara ristrutturazzjonijiet interni tal-imsemmi grupp u li s-sanzjoni imposta fuqha skont id-dritt dwar l-akkordji, f’dan il-każ ma jkollha ebda effett. Din hija evalwazzjoni fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarriġha fil-kuntest ta’ appell. |
56 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha dritt tattribwixxi l-aġir kollu li jikkostitwixxu ksur imwettaq minn EniChem, li saret [kunfidenzjali], lil Polimeri Europa, li saret Versalis, minkejja l-fatt li [kunfidenzjali] kienet għadha teżisti. |
57 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 144 tas-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (EU:C:2011:191), iddeċidiet li taqa’ wkoll fl-ipoteżi msemmija fil-punt 53 tas-sentenza preżenti s-sitwazzjoni fejn l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun waqfet teżisti ġuridikament jew ekonomikament, meta sanzjoni imposta fuq impriża li ma għadhiex teżerċita attivitajiet ekonomiċi tirriskja li tkun nieqsa minn effett dissważiv, peress li minn din is-sentenza ma jirriżultax b’mod preċiż li l-imputazzjoni ta’ ksur fuq entità li ma hijiex l-awtriċi tiegħu tkun limitata biss għall-każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ sanzjoni fuq il-kumpannija li tkun wettqet il-ksur tkun nieqsa mill-għan dissważiv tagħha (ara s-sentenza Versalis vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 55). |
58 |
Fil-fatt, fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775) li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għaliha espressament fil-punt 144 tas-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2011:191), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt timputa l-ksur ikkonċernat lil kumpannija li ma kinitx l-awtriċi tal-aġir li jikkostitwixxi ksur f’sitwazzjoni fejn l-entità awtriċi tal-ksur tkun baqgħet teżisti bħala operatur ekonomiku fi swieq oħra (ara s-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din l-evalwazzjoni fuq il-fatt li, matul it-twettiq tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom, il-kumpanniji kkonċernati kienu miżmuma mill-istess entità pubblika (ara s-sentenzi ETI et, EU:C:2007:775, punt 50, kif ukoll Versalis vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 56). |
59 |
Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-portata tas-sentenza ETI et (EU:C:2007:775) ma hijiex limitata, kuntrarjament għal dak li jsostnu Versalis u Eni, għall-każijiet fejn l-entitajiet ikkonċernati huma kkontrollati minn awtorità pubblika. Fil-fatt, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li trasferiment ta’ attivitajiet ma jiġix deċiż minn individwi, iżda mil-leġiżlatur fil-perspettiva ta’ privatizzazzjoni, ma huwiex rilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li setgħu eżistew dubji eventwali dwar l-imputabbiltà ta’ ksur lil entità aventi kawża, fl-ipoteżi, l-iktar l-iktar, ta’ kontroll komuni eżerċitat minn awtorità pubblika, liema dubji tneħħew mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, ebda dubju dwar tali imputabbiltà ma jista’ jeżisti fl-ipoteżi fejn dan il-kontroll, bħal f’din il-kawża, ikun eżerċitat minn kumpannija rregolata mid-dritt privat (ara s-sentenza Versalis vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 57). |
60 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet timputa, b’mod validu, l-aġir antikompetittiv kollu inkwistjoni lil Versalis. |
61 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat, il-Qorti Ġenerali esponiet fid-dettall, fil-punti 89 sa 98 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset bħala infondat il-motiv imqajjem fl-ewwel istanza intiż sabiex l-imsemmi aġir ma jiġix imputat lil Versalis. Il-motivi ta’ din is-sentenza għaldaqstant ma jħallu spazju għal ebda dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt u konsegwentement, dawn jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel l-istħarriġ tagħha. Minn dan isegwi li s-sentenza appellata ma hija vvizzjata minn ebda nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. |
62 |
Billi ebda wieħed mill-argumenti relatati mat-tieni aggravju ta’ Veralis u ta’ Eni ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
63 |
Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom, Versalis u Eni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat u kontradittorju l-prinċipju ġurisprudenzjali dwar id-distinzjoni neċessarja espressa ta’ akkordju għall-finijiet tan-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-ksur u talli kisret il-prinċipju ta’ in dubio pro reo meta, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, qieset li EniChem, li saret [kunfidenzjali], ipparteċipat fil-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju jew tat-13 ta’ Ġunju 1993 f’Firenze u, fil-punt 183 tal-istess sentenza, li l-laqgħat li nżammu fl-2002, li għalihom ipparteċipat Polimeri Europa, li saret Versalis, kellhom natura antikompetittiva. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi kkonstatat, hekk kif tafferma l-Kummissjoni, li ż-żewġ laqgħat li nżammu fl-2002 kienu ta’ natura antikompetittiva. Konsegwentement, meta qieset li EniChem u Polimeri Europa kienu pparteċipaw fl-akkordju matul it-tul kollu tiegħu, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Mejju 1993 u dak ta’ Mejju 2002, il-Qorti Ġenerali mhux biss wettqet evalwazzjoni żbaljata, iżda wkoll naqset milli teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu. |
64 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta’ Versalis u ta’ Eni huma intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
65 |
Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-imsemmi aggravju, Versalis u Eni jikkontestaw konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet fattwali ma jikkostitwixxux, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-provi, kwistjoni legali suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
66 |
Fir-rigward tal-ilment dwar l-iżnaturament tal-imsemmija provi, għandu jiġi kkonstatat li Versalis u Eni ma rrilevawx li l-Qorti Ġenerali żnaturathom b’mod manifest. |
67 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
Fuq ir-raba ’ aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
68 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, relatat mal-punti 239 et seq tas-sentenza appellata, Versalis u Eni jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta naqset milli tindirizza l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa fis-sens tal-Linji gwida tal-2006. |
69 |
Fl-ewwel lok, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali għal nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata li ma tissodisfax l-ilmenti esposti fil-proċedura tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament meta naqset milli tevalwa fuq il-mertu, fid-dawl tal-elementi fattwali migjuba għall-attenzjoni tagħha, l-osservanza, mill-Kummissjoni, tal-prinċipji ta’ ekwità, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament matul l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali. |
70 |
Fit-tieni lok, Versalis u Eni jilmentaw li, billi naqset milli tirrispondi għall-motiv tagħhom, imqajjem matul is-seduta, dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
71 |
Fit-tielet lok, huma jilmentaw li, għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali ma qisitx in-numru ta’ snin li jikkorrispondu għat-tul tal-ksur kif jirriżulta mill-elementi invokati fil-kuntest tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑123/13 P. |
72 |
Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju f’din il-kawża huwa impreċiż u jirrepeti l-argumenti fformulati fl-ewwel istanza. Sussegwentement, ċerti lmenti ta’ Versalis u ta’ Eni huma relatati mal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt. Fl-aħħar nett, ebda motiv speċifiku dwar l-applikazzjoni tal-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi ma tqajjem fl-ewwel istanza. Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma tista’ tiġi kkritikata bl-ebda żball. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
73 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel ilment ta’ Versalis u ta’ Eni huwa inammissibbli, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, huma ma jikkritikawx is-sentenza appellata, iżda jagħmlu riferiment għall-argumenti kif ippreżentati fl-ewwel istanza. |
74 |
It-tieni lment ukoll huwa inammissibbli, peress li Versalis u Eni ma jistabbilixxux li huma qajmu, quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv relatat man-nuqqas ta’ applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006. |
75 |
It-tielet ilment, sa fejn dan jibbaża ruħu fuq l-ipoteżi li t-tieni aggravju fil-Kawża C‑123/13 P jintlaqa’, għandu jiġi miċħud. |
76 |
Konsegwentement, ir-raba’ aggravju fl-imsemmija kawża għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑93/13 P
L-argumenti tal-partijiet
77 |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 272 sa 275 tas-sentenza appellata, li huma redatti kif ġej:
|
78 |
Filwaqt li tikkritika b’mod iktar partikolari l-punti 273 u 274 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ dritt relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża meta qieset li, sabiex jitqies li hemm ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward ta’ Eni, dawn il-prinċipji kienu jeħtieġu li din tal-aħħar tkun saret destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet relatata mal-ewwel ksur u tad-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur. |
79 |
Skont il-Kummissjoni, id-drittijiet tad-difiża huma ggarantiti jekk, fil-mument fejn hija tħabbar l-intenzjoni tagħha li tikkonstata r-reċidiva, hija tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li juru li l-kundizzjonijiet tar-reċidiva ma humiex issodisfatti. Hija tirrileva li, f’dan il-każ, Eni kellha l-possibbiltà li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ kontroll tas-sussidjarja tagħha. |
80 |
Fit-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li tirrigwarda b’mod partikolari l-punt 274 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-karatterizzazzjoni tar-reċidiva mhux neċessarjament tippresupponi li tkun ġiet imposta l-ewwel sanzjoni pekunjarja fuq il-kumpannija parent, iżda biss il-konstatazzjoni tal-ewwel ksur. Ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kumpannija parent kienet tifforma, flimkien ma’ sussidjarja li hija tikkontrolla kważi totalment, impriża li wettqet ksur ġdid u li għalih hija ġġustifikata żieda minħabba r-reċidiva. Sabiex jiġi evalwat jekk impriża siltitx il-konsegwenzi fuq l-ewwel konstatazzjoni ta’ ksur, ikun hemm lok li tiġi kkunsidrata l-propensjoni ta’ dik l-entità ekonomika li twettaq ksur ġdid u mhux dik tal-kumpanniji li jifformawha meta jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod individwali. |
81 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirriskja li taffettwa l-azzjoni repressiva tal-Kummissjoni li tkun obbligata tindirizza b’mod sistematiku dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-impriża involuta fl-ewwel ksur, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk, fil-każ inkwistjoni, għandhiex tiġi imposta multa fuqhom. Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva ma tapplikax għal kumpanniji li jagħmlu parti minn tali impriża biss minħabba l-istruttura organizzazzjonali tal-grupp li dawn il-kumpanniji jifformaw parti minnu. |
82 |
Versalis u Eni jsostnu li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. Huma jsostnu li Eni qatt ma kienet instemgħet u lanqas qatt ma kienet involuta fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjonijiet “polipropilen” u “PVC II” u huma jqisu li ma huwiex leġittimu li jiġi sostnut li Eni setgħet, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ qabel id-deċiżjoni kkontestata, tipprovdi elementi ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ Eni fuq Anic u EniChem, li saret [kunfidenzjali], għall-perijodi ta’ matul proċedimenti li ilhom li ngħalqu żmien twil ilu, li wasslu għad-deċiżjonijiet “polipropilen” u “PVC II”. |
83 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma nvolvietx lil Eni fl-imsemmija proċedimenti jindika li l-Kummissjoni kienet tqis li l-fatt li kumpannija parent kienet iżżomm 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja involuta kien, f’dan ir-rigward, irrilevanti. Versalis u Eni jfakkru li ż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent għaldaqstant kienet insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-influwenza determinanti tagħha u li l-Kummissjoni kellha tagħti prova tal-eżerċizzju effettiv minn Eni, ta’ tali influwenza, fuq Anic u fuq EniChem. |
84 |
Versalis u Eni jsostnu wkoll li dik li llum hija Eni hija kumpannija totalment differenti minn dik li kienet fiż-żmien tad-deċiżjonijiet “polipropilen” u “PVC II”, jiġifieri korp pubbliku kkontrollat u amministrat mill-Gvern Taljan sabiex jippermetti lill-Istat Taljan jamministra l-ishma tiegħu f’ċerti setturi meqjusa bħala ta’ interess nazzjonali. |
85 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, Versalis u Eni jsostnu li l-Kummissjoni twettaq qari żbaljat tal-punt 274 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx riferiment għal sanzjoni li tinvolvi multa, iżda pjuttost tagħmel riferiment għan-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ Eni fil-kuntest tad-deċiżjonijiet “polipropilen” u “PVC II”, sa fejn din ma kinitx tagħmel parti mill-impriżi li fuqhom ġiet imposta sanzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
86 |
L-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa mislut mill-fatt aggravanti ta’ reċidiva meqjus fil-konfront ta’ Eni minħabba l-kundanna ta’ Anic u ta’ EniChem permezz tad-deċiżjonijiet “polipropilen” u “PVC II” rispettivament, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordji. |
87 |
Hekk kif jirriżulta mill-punt 28 tal-Linji gwida tal-2006 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva hija kkaratterizzata mit-twettiq jew mir-repetizzjoni, minn impriża, ta’ ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni tkun ikkonstatat li din l-impriża kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 40 u 41). |
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2009:536, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, hija jkollha twieġeb għal dan il-ksur. Madankollu, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi imputat, inekwivokament, fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2009:536, punti 56 u 57, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
90 |
Fir-rigward tal-aġir ta’ sussidjarja, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, dan l-aġir jista’ jiġi imputat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, fuq il-kumpannija parent meta l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jkun jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u jifformaw impriża waħda fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
91 |
Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit il-fatt aggravanti ta’ reċidiva fil-konfront tal-kumpannija parent, ma huwiex meħtieġ li fir-rigward ta’ din tal-aħħar jkunu nbdew proċeduri preċedenti, li jkunu wasslu għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għal deċiżjoni. Għal dan l-għan, dak li huwa rilevanti b’mod partikolari hija l-konstatazzjoni preċedenti tal-ewwel ksur li jirriżulta mill-aġir ta’ sussidjarja li magħha din il-kumpannija parent involuta fit-tieni ksur kienet tifforma, diġà fi żmien l-ewwel ksur, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. |
92 |
L-għan li jiġi soppress l-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li jitwettaq mill-ġdid permezz ta’ sanzjonijiet deterrenti (ara s-sentenza ETI et, EU:C:2007:775, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata) jiġi kompromess jekk ikun possibbli għal impriża, li tinkludi fiha sussidjarja kkonċernata mill-ewwel ksur, li billi tibdel l-istruttura ġuridika tagħha permezz tal-ħolqien ta’ sussidjarji ġodda li ma setgħux jinbdew proċedimenti kontrihom fir-rigward tal-ewwel ksur, iżda huma involuti fit-twettiq tal-ksur il-ġdid, li tirrendi impossibbli jew partikolarment diffiċli u, għaldaqstant, li tevita s-sanzjoni tar-reċidiva. |
93 |
Ċertament, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza appellata, id-drittijiet tad-difiża tal-persuna ġuridika li tinsab ikkritikata bir-reċidiva għandhom jiġu rrispettati. Madankollu, dan ir-rispett ma jeħtieġx, hekk kif b’mod żbaljat indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 274 tas-sentenza appellata, li kien possibbli għal din il-persuna ġuridika, fil-kuntest tal-proċedimenti bbażati fuq l-ewwel ksur, li tikkontesta li hija kienet tifforma, flimkien ma’ entitajiet oħra li anki fil-konfront tagħhom inbdew proċedimenti, entità ekonomika waħda. Għandu sempliċement jiġi żgurat li jkun possibbli għall-imsemmija persuna ġuridika li tiddefendi ruħha fil-mument fejn tiġi kkritikata bir-reċidiva. |
94 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ pieni, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat b’mod sħiħ, anki fil-każ ta’ proċedimenti ta’ natura amministrattiva (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 9; ARBED vs Il-Kummissjoni, C‑176/99 P, EU:C:2003:524, punt 19; kif ukoll Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2009:500, punt 34). |
95 |
Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali essenzjali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 10, kif ukoll Papierfabrik August Koehler et Il‑Kummissjoni, EU:C:2009:500, punt 35). |
96 |
Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni timputa ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fuq persuna ġuridika u tinvoka r-reċidiva kontriha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lil dik il-persuna ġuridika tiddefendi ruħha. B’mod iktar partikolari, jekk din tal-aħħar tkun kumpannija parent li kontriha tiġi invokata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva minħabba l-aġir antikompetittiv ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, iżda li għaliha din il-kumpannija parent ma kinitx, qabel din id-dikjarazzjoni, destinatarja ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-ewwel ksur, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija indirizzata lil din tal-aħħar għandha tinkludi l-elementi li jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet tar-reċidiva huma ssodisfatti u, b’mod partikolari, li jistabbilixxu li l-imsemmija persuna ġuridika kienet tifforma, fil-mument tal-ewwel ksur, impriża waħda mal-kumpannija li fir-rigward tagħha l-ewwel ksur ġie kkonstatat. F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-persuna ġuridika kkonċernata mit-tieni ksur kienet diġà teżerċita, fil-mument tal-ewwel ksur, influwenza determinanti fuq is-sussidjarja involuta fl-ewwel ksur. |
97 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni Eni, il-perijodu ta’ żmien li jissepara l-ewwel ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mit-tieni ksur ma jipprojbixxix, bħala prinċipju, li tiġi invokata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward ta’ persuna ġuridika li ma nbdewx proċeduri legali kontriha għall-ewwel ksur. Madankollu, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-propensjoni tal-impriża li taħrab mir-regoli tal-kompetizzjoni, iż-żmien li jkun għadda bejn iż-żewġ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 70). Barra minn hekk, meta l-qorti tal-Unjoni Ewropea tistħarreġ jekk il-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża ġiex osservat, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża inkwistjoni, b’mod partikolari d-diffikultajiet possibbli ta’ prova li jirriżultaw miż-żmien li jkun għadda mill-ewwel ksur jew l-iżvilupp strutturali tal-impriża, jew saħansitra l-iżvilupp tar-regoli ġuridiċi applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
98 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet tar-reċidiva huma ssodisfatti, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni. Għalhekk, meta l-Kummissjoni timponi multa fuq kumpannija minħabba l-ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u meta tapplika, matul il-kalkolu tal-multa, koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-istess kumpannija kienet diġà, preċedentement, involuta fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija tkun obbligata tipprovdi, flimkien mad-deċiżjoni li timponi l-imsemmija multa, espożizzjoni ta’ natura li tippermetti li kemm il-qrati tal-Unjoni kif ukoll dik il-kumpannija jifhmu f’liema kwalità u sa fejn hija kienet involuta fil-ksur preċedenti. B’mod partikolari, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmija kumpannija għamlet parti mill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-ksur preċedenti, din għandha timmotiva din l-affermazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt (sentenzi Eni vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:289, punt 129, u Versalis vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 142). |
99 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva invokata fil-konfront ta’ Eni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata biss issemmi l-fatt li EniChem diġà kienet id-destinatarja ta’ deċiżjonijiet preċedenti li jirrigwardaw attivitajiet kollużorji, b’riferiment għal nota ta’ qiegħ il-paġna fejn jinsabu ċċitati d-deċiżjoni “polipropilen”“fejn [il-Kummissjoni] kkonstatat li [Anic], sussidjarja tal-grupp ENI, ipparteċipat fl-akkordju”, kif ukoll id-Deċiżjoni “PVC II”, “fejn [il-Kummissjoni] kkonstatat li [EniChem] ipparteċipat fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-imsemmija premessa barra minn hekk tinkludi li Eni hija reċidivista, mingħajr ebda spjegazzjoni oħra. |
100 |
Issa, billi d-deċiżjoni “polipropilen” hija indirizzata, b’mod partikolari, lil Anic, u d-deċiżjoni “PVC II”, b’mod partikolari, lil EniChem, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti bl-ebda mod ma jippermettu li wieħed isir jaf f’liema kwalità u sa liema punt Eni, li ma tinsabx fost id-destinatarji tad-deċiżjoni “polipropilen” u lanqas ma tinsab fost dawk tad-deċiżjoni “PVC II”, kienet involuta fil-ksur ikkonstatat b’dawn id-deċiżjonijiet. |
101 |
Billi d-deċiżjoni kkontestata manifestament ma tinkludi ebda motivazzjoni li tippermetti lil Eni tiddefendi ruħha u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha, fir-rigward ta’ Eni għandha tiġi injorata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva. |
102 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 274 tas-sentenza appellata, hija elenkat il-kundizzjonijiet tar-reċidiva. Madankollu, peress li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li tinjora, f’dak li jikkonċerna lil Eni, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva, tidher fondata għal raġunijiet ta’ liġi oħra, dan l-iżball ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni u lanqas tal-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali nisslet minnha f’dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa, iżda hemm lok li l-motivazzjonijiet jiġu ssostitwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
103 |
Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑93/13 P jiġi miċħud. |
Fuq il-ħames aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
104 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, Versalis u Eni jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ reċidiva meta, fil-punti 278 sa 280 tas-sentenza appellata kkonfermat li ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva kienet applikabbli għal Versalis u kienet iġġustifikata mis-suċċessjoni ekonomika ta’ Polimeri Europa għal EniChem, li saret [kunfidenzjali], li kienet ipparteċipat fil-ksur imsemmi fid-deċiżjoni “PVC II”. Huma jsostnu, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 276 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li Eni hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa, inkluż għall-parti ta’ din il-multa marbuta maċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva. |
105 |
Fl-ewwel lok, huma jinvokaw insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rabtiet bejn l-impriżi responsabbli mid-diversi ksur. Fit-tieni lok, huma jikkontestaw l-użu tal-kriterju tas-suċċessjoni ekonomika. Fit-tielet lok, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tagħha meta kkonfermat l-applikabbiltà taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva permezz ta’ motivazzjoni differenti minn dik tal-Kummissjoni. Fir-raba’ lok, billi jinvokaw is-sitwazzjoni ta’ Bayer, imsemmija fil-punt 367 tas-sentenza appellata, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta stabbilixxiet il-perċentwali ta’ tnaqqis taż-żieda tal-multa minħabba ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva għal 10 % biss. Fil-ħames lok, Versalis u Eni jqisu li, fir-rigward tan-natura solidali, fir-rigward ta’ Eni, tal-obbligu ta’ ħlas ta’ din iż-żieda, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u twarrbet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li rriżultat mis-sentenza Arkema vs Il‑Kummissjoni (C‑520/09 P, EU:C:2011:619), fejn ġie rikonoxxut li kumpannija parent li tikkostitwixxi unità ta’ impriża ma’ sussidjarja responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma għandhiex tirrispondi in solidum għall-parti tal-multa li tikkorrispondi għar-reċidiva tas-sussidjarja, peress li dik il-kumpannija parent ma kinitx tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ dik is-sussidjarja fil-mument tat-twettiq tal-ewwel ksur. |
106 |
Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-ilmenti huma infondati. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
107 |
L-aggravju preżenti jirrigwarda ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva meqjusa fil-konfront ta’ Versalis minħabba l-kundanna ta’ EniChem bid-deċiżjoni “PVC II”. Fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tielet motiv tar-rikorrenti, li għalih tagħmel riferiment il-Qorti Ġenerali fil-punt 278 tas-sentenza appellata fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet ampjament ir-rabtiet bejn id-diversi persuni ġuridiċi li fuqhom ġie imputat il-ksur. Barra minn hekk, mill-eżami tat-tieni aggravju ta’ Versalis u ta’ Eni fil-Kawża C-123/13 P jirriżulta li l-kontinwità ta’ impriża bejn Enichem, li saret [kunfidenzjali], u Polimeri Europa, li saret Versalis, setgħet titqies b’mod validu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mis-setgħat tagħha, iżda bbażat ruħha fuq l-elementi tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tqis li l-kundizzjonijiet tar-reċidiva kienu ssodisfatti. Għaldaqstant, l-ewwel tliet ilmenti ma humiex fondati. |
108 |
Billi ġiet konkluża reċidiva fil-konfront ta’ Versalis, li kienet Polimeri Europa, minħabba ksur wieħed li twettaq qabel id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 367 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni ta’ Versalis u ta’ Eni setgħet titqabbel ma’ dik ta’ Bayer, li fir-rigward tagħha wkoll ġie deċiż li kien hemm reċidiva ta’ ksur wieħed biss. Għaldaqstant, ir-raba’ lment ma huwiex fondat. |
109 |
Fir-rigward tal-ħames ilment, intiż li jikkontesta l-applikazzjoni għal Eni, tal-preżunzjoni ta’ influwenza tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha involuti fil-ksur, dan jirrigwarda l-ewwel aggravju ta’ Versalis u ta’ Eni. Issa, mill-punti 40 sa 45 tas-sentenza preżenti jirriżulta li dan l-aggravju ġie miċħud. Fir-rigward tas-sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni (EU:C:2011:619), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Versalis u ta’ Eni huwa r-riżultat ta’ qari żbaljat ta’ din is-sentenza, li fiha, kulma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kien li stħarrġet il-kalkolu tal-multa abbażi tal-għażliet tal-Kummissjoni mingħajr ma ħadet pożizzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-reċidiva. |
110 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-ħames aggravju ta’ Versalis u ta’ Eni għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑93/13 P
L-argumenti tal-partijiet
111 |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, dwar il-punti 316 et seq tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tikkontesta t-tqabbil tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni intiż li jiżgura effett suffiċjentement dissważiv, użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa impost fuq Versalis u fuq Eni, u ta’ dak applikat fid-deċiżjoni kontenzjuża għal Dow kif ukoll it-tnaqqis, motivat minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat għal Versalis u għal Eni. |
112 |
Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha u kisret il-prinċipju dispożittiv, l-Artikolu 21 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta eżaminat kwistjoni ta’ liġi dwar ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni użat għal finijiet dissważivi, fil-kalkolu tal-multa li ma tqajjimx minn Versalis u Eni fir-rikors promotur. |
113 |
Il-Kummissjoni tirrileva li, f’dan ir-rikors, Versalis u Eni kienu talbu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità tal-applikazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni minħabba l-fatt li, minħabba l-għoli tiegħu, din l-applikazzjoni kienet tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sussidjarjament, Versalis u Eni kienu talbu li l-imsemmi koeffiċjent jitnaqqas. Huwa biss matul is-seduta miżmuma quddiem il-Qorti Ġenerali li dawn tal-aħħar kienu alludew għall-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u, b’mod iktar partikolari, il-prinċipju dispożittiv meta qajmet dan il-motiv ex officio. |
114 |
Versalis u Eni jikkontestaw it-tieni aggravju tal-Kummissjoni. Huma jsostnu li huma invokaw id-differenza bejn il-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni applikati għal finijiet dissważivi għall-kalkolu tal-multi imposti fuq id-diversi impriżi involuti insostenn tal-motiv tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fehma tagħhom, il-prinċipju ta’ ugwaljanza huwa marbut mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma applikatx motiv ġdid ex officio. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma lmentatx, matul l-imsemmija seduta, fuq il-preżentazzjoni ta’ motiv ġdid minn Versalis u Eni. |
115 |
Versalis u Eni jfakkru wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
116 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, Versalis u Eni, diversi drabi u, b’mod partikolari, fir-rikors tal-ewwel istanza tagħhom, ikkritikaw lill-Kummissjoni talli applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal finijiet dissważivi ogħla minn dak applikat għal impriżi oħra. Permezz ta’ dan l-ilment, Versalis u Eni essenzjalment jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li għaldaqstant kien suġġett għad-diskussjoni tal-partijiet. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni ex officio fuq dan il-motiv. |
117 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet aggravju fil-Kawża C‑93/13 P
L-argumenti tal-partijiet
118 |
Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 323 sa 325 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni tal-multa, użat għal finijiet dissważivi. Is-sentenza appellata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti, u obbligatha tagħmel kalkolu purament matematiku sabiex tistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat għall-multi ta’ Versalis u ta’ Eni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ħtieġet li ż-żieda tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv tkun proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ rispettiv tal-impriżi involuti, u mhux li l-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni jew il-multi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni jkunu proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ totali ta’ dawn l-impriżi. |
119 |
Versalis u Eni jsostnu li, bit-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat għal finijiet dissważivi. Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa inammissibbli. L-imsemmi aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali aġixxiet fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u l-Kummissjoni ma wrietx li l-metodu rrakkomandat mill-Qorti Ġenerali huwa inqas dissważiv minn dak propost mill-Kummissjoni, li jista’ jkollu riżultati sproporzjonati. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
120 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tielet aggravju tal-Kummissjoni ma jirrigwardax in-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn id-diversi parteċipanti fl-istess akkordju, iżda jirrigwarda l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità tal-multi imposti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, immotivat id-deċiżjoni tagħha bi preċiżjoni u ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 325 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-għażla tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.4 ma kinitx xierqa fid-dawl tad-differenza fid-dħul mill-bejgħ bejn Eni u Dow. |
121 |
L-imsemmi aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq is-sitt aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
122 |
Fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħhom, Versalis u Eni jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod manifestament żbaljat l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta stabbilixxiet l-ammont massimu tal-multa b’mod li ma huwiex ibbażat biss fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ [kunfidenzjali], li kienet EniChem. |
123 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju jitwaħħad mal-ewwel u t-tieni aggravji ta’ Versalis u ta’ Eni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
124 |
L-imsemmi aggravju huwa bbażat fuq l-ipoteżi fejn l-ewwel u t-tieni aggravji jintlaqgħu. Billi dawn iż-żewġ aggravji ġew miċħuda, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt aggravju ta’ Versalis u ta’ Eni. |
Fuq is-seba ’ aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
125 |
Fil-kuntest tas-seba’ aggravju tagħhom, Versalis u Eni jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-għaxar motiv fl-ewwel istanza, ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ [kunfidenzjali] u ta’ Versalis imwettqa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kif ukoll tal-ħdax-il motiv, ibbażati fuq l-assenza ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx l-istħarriġ ġudizzjarju li hija kellha twettaq u li, fi kwalunkwe każ, hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni u naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, meta qieset li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipji ta’ ekwità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi matul l-evalwazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni. |
126 |
Versalis u Eni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 355 tas-sentenza appellata, billi għamlet riferiment għall-marġni ta’ diskrezzjoni rikonoxxut lill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tal-multi, hi kompliet l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi li Versalis u Eni pprovdew fil-kuntest tal-imsemmija kooperazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-mod ta’ kif il-Kummissjoni applikat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 f’kawżi oħra. Barra minn hekk, ma ttiħditx inkunsiderazzjoni d-data tardiva li fiha Versalis u Eni saru jafu bl-investigazzjoni, minkejja li din kellha effett fuq il-valur miżjud tal-informazzjoni li Versalis u Eni setgħu jikkomunikaw. Dawn tal-aħħar jikkritikaw lill-Kummissjoni wkoll li ma wettqitx spezzjoni iktar kmieni. |
127 |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll billi ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, filwaqt li l-informazzjoni pprovduta minn Versalis u Eni kienet tagħti valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbel mal-informazzjoni pprovduta f’kawżi li wasslu għal deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni u li Versalis u Eni setgħu, b’mod leġittimu, jikkunsidraw li l-kooperazzjoni totali, leali u kontinwa tagħhom ser tkun ippremjata kif xieraq. Huma jikkontestaw il-punt 358 tas-sentenza appellata bħala infondata. |
128 |
Bl-istess mod, Versalis u Eni ġew iddiskriminati meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li talbu li jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa tagħhom, li d-dikjarazzjonijiet tagħhom kienu inkoerenti, impreċiżi u mhux affidabbli. |
129 |
Il-Kummissjoni ssostni li s-seba’ aggravju ppreżentat minn Versalis u Eni huwa inammissibbli sa fejn dan huwa biss repetizzjoni tal-argumenti invokati quddiem il-Qorti Ġenerali u huwa intiż li jikseb evalwazzjoni ġdida tal-informazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali], li kienet EniChem, lill-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
130 |
Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, Versalis u Eni essenzjalment jikkontestaw ir-risposta mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-ħdax-il motiv tagħhom tal-ewwel istanza. Wara li fakkret, fil-punt 354 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ “valur miżjud” kif jidher fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi pprovduti minn Versalis u Eni sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jagħtux valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbel mal-provi li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni. |
131 |
Fil-punti 357 sa 363 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi preċiża u motivata tal-provi, liema fatt ma għandux jiġi mistħarreġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Fid-dawl ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet id-diversi argumenti ta’ Versalis u ta’ Eni. |
132 |
Għaldaqstant, is-seba’ aggravju ppreżentat minn Versalis u Eni għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tmien aggravju fil-Kawża C‑123/13 P
L-argumenti tal-partijiet
133 |
Fil-kuntest tat-tmien aggravju tagħhom, Versalis u Eni jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ ġudizzjarju komplet dwar l-ammont tal-multa finali, u dan huwa inġust, mhux xieraq u sproporzjonat. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-argumenti tagħhom fil-fond u wettqet biss sempliċi stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
134 |
Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami fil-fond tal-argumenti ta’ Versalis u ta’ Eni. Dawn tal-aħħar qegħdin jippruvaw iħeġġu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami mill-ġdid tal-ammont tal-multa. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
135 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi aggravju jirrigwarda s-sentenza fit-totalità tagħha u ma jippreċiżax il-punti ta’ motivazzjonijiet tas-sentenza appellata li huma kkontestati. Għal dan l-għan, dan huwa wisq impreċiż u ma huwiex ċar biżżejjed sabiex jirċievi risposta. |
136 |
Barra minn hekk, meta hija tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 125). |
137 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li t-tmien aggravju ppreżentat minn Versalis u Eni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
138 |
Billi l-aggravji kollha ġew miċħuda, kemm fil-Kawża C‑93/13 P kif ukoll fil-Kawża C‑123/13 P, hemm lok li ż-żewġ appelli jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
139 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
140 |
Fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑93/13 P, billi Versalis u Eni talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata u din tal-aħħar tilfet fl-aggravji tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
141 |
Fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑123/13 P, billi l-Kummissjoni talbet li Versalis u Eni jiġu kkundannati u dawn tal-aħħar tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.