SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Trasport marittimu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Regolament (KEE) Nru 4055/86 — Applikabbiltà għat-trasport minn jew lejn Stati partijiet mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz ta’ vapuri li jġorru l-bandiera ta’ pajjiż terz — Azzjonijiet sindakali meħuda f’portijiet ta’ tali Stat favur ċittadini ta’ pajjiż terz impjegati fuq dawn il-vapuri — Nazzjonalità ta’ dawn il-ħaddiema u vapuri bla effett fuq l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑83/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbetsdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2013, fil-proċeduri

Fonnship A/S

vs

Svenska Transportarbetareförbundet,

Facket för Service och Kommunikation (SEKO),

u

Svenska Transportarbetareförbundet

vs

Fonnship A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, M. Ilešič (Relatur), T. von Danwitz, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fonnship A/S, minn L. Boman, avukat,

għal Svenska Transportarbetareförbundet u Facket för Service och Kommunikation (SEKO), minn I. Otken Eriksson, avukat,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u U. Persson, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Chala u E.‑M. Mamouna, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren kif ukoll minn L. Nicolae u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn X. Lewis u M. Moustakali, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 174).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Fonnship A/S (iktar ’il quddiem “Fonnship”), kumpannija rregolata mid-dritt Norveġiż, u Svenska Transportarbetareförbundet (Federazzjoni Svediża tal-Ħaddiema tat‑Trasport, iktar ’il quddiem l-“ST”) flimkien ma Facket för Service och Kommunikation (sindakat ta’ ħaddiema fl-oqsma tas-servizzi u tal‑komunikazzjoni, iktar ’il quddiem is-“SEKO”), li huma żewġ sindakati rregolati bid-dritt Svediż, min-naħa l-oħra, kif ukoll kawża bejn ST u Fonnship, dwar azzjonijiet sindakali li allegatament affettwaw ħażin il-provvista tas-servizzi pprovduti permezz ta’ vapur li jappartjeni lil din tal-aħħar u li jġorr il-bandiera tal-Panama.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea

3

L-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), jipprovdi:

“L-atti msemmijin jew li hemm fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim […] ghandhom jorbtu lill-Partijiet Kontraenti u jkunu, jew jigu maghmula, parti mill-ordni intern legali kif gej:

(a)

att li jikkorrispondi għal regolament KEE għandu bħala tali jsir parti mill-ordni intern legali tal-Partijiet Kontraenti;

[…]”

4

L-Artikolu 47 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:

“1.   L-Artikoli 48 sa 52 ghandhom japplikaw ghat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u b’kanali interni ta’ l-ilma.

2.   L-Anness XIII fih dispożizzjonijiet specifici dwar il-mezzi kollha ta’ trasport.”

5

L-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE jinkorpora, fit-Taqsima V tiegħu, intitolata “It-Trasport Marittimu”, ir-Regolament Nru 4055/86.

Ir-Regolament Nru 4055/86

6

Is-seba’ sad-disa’ premessa tar-Regolament Nru 4055/86 jipprovdu li: “[...] vapuri ta’ rotot regolari li mhux tal-konferenza m’għandhomx jiġu miżmuma milli joperaw sakemm iżommu mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta fuq bażi kummerċjali [...]”; li “[...] l-Istati Membri jaffermaw l-impenn tagħhom għal ambjent ta’ kompetizzjoni ħielsa li għandu jkun fattur essenzjali fin-negozju tal-massa [...]” u li “[...] s-sidien ta’ vapuri fil-Komunità qegħdin dejjem jiġu iffaċċjati b’restrizzjonijiet ġodda, imposti minn pajjiżi terzi [...]”.

7

Skont it-tnax-il premessa tal-imsemmi regolament, “[...] l-istruttura ta’ l-industrija tan-navigazzjoni tal-Komunità hija tali hekk li huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti barra mill-Komunità u għall-kumpaniji marittimi stabbiliti barra l-Komunità u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skond il-leġislazzjoni tiegħu”.

8

L-Artikolu 1 tal-istess regolament jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tapplika fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna għal min is-servizzi huma intiżi.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli wkoll għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti barra mill-Komunità u għall-kumpaniji marittimi stabbiliti barra mill-Komunità u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skond il-leġislazzjoni tiegħu.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 55 sa 58 [...] tat-Trattat [KEE] [li saru, rispettivament, l-Artikolu 55 tat-Trattat KE, li huwa nnifsu sar l-Artikolu 45 KE, l-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat KE, li huma nnifishom saru, wara emenda, l-Artikoli 46 KE u 47 KE, u l-Artikolu 58 KE, li huwa nnifsu sar l-Artikolu 48 KE] għandhom japplikaw għall-materji koperti b’dan ir-Regolament.”

Id-dritt Svediż

9

Il-Kostituzzjoni Svediża tiggarantixxi d-dritt li jittieħdu azzjonijiet sindakali, bla ħsara għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.

10

Il-liġi (1976:580) dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati għad-deċiżjonijiet miftiehma [lag (1976:580) om medbestämmande i arbetslivet], tal-10 ta’ Ġunju 1976, tipprovdi r-regoli applikabbli fil-qasam tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u ta’ negozjati, ta’ ftehimiet kollettivi, ta’ medjazzjoni tal-kunflitti kollettivi fuq ix-xogħol kif ukoll tal-obbligu ta’ paċi soċjali, u tinkludi dispożizzjonijiet li jillimitaw id-dritt li jittieħdu azzjonijiet sindakali.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Fonnship hija kumpannija rregolata mid-dritt Norveġiż li għandha s-sede tagħha f’Fonnes (in-Norveġja). Matul il-perijodu rilevanti għall-kważi prinċipali, jiġifieri l-perijodu bejn l-2001 u l-2003, hija kienet sid il-vapur M/S Sava Star (iktar ’il quddiem is-“Sava Star”).

12

Dan il-vapur huwa vapur tal-merkanzija li, matul l-imsemmi perijodu, kien prinċipalment iwettaq vjaġġi bejn Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE. Huwa kien irreġistrat fir-reġistru marittimu tal-Panama u għaldaqstant kien iġorr il-bandiera ta’ dan il-pajjiż. L-ekwipaġġ tiegħu kien kompost minn erba’ uffiċjali ta’ nazzjonalità Pollakka u żewġ baħrin ta’ nazzjonalità Russa. Fonnship kienet dik li tħaddem lil dan l-ekwipaġġ.

13

Skont Fonnship, il-pagi tal-imsemmija membri tal-ekwipaġġ kienu rregolati minn ftehim kollettiv konkluż bejnha u sindakat Russu msejjaħ, skont it-traduzzjoni bl-Ingliż, “Murmansk Area Committee of Seamen’s Unjoni”. Skont l-istess kumpannija, dawn il-pagi li kienu jammontaw għal madwar 550 dollaru Amerikan (USD) fix-xahar għall-baħrin, kienu ekwivalenti, jew anki superjuri, għal dawk irrakkomandati mill-International Transport Workers’ Federation (Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tat‑Trasport).

14

Billi qieset, madankollu, li l-pagi tal-ekwipaġġ tas-Sava Star ma kinux ġusti, fis‑26 ta’ Ottubru 2001, meta dan il-vapur kien ittrakkat fil-port ta’ Holmsund (l‑Isvezja), ST eżiġiet li jiġi konkluż minn Fonnship ftehim kollettiv approvat mill-International Transport Workers’ Federation (ftehim imsejjaħ “Special Agreement”). Wara li Fonnship ċaħdet din it-talba, inbdew azzjonijiet sindakali li kkonsistew, b’mod partikolari, f’li jiġu ostakolati l-ħatt u t-tagħbija tal-imsemmi vapur.

15

Fid-29 ta’ Ottubru 2001, ftehim kollettiv fil-forma ta’ “Special Agreement” ġie ffirmat bejn Fonnship u ST (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2001”). Fonnship ħallset USD 1 794 lil ST, skont dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim dwar tariffi ta’ adeżjoni u kontribuzzjonijiet għal fond ta’ solidarjetà. Il-kaptan tas-Sava Star kiteb ittra ta’ protesta u l-membri tal-ekwipaġġ iffirmaw dokument li jindika li ma kinux japprovaw l-azzjonijiet meħuda minn ST. Sussegwentement, il-vapur seta’ jitlaq mill-port ta’ Holmsund.

16

Fid-29 ta’ Jannar 2002, Fonnship ressqet lil ST quddiem l-Arbetsdomstolen sabiex ST tiġi kkundannata, minn naħa, tirrimborsaha USD 1 794 u, min-naħa l-oħra, tikkumpensaha l-ammont ta’ madwar USD 10 000 għad-dannu ekonomiku kkawżat mill-azzjonijiet sindakali msemmija hawn fuq.

17

Fit-8 ta’ Marzu 2002, ST ressqet lil Fonnship quddiem l-Arbetsdomstolen sabiex din tikkundanna lil din il-kumpannija tirrimborsaha USD 10 000 għad-danni li rriżultaw mill-ksur tal-ftehim tal‑2001. Skont ST, meta l-vapur kien ittrakkat fil-port ta’ Reykjavik (l‑Islanda) fil-5 ta’ Marzu 2002, Fonnship kienet irrifjutat li tikkomunika, u dan bi ksur tal-ftehim tal-2001, ċerti dokumenti lil persuna maħtura minn federazzjoni sindakali u kienet ipprojbixxiet lil din il-persuna milli tikkuntattja lill-ekwipaġġ.

18

Fit-18 ta’ Frar 2003, is-Sava Star kien ittrakkat fil-port ta’ Köping (l‑Isvezja). F’din id-data, il-ftehim tal-2001 kien skada. SEKO eżiġiet, bl-istess mod kif ST kienet għamlet fl-2001, li Fonnship tiffirma “Special Agreement”. Wara li nbdew azzjonijiet sindakali, tali ftehim kollettiv ġie konkluż fid-19 ta’ Frar 2003 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2003”). Fonnship ħallset USD 1 794 lil SEKO, skont il-ftehim tal-2003, bħala “tariffa għas-servizz” u kontribuzzjonijiet għal fond ta’ solidarjetà. Il-membri tal-ekwipaġġ iffirmaw dokument ta’ protesta. Sussegwentement, il-vapur seta’ jitlaq mill-imsemmi port.

19

Fil-11 ta’ Marzu 2003, Fonnship ressqet lil SEKO quddiem l-Arbetsdomstolen sabiex dan is-sindakat jiġi kkundannat, minn naħa, jirrimborsaha USD 1 794 u, min-naħa l-oħra, jikkumpensaha l-ammont ta’ EUR 6 000 għad-dannu ekonomiku kkawżat mill-azzjonijiet sindakali msemmija hawn fuq.

20

Fis-17 ta’ Ġunju 2003, ST ressqet lil Fonnship quddiem l-Arbetsdomstolen sabiex din il-kumpannija tiġi kkundannata tikkumpensaha għad-danni fl-ammont ta’ madwar USD 256 000, minħabba li waqt il-perijodu meta l-ftehim tal-2001 kien japplika, hija ma kinitx ħallset il-pagi previsti minn dan il-ftehim. Dan l-ammont jikkorrispondi għad-differenza bejn il-pagi mħallsa minn Fonnship lill-ekwipaġġ u dawk previsti minn dan il-ftehim.

21

Fil-kuntest ta’ dawn l-erba’ kawżi pendenti quddiem l-Arbetsdomstolen, Fonnship issostni li hija ma kinitx marbuta mill-ftehimiet tal-2001 u tal‑2003 u li huma ST u SEKO li għandhom jikkumpensawha għad-danni u mhux bil-kontra. F’dan ir-rigward, hija tinvoka, minn naħa, li dawn iż-żewġ ftehimiet huma invalidi, billi tibbaża ruħha kemm fuq l-assenza ta’ kunsens kif ukoll l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti u, min-naħa l-oħra, hija tinvoka l-illegalità tal-azzjonijiet sindakali li wasslu għall-iffirmar tal-imsemmija ftehimiet.

22

L-Arbetsdomstolen tqis li l-kwistjoni tal-illegalità tal-imsemmija azzjonijiet sindakali hija deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali u li, sabiex din il-kwistjoni tiġi solvuta, huwa l-obbligu tagħha li tiddeċiedi jekk id-dritt Svediż fil-qasam tal-azzjonijiet sindakali huwiex kompatibbli mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Peress li l-partijiet ma jaqblux, madankollu, dwar jekk dawn ir-regoli jistgħux ikunu rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik tal-imsemmija kawżi, li fihom il-vapur inkwistjoni jġorr il-bandiera ta’ Panama, hemm bżonn, skont din il-ġurisprudenza, li tiġi eżaminata minn qabel din il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbetsdomstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola prevista fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea dwar il-moviment liberu tas-servizzi, servizzi ta’ trasport bil-baħar — li hemm regola ekwivalenti għaliha fit-Trattat KE — hija applikabbli għal kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat tal-EFTA [Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles] fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-forma ta’ servizzi ta’ trasport lejn Stat Membru tal-[Komunità Ewropea] jew lejn Stat tal-EFTA permezz ta’ bastiment li huwa rreġistrat, itajjar il-bandiera, ta’ pajjiż terz barra mill-[Komunità Ewropea]/Żona Ekonomika Ewropea?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4055/86 jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Istati kollha li huma parti mill-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 7(a) tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-Anness XIII tiegħu. L-imsemmi regolament u l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jinkludu r-regoli dwar l-applikabbiltà tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għas-settur tat-trasport marittimu bejn l-Istati partijiet mill-Ftehim ŻEE u bejn dawn tal-aħħar u l-pajjiżi terzi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Corsica Ferries (Franza), C‑49/89, EU:C:1989:649, punt 13; Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑295/00, EU:C:2002:100, punt 9; kif ukoll Sea‑Land Service u Nedlloyd Lijnen, C‑430/99 u C‑431/99, EU:C:2002:364, punt 30].

25

L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmi regolament jiddetermina liema huma l-operaturi kkonċernati li jibbenefikaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

26

Għaldaqstant, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4055/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat parti mill-Ftehim ŻEE u proprjetarja ta’ vapur, li jġorr il-bandiera ta’ pajjiż terz, li permezz tiegħu huma pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu minn Stat parti fil-Ftehim ŻEE jew lejn tali Stat, jista’ jinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika.

27

Fonnship, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea jqisu li r-risposta għall-imsemmija domanda għandha tkun fl-affermattiv. L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA tapprova din il-pożizzjoni, filwaqt li tirrileva li huwa importanti li jiġi vverifikat li l-kumpannija li tinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’dan il-każ Fonnship, hija effettivament il-fornitriċi tas-servizzi inkwistjoni.

28

Skont ST u SEKO, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun waħda negattiva. Meta vapur iġorr il-bandiera ta’ pajjiż terz, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġ ta’ dan il-vapur u l-azzjonijiet sindakali meħuda sabiex dawn jitjiebu ma għandhom l-ebda fattur ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant ma jistgħux jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dan id-dritt.

29

Barra minn hekk, ST u SEKO jikkontestaw li Fonnship tista’ titqies li hija fornitriċi ta’ servizzi ta’ trasport marittimu stabbilita fiż-ŻEE. Huma għandhom informazzjoni li tipprovdi li essenzjalment Fonnship kienet fdat l-operat tas-Sava Star lil kumpannija oħra li, filwaqt li hija kumpannija rregolata mid-dritt Norveġiż, kienet ikkontrollata minn kumpannija stabbilita fil-Panama.

30

Skont il-Gvern Svediż, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4055/86 għandu jiġi interpretat b’kawtela fil-konfront tal-kumpanniji stabbiliti fiż-ŻEE u li jużaw bnadar ta’ pajjiżi terzi sabiex jevitaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma abitwali fiż-ŻEE.

31

Meta l-membri tal-ekwipaġġ tal-vapur inkwistjoni jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz, dan il-fatt jista’ wkoll, skont il-Gvern Svediż, jeskludi l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4055/86 għat-trasport imwettaq permezz dan il-vapur.

32

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4055/86 jirriżulta li, meta jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport marittimu minn jew lejn Stati partijiet mill-Ftehim ŻEE, dan l-artikolu jidentifika żewġ kategoriji ta’ persuni li, fil-każ li ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, jibbenefikaw minn din il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri, minn naħa, iċ-ċittadini ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE stabbiliti fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE stabbiliti f’pajjiż terz kif ukoll il-kumpanniji marittimi stabbiliti f’pajjiżi terzi u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE.

33

Sussegwentement, mis-seba’ sad-disa’ premessa u mit-tnax il-premessa tar-Regolament Nru 4055/86 kif ukoll mix-xogħol preparatorju tiegħu, kif esposti fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, billi inkluda fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ċittadini ta’ Stat Membru stabbilit f’pajjiż terz jew li minnu jikkontrolla kumpannija marittima, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura ruħu li parti l-kbira tal-flotta kummerċjali miżmuma minn ċittadini ta’ Stat Membru taqa’ taħt il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-trasport marittimu stabbilita minn dan ir-regolament, b’tali mod li sidien il-vapuri tal-Istati Membri jistgħu jiffaċċjaw b’mod aħjar, fost oħrajn, ir-restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi.

34

Fl-aħħar nett, l-imsemmi leġiżlatur ifformula rekwiżit ta’ konnessjoni billi ppreveda, permezz tal-użu tat-termini “jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat [parti mill-Ftehim ŻEE] skond il-leġislazzjoni tiegħu” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 4055/86, li ċ-ċittadini ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE li joperaw minn stabbiliment li jinsab f’pajjiż terz huma esklużi mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il-vapur tagħhom ma jġorrx il-bandiera tal-imsemmi Stat.

35

L-assenza, fl-Artikolu 1(1) ta’ rekwiżit simili għaċ-ċittadini ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE li joperaw minn stabbiliment li jinsab fiż-ŻEE juri li l-leġiżlatur qies li din il-kategorija ta’ persuni għandha, minnha nfisha, konnessjoni suffiċjentement mill-qrib mad-dritt taż-ŻEE sabiex tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi regolament, u dan indipendentement mill-bandiera li jġorru l-vapuri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Corsica Ferries, C‑18/93, EU:C:1994:195, punt 29).

36

Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, fil-każ li ċittadin ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE stabbilit fiż-ŻEE jew kumpannija stabbilita fiż-ŻEE jinvokaw l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-kwistjoni jekk servizzi ta’ trasport marittimu mwettaq permezz ta’ vapur li jġorr bandiera ta’ pajjiż terz jaqgħux fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk dan iċ-ċittadin jew din il-kumpannija jistgħux jitqiesu li huma fornituri ta’ dawn is-servizzi.

37

Fil-fatt, ma għandhomx jeżistu sitwazzjonijiet fejn kumpannija marittima stabbilita f’pajjiż terz u li tipprovdi servizzi ta’ trasport marittimu minn jew lejn Stat parti mill-Ftehim ŻEE permezz ta’ vapuri li jġorru l-bandiera ta’ pajjiż terz tibbenefika, minkejja l-fatt li hija ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ konnessjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 4055/86, mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi titlob dak il-benefiċċju permezz ta’ kumpannija stabbilita fiż-ŻEE li hija tikkontrolla, bl-iskuża li din il-kumpannija hija l-fornitriċi tas-servizzi inkwistjoni, filwaqt li, fir-realtà, hija l-imsemmija kumpannija li tipprovdihom.

38

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 44 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex kumpannija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala fornitriċi ta’ servizzi ta’ trasport marittimu, hemm bżonn li hija tkun topera l-vapur li permezz tiegħu jsir dan it-trasport.

39

F’dan il-każ, Fonnship sostniet, b’risposta għall-allegazzjonijiet ta’ ST u ta’ SEKO msemmija fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, li hija kienet topera hija stess is-Sava Star matul il-perijodu rilevanti. Huwa fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk din l-affermazzjoni hijiex vera.

40

Jekk jiġi preżunt li minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li Fonnship għandha tiġi kklassifikata bħala l-fornitriċi tas-servizzi tat-trasport marittimu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u peress li ma huwiex ikkontestat li d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi kienu, f’dan il-każ, stabbiliti fi Stat parti mill-Ftehim ŻEE li ma huwiex ir-Renju tan-Norveġja, il-qorti tar-rinviju jkollha tasal għall-konklużjoni li din il-kumpannija taqa’, għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 4055/86, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu.

41

F’dan il-każ, kwalunkwe restrizzjoni li kienet, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, tali li tipprojbixxi, li xxekkel jew li trendi inqas attraenti l-provvista tal-imsemmija servizzi għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, meta huwa applikabbli, ir-Regolament Nru 4055/86 essenzjalment jittrasponi r-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ġurisprudenza relattiva għal dawn (sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C‑381/93, EU:C:1994:370, punti 13 u 16; Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2002:100, punti 9 u 10; Sea-Land Service u Nedlloyd Lijnen, EU:C:2002:364, punti 31 u 32; Geha Naftiliaki et, C‑435/00, EU:C:2002:661, punti 20 u 21; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑18/09, EU:C:2010:58, punt 12). Din il-ġurisprudenza tinkludi dik, stabbilita mis-sentenza Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809), dwar il-kompatibbiltà ta’ azzjonijiet sindakali mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

42

L-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4055/86 bl-ebda mod ma hija affettwata mill-fatt li l-vapur li jwettaq it-trasport marittimu inkwistjoni u li fuqu huma impjegati l-ħaddiema li favurihom saru l-imsemmija azzjonijiet sindakali, iġorr bandiera ta’ pajjiż terz u lanqas mill-fatt li l-membri tal-ekwipaġġ tal-vapur huma, bħal f’dan il-każ, ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

43

Fil-fatt, sabiex japplika l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86, huwa suffiċjenti li l-fornitur tas-servizz ta’ trasport marittimu jkun ċittadin ta’ Stat parti mill-Ftehim ŻEE stabbilit fi Stat parti mill-Ftehim ŻEE li ma huwiex dak tad-destinatarju ta’ dan is-servizz.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4055/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat parti mill-Ftehim ŻEE u proprjetarja ta’ vapur, li jġorr il-bandiera ta’ pajjiż terz, li permezz tiegħu huma pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu minn Stat parti minn dan il-ftehim jew lejn tali Stat, tista’ tinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sakemm hija tkun tista’ tiġi kklassifikata, minħabba li topera dan il-vapur, bħala l-fornitriċi ta’ dawn is-servizzi u sakemm id-destinatarji tagħhom ikunu stabbiliti fi Stati partijiet mill-imsemmi ftehim li ma huwiex l-Istat fejn l-imsemmija kumpannija hija stabbilita.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, u proprjetarja ta’ vapur, li jġorr il-bandiera ta’ pajjiż terz, li permezz tiegħu huma pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu minn Stat parti minn dan il-ftehim jew lejn tali Stat, tista’ tinvoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sakemm hija tkun tista’ tiġi kklassifikata, minħabba li topera dan il-vapur, bħala l-fornitriċi ta’ dawn is-servizzi u sakemm id-destinatarji tagħhom ikunu stabbiliti fi Stati partijiet mill-imsemmi ftehim li ma huwiex l-Istat fejn l-imsemmija kumpannija hija stabbilita.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.