SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ April 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Kodiċi TARIC 7019 59 00 10 u 7019 59 00 90 — Regolamenti li jimponu dazji antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw miċ-Ċina — Verżjonijiet lingwistiċi diverġenti — Obbligu ta’ ħlas tad-dazji antidumping”

Fil-Kawża C‑74/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

GSV Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-Alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot, u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó kif ukoll minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn M. Germani, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem it-“TARIC”), stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GSV Kft. (iktar ’il quddiem “GSV”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-Alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága (Direttorat Ġenerali tad-Dwana u l-Finanzi għar-Reġjun ta’ Alföld-Nord tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxi u d-Dwana) dwar il-ħlas ta’ dazji antidumping li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011, tas-16 ta’ Frar 2011, li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 43, p. 9), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011, tat-3 ta’ Awwissu 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 204, p. 1).

Il-kuntest ġuridiku

Is-sistema armonizzata u n-nomenklatura magħquda

3

In-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) hija bbażata fuq is-sistema armonizzata dinjija għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti, imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata tad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li fiha jinsabu r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

[…]

(b)

Kwalunkwe referenza f’intestatura għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skond il-prinċipji tar-regola numru 3.

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[…]”

5

It-tieni parti tan-NM tinkludi l-Kapitolu 59, intitolat “Drappijiet ta’ tessuti mimlijin b’sustanza oħra (impregnated), miksijin, mgħottijin jew laminati; oġġetti ta’ tessuti ta’ tip tajbin għal użu industrijali”, li jinsab fit-Taqsima XI, imsejħa “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”, li jinkludi l-intestatura 5911 20 00, li hija fformulata kif ġej:

5911

Prodotti u oġġetti ta’ tessuti, għal użi tekniċi, speċifikati f’nota 7 għal dan il-kapitolu:

[…]

 

5911 20 00

Drapp tal-pezza, manifatturat jew le […]

- Drappijiet u feltri ta’ tessuti, bla truf jew armati b’mekkaniżmu li jgħaqqad, ta’ tip użat f’makni għall-manifattura tal-karta jew oħrajn simili (per eżempju, għal polpa jew siment ta’ l-asbestos) […]

6

In-nota 7(a) tal-Kapitolu 59 tan-NM tipprovdi:

“L-intestatura5911 tapplika għal dawn l-oġġetti, li ma jaqgħux taħt xi intestatura oħra tat-Taqsima XI:

 

prodotti ta’ tessuti bil-biċċa, maqtugħin għat-tul jew sempliċement maqtugħin f’forom rettangolari (inklużi kwadri) (ħlief dawk li għandhom il-karatteristiċi tal-prodotti ta’ l-intestaturi Nri 5908 sa 5910), dawn li ġejjin biss:

[…]

drapp tal-pezza;

[…]”

7

Il-Kapitolu 70 tan-NM, intitolat “Ħġieġ u oġġetti tal-ħġieġ”, jinkludi l-intestatura 7019 59, li hija fformulata kif ġej:

7019

Fibri ta’ ħġieġ (inkluż suf minerali) u oġġetti tiegħu (per eżempju, ħjut, fibri minsuġin):

- Biċċiet żgħar, ftietel, ħjut u trofof imqattgħin:[…]

 

- Folji rqaq (voiles), xbieki, twapet, saqqijiet, twavel u prodotti oħrajn simili mhux minsuġin:

[…]

 

7019 59

- Oħrajn

--- Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2

It-tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej

8

Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 2658/87 tistabbilixxi:

“Billi xi miżuri partikulari tal-Komunità ma jistgħux jitħaddmu fil-qafas ta’ [NM]; Billi għalhekk jenħtieġ li jinħolqu sub-diviżjonijiet oħra Komunitarji u li dawn jinġabru f’tariffa magħquda [integrata] tal-Komunitajiet Ewropej (Taric); […]”

9

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“[TARIC], li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjponi.

It-Tariffa għandha tkun ibbażata fuq in-[NM] u jkun fiha:

(a)

il-miżuri li jinsabu f’dawn ir-Regolamenti;

(b)

is-suddiviżjonijiet Komunitarji addizzjonali, msejħa ”Subartikoli tat-TARIC”, li huma meħtieġa għall-implimetazzjoni ta’ miżuri Komunitarji speċifiċi mniżżla fl-Anness II;

[…]”

10

Bl-għan li tistabbilixxi dazju antidumping provviżorju, il-Kummissjoni daħħlet fit-TARIC il-kodiċi 7019 59 00 10, li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mal-istabbiliment ta’ dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament Nru 138/2011, huwa fformulat kif ġej:

“Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2”.

11

Il-kodiċi TARIC 7019 59 00 10, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mal-istabbiliment ta’ dazji antidumping definittivi skont ir-Regolament Nru 791/2011, jinkludi ż-żieda li tgħid li huma esklużi minn din l-intestatura tarriffarja d-“diski tal-fibreglass”.

12

Il-kodiċi TARIC 7019 59 00 90 huwa ddefinit kif ġej:

“Oħrajn”.

Ir-Regolament Nru 138/2011

13

Il-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 138/2001 jindikaw dan li ġej:

“(14)

Il-prodott ikkonċernat huwa drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2 li jorġina [mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina] li bħalissa jaqa’ fil-kodiċi NM ex 7019 40 00, ex 7019 51 00, ex 7019 59 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99.

(15)

Id-drappijiet b’malja miftuħa huma magħmulin minn ħjut tal-fibra tal-ħġieġ u jistgħu jinstabu f’qisien ta’ ċelloli u piżijiet differenti għal kull metru kwadru. L-aktar li jintużaw hu fil-materjali tat-tisħiħ fis-settur tal-bini (insulazzjoni bmali esterna, tisħiħ tal-irħam/tal-art, tiswija tal-ħitan).”

14

L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dazju provviżroju ta’ antidumping hu hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2, li bħalissa huma fil-kodiċi tan-NM ex 7019 40 00, ex 7019 51 00, ex 7019 59 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99 (il-kodiċi tat-TARIC 7019 40 00 11, 7019 40 00 21, 7019 40 00 50, 7019 51 00 10, 7019 59 00 10, 7019 90 91 10 u 7019 90 99 50) u li joriġinaw mir- Repubblika Popolari taċ-Ċina.”

Ir-Regolament Nru 791/2011

15

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 791/2011 jindika:

“B’dan, qed jiġi impost dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibreglass, li bħalissa jinsabu fil-kodiċijiet tan-NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet tat-TARIC 7019 51 00 10 u 7019 59 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.”

Il-Kodiċi Doganali

16

L-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) jindika:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2.   Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis-17 u t-30 ta’ Marzu 2011, GSV talbet it-tqegħid f’ċirkulazzjoni libera ta’ prodott tad-drapp tal-fibra tal-ħġieġ li joriġina miċ-Ċina, li hija ddikjarat taħt il-kodiċi TARIC 7019 59 00 90.

18

In-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Hajdú-Bihar Megyei Vám- és Pénzügyőri Igazgatósága (Direttorat tad-Dwana u tal-Finanzi għad-dipartiment ta’ Hajdú-Bihar tal-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxi u tad-dwana) qies li l-prodott ikkonċernat kien jaqa’ taħt il-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 minħabba li dan kellu l-karatteristiċi deskritti f’din l-intestatura, jiġifieri drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen iktar minn 35 g/m2, u għaldaqstant ma kellhiex tiġi applikata l-intestatura tariffarja 7019 59 00 90 tat-TARIC użata minn GSV fid-dikjarazzjoni doganali tagħha.

19

Bħala konsegwenza ta’ din il-klassifikazzjoni, l-awtoritajiet doganali Ungeriżi qiesu li l-prodott inkwistjoni kien suġġett għal dazju antidumping provviżorju previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 138/2011, u sussegwentement għal dazju definittiv previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 791/2011, u ordnaw lil GSV sabiex tħallas l-imsemmija dazji antidumping.

20

GSV ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-Alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága, billi sostniet li l-prodott li hija kienet timporta kellu jiġi kklassifikat fl-intestatura tariffarja 7019 59 00 90 tat-TARIC sa fejn dan ma jikkorrispondix għall-kelma “szitaszövet” kif użata fil-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tal-imsemmija regolamenti u tal-kodiċi TARIC 7019 59 00 10. Il-kelma Ungeriża “szitaszövet” tfisser, b’mod partikolari, bil-lingwa Ingliża “bolting cloth” u bil-lingwa Franċiża “gazes et toiles à bluter” [drapp tal-pezza], filwaqt li l-kliem użat fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u Franċiża tal-imsemmi kodiċi TARIC huma ta’ “open mesh fabrics” u ta’ “tissu à maille ouverte”, li t-traduzzjoni tagħhom bil-lingwa Ungeriża tikkorrispondi għal “hálós szövet”.

21

Billi l-konvenut fil-kawża prinċipali kkonferma l-imsemmija deċiżjoni, GSV ressqet azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju intiża sabiex tiġi ddikjarata illegali l-klassifikazzjoni tariffarja miżmuma mill-awtoritajiet doganali Ungeriżi u sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tad-deċiżjonijiet meħuda minnhom.

22

Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li l-prodott inkwistjoni ma huwiex “szitaszövet”.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-debreceni Közigsxgatási és Munkaügyi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Jista’ jitqies li prodott:

ta’ kulur abjad,

f’forma rettangolari,

magħmul mid-drapp,

li n-nisġa tiegħu tiegħu hija magħmula minn ħajt imdawwar,

u li n-nisġa tiegħu hija magħmula minn żewġ ħajtiet,

liema, filwaqt li jikkoinċidu ma xulxin, idawwru l-medd,

id-drapp għandu toqob ta’ daqs ta’ 4 x 4 mm,

u għandu superfiċje ta’ 100 x 201 cm,

u li huwa magħmul minn fibri tal-ħġieġ,

magħmula minn materjal sintetiku, jiġifieri styrene acrylic copolymer,

id-drapp ma huwiex magħmul mill-fettul,

jiżen 136 g/m2,

b’densità tal-medd ta’ 415 tex fir-rigward tal-medd,

b’densità tan-nisġa ta’ 132 tex fir-rigward tal-ħajt tan-nisġa,

jissodisfa l-karatteristiċi ddefiniti fil-premessa 14 u fl-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 138/2011], li jikkonsistu fi

drapp tax-xibka [drapp b’malja miftuħa]

f’fibra tal-ħġieġ

ta’ daqs ta’ ċellola ta’ tul u ta’ wisa’ ta’ iktar minn 1.8 mm

u li l-piż tagħha huwa iktar minn 35 g/m2,

u, konsegwentement, il-Kodiċi TARIC 7019 59 00 10 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodott deskritt iktar ’il fuq huwa inkluż fil-Kodiċi TARIC, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-klassifikazzjoni tat-tariffi u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, huwa possibbli, abbażi tad-dritt Komunitarju, li persuna fiżika jew ġuridika ma tkunx dovuta tħallas id-dazju antidumping, li tafda fil-kliem tal-leġiżlazzjoni kif ippubblikata fil-lingwa nazzjonali tagħha — mingħajr ma tiżgura li hemm tifsiriet potenzjalment differenti f’verżjonijiet lingwistiċi oħra — abbażi tal-fehim ġenerali u magħruf tal-leġiżlazzjoni fil-lingwa ta’ dik il-persuna, timporta fit-territorju tal-Unjoni Ewropea prodott immanifatturat barra dan it-territorju li, skont il-verżjoni tal-lingwa tal-persuna, ma jaqax fil-kategorija ta’ prodotti suġġetti għad-dazju antidumping, anki fil-każ li, abbażi ta’ paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-leġiżlazzjoni tad-dritt Komunitarju, din tal-aħħar tissuġġetta l-imsemmi prodott għal dazju antidumping?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt din l-intestatura prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma magħmula, b’mod partikolari, minn drapp tal-fibra tal-ħġieġ ta’ daqs ta’ ċellola ta’ 4mm sew fit-tul u anki fil-wisa’, u li jiżen 136 g/m2.

25

Jaqgħu taħt din l-intestatura tariffarja, skont il-verżjoni tagħha bil-lingwa Franċiża, id-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu iktar minn 35 g/m2.

26

Madankollu, il-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tal-imsemmija intestatura tariffarja hija differenti mit-test muri fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti, u dan sa fejn din tuża l-kelma “szitaszövet”, li bil-lingwa Franċiża tfisser “gazes et toiles à bluter” [drapp tal-pezza] u mhux “tissu à maille ouverte” [drapp b’malja miftuħa].

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-fatt għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dak li jikkonċerna l-verżjonijiet tal-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 bil-lingwi l-oħra tal-Unjoni, minbarra l-verżjoni bil-lingwa Ungeriża, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirreferu b’mod espliċitu, bħalma jiġri fil-verżjoni Franċiża kif riprodotta fil-punt 26 tas-sentenza preżenti, għal “drapp b’malja miftuħa” u mhux għal “drapp tal-pezza”. B’mod indikattiv, il-verżjoni bil-lingwa Spanjola tuża “tejidos de malla abierta”, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tuża l-kliem “offenmaschige Gewebe”, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ssemmi “open mesh fabrics”, il-verżjoni bil-lingwa Pollakka tuża l-kliem “tkaniny siatkowe o otwartych” u l-verżjoni bil-lingwa Svediża ssemmi “öppna maskor”.

29

Il-formulazzjoni tal-kodiċi TARIC 7019 59 00 10, fil-verżjonijiet imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, b’hekk tissuġġerixxi li din l-intestatura tariffarja ma hijiex intiża sabiex tapplika għall-“drapp tal-pezza”.

30

L-istruttura ġenerali u l-għan tal-imsemmija intestatura tariffarja jikkorroboraw din il-konklużjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-intestatura 7019 tan-NM ssemmi l-fibri ta’ ħġieġ, inkluż suf minerali, u oġġetti tiegħu, b’mod partikolari l-ħjut u l-fibri minsuġin, u b’hekk tindika esklużivament prodotti li l-karatteristika prinċipali tagħhom tinsab fil-fatt li dawn huma magħmula mill-fibra tal-ħġieġ. Minn dan jirriżulta li l-karatteristika li tirrigwarda l-fatt li d-drapp ikun b’malja miftuħa għandha bilfors tinqara flimkien ma’ dik li tgħid li d-drapp għandu jkun tal-fibra tal-ħġieġ.

31

Issa, il-kliem “gazes et toiles à bluter” (drapp tal-pezza) għandu jinftiehem fis-sens abitwali tal-lingwaġġ ta’ kuljum tal-verb “bluter”, li jindika l-azzjoni li wieħed jagħrbel, u għaldaqstant, jiffiltra u jelimina, filwaqt li l-fibra tal-ħġieġ hija kkaratterizzata, għall-kuntrarju, mill-proprjetajiet ta’ tisħiħ u ta’ iżolazzjoni tagħha, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 138/2011.

32

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-“d-drapp tal-pezza” huwa msemmi b’mod espress, inkluż fil-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tan-NM, permezz tal-intestatura 5911 tan-NM, intitolata “Prodotti u oġġetti ta’ tessuti, għal użi tekniċi, speċifikati f’nota 7 għal dan il-kapitolu”. Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija nota 7(a) tal-Kapitolu 59 tan-NM tindika, b’mod espliċitu, li l-intestatura 5911 tinkludi b’mod partikolari d-“drapp tal-pezza”, li huwa għaldaqstant meqjus bħala li ma jaqax taħt intestaturi oħra tat-Taqsima XI tan-NM, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. Minn dan jirriżulta li d-“drapp tal-pezza” ma jistax jaqa’ iktar taħt it-Taqsima XIII tan-NM, intitolata “Oġġetti tal-ġebel, ġibs, siment, asbestos, mika jew materjali simili; prodotti ta’ ċeramika; ħġieġ u oġġetti tal-ħġieġ”, li taħtha taqa’ l-intestatura 7019 tan-NM.

33

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 ġie stabbilit sabiex jiġi istitwit dazju antidumping li jolqot, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tar-Regolamenti Nri 138/2011 u 791/2011, ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw miċ-Ċina.

34

Minn dan isegwi li kull interpretazzjoni kuntrarja, bħal dik invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tkun tevadi l-miżuri antidumping stabbiliti.

35

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-intestatura tariffarja 7019 59 00 10 tat-TARIC għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha d-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li tiżen iktar minn 35 g/m2.

36

Fir-rigward, sussegwentement, tal-punt dwar jekk il-karatteristiċi tal-prodott importat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jikkorrispondux għall-karatteristiċi kollha tal-imsemmija intestatura tariffarja, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha tkun li tagħti informazzjoni lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li l-implementazzjoni tagħha tippermetti lil din tal-aħħar sabiex tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM u mhux li hija stess twettaq din il-klassifikazzjoni, u dan iktar u iktar peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex neċessarjament l-informazzjoni kollha indispensabbli f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-qorti nazzjonali tidher, fi kwalunkwe każ, li tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Proxxon, C‑500/04, EU:C:2006:111, punt 23, kif ukoll Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 61).

37

Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli u sabiex tkun tista’ tagħmel il-klassifikazzjoni tariffarja li hija mitluba tagħmel, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali u fid-dawl tal-informazzjoni esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li hija tqis neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 28, kif ukoll Pärlitigu, C‑56/08, EU:C:2009:467, punt 23).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Proxxon, EU:C:2006:111, punt 21; Rakvere Lihakombinaat, C‑140/08, EU:C:2009:667, punt 42, kif ukoll Digitalnet et, EU:C:2012:745, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward tal-ewwel karatteristika msemmija mill-kodiċi TARIC 7019 59 00 10, jiġifieri l-fatt li d-drapp ikun tal-fibra tal-ħġieġ, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-elementi mgħoddija mill-qorti tar-rinviju b’risposta għal talba għal kjarifikazzjonijiet li saritilha skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ħajt li jifforma n-nisġa tad-drapp importat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa tal-fibra tal-ħġieġ.

40

Fir-rigward tat-tieni karatteristika li prodott fis-sens tal-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 għandu jkollu, jiġifieri li dan għandu jkun b’malja miftuħa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-prodott importat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa magħmul minn nisġa magħmula minn ħajt imdawwar u li n-nisġa tiegħu hija magħmula minn żewġ ħajtiet, liema, filwaqt li jikkoinċidu ma’ xulxin, idawru l-medd, ma għandux rilevanza fuq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodott inkwistjoni peress li dan, hekk kif jirriżulta mill-elementi mgħoddija mill-qorti tar-rinviju, effettivament għandu toqob ta’ daqs ta’ 4 mm b’4 mm.

41

Din l-intestatura tariffarja sussegwentement teħtieġ li d-drapp b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ikollu daqs ta’ ċellola ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jkun jiżen iktar minn 35 g/m2.

42

Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, il-prodott iddikjarat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lill-awtoritajiet doganali Ungeriżi huwa magħmul minn drap li t-toqob tiegħu huma, kif indikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ta’ daqs ta’ 4 mm b’4 mm u piż ta’ 136 g/m2.

43

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-użu li għalih il-prodott huwa intiż jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja, sakemm dan ikun inerenti għal dan il-prodott u din l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft, C‑229/06, EU:C:2007:239, punt 28; Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punt 37, kif ukoll TNT Freight Management, C‑291/11, EU:C:2012:459, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 138/2011, drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ intiż għall-użu bħala materjal tat-tisħiħ fis-settur tal-bini, jiġifieri, għall-insulazzjoni termali esterna, it-tisħiħ tal-irħam jew tal-art, u t-tiswija tal-ħitan.

45

Mill-elementi mgħoddija mill-qorti tar-rinviju b’risposta għat-talba għal kjarifikazzjonijiet imsemmija fil-punt 39 tas-sentenza preżenti wkoll jirriżulta li l-prodott importat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa intiż għall-qasam tal-kostruzzjoni.

46

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jaqgħu taħt din l-intestatura prodotti bħalma huma dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, magħmula b’mod partikolari minn drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, b’toqob li d-daqs taċ-ċellola tagħhom huwa ta’ 4 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’, li jiżnu iktar minn 35 g/m2 u huma intiżi għall-qasam tal-kostruzzjoni.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li ssir taf jekk il-fatt li l-prodott imsemmi fid-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li jissodisfa l-karatteristiċi kollha previsti bil-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 u li jinsabu wkoll fir-regolamenti li jissuġġettawh għad-dazji antidumping, ma jikkorrispondix għall-isem mogħti lilu f’dan il-kodiċi u f’dawn ir-regolamenti kif ippubblikati bil-lingwa tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni u li fuqhom din tal-aħħar ibbażat id-dikjarazzjoni tagħha b’mod esklużiv, jistax iwassal għall-annullament tal-klassifikazzjoni tariffarja taħt l-imsemmi kodiċi li l-awtoritajiet doganali wettqu billi bbażaw ruħhom fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-istess kodiċi u tal-imsemmija regolamenti.

48

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet tal-lingwi kollha tal-Unjoni.

49

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, il-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt din l-intestatura prodott magħmul, b’mod partikolari, minn drappijiet tal-fibra tal-ħġieġ, li għandhom toqob b’ċellola ta’ 4 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’, li jiżen iktar minn 35 g/m2 u huwa intiż għall-qasam tal-kostruzzjoni.

50

Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn il-prodott importat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkun jikkorrispondi għad-deskrizzjoni tal-prodott suġġett għad-dazji antidumping skont ir-Regolamenti Nri 138/2011 u 791/2011, l-importazzjoni tiegħu fi ħdan l-Unjoni għandha tkun suġġetta għall-ħlas ta’ dawn id-dazji.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiġu kkritikati talli kklassifikaw l-imsemmi prodott taħt l-intestatura tarriffarja 7019 59 00 10 tat-TARIC.

52

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq huma bla ħsara għall-eventwali rimbors jew l-eventwali tnaqqis tal-imsemmija dazji antidumping b’applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, dejjem jekk il-kundizzjonijiet imsemmija hemmhekk ikunu ssodisfatti.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li l-prodott imsemmi fid-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li jissodisfa l-karatteristiċi previsti bil-kodiċi TARIC 7019 59 00 10 u li jinsabu wkoll fir-regolamenti li jissuġġettawh għal dazji antidumping, ma jikkorrispondix għall-isem li huwa mogħti f’dan il-kodiċi u f’dawn ir-regolamenti kif ippubblikati bil-lingwa tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-persuna li twettaq id-dikjarazzjoni u li fuqhom, din tal-aħħar ibbażat ruħha fid-dikjarazzjoni tagħha, b’mod esklużiv, ma jistax iwassal għall-annullament tal-klassifikazzjoni tariffarja tiegħu taħt l-imsemmi kodiċi li l-awtoritajiet doganali wettqu billi bbażaw ruħhom fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-istess kodiċi u tal-imsemmija regolamenti.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, għandha tiġi interpretata fis-sens li jistgħu jaqgħu taħt il-kodiċi tagħha 7019 59 00 10 prodotti bħalma huma dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, magħmula b’mod partikolari minn drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, b’toqob li d-daqs taċ-ċellola tagħhom huwa ta’ 4 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’, li jiżnu iktar minn 35 g/m2 u huma intiżi għall-qasam tal-kostruzzjoni.

 

2)

Il-fatt li l-prodott imsemmi fid-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li jissodisfa l-karatteristiċi previsti bil-kodiċi 7019 59 00 10 tat-tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej u li jinsabu wkoll fir-regolamenti li jissuġġettawh għal dazji antidumping, ma jikkorrispondix għall-isem li huwa mogħti f’dan il-kodiċi u f’dawn ir-regolamenti kif ippubblikati bil-lingwa tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-persuna li twettaq id-dikjarazzjoni u li fuqhom, din tal-aħħar ibbażat ruħha fid-dikjarazzjoni tagħha, b’mod esklużiv, ma jistax iwassal għall-annullament tal-klassifikazzjoni tariffarja tiegħu taħt l-imsemmi kodiċi li l-awtoritajiet doganali wettqu billi bbażaw ruħhom fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-istess kodiċi u tal-imsemmija regolamenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.