Kawża C‑38/13
Małgorzata Nierodzik
vs
Samodzielny Publiczny Psychiatryczny Zakład Opieki Zdrowotnej im. dr Stanisława Deresza w Choroszczy
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP — Klawżola 4 — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ — Perijodu ta’ preavviż ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat — Differenza fit-trattament mal-ħaddiema għal żmien indeterminat”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014
Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Direttiva 1999/70 – Kundizzjonijiet ta’ impjieg – Kunċett – Perijodu ta’ preavviż ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat – Inklużjoni
(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))
Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Direttiva 1999/70 – Ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol – L-istess xogħol – Kunċett – Ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Natura tax-xogħol, kundizzjonijiet tat-taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali
(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżoli 3(2) u 4(1))
Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ perijodi ta’ preavviż differenti għar-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità tal-ħaddiem – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tul u fuq l-istabbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))
Il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, huwa dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah. Interpretazzjoni tal-imsemmija klawżola li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg il-kundizzjonijiet ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bħalma huwa perijodu ta’ preavviż, twassal sabiex tnaqqas, għad-detriment tal-għan assenjat lill-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet.
(ara l-punti 25, 27)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 31-33)
Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għar-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ iktar minn sitt xhur, il-possibbiltà li jiġi applikat perijodu ta’ preavviż fiss ta’ ġimagħtejn indipendentement mill-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat, filwaqt li l-perijodu ta’ preavviż għar-rexissjoni fil-każ tal-kuntratti għal żmien indeterminat jiġi stabbilit skont l-anzjanità tal-ħaddiem ikkonċernat u jista’ jvarja minn ġimagħtejn sa tliet xhur, meta dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.
Differenza fit-trattament, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tiġi ġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg, waħedha, hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza fit-trattament jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, peress li l-użu ta’ tali kriterju jwassal sabiex tkun ipperpetwata ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat. Bl-istess mod, l-istabbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa intiż li jippromwovi ma tistax tikkostitwixxi raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.
(ara l-punti 38-40 u d-dispożittiv)