SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Appell — Indikazzjonijiet ġeografiċi protetti — Regolament (KE) Nru 1234/2007 — Reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-Indikazzjonijiet ġeografiċi protetti relatati mal-inbejjed — Database E-Bacchus — Tokaj”

Fil-Kawża C‑31/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2013,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u B. Schima kif ukoll minn B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, l-Ungerija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta’ Novembru 2012, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑194/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli rikors tagħha intiż għall-annullament tar-reġistrazzjoni, tas-26 ta’ Frar 2010, tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Vinohradnícka oblasť Tokaj” (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni inkwistjoni”), li hija mniżżla, bl-Islovakkja bħala l-pajjiż tal-oriġini, fir-reġistru elettroniku tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti relatati mal-inbejjed (iktar ’il quddiem id-“database E‑Bacchus”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999

2

L-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25), kien jipprovdi:

“1.   Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (‘inbejjed ta’ kwalità psr’) għandha tfisser inbejjed li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu u mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali adottati f’dan ir-rigward.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista ta’ l-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu irrikonoxxew, għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta’ kwalità psr, dettalji dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura ta’ dawk l-inbejjed ta’ kwalità psr.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista fis-Serje ‘C’ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

3

Dan ir-regolament tħassar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 148, p. 1).

Ir-Regolamenti (KE) Nru 479/2008 u (KE) Nru 1234/2007

4

Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 479/2008 kienet tiddikjara li kien “jeħtieġ li jinbidel ir-reġim Komunitarju applikabbli għas-settur ta’ l-inbid”.

5

Il-premessa 36 ta’ dan ir-regolament kienet fformulata kif ġej:

“Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li diġà jeżistu fil-Komunità għandhom ikunu eżenti mill-applikazzjoni tal-proċedura l-ġdida ta’ eżaminar. Madankollu, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif bażiku u l-atti li permezz tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti fil-livell nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ dan, il-prodotti kkonċernati għandhom jitilfu l-protezzjoni tagħhom bħala denominazzjonijiet ta’ l-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jkun limitat l-ambitu ta’ applikazzjoni għat-tħassir ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti.”

6

Abbażi tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 479/2008, l-ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandhom ikunu protetti awtomatikament skont dan ir-regolament.

7

Ir-Regolament Nru 479/2008 tħassar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 154, p. 1), b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009.

8

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 491/2009 jipprovdi li r-referenzi għar-Regolament imħassar, jiġifieri r-Regolament Nru 479/2008, għandhom jiġu interpretati bħala li jkunu referenzi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1140/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 312, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”), u għandhom jinqraw skont it-tabelli ta’ korrelazzjoni rispettivi stabbiliti fl-Anness XXII għal dak ir-Regolament.

9

L-imsemmija tabelli ta’ korrelazzjoni jenfasizzaw li l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 479/2008 jikkorrispondi għall-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007.

10

B’hekk ir-Regolament Nru 1234/2007 b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 491/2009 u b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009, jinkorpora r-Regolament Nru 479/2008.

11

L-Artikolu 118i tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprovdi:

“Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi [...] li jew tingħata protezzjoni fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’din is-subtaqsima u li tkun kompatibbli mal-liġi Komunitarja, jew li tirrifjuta l-applikazzjoni meta dawk il-kondizzjonijiet ma jiġux sosdisfatti.”

12

L-Artikolu 118n tar-Regolament Nru 1234/2007 jiddikjara:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru elettroniku ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-inbid. Dan għandu jkun aċċessibbli pubblikament.”

13

L-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Ismijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti” huwa redatt kif ġej:

“1.   L-ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002, tad-29 ta’ April 2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid [...] għandhom ikunu protetti awtomatikament taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru previst fl-Artikolu 118n ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1, jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

il-fajls tekniċi […];

(b)

id-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni.

3.   L-ismijiet ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1, li għalihom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix ippreżentata sal-31 ta’ Diċembru 2011, m’għandhomx jibqgħu protetti taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-pass formali korrispondenti sabiex tneħħi dawn l-ismijiet mir-reġistru previst fl-Artikolu 118n.

4.   L-Artikolu 118r m’għandux japplika fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi sal-31 ta’ Diċembru 2014 [...] li tikkanċella l-protezzjoni tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118b.”

14

Fl-1 ta’ Awwissu 2009, skont l-Artikolu 118n tar-Regolament Nru 1234/2007, id-Database E-Bacchus issostitwixxiet il-pubblikazzjoni tal-listi tal-inbejjed ta’ kwalità psr f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-database fiha d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti tal-inbejjed li ġejjin minn Stati Membri abbażi tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi relatati mal-inbejjed li ġejjin minn pajjiżi terzi, protetti abbażi ta’ Ftehim bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u dawn il-pajjiżi terzi.

15

L-Artikolu 71(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, tal-14 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, p. 60) jiddikjara:

“Kwalunkwe deċiżjoni li tħassar denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika kkonċernata skont l-Artikolu 51(4) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 għandha tittieħed mill-Kummissjoni abbażi tad-dokumenti disponibbli għaliha skont l-Artikolu 51(2) ta’ dak ir-Regolament.”

16

L-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Nru 607/2009, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, jipprovdi:

“1.   Ismijiet ta’ nbid rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika sal-1 ta’ Awwissu 2009, li ma ġewx ippubblikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jew l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 753/2002, għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura li hemm dispożizzjoni dwarha fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008.

2.   Kwalunkwe emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott rigward ismijiet tal-inbid protetti skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, jew ismijiet tal-inbid mhux protetti skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, li ma kinitx [kienet] ippreżentata lill- [mill-]Istat Membru l-iktar tard fl-1 ta’ Awwissu 2009, għandha tkun soġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 jekk ikun hemm deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Istat Membru u fajl tekniku li hemm dispożizzjoni għalihom fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 kkommunikat lill-Kummissjoni l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2011.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

17

Fil-listi tal-inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Frar 2006 (ĠU C 41, p. 1) u fl-10 ta’ Mejju 2007 (ĠU C 106, p. 1) skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999, kienet tidher id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Vinohradnícka oblasť Tokaj” biex jiġi deskritt l-inbid li ġej mir-reġjun tal-inbid ta’ Tokaj fi Slovakkja. L-imsemmija denominazzjoni tal-oriġini protetta kienet ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki, li din id-denominazzjoni tal-oriġini protetta kienet tidher fl-Artikoli 8 u 34 tal-Liġi Nru 182/2005 dwar il-vitikultura u l-inbid (Zákon o vinohradníctve a vinárstve) tas-17 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 182/2005”).

18

Min-naħa l-oħra, l-aħħar lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikata fil-31 ta’ Lulju 2009 (ĠU C 187, p. 1), qabel l-introduzzjoni tad-database E-Bacchus, kienet issemmi, bil-kontra tal-listi ta’ qabel, id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť” u riferiment għad-Digriet Nru 237/2005 tal-Ministeru tal-Agrikoltura Slovakka, li tispeċifika l-modalitajiet ta’ għoti tad-drittijiet għat-tħawwil u li timplementa ċerti dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi Nru 182/2005 (Vyhláška Ministerstva pôdohospodárstva Slovenskej republiky, ktorou sa ustanovujú podrobnosti o podmienkach udeľovania výsadbových práv a ktorou sa vykonávajú niektoré ďalšie ustanovenia zákona č. 182/2005 Z. z. o vinohradníctve a vinárstve), tat-13 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem id-“Digiret Nru 237/2005”). Din l-emenda twettqet fuq it-talba tal-Gvern Slovakk.

19

Fl-1 ta’ Awwissu 2009, id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť” ġiet irreġistrata fuq id-database E-Bacchus.

20

Fit-30 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Slovakki indirizzaw ittra lill-Kummissjoni li biha huma talbuha tissostitwixxi, f’din id-database, id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť” permezz tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Vinohradnícka oblasť Tokaj”, jiġifieri d-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokaj”. Insostenn tat-talba tagħhom, huma indikaw li dawn l-ismijiet kienu dawk li kienu jidhru effettivament fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2009, jiġifieri fil-Liġi Nru 182/2005 u d-Digriet Nru 237/2005.

21

F’ittra indirizzata lill-awtoritajiet Slovakki fit-18 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni kkonstatat li l-espressjoni “Vinohradnícka oblasť Tokaj” biss kienet tidher f’dawn id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, hija ċaħdet it-talba tal-gvern Slovakk li tirreġistra d-denominazzjoni tal-oriġini “Tokaj” fl-imsemmija database. Fil-fehma tagħha, il-kelma “Tokaj” ma kinitx tidher waħedha fid-dispożizzjonijiet nazzjonali, iżda bħala element ta’ espressjonijiet kompost minn diversi kliem, bħal “Vinohradnícka oblasť Tokaj”, “Akostné víno pochádzajúce z vinohradníckej oblasti Tokaj” jew ukoll “Tokajské víno”.

22

Fis-26 ta’ Frar 2010, min-naħa l-oħra, meta ħadet nota tal-argumenti l-oħra avvanzati mill-awtoritajiet Slovakki, fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni emendat, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet Slovakki fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2009, l-informazzjoni li kienet tinsab fid-database E‑Bacchus biex din tal-aħħar tikkonforma mal-kliem eżatt tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u, għaldaqstant, hija għamlet ir-reġistrazzjoni inkwistjoni.

23

F’ittra tal-5 ta’ Marzu 2010 indirizzata lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi kkontestaw din ir-reġistrazzjoni. Huma sostnew li d-denominazzjoni tal-oriġini korretta hija “Tokajská vinohradnícka oblasť” u mhux “Vinohradnícka oblasť Tokaj”. Huma għamlu riferiment għal-leġiżlazzjoni Slovakka fuq l-inbejjed, jiġifieri il-Liġi Nru 313/2009 dwar il-vitikultura u l-inbid (Zákon o vinohradníctve a vinárstve), tat-30 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 313/2009”) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009, li fiha kienet tidher l-espressjoni “Tokajská vinohradnícka oblasť”.

24

Fis-27 ta’ April 2010, il-Parlament Slovakk adotta liġi ġdida li tħassar il-Liġi Nru 313/2009 u li tintroduċi d-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokaj”. Din il-liġi l-ġdida daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2010, l-Ungerija bdiet azzjoni intiża għall-annullament tar-reġistrazzjoni inkwistjoni.

26

Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Settembru 2010, ir-Repubblika Slovakka ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni.

27

Matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi argumentat li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2010, Abadía Retuerta vs UASI (CUVÉE PALOMAR) (T-237/08, Ġabra p. II-1583, punt 101), hija argumentat li l-protezzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Vinohradnícka oblasť Tokaj”, kienet issib is-sors tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Slovakka, b’tali mod li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma kellhiex effetti legali.

28

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-Ungerija bħala inammissibbli minħabba li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma kinitx tipproduċi effetti legali u ma kinitx, għaldaqstant, “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq in-natura awtomatika tal-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed li huma diġà protetti taħt ir-Regolament Nru 1493/1999, stabbilita permezz tal-Artikolu 118s(1) tar-Regolament Nru 1234/2007. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 21 tas-sentenza appellata, bil-kliem li ġej:

“Jirriżulta min-natura awtomatika tal-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed li huma diġà pprotetti taħt ir-Regolament Nru 1493/1999 stabbilita permezz tal-Artikolu 118s(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 [...] li, fir-rigward tal-imsemmija ismijiet tal-inbejjed, ir-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus mhux meħtieġa biex dawn l-ismijiet tal-inbejjed jibbenefikaw minn protezzjoni fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, l-ismijiet tal-inbejjed inkwistjoni huma pprotetti ‘awtomatikament” taħt ir-Regolament Nru 1234/2007 [...], mingħajr ma’ din il-protezzjoni tiddipendi fuq ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmija database. Din ir-reġistrazzjoni hija biss konsegwenza tat-tranżizzjoni awtomatika ta’ protezzjoni li diġà teżisti minn sistema ta’ regolamenti għal oħra, u mhux kundizzjoni għal din il-protezzjoni. Jirriżulta li, sa fejn id-denominazzjoni tal-oriġini protetta ‘Vinohradnícka oblast” Tokaj’ tagħmel parti mill-ismijiet tal-inbejjed diġà protetti taħt ir-Regolament Nru 1493/1999, ir-reġistrazzjoni tagħha fid-database E-Bacchus ma kinitx neċessarja biex din id-denominazzjoni tal-oriġini protetta tibbenefika minn protezzjoni fil-livell tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-protezzjoni taħt ir-Regolament Nru 1493/1999, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, qieset li “l-protezzjoni Komunitarja tal-ismijiet ta’ nbejjed li hija stabbilita permezz [tal-imsemmi regolament], kienet ibbażata fuq l-ismijiet tal-inbejjed kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament. Din il-protezzjoni ma kinitx tirriżulta minn proċedura Komunitarja awtonoma u lanqas minn mekkaniżmu li abbażi tiegħu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rikonoxxuti mill-Istati Membri kienu ġew inkorporati f’att Komunitarju vinkolanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abadía Retuerta vs UASI (CUVÉE PALOMAR), iċċitata iktar ’il fuq, punt 97]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-konklużjoni ma titqiegħedx f’dubju la mill-pubblikazzjoni żbaljata tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť” fil-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-31 ta’ Lulju 2009, u lanqas bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 313/2009.

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li pubblikazzjoni żbaljata fis-Serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, minħabba n-natura informattiva tagħha, “ma tqiegħedx f’dubju l-protezzjoni li jagħti r-Regolament Nru 1493/1999 lid-denominazzjonijiet tal-oriġini li jibbenefikaw minn protezzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni Slovakka, inkluż l-isem ‘Vinohradnícka oblast” Tokaj’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 28 tas-sentenza tagħha, li l-Liġi Nru 313/2009, li ħassret il-Liġi Nru 182/2005 u d-Digriet Nru 237/2005 u li tipprovdi li t-territorju tal-inbid Slovakk jinkludi s-suddiviżjoni “Tokajská vinohradnícka oblasť”, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009, minkejja li, għar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus, il-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2009 biss kienu rilevanti.

33

Barra minn hekk, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Ungerija li l-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 607/2009 kellu jiġi applikat, billi din id-dispożizzjoni timplika l-eżistenza ta’ speċifikazzjonijiet tal-prodott marbutin mal-ismijiet tal-inbejjed. Hija qieset li l-Liġi Nru 313/2009 ma kinitx tista’ titqies li hija emenda li tikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-denominazzjonijiet inkwistjoni, għaliex, fid-data tal-emenda tad-database E-Bacchus, jiġifieri fis-26 ta’ Frar 2010, ir-Repubblika Slovakka ma ttrażmettiet lill-Kummissjoni l-ebda speċifikazzjoni tal-prodott li tikkonċerna d-denominazzjoni “Vinohradnícka oblasť Tokaj” jew “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť”.

34

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti l-oħra mressqin mill-Ungerija insostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha.

35

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-importanza tad-database E-Bacchus bħala sorsi ta’ informazzjoni għat-terzi kkonċernati għandha titqies li hija tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija funzjoni ta’ informazzjoni ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni tal-imsemmija terzi, l-infurzabbiltà ta’ miżuri nazzjonali li għalihom ir-Repubblika Slovakka ħolqot din il-protezzjoni li tirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Slovakka u mhux mir-reġistrazzjoni f’din id-database.

36

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li l-protezzjoni mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus ma hijiex awtomatika, billi l-Kummissjoni hija obbligata li tivverifika li l-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jibbenefika minn din il-protezzjoni huma sodisfatti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007 jagħti, sal-31 ta’ Diċembru 2014, lill-Kummissjoni s-setgħa li tirtira, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-protezzjoni awtomatika ta’ ismijiet protetti taħt ir-Regolament Nru 1493/1999, iżda li din is-setgħa tista tiġi eżerċitata effettivament biss wara l-preżentazzjoni tal-fajl tekniku li jinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott. Issa, fid-data tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Slovakka ma ppreżentatx l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott lill-Kummissjoni. F’din id-data, għalhekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx kontroll abbażi tal-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007, u hija lanqas ma kienet obbligata li tagħmel dan.

37

Inkwantu l-Ungerija argumentat ukoll li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kien jobbliga lill-Kummissjoni li tivverifika l-preċiżjoni, il-puntwalità, l-awtentiċità u n-natura xierqa tad-data pprovduta mill-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma kien neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk tali obbligu kienx jeżisti, li dan ma jkunx, fi kwalunkwe każ, jista’ jemenda b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ terzi kkonċernati.

38

Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, l-argument tal-Ungerija li l-kontenut tad-database E-Bacchus kien jiddetermina l-kontenut ta’ fajls tekniċi li, abbażi tal-Artikolu 118s(2) u (3) tar-Regolament Nru 1234/2007, kellhom jiġu introdotti mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Hija ddeċidiet li l-kontenut ta’ dawn il-fajls kien jiddependi, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u mhux mir-reġistrazzjoni fid-database E‑Bacchus. L-istess raġunament intuża fil-punt 37 tas-sentenza appellata fir-rigward taċ-ċaħda tal-argument tal-Ungerija li r-reġistrazzjoni fid-database E‑Bacchus kien jiddetermina l-indikazzjonijiet obbligatorji li jikkonċernaw l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ prodotti previsti mir-Regolament Nru 1234/2007.

It-talbiet tal-partijiet

39

Bl-appell tagħha, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors tal-Gvern Ungeriż; u

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

41

Ir-Repubblika Slovakka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

42

Insostenn tal-appell tagħha, l-Ungerija tinvoka, essenzjalment, tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-Ungerija sostniet li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

43

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Ungerija ssostni li meta kkonkludiet li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma kinitx qed tipproduċi effetti legali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-Ungerija tispeċifika, essenzjalment, erba’ argumenti.

44

Permezz tal-ewwel argument tagħha, kif elaborat fl-appell tagħha u matul is-seduta, l-Ungerija tfittex li tistabbilixxi li l-Kummissjoni, meta wettqet ir-reġistrazzjoni inkwistjoni, tat protezzjoni abbażi tal-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007 lil isem ta’ nbid li ma setax jiġi kkunsidrat, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, li jibbenefika fid-dritt nazzjonali, mill-1 ta’ Awwissu 2009, minn protezzjoni. Ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ nbid fid-database E-Bacchus, għandha, skont l-Ungerija, bħala effett li tiċċertifika l-eżistenza ta’ protezzjoni taħt is-sistema l-ġdida tad-dritt tal-Unjoni stabbilita permezz tal-imsemmi regolament, li tgħolli fuq livell tal-Unjoni protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed li kienet teżisti qabel fuq livell nazzjonali biss. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus ma hijiex biss konsegwenza tat-trasferiment awtomatiku tal-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed minn sistema regolatorja għal oħra, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ungerija tikkonstata li d-database E-Bacchus ma tistax titqies li hija sempliċi elenkar ta’ ismijiet ta’ nbejjed analoga għal-listi tal-inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikati fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u nieqsa minn effetti legali. B’konsegwenza, il-konklużjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Abadía Retuerta vs UASI (CUVÉE PALOMAR), iċċitata iktar ’il fuq, li l-listi ppubblikati fis-Serje “C” għandhom biss natura informattiva, ma humiex assolutament applikabbli għad-database E-Bacchus.

46

L-Ungerija tqis, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni għandha, mar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus, teżerċita stħarriġ tal-ismijiet tal-inbejjed li jridu jiġu rreġistrati fl-imsemmija database. Għalkemm l-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007 ma għandux jiġi applikat, il-Kummissjoni hija mill-inqas obbligata tivverifika li dawn l-ismijiet ġew “rikonoxxuti mill-Istati Membri” bħala denominazzjonijiet tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi qabel l-1 ta’ Awwissu 2009.

47

Fit-tielet lok, l-effetti legali tar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus iwasslu wkoll għall-konsegwenzi oħrajn, b’mod partikolari l-obbligu li jiġu ppreparati speċifikazzjonijiet tal-prodott għall-ismijiet irreġistrati fid-database E-Bacchus, li kellu jiġi ppreżentat, għad-denominazzjonijiet eżistenti, sa mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2011, fin-nuqqas ta’ liema l-ismijiet ikkonċernati għandhom jitneħħew mill-imsemmija database. Ir-reġistrazzjoni f’din id-database għandha wkoll konsegwenzi fil-qasam tal-ittikkettjar.

48

Fir-raba’ lok, l-Ungerija ssostni li, minħabba l-funzjoni tagħha li tikkonsisti fiż-żamma tar-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u b’osservanza tal-prinċipji ta’ applikazzjoni ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni kien messha ħadet nota tal-adozzjoni, mir-Repubblika Slovakka, tal-Liġi Nru 313/2009.

49

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju tal-Ungerija jibbaża fuq interpretazzjoni żbaljata tal-liġi applikabbli. Hija tfakkar li, abbażi tal-Artikolu 118s(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, l-ismijiet ta’ nbejjed li jibbenefikaw diġà minn protezzjoni skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandhom ikunu protetti awtomatikament taħt ir-Regolament Nru 1234/2007, mingħajr ma tkun neċessarja ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

50

Il-protezzjoni ta’ dawn l-ismijiet tirriżulta għaldaqstant mir-regolament innifsu, u mhux mir-reġistrazzjoni sussegwenti fid-database E-Bacchus. Minħabba r-rwol tagħha purament informattiv, analogu għal dak tal-lista ppubblikata fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ir-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus ma tistax tbiddel is-sitwazzjoni legali ta’ terzi u l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta applikat is-sentenza tagħha Abadía Retuerta vs UASI (CUVÉE PALOMAR), iċċitata iktar ’il fuq, f’dan il-każ. L-assenza ta’ effetti legali tar-reġistrazzjoni inkwistjoni barra minn hekk hija kkorroborata permezz tal-fatt li l-protezzjoni fil-livell tal-Unjoni hija awtorizzata provviżorjament u għandha tieqaf jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ma kinux ippreżentati qabel l-aħħar tas-sena 2011.

51

Il-Kummissjoni tirrifjuta wkoll l-argumenti tal-Ungerija dwar is-setgħat tagħha ta’ stħarriġ u tinsisti fuq in-natura awtomatika tar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ nbejjed diġà protetti u fuq l-assenza ta’ proċedura fil-livell Ewropew. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 607/2009, hija għandha tirreġistra fid-database E-Bacchus kull denominazzjoni tal-oriġini ġdida jew kull indikazzjoni ġeografika ġdida “rikonoxxuti mill-Istati Membri” qabel l-1 ta’ Awwissu 2009. Barra minn hekk, peress li r-Repubblika Slovakka ma kinitx għadha ppreżentat, fid-data tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kinitx eżerċitat kwalunkwe setgħa ta’ stħarriġ abbażi tal-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007, u lanqas ma kienet meħtieġa li tagħmel dan.

52

Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija dwar l-effetti tar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u fuq l-ittikkettjar, billi targumenta li, permezz ta’ dawn l-argumenti, l-Ungerija tfittex fir-realtà li tikseb eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-motivi ppreżentati fl-ewwel istanza.

53

Ir-Repubblika Slovakka tqis, bħall-Kummissjoni, li l-ewwel aggravju huwa infondat. F’dan ir-rigward hija ssostni li r-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ nbejjed li jeżistu fid-database E-Bacchus ma għandhiex effetti legali u ma tirrappreżentax għaldaqstant att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Hija tinvoka, insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-leġiżlazzjoni preċedenti, li, skont hija, kienet tistabbilixxi diġà protezzjoni ta’ ismijiet ta’ nbejjed fil-livell tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħha, li għandha bħala għan li tipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C-316/91, Ġabra p. I-625, punt 8; tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-138/03, C-324/03 u C-431/03, Ġabra p. I-10043, punt 32; kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-463/10P u C-475/10 P, Ġabra p. I-9639, punt 36).

55

Dawn l-effetti legali vinkolanti ta’ att għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi bħall-kontenut ta’ dan l-att (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il‑Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627, punt 9), filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il‑Kummissjoni, C-50/90, Ġabra p. I-2917, punt 13, u s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilsfonds vs Il‑Kummissjoni, C-362/08 P, Ġabra p. I-669, punt 58), kif ukoll ta’ setgħat tal-istituzzjoni awtriċi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C-301/03, Ġabra p. I-10217, punt 28).

56

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontenut tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, huwa stabbilit li l-Kummissjoni, fis-26 ta’ Frar 2010, emendat l-informazzjoni kontenuta fid-database E-Bacchus billi ssostitwixxiet id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť” b’“Vinohradnícka oblasť Tokaj”, mingħajr ma biddlet ir-riferiment għal-liġi nazzjonali rilevanti, jiġifieri d-Digriet Nru 237/2005, u billi żammet bħala data ta’ riferiment l-1 ta’ Awwissu 2009. Għaldaqstant, mill-kontenut tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, li tindika kemm il-liġi Slovakka kif ukoll id-data ta’ riferiment, jirriżulta li s-sistema tranżitorja ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, tibbaża fuq l-ismijiet ta’ nbejjed bħal dawk rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-imsemmija data.

57

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih seħħet ir-reġistrazzjoni inkwistjoni, mill-premessa 36 tar-Regolament Nru 479/2008 jirriżulta li l-għan tas-sistema tranżitorja huwa li d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li diġà jeżistu fil-Komunità jiġu eżenti mill-applikazzjoni tal-proċedura l-ġdida ta’ eżaminar, kif ukoll, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jkun limitat l-ambitu ta’ applikazzjoni għat-tħassir tagħhom.

58

B’hekk jirriżulta li s-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007 ġiet stabbilita sabiex tinżamm, għall-motivi ta’ ċertezza legali, il-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed diġà protetti qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 fid-dritt intern u, għaldaqstant, fil-livell tal-Unjoni abbażi tar-Regolament Nru 1493/1999. Il-kliem tal-Artikolu 118s(1) tar-Regolament Nru1234/2007 jikkonferma dan l-għan billi jipprovdi li dawn l-ismijiet ta’ nbejjed huma “protetti awtomatikament taħt dan ir-Regolament”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 21 tas-sentenza kkontestata, ikkonkludiet ġustament li l-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed li jeżistu kienet tieħu natura awtomatika.

59

Fit-tielet lok, fir-rigward tas-setgħa li minnha tiddisponi l-Kummissjoni mar-reġistrazzjoni inkwistjoni, huwa veru li din l-istituzzjoni tista’, minkejja n-natura awtomatika tal-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed li jeżistu, tiddeċiedi, sal-31 ta’ Diċembru 2014 u billi tibbaża fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007, li tirtira l-protezzjoni awtomatika mogħtija lill-ismijiet tal-inbejjed abbażi tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

60

Madankollu, ir-reġistrazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix dan l-irtirar. Kif jirriżulta mill-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 607/2009 u kif tirrikonoxxi l-Ungerija fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tista’ teżerċita biss din is-setgħa wara t-trażmissjoni mill-Istati Membri tal-fajls tekniċi, li fihom speċifikazzjonijiet tal-prodott, u tad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ approvazzjoni, skont l-Artikolu 118s(2) tar-Regolament Nru 1234/2007.

61

Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika Slovakka ma kinitx ippreżentat il-fajl tekniku lill-Kummissjoni fid-data tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, liema fatt, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkunsidrat f’dan il-punt 34 li, qabel it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kinitx la obbligata u lanqas awtorizzata li teżerċita stħarriġ fuq ismijiet ta’ nbejjed li jibbenefikaw diġà minn protezzjoni, imsemmija fl-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007.

62

Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-fatt li l-Kummissjoni emendat, fis-26 ta’ Frar 2010 u fuq it-talba tal-Gvern Slovakk, ir-reġistrazzjoni fid-database E‑Bacchus billi ssostitwixxiet id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnícka oblasť” b’“Vinohradnícka oblasť Tokaj”. Fil-fatt, din l-emenda ma hijiex ibbażata fuq stħarriġ jew fuq evalwazzjoni tal-Kummissjoni, iżda kienet tibbaża fuq l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Nru 607/2009, li jestendi l-protezzjoni awtomatika stabbilita permezz tal-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007 għall-ismijiet tal-inbejjed effettivament protetti abbażi tad-dritt nazzjonali fl-1 ta’ Awwissu 2009 u, għaldaqstant, abbażi tar-Regolament Nru 1493/1999, li ma kinux jidhru fuq l-aħħar lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikata fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

63

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-reġistrazzjoni fid-database E‑Bacchus, imwettqa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Nru 607/2009 fir-rigward tal-ismijiet ta’ nbejjed rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika sal-1 ta’ Awwissu 2009, li ma ġewx ippubblikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, ma għandha ebda effett fuq il-protezzjoni awtomatika li minnha jibbenefikaw dawn l-ismijiet ta’ nbejjed fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni la hija awtorizzata tagħti l-protezzjoni u lanqas li tiddeċiedi l-isem tal-inbid li għandu jiġi rreġistrat fid-database E-Bacchus abbażi tal-imsemmi Artikolu 73(1). Għaldaqstant, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-effetti tar-reġistrazzjoni fil-listi tal-inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikati fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-effetti tar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus.

64

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet, fil-punti 21 u 23 tas-sentenza appellata, li r-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus ma hijiex meħtieġa sabiex l-imsemmija ismijiet ta’ nbejjed jibbenefikaw minn protezzjoni fil-livell tal-Unjoni, billi dawn l-ismijiet huma protetti awtomatikament taħt ir-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat, mingħajr ma’ din il-protezzjoni tiddependi fuq ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmija database.

65

Ġaladarba r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li din ir-reġistrazzjoni ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

66

Din il-konklużjoni ma hija b’ebda mod invalidata mill-argumenti tal-Ungerija msemmija fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Ungerija tqis kemm l-effetti fuq l-ittikkettjar u fuq il-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott kif ukoll l-obbligu għall-Kummissjoni li tieħu nota tal-adozzjoni tal-liġi l-ġdida Slovakka bħala konsegwenzi neċessarji ta’ effetti legali vinkolanti li kellhom jiġu rikonoxxuti fir-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus. Dawn l-argumenti ma jikkompromettu bl-ebda mod il-konklużjoni milħuqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma kinitx tipproduċi effetti legali, u hija, għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, ineffettiva (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni u Franza vs TF1, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 u 29, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P et C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 148).

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel aggravju tal-Ungerija.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma hijiex “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu kienet ittrattat b’mod differenti kull reġistrazzjoni ta’ din in-natura meta mqabbla mar-reġistrazzjonijiet il-ġodda, liema kienu, skont l-Ungerija, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

70

L-Ungerija tenfasizza li d-database E-Bacchus tifforma reġistru uniku. Konsegwentement, dan l-Istat Membru jqis li huwa żball li jiġi kkunsidrat li huma biss ir-reġistrazzjonijiet li jikkonċernaw l-ismijiet il-ġodda li għandhom effett legali. Minkejja d-differenzi bejn iż-żewġ sistemi legali li jirregolaw l-għoti tal-protezzjoni lill-ismijiet ta’ nbejjed, il-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu f’pożizzjoni li jikkontestaw il-miżuri kollha ta’ istituzzjonijiet li permezz tagħhom il-protezzjoni ta’ ismijiet ta’ nbejjed mogħtija abbażi tad-dritt intern tinbidel f’protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni.

71

Skont il-Kummissjoni, l-ismijiet tal-inbejjed li jibbenefikaw bħalissa minn protezzjoni u l-ismijiet il-ġodda jaqgħu taħt sitwazzjonijiet legali u fattwali differenti u għalhekk ma humiex paragunabbli. Matul is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li huwa l-obbligu tagħha li tadotta, fil-kuntest tas-sistema l-ġdida tal-inbid tal-Unjoni, id-deċiżjoni finali tal-għoti tal-protezzjoni lil isem ta’ nbid.

72

Ir-Repubblika Slovakka tqis li d-differenzi fuq il-livell ta’ effetti legali tar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus bejn l-ismijiet ta’ nbejjed eżistenti u l-ismijiet il-ġodda huma leġittimi u ma jikkostitwixxux ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Min-naħa l-oħra, dan huwa l-każ fl-ipoteżi ta’ trattament identiku tar-reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet tal-inbejjed li huma eżistenti u ta’ ismijiet ta’ nbejjed il-ġodda, inkwantu din l-ipoteżi ma tikkunsidrax id-differenzi oġġettivi bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I-7655, punt 31, u tat-3 ta’ Marzu 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑283/02, point 79).

74

Kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 479/2008, is-sistema tal-Unjoni applikabbli għas-settur tal-inbid, permezz tal-imsemmi regolament, inbidlet fundamentalment bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet marbuta, b’mod partikolari, mal-kwalità ta’ nbejjed. Għal dan il-għan, is-sistema l-ġdida ta’ protezzjoni tissuġġetta kull talba għall-protezzjoni ta’ isem ta’ nbid għal eżami fid-dettall li jitwettaq f’żewġ stadji, jiġifieri fuq il-livell nazzjonali u sussegwentement fuq il-livell tal-Unjoni, skont l-Artikoli 118e sa 118i tar-Regolament Nru 1234/2007, mingħajr ma ebda awtomatiċità ma tkun rikonoxxuta f’dan ir-rigward, filwaqt li l-Kummissjoni għandha setgħa reali ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 118i tar-Regolament Nru 1234/2007, li tippermettilha kemm li tagħti, kif ukoll li tirrifjuta l-protezzjoni fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika skont jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi regolament ikunu jew ma jkunux sodisfatti.

75

Peress li l-kuntesti legali u s-setgħat tal-Kummissjoni marbutin mar-reġistrazzjonijiet fid-database E-Bacchus abbażi taż-żewġ sistemi tal-protezzjoni ta’ ismijiet ta’ nbejjed, bħal dak stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ma humiex paragunabbli, l-argument tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mwettaq mill-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi milqugħ.

76

Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud, bħala infondat, it-tieni aggravju.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

77

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-Ungerija tqis li l-Qorti Ġenerali ivvizzjat is-sentenza tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn din ma rrispondietx għall-argumenti mressqa minn din tal-aħħar fir-rikors tagħha u waqt is-seduta. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

78

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-Ungerija tilmenta lill-Qorti Ġenerali li ma rrispondietx għall-argument tagħha li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ isem protett fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, id-data determinanti hija dik tal-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, u mhux id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Fil-fatt, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet indikat biss li l-fatt li l-Liġi Nru 313/2009 ġiet adottata fit‑30 ta’ Ġunju 2009 ma għandhiex rilevanza, ġaladarba hija ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2009, mingħajr ma jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla ta’ data għad-detriment tal-oħra.

79

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni li l-Liġi Nru 313/2009 ma tistax tiġi interpretata bħala emenda li tikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fis-sens tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 607/2009. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kinitx irrispondiet għall-argument tal-Ungerija li, fl-Istati Membri fejn l-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tal-prodott ma kienx obbligatorju qabel il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni, emenda ta’ liġi jew ta’ regolament li tikkonċerna l-elementi li għandhom jiġu indikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tista’ tikkostitwixxi emenda bħal dik imsemmija fl-imsemmi Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 607/2009.

80

Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju tal-Ungerija fl-intier tiegħu jindirizza raġunijiet superfluwi tas-sentenza appellata u li huwa, għaldaqstant, ineffettiv.

81

Ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli, inkwantu l-argument ibbażat fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ġiex invokat mill-Ungerija quddiem il-Qorti Ġenerali, billi din tal-aħħar żviluppat argumenti fid-dawl tad-data tal-adozzjoni jew tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, hija infondata, l-istess bħat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li tassumi, barra minn hekk, natura superfluwa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti mressqa kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma mingħajr effett (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148, kif ukoll id-digriet tat-23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il‑Kummissjoni, C‑171/05 P, punt 86).

83

Issa, f’dan il-każ, l-Ungerija tikkonstata hija nnifisha li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tindirizza l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa għar-reġistrazzjoni fid-database E-Bacchus għandhiex tiġi ppubblikata jew tidħol fis-seħħ fl-iskadenza u lanqas dik tal-applikabbiltà eventwali tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 607/2009, inkwantu ddeċidiet, fil-punt 19 tas-sentenza kkontestata, li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma hijiex kapaċi tipproduċi effetti legali.

84

Konsegwentement, peress li ż-żewġ partijiet tat-tielet aggravju huma intiżi kontra raġunijiet superfluwi tas-sentenza appellata, hemm lok li dan l-aggravju jiġi ddikjarat ineffettiv fl-intier tiegħu.

85

Ġaladarba ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-Ungerija ma ġie milqugħ, għandu jiġi miċħud l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regolament, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet għall-kundanna tal-Ungerija u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

87

Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmi regolament, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-imsemmi Artikolu 184(1), l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Slovakka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Slovakka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.