Kawża C‑21/13

Simon, Evers & Co. GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dazji antidumping — Regolament (KE) Nru 499/2009 — Validità — Importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina — Importazzjoni tal-istess prodotti mibgħuta mit-Tajlandja — Evażjoni — Prova — Rifjut ta’ kooperazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Evalwazzjoni tan-neċessità u tar-rilevanza tad-domandi magħmula – Domandi dwar il-validità ta’ regolament tal-Unjoni – Obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa raġunijiet ta’ invalidità invokati minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali u li ma ssemmewx mill-qorti tar-rinviju – Assenza

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 13, u Nru 499/2009)

  3. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Evażjoni – Estensjoni tad-dazju antidumping – Validità tar-Regolament Nru 499/2009 – Rekwiżit dwar is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping bl-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż ta’ evażjoni – Assenza – Oneru tal-prova – Stabbiliment tal-evażjoni abbażi ta’ serje ta’ indizji – Ammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 13 u 18 u Nru 499/2009)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 26-28)

  2.  Fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

    (ara l-punt 29)

  3.  F’dak li jirrigwarda l-evażjoni tal-miżuri antidumping, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 jipprovdi li tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili.

    F’dan ir-rigward, mir-Regolament bażiku Nru 384/96 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati tiġi dedotta direttament l-eżistenza ta’ evażjoni u, għalhekk, jeħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull obbligu ta’ prova. Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tad-data disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kienet ikkooperat, huwa daqstant evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji konkordanti li tippermetti li jiġi deċiż li kienet teżisti evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

    F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit dwar is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping bl-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż ta’ evażjoni, bħala rekwiżit neċessarju għall-eżistenza ta’ evażjoni, ma jinsabx f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ “evażjoni” hija fformulata f’termini ġenerali ħafna li jħallu marġni ta’ manuvrar wiesa’ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li ma tingħata l-ebda preċiżjoni fir-rigward tan-natura u tal-modalitajiet “tal-bidla tax-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Komunità”.

    Minn dan isegwi li l-Kunsill stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Unjoni sabiex jadotta r-Regolament Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw minn dan il-pajjiż kif ukoll jekk le, u li l-validità ta’ dan ir-regolament ma hijiex inkwistjoni.

    Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji konkordanti sabiex jiddeċiedu li kienet teżisti evażjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw miċ-Ċina billi kkonstataw li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn it-Tajlandja u l-Unjoni bdiet eżattament wara l-impożizzjoni tad-dazju antidumping fuq l-imsemmija importazzjonijiet, din il-koinċidenza fiż-żminijiet tikkostitwixxi indizju importanti li jippermetti li tiġi stabbilita konnessjoni loġika u raġonevoli bejn iż-żieda kunsiderevoli tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja u l-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Bl-istess mod, fil-kuntest tar-rifjut totali ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni fuq l-evażjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq indizji sabiex jiddeċiedu li fit-Tajlandja kienu jeżistu prattiki, proċessi jew ħidmiet li kienu intiżi unikament sabiex jiġi evitat id-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina. Minn dan isegwi li kien hemm evażjoni tal-miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, b’tali mod li l-validità tar-Regolament Nru 499/2009 ma hijiex affettwata.

    (ara l-punti 30, 36, 47-50, 52, 56-58 u d-dispożittiv)