SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Antidumping — Regolament (KE) Nru 661/2008 — Dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja — Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni — Artikolu 3(1) — L-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni — Akkwist tal-fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju minn kumpannija intermedja — Rilaxx tal-merkanzija — Talba għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali — Deċiżjoni 2008/577/KE — Kodiċi Doganali — Artikoli 66 u 220 — Żball — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 251 — Verifika a posteriori”

Fil-Kawża C‑3/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tartu ringkonnakohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Baltic Agro AS

vs

Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam u N. Grünberg, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert u M. Remmelgas, bħala aġenti, assistiti minn B. Byrne, solicitor kif ukoll minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Stobiecka-Kuik u E. Randvere kif ukoll B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2009, tas-16 ta’ April 2009 (ĠU L 98, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”), kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008, tat-8 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 185, p. 1, rettifika ĠU 2009, L 339, p. 59), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Lulju 2008, li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-ammonium nitrate li joriġina fir-Russja u fl-Ukraina (ĠU L 185, p. 43, u rettifika ĠU 2009, L 339, p. 59), tal-Artikolu 28 TFUE, tal-Artikolu 31 TFUE u tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Baltic Agro AS (iktar ’il quddiem “Baltic Agro”) u l-Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus (awtorità fiskali u doganali — ċentru fiskali u doganali tal-Lvant, iktar ’il quddiem il-“MTA”) dwar id-dazji antidumping u t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), relatati ma’ importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja, li ntalbulha wara verifika a posteriori.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali

3

L-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jinvalidaw dikjarazzjoni diġà milqugħa meta min jagħmel id-dikjarazzjoni jippreżenta prova li merkanzija ġiet dikjarata bi żball għall-proċedura doganali koperta b’dik id-dikjarazzjoni jew li, b’riżultat ta’ ċirkostanzi speċjali, it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali li għaliha ġiet dikjarata m’għadux ġustifikat.

Madankollu, meta l-awtoritajiet doganali jkunu informaw lil min jagħmel id-dikjarazzjoni bil-ħsieb tagħhom li jeżaminaw il-merkanzija, talba għal invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni m’għandhiex tiġi aċċettata sa wara li jkun sar l-eżami.

2.   Id-dikjarazzjoni m’għandhiex tiġi invalidata wara li l-merkanzija tkun ġiet meħlusa, ħlief f’każijiet definiti skond il-proċedura tal-kumitat..

3.   L-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet penali fis-seħħ.”

4

L-Artikolu 220(2) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

[...]

(b)

l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;

[...]”

Ir-Regolament Nru 2454/93

5

L-Artikolu 251 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi kif ġej:

“B’ deroga mill-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi [Doganali], dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi invalidata wara li l-merkanzija tkunu ġiet rilaxxati, kif previst hawn taħt:

1.

meta jkun stabbilit li l-merkanzija ġiet dikjarata bi żball għal proċedura doganali li teħtieġ il-ħlas ta’ dazji ta’ l-importazzjoni minflok ma titqiegħed taħt proċedura dopganali oħra, l-awtoritajiet doganali għandhom jiddikjaraw invalida d-dikjarazzjoni jekk issir talba għal dan l-iskop fi żmien tlett xhur mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni sakemm:

kwalunkwe użu tal-merkanzija ma jkunx kiser il-kondizzjonijiet tal-proċedura doganali li taħhom suppost kellha titqiegħed,

meta l-merkanzija ġiet dikjarata, kienet intiża biex titqiegħed taħt proċedura doganali oħra, li l-ħtiġiet kollha tagħha kienu sodisfatti,

u

il-merkanzija hija immedjatament introdotta għall-proċedura doganali li għaliha kienet attwalment intiża.

Id-dikjarazzjoni li tqiegħed il-merkanzija taħt il-proċedura doganali ta’ l-aħħar għandha tidħol fis-seħħ mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni invalida.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li t-terminu ta’ tlett xhur jinqabeż f’każijiet eċċezjonali li jkunu sostanzjati kif dovut.

[...]”

Ir-Regolament Nru 661/2008

6

Il-premessi 159 u 161 tar-Regolament Nru 661/2008 huma fformulati kif ġej:

“(159)

Biex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu aktar f’qagħda biex b’mod effettiv jimmonitorjaw il-konformità tal-kumpaniji ma’ l-impenji, meta tiġi ppreżentata t-talba għal rilaxx għall-moviment ħieles lill-awtoritajiet tad-dwana rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping tkun tiddependi minn (i) il-preżentazzjoni ta’ fattura ta’ impenn, li hija fattura kummerċjali li fiha ta’ l-inqas l-elementi elenkati u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness; (ii) il-fatt li l-prodotti importati huma manifatturati, mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu eżattament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ l-impenn. Fejn il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jintlaħqux għandu japplika d-dazju antidumping xieraq fil-mument ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għall-moviment ħieles.

[...]

(161)

L-importaturi għandhom ikunu konxji li debitu doganali jista’ japplika, bħala riskju kummerċjali normali, fil-mument ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għall-moviment ħieles kif deskritt fil-premessi (159) u (160) anki jekk impenn offrut mill-fabbrikant li minn għandu kienu qed jixtru, direttament jew indirettament, kienet aċċettata mill-Kummissjoni.”

7

L-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 661/2008 jimponu dazji antidumping definittivi ta’ ammonti differenti fuq l-importazzjoni ta’ nitrat tal-ammonju u ta’ ċerti fertilizzanti u ta’ prodotti oħra li jinkludu n-nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja.

8

L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   L-importazzjonijiet iddikjarati biex ikunu rilaxxati għall-moviment ħieles li huma fatturati mill-kumpaniji li minnhom impenji huma aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni 2008/577/KE, kif emendata minn żmien għal ieħor, għandhom ikunu eżenti mid-dazju antidumping impost bl-Artikolu 2, bil-kundizzjoni li:

huma manifatturati, mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpanija msemmija lill-ewwel klijenti indipendenti fil-Komunità; u

dawn l-importazzjonijiet huma akkumpanjati minn fattura ta’ impenn li hija fattura kummerċjali li fiha ta’ l-inqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament; u

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu eżattament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ l-impenn.

2.   Għandu jitħallas debitu doganali fil-mument ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għall-moviment ħieles:

kull darba li huwa stabbilit, fir-rigward ta’ importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet elenkati f’dak il-paragrafu m’humiex sodisfatti; jew

[...]”

Id-Deċiżjoni 2008/577

9

Id-Deċiżjoni 2008/577 tipprovdi fil-premessa 21 tagħha:

“Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji ma’ l-impenji, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa skond l-impenn titressaq quddiem l-awtorità tad-dwana rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju ta’ anti-dumping ser tkun bil-kundizzjoni li (i) il-preżentazzjoni tal-fattura ta’ l-impenn jkun fiha għall-inqas dawk l-elementi elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 662/2008 tal-Kunsill [...,] (ii) il-fatt li l-prodotti importati jiġu manifatturati, mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ l-impenn. Meta ma titressaq l-ebda fattura bħal din, jew meta din ma tikkorrispondix mal-prodott ippreżentat lid-dwana, minflok għandha titħallas ir-rata ta’ dazju ta’ l-anti-dumping xierqa.”

10

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea aċċettat l-impenji ta’ prezzijiet offruti, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), mill-produtturi-esportaturi Russi tan-nitrat tal-ammonju “JSC Acron [iktar ’il quddiem ‘Acron’], Veliky Novgorod, Russia [ir-Russja,] and [u] JSC Dorogobuzh, Dorogobuzh, ir-Russja, membri ta’ l-‘Acron’ Holding Company”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fix-xhur ta’ Ottubru 2009 u ta’ Jannar 2010, Baltic Agro, stabbilita fl-Estonja, xtrat 5000 tunnellata ta’ fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju, permezz tal-kumpannija Estonjana intermedja, Magnet Grupp OÜ (iktar ’il quddiem “Magnet Grupp”). Għal dan il-għan numru ta’ kuntratti ta’ xiri ġew konklużi bejn Acron u Magnet Grupp, minn naħa, u bejn Manget Grupp u Baltic Agro, min-naħa l-oħra. Permezz ta’ dawn il-kuntratti, Acron biegħet 10 000 tunnellata ta’ fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju lil Magnet Grupp u Baltic Agro xtrat 5 000 tunnellata ta’ din il-merkanzija mingħand Magnet Grupp. Skont il-kuntratti tagħha, Baltic Agro impenjat ruħha tikkompleta l-formalitajiet doganali relatati mal-merkanzija u tħallas il-VAT.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, fix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2010, żewġ aġenziji tad-dwana ppreżentaw ħames dikjarazzjonijiet doganali li kienu jikkonċernaw id-dikjarazzjoni tal-importazzjoni ta’ 1751.5 tunnellata ta’ fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jsemmu, bħala destinatarja tal-merkanzija importata, lil Baltic Agro u, bħala dik li qed tibgħat il-merkanzija, lil Acron għal tnejn minnhom u lil Ventoil SIA, kumpannija ta’ trasport Latvjana, għat-tlieta l-oħra.

13

Fl-1 ta’ Marzu u fit-23 ta’ April 2010, dawn l-aġenziji tad-dwana talbu lill-MTA tinvalida dawn id-dikjarazzjonijiet doganali, minħabba li dawn l-aħħar kienu jindikaw lil Baltic Agro bħala d-destinatarja tal-merkanzija minflok lil Magnet Grupp.

14

Fit-3 ta’ Marzu 2010, l-MTA wettqet verifika a posteriori tal-ħames dikjarazzjonijiet doganali, sabiex tistabbilixxi jekk il-valur doganali tal-merkanzija importata, il-kalkolu u l-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni kinux korretti.

15

Fil-31 ta’ Mejju 2010, abbażi tal-verifika a posteriori, l-MTA adottat żewġ avviżi ta’ impożizzjoni li jimponu lil Baltic Agro tħallas id-dazji doganali u l-VAT fir-rigward tal-merkanzija importata, peress li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji antidumping previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 ma kinux ġew issodisfatti, jiġifieri peress li Baltic Agro ma kinitx l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni Ewropea.

16

Baltic Agro ppreżentat rikors għal annullament kontra dawn l-avviżi quddiem it-Tartu halduskohus (tribunal amministrattiv ta’ Tartu), filwaqt li sostniet li l-fatt li hija kienet użat kumpannija intermedja għall-importazzjonijiet inkwistjoni, f’dan il-każ Magnet Grupp, kien mingħajr rilevanza mil-lat fiskali.

17

Fil-25 ta’ April 2011, it-Tartu halduskohus ċaħad dan ir-rikors, filwaqt li kkunsidra li Baltic Agro ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 peress li hija ma kinitx xtrat il-merkanzija importata direttament mingħand il-manifattur.

18

Fil-25 ta’ Mejju 2011, Baltic Agro appellat quddiem it-Tartu ringkonnakohus (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Tartu), u talbet li tiġi annullata din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Baltic Agro, peress li ma kinitx l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni, tistax tinvoka l-eżenzjoni mid-dazji antidumping prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk, sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn din l-eżenzjoni, l-ewwel klijent u l-importatur għandhomx dejjem ikunu l-istess persuni.

20

Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni doganali żbaljata. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-awtorità doganali, wara t-tressiq ta’ talba għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, aċċettat dawn id-dikjarazzjonijiet jew wettqet verifika a posteriori ma jiżvelax l-eżistenza ta’ żball minn naħa ta’ din l-awtorità, li jagħti lil din ir-rikorrenti l-possibbiltà li tibbenefika mill-proċedura prevista fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li jippermetti l-invalidazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-użu ta’ kumpannija intermedja, bħal Magnet Grupp, għall-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni jikkostitwixxix trattament mhux ugwali quddiem il-liġi, peress li importatur li ma jużax tali intermedju jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji antidumping prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008. Skont il-qorti tar-rinviju, dan it-trattament ma huwiex proporzjonali u joħloq inugwaljanza bejn żewġ importaturi li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, fatt li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari għall-Artikolu 20 tal-Karta.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tartu ringkonnakohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament [...] Nru 661/2008 [...] għandu jiġi interpretat li jfisser li l-importatur u l-ewwel klijent indipendenti [fl-Unjoni] għandhom dejjem ikunu l-istess persuna?

2)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament [...] Nru 661/2008, moqri flimkien mad-Deċiżjoni [...] 2008/577 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni minn dazju antidumping tapplika biss għall-imsemmi l-ewwel klijent indipendenti [fl-Unjoni], li ma bigħx mill-ġdid il-merkanzija qabel iddikjaraha?

3)

L-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali [...], moqri flimkien mal-Artikolu 251 tar-Regolament [...] Nru 2454/93 [...] u r-regoli proċedurali l-oħra li jikkonċernaw emendi sussegwenti għal dikjarazzjoni doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn id-destinatarju żbaljat jitniżżel f’dikjarazzjoni doganali għall-importazzjoni ta’ merkanzija, għandu jkun possibbli, permezz ta’ applikazzjoni, li d-dikjarazzjoni tiġi invalidata u d-dettalji tad-destinatarju jiġu korretti anki wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata jekk l-eżenzjoni mid-dazju doganali pprovduta fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [...] Nru 661/2008 kellha tapplika li kieku tniżżlu d-dettalji tad-destinatarju korrett, jew l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali [...] għandu jiġi interpretat, f’ċirkustanzi bħal dawn, fis-sens li l-awtoritajiet doganali ma għandhomx permess idaħħlu entrata fil-kotba a posteriori?

4)

Jekk ir-risposta għaż-żewġ alternattivi [fit-tielet] domanda [...] tkun fin-negattiv, l-Artikolu 66 huwa kompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta [...], moqri flimkien mal-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31 [TFUE], jekk l-istess Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali [...], moqri flimkien mal-Artikolu 251 tar-Regolament [...] Nru 2454/93 u ma’ regoli proċedurali oħra relatati ma’ emendi sussegwenti għal dikjarazzjoni doganali, ma jippermettix li dikjarazzjoni tiġi invalidata u d-dettalji tad-destinatarju jiġu korretti, permezz ta’ applikazzjoni, wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata jekk l-eżenzjoni mid-dazju doganali pprovduta fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [...] Nru 661/2008 kellha tapplika li kieku tniżżlu d-dettalji tad-destinatarju korrett?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

23

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li xtrat nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja, permezz ta’ kumpannija oħra stabbilita wkoll fi Stat Membru, bil-għan tal-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni, tistax titqies bħala l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ għaldaqstant jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping definittiv stabbilit minn dan ir-regolament għal dan in-nitrat tal-ammonju.

24

Hemm lok li l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-eżenzjoni mid-dazji antidumping tista’ tingħata biss taħt ċerti kundizzjonijiet, fi każijiet speċifikament previsti, u għaldaqstant tikkostitwixxi eċċezzjoni mis-sistema normali tad-dazji antidumping. Id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali eżenzjoni għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 52, kif ukoll Isaac International, C‑371/09, EU:C:2010:458, punt 42).

25

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008, l-importazzjonijiet aċċettati mill-Kummissjoni, jistgħu jiġu eżenti mid-dazju antidumping sakemm dawn l-importazzjonijiet jikkonformaw mat-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dan l-Artikolu 3. L-ewwel nett, il-merkanzija importata għandha tkun immanifatturata, mibgħuta u ffatturata direttament mill-kumpanniji esportaturi lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament espliċitament jeħtieġ, permezz tal-użu tal-kelma “direttament”, rabta stretta bejn, minn naħa, il-kumpannija li timmanifattura, li tibgħat u li tiffattura l-merkanzija importata u, min-naħa l-oħra, l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni.

26

It-tieni nett, l-importazzjonijiet eliġibbli sabiex jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn fattura ta’ impenn, jiġifieri fattura kummerċjali li tinkludi għall-inqas l-informazzjoni u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness tar-Regolament Nru 661/2008.

27

It-tielet nett, il-merkanzija ddikjarata u ppreżentata lill-awtoritajiet doganali għandha taqbel eżattament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ impenn u għaldaqstant għandha tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti.

28

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li dejn doganali jitnissel fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera meta jkun stabbilit li l-importazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) ma jkunux jissodisfaw waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet msemmija f’dan l-Artikolu 3(1).

29

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 159 tal-istess regolament li tipprevedi li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ippreċiżati f’dan l-artikolu, sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jiżguraw rwieħhom li l-kumpanniji josservaw l-impenji tagħhom meta huma jressqu talba għal tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera lill-awtoritajiet doganali kompetenti. Għaldaqstant, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux osservati, id-dazju antidumping applikabbli jkun dovut fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera.

30

Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżiti ppreċiżati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008, moqrija flimkien ma’ din il-premessa, huma ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-verifika, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tat-twettiq tal-impenji meħuda.

31

Issa, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx iffatturata u mibgħuta direttament minn Acron lil Baltic Agro, peress li din tal-aħħar, minn naħa, ma xtratx il-merkanzija direttament mingħand Acron, li hija l-kumpannija li l-impenn tagħha ġie aċċettat mill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 661/2008 u, min-naħa l-oħra, xtrat biss parti mill-merkanzija mibjugħa minn Acron lil Magnet Grupp, anki jekk Baltic Agro kienet imsemmija fid-dikjarazzjonijiet doganali bħala destinatarja tal-merkanzija kollha mibjugħa minn Acron. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 ma tistax titqies li ġiet issodisfatta, b’mod li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping stabbilit minn dan ir-regolament ma hijiex applikabbli.

32

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari magħmula tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li xtrat nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja, permezz ta’ kumpannija oħra stabbilita wkoll fi Stat Membru, bil-għan tal-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni, ma tistax titqies bħala l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping definittiv stabbilit minn dan ir-regolament għal dan in-nitrat tal-ammonju.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 66 u 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li awtorità doganali ddaħħal entrata fil-kotba a posteriori ta’ dazju antidumping meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tressqu talbiet għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali minħabba li l-indikazzjoni tad-destinatarju msemmija fihom kienet żbaljata u meta din l-awtorità aċċettat dawn id-dikjarazzjonijiet jew wettqet verifika wara li rċeviet dawn it-talbiet.

34

L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li talba għal invalidazzjoni tista’ tiġi aċċettata meta d-dikjarant jipproduċi l-prova li l-merkanzija ġiet iddikjarata bi żball għall-proċedura doganali li tikkorrispondi għal din id-dikjarazzjoni jew li l-proċedura doganali li għaliha din ġiet iddikjarata ma hijiex iktar iġġustifikata. Skont dan l-istess artikolu, din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi invalidata wara r-rilaxx tal-merkanzija biss fil-każijiet limitati enumerati, b’mod partikolari, fl-Artikolu 251 tar-Regolament Nru 2454/93.

35

It-tieni nett, l-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi jippreċiża li ma tiddaħħalx entrata fil-kotba a posteriori tad-dazji li jirriżultaw minn dejn doganali, meta l-ammont tad-dazji legalment dovuti ma ddaħħalx fil-kotba minħabba żball tal-awtoritajiet doganali nnifishom, li ma setax jiġi raġonevolment identifikat mill-persuna responsabbli għall-ħlas li, min-naħa tagħha, aġixxiet in bona fides.

36

Issa, f’dan il-każ, minn ebda element tal-proċess ma jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 66 u 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huma applikabbli.

37

Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali, jidher li Baltic Agro ma sostnietx, u lanqas ma allegat, li l-merkanzija ġiet iddikjarata bi żball għall-proċedura doganali li tikkorrispondi għad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali ma japplikax għal tali ċirkustanzi.

38

Fir-rigward tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża prinċipali, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li l-indikazzjoni mill-aġenziji tad-dwana ta’ Baltic Agro bħala destinatarja fid-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom jew l-aċċettazzjoni jew it-twettiq ta’ verifika ta’ tali dikjarazzjonijiet wara t-tressiq ta’ talba għall-invalidazzjoni ta’ dawn tal-aħħar jikkostitwixxu żball minn naħa tal-awtorità doganali.

39

F’kull każ, anki fuq il-preżunzjoni li dawn l-elementi jikkostitwixxu żball li jippermetti l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li tali ċirkustanzi ma jippermettux lil Baltic Agro tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping stabbilit mir-Regolament 661/2008 peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, din il-kumpannija tibqa’ ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament sabiex titqies bħala l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni.

40

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikoli 66 u 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li awtorità doganali iddaħħal entrata fil-kotba a posteriori ta’ dazju antidumping meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tressqu talbiet għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali minħabba li l-indikazzjoni tad-destinatarju msemmija fihom kienet żbaljata u meta din l-awtorità aċċettat dawn id-dikjarazzjonijiet jew wettqet verifika wara li rċeviet dawn it-talbiet.

Fuq ir-raba ’ domanda

41

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 251 tar-Regolament Nru 2454/93 humiex konformi mad-dritt fundamentali għal ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta fil-każ fejn, fil-kuntest tat-tariffa doganali komuni msemmija fl-Artikoli 28 TFUE u 31 TFUE, dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament 2454/93 ma jippermettux l-invalidazzjoni, fuq talba, ta’ dikjarazzjoni doganali żbaljata u għaldaqstant l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping lid-destinatarju li seta’ jibbenefika minnu kieku dan l-iżball ma sarx.

42

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament Nru 661/2008 inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettux l-annullament tad-dikjarazzjoni doganali sabiex jiġi kkorreġut id-destinatarju tal-merkanzija inkwistjoni u għaldaqstant jimpedixxu lil Magnet Grupp milli tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping li hija setgħet tibbenefika minnha fl-assenza ta’ tali żball, tqum il-kwistjoni ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal ugwaljanza f’għajnejn il-liġi peress li ż-żewġ kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li essenzjalment jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ma humiex ittrattati bl-istess mod.

43

Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali ma tikkonċerna ebda żball ta’ natura li jippermetti l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni eżatta f’dikjarazzjoni doganali jaqa’ fuq id-dikjarant. Dan l-obbligu huwa biss il-korollarju tal-prinċipju ta’ irrevokabbiltà tad-dikjarazzjoni dogonali malli din tiġi aċċettata, prinċipju li l-eċċezzjonijiet għalih huma ddefiniti strettament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam (sentenza DP grup, C‑138/10, EU:C:2011:587, punti 39 sa 41).

44

Għandu wkoll jiġi kkonstatat li impriża li osservat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 u li meliet korrettament dikjarazzjoni doganali sabiex tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju antidumping ma hijiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal impriża li ma osservatx dawn ir-rekwiżiti.

45

Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 31 u 39 ta’ din is-sentenza, anki jekk id-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu intmelew korrettament, Baltic Agro ma tistax tkun f’pożizzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping peress li f’kull każ hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008.

46

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 251 tar-Regolament Nru 2454/93 huma konformi mad-dritt fundamentali għal ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta fil-każ fejn, fil-kuntest tat-tariffa doganali komuni msemmija fl-Artikoli 28 TFUE u 31 TFUE, dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament Nru 2454/93 ma jippermettux l-invalidazzjoni, fuq talba, ta’ dikjarazzjoni doganali żbaljata u għaldaqstant l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping lid-destinatarju li seta’ jibbenefika minnu kieku dan l-iżball ma sarx.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008, tat-8 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat Membru li xtrat nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja permezz ta’ kumpannija oħra stabbilita wkoll fi Stat Membru, bil-għan tal-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea, ma tistax titqies bħala l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament Nru 661/2008 għal dan in-nitrat tal-ammonju.

 

2)

L-Artikoli 66 u 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li awtorità doganali iddaħħal entrata fil-kotba a posteriori ta’ dazju antidumping meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tressqu talbiet għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali minħabba li l-indikazzjoni tad-destinatarju msemmija fihom kienet żbaljata u meta din l-awtorità aċċettat dawn id-dikjarazzjonijiet jew wettqet verifika wara li rċeviet dawn it-talbiet.

 

3)

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, u l-Artikolu 251 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2009, tas-16 ta’ April 2009, huma konformi mad-dritt fundamentali għal ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-każ fejn, fil-kuntest tat-tariffa doganali komuni msemmija fl-Artikoli 28 TFUE u 31 TFUE, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, u tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 312/2009, ma jippermettux l-invalidazzjoni, fuq talba, ta’ dikjarazzjoni doganali żbaljata u għaldaqstant l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping lid-destinatarju li seta’ jibbenefika minnu kieku dan l-iżball ma sarx.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.