KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑562/13
Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve
vs
Moussa Abdida
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Bruxelles (il-Belġju)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil — Direttiva 2003/9/KE — Standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil fl-Istati Membri — Direttiva 2004/83/KE — Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat biex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat — Persuna li tista’ tibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(e) — Riskju reali ta’ periklu serju — Artikolu 15(b) — Trattament inuman jew degradanti — Direttiva 2005/85/KE — Standards minimi dwar il-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Direttiva 2008/115/KE — Regoli u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Artikolu 13(2) — Effett sospensiv tar-rikors — Artikolu 14(1) — Garanziji waqt li wieħed ikun qed jistenna r-ritorn — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Rifjut mill-Istat Membru li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun marid serjament permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, flimkien ma’ obbligu li jitlaq mit-territorju — Nuqqas ta’ rikors li jissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi — Għoti ta’ għajnuna medika urġenti”
1. |
Permezz ta’ dan ir-rinviju preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-garanziji proċedurali u l-vantaġġi soċjali li Stat Membru huwa obbligat li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz meta l-istat ta’ saħħtu jkun jeħtieġ li jingħata kura medika, waqt li dan tal-aħħar ikun qiegħed jistenna sentenza dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u li tordna li jitlaq mit-territorju. |
2. |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa, fid-dawl tad-Direttivi 2003/9/KE ( 2 ), 2004/83 ( 3 ) u 2005/85/KE ( 4 ) — li huma l-bażi tar-reġim tal-ażil Ewropew komuni — u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ), il-kumpatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa waħda, teskludi l-eżistenza ta’ rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u, min-naħa l-oħra, tillimita għat-tul kollu tal-kawża l-għoti tal-bżonnijiet elementari tal-persuna kkonċernata għall-għajnuna medika urġenti. |
3. |
Dan ir-rinviju preliminari qiegħed isir fil-kuntest ta’ kawża bejn is-centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve (iktar ’il quddiem iċ-“CPAS”) u M. Abdida, ċittadin Niġerjan li jsofri mill-AIDS. Wara d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Belġjan ċaħad it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u ordnalu li jitlaq mit-territorju, ġie rtirat iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-individwu kkonċernat li kien jippermettilu jibbenefika b’xejn minn għajnuna għall-bżonnijiet elementari tiegħu. Barra minn hekk, huwa ma setax jibbenefika minn rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni. |
4. |
L-imsemmi rinviju preliminari essenzjalment jissolleva tliet kwistjonijiet. |
5. |
Fl-ewwel lok, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ibati minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun jinsab f’riskju reali li jġarrab trattament inuman jew degradanti minħabba n-nuqqas ta’ trattament mediku adegwat f’pajjiżu jista’ jitqies bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83? |
6. |
Din id-domanda hija identika għal dik li saret mill-qorti kostituzzjonali fil-kawża M’Bodj, li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li fiha jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 6 ). |
7. |
Fit-tieni lok, ir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u li tordna t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata mit-territorju għandu jkun ipso jure sospensiv meta jitqiesu d-drittijiet iggarantiti lil din tal-aħħar fil-kuntest tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u tal-Karta? |
8. |
Fit-tielet lok, u fuq il-bażi ta’ dawn l-istess testi, l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu għall-bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tal-persuna kkonċernata sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn, meta jitqies li f’dan il-każ iċ-CPAS illimita l-għajnuna soċjali għall-għoti ta’ għajnuna medika urġenti? |
9. |
Fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet, ser insostni li ebda wieħed mit-testi li jirregolaw ir-reġim ta’ ażil komuni Ewropew, jiġifieri d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85, ma huwa applikabbli għal applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers), peress li din ma hijiex forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali. |
10. |
Sussegwentement, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn huwa fid-dawl, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 7 ), u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet fundamentali pproklamati mill-Karta, li ser neżamina jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-assenza ta’ rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u l-assenza tal-għoti ta’ għajnuna għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata jirrispettawx id-drittijiet rikonoxxuti lill-immigranti fl-Unjoni Ewropea. |
11. |
F’dan ir-rigward, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif meħtieġ abbażi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 u stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta jimplika l-eżistenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tkun, meta jitqies l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata, tista’ tesponi lil din tal-aħħar għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Karta. |
12. |
Ser nispjega wkoll għalfejn, f’sitwazzjoni bħal din, l-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tar-rekwiżiti dderivati mill-Artikoli 1 sa 4 u 35 tal-Karta, jeżiġu min-naħa tal-Istati Membri li jiggarantixxu, matul il-perjodu kollu tal-proċedura kontenzjuża, li tingħata għajnuna suffiċjenti għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata b’mod li jiġi żgurat l-għajxien tagħha kif ukoll livell ta’ ħajja dinjituża u adegwata għal saħħitha, billi b’mod partikolari tingħata fejn toqgħod waqt li jitqiesu, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Is-sistema komuni Ewropea għall-ażil
13. |
Is-sistema komuni Ewropea għall-ażil tikkonsisti fi tliet testi: id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 |
a) Id-Direttiva 2003/9
14. |
Id-Direttiva 2003/9 tistabbilixxi l-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri. |
15. |
Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, “id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqogħdu fit-territorju bħala min ifittex ażil”. |
16. |
Madankollu, u skont il-paragrafu 4 tal-istess dispożizzjoni, “[l]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva f’konnessjoni ma’ proċeduri biex ikunu deċiżi applikazzjonijiet għal għamliet ta’ protezzjoni barra dik li toħroġ mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għal ċittadin ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat li jinstabu li mhumiex refuġjati”. |
17. |
Fil-kuntest tal-kapitolu II tagħha, l-imsemmija direttiva tiffissa l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza li l-Istati Membri huma obbligati li jirriżervaw għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil sabiex jiggarantulhom livell ta’ għajxien adegwat għal saħħithom u li jiżguraw is-sussistenza tagħhom. |
18. |
Fl-Artikoli 7 sa 10 u 15 tad-Direttiva 2003/9, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi garanziji b’mod partikolari dwar ir-residenza u l-moviment liberu tal-applikanti, dwar iż-żamma tal-għaqda tal-familja, l-eżamijiet mediċi u l-kura tas-saħħa, kif ukoll l-edukazzjoni tal-minorenni. |
19. |
Fil-kuntest tal-Kapitolu IV tagħha u, b’mod partikolari, l-Artikoli 17 sa 20, id-Direttiva 2003/9 tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw lil persuni bi bżonnijiet partikolari. |
b) Id-Direttiva 2004/83
20. |
Id-Direttiva 2004/83 għandha l-għan li tistabbilixxi kriterji komuni għall-Istati Membri kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali ( 8 ) kif ukoll il-kontenut sostantiv ta’ din il-protezzjoni ( 9 ). Huwa f’dan il-qafas li d-Direttiva 2004/83 tiddetermina, fl-Artikolu 2(c) u (e) tagħha, il-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat u mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, tiffissa, fil-kuntest tal-kapitoli II, III u V, il-kundizzjonijiet sostantivi li dan tal-aħħar għandu jissodisfa u tiddetermina, fil-kapitolu VII tagħha, id-drittijiet inerenti għal kull wieħed minn dawn l-istatus. |
21. |
Fil-kuntest tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil, il-protezzjoni sussidjarja tikkompleta r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat, stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati ( 10 ). |
22. |
Din hija protezzjoni internazzjonali li, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, hija indirizzata lil kull “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha […], [t]iffaċċja riskju veru li [s]sofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 […], u ma [t]istax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma [t]ixtieqx japprofitta […] ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”. |
23. |
Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, “l-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V”. |
24. |
Il-kapitolu II tal-imsemmija direttiva jikkonċerna l-“[i]stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”. L-Artikolu 6 tiegħu, bit-titolu “Atturi ta’ persekuzzjonijiet jew periklu serju”, jipprovdi skont kif ġej: “Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:
|
25. |
Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2004/83 jittratta dwar il-“[k]walifika għal protezzjoni sussidjarja”. L-Artikolu 15 tagħha jiddefinixxi l-kunċett ta’ “periklu serju” skont kif ġej: “Periklu serju jikkonsisti minn:
|
26. |
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kapitolu VII ta’ dik id-direttiva, dwar il-“[k]ontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża fl-Artikoli 28 u 29 li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm jekk tkun tikkonsisti fl-istatus ta’ refuġjat jew fl-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jeżiġi min-naħa tal-Istati Membri li jagħtu lill-persuna kkonċernata l-istess għajnuna soċjali u l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa bħal dawk previsti favur iċ-ċittadini nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu madankollu jagħmlu distinzjoni bejn dawn iż-żewġ status peress li dawk id-dispożizzjonijiet jawtorizzawhom biex jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għas-servizzi essenzjali ( 11 ). |
27. |
Finalment, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/83 għandha tendenza li tistabbilixxi standards minimi. Skont il-premessa 8 u l-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri għaldaqstant jibqgħu liberi li jadottaw jew li jżommu regoli iktar favorevoli biex jiddeċiedu liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li tista’ tibbenefika minn protezzjoni sussidjarja, inkwantu dawk ir-regoli jkunu kumpatibbli ma’ dik id-direttiva. |
28. |
Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, fil-premessa 9 tad-Direttiva 2004/83, li “iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva”. |
c) Id-Direttiva 2005/85
29. |
Id-Direttiva 2005/85 tiffissa r-regoli proċedurali dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat u tippreċiża, fil-Kapitoli II u III tagħha, id-drittijiet u l-obbligi proċedurali imposti fuq l-applikant u fuq l-Istat Membru għall-evalwazzjoni tat-talba għal protezzjoni internazzjonali. |
30. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva huwa ppreċiżat fl-Artikolu 3 tagħha skont kif ġej: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ l-Istati Membri u għall-irtirar ta’ l-status ta’ rifuġjat. […] 3. Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom. 4. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva fi proċeduri sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal kull tip ta’ protezzjoni internazzjonali.” |
31. |
Taħt it-titolu “Dritt għal rimedju effettiv”, l-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva jippreċiża: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 3. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:
|
2. Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment
32. |
Ir-regoli dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment huma stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115. |
33. |
Skont l-Artikolu 2 tagħha, dik id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin joqogħdu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru. |
34. |
L-għan tagħha huwa li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tkeċċija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards u garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tagħhom ( 12 ). |
35. |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jagħti liċ-ċittadin ikkonċernat garanziji proċedurali fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn. |
36. |
Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
|
37. |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, id-drittijiet ekonomiċi u soċjali li l-immigrant jista’ jinvoka sakemm ikun qiegħed jistenna li jitkeċċa. |
38. |
L-Artikolu 14(1) jipprovdi skont kif ġej: “L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:
|
B – Il-leġiżlazzjoni Belġjana
1. Il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (loi du 15 décembre 1980 relative à l’accès au territoire, au séjour, à l’établissement et à l’éloignement des étrangers)
39. |
L-għan tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin ( 13 ) huwa li tittrasponi id-Direttiva 2004/83 fis-sistema ġuridika Belġjana. |
a) Ir-regoli sostantivi u proċedurali dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi
40. |
L-Artikolu 9b tal-imsemmija liġi jippreċiża l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat hekk: “Il-barrani li jirrisjedi fil-Belġju li jipprova l-identità tiegħu skont il-paragrafu 2 u li għandu marda li toħloq riskju reali għal ħajtu jew għall-integrità fiżika tiegħu jew riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti meta ma jkun hemm ebda kura adatta fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jirrisjedi, jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju tal-Belġju mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu.”. It-talba għandha tiġi ppreżentata b’ittra rreġistrata lill-Ministru jew lid-delegat tiegħu u għandha tinkludi l-indirizz tar-residenza effettiva tal-barrani fil-Belġju. Il-barrani għandu jibgħat flimkien mat-talba tiegħu kull informazzjoni utli u reċenti dwar il-marda tiegħu u l-possibbiltajiet u l-aċċessibbiltà ta’ trattament adatt fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jirrisjedi. Huwa għandu jibgħat ċertifikat mediku kif previst mir-Re, b’digriet iddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri. Dan iċ-ċertifikat mediku, li għandu jkollu data ta’ mhux iktar minn tliet xhur qabel il-preżentata tat-talba, għandu jindika l-marda, il-grad ta’ gravità u t-trattament meqjus li huwa neċessarju. L-evalwazzjoni tar-riskju msemmi fil-paragrafu 1, tal-possibbiltajiet ta’ trattament, l-aċċessibbiltà tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż fejn ikun jirrisjedi u tal-marda, il-grad ta’ gravità tagħha u t-trattament meqjus neċessarju fiċ-ċertifikat mediku, issir minn uffiċjal mediku jew tabib maħtur mill-ministru jew mid-delegat tiegħu li għandu jagħti parir dwar dan is-suġġett. Dan it-tabib jista’, jekk iqis li huwa neċessarju, jeżamina lill-barrani u jitlob parir addizzjonali minn esperti. […]” |
41. |
F’każ li jingħata l-permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħtu lill-persuna kkonċernata permess ta’ residenza għal perjodu limitat ta’ sena, iżda li jista’ jiġi estiż. Hija b’hekk ikollha dritt għal għajnuna soċjali mħallsa miċ-CPAS, li tista’ tieħu ħsieb, jekk il-persuna kkonċernata jkollha bżonn, li tħallas il-kontribuzzjonijiet għal assigurazzjoni tal-mard/invalidità kif ukoll l-ispejjeż mediċi ta’ dik il-persuna. Meta jiskadi perjodu ta’ ħames snin, il-persuna kkonċernata tista’ tingħata permess ta’ residenza għal żmien mingħajr limitu, li jagħtiha l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali. |
42. |
F’każ li dak il-permess ta’ residenza jiġi miċħud, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-persuna kkonċernata ordni biex titlaq mit-territorju, inkwantu r-residenza ta’ din tal-aħħar fit-territorju Belġjan issir irregolari. L-għajnuna soċjali b’hekk hija limitata għall-għoti ta’ għajnuna medika urġenti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali, dik l-għajnuna medika għandha tkopri t-trattament mediku, kemm preventiv kif ukoll ta’ kura, sabiex jiġi evitat li persuni li jsofru minn marda serja jġarrbu riskju għal ħajjithom jew għall-integrità fiżika tagħhom ( 14 ). |
43. |
Il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tiċħad il-permess ta’ residenza tagħha, li ma jissospendix l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tkeċċija. |
44. |
L-Artikolu 39/82 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li ma’ dak ir-rikors tista’ ssir talba għas-sospensjoni tal-miżura, li tista’ tiġi ppreżentata jew skont il-proċedura ordinarja, jew skont il-proċedura ta’ urġenza estrema, li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura. |
45. |
Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
|
46. |
Skont l-Artikolu 39/84 ta’ din il-liġi, il-Conseil du contentieux des étrangers biss għandu kompetenza biex jordna l-miżuri kollha meħtieġa għall-ħarsien tal-interessi tal-partijiet jew tal-persuni li għandhom interess fis-soluzzjoni tal-kawża, bl-eċċezzjoni tal-miżuri li jittrattaw dwar drittijiet ċivili. |
47. |
L-Artikolu 39/85 tal-imsemmija liġi jirregola, min-naħa tiegħu, l-eżami tal-miżuri provviżorji mitluba abbażi tal-urġenza estrema. Dan huwa fformulat kif ġej: “Jekk il-barrani jkun suġġett għal miżura ta’ tkeċċija jew ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħha tkun imminenti, il-barrani li jkun diġà ppreżenta talba għal sospensjoni jista’, kemm-il darba l-Conseil ikun għadu ma ddeċidiex dwar dik it-talba, jitlob, permezz ta’ miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 39/84, li l-Conseil jeżamina t-talba tiegħu għal sospensjoni fl-iqsar żmien possibbli. It-talba għal miżuri provviżorji u t-talba għal sospensjoni għandhom jiġu eżaminati flimkien […]. […] Sa minn meta tiġi riċevuta t-talba għal miżuri provviżorji, ma tistax issir l-eżekuzzjoni forzata tal-miżura ta’ tkeċċija jew ta’ refoulement sakemm il-Conseil ikun iddeċieda dwar it-talba jew ikun ċaħad it-talba. […] [J]ekk is-sospensjoni tkun għadha ma ngħatatx, l-eżekuzzjoni forzata tal-miżura terġa’ ssir possibbli. […]” |
48. |
Kemm it-talba għal sospensjoni b’urġenza estrema kif ukoll it-talba għal miżuri provviżorji b’urġenza estrema jeħtieġu li l-persuna kkonċernata turi l-imminenza ta’ dannu serju u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ miżura ta’ infurzar sabiex tiġi mġiegħla titlaq mit-territorju Belġjan. |
b) Ir-regoli dwar l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja
49. |
L-Artikolu 48/4 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jippreċiża, min-naħa tiegħu, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ( 15 ). Dan jittrasponi l-Artikoli 2(e), 15 u 17 tad-Direttiva 2004/83 u jippreċiża s-segwenti: “1) L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jingħata lil barrani li ma jistax jitqies li huwa refuġjat u li ma jkunx jista’ jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li fir-rigward jeżistu motivi serji li wieħed jemmen li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr Stat, fil-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa jaffaċċja r-riskju reali li jiltaqa’ mal-perikli serji msemmija fil-paragrafu 2, u li ma jkunx jista’ jew, fid-dawl ta’ dan ir-riskju, ma jixtieqx jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż u dan, sakemm ma jkunx kopert mill-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 55/4. 2) Għandhom jitqiesu li huma perikli serji:
|
50. |
F’każ li t-talba għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda, il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers. Skont l-Artikolu 39/70 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, dak ir-rikors huwa sospensiv: ħlief bil-kunsens tal-persuna kkonċernata, ebda miżura ta’ tkeċċija mit-territorju jew ta’ refoulement ma tista’ tiġi eżegwita b’mod forzat fil-konfront tagħha matul il-perjodu ffissat għall-preżentata ta’ rikors u matul l-eżami tiegħu. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata żżomm id-dritt li tibbenefika mill-għajnuna soċjali mogħtija mis-CPAS. Din tkopri l-bżonnijiet elementari kollha tal-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għajnuna medika, l-għajnuna soċjali, l-akkomodazzjoni, l-ikel kif ukoll l-edukazzjoni għat-tfal. |
2. Il-Liġi organika taċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali (loi organique des centres publics d’action sociale) tat-8 ta’ Lulju 1976
51. |
Il-Liġi organika taċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali tat-8 ta’ Lulju 1976 tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha d-dritt għal għajnuna soċjali għal kull ċittadin bil-għan li dan tal-aħħar ikun jista’ jgħix ħajja konformi mad-dinjità tal-bniedem. |
52. |
Skont l-Artikolu 57 ta’ dik il-liġi, il-missjoni taċ-CPAS hija li jiżgura lill-persuni u lill-familji l-għajnuna dovuta mill-awtorità. Hija tiżgura mhux biss għajnuna paljattiva jew kurattiva iżda wkoll għajnuna preventiva. Din l-għajnuna tista’ tkun materjali, soċjali, medika jew psikoloġika. |
53. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tal-imsemmija liġi madankollu jintroduċi deroga minn dak il-prinċipju meta jippermetti liċ-CPAS li jillimita l-missjoni tiegħu ta’ għoti ta’ għajnuna medika urġenti fir-rigward tal-barranin li joqogħdu illegalment fit-territorju. |
54. |
Id-Digriet Irjali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, dwar l-għajnuna medika urġenti mogħtija miċ-ċentri pubbliċi ta’ għajnuna soċjali lill-barranin li joqogħdu illegalment fir-Renju ( 16 ) jindika li l-għajnuna medika urġenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tal-Liġi tat-8 ta’ Lulju 1976 tikkonċerna l-għajnuna li hija ta’ natura esklużivament medika u li n-natura urġenti tagħha hija kkonfermata b’ċertifikat mediku. Dik l-għajnuna ma tistax tkun għajnuna finanzjarja, akkomodazzjoni jew għajnuna soċjali oħra in natura. |
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
55. |
Fil-15 ta’ April 2009, M. Abdida ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi abbażi tal-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Dik l-applikazzjoni ġiet iddikjarata ammissibbli fl-4 ta’ Diċembru 2009 u M. Abdida, għaldaqstant, ibbenefika mill-għajnuna soċjali mħallsa miċ-CPAS. |
56. |
Madankollu, fis-6 ta’ Ġunju 2011, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ċaħdu dik l-applikazzjoni fuq il-bażi li l-pajjiż ta’ oriġini tar-rikorrent għandu infrastruttura medika li tippermetti li tingħata kura lill-pazjenti li jkunu morda bl-AIDS. Dik id-deċiżjoni, flimkien mal-obbligu li jitlaq mit-territorju, ġiet innotifikata lil M. Abdida fid-29 ta’ Ġunju 2011. Dik in-notifika kienet tippreċiża li l-preżentata ta’ rikors għal annullament u ta’ talba għal sospensjoni ma kellhiex l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura. |
57. |
B’hekk, fis-7 ta’ Lulju 2011, M. Abdida ppreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers. Fit-13 ta’ Lulju 2011, iċ-CPAS iddeċieda li jirtira l-għajnuna soċjali li s’issa kienet tħallset lill-persuna kkonċernata u rrifjuta li jħallaslu l-għajnuna medika urġenti. Iċ-CPAS madankollu rreveda dik id-deċiżjoni fis-27 ta’ Lulju 2011, billi ta l-għajnuna medika urġenti lil M. Abdida. |
58. |
Fil-5 ta’ Awwissu 2011, huwa ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni taċ-CPAS quddiem it-tribunal du travail de Nivelles. B’sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dan ikkundanna liċ-CPAS biex iħallas għajnuna soċjali ekwivalenti għad-dħul ta’ integrazzjoni b’rata iżolata waqt li qies, b’mod partikolari, li d-dritt għall-għajnuna soċjali huwa kundizzjoni indispensabbli għall-eżerċitar effettiv ta’ rikors u li l-għajnuna soċjali li minnha jibbenefika M. Abdida b’hekk għandha tinżamm sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ċaħdet it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza. |
59. |
Fis-7 ta’ Ottubru 2011, iċ-CPAS appella minn din is-sentenza quddiem il-Cour du travail de Bruxelles. |
60. |
Dik il-qorti kkonstatat li, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, M. Abdida ma kellux rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u li huwa kien imċaħħad, sakemm kien qiegħed jistenna deċiżjoni dwar dak ir-rikors, minn kull għajnuna soċjali oħra ħlief għal għajnuna medika urġenti. Hija rrilevat ukoll li kien hemm differenza fit-trattament bejn persuna li titlob l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fuq il-bażi tal-Artikolu 48/4 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u dik li titlob li tingħata permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi fuq il-bażi tal-Artikolu 9b tal-imsemmija liġi. Il-cour constitutionnelle madankollu ġġustifikat dik id-differenza fit-trattament. |
61. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
62. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. |
III – L-analiżi tiegħi
A – Fuq l-ewwel domanda
63. |
L-ewwel domanda li tindirizzalna l-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-garanziji proċedurali u l-vantaġġi soċjali li Stat Membru huwa obbligat li jagħti fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
64. |
Kif irrilevaw il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, dik il-kwistjoni hija bbażata fuq il-postulazzjoni li permess ta’ residenza mogħti lil ċittadin ta’ pajjiżi terz minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu u bbażat fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jikkostitwixxi forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83. |
65. |
Għar-raġunijiet li semmejt fil-punti 40 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-kawża M’Bodj, u li tagħhom ser insemmi l-punti prinċipali hawnhekk, dik il-postulazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata ( 17 ). |
66. |
Effettivament, jiena tal-fehma li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu riskju reali li jbati trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ trattament mediku adegwat f’pajjiżu ma jistax jitqies bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83. Għalkemm f’ċerti ċirkustanzi partikolari, it-tbatija minħabba marda tista’ tikkostitwixxi trattament inuman jew degradanti, xorta jibqa’ l-fatt li wieħed mill-kriterji essenzjali għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ attur li kkawża l-periklu u li kontrih hija meħtieġa protezzjoni, fil-fehma tiegħi hija nieqsa. |
67. |
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li permess ta’ residenza mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 ma jistax jikkostitwixxi forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea għall-ażil. |
68. |
Ma għandux jintesa li s-sistema komuni Ewropea għall-ażil hija bbażata fuq in-neċessità li jiġi żgurat għall-individwi li jibżgħu minn persekuzzjoni minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, it-twemmin politiku jew l-appartenenza tagħhom għal grupp soċjali, jew li jkunu jiffaċċjaw riskju ta’ periklu serju fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, protezzjoni li pajjiżhom ma huwiex jew ma għadux f’pożizzjoni li jiggarantixxi peress li jkun qiegħed iwettaq dawk l-atti volontarjament jew inkella b’ommissjoni. |
69. |
Ir-reġim dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, kemm jekk ikun jikkonsisti fl-istatus ta’ refuġjat jew fl-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, b’hekk għandu għan partikolari u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni speċifika ( 18 ) li jippresupponi li jiġu sodisfatti żewġ elementi essenzjali. L-ewwel wieħed huwa kkostitwit mill-eżistenza ta’ riskju ta’ persekuzzjoni jew ta’ periklu serju fejn il-persuna kkonċernata tkun il-vittma, ladarba tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. It-tieni wieħed huwa kkostitwit mir-responsabbiltà diretta jew indiretta ta’ dak il-pajjiż fl-eżistenza ta’ dak ir-riskju. Il-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja b’hekk huwa rriżervat għall-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini ma jkunux assumew ir-responsabbiltà biex jiżguraw dik il-protezzjoni, jew għaliex ikunu huma stess li qegħdin iwettqu dik il-persekuzzjoni, jew inkella għaliex ikunu jħeġġu jew jittolleraw persekuzzjoni minn milizzji jew gruppi privati oħrajn. |
70. |
Dawn iż-żewġ elementi huma determinanti għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali għaliex fuqhom hija bbażata l-biża’ tal-individwu u jispjegaw l-impossibbiltà jew ir-rifjut tiegħu li jitlob il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. |
71. |
Fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja, dawn iż-żewġ elementi jirriżultaw b’mod ferm ċar mit-termini tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva. Effettivament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża mingħajr ambigwità li “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” hija persuna li mhux biss tista’ tinsab f’riskju reali li ġġarrab il-perikli serji ddefiniti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva jekk hija tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, iżda li lanqas ma tista’, jew lanqas ma tkun disposta minħabba dak ir-riskju, li titlob il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż. |
72. |
Barra minn hekk, huwa jiddefinixxi l-kunċett ta’ “periklu serju” bħala atti jew ċirkustanzi li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jkunu responsabbli direttament jew indirettament. |
73. |
Fil-fatt, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6 tagħha. |
74. |
L-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva jiddefinixxi tliet tipi ta’ periklu serju li fosthom insibu, taħt il-punt (b), it-trattamenti inumani jew degradanti imposti kontra l-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Il-leġiżlatur jiddefinixxi l-element materjali tal-periklu serju. Dan jikkonsisti fil-piena tal-mewt jew l-eżekuzzjoni, it-tortura, it-trattamenti jew kastigi inumani jew degradanti li ġġarrab il-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u theddid serju kontra ħajjitha jew persuntha minħabba vjolenza għamja f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. Dawk l-atti jippresupponu fihom infushom intenzjoni volontarja min-naħa ta’ attur li jimponi tbatija fiżika jew mentali ta’ intensità partikolari. |
75. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi min-naħa tiegħu l-element personali meta jiddetermina “l-atturi tal-perikli serji”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk jillimita espressament il-perimetru tal-perikli msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 għal dawk imwettqa jew mill-Istat, jew minn partiti jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw dak l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu, jew minn atturi mhux statali, jekk ikun jista’ jintwera li l-Istat jew il-partiti jew organizzazzjonijiet li jikkontrollawh ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jagħtu protezzjoni kontra l-persekuzzjonijiet jew il-perikli serji. |
76. |
B’hekk, sabiex persuna tkun tista’ titqies li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, ma huwiex biżżejjed li jintwera li hija tinsab fir-riskju li tiġi esposta għal trattament inuman jew degradanti ladarba tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, iżda jrid jintwera wkoll li dak ir-riskju jiġi minn fatturi li huma direttament jew indirettament imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ dak il-pajjiż, jew li t-theddid kontra l-persuna kkonċernata huma kkawżati mill-awtoritajiet tal-pajjiż li tiegħu jkollha n-nazzjonalità jew ikunu ttollerati minn dawk l-awtoritajiet, jew inkella dak it-theddid ikun ikkawżat minn gruppi indipendenti li kontrihom l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha ma jkunux f’pożizzjoni li jiżguraw protezzjoni effettiva liċ-ċittadini tagħhom. |
77. |
Kif jirrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, f’każ ta’ individwu li l-istat ta’ saħħtu jkun jeħtieġ attenzjoni medika u li ma jistax jibbenefika minn trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini, it-trattament inuman jew degradanti li huwa jkun fir-riskju li jġarrab f’każ ta’ ritorn lejn dak il-pajjiż ma huwiex provenjenti minn att jew ommissjoni intenzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi indipendenti tal-Istat. Fi kliem ieħor, f’każ bħal dak, wieħed mill-kriterji essenzjali għar-rikonoxximent tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini fit-twettiq tal-periklu gravi u li kontrih hija meħtieġa protezzjoni, hija neċessarjament nieqsa. |
78. |
F’sitwazzjoni bħal dik, il-protezzjoni offruta mill-Istat Membru ma tirrispondix għal bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dik id-direttiva u b’hekk ma tistax taqa’ taħt il-qafas tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil. |
79. |
Skont it-termini tal-Artikolu 2(g) in fine tal-imsemmija direttiva ( 19 ), dan huwa “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Dik il-protezzjoni tingħata għal raġuni oħra, fuq bażi diskrezzjonarja u b’rieda tajba, jew tkun iddettata minn kunsiderazzjonijiet umanitarji, ibbażati fuq il-ħarsien tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 20 ) u l-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta. F’din l-aħħar ipoteżi, hija l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti, flimkien man-nuqqas ta’ riżorsi mediċi adegwati fil-pajjiż ta’ oriġini, li tista’ tikkostitwixxi trattament inuman. |
80. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi b’mod ċar is-sitwazzjonijiet ibbażati fuq motivi ta’ umanità mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83. |
81. |
Effettivament, dan jippreċiża espressament, fil-kuntest tal-premessa 9 tad-Direttiva 2004/83, li “iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ [din] id-Direttiva” ( 21 ). |
82. |
Barra minn hekk, huwa interessanti li ssir referenza għall-ħidmiet preparatorji tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-abbozzar tal-Artikolu 15(b) ( 22 ), fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża dan li ġej: “Madankollu, kieku l-punt (b) kellu jinkludi l-ġurisprudenza kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [ ( 23 )] dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, ikollhom jiġu inklużi l-kawżi bbażati unikament fuq il-motivi ta’ umanità bħall-kawża D vs Ir-Renju Unit (1997) magħrufa wkoll bħala l-kawża Saint-Kitts [ ( 24 )]. Fil-kawża Saint-Kitts, għalkemm in-nuqqas ta’ aċċess għal sistema tas-saħħa żviluppata kif ukoll l-assenza ta’ qraba ma ġewx ikkunsidrati bħala tortura jew trattament inuman jew degradanti fihom infushom, it-tkeċċija lejn dak il-pajjiż, li kienet tikkostitwixxi theddida kontra l-ħajja tal-persuna kkonċernata, kienet deskritta bħala tali. Għaldaqstant, sabiex jiġu evitati l-kawżi bbażati fuq motivi ta’ umanità fir-reġim ta’ protezzjoni sussidjarja, li qatt ma kienet l-intenzjoni ta’ din id-direttiva, il-presidenza pproponiet li jiġi llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) billi ssir referenza għal riskju reali ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattament inuman jew degradanti li għandu jkun renjanti fil-pajjiż ta’ oriġini” ( 25 ). |
83. |
Għalkemm, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji ( 26 ), l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva “jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3 tal-KEDB” ( 27 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu llimita l-kamp ta’ applikazzjoni għat-trattamenti “imposti kontra applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu” ( 28 ), li jippresupponi r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dak il-pajjiż. Ir-reġim tal-protezzjoni internazzjonali u b’mod partikolari l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja b’hekk tabilħaqq jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni partikolari u speċifiku ( 29 ), distint mill-obbligi li għandhom l-Istati kontraenti abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB. |
84. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena għaldaqstant tal-fehma li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja u li, jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini, ikun jinsab f’riskju reali li jġarrab trattament inuman jew degradanti minħabba l-assenza ta’ trattament mediku adegwat f’pajjiżu ma jistax jitqies bħala “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83. |
85. |
Għaldaqstant, talba bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 li titlob l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83. |
86. |
Din lanqas ma tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ testi oħrajn li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea għall-ażil, jiġifieri d-Direttivi 2003/9 u 2005/85. |
87. |
Effettivament, il-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza li jipprovdi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2003/9 huma indirizzati, b’mod konformi mal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil jew, jekk l-Istat Membru jiddeċiedi hekk, lill-applikanti għal forma ta’ protezzjoni oħra. |
88. |
Bl-istess mod, il-garanziji proċedurali rikonoxxuti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85 jikkonċernaw, b’mod konformi mal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, l-applikazzjonijiet għall-ażil kif ukoll id-deċiżjonijiet li jirtiraw l-istatus ta’ refuġjat u, jekk l-Istat Membru hekk jiddeċiedi, kull talba oħra għall-għoti ta’ tip ieħor ta’ protezzjoni internazzjonali. |
89. |
Mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-Renju tal-Belġju ma kellux l-intenzjoni li jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ dawk it-testi lill-persuni li jippreżentaw talba bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. |
90. |
Jiena b’hekk tal-fehma li l-garanziji ta’ natura proċedurali u l-vantaġġi soċjali ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. |
91. |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-garanziji ta’ natura proċedurali u l-vantaġġi soċjali ffissati f’dan il-kuntest mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma humiex applikabbli għal talba għal permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. |
B – Fuq it-tieni domanda
92. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, teskludi l-eżistenza ta’ rikors li jissospendi ipso jure d-deċiżjoni ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jiċħdu permess ta’ residenza għal raġunijiet mediċi u, min-naħa l-oħra, tillimita l-provvediment ta’ bżonnijiet elementari tal-persuna kkonċernata biss għal għajnuna medika urġenti waqt il-perjodu sħiħ tal-kawża fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta u tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri abbażi tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
93. |
Fuq bażi preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li d-domanda li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li jitqiesu regoli legali differenti minn dawk imsemmija espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 30 ). |
94. |
Fil-fatt, il-cour du travail de Bruxelles tibbaża din it-tieni domanda fuq id-drittijiet u l-garanziji proċedurali mogħtija lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali mid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 kif ukoll mill-Karta u b’mod partikolari r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 1 sa 4 tagħha, li jistabbilixxu l-prinċipju tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet għall-ħajja, l-integrità fiżika u li wieħed ma jkunx suġġett għal trattament inuman jew degradanti, mill-Artikolu 19(2) tagħha, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ non-refoulement, mill-Artikoli 20 u 21 tagħha, li fuqhom huma bbażati l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni u finalment, mill-Artikolu 47 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. |
95. |
Għar-raġunijiet li għadni kif semmejt, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni tat-testi li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea għall-ażil għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li tiġi eżaminata d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju waqt li jitqiesu d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85. |
96. |
Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu invokati r-regoli proċedurali applikabbli għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115. Effettivament, b’mod konformi mal-Artikoli 1 u 13 tagħha, din għandha l-għan li tistabbilixxi standards u proċeduri komuni għall-Istati Membri kollha f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjoni ta’ ritorn u tippreċiża, fil-kapitolu III tagħha, id-drittijiet u l-garanziji proċedurali li għandhom jingħataw f’dan il-kuntest liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment. |
97. |
F’din il-kawża huwa stabbilit li, matul iż-żmien kollu tal-proċedura miftuħa quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers, M. Abdida ġie kkunsidrat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li kien qiegħed fil-pajjiż b’mod irregolari. Dan b’hekk jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif iddeterminat mill-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva. |
98. |
Barra minn hekk, jiena tal-fehma li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali ċaħdu t-talba għal permess ta’ residenza fformulata mill-persuna kkonċernata u ordnat, skont l-Artikolu 7 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, it-tkeċċija tagħha mit-territorju tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ ritorn” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva ( 31 ). Effettivament, permezz ta’ dik id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Belġjani ddikjaraw ir-residenza ta’ M. Abdida fit-territorju Belġjan bħala illegali u ħabbru kontrih obbligu ta’ ritorn. Dik id-deċiżjoni ma tikkostitwixxi xejn iktar mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, li jippreskrivi li l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fit-territorju tagħhom illegalment. |
99. |
F’sitwazzjoni bħal din, irregolata mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri b’hekk huma obbligati, b’mod konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta li japplikaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Åkerberg Fransson ( 32 ) u Pfleger et ( 33 ), l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika f’dawk iċ-ċirkustanzi l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. |
100. |
B’hekk huwa b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tal-istipulazzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet fundamentali pproklamati fil-kuntest tal-Karta li għandu jiġi eżaminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-assenza ta’ rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u l-provvediment tal-bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tal-persuna kkonċernata jirrispettawx id-drittijiet rikonoxxuti lil din tal-aħħar fl-Unjoni. |
2. L-interpretazzjoni tiegħi
a) Fuq l-eżistenza ta’ rimedju sospensiv ipso jure
101. |
L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, bit-titolu “Rimedji”, jagħti liċ-ċittadin ikkonċernat id-dritt ta’ rimedju effettiv biex jattakka d-deċiżjonijiet marbuta ma’ ritorn. |
102. |
Skont il-paragrafu 2 ta’ dik id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’hekk jistgħu jissospendu temporanjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’tali ipoteżi, dik is-sospensjoni twassal, b’mod konformi mal-Artikolu 9 ta’ dik id-direttiva, għall-posponiment tat-tkeċċija. |
103. |
Għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju tal-proposta ta’ direttiva li l-Kummissjoni kienet ifformulat, dik id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri biex jipprovdu rimedju sospensiv meta dan jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn ( 34 ), peress li din hija sempliċement fakultà. |
104. |
Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, nemmen li l-għan tad-Direttiva 2008/113 kif ukoll il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari r-rekwiżiti dderivati mill-Artikoli 1, 2, 3, 4, 19(2) u 47 tal-Karta, jeżiġu li l-persuna kkonċernata jkollha rimedju li jissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija. |
105. |
Effettivament, l-għan tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 jista’ jiġi dedott b’mod ċar mill-prinċipju prinċipali li jesprimi l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva, li huwa intiż biex jiggarantixxi, b’ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, protezzjoni effikaċi tal-interessi tagħhom u b’mod partikolari ripatrijazzjoni f’kundizzjonijiet umani u dinjitużi ( 35 ). |
106. |
B’hekk, l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistax jinftiehem għajr b’konformità u b’koerenza mad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 1 sa 4 tal-Karta li jiggarantixxu l-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-dritt għall-ħajja u l-integrità tal-persuna u jipprojbixxu t-trattament inuman u degradanti. Għandha tiġi interpretata wkoll b’mod konformi mal-prinċipju ta’ non-refoulement imsemmi fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. Finalment, għandha tiżgura l-ħarsien tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni kif stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 ta’ dak l-istess test u jiggarantixxu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta. Dawk ir-referenzi huma, fil-fatt, neċessarjament inklużi fir-referenzi għad-drittijiet fundamentali inklużi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115. |
107. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva, u b’mod iktar ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jittrattaw speċifikament il-garanziji proċedurali li jistgħu jinvokaw iċ-ċittadini kkonċernati fil-kuntest tar-rimedju tagħhom, ma jistax jiġi applikat b’mod konkret u b’mod konformi ma’ dawk it-testi ħlief jekk jiġi żgurat il-ħarsien ta’ dawk il-valuri. |
108. |
L-effettività tar-rimedji msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva u stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta timplika, fil-fehma tiegħi, li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, dak ir-rimedju għandu jkollu effett ipso jure sospensiv. |
109. |
Fl-ewwel lok, f’sitwazzjoni bħal dik, l-Istat Membru huwa obbligat li jirrispetta l-prinċipju ta’ non-refoulement b’mod konformi mal-obbligi li huwa għandu abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, li jippreskrivi, għandu jitfakkar, li “[ħ]add ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”. Għaldaqstant, il-ħarsien ta’ tali dispożizzjoni jeħtieġ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi sospiża awtomatikament matul iż-żmien li l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina l-legalità ta’ din tal-aħħar kif ukoll l-ilmenti ssollevati mill-persuna kkonċernata rigward l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament kontra l-Artikolu 4 tal-Karta. |
110. |
Fit-tieni lok, l-QEDB iddeċidiet li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv stabbilit fl-Artikolu 13 tal-KEDB jeħtieġ li l-persuna barranija li kontriha tkun inħarġet ordni ta’ tkeċċija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha rimedju b’effett sospensiv ipso jure, meta hija ssostni “ilment difensibbli” fejn hija tgħid li t-tkeċċija tesponiha għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB ( 36 ). Effettivament, il-QEDB hija tal-fehma li, f’sitwazzjoni bħal dik, l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija li l-legalità tagħha tkun ikkontestata tista’ twassal għal ħsara li ma tistax titreġġa’ lura, u li b’hekk għandu jiġi evitat li din titwettaq billi tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tagħha. Hija tal-fehma li barrani li jkun ibati minn marda serja u li ma jistax jingħata kura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jista’ jsostni dak l-ilment. Barra minn hekk, hija tal-fehma li l-effettività tar-rikors timplika wkoll rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ ħeffa ( 37 ). |
111. |
Kien fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza li r-Renju tal-Belġju ġie kkundannat f’sentenza tas-27 ta’ Frar 2014 ( 38 ). Dik il-kawża kienet tikkonċerna ċittadina Niġerjana, li kienet tbati mill-AIDS u li kontriha l-awtoritajiet kienu adottaw ordni ta’ tkeċċija. Hija allegat li t-tkeċċija lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha kienet tesponiha għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB u lmentat dwar l-assenza ta’ rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ dik il-konvenzjoni. |
112. |
Wara li eżaminat ir-regoli proċedurali applikabbli, il-QEDB iddeċidiet li r-rimedji miftuħa kontra ordni ta’ tkeċċija adottata wara ċ-ċaħda ta’ talba għal permess ta’ residenza bbażata fuq l-Artikolu 9b tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 ma kinux suffiċjenti biex jiggarantixxu l-ħarsien tal-Artikolu 13, flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB. |
113. |
Il-QEDB fl-ewwel lok ikkonstatat li, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tali rikors ma jissospendix l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija ( 39 ). |
114. |
Hija sussegwentement irreferiet għall-proċeduri speċifiċi stabbiliti fil-kuntest tal-Artikoli 39/82 sa 39/85 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 relatati mas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tkeċċija. |
115. |
L-ewwel kombinament ta’ rimedji jikkonsisti fil-preżentata, fi żmien 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni, ta’ rikors għal annullament kif ukoll ta’ talba għal sospensjoni ordinarja flimkien ma’, fil-mument meta l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal miżura ta’ infurzar, talba għal miżuri proviżorji b’urġenza estrema. It-tieni kombinament jikkonsisti fil-preżentata ta’ talba għal sospensjoni b’urġenza estrema li teħtieġ l-eżistenza ta’ miżura ta’ infurzar kontra l-persuna kkonċernata ( 40 ). |
116. |
Il-QEDB iddeċidiet li dawn il-proċeduri huma “diffiċilment operazzjonali” u “wisq kumplessi” biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ disponibbiltà u ta’ aċċessibbiltà tar-rimedji meħtieġa abbażi tal-Artikolu 13, flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB ( 41 ). |
117. |
Hija fl-ewwel lok irrilevat li din is-sistema għandha l-effett li tobbliga lill-persuna kkonċernata, li tkun suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija u li ssostni li jkun hemm urġenza biex titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura, li tippreżenta rikors konservatorju, f’dan il-każ talba għal sospensjoni ordinarja. Fil-fehma tagħha, dan ir-rikors, li ma għandux effett sospensiv, b’hekk għandu jiġi ppreżentat bl-uniku skop li jippreżerva d-dritt tal-persuna kkonċernata sabiex tkun tista’ taġixxi b’urġenza meta sseħħ il-vera urġenza, jiġifieri l-eżistenza ta’ miżura ta’ infurzar. Fl-ipoteżi li l-persuna kkonċernata ma tkunx ippreżentat dak ir-rikors konservatorju fil-bidu tal-proċedura, u fejn l-urġenza sseħħ wara, il-QEDB konsegwentement ikkonstatat li l-persuna kkonċernata b’hekk issib ruħha mċaħħda mill-possibbiltà li titlob is-sospensjoni tal-miżura ta’ tkeċċija ( 42 ). Rigward ir-regoli li jirregolaw it-talbiet għal sospensjoni ppreżentati b’urġenza estrema, il-QEDB iddikjarat ukoll li dawn “ipoġġu lill-persuni kkonċernati f’sitwazzjoni diffiċli, inkwantu minbarra li diġà jkunu jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli, ikollhom jaġixxu in extremis fil-mument tal-eżekuzzjoni infurzata tal-miżura” ( 43 ). |
118. |
Kien wara li għamlet dawn il-konstatazzjonijiet li l-QEDB ikkonkludiet li l-persuna kkonċernata ma kellhiex rimedju effettiv, peress li r-rimedju li kellha ma kienx sospensiv u ma kienx jippermetti eżami effettiv tal-motivi li jallegaw ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB ( 44 ). |
119. |
F’din il-kawża u wara, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta, il-Gvern Belġjan iddeskriva proċedura li jidhirli li effettivament hija kumplessa biex tiġi implimentata fid-dawl tal-urġenza u l-gravità tas-sitwazzjoni u li ma hijiex faċilment aċċessibbli għall-immigranti li għalihom hija indirizzata ( 45 ). Fil-fatt, l-effettività ta’ rimedju għandha tiġi evalwata każ b’każ u skont il-kuntest li fih isseħħ. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-immigranti jistgħu jħossuhom vulnerabbli psikoloġikament, u li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet, minħabba l-lingwa tagħhom, pereżempju, biex jifhmu l-proċeduri li għandhom isegwu sabiex jipproteġu ruħhom kontra tkeċċija mit-territorju, waqt li fl-istess ħin għadd kbir fosthom ma jkollhomx il-mezzi, f’dan l-istadju, biex iqabbdu assistenza legali. |
120. |
Matul is-seduta, il-Gvern Belġjan iddefenda ruħu dwar l-assenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure billi argumenta li, fil-prattika, l-introduzzjoni ta’ rikors għal annullament quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers iwassal għal sospensjoni de facto tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, peress li l-awtoritajiet nazzjonali Belġjani jittolleraw ir-residenza irregolari tal-persuna kkonċernata fit-territorju Belġjan sakemm iddum il-kawża. |
121. |
Għalkemm din is-sitwazzjoni hija, fil-prattika, identika għal dik fejn ir-rimedju espressament jissospendi l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija, madankollu tippreżenta għadd kbir ta’ inkonvenjenzi. |
122. |
Fl-ewwel lok, minkejja dik is-sospensjoni de facto, il-persuna kkonċernata ma tkunx uffiċjalment protetta kontra tkeċċija forzata inkwantu, b’mod konformi mal-Artikolu 74/14(1) u (2) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, dik il-protezzjoni tingħata unikament matul it-terminu ta’ 30 jum mogħti għal tluq volontarju. Dak it-terminu jiskadi malajr u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’hekk jistgħu jeżegwixxu uffiċjalment l-ordni ta’ tkeċċija f’kull mument. Dan joħloq diffikultà maġġuri, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta. |
123. |
Fit-tieni lok, minkejja t-tolleranza de facto li tagħha jġibu prova l-awtoritajiet, il-persuna kkonċernata tibqa’ suxxettibbli li tkun suġġetta għal sanzjoni penali minħabba r-residenza irregolari tagħha fit-territorju. B’hekk hija ma hijiex protetta uffiċjalment kontra arrest eventwali. |
124. |
Fit-tielet lok, inkwantu t-tkeċċija hija sospiża b’mod mhux uffiċjali, dik is-sospensjoni ma hijiex akkumpanjata bi drittijiet relatati u, b’mod partikolari, b’garanziji ta’ natura ekonomika u soċjali li l-leġiżlatur jirrikonoxxi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li t-tkeċċija tagħhom tiġi ddifferita uffiċjalment. Dan joħloq diffikultà oħra, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-miżura ta’ tkeċċija tkun tikkonċerna lil persuna li jkollha marda serja, li għandha tkun tista’ tibbenefika, bħal kull ċittadin ieħor ta’ pajjiżi terz li t-tkeċċija tiegħu tiġi ddifferita uffiċjalment, mill-għoti ta’ kura partikolari skont ma jkun jeħtieġ l-istat ta’ saħħtu. |
125. |
Fir-raba’ lok, ma nistgħux ninjoraw iż-żmien partikolarment twil tal-proċedura inkwistjoni, li ġiet ippreżentata fis-7 ta’ Lulju 2011. Lil hinn mill-inkonvenjenzi marbuta mal-inċertezzi madwar l-istatus ġuridiku tal-persuna kkonċernata, is-sitwazzjoni materjali tagħha li hija estremament inkwetanti kif ukoll il-gravità tal-ilmenti li din tal-aħħar tissolleva quddiem il-qorti, nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk, meta jitqies id-dewmien tagħha, dik il-proċedura hijiex adegwata u toffrix il-garanziji kollha li għandhom jakkumpanjaw il-preżentata ta’ rimedju effettiv. |
126. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, inħoss li l-persuna kkonċernata ma tibbenefikax mid-drittijiet rikonoxxuti lilha minn din il-Karta u, b’mod partikolari, mid-dritt li tibbenefika minn rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta. |
127. |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola proċedurali nazzjonali li teskludi l-eżistenza ta’ rimedju b’effett sospensiv ipso jure meta dak ir-rimedju jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tkun tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, u dan meta jitqies l-istat ta’ saħħa ta’ din tal-aħħar. |
b) Fuq it-teħid ta’ responsabbiltà għal bżonnijiet elementari minbarra dawk mediċi tal-persuna kkonċernata
128. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 12 ta’ dik id-direttiva, iħabbar il-garanziji ta’ natura ekonomika u soċjali li “ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija” jistgħu jinvokaw “sakemm iseħħ ir-ritorn”. B’hekk matul il-perjodu sakemm iseħħ tluq volontarju u waqt il-perjodi li matulhom it-tkeċċija tkun ġiet iddifferita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinżamm l-għaqda tal-familja kif ukoll li jiggarantixxu kura medika urġenti u t-trattament indispensabbli tal-mard. Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-minorenni jkollhom aċċess għas-sistema edukattiva bażika u li l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli jiġu kkunsidrati. Dik id-dispożizzjoni tirrifletti l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jeżiġi li l-Istati Membri debitament iqisu s-sitwazzjoni medika, familjali u soċjali tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, l-istat ta’ saħħitha meta jimplementaw dik id-direttiva. |
129. |
Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni esprima fil-premessa 12 tal-imsemmija direttiva l-intenzjoni tiegħu li “tiġi indirizzata s-sitwazzjoni” ta’ dawk l-immigranti, fil-fehma tiegħi dak l-għan intlaħaq biss parzjalment, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. |
130. |
Fl-ewwel lok, jekk nimxu mat-termini tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115, nikkonstataw li M. Abdida ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni u b’hekk li jibbenefika mill-garanziji msemmija f’dik id-dispożizzjoni. Effettivament, it-terminu ta’ 30 jum mogħti lilu għall-finijiet ta’ tluq volontarju skada u l-miżura ta’ tkeċċija adottata fil-konfront tiegħu ma ġietx iddiferita uffiċjalment. |
131. |
Dak it-test b’hekk ma jirrikonoxxix espressament garanziji f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tkun de facto sospiża matul il-kawża ( 46 ). |
132. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-garanziji previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-imsemmija dispożizzjoni ma jkoprux id-drittijiet kollha u, b’mod partikolari, id-drittijiet li fil-fehma tiegħi huma l-iktar essenzjali fil-mument meta l-persuna kkonċernata mhux neċessarjament ikun għad għandha sorsi ta’ dħul u jkollha titkeċċa mit-territorju, jiġifieri li jkollha x’tiekol, x’tilbes u fejn toqgħod. |
133. |
Għalkemm għandha tinżamm l-għaqda tal-familja, tiġi ggarantita edukazzjoni bażika lill-minorenni, jiġu pprovduti kura medika urġenti u trattament “indispensabbli tal-mard” waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli, l-Artikolu 14(1) ta’ dik id-direttiva ma jġiegħelx espressament lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi għajr dawk mediċi tal-persuna kkonċernata. |
134. |
Id-Direttiva 2008/115 b’hekk ma tipproċedix għal armonizzazzjoni, imqar minima, tar-regoli dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istati Membri għall-bżonnijiet bażiċi ta’ dawk l-immigranti. Dik id-direttiva b’hekk hija distinta b’mod ċar ħafna mid-Direttiva 2003/9, li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iġiegħel lill-Istati Membri biex jiggarantixxu kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza għal dawk li jfittxu ażil sakemm ikunu qegħdin jistennew deċiżjoni, b’mod li jkopri l-iktar bżonnijiet essenzjali kollha tagħhom. |
135. |
Din il-kontestazzjoni tista’ tiġi fformulata fuq il-bażi ta’ sempliċi qari tal-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, skont dik il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li “[il-]kondizzjonijiet bażiċi [taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li jkunu għadhom ma tkeċċewx] ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali” ( 47 ). L-użu tal-forma kundizzjonali u, b’mod partikolari, l-għażla tal-verb “jiġu definiti”, juru b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fir-rigward tan-natura tal-bżonnijiet li dawn tal-aħħar għandhom jissodisfaw (anki jekk, fil-fehma tiegħi, id-definizzjoni tal-bżonnijiet bażiċi tirriżulta weħidha). Il-leġiżlatur tal-Unjoni, barra minn hekk, ma jagħmel ebda referenza oħra għas-sodisfazzjoni ta’ dawk il-bżonnijiet fil-kumplament tat-test ta’ dik id-direttiva. |
136. |
Dik il-formolazzjoni hija distinta minn dik proposta mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposta tagħha ta’ direttiva fejn hija mmilitat favur allinjament tal-garanziji li għandhom jingħataw lill-immigranti f’sitwazzjoni irregolari ma’ dawk previsti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/9. |
137. |
Il-premessa 8 tal-proposta ta’ direttiva fil-fatt kienet ifformulata skont kif ġej: “Għandha titqies is-sitwazzjoni tal-persuni li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li jkunu (għadhom) ma jistgħux jitkeċċew. Għandhom jiġu ffissati standards minimi applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ dawn il-persuni, billi ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil” ( 48 ). |
138. |
Fl-Artikolu 13 tal-proposta ta’ direttiva, dwar il-“[g]aranziji fl-istennija ta’ ritorn”, il-Kummissjoni b’hekk kienet irreferiet b’mod espress għall-kapitoli II u IV tad-Direttiva 2003/9, li kienu jipprovdu f’termini ferm iktar konkreti u preċiżi l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil dawk li jfittxu ażil sakemm tingħata deċiżjoni sabiex, minn naħa, ikun iggarantit li jkollhom livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li jkollhom kundizzjonijiet ta’ għajxien paragunabbli fl-Istati Membri kollha ( 49 ). Dik id-dispożizzjoni hija fformulata skont kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet iddifferita jew li ma jistgħux jitkeċċew għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ma jkunux inqas favorevoli minn dak li huwa previst fl-Artikoli 7 sa 10, fl-Artikolu 15 u fl-Artikoli 17 sa 20 tad-Direttiva [2003/9]” ( 50 ). |
139. |
Matul in-negozjati, dawk il-proposti ta’ test ġew abbandunati u, b’mod partikolari, kull referenza espressa għar-reġim dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil li jinsab fid-Direttiva 2003/9. Għalkemm l-Artikolu 14 ġdid tad-Direttiva 2008/115 jirriproduċi parzjalment il-garanziji previsti mid-Direttiva 2003/9, dan madankollu jħalli barra ċerti elementi fundamentali u, b’mod partikolari, il-garanzija ta’ livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat. |
140. |
Finalment, fl-aħħar lok, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat b’tali mod li huwa diffiċli biex wieħed jevalwa l-portata, il-forma u l-livell minimu tas-servizzi li għandhom jingħataw lill-persuna kkonċernata. |
141. |
Dak l-artikolu ma jippreċiżax, fil-fatt, liema dispożizzjonijiet l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw sabiex iżommu l-għaqda tal-familja u x’tip ta’ għajnuna għandhom jagħtu lill-iktar persuni vulnerabbli sabiex ikunu jistgħu jipprovdu għall-bżonnijiet partikolari tagħhom. Bl-istess mod, ċerti espressjonijiet bħal dawk li jsemmu “it-trattament indispensabbli tal-mard” huma wesgħin biżżejjed biex ikunu jistgħu jingħataw diversi interpretazzjonijiet u jkollhom portata u ġeometrija varjabbli skont l-Istat Membru. |
142. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u għall-kuntrarju tal-għan stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115, is-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-“ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija” ma tistax titqies li ġiet “indirizzata”. |
143. |
Fil-kuntest tal-proposta tiegħu għal riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea ( 51 ), il-Parlament barra minn hekk ikkonstata li l-aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa stabbilit fl-Artikolu 35 tal-Karta ma huwiex iggarantit fil-prattika jew fil-liġi għall-persuni mingħajr permess ta’ residenza. Bħala konsegwenza, huwa sejjaħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-immigranti mingħajr dokumenti jkunu jistgħu jibbenefikaw — u jibbenefikaw realment — minn aċċess ekwu għal servizzi tas-saħħa u talabhom biex jirriflettu dwar il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi fil-qasam tal-kura mogħtija lill-popolazzjonijiet immigranti f’sitwazzjoni irregolari, billi jiddefinixxu servizzi ta’ kura bażiċi bbażati fuq prinċipji komuni kif tipprovdi l-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
144. |
Lil hinn mill-konstatazzjoni fformulata mill-Parlament, din il-kawża tiżvela realtà oħra, dik tas-sitwazzjoni ġuridika u materjali konkreta li fiha jinsabu l-immigranti li jkunu qegħdin jistennew li jitkeċċew. |
145. |
B’mod konkret, M. Abdida, li jinsab fi stat ta’ saħħa kritiku, kif jieħu ħsieb il-bżonnijiet l-iktar elementari tiegħu wara li ppreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers fis-7 ta’ Lulju 2011, jiġifieri għal perjodu ta’ 3 snin? |
146. |
Huwa ilu f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Belġjan sa mid-29 ta’ Ġunju 2011, id-data meta l-awtoritajiet innotifikawh bl-obbligu tiegħu li jitlaq mit-territorju u qatgħuh mir-reġistru tal-barranin. Għaldaqstant, il-preżenza tiegħu fit-territorju hija ttollerata de facto mill-awtoritajiet sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Kif diġà rajna, dik il-proċedura hija twila, u ddum ħafna xhur, jew ftit snin, u l-persuna kkonċernata mhux biss tibqa’ fi stat ta’ inċertezza dwar jekk hijiex ser titkeċċa jew le, iżda lanqas ma hija protetta kontra l-possibbiltà ta’ arrest, peress li r-residenza irregolari tista’ tkun suġġetta għal sanzjoni penali. |
147. |
Dan l-istatus jiddetermina b’mod ċar il-grad tiegħu ta’ aċċess għal impjieg, għal akkomodazzjoni u għal servizzi soċjali u mediċi, li f’dan il-każ huwa kważi null. M. Abdida jinsab eskluż mis-suq regolari tax-xogħol, li jimplika nuqqas ta’ dħul biex ikun jista’ jlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu u, b’mod partikolari, biex ikollu x’jiekol, x’jilbes u fejn joqgħod. Huwa ċertament jinsab ikkonfrontat b’diffikultajiet kbar biex isib fejn joqgħod, peress li l-kiri ta’ akkomodazzjoni lil immigrant f’sitwazzjoni irregolari jista’ jiġi penalizzat. Barra minn hekk, huwa jista’ jirrikorri biss b’mod parzjali għall-għajnuna soċjali għaliex skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, din hija limitata għall-għoti ta’ għajnuna medika urġenti. |
148. |
Dan l-istat ta’ fatt jista’ b’mod ċar ipoġġi lill-persuna kkonċernata fi stat ta’ faqar assolut u taffettwa direttament il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħha. Fil-ġurisprudenza kostanti tagħha, il-QEDB barra minn hekk kienet tal-fehma li dħul insuffiċjenti jista’, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, joħloq riskju għall-ħajja jew l-integrità fiżika tal-individwu kif ukoll riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, kontra l-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB ( 52 ). |
149. |
Jekk nimxu mat-test tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115, ma jidhirlix li huwa koerenti li l-Istati Membri jiġu mġiegħla jipprovdu għajnuna medika urġenti jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jiġux ipprovduti l-bżonnijiet l-iktar elementari tal-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi ma huwiex koerenti li l-Istati Membri jkunu mġiegħla jiggarantixxu l-għaqda tal-familja jew inkella l-edukazzjoni bażika tat-tfal mingħajr ma dan jimplika obbligu li tiġi żgurata s-sussistenza tal-individwu u li jiġi żgurat li jkollu kundizzjonijiet ta’ għajxien umani u dinjitużi. |
150. |
Ma jidhirlix li huwa ġust jew ekwu li ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu fit-territorju tkun suġġetta għal tolleranza de facto sakemm jiġi eżaminat ir-rikors tiegħu jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn dak miżmum taħt detenzjoni abbażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115. Għalkemm dan tal-aħħar effettivament ikun mċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu, u dan minħabba l-aġir tiegħu, huwa madankollu jkollu akkomodazzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni speċjalizzat li jkopri, fil-prinċipju, il-bżonnijiet bażiċi kollha, inkluża assistenza legali kif ukoll servizzi soċjali u mediċi, u dan għal perjodu li jista’ jdum sa 18-il xahar. Għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-persuna kkonċernata tkun tibqa’ wkoll “fi stennija ta’ tkeċċija”, il-kopertura ta’ dawk il-bżonnijiet ma hijiex żgurata. |
151. |
Lanqas ma jidhirli li jkun iktar koerenti jekk wieħed jeżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw l-effettività ta’ rikors u, b’mod partikolari, li jipprovdu rimedju sospensiv ipso jure tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija jekk l-immigrant ma jkunx jista’, waqt li jkun qiegħed jistenna d-deċiżjoni li jkollha tingħata mill-qorti, ikollu x’jiekol, fejn joqgħod jew x’jilbes b’mod dinjituż. |
152. |
Finalment, wieħed ma għandux jinsa li l-assenza ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-bżonnijiet l-iktar elementari tal-immigranti taċċentwa l-emarġinazzjoni tagħhom. Il-fatt li ċittadin ta’ pajjiżi terz li jkun qiegħed jistenna tkeċċija jiġi mċaħħad, matul perjodu daqstant twil wara l-preżentata tar-rikors tiegħu, minn kopertura tal-iktar bżonnijiet essenzjali tiegħu, joħloq ir-riskju li dan jasal biex jitlaq mit-territorju tal-Istat ospitanti biex imur fi Stat Membru ieħor, biex b’hekk jikkawża movimenti sekondarji tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari u għaldaqstant immigrazzjoni klandestina fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni. Dik is-sitwazzjoni tista’ wkoll twasslu biex jidħol mhux fl-illegalità jew il-klandestinità — għaliex diġà jkun jinsab f’dik is-sitwazzjoni — iżda fil-kriminalità, sabiex ikun jista’ jiffinanzja l-bżonnijiet tiegħu. B’mod ċar, dawk il-konsegwenzi huma ferm ’il bogħod mill-għan iddikjarat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, fejn jgħid li jeħtieġ “li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb” ( 53 ). |
153. |
Jekk id-Direttiva 2008/115 tiġi applikata b’tali mod li twassal għal tali inkoerenzi u tali irregolaritajiet, dan b’mod ċar ma jippermettix li tiġi ggarantita l-effettività tagħha. |
154. |
Il-portata tal-garanziji msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dik id-direttiva b’hekk għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan tagħha li, għandu jitfakkar, huwa intiż biex jiffissa regoli ċari u ekwi sabiex tiġi ddefinita politika ta’ ritorn li tkun mhux biss effikaċi, iżda li tippermetti wkoll li jiġi żgurat, b’mod konformi mal-prinċipju kardinali li jesprimi l-leġiżlatur fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, il-ħarsien tal-valuri stabbiliti fil-Karta. |
155. |
Il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet tal-ħajja, tal-integrità u tas-saħħa stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 1, 2, 3 u 35 ( 54 ) tal-Karta iżda wkoll il-projbizzjoni tat-trattament inuman jew degradanti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik il-Karta jopponu, fil-fehma tiegħi, li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiżi terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment u li t-tkeċċija tiegħu tkun ġiet sospiża de facto jkun imċaħħad, sakemm jiġi eżaminat ir-rikors tiegħu, minn kopertura tal-bżonnijiet bażiċi tiegħu. |
156. |
Li jiġu ssodisfatti l-iktar bżonnijiet elementari huwa, fil-fehma tiegħi, dritt essenzjali li ma jistax ikun sekondarju għall-istatus ġuridiku tal-persuna kkonċernata. |
157. |
Għalkemm il-grad ta’ dak it-teħid ta’ responsabbiltà għandu jiġi ddeterminat minn kull wieħed mill-Istati Membri, u dan meta titqies il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom mid-Direttiva 2008/115, jidhirli li dak it-teħid ta’ responsabbiltà għandu jkun suffiċjenti biex jiggarantixxi s-sussistenza tal-persuna kkonċernata kif ukoll livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għal saħħitha, billi jkollha, b’mod partikolari, akkomodazzjoni li tikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha ( 55 ). |
158. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għaldaqstant nikkunsidra li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li jkunu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, tillimita l-għajnuna mogħtija għall-bżonnijiet bażiċi biss għal għajnuna medika urġenti. F’sitwazzjoni bħal din, u matul il-perjodu kollu tal-kawża, l-Istat Membru huwa obbligat li jiggarantixxi għajnuna suffiċjenti għall-bżonnijiet bażiċi tal-persuna kkonċernata b’mod li jiġi ggarantit is-sussistenza tagħha kif ukoll livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għal saħħitha, li jippermettilha, b’mod partikolari, li jkollha fejn toqgħod waqt li jitqiesu, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tagħha. |
IV – Konklużjoni
159. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-court du travail de Bruxelles:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101). Din id-direttiva ġiet issostitwita bid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24).
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 326, p. 13, u rettifika ĠU 2006, L 236, p. 36).
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 6 ) Konklużjonijiet M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2113).
( 7 ) ĠU L 348, p. 98.
( 8 ) Ara l-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva.
( 9 ) Ara l-konklużjonijiet M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 19) li wasslu għas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 72).
( 10 ) Dik il-konvenzjoni, li ġiet iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.
( 11 ) Fis-sentenza M. (EU:C:2012:744), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-natura tad-drittijiet inerenti fl-istatus ta’ refuġjat u dik tad-drittijiet inerenti għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huma fil-fatt differenti (punt 92). Madankollu għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li tagħmel riformulazzjoni tad-Direttiva 2004/83, telimina d-differenzi eżistenti fil-livell tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa (Artikolu 30). Dik id-differenza madankollu ma ġietx eliminata fir-rigward tal-ħarsien soċjali (Artikolu 29).
( 12 ) Ara l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 2 u 11 tal-imsemmija direttiva.
( 13 ) Liġi kif emendata bil-liġi tal-15 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”).
( 14 ) Ara s-sentenza tal-Cour constitutionnelle Nru 43/2013, tal-21 ta’ Marzu 2013, punt B 13, p. 16.
( 15 ) L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jippermetti lill-benefiċjarju biex ikollu permess ta’ residenza ta’ sena, li jista’ jiġġedded għal ħames snin. Wara dak il-perjodu ta’ ħames snin, il-persuna kkonċernata tista’ tingħata residenza għal perjodu mingħajr limitu fuq il-bażi tal-Artikolu 49/2(2) u (3) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.
( 16 ) Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 32518, emendat fit-13 ta’ Jannar 2003 (Moniteur belge tas-17 ta’ Jannar 2003, p. 1553).
( 17 ) Kif indikajt fil-punti 34 sa 37 tal-konklużjonijiet fil-kawża M’Bodj (EU:C:2014:2113), hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kwistjoni jekk tali permess ta’ residenza jikkostitwixxix traspożizzjoni tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83.
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39).
( 19 ) Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza B u D (C-57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661), jirriżulta mill-Artikolu 2(g), in fine, tad-Direttiva 2004/83 li din ma tipprekludix li persuna titlob li tingħata protezzjoni fil-kuntest ta’ “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (punt 116).
( 20 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”. Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.
( 21 ) Id-Direttiva 2004/83, bl-istess mod bħall-konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951, titlaq mill-prinċipju li l-Istati Membri ospitanti jistgħu jagħtu, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħhom, protezzjoni nazzjonali bi drittijiet li jippermettu lill-persuni esklużi mill-istatus ta’ refuġjati skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva li joqgħodu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
( 22 ) Ara n-nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lill-kumitat strateġiku dwar l-immigrazzjoni, il-fruntieri u l-ażil, tal-25 ta’ Settembru 2002 (12148/02, p. 6).
( 23 ) Iktar ’il quddiem il-“QEDB”.
( 24 ) QEDB, 2 ta’ Mejju 1997, Recueil des arrêts et décisions 1997-III. F’dik il-kawża, il-QEDB iddeċidiet li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ individwu li jsofri mill-AIDS tikkostitwixxi, f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB inkwantu huwa jkun espost għal riskju reali li jmut f’ċirkustanzi ta’ tbatija kbira. Fis-sentenza tagħha, il-QEDB ikkunsidrat il-fatt li l-persuna kkonċernata kienet tinsab fi stadju avvanzat tal-marda u li l-irtirar f’daqqa tal-kura medika mogħtija fl-Istat ospitanti, flimkien man-nuqqas ta’ trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, kif ukoll in-nuqqas ta’ kwalunkwe forma ta’ appoġġ morali u għajnuna soċjali ser jippreċipitaw il-mewt tal-persuna kkonċernata u jissottomettuha għal tbatija fiżika u mentali ħorox (punti 42, 51 sa 54). Il-QEDB b’hekk iddikjarat li għandha tirriżerva flessibbiltà suffiċjenti biex tkun tista’ tittratta l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju li l-persuna kkonċernata tbati trattamenti ipprojbiti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jkun jirriżulta minn fatturi li ma jistgħux jinvolvu, la direttament u lanqas indirettament, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dak il-pajjiż jew li, meħuda b’mod iżolat, ma jiksrux fihom infushom ir-regoli ta’ dak l-Artikolu. F’dik l-ipoteżi, l-Istati kontraenti b’hekk ma jistgħux jeżegwixxu d-deċiżjoni tagħhom ta’ tkeċċija għal raġunijiet umanitarji meqjusa li huma imperattivi, u dan bir-riskju li jsiru responsabbli taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB.
( 25 ) Korsiv miżjud minni.
( 26 ) C‑465/07, EU:C:2009:94.
( 27 ) Ibidem, punt 28.
( 28 ) McAdam, J., “The Qualification Directive: An Overview”, The Qualification Directive: Central Themes, Problem Issues, and Implementation in Selected Member States, Wolf Legal Publishers, Nimègue, 2007, p. 19.
( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Diakité (EU:C:2014:39, punt 24).
( 30 ) Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża miġjuba quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis ir-regoli legali tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tagħmilx referenza fid-domandi preliminari tagħha inkwantu dawk ir-regoli huma neċessarji għall-finijiet tal-eżami tal-kawża prinċipali [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813) punti 18 sa 20 u l-ġurisprudenza ċċitata)].
( 31 ) Skont dik id-dispożizzjoni, “deċiżjoni ta’ ritorn” hija “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.
( 32 ) C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21.
( 33 ) C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 34.
( 34 ) Ara l-Artikolu 12(2) tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, COM(2005) 391 finali, tal-1 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ direttiva”), li kien ifformulat skont kif ġej: “Ir-rimedju ġudizzjarju għandu jkollu jew effett ta’ sospensjoni jew jinkludi d-dritt taċ-ċittadin tal-pajjiż terz biex jitlob għal sospensjoni ta’ l-infurzar ta’ deċiżjoni tar-ritorn jew ta’ l-ordni tat-tkeċċija, f’liema każ id-deċiżjoni tar-ritorn jew l-ordni tat-tkeċċija tkun posposta sakemm tkun ikkonfermata jew ma tkunx għadha suġġetta għal rimedju li jkollu effetti ta’ sospensjoni” (korsiv miżjud minni).
( 35 ) Ara wkoll il-premessi 2 u 11 tal-imsemmija direttiva.
( 36 ) Ara l-prinċipji ġenerali dwar l-effettività tar-rikorsi u tal-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istati kontraenti f’każ ta’ tkeċċija ta’ barrani skont l-Artikoli 13 u 3 ikkombinati tal-KEDB, sinteżizzati fis-sentenzi tal-QEDB, M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja [GC], Nru 30696/09, punti 286 sa 293, KEDB 2011, kif ukoll QEDB, I.M. vs Franza, Nru 9152/09, punti 127 sa 135, 2 ta’ Frar 2012, u QEDB, De Souza Ribeiro vs Franza [GC], Nru 22689/07, punti 77 sa 83, KEDB 2012.
( 37 ) Ara QEDB, I.M. vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 132 sa 134 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 38 ) S.J. vs Il-Belġju, Nru 70055/10, 27 ta’ Frar 2014. Dik is-sentenza kienet is-suġġett ta’ rinviju fl-awla magna.
( 39 ) Punt 95.
( 40 ) Punti 96 u 97.
( 41 ) Punt 103.
( 42 ) Idem.
( 43 ) Punt 104.
( 44 ) Punt 106.
( 45 ) Nirreferi għall-ispjegazzjoni tal-Artikoli 39/82 sa 39/85 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 li tinsab fil-punti 44 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Fil-kuntest tal-ħidmiet preparatorji tad-direttiva, il-Parlament Ewropew madankollu kien ifformula proposta f’dan is-sens. Ara l-emenda 53 għall-Artikolu 13(1) fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta ta’ direttiva (A6-0339/2007).
( 47 ) Korsiv miżjud minni.
( 48 ) Korsiv miżjud minni.
( 49 ) Premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2003/9.
( 50 ) Korsiv miżjud minni. Madankollu nirrimarka li l-Kummissjoni ma rreferitx espressament għall-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2003/9, li jiggarantixxu lill-applikanti għall-ażil kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jiżgurawlhom livell ta’ għajxien adegwat kif ukoll is-sussistenza tagħhom. L-Artikolu 13(2) ta’ dik id-direttiva fil-fatt iġiegħel lill-Istati Membri biex jipprovdu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza (għajnuna materjali jew finanzjarja) li tippermetti li “jiżguraw standard ta’ ħajja adegwat għas-saħħa ta’ l-applikanti u kapaċi li jiżgura s-sussistenza tagħhom [tal-applikanti għall-ażil]”. Rigward l-Artikolu 14, dan jipprovdi li “[f]ejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, għandha tieħu waħda jew għaqda [tieħu l-forma ta’] “ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat” jew “djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jsiru addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni”.
( 51 ) Rapport tat-8 ta’ Frar 2011, dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea [2010/2089(INI)], ara, b’mod partikolari, il-premessa AD u l-punt 5.
( 52 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tal-KEDB, is-sentenzi QEDB, Kutepov u Anikeyenko vs ir-Russja, Nru 68029/01, punt 62, 25 ta’ Ottubru 2005, u QEDB, Huc vs Ir-Rumanija u l-Ġermanja (deċ.), Nru 7269/05, punt 59, 1 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, QEDB Larioshina vs Ir-Russja (deċ.), Nru 56869/00, 23 ta’ April 2002, u QEDB Budina vs Ir-Russja (deċ.), Nru 45603/05, 18 ta’ Ġunju 2009.
( 53 ) Premessa 4 tad-Direttiva 2008/115. Korsiv miżjud minni.
( 54 ) Skont dik id-dispożizzjoni, “[k]ull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni”.
( 55 ) F’dan ir-rigward, nirreferi għas-sentenza Saciri et (C‑79/13, EU:C:2014:103) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil u, b’mod partikolari, għall-punt 40.