KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑533/13

Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry

vs

Öljytuote ry,

Shell Aviation Finland Oy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Työtuomioistuin (il-Finlandja)]

“Xogħol temporanju — Direttiva 2008/104/KE — Artikolu 4(1) — Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet rigward l-użu ta’ ħaddiema temporanji — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 28 — Dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva — Stħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ klawżola ta’ ftehim kollettiv mad-dritt tal-Unjoni — Rwol ta’ qorti nazzjonali — Kawża orizzontali”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta għall-ewwel darba, id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 2 ).

2.

It-Työtuomioistuin (Qorti tax-xogħol, il-Finlandja) għandha quddiema rikors ippreżentat mis-sindakat Finlandiż tal-ħaddiema tat-trasport intiż sabiex impriża ta’ dan is-settur kif ukoll assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw jiġu kkundannati bi ksur ta’ klawżola tal-ftehim kollettiv applikabbli, u b’mod partikolari tal-klawżola tiegħu li tirrigwarda l-użu tax-xogħol temporanju. Il-qorti Finlandiża tistaqsi dwar jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxix restrizzjoni inġusta fir-rigward tal-użu ta’ ħaddiema temporanji li hija inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/14, u jekk din il-klawżola għandhiex għalhekk tibqa’ mhux applikabbli.

3.

Din il-kawża prinċipali tmiss ċerti aspetti sistematiċi tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa, hija timplika t-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn id-dritt soċjali tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tiddeċiedi dwar l-effett dirett tad-Direttiva 2008/104 fil-kuntest ta’ kawża orizzontali bejn impriża u sindakat tal-impjegati.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4.

L-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), intitolat id-“[d]ritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva”, jipprovdi:

“Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta’ konflitti ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom”.

2. Id-Direttiva 2008/104

5.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Reviżjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal reġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi.

2.   Sal-5 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali skond il-leġislazzjoni nazzjonali, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u l-prattiki, jirrevedu kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet huma stabbiliti bi strumenti ta’ ftehim kollettivi, ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista’ titwettaq mill-imsieħba soċjali li jkunu nnegozjaw il-ftehim rilevanti.

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 sal-5 ta’ Diċembru 2011”.

B – Id-dritt Finlandiż

1. L-Atti leġiżlattivi

6.

Id-Direttiva 2008/104 kienet ittrasposta fid-dritt Finlandiż permezz ta’ emenda tal-liġijiet 55/2001 dwar il-kuntratt ta’ xogħol [työsopimuslaki (55/2001)] u 1146/1999 dwar il-ħaddiema kkollokati [lähetetyistä työntekijöistä annettu laki (1146/1999)].

7.

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li temenda jirriżulta li l-Gvern Finlandiż ikkunsidra l-obbligu tar-reviżjoni previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 bħala rekwiżit amministrattiv speċifiku għar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ xogħol temporanju u l-bżonn li l-Kummissjoni tiġi informata bir-riżultat ta’ din ir-reviżjoni. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, skont dan l-abbozz, l-imsemmi Artikolu 4 ma jobbligax lill-Istati Membri jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, anki fil-każ fejn restrizzjoni tal-użu ta’ xogħol temporanju ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.

8.

Fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Gvern Finlandiż ikkomunika lill-Kummissjoni r-riżultati tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2008/104.

2. Il-ftehim kollettivi

9.

Fl-Artikolu 8(3) tiegħu, il-ftehim kollettiv ġenerali konkluż fl-1997 bejn l-organizzazzjonijiet ċentrali li jirrappreżentaw rispettivament lil persuni li jimpjegaw u lis-sindakati ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ġenerali tal-1997”) jistipula:

“L-impriżi għandhom jillimitaw l-użu ta’ xogħol temporanju għall-assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew ta’ xogħlijiet oħra, limitati ratione temporis jew fin-natura tagħhom, li, għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew ta’ raġunijiet oħra simili, ma jistgħux jitwettqu mill-persunal tagħhom stess.

L-impjieg ta’ ħaddiema hija prattika żleali jekk il-ħaddiema temporanji impjegati mill-impriżi li jirrikorru għal ħaddiema esterni jwettqu matul perijodu twil ix-xogħol normali tal-impriża, flimkien mal-ħaddiema permanenti tagħha, u jitqiegħdu taħt l-istess direzzjoni.

[…]”

10.

Il-ftehim kollettiv tat-tankers taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt (iktar ’il quddiem il-“ftehim settorjali”) jinkludi dispożizzjoni simili fil-klawżola 29(1) tiegħu.

III – Il-kawża prinċipali

11.

Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry (iktar ’il quddiem “AKT”) huwa s-sindakat li jirrappreżenta b’mod partikolari lill-impjegati tas-settur tat-tankers taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt.

12.

Shell Aviation Finland Oy (iktar ’il quddiem “Shell”) tikkonsenja l-karburant fi 18-il ajruport differenti fil-Finlandja. Hija membru tal-assoċjazzjoni tal-persuni li jimpjegaw tas-settur tal-karburanti, Öljytuote ry (iktyar ’il quddiem “Öljytuote”).

13.

AKT ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex Öljytuote u Shell jiġu kkundannati jħallsu s-sanzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 7 tal-Liġi 36/1946 dwar il-ftehim kollettivi [työoehtosopimuslaki (36/1946)], minħabba ksur tal-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali. Fir-rikors tiegħu, AKT jargumenta li Shell użat b’mod regolari sa mis-sena 2008 persunal temporanju, bi frekwenza kunsiderevoli, sabiex twettaq funzjonijiet identiċi għal dawk imwettqa mill-ħaddiema tagħha stess. Dan l-użu ta’ ħaddiema temporanji jikkostitwixxi prattika żleali fis-sens tad-dispożizzjoni tal-ftehim ikkontestat.

14.

Il-konvenuti rrispondew li l-użu ta’ ħaddiema temporanji huwa ġġustifikat minn raġunijiet leġittimi, peress li dan huwa essenzjalment intiż sabiex jiżgura s-sostituzzjoni ta’ ħaddiema matul il-perijodi ta’ leave annwali u ta’ leave tal-mard. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali tinkludi restrizzjoni li ma tistax tkun iġġustifikata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fehma tagħhom, il-qorti nazzjonali għandha tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li huma kuntrarji għad-Direttiva 2008/104.

15.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm il-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jqajjem dubji, din id-dispożizzjoni tista’ tkun interpretata li timponi fuq l-imsemmija Stati Membri obbligu li jiżguraw li l-ordinament ġuridiku tagħhom ma jinkludix restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet mhux iġġustifikati fil-qasam tax-xogħol temporanju. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali ssegwi approċċ differenti minn dak previst mid-Direttiva 2008/104 peress li huwa jipprojbixxi l-użu ta’ ħaddiema temporanji, ħlief f’ċerti każijiet speċifiċi, bl-iskop li jipproteġu l-ħaddiema permanenti tal-impriżi.

16.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li hija għandha tasal għalihom mill-eventwali inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2008/104 f’kawża bħal dik prinċipali, li tirrigwarda tilwima bejn individwi.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

Huwa f’dan il-kuntest li Työtuomioistuin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, obbligu kontinwu li jiżguraw, permezz tal-miżuri għad-dispożizzjoni tagħhom, li ma jeżistux dispożizzjonijiet legali jew klawżoli ta’ ftehim kollettivi nazzjonali li jiksru r-regoli ffissati mi[ll-imsemmija] Direttiva, jew, jekk jeżistu, li dawn ma jiġux applikati?

(2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din l-impjieg ta’ ħaddiema provviżorji huwa awtorizzat biss f’ċerti każijiet preċiżi bħall-assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew xogħlijiet li impriża ma tkunx tista’ teżegwixxi permezz tal-impjegati tagħha stess? Huwa possibbli li jiġi kklassifikat bħala użu illegali tax-xogħol provviżorju r-reklutaġġ matul perijodu twil ta’ ħaddiema provviżorji għall-attivitajiet ordinarji tal-impriża, flimkien mal-impjegati tagħha stess?

(3)

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ddikjarata li tmur kontra d-Direttiva, liema huma l-miżuri li qorti għandha sabiex twettaq l-għanijiet tad-Direttiva, meta tkun inkwistjoni klawżola kollettiva li tapplika fir-relazzjonijiet bejn partijiet privati?”

18.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata l-4 ta’ Ottubru 2013, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ottubru 2013. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-AKT, Öljytuote u Shell, mill-Gvern Finlandiż, Ġermaniż, Ungeriż, Pollakk, Svediż u Norveġiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

19.

Dawn il-partijiet u persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Finlandiż, Ungeriż u Pollakk, ipparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fid-9 ta’ Settembru 2014.

V – Analiżi

20.

Id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jmissu tliet kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104:

l-ewwel nett, il-portata tal-obbligi li l-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri;

it-tieni nett, il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, tar-restrizzjonijiet għall-użu ta’ xogħol temporanju previsti mill-ftehim settorjali, u

it-tielet nett, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni tad-direttiva kkonċernata tistax tkun invokata f’kawża bejn individwi.

21.

Jiena ser neżaminahom fl-istess ordni.

A – Fuq il-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 (l-ewwel domanda)

1. Osservazzjonijiet preliminari

22.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprekludu l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji meta dawn ma jistgħux ikunu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali.

23.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

24.

Uħud mill-partijiet jikkunsidraw li d-dispożizzjoni kkonċernata tobbliga lill-Istati Membri jeliminaw ir-restrizzjonijiet ta’ użu ta’ xogħol temporanju li ma jistax ikun iġġustifikat ( 4 ).

25.

Mill-banda l-oħra, partijiet oħra ( 5 ) jsostnu li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprovdi ebda obbligu materjali, iżda għandu jinqara flimkien mal-paragrafu 2 tiegħu. Dan tal-aħħar jipprovdi l-obbligu li l-Istati Membri jagħmlu reviżjoni tar-restrizzjonijiet applikabbli għax-xogħol temporanju, qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104, sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-“raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1”. Il-portata tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu hija limitata għalhekk sabiex tiddefinixxi l-għan tal-imsemmija reviżjoni. L-imsemmi paragrafu 1 ma jimponix b’mod partikolari lill-Istati Membri obbligu ta’ riżultat intiż sabiex jiżgura li r-restrizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom ikunu effettivament iġġustifikati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali.

2. L-interpretazzjoni litterali u teleoloġika

26.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji “għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali”, segwit imbagħad b’lista indikattiva ta’ dawn ir-raġunijiet.

27.

Nosserva li l-imsemmija termini jaqblu mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata li r-restrizzjonijiet li ma humiex iġġustifikati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, li tagħhom ingħatat lista indikattiva ( 6 ), huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm id-dispożizzjoni inkwistjoni ma semmiet bl-ebda mod il-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni, il-frażi li huma “għandhom ikunu ġġustifikati biss” għal raġunijiet ta’ interess ġenerali kienet titlef is-sens tagħha.

28.

Dawn it-termini jesprimu b’mod ċar regola materjali li tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati. Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn diversi partijiet ( 7 ), jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ddikjarat li din tirrigwarda dispożizzjoni purament proċedurali, simili għal dawk kontenuti fil-paragrafi segwenti tal-istess Artikolu 4.

29.

Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija kkorroborata mill-kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi li jiffurmaw il-bażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

30.

Ħadd mill-partijiet ma jikkontesta li d-Direttiva 2008/104 tipprevedi, minn naħa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-użu tax-xogħol temporanju.

31.

Dan l-għan doppju – li huwa rifless fit-titolu tad-Direttiva 2008/104 stess ( 8 ) – huwa riprodott fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jirreferi, minn naħa, għal bżonn li tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u t-titjib tal-kwalità tax-xogħol temporanju, b’mod partikolari billi tkun żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-ħaddiema temporanji u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġi stabbilit qafas xieraq għax-xogħol temporanju sabiex jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol ( 9 ).

32.

Iż-żewġ partijiet ta’ dan l-għan huma kumplementari, b’tali mod li ma jidhirx li huwa koerenti li jiġu sseparati. Iż-żieda fil-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema temporanji tista’, fil-fatt, tikkontesta l-bżonn ta’ ċerti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet eżistenti, li twassal għal iktar possibbiltajiet lejn din il-forma ta’ xogħol ( 10 ).

33.

Sa ċertu punt, dan jirrigwarda aspett komuni tat-tliet atti tal-Unjoni Ewropea dwar ix-xogħol atipiku, fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ xogħol part-time jew temporanju ( 11 ). L-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha bħala għan globali l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, sabiex jintlaħaq grad ġdid ta’ armonizzazzjoni tad-dritt soċjali ( 12 ). Il-mudell leġiżlattiv li jifforma l-bażi ta’ din l-azzjoni, ibbażat fuq it-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, ġie msejjaħ “flessigurtà” ( 13 ).

34.

L-użu ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, skont dan il-mudell, jippermetti it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ adattament tas-suq tax-xogħol, il-ħolqien ta’ iktar impjiegi kif ukoll it-titjib tal-aċċess ta’ ċerti gruppi prekarji, bħal ħaddiema żgħażagħ, għax-xogħol għal żmien indeterminat. Għal uħud dan it-tip ta’ impjieg jista’ jservi bħala trampolin – “stepping stone” – fis-suq tax-xogħol ( 14 ).

35.

L-għan doppju tagħha jinsab fl-istruttura tad-Direttiva 2008/104 li, apparti d-dispożizzjonijiet introduttivi tagħha (kamp ta’ applikazzjoni, għan, definizzjonijiet) u finali, hija ffukata fuq żewġ elementi: jiġifieri l-Kapitolu II tagħha ddedikat kollu għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ ħaddiema temporanji, u l-Artikolu 4 tagħha, inkluż fil-Kapitolu I tagħha, li jipprovdi r-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju.

36.

Jiena ma narax kif l-imsemmi Artikolu 4 jista’ jikkontribwixxi għall-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 jekk huwa jipprovdi biss sempliċi obbligu tal-Istati Membri li jidentifikaw l-ostakoli għax-xogħol temporanju, mingħajr ma jistipula l-ebda konsegwenza vinkolanti.

37.

Fl-opinjoni tiegħi, moqri fid-dawl tal-għan tiegħu, l-imsemmi Artikolu 4 għandu jkun interpretat li jipprovdi mhux biss obbligi proċedurali (paragrafi 2 sa 5), iżda wkoll regola materjali (paragrafu 1). Din ir-regola materjali tipprojbixxi ż-żamma ta’ restrizzjonijiet tal-użu ta’ xogħol temporanju meta dawn ma humiex iġġustifikati, b’mod partikolari fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet mimini tax-xogħol ( 15 ).

38.

Il-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 4 jipprovdu mekkaniżmu proċedurali intiż sabiex jassisti l-implementazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, permezz ta’ reviżjoni tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jikkumplementa l-mezzi ta’ implementazzjoni normali tad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-paragrafu 1 tal-istess artikolu ma jinkludix il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati, dan il-mekkaniżmu proċedurali ma jkollux skop.

39.

Ma jidhirlix li huwa raġonevoli li jkun mistenni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss jipprovdi li l-Istati Membri jagħmlu inventarju mhux vinkolanti tar-restrizzjonijiet, purament informattiv u mingħajr ebda konsegwenza. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiġbor tali informazzjoni fil-kuntest tal-missjoni ġenerali li hija għandha skont it-Trattati li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

40.

Id-dottrina hija kważi unanima fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 bħala li timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rigward tal-użu ta’ ħaddiema temporanji ( 16 ). Uħud mill-awturi jindikaw li l-imsemmija dispożizzjoni hija manifestament intiża sabiex issib ekwilibriju ġust bejn il-libertajiet tas-suq intern u d-dritt soċjali, u li hija ma jkollha ebda effett utli jekk tkun interpretata bħala sempliċi rakkomandazzjoni ( 17 ).

41.

L-istess raġunament jidher li ispira d-dikjarazzjoni komuni tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew fis-settur tax-xogħol temporanju, imxandra ftit qabel l-adozzjoni formali tad-Direttiva 2008/104. Din id-dikjarazzjoni, minn naħa, tirrikonoxxi l-bżonn ta’ ċerti restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju sabiex jiġi evitat l-abbuż, filwaqt li tindika, min-naħa l-oħra, li r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati għandhom ikunu eliminati ( 18 ).

3. Ix-xogħol preparatorju

42.

Ix-xogħol preparatorju donnu jimmilita wkoll favur interpretazzjoni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jkollu natura vinkolanti.

43.

Uħud mill-partijiet isostnu l-kuntrarju ( 19 ), billi jargumentaw li l-proposta tad-Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tinkludi, fl-Artikolu 4(2) tagħha, dispożizzjoni espliċita li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirrevedu r-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju sabiex jivverfikaw jekk humiex iġġustifikati u “[f]’każ negattiv, [huma] ineħħuhom” ( 20 ). Peress li din l-aħħar frażi kienet irtirata waqt id-dibattiti tal-Kunsill ( 21 ), dan jimplika, skont l-imsemmija partijiet, li l-Kunsill ma riedx jipprojbixxi r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati.

44.

Jidhirli li dan ir-raġunament qed isegwi direzzjoni ħażina.

45.

Qabelxejn, l-emenda magħmula mill-Kunsill matul il-proċess leġiżlattiv tirrigwarda l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/104, dwar il-proċedura ta’ reviżjoni. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 1 tiegħu, applikabbli f’dan il-każ, ġie riprodott kif kien fil-Pożizzjoni Komuni meħuda mill-Kunsill.

46.

Barra minn hekk, il-lista ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali li tinsab fl-imsemmi paragrafu 1 kienet suġġetta għal dibattitu wiesa’ matul il-proċess leġiżlattiv ( 22 ). Għaliex l-istituzzjonijiet taw daqstant importanza lil din id-dispożizzjoni li kieku ma kellhiex natura vinkolanti?

47.

F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet tal-irtirar tal-parti kkonċernata mill-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 4, li kienet tipprovdi li l-Istati Membri għandhom “ineħħu” ir-restrizzjonijiet, ma jistgħux ikunu stabbiliti b’ċertezza. Madankollu l-iktar spjegazzjoni aċċettabbli donnha hija li l-Kunsill irtira din il-parti għaliex il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati diġà tinsab fil-paragrafu 1, li baqa’ ma nbidilx.

48.

Fil-fatt, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Pożizzjoni Komuni, il-Kunsill jindika li “essenzjalment huwa rriproduċa l-ispirtu tal-emenda 34 tal-Parlament” ( 23 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda “ma sabx li huwa neċessarju li tinżamm il-parti dwar il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet u projbizzjonijiet mhux iġġustifikati” ( 24 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-komunikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni lill-Parlament, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/104 jsegwi l-emenda 34 tal-Parlament, “ħlief fejn ma għadhiex tirreferi għall-Istati Membri bħala suġġetti għal obbligu biex iwaqqfu kull restrizzjoni […], billi l-Kunsill ma qiesx li kien meħtieġ li jirrepeti l-effett tal-projbizzjoni fl-Artikolu 4(1) jew ma qiesx li hu xieraq li jiġi stipulat ir-riżultat finali tal-eżerċizzju ta’ reviżjoni” ( 25 ). Il-Pożizzjoni Komuni kienet għalhekk approvata mill-Parlament abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ( 26 ).

49.

Għalhekk l-oriġini tal-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104 huwa insostenn tal-interpretezzjoni li l-Artikolu 4(1) jipprojbixxi ż-żamma ta’ restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.

4. Il-bażi legali

50.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż qajjem dubju dwar il-kwistjoni jekk il-bażi legali tad-Direttiva 2008/104 tawtorizzax l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni materjali intiża sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tax-xogħol temporanju.

51.

Jiena nosserva li l-bażi legali ta’ att hija rilevanti għall-interpretazzjoni tiegħu peress li tista’ tagħti ċertu dawl fuq l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlatur. Barra minn hekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi eskluża, minn fost l-interpretazzjonijiet differenti possibbli, dik li tista’ twassal għall-invalidità tal-att.

52.

Id-Direttiva 2008/104 hija bbażata fuq l-Artikolu 137(1) u (2) KE l-antik, li kien jagħti lill-istituzzjonijiet il-kompetenza li “jadottaw, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament”, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda “il-kundizzjonijiet tax-xogħol”.

53.

Uħud mill-partijiet ( 27 ) isostnu li din il-bażi legali teskludi l-possibbiltà li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jkun interpretat bħala li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati tal-użu tax-xogħol temporanju. Fil-fehma tagħhom, tali projbizzjoni ma taqax fil-“kundizzjonijiet tax-xogħol” u, barra minn hekk, ma tikkostitwixxix “preskrizzjoni minima” fis-sens tal-Artikolu 137 KE l-antik.

54.

Jiena miniex konvint mil-loġika ta’ dan l-argument.

55.

Jidhirli li huwa stabbilit li d-Direttiva 2008/104 trid tilħaq għan doppju u li tirrigwarda mhux biss il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji, iżda wkoll ir-restrizzjonijiet magħmula lill-użu ta’ dan it-tip ta’ xogħol. Jekk le, l-Artikolu 4 ta’ din, tkun xi tkun l-interpretazzjoni tiegħu, ma jagħmilx sens.

56.

F’dan ir-rigward, skont l-argument tal-partijiet iċċitat iktar ’il fuq, l-Artikolu 137 KE l-antik ma jipprekludix li d-Direttiva 2008/104 tmiss ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tax-xogħol temporanju. Dawn il-partijiet isostnu madankollu li din il-bażi legali tippermetti biss li jiġi impost lill-Istati Membri obbligu “limitat” ħafna jew “sempliċement proċedurali” fir-rigward ta’ tali restrizzjonijiet.

57.

F’dan ir-rigward infakkar li l-għażla tal-bażi legali tal-att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, u b’mod partikolari fuq l-għan u l-kontenut tal-att ( 28 ). Issa, jiena ma nara ebda element oġġettiv li jiġġustifika li ssir distinzjoni, fil-kuntest tat-Trattat KE l-antik, bejn id-dispożizzjonijiet materjali u d-dispożizzjonijiet proċedurali fir-rigward tal-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-użu ta’ ċertu tip ta’ xogħol.

58.

Jekk wieħed jikkunsidra li l-bażi legali magħżula mid-Direttiva 2008/104 ma tippermettix l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tax-xogħol temporanju, dan l-approċċ iwassal għall-invalidità tal-Artikolu 4 tagħha, irrispettivament mill-fatt dwar jekk jipprovdix obbligi proċedurali jew obbligi materjali għall-Istati Membri.

59.

Għalhekk, l-argument li l-Artikolu 137 KE l-antik jippermetti biss l-inklużjoni ta’ ċerti obbligi proċedurali ma huwiex konvinċenti.

60.

Għalhekk sussegwentement għandu jkun mistoqsi jekk l-interpretazzjoni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jinkludi l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati tal-użu tax-xogħol temporanju tikkontestax il-validità tiegħu.

61.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan isegwi għan doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minnhom jiġi identifikat bħala l-iskop prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali wieħed, jiġifieri dak meħtieġ mill-iskop jew komponenti prinċipali jew predominanti.

62.

Huwa biss b’mod eċċezzjonali li, jekk jiġi pprovat li l-att għandu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin, li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att jista’ jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti ( 29 ).

63.

Il-komponent prinċipali tad-Direttiva 2008/104 huwa kkostitwit mid-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-Artikolu 4 tiegħu jokkupa b’mod ċar pożizzjoni inċidentali. Din ir-relazzjoni tirriżulta, minn naħa, mill-istruttura tad-Direttiva 2008/104 (kapitolu sħiħ huwa ddedikat għall-kundizzjonijiet tax-xogħol) u, min-naħa l-oħra, mir-raġunament segwit fl-adozzjoni tagħha: li huwa biss ladarba titwettaq l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li ċerta liberalizzazzjoni tax-xogħol temporanju tista’ tkun iġġustifikata.

64.

Il-fatt li d-Direttiva 2008/104 tintrabat mad-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat ma jipprekludihiex milli tilħaq għan inċidentali sabiex jiġu eliminati ċerti restrizzjonijiet tax-xogħol temporanju.

65.

Pereżempju, nosserva li d-Direttiva 97/81 li tirrigwarda x-xogħol part-time, li kienet adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat, trid tilħaq ukoll għan doppju li jikkonsisti, minn naħa, fil-promozzjoni tax-xogħol part-time u, min-naħa l-oħra, fl-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time. Barra minn hekk, din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet intiżi għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli tax-xogħol parzjali ( 30 ).

66.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena naħseb li d-Direttiva 2008/104 kienet adottata b’mod konkret abbażi tal-Artikolu 137 KE l-antik, mingħajr ma tagħmel riferiment għall-Artikoli 47(2) KE u 55 KE l-antiki li jirrigwardaw is-servizzi, minkejja l-fatt li hija tinkludi, fl-Artikolu 4 tagħha, ċerti dispożizzjonijiet applikabbli għar-restrizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi fil-qasam tax-xogħol temporanju.

5. Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 tal-Karta

67.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, billi jinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija tal-imsieħba soċjali, jikkontesta wkoll il-fatt li l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rigward tal-użu tax-xogħol temporanju tista’ tkun applikata wkoll għall-klawżoli ta’ ftehim kollettiv. Fil-fehma tiegħu, tali klawżoli jibbenefikaw minn immunità li tirriżulta mid-dritt fundamentali tan-negozjar kollettiv stabbilit mill-Artikolu 28 tal-Karta.

68.

Infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 56 TFUE ma jirregolawx biss l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, imma japplikaw ukoll għal regoli ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw, b’mod kollettiv, ix-xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi li l-ftehim kollettiv ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat ( 31 ). Għalhekk, sa fejn ftehim kollettiv jinkludu dispożizzjoni li tillimita l-użu tal-ħaddiema temporanji, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

69.

Għalkemm l-awtonomija tal-imsieħba soċjali hija rrikonoxxuta b’mod sħiħ mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim kollettivi għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tad-dritt, li jinkludi d-dritt tal-Unjoni ( 32 ).

70.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat tal-Unjoni li jikkonkretizza l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Il-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehim kollettivi rrikonoxxuti fl-Artikolu 28 tal-Karta ( 33 ). Jekk dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tirrifjuta li tapplikaha ( 34 ).

71.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess saħħa għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, peress li jirrigwarda regola imperattiva li timplementa libertà stabbilita mit-Trattat u li ma huwiex akkumpanjat minn deroga favur ftehim kollettivi ( 35 ).

72.

Dan l-approċċ jaqbel mal-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tax-xogħol jistgħu jiġu implementati mhux biss permezz ta’ leġiżlazzjoni, iżda wkoll permezz ta’ ftehim kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali. B’hekk, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104 l-Istati Membri għandhom mhux biss jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-imsemmija direttiva, iżda wkoll jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim.

73.

F’dan ir-rigward, jiena ma nara ebda raġuni valida sabiex jiġi sostnut li l-ftehim kollettivi għandhom ikunu privileġġjati meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u jevitaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

74.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jimplikawx li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprevali fuq d-dritt ta’ negozjar kollettiv. Il-fatt li jiġu pprovduti, permezz ta’ dispożizzjonijiet imperattivi, ċerti limiti fuq il-kontenut tal-ftehim kollettivi, ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali.

75.

Id-dritt ta’ negozjar kollettiv stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta ma jipprekludix għalhekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 li r-restrizzjonijiet magħmula permezz ta’ ftehim kollettivi għall-użu tax-xogħol temporanju għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, u fin-nuqqas ikunu ddikjarati inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

6. Ir-rwol tal-qrati nazzjonali

76.

Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni teleoloġika iktar ġenerali.

77.

L-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju sistematiku li jirrikonoxxi l-irwol essenzjali tal-qrati nazzjonali fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

78.

Fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet attribwiti, lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament, huma essenzjali fid-dawl tan-natura tal-istess dritt tal-Unjoni. Dispożizzjoni li tipprekludi lill-qrati tal-Istati Membri mill-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kompetenza tagħha li tirrispondi għal domandi preliminari li minnhom hija adita, tiżnatura l-kompetenzi li t-Trattati fdaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri, li huwa essenzjali għall-preservazzjoni tan-natura tad-dritt tal-Unjoni stess ( 36 ).

79.

L-interpretazzjoni li ċerti Stati Membri jiddefendu f’din il-kawża, li l-Istati Membri għandhom jirrevedu r-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju mingħajr obbligi fir-rigward tar-riżultat ta’ dan l-eżami, jidhirli li hija inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju.

80.

Skont din l-interpretazzjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biss, li magħhom jiżdiedu eventwalment l-imsieħba soċjali, huma responsabbli mill-identifikar tar-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju u mit-twettiq tal-proċess li għandu loġikament iwassal għat-tibdil jew il-projbizzjoni ta’ dawk li ma humiex iġġustifikati.

81.

Il-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal “administrative Überprüfung” (reviżjoni amministrattiva), filwaqt li jammetti li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 inkwistjoni jista’, skont is-sens u l-iskop tiegħu, jinkludi obbligu mhux miktub tal-projbizzjoni jew adattament tar-restrizzjonijiet li ma jistgħux ikunu ġġustifikati.

82.

Waqt is-seduta ( 37 ), il-Kummissjoni argumentat li l-interpretazzjoni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jipprovdi biss obbligi proċedurali ma tneħħilux l-effett utli. Skont il-Kummissjoni, kull darba li hija ssir taf bl-eżistenza ta’ restrizzjoni, hija tista’ tiftaħ djalogu mal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat sabiex issib l-aħjar mezz sabiex iġġib id-dispożizzjoni f’konformità mal-imsemmija direttiva. Hija tista’ wkoll tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

83.

Bl-istess mod, ċerti awturi jikkritikaw l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva billi jargumentaw li huwa riskjuż li l-qrati jingħataw il-funzjoni li jevalwaw il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet u l-proporzjonalità tagħhom. Fil-fehma tagħhom, jekk l-applikazzjoni ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali u tal-kriterju ta’ proporzjonalità titħalla f’idejn il-qrati, isir riskjuż u imprevedibbli ħafna, daqs “ramel li jiċċaqlaq” ( 38 ).

84.

Fl-opinjoni tiegħi, huwa kuntrarju għal bażi tas-sistema tad-dritt tal-Unjoni li l-korpi amministrattivi jingħataw il-kompetenza esklużiva sabiex jivverifikaw il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ direttiva tal-Unjoni filwaqt li din il-kompetenza tittieħed mingħand il-qrati nazzjonali.

85.

Nosserva li dan l-approċċ mhux biss jeskludi lill-qrati nazzjonali mill-proċess ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104, iżda jikkontesta wkoll il-kompetenza tagħhom sabiex jeżaminaw ir-restrizzjonijiet applikabbli għax-xogħol temporanju mill-angolu tal-Artikolu 56 TFUE

86.

Tali approċċ jidhirli li huwa inkompatibbli mal-għan tas-sistema tad-dritt tal-Unjoni, peress li dan ineħħi lill-qrati tal-Istati Membri l-funzjoni prinċipali li ngħatat lilhom fir-rigward tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

7. Il-konklużjoni intermedjarja

87.

Skont il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/104, din għandha tapplika bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, b’mod partikolari dawk applikabbli għas-servizzi. Għandha għalhekk tiġi kkunsidrata r-rabta eżistenti bejn l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.

88.

Nosserva li r-ratio legis tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jikkorrispondix ma’ dak tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 4(1), huwa intiż sabiex ineħħi l-ostakoli mhux iġġustifikati għax-xogħol temporanju bl-iskop li jippromwovi din il-forma flessibbli ta’ xogħol, u għalhekk jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

89.

Madankollu, peress li x-xogħol temporanju jimplika l-eżistenza ta’ intermedjarji (l-impriżi ta’ xogħol temporanju), kull restrizzjoni ta’ din il-forma ta’ xogħol tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni għas-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi. Il-liberalizzazzjoni ta’ din il-forma ta’ xogħol timplika għalhekk il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tax-xogħol temporanju, għaliex dawn jirrigwardaw żewġ naħat tal-istess munita.

90.

Għalhekk, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, għalkemm jipprevedi r-restrizzjonijiet dwar l-“użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija” u jirrigwarda għalhekk l-ewwel nett is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ( 39 ), japplika wkoll, b’estensjoni, għar-restrizzjonijiet li jirrigwardaw is-servizzi tal-aġenziji temporanji.

91.

Nosserva li l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn impriżi ta’ xogħol temporanju diġà tirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE ( 40 ). Fejn ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema temporanji jostakolaw ukoll is-servizzi mogħtija mill-impriżi tax-xogħol temporanju, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jikkonkretizza l-projbizzjoni li tirriżulta fl-Artikolu 56 TFUE.

92.

F’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 4(1) jippreċiża r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li huma partikolarment xierqa sabiex jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jestendi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għal sitwazzjonijiet interni, peress li issa huwa qasam armonizzat tad-dritt tal-Unjoni u li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 ma timplikax tfittxija ta’ element transkonfinali.

93.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprojbixxi ż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi.

8. Dwar il-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni differenti

94.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix il-proposta tiegħi u tinterpreta l-imsemmi Artikolu 4(1) bħala invalidu jew nieqes minn kull valur normattiv, jiena nikkunsidra li jkun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar espliċitament fis-sentenza tagħha li l-Artikolu 56 TFUE jibqa’ applikabbli b’mod sħiħ għar-restrizzjonijiet bħal dawk previsti f’dan il-każ.

95.

Din il-preċiżjoni jidhirli li hija partikolarment importanti, peress li wħud mill-partijiet donnhom isostnu li r-restrizzjonijiet inkwistjoni ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali la skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 (sa fejn dan l-imsemmi artikolu jistabbilixxi biss obbligi proċedurali) u lanqas mill-angolu tal-Artikolu 56 TFUE (fir-rigward ta’ qasam armonizzat) ( 41 ).

96.

Id-dritt sekondarju ma jistax jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-Direttiva 2008/104 ma tipprojbixxix iż-żamma ta’ restrizzjonijiet tax-xogħol temporanju, xorta għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dawn ir-restrizzjonijiet jistgħux ikunu ġġustifikati b’applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

97.

F’dan ir-rigward nosserva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ manifestament tipproduċi effetti transkonfinali rilevanti skont l-Artikolu 56 TFUE, u tibqa’ għalhekk potenzjalment applikabbli fil-kawża prinċipali ( 42 ).

B – Fuq il-ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 (it-tieni domanda)

1. Osservazzjonijiet preliminari

98.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dispożizzjoni bħal dik prevista fil-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 u, jekk ikun il-każ, tistax tkun iġġustifikata.

99.

Infakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprovdi li r-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati biss minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi.

100.

Kif jirriżulta mill-użu tal-kelma “b’mod partikolari”, din ma hijiex lista eżawrjenti. Fil-fatt, mit-termini tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li din tiftaħ il-possibbiltà, diġà mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat, li jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali r-restrizzjonijiet applikabbli indistintament għal fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra.

101.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ibbażata fuq iċ-ċittadinanza tiegħu, imma anki t-tneħħija ta’ kwalunkwe restrizzjoni, anki jekk din tapplika b’mod indistint għall-fornituri nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili b’mod legali ( 43 ).

102.

Tali restrizzjoni li tapplika irrispettivament tista’ madankollu tkun iġġustifikata jekk tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn dan l-interess ma huwiex protett mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, u sa fejn din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 44 ).

103.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li fil-prinċipju japplikaw f’qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, huma wkoll rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jikkonkretizza l-Artikolu 56 TFUE fil-qasam tax-xogħol temporanju.

104.

F’dan ir-rigward nosserva li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jinkludi r-restrizzjonijiet applikabbli għas-servizzi tal-impriżi tax-xogħol temporanju, sa fejn dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji. L-Artikolu 56 TFUE jibqa’ għalhekk applikabbli għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaffettwaw is-servizzi tal-impriżi ta’ xogħol temporanju, barra dawk li jirrigwardaw “l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija” ( 45 ).

105.

L-applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati teħtieġ li r-rekwiżiti fid-dawl ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jkunu identiċi għal dawk li japplikaw għall-Artikolu 56 TFUE. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata bir-rabta stretta bejn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mill-premessa 22 tad-Direttiva 2008/104 li tfakkar in-neċessità li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikata f’konformità tad-dritt primarju fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

2. Fuq l-għan tar-restrizzjonijiet

106.

Fir-rigward tal-klawżola li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, nosserva li hija tikkonsisti f’żewġ dispożizzjonijiet distinti:

l-ewwel waħda, li tiddeskrivi n-natura tal-funzjonijiet li jistgħu jingħataw lill-ħaddiema temporanji, tipprevedi biss funzjonijiet li huma “limitati ratione temporis jew min-natura tagħhom” u li, “għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew raġunijiet oħra simili”, ma jistgħux jitwettqu mill-persunal tal-impriża kkonċernata stess u

it-tieni waħda, intiża sabiex tillimita t-tul tal-impjieg tal-ħaddiem temporanju f’impriża partikolari, tikkwalifika bħala “prattika żleali” is-sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiema temporanji “iwettqu matul perijodu twil ix-xogħol normali tal-impriża, flimkien mal-ħaddiema permanenti tagħha, u jitqiegħdu taħt l-istess direzzjoni”.

107.

Il-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jillimita għalhekk il-possibbiltà li jissejħu ħaddiema temporanji skont, minn naħa, in-natura tal-funzjonijiet imwettqa u, min-naħa l-oħra, tat-tul tagħhom. L-imsemmija dispożizzjonijiet jirrestrinġu wkoll l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol u għandhom ukoll effett restrittiv fuq is-servizzi tal-impriżi ta’ xogħol temporanju, b’tali mod li jikkostitwixxu indubjament restrizzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.

3. Fuq il-ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ interess ġenerali

108.

Il-parti l-kbira tal-partijiet fil-proċedura, bl-eċċezzjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, isostnu li r-restrizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati minn raġuni ta’ interess ġenerali fir-rigward tal-bżonn li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-abbużi.

109.

Kif jispjega l-Gvern Finlandiż, fil-fatt dan huwa każ fejn il-projbizzjoni li funzjoni li taqa’ fir-relazzjonijiet ta’ xogħol stabbli ma tkunx, mingħajr raġuni ġusta, fdata lill-ħaddiema temporanji u, għalhekk, li jkun żgurat li l-użu tax-xogħol temporanju ma jirriżultax fit-telf ta’ postijiet tax-xogħol fl-impriża utenti.

110.

F’dan ir-rigward, nosserva li mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li x-xogħol temporanju ma huwiex ikkunsidrat bħala sostitut għal forom stabbli ta’ xogħol.

111.

Minn naħa, l-azzjoni leġiżlattivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tax-xogħol hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li l-kuntratti għal żmien indefinit jikkostitwixxu forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ xogħol ( 46 ). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha dwar l-aċċess tal-ħaddiema temporanji għall-impjieg fl-impriża utenti, juru huma wkoll, li l-impjieg dirett jikkostitwixxi relazzjoni ta’ xogħol privileġġjata meta mqabbla mal-impjieg temporanju.

112.

Min-naħa l-oħra, mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li x-xogħol temporanju jimplika relazzjonijiet miżmuma “temporanjament” ( 47 ). Jista’ jiġi dedott li din il-forma ta’ xogħol ma hijiex adattata għaċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari meta l-bżonn ta’ ħaddiema huwa permanenti.

113.

Madankollu, id-Direttiva 2008/104 ma tiddefinixxix ix-xogħol temporanju u lanqas ma kienet intiża sabiex telenka l-każijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol. Il-premessa 12 tagħha tfakkar mill-banda l-oħra li hija għandha tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol.

114.

Ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jillimitax is-sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw l-użu tax-xogħol temporanju, l-Istati Membri żammew marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv f’dan ir-rigward.

115.

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ jirriżulta mill-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jagħmlu għażliet politiċi li jaffettwaw l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u li konsegwentement jilleġiżlaw, bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Hija kkonfermata wkoll mill-eżistenza tal-klawżola ta’ nonregressjoni soċjali li tinsab fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fatt, l-Istati Membri għandu jkollhom libertà ta’ azzjoni sinjifikattiva sabiex jiżguraw li l-projbizzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet ma twassalx għal tnaqqis fil-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat.

116.

Fl-opinjoni tiegħi, Stat Membru jista’, mingħajr ma jeċċedi l-limiti ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, jipprovdi li l-użu tax-xogħol temporanju huwa awtorizzat f’ċirkustanzi konformi man-natura temporanja ta’ din il-forma ta’ xogħol, peress li hu mifhum li din tal-aħħar ma għandhiex tkun għad-detriment tal-impjieg dirett.

117.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali msemmija fil-kawża prinċipali hijiex iġġustifikata skont din l-aħħar kunsiderazzjoni.

118.

Madankollu, nixtieq nosserva li l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni donnha tindika li dak huwa l-każ.

119.

Minn naħa, fir-rigward tan-natura tax-xogħol temporanju deskritt fil-punti 111 u 112 iktar ’il fuq, jidhirli li huwa ġġustifikat li l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol tkun ristretta, kif tipprovdi l-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali, għall-“assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew ta’ xogħlijiet oħra, limitati ratione temporis jew fin-natura tagħhom, li, għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew ta’ raġunijiet oħra simili, [l-impriżi utenti] ma jistgħux iwettquhom mill-persunal tagħhom stess”.

120.

Min-naħa l-oħra, sa fejn id-dispożizzjoni kkontestata tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji flimkien mal-impjegati proprja tal-impriża għal “perijodu twil”, hija tilħaq, fl-opinjoni tiegħi, għan leġittimu intiż sabiex jillimita l-abbużi fir-rigward tal-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol. Fil-fatt skont l-orjentazzjonijiet wara l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-użu tax-xogħol temporanju ma għandux jintervjeni għad-detriment tal-impjieg dirett, iżda, għal kuntrarju, għandu jwassal lejn forom ta’ impjieg iktar assiguranti.

121.

Iż-żamma, għal perijodu twil, ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju, minkejja li dawn għandhom, min-natura tagħhom, jibqgħu temporanji, jista’ jkun indizju ta’ abbuż ta’ din il-forma ta’ xogħol.

122.

Nosserva li l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ abbuż fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju ma jistgħux jiġġustifikaw esklużjoni kważi ġenerali ta’ din il-forma ta’ xogħol, bħal, pereżempju, il-projbizzjoni ta’ xogħol temporanju f’kull settur ekonomiku jew l-iffissar ta’ kwota għal dan it-tip ta’ kuntratt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva oħra. Fil-fatt, miżura intiża għall-prevenzjoni tal-abbuż fl-eżerċizzju ta’ dritt ma tistax tkun l-ekwivalenti tal-innegar tad-dritt inkwistjoni.

123.

Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li r-restrizzjonijiet ikkonċernati huma limitati għad-deskrizzjoni tar-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu tal-ħaddiema temporanji, u ma humiex intiżi għall-eliminazzjoni ta’ din il-forma ta’ xogħol.

124.

Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-kawża prinċipali, li minn naħa, tillimita l-użu ta’ xogħol temporanju għal xogħlijiet li min-natura tagħhom jew mit-tul ta’ żmien tagħhom, jikkorrispondi oġġettivament għal bżonn ta’ ħaddiem temporanji u li, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji flimkien mal-impjegati stess tal-impriża għal perijodu twil, jidhirli li hija ġġustifikata minn raġuni ta’ interess ġenerali li tirrigwarda l-ħtieġa li jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-abbużi.

4. Fuq il-proporzjonalità

125.

Fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, jiena nirrileva li l-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżultaw minn diverġenzi kbar bejn l-approċċi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ limitazzjonijiet eventwali tax-xogħol temporanju ( 48 ).

126.

L-intensità varja tal-limitazzjonijiet magħmula għall-użu tax-xogħol temporanju fl-Istati Membri ma tistax madankollu jkollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet eżaminati ( 49 ).

127.

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-proporzjonalità, iżda madankollu nosserva mill-bidu li r-restrizzjonijiet imposti mill-klawżola kkontestata ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikun żgurat l-iskop li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni.

128.

Minn naħa, l-imsemmija restrizzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu, peress li huma intiżi biss sabiex jittraduċu f’termini konkreti n-natura temporanja tax-xogħol temporanju, u jevitaw b’hekk li din il-forma ta’ xogħol ma tissostitwixxix l-impjieg dirett. Min-naħa l-oħra, peress li huma jipprevedu b’mod partikolari “xogħlijiet oħra” u “żmien twil”, l-imsemmija restrizzjonijiet jidhru ġenerali biżżejjed sabiex jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi individwali tal-impriżi utenti differenti.

5. Il-konklużjoni intermedjarja

129.

Sabiex nikkonkludi, nikkunsidra li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tillimita l-użu tax-xogħol temporanju għal xogħlijiet li huma temporanji u li, għal raġunijiet oġġettivi, ma jistgħux jitwettqu minn ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji biswit ħaddiema impjegati direttament mill-impriża sabiex iwettqu xogħlijiet identiċi għal dawk imwettqa minn dawn tal-aħħar matul perijodu twil.

C – Fuq l-effett tad-dispożizzjoni interpretata fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (it-tielet domanda)

130.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-irwol mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni, fil-każ li hija tikkonstata li l-klawżola kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.

131.

Ma huwiex neċessarju li nirrispondi għal din id-domanda fid-dawl tar-risposta proposta minni għat-tieni domanda. Madankollu, jiena ser neżaminaha fil-qosor.

132.

Għandu jitfakkar qabel xejn li l-qrati nazzjonali huma marbuta bl-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, li jestendi wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettivi ( 50 ).

133.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt nazzjonali jistax ikun interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2008/104, fejn din id-direttiva u l-ftehim settorjali jidhru li għandhom approċċi kontradittorji dwar ix-xogħol temporanju u peress li d-dritt Finlandiż ma jinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi għat-traspożizzjoni tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.

134.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma huwiex limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet interni introdotti fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 iżda jeżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali fl-intier tiegħu sabiex ikun evalwat sa fejn dan jista’ jiġi applikat b’tali mod li ma jwassalx għal riżultat kuntrarju minn dak intenzjonat mid-direttiva ( 51 ).

135.

In-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ma jipprekludix għalhekk lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu, jekk tistax tasal, permezz ta’ interpretazzjoni, għal soluzzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.

136.

Fil-każ li interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 għandux effett dirett.

137.

L-imsemmija dispożizzjoni tidher, fid-dawl tal-kontenut tagħha, kapaċi li jkollha effett dirett. Għandu madankollu jiġi eżaminat jekk il-konvenuta fil-kawża prinċipali tistax tipprevalixxi ruħha minnha kontra sindakat tal-impjegati.

138.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma rrikonoxxitx l-effett dirett orizzontali tad-direttivi tal-Unjoni ( 52 ), mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li l-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat għandhom effett dirett orizzontali, fis-sens li jistgħu jkunu invokati direttament minn impriża kontra sindakat jew grupp ta’ sindakati ( 53 ).

139.

Jidhirli li huwa loġiku li l-istess effett jingħata lid-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, li tikkonkretizza l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam partikolari tax-xogħol temporanju.

140.

Fil-fatt, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104, il-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji, u b’hekk jostakolaw ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan il-qasam, kienu potenzjalment jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, ma jkunx koerenti li tali miżuri jitħallew jevitaw din il-projbizzjoni minħabba l-fatt biss li din tal-aħħar issa tinsab espressa b’mod speċifiku biss fid-Direttiva 2008/104 u li, fil-prinċipju, id-direttivi ma japplikawx direttament għar-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali.

141.

Nixtieq li nkun preċiż: ma hijiex l-intenzjoni tiegħi li nsaħħaħ id-dibattitu dwar l-effett dirett orizzontali li jista’ jkun eżerċitat minn ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkunu konkretizzati mid-direttivi ( 54 ).

142.

Is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija, fl-opinjoni tiegħi, ħafna inqas kontroversjali, sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jaffettwa xejn il-kontenut materjali tal-Artikolu 56 TFUE li, mill-bqija, għandu effett dirett f’ċerti relazzjonijiet orizzontali skont il-ġurisprudenza eżistenti.

143.

Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 4(1) jistabbilixxi biss projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati tax-xogħol temporanju f’att tad-dritt sekondarju li jipproċedi b’armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam (filwaqt li qabel tali restrizzjonijiet kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 56 TFUE), kif ukoll jispeċifika r-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw l-imsemmija restrizzjonijiet.

144.

Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni magħmula f’dan il-qasam tfisser li ma għadux neċessarju li jkun hemm element transkonfinali li, mill-banda l-oħra jkun mitlub sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali. Fil-fatt huwa stabbilit li d-Direttiva 2008/104 tapplika għas-sitwazzjonijiet interni.

145.

Madankollu nosserva li l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE għal kwistjoni bħal din li hija adita biha l-qorti tar-rinviju, għalkemm timplika persuni mill-istess Stat Membru, ma hijiex eskluża, anki bl-esklużjoni tad-Direttiva 2008/104.

146.

Fil-fatt, il-klawżola kkontestata tista’ manifestament ikollha effetti transkonfinali rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE, b’mod partikolari peress li hija tista’ tostakola l-aċċess ta’ Shell għal servizzi pprovduti minn impriżi ta’ xogħol temporanju stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra ( 55 ). F’tali sitwazzjoni, jidhirli inutli li ssir tfittxija għal element transkonfinali, purament każwali, pereżempju skont jekk matul il-perijodu rilevanti, Shell użatx aġenzija temporanja li tinsab barra mill-Finlandja, jew anki jekk wieħed mill-ħaddiema temporanji li jaħdmu għal Shell matul dan il-perijodu kienx ġej minn Stat Membru ieħor.

147.

Għalhekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tikkunsidra t-tielet domanda, jiena nipproponi li r-risposta għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jista’ jkun invokat minn impriża kontra sindakat.

VI – Konklużjoni

148.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tat-Työtuomioistuin bil-mod kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprojbixxi ż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tal-ħaddiema temporanji, li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, ir-rekwiżiti ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi.

(2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tillimita l-użu tax-xogħol temporanju għal xogħlijiet li huma temporanji u li, għal raġunijiet oġġettivi, ma jistgħux jitwettqu mill-ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji biswit ħaddiema impjegati direttament mill-impriża sabiex iwettqu xogħlijiet identiċi għal dawk imwettqa minn dawn tal-aħħar matul perijodu twil.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 327, p. 9).

( 3 ) Ftehim konkluż fl-4 ta’ Ġunju 1997 bejn it-Teollisuuden ja Työnantajain Keskusliitto (li sar l-Elinkeinoelämän keskusliitto, federazzjoni ċentrali tal-ħajja ekonomika) u s-Suomen Ammattiliittojen Keskusjärjestö (organizzazzjoni ċentrali tas-sindakati Finlandiżi).

( 4 ) Il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ungeriż. L-istess opinjoni hija espressa wkoll mill-qorti tar-rinviju. Il-Gvern Franċiż u dak Pollakk ma għamlux osservazzjonijiet dwar din id-domanda.

( 5 ) Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Finlandiż, Ġermaniż, Svediż u dak Norveġiż. Il-Kummissjoni, li bidlet il-pożizzjoni tagħha fil-mori tal-kawża, donnha tipproponi l-istess interpretazzjoni.

( 6 ) Għal dak li jirrigwarda n-natura mhux eżawrjenti ta’ din il-lista, ara l-punt 100 tal-Konklużjonijiet preżenti.

( 7 ) Il-Gvern Finlandiż, Ġermaniż, Svediż u dak Norveġiż, kif ukoll – waqt is-seduta – il-Kummissjoni.

( 8 ) It-titolu tal-proposta leġiżlattiva inizjali, “direttiva […] dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija”, kien emendat waqt il-qari fil-Parlament Ewropew sabiex sar “direttiva […] dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija”, għar-raġuni li “l-għan u l-kontenut tad-direttiva eżaminata ma humiex limitati għal ‘kundizzjonijiet tax-xogħol’ iżda jestendu għall-promozzjoni u r-regolament tas-settur ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija”, billi tidħol wkoll fl-istess linja mad-Direttivi preċedenti dwar ix-xogħol part-time u x-xogħol għal żmien determinat (ara l-espożizzjoni tal-motivi tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament, A5-0356/2002, tat-23 ta’ Ottubru 2002, emenda 1).

( 9 ) Il-premessi 9 sa 11 tad-Direttiva 2008/104 jenfasizzaw ukoll l-importanza ta’ forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol għall-ħolqien tal-impjiegi, wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-istrateġija ta’ Lisbona.

( 10 ) Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2008/104.

( 11 ) Minbarra d-Direttiva 2008/104, hemm ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 12 ) Huwa dan l-għan li pprevala fil-proposti konsekuttivi tal-Kummissjoni fil-qasam tax-xogħol atipiku: il-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill li tikkompleta l-miżuri bil-għan li jiġi promoss it-tijib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema temporanji [COM(90) 228 finali, ppreżentati mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 1990], li falliet fil-parti l-kbira tagħha, u l-proposta SEC(1995)1540 li nediet il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali li wasslet għall-adozzjoni taż-żewġ ftehim qafas li jirrigwardaw ix-xogħol part-time u x-xogħol għal żmien determinat.

( 13 ) Ara l-prinċipju komuni ta’ flessigurtà adottati mill-Kunsill fil-5 u 6 ta’ Diċembru 2007 u approvati mill-Kunsill Ewropew fl-14 ta’ Diċembru 2007 (dokument tal-Kunsill Nru 16201/07). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u fil-Kumitat tar-Reġjuni, intitolat “Lejn prinċipju komuni ta’ flessigurtà: Iktar impjiegi u kwalità aħjar flimkien ma’ flessibbiltà u sigurtà” [COM(2007)359 finali, tas-27 ta’ Ġunju 2007].

( 14 ) Ara M. Bell, “Between flexicurity and fundamental social rights: the EU directives on atypical work”, European law review, 2012, Vol. 37, nru 1, p. 36; A. Davies, “Regulating atypical work: beyond equality”, Resocialising Europe in a time of crisis, 2013, p. 237.

( 15 ) Din l-armonizzazzjoni, skont il-klawżola ta’ nonregressjoni soċjali kkonfermata fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/104, ma għandhiex twassal għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, M. Bell, op. cit., p. 36; A. Davies, op. cit., p. 237; N. Countouris, u R. Horton, “The Temporary Agency Work Directive: Another Broken Promise”, Ġurnal dwar il-Liġi Industrijali, 2009, Vol. 38, nru 3, p. 335; J.-P. Lhernould, “Le détachement des travailleurs intérimaires dans l’Union européenne”, Rivista tad-dritt tax-xogħol 2012, p. 308; M. Weiss, “Regulating Temporary Work in Germany”, Temporary agency work in the European Union and the United States, p 120 sa 122; M. Rönnmar, “The regulation of temporary agency work in Sweden and the impact of the (2008/104/EC) Directive”, European Labour Law Journal (ELLJ), 2010, Vol. 1, nru 3, p 422 sa 429.

( 17 ) Rispettivament, C. Engels, “Regulating temporary work in the European Union: The Agency Directive”, Temporary agency work in the European Union and the United States, 2013, nru 82, p. 14; L. Mitrus, “Ochrona pracowników tymczasowych w świetle prawa unijnego a prawo polskie”, A. Sobczyk (red.), Z problematyki zatrudnienia tymczasowego, Wolters Kluwer Polska, 2011, p. 18.

( 18 ) Dikjarazzjoni komuni ta’ EuroCIETT (konfederazzjoni Ewropea tal-impriżi tax-xogħol temporanju) u tal-UNI-Europa (federazzjoni sindakali Ewropea) tat-28 ta’ Mejju 2008 dwar id-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, punti 7 u 14 (http://www.eurociett.eu/).

( 19 ) Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Finlandiż.

( 20 ) Ara proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji [COM(2002) 701 finali, tat-28 ta’ Novembru 2002] li ssostitwixxiet il-proposta inizjali tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji [COM(2002) 149 finali, tal-20 ta’ Marzu 2002] wara l-ewwel qari tal-Parlament.

( 21 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Nru 24/2008 tal-15 ta’ Settembru 2008 (ST 10599 2008).

( 22 ) B’mod partikolari, il-Parlament emenda il-proposta inizjali tal-Kummissjoni billi introduċa tliet raġunijiet ġodda li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet (kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa u ta’ sigurtà u riskji oħra għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema jew ċerti fergħat ta’ attività ekonomika, funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u n-neċessità li jiġi evitat eventwali abbuż). Ara r-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament, tal-21 ta’ Novembru 2002 (P5_TA(2002) 0562) kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi (A5-0356/2002 tat-23 ta’ Ottubru 2002).

( 23 ) L-imsemmija emenda 34 qasmet id-dispożizzjoni kkonċernata tal-Artikolu 4 f’żewġ partijiet distinti, jiġifieri: “l-ewwel parti telimina kwalunkwe dubju dwar il-possibbiltà li jinżammu u/jew jiġu introdotti, f’ċerti ċirkustanzi, restrizzjonijiet u projbizzjonijiet intiżi għall-użu tax-xogħol temporanju […] it-tieni parti ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet li jipprovdi r-reviżjoni mill-Istati Membri ta’ dawn ir-restrizzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara espożizzjoni tal-motivi tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament (A5-0356/2002 tat-23 ta’ Ottubru 2002).

( 24 ) Pożizzjoni Komuni Nru 24/2008, punt 2.2 tal-espożizzjoni tal-motivi.

( 25 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill bil-għan tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju – Ftehim politiku fuq pożizzjoni komuni (VMQ) [COM(2008)569 finali, tat-18 ta’ Settembru 2008, p. 6].

( 26 ) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2008 [P6_TA(2008) 0507].

( 27 ) Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Finlandiż, Ġermaniż u dak Svediż, kif ukoll – waqt is-seduta – il-Kummissjoni.

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑411/06, EU:C:2009:518, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza Huber (C‑336/00, EU:C:2002:509, punt 31).

( 30 ) Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/81, kif ukoll is-sentenzi Michaeler et (C‑55/07 u C‑56/07, EU:C:2008:248) u Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 78). L-imsemmija direttiva kienet adottata abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-Politika Soċjali, anness mat-Trattat KE, li mbagħad ġie integrat fil-Kapitolu Soċjali tat-Trattat KE (l-Artikolu 139(2) KE).

( 31 ) Sentenzi Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 98) kif ukoll The International Transport Workers’ Federation u The Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 33 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenzi Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 47) kif ukoll Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 50). Din il-kunsiderazzjoni tinsab fil-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104.

( 33 ) Sentenza Hennigs u Mai (C‑297/10, u C‑298/10, EU:C:2011:560, punti 68 u 78).

( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑476/12, EU:C:2014:89, punt 51).

( 35 ) Għall-kuntrarju, deroga f’dan is-sens hija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-ħaddiema temporanji.

( 36 ) Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punti 85 u 89).

( 37 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni pproponiet interpretazzjoni differenti, u sostniet li l-imsemmi Artikolu 4 jipprojbixxi ż-żamma ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati magħmula għall-użu tax-xogħol temporanju.

( 38 ) S. Robin-Olivier, “A French reading of Directive 2008/104 on temporary agency work”, European labour law journal, 2010, Vol. 1, Nru 3, p. 404.

( 39 ) Pereżempju, il-projbizzjoni li jingħata kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat lil ħaddiem temporanju, il-projbizzjoni tal-użu tax-xogħol temporanju għall-finijiet ta’ integrazzjoni fl-impriża utenti jew il-projbizzjoni li jiġu impjegati persuni b’diżabbiltà bħala ħaddiema temporanji [ara rapport tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol tal-grupp ta’ esperti fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104, Awwissu 2011, p. 29 u 31, kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, COM(2014)176 finali tal-21 ta’ Marzu 2014, p. 12 u 13].

( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑397/10, EU:C:2011:444) kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor (C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011).

( 41 ) Ara l-punti 80 sa 83 tal-Konklużjonijiet preżenti.

( 42 ) Ara l-punti 145 u 146 tal-Konklużjonijiet preżenti.

( 43 ) Sentenza Portugaia Construções, (C‑164/99, EU:C:2002:40, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Sentenzi Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 15) kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor (EU:C:2014:2011, punt 44). Fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm il-protezzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenza Portugaia Construções, EU:C:2002:40, punt 20).

( 45 ) Ara s-sentenza Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor (EU:C:2014:2011). Bl-istess mod, ir-rekwiżiti nazzjonali fil-qasam tar-reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni, garanzija finanzjarja jew kontroll tal-impriżi ta’ xogħol temporanju huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 skont l-Artikolu 4(4) tagħha u jibqgħu għalhekk potenzjalment suġġetti għall-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

( 46 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2008/104, kif ukoll il-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas previst mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Jansen (C‑313/10, EU:C:2011:593, punt 57).

( 47 ) Ara d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “aġenzija ta’ xogħol temporanju”, ta’ “ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija” u ta’ “impriża utenti” fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) tad-Direttiva 2008/104.

( 48 ) Din l-indikazzjoni hija kkorroborata mir-rapport COM(2014) 176 finali, p. 9 u 10.

( 49 ) Sentenza Mac Quen et (C‑108/96, EU:C:2001:67, punti 33 u 34).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 101 u 119) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’din il-kawża (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2003:245, punt 59).

( 51 ) Sentenzi Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), Pfeiffer et (EU:C:2004:584, punt 115), kif ukoll Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38).

( 52 ) Sentenzi Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 42) u Association de médiation sociale (EU:C:2014:2, punt 36).

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval un Partneri (EU:C:2007:809, punt 98) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’dik il-kawża (C‑341/05, EU:C:2007:291, punti 159 sa 161) u, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment , is-sentenza International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (EU:C:2007:772, punt 66).

( 54 ) Ara, reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2013:491, punti 73 sa 80).

( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 26), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’dik il-kawża (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punt 35).