KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PEDRO CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fl-24 ta’ Frar 2015 ( 1 )
Kawża C‑506/13 P
Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Netwerks trans-Ewropej — Kuntratt li jikkonċerna appoġġ finanzjarju tal-Unjoni favur il-proġett ‘Ward in Hand’, konkluż fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka fil-qasam tal-kollaborazzjoni medika — Nuqqas ta’ osservanza minn benefiċjarju ta’ appoġġ tal-obbligi kuntrattwali tiegħu — Obbligu ta’ rimbors tal-ammonti mħallsa bil-quddiem riċevuti indebitament — Nota ta’ debitu — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Att li ma jistax jinfired mill-kuntest kuntrattwali tiegħu — Inammissibbiltà tar-rikors għal annullament — Kontrotalba tal-Kummissjoni — Kundanna tal-benefiċjarju għar-rimbors tal-ammonti indebiti — Interessi moratorji”
|
1. |
F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa waħda, ċaħdet bħala inammissibbli rikors għal annullament ippreżentat minn Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro ( 3 ) kontra nota ta’ debitu tal-Kummissjoni Ewropea fejn hija ġiet intimata biex tirrimborsa ammonti li din tal-aħħar issostni li ħallsitha indebitament fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ riċerka u, min-naħa l-oħra, laqgħet għal kollox il-kontrotalba ppreżentata mill-Kummissjoni, bħala risposta, bil-għan li tikseb ir-rimbors tas-somom inkwistjoni, inklużi l-interessi moratorji. |
|
2. |
Il-Qorti Ġenerali, f’dik il-kawża, ikkunsidrat li n-nota ta’ debitu kkontestata ma setgħetx tinfired mill-kuntest kuntrattwali li fih inħarġet u li b’hekk ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk hija mitluba tiddeċiedi, fl-ewwel lok, dwar linja ta’ ġurisprudenza relattivament stabbilita tal-Qorti Ġenerali, li hija sa issa għadha qatt ma kellha l-okkażjoni li teżamina, li tgħid li l-atti unilaterali adottati mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bħan-nota ta’ debitu kkontestata, jistgħu, meta ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-kuntest kuntrattwali tagħhom u meta jkunu ppreżentati bħala “eżekuttivi” fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE, jiġu attakkati mhux permezz ta’ rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE, iżda permezz ta’ rikors kuntrattwali previst fl-Artikolu 272 TFUE. Għaldaqstant, għandha tiddeċiedi, li hija l-kwistjoni ta’ prinċipju li tqajmet mill-ewwel aggravju tar-rikorrenti, dwar jekk dik il-ġurisprudenza għandhiex tiġi kkonfermata, invalidata jew irrelativizzata. |
|
4. |
Fi kliem ieħor, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk, taħt id-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkonkludu kuntratti mal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea kontra l-atti unilaterali adottati minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kuntratti taqax taħt il-kompetenza tal-qorti tal-annullament u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet jew inkella jekk, għall-kuntrarju, fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji legali stabbilita mit-Trattat FUE, għandhiex tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ separazzjoni stretta bejn il-qasam tal-kawżi kuntrattwali u l-qasam tal-kawżi ta’ annullament u, għaldaqstant, taħt dik li f’ċerti ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tissejjaħ eċċezzjoni ta’ rikors parallel ( 4 ). |
|
5. |
Skont ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għal din il-kwistjoni ta’ prinċipju, hija jkollha teżamina wkoll id-disa’ aggravji l-oħrajn imqajma mir-rikorrenti fl-appell tagħha u l-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħetx, ġustament, tiddeċiedi li kienet fondata t-talba għal rimbors tal-ammonti li allegatament tħallsu lilha, inklużi l-interessi moratorji. |
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
6. |
Mill-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet jirriżulta li Lito Maieftiko hija sptar tal-maternità membru ta’ konsorzju li, fil-kuntest tal-programm e-TEN taħt il-politika tan-netwerks trans-Ewropej, ikkonkludiet mal-Kummissjoni, fit-12 ta’ Mejju 2004, il-kuntratt C510743 dwar il-proġett “Ward In Hand” (WIH) ( 5 ), programm speċifiku ta’ riċerka fil-qasam tal-kollaborazzjoni medika. |
|
7. |
L-Artikolu 19 tal-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmi kuntratt ( 6 ) jistipula: “1. Jekk xi ammont jitħallas b’mod mhux iġġustifikat lil parteċipant jew jekk xi rkupru jkun iġġustifikat skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, il-benefiċjarju jintrabat li jirrimborsa lill-Kummissjoni s-somma inkwistjoni skont il-kundizzjonijiet u fid-data li hija tispeċifika. 2. Fin-nuqqas ta’ ħlas mill-benefiċjarju fid-data ffissata mill-Kummissjoni, is-somma għandha tkun bl-interessi bir-rata indikata fl-Artikolu [3(6) tal-kundizzjonijiet ġenerali]. L-interessi moratorji jkopru l-perijodu li jibda fil-jum wara d-data ffissata għall-ħlas u jintemmu filgħaxija tad-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet l-ammont sħiħ dovut. Kull ħlas parzjali għandu l-ewwel jiġi imputat għall-ispejjeż u l-interessi moratorji u sussegwentement għall-ammont prinċipali.” |
|
8. |
Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett, li beda fl-1 ta’ Mejju 2004 u ntemm fil-31 ta’ Jannar 2006, Lito Maieftiko bbenefikat minn appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea ta’ ammont totali ta’ EUR 99349.50. |
|
9. |
B’ittra tad-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lil Lito Maieftiko li hija kienet ser tkun suġġetta għal verifika finanzjarja għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett WIH u li hija kellha tippreżenta time sheet bħala prova tas-sigħat ta’ ħidma tal-persunal impjegat f’dan il-kuntest li għalihom hija kienet qiegħda titlob rimbors. Matul dik il-verifika, li saret bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu 2009, Lito Maieftiko ma setgħetx tippreżenta dawn il-provi. |
|
10. |
B’ittra tal-20 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-abbozz ta’ rapport ta’ verifika li kien jistabbilixxi n-nuqqas tal-imsemmija timesheets meħtieġa, u talbitha biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. |
|
11. |
B’emails tat-13 u s-16 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ rapport ta’ verifika u bagħtet it-time sheets relatati mal-ħidma ddedikata għall-proġett. |
|
12. |
B’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-rapport ta’ verifika finali, fejn sostniet il-konklużjonijiet tal-abbozz tar-rapport. |
|
13. |
Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti ittra ta’ informazzjoni preliminari għal proċedura ta’ rkupru, fejn stabbilixxiet li għandu jiġi rrimborsat l-ammont ta’ EUR 93778.90. |
|
14. |
Waqt li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni, b’ittra tal-24 ta’ Mejju 2011, naqqset għal EUR 83001.09 l-ammont li għandu jiġi rrimborsat. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. |
|
15. |
Fis-16 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti nota ta’ debitu maħruġa fid-9 ta’ Settembru preċedenti ( 7 ), fejn talbitha biex tirrimborsaha EUR 83001,09 sal-24 ta’ Ottubru 2011. |
|
16. |
Taħt l-intestatura “kundizzjonijiet ta’ ħlas”, in-nota ta’ debitu kkontestata kienet tippreċiża dan li ġej: “Kundizzjonijiet ta’ ħlas:
|
|
17. |
B’ittra tat-3 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni fakkret lir-rikorrenti l-kreditu tagħha, billi enfasizzat li fuq dan kien hemm imgħax bir-rata ta’ 5 % fis-sena, li jikkorrispondi għal EUR 11.37 għal kull jum ta’ dewmien, b’mod li fit-18 ta’ Novembru 2011, l-interessi akkumulati kienu jammontaw għal EUR 284.25. |
II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
18. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tan-nota ta’ debitu kkontestata. |
|
19. |
Permezz ta’ rikors separat fl-istess jum, Lito Maieftiko talbet ukoll is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tan-nota ta’ debitu kkontestata, liema talba ġiet miċħuda bid-digriet Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni ( 8 ). |
|
20. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok ċaħdet ir-rikors għal annullament ta’ Lito Maieftiko bħala inammissibbli (punti 19 sa 31 tas-sentenza appellata), u, essenzjalment, iddeċidiet fuq l-istess linja bħad-digriet mogħti fil-kawża preċedenti Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni ( 9 ), u b’mod partikolari li n-nota ta’ debitu kkontestata, li taqa’ fil-kuntest ta’ kuntratt li jorbotha mal-Kummissjoni, ma tinsabx fost l-atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab lill-qrati tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
21. |
Il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, eżaminat il-kontrotalba ppreżentata fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE mill-Kummissjoni fejn hija kienet mitluba tikkundanna lir-rikorrenti biex tħallasha l-ammont ta’ EUR 83944.80, li jikkorrispondi għal EUR 83001.09 abbażi tad-dejn prinċipali u EUR 943.71 abbażi tal-interessi moratorji akkumulati sal-15 ta’ Jannar 2012. |
|
22. |
Il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat l-ammissibbiltà ta’ dik il-kontrotalba u l-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni tagħha (punti 35 sa 41), laqgħet dik l-istess kontrotalba (punti 42 sa 81). Għaldaqstant, hija kkundannat lil Lito Maieftiko biex tħallas lill-Kummissjoni ammont ta’ EUR 83001.09 abbażi tad-dejn prinċipali u EUR 11.37 bħala interessi moratorji akkumulati mill-25 ta’ Ottubru 2011 sal-clearance tad-dejn prinċipali. Hija kkundannat ukoll lil Lito Maieftiko għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk relatati mal-kontroproċedura. |
|
23. |
Il-motivi tas-sentenza appellata ser jiġu riprodotti, sa fejn dan ikun meħtieġ, fil-kuntest tal-eżami tad-diversi aggravji. |
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
24. |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan l-appell. |
|
25. |
B’att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżura provviżorja, abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, bil-għan li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata. |
|
26. |
Bid-digriet Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni ( 10 ), it-talba għal miżura provviżorja ġiet miċħuda. |
|
27. |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
28. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
IV – Osservazzjonijiet preliminari
|
29. |
Dan l-appell għandu element ta’ kumplessità li hija l-konsegwenza tal-fatt li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qatgħet, permezz tal-unika u l-istess deċiżjoni ġudizzjarja, minn naħa waħda, rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, bħala qorti ta’ annullament, billi ddikjaratu inammissibbli u, min-naħa l-oħra, kontrotalba mressqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE li titlob rimbors mir-rikorrenti tal-ammonti li hija jidhrilha li ħallsitha indebitament, bħala qorti tal-kuntratt, billi ddikjaratha ammissibbli u billi laqgħetha fuq il-merti. |
|
30. |
Għandu jiġi enfasizzat, effettivament, li l-Qorti Ġenerali rrifjutat, mingħajr ma ddeċidiet espliċitament f’dan ir-rigward u billi marret kontra l-ġurisprudenza tagħha stess ( 11 ), li tilqa’ t-talba mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-replika li hija ppreżentat fil-proċedura fl-ewwel istanza ( 12 ), fejn talbet li r-rikors għal annullament tagħha jiġi kkwalifikat mill-ġdid f’rikors kuntrattwali. |
|
31. |
F’dan il-każ, hija rrikonoxxiet il-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni tal-kontrotalba tal-Kummissjoni ( 13 ) billi bbażat essenzjalment fuq l-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju u fuq il-prijorità rikonoxxuta lill-qorti adita fl-ewwel lok ( 14 ), billi rreferiet f’dan ir-rigward għad-digriet Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting ( 15 ). |
|
32. |
Dan l-approċċ li huwa pjuttost mhux tas-soltu ( 16 ), u li r-rikorrenti pprovat topponih fil-kuntest tar-replika tagħha fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr suċċess, madankollu ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
|
33. |
Minn dan isegwi li l-aggravji u l-argumenti mqajma mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha huma indirizzati kemm kontra l-parti tas-sentenza li tiċħad ir-rikors għal annullament tagħha bħala inammissibbli kif ukoll kontra l-parti ta’ din tal-aħħar li tiddikjara l-kontrotalba fondata. Madankollu, għalkemm l-ewwel aggravju tagħha jirrigwarda b’mod ċar u esklużivament is-sentenza tal-Qorti Ġenerali inkwantu hija tiċħad ir-rikors għal annullament tagħha bħala inammissibbli, l-aggravji l-oħrajn huma ferm iktar ambigwi. Għalkemm essenzjalment dawn huma intiżi biex jinkiseb l-annullament tal-evalwazzjoni tal-merti tal-kontrotalba tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali, uħud minnhom fir-realtà jiddenunzjaw iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament bħala inammissibbli u l-konsegwenzi tagħha, li tikkomplika l-evalwazzjoni ta’ dan l-appell. |
|
34. |
Dawn l-elementi jwassluni biex neżamina l-aggravji kollha tal-appell, għalkemm jidhirli li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi, kif nistedinha tagħmel, li l-ewwel aggravju tal-appellanti għandu jintlaqa’ u li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata, dan għandu jkun fit-totalità b’mod li loġikament ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji l-oħrajn. |
V – Fuq l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament
A – Fuq il-kwalifikazzjoni tan-nota ta ’ debitu kkontestata (l-ewwel aggravju)
1. Sinteżi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali
|
35. |
Il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, enfasizzat li hija talbet lir-rikorrenti biex tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk kinux jeżistu ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li hija tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha b’mod differenti minn kif kienet evalwat rikors għal annullament preċedenti ppreżentat f’kawża b’suġġett simili u li, f’dak il-każ, kien ġie ddikjarat inammissibbli bid-digriet tagħha Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni ( 17 ). |
|
36. |
B’riferiment għal dak l-istess digriet, il-Qorti Ġenerali sussegwentement fakkret it-termini tal-ġurisprudenza tagħha, li tgħid li l-qrati tal-Unjoni jistħarrġu, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom ( 18 ). Minn naħa waħda, hija ppreċiżat li dik il-kompetenza kienet tikkonċerna biss l-atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 288 TFUE li l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-TFUE, billi jużaw il-prerogattivi tagħhom ta’ setgħa pubblika ( 19 ). Min-naħa l-oħra, hija ddikjarat ukoll li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt qafas purament kuntrattwali li ma jkunux jistgħu jinfirdu minnhom ma jinsabux, minħabba n-natura proprja tagħhom, fost l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE ( 20 ). |
|
37. |
Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li ma setgħetx tiġi adita b’mod validu b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief jekk in-nota ta’ debitu kkontestata tkun intiża li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-kuntratt u li jimplikaw l-eżerċitar tal-prerogattivi tas-setgħa pubblika mogħtija lill-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva ( 21 ). |
|
38. |
F’dan il-każ hija kkonstatat, fl-ewwel lok, li n-nota ta’ debitu taqa’ fil-kuntest tal-kuntratt li jorbot lill-Kummissjoni mar-rikorrenti, sa fejn din kellha bħala għan l-irkupru ta’ kreditu ibbażat fuq l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ( 22 ). |
|
39. |
Hija sussegwentement iddeċidiet li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta r-rikorrenti, in-nota ta’ debitu kkontestata ma setgħetx tinfired mill-kuntest kuntrattwali li kienet saret fih, peress li ebda element ma kien jippermetti li wieħed jikkonkludi li l-Kummissjoni kienet aġixxiet filwaqt li użat il-prerogattivi tagħha ta’ setgħa pubblika ( 23 ). |
|
40. |
Finalment, hija kkunsidrat li l-indikazzjonijiet li jinsabu fin-nota ta’ debitu kkontestata taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ ħlas” ma setgħux, minkejja n-natura ambigwa tagħhom, iwasslu biex in-nota ta’ debitu kkontestata tiġi kkwalifikata bħala “att definittiv” ( 24 ). |
2. L-argumenti tal-partijiet
|
41. |
Ir-rikorrenti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 28 sa 31 tas-sentenza appellata, li n-nota ta’ debitu kkontestata ma kinitx ta’ natura eżekuttiva u li hija ma setgħetx, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Hija tqis li dik in-nota ta’ debitu tikkorrispondi preċiżament għad-deċiżjoni eżekuttiva li l-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tadotta, skont l-Artikolu 19(5) tal-kundizzjonijiet ġenerali. |
|
42. |
In-natura eżekuttiva ta’ dik in-nota ta’ debitu hija kkonfermata mill-fatt li, minn naħa waħda, hija tiffissa b’mod unilaterali data ta’ skadenza għall-ħlas tas-somma mitluba, minn meta l-interessi moratorji bdew jiddekorru, u min-naħa l-oħra, din tinkludi riferiment espress għall-fakultà tal-Kummissjoni li tuża l-proċedura msemmija fl-Artikolu 299 TFUE. |
|
43. |
Il-Kummissjoni fl-ewwel lok targumenta li dak l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, inkwantu huwa intiż biex jikseb ir-ritrattazzjoni tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Hija tal-fehma li, fi kwalunkwe każ, dan huwa infondat, inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament u b’mod konformi mar-res judicata skont ġurisprudenza stabbilita ( 25 ), li n-nota ta’ debitu kkontestata ma kinitx att eżekuttiv, iżda att preparatorju ta’ natura purament informattiva stabbilita fil-kuntest ta’ kawża purament kuntrattwali. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li n-nota ta’ debitu kkontestata ma tikkostitwixxix l-espressjoni ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika u ma tistax, għaldaqstant, titqies li tista’ tinfired mill-kuntest kuntrattwali li fih inħarġet ( 26 ). |
|
44. |
Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn hekk, li l-fatt li n-nota ta’ debitu kkontestata tiddefinixxi kundizzjonijiet ta’ ħlas u tiffissa interessi moratorji ma jistax ipoġġi f’dubju l-kwalifikazzjoni tagħha bħala “att mhux eżekuttiv”. |
3. Evalwazzjoni
a) Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju
|
45. |
Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, l-ewwel aggravju tal-appellanti ma jistax jiġi ddikjarat bħala inammissibbli. Effettivament, il-Kummissjoni tqis essenzjalment, li l-appellanti fir-realtà qiegħda tipprova tikseb eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li n-nota ta’ debitu kkontestata ma tinsabx fost l-atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab lill-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE. Din l-evalwazzjoni taqa’ taħt il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti, li hija suġġetta għall-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 27 ). |
b) Fuq il-fondatezza tal-aggravju
|
46. |
Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ċaħdet fl-ewwel parti tas-sentenza appellata r-rikors għal annullament tar-rikorrenti bħala inammissibbli, għar-raġuni li n-nota ta’ debitu kkontestata ma tinsabx fost l-atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab lill-qrati tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE ( 28 ). |
|
47. |
Nippreċiża qabel kollox li jidhirli li din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
|
48. |
Għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza appellata taqa’ taħt linja ta’ ġurisprudenza li ġiet stabbilita żmien ilu mill-Qorti Ġenerali ( 29 ) u li sussegwentement ġiet applikata b’mod regolari ( 30 ), għalkemm xi kultant b’motivazzjoni differenti ( 31 ), għar-rikorsi għal annullament indirizzati kontra l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-entitajiet tal-Unjoni, f’kuntesti kuntrattwali bħal dak f’din il-kawża, u b’mod partikolari kontra n-noti ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament lil kokontraenti fil-kuntest ta’ programmi ta’ għajnuna jew ta’ finanzjament ( 32 ). F’dawn id-deċiżjonijiet kollha ( 33 ), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod ferm ġenerali, li n-noti ta’ debitu inkwistjoni ma jistgħux jinfirdu mill-kuntest kuntrattwali li jkunu ġew adottati fih u li b’hekk ma jistgħux jiġu attakkati b’annullament. |
|
49. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu sa issa qatt ma kellha l-okkażjoni li teżamina dik il-ġurisprudenza u l-proposti prinċipali tagħha, ċirkustanza li tiġġustifika sew li hija teżaminaha fid-dettall u tiddikjara l-pożizzjoni tagħha, b’mod iktar preċiż, dwar ir-raġunament li permezz tiegħu u dwar il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi li ma humiex suġġetti għal rikors, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-atti li għandhom karatteristiċi u li għandhom il-kontenut ta’ nota ta’ debitu kkontestata. |
|
50. |
Permezz tan-nota ta’ debitu kkontestata, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti tirrimborsa l-ammonti li fil-fehma tagħha tħallsu lil din tal-aħħar indebitament fil-kuntest tal-proġett WIH u ffissat terminu minn meta dawn l-ammonti jibdew jipproduċu l-interessi. Din ġiet ippreżentata, fil-fatt, bħala ta’ natura eżekuttiva, inkwantu kienet thedded lir-rikorrenti b’miżuri ta’ infurzar, skont l-Artikolu 299 TFUE ( 34 ). Huma preċiżament dawn l-elementi li ġew invokati mill-appellanti sabiex turi li n-nota ta’ debitu kkontestata kienet att li jista’ jiġi kkontestat. |
|
51. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors għal annullament għandu jkun miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma, li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali ( 35 ) u, b’mod iktar preċiż, effetti legali obbligatorji ta’ tali natura li taffettwa l-interessi tar-rikorrent, billi jimmodifikaw b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu ( 36 ). |
|
52. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE, għandha titqies is-sustanza tiegħu, jew, fi kliem ieħor, il-virtwalità tiegħu. Min-naħa l-oħra, in-natura, il-forma, il-bażi li fuqha, il-modalitajiet skont liema jew l-kuntest li fih att ikun ġie adottat huma, fil-prinċipju, irrelevanti għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni tiegħu bħala att li jista’ jintalab l-annullament tiegħu ( 37 ). |
|
53. |
F’dan ir-rigward għandu jingħad li dan l-approċċ kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa meħtieġ minħabba n-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva taċ-ċittadini kontra l-atti adottati mill-istituzzjonijiet ( 38 ), peress li l-ġustizzjabbiltà ta’ dawn l-atti hija l-bażi stess tal-idea tal-Unjoni tad-dritt ( 39 ). |
|
54. |
Issa, ma kienx abbażi tas-sustanza tagħha, jiġifieri l-effetti li kienet intiża li tipproduċi, iżda biss abbażi tal-għan tagħha ( 40 ), tal-kuntest li fih inħarġet u tal-kontenut tad-dispożizzjoni kuntrattwali li hija teżegwixxi jew li fuq il-bażi tagħha ġiet adottata ( 41 ) li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li n-nota ta’ debitu kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. |
|
55. |
Effettivament, il-Qorti Ġenerali bdiet billi spjegat ( 42 ), minn naħa waħda, li l-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni biex jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni tikkonċerna biss “l-atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 288 TFUE”, preċiżazzjoni li tmur formalment kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 43 ), u sakemm dawn tal-aħħar ikunu ttieħdu, preċiżazzjonijiet mingħajr preċedent fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fil-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE” u “billi jużaw il-prerogattivi tagħhom ta’ setgħa pubblika”. |
|
56. |
Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll ( 44 ), min-naħa l-oħra, li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt kuntest purament kuntrattwali li minnu ma jistgħux jinfirdu “ma jinsabux, minħabba n-natura proprja tagħhom, fost l-atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE”. |
|
57. |
Din ukoll hija affermazzjoni li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 45 ), li ddeċidiet ripetutament li ma hijiex in-natura tal-att ikkontestat li hija importanti, iżda s-sustanza tiegħu u l-effetti li huwa intiż li jipproduċi fil-konfront ta’ terzi. |
|
58. |
Fuq kollox, għandu jiġi osservat li dik l-affermazzjoni li tpoġġiet bħala premessa għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, hija wkoll il-konklużjoni tagħha u li l-Qorti Ġenerali la tippreċiża kif in-nota ta’ debitu kkontestata ma tistax tinfired mill-kuntest kuntrattwali tagħha u lanqas, a fortiori, liema huma l-kriterji għall-firda. |
|
59. |
Dawn iż-żewġ elementi flimkien finalment iwasslu lill-Qorti Ġenerali għal “definizzjoni mill-ġdid” tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkuntestat”, fil-punt 24 tas-sentenza appellata. |
|
60. |
Il-Qorti Ġenerali effettivament tiddikjara li r-rikors għal annullament kontra att bħan-nota ta’ debitu inkwistjoni ma tistax tiġi ddikjarata ammissibbli sa fejn tkun intiża li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-kuntratt u tkun timplika l-eżerċitar ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika mogħtija lill-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva. |
|
61. |
F’dan il-każ, hija jidhrilha li dan ma huwiex il-każ, għal tliet raġunijiet. L-ewwel waħda hija li l-ammonti inkwistjoni tħallsu “fuq il-bażi ta’ kuntratt”. It-tieni waħda hi li t-talba għal rimbors tas-somom imħallsa indebitament tikkorrispondi għal dritt previst fl-Artikolu 19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali. It-tielet waħda, finalment, hija li permezz tat-termini tagħha stess, in-nota ta’ debitu kkontestata titlob ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament “b’mod konformi mal-Artikolu 19 tal-kundizzjonijiet ġenerali”. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-iskop tan-nota ta’ debitu inkwistjoni huwa li tasserixxi d-drittijiet li l-Kummissjoni għandha abbażi tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali u ma hijiex intiża biex tipproduċi effetti ġuridiċi li jsibu l-oriġini tagħhom fl-eżerċitar, mill-imsemmija istituzzjoni, tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li hija titolari tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
62. |
Huwa biss bħala aċċenn li l-Qorti Ġenerali ssemmi, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, iċ-ċirkustanza li n-nota ta’ debitu kkontestata hija ppreżentata bħala eżekuttiva, inkwantu ssemmi l-Artikolu 299 TFUE. F’dan ir-rigward, hija tillimita ruħha biex tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-indikazzjonijiet li jinsabu fin-nota ta’ debitu taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ ħlas” ma jistgħux, minkejja n-natura ambigwa tagħhom, iwasslu biex jikkwalifikaw in-nota ta’ debitu kkontestata bħala “att definittiv”. |
|
63. |
Għandu jiġi enfasizzat li din il-preċiżazzjoni, li hija riferiment diskret iżda ċert għall-ġurisprudenza IBM ( 46 ), skont liema l-atti preparatorji ma humiex kontestabbli, hija diffiċli biex tinftiehem inkwantu ma għandha ebda konnessjoni mal-ispjegazzjonijiet preċedenti. |
|
64. |
Madankollu, l-iktar ħaġa importanti hi li l-Qorti Ġenerali fir-realtà rrifjutat li teżamina jekk, mis-sustanza tagħha stess, fis-sens indikat, u b’mod partikolari t-theddida ta’ eżekuzzjoni forzata, in-nota ta’ debitu kkontestata ma setgħetx titqies li tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi u, bħala tali u għal dak is-sempliċi fatt, li tista’ tinfired mill-kuntest kuntrattwali u, għaldaqstant, kontestabbli b’annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
65. |
Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkunsidrat li n-nota ta’ debitu kkontestata ma kinitx att li jista’ jiġi kkontestat għaliex ma setgħetx tinfired mill-kuntest kuntrattwali tagħha, filwaqt li, meta titqies is-sustanza tagħha u b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li kienet tippreżenta ruħha bħala eżekuttiva, hija kellha tiddeċiedi li ma setgħetx tinfired mill-kuntest kuntrattwali tagħha u b’hekk kienet kontestabbli. |
|
66. |
Effettivament, għandu jiġi kkonstatat li, billi indirizzat lir-rikorrenti nota ta’ debitu ppreżentata bħala eżekuttiva, il-Kummissjoni ma aġixxietx bħala kokontraenti iżda bħala awtorità amministrattiva li tuża l-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika għall-finijiet li tikseb il-ħlas ta’ somom li hija kienet qiegħda titlob l-irkupru tagħhom. |
|
67. |
Iċ-ċirkustanza li l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni eżekuttiva hija prevista preċiżament fl-Artikolu 19(5) tal-kundizzjonijiet ġenerali ma tistax tpoġġi f’dubju l-konklużjoni li n-nota ta’ debitu kkontestata għandha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat. Effettivament, ħlief jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ tkun imħallef u parti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-kokontraenti tagħha teżiġi li mal-“privileġġ” hekk mogħti jkun hemm dritt għal rikors għal annullament korrispondenti. |
|
68. |
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li billi kkonkludiet li n-nota ta’ debitu kkontestata ma kinitx tipproduċi effetti ġuridiċi, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u wettqet żball ta’ liġi. L-ewwel aggravju ssollevat mir-rikorrenti b’hekk huwa fondat u s-sentenza appellata għandha, għal din ir-raġuni, tiġi annullata. |
B – Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali
|
69. |
B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċidiha. |
|
70. |
Inkwantu l-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli r-rikors għal annullament tan-nota ta’ debitu kkontestata ppreżentat mir-rikorrenti, hija ma eżaminat la l-motivi u lanqas l-argumenti dwar il-mertu li hija kienet ressqet insostenn ta’ dan tal-aħħar, b’mod li jkun xieraq li l-kawża tiġi mibgħuta lilha għal deċiżjoni. |
|
71. |
Kif diġà rrelevajt iktar ’il fuq ( 47 ), il-konklużjoni li għaliha nasal timplika l-annullament tat-totalità tas-sentenza appellata, inkluż li l-Qorti Ġenerali, fil-kwalità tagħha bħala qorti tal-kuntratt, tammetti l-ammissibbiltà u tikkonkludi li l-kontrotalba tal-Kummissjoni hija fondata. |
|
72. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji l-oħrajn, li lkoll jikkontestaw, b’mod ġenerali, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fondatezza tal-kontrotalba tal-Kummissjoni. |
|
73. |
Madankollu jidhirli li huwa xieraq, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix il-konklużjoni prinċipali tiegħi, li nipprovdi kjarifika sħiħa dwar din il-kawża u b’hekk analiżi tad-disa’ aggravji l-oħrajn imqajma mill-appellanti ( 48 ). |
VI – Fuq l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-kontrotalba
|
74. |
Permezz tat-tieni, il-ħames u s-seba’ aggravji tagħha, l-appellanti essenzjalment tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-elementi ta’ prova li hija ppreżentat insostenn tat-talbiet tagħha biex il-kontrotalba tal-Kummissjoni tiġi miċħuda bħala infondata. Il-Qorti Ġenerali, b’mod iktar preċiż, tagħmel evalwazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “somma mħallsa indebitament” (it-tieni aggravju). Barra minn hekk, hija wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tan-natura ġuridika tal-provi ta’ preżenza (il-ħames aggravju) u tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż (cost models”) (is-seba’ aggravju). |
|
75. |
Permezz tat-tielet u s-sitt aggravji tagħha, l-appellanti tiddenunzja, essenzjalment, ksur mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq, inkwantu din tal-aħħar ma ħaditx inkunsiderazzjoni wħud mill-argumenti tagħha u marret kontra l-prinċipji ta’ ħarsien tad-drittijiet tad-difiża u tal-parità tal-armi. |
|
76. |
Permezz tat-tmien aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-abbuż ta’ poter allegatament imwettaq mill-Kummissjoni. |
|
77. |
Permezz tad-disa’ aggravju tagħha, hija tiddenunzja ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-motiv tagħha bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu kkontestata. |
|
78. |
L-għaxar aggravju tagħha, finalment, jallega żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament ikkommettiet fl-evalwazzjoni tal-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
79. |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li l-aggravji kollha għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, peress li r-rikorrenti qiegħda tipprova tikseb, b’mod ġenerali, eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, billi sempliċement tirriproduċi l-motivi u l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tidentifika b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet legali li l-Qorti Ġenerali allegatament kisret u mingħajr ma tindika l-motivi preċiżi tas-sentenza appellata li hija tikkritika. Hija madankollu tanalizza d-diversi motivi dwar il-merti ( 49 ), biex tikkonkludi li dawn għandhom jiġu miċħuda inkwantu huma, fi kwalunkwe każ, infondati. |
A – Fuq l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-provi tal-infondatezza tal-kontrotalba (it-tieni, il-ħames u s-seba ’ aggravji)
1. Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq żnaturament tal-kunċett ġuridiku ta’ “somma mħallsa indebitament”
|
80. |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kunċett ġuridiku ta’ “somma mħallsa indebitament” fis-sens tal-Artikolu 1376 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan billi kkunsidrat, fil-punti 26 u 47 sa 69 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ħallsitha indebitament is-somma ta’ EUR 83001.09. Hija tal-fehma, minn naħa waħda, li b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, kien fid-data tal-ħlas ta’ dik is-somma li n-natura allegatament indebita kellha tiġi kkonstatata. Hija tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li sabiex il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, jeħtieġ li l-ħlas indebitu jkun seħħ intenzjonalment jew bi żball. |
|
81. |
Ma ġiex ipprovat li t-time sheets ma kinux inżammu matul il-perijodu tal-eżekuzzjoni tal-proġett, li kien l-uniku perijodu pertinenti sabiex tiġi evalwata n-natura indebita tal-ħlas inkwistjoni. |
|
82. |
L-argumenti hekk ippreżentati mill-appellanti ma jistgħux jiġu aċċettati. |
|
83. |
Effettivament, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok iddeċidiet li r-rikorrenti ma waslitx biex tpoġġi inkwistjoni l-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tar-rapport ta’ verifika finali li fuq il-bażi tiegħu il-Kummissjoni stmat li l-ispejjeż tal-persunal ikkontabilizzati għall-proġett WIH ma kinux eliġibbli, fis-sens tal-Artikoli 13(1) u 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali ( 50 ). Dan ir-rapport, f’dan il-każ, ikkonstata li r-rikorrenti ma kinitx osservat l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali biex tirreġistra u tiċċertifika, ta’ mill-inqas darba fix-xahar, kull ħin ta’ ħidma kkontabilizzat abbażi tal-kuntratt. |
|
84. |
L-ispejjeż relatati b’hekk ġew iddikjarati bħala ineliġibbli u miċħuda mill-Kummissjoni. |
|
85. |
Barra minn hekk, mill-punt 56 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali madankollu eżaminat it-time sheets ipprovduti mir-rikorrenti wara l-verifika, fit-13 ta’ Novembru 2009, u kkonkludiet li dawn tal-aħħar ma setgħux jintużaw bħala mezz ta’ prova li jiċċertifika s-sigħat ta’ ħidma mwettqa abbażi tal-proġett WIH, peress li ma kinux datati u ċċertifikati minn waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali. |
|
86. |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod sovran il-fatti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti biex turi li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddikjarat bħala inammissibbli s-somom li kien mitlub ir-rimbors tagħhom. |
|
87. |
Ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova ta’ tali natura li turi li l-Qorti Ġenerali, billi għamlet hekk, żnaturat l-imsemmija provi. |
|
88. |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appellanti għandu, skont l-Artikoli 256(1) TFUE u 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 51 ), jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
2. Fuq il-ħames aggravju, bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tan-natura tat-time sheets
|
89. |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura tat-time sheets u tal-portata tal-obbligi tagħha li tippreżenta rapporti perjodiċi. Hija tenfasizza li dawn ir-rapporti perjodiċi, li għandhom jimlew kull unità ta’ ħin ta’ ħidma pprovduta mill-programm issussidjat minn kull impjegat, jippermettu, minn naħa waħda, li jiġi rreġistrat ix-xogħol ipprovdut u, min-naħa l-oħra, li tiġi kkostitwita bażi ta’ evalwazzjoni li tista’ titkejjel b’mod oġġettiv li tippermetti li jiġu ġġustifikati l-ispejjeż operattivi. Hija b’hekk tal-fehma, essenzjalment, li l-kontenut nieqes tar-rapporti perijodiċi ma jistax, fid-dawl tal-objettiv tagħhom, jiġi assimilat mal-assenza ta’ kull xogħol ipprovdut, għaliex inkella jkun hemm sproporzjon ċar. Hija tiddikjara wkoll li l-kunċett ta’ rapport perjodiku la huwa ddefinit minn test leġiżlattiv u lanqas mill-ġurisprudenza, b’mod li l-kontenut speċifiku tiegħu kellu jiġi ddeterminat in concreto fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. |
|
90. |
Għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-appellanti essenzjalment tirriproduċi l-argumenti li hija kienet ippreżentat fl-ewwel istanza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 43 tas-sentenza appellata. |
|
91. |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rapporti perjodiċi inkwistjoni kienu jinkludu biss dikjarazzjoni trimestrali totali tas-sigħat kontabilizzati mill-appellanti abbażi ta’ kull taqsima tal-proġett u mhux rendikont fix-xahar, għal kull impjegat, tas-sigħat iddedikati għall-proġett. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li dawn ma kinux jikkorrispondu għar-rekwiżiti formali ddikjarati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali, u li dawn ma kinux, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jissostitwixxu t-time sheets minn perspettiva sostantiva. |
|
92. |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali evalwat sovranament il-fatti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti biex turi li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat iddikjarat bħala ineliġibbli s-somom li r-rimbors tagħhom kien mitlub. |
|
93. |
Peress li l-appellanti ma ressqet ebda prova li turi li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-imsemmija provi, il-ħames aggravju tagħha għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud ukoll bħala inammissibbli, skont l-Artikoli 256(1) TFUE u 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
3. Fuq is-seba’ aggravju, bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tan-natura ġuridika tal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż
|
94. |
Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura ġuridika tal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż (“cost models”). |
|
95. |
Dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. |
|
96. |
Effettivament, u minn naħa waħda, l-appellanti ma tippreċiżax liema punt tal-motivi tas-sentenza appellata hija tikkritika. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma tispjegax kif il-Qorti Ġenerali wettqet, f’dan ir-rigward, żball ta’ liġi. |
|
97. |
Dawn il-lakuni madankollu huma spjegati miċ-ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx il-pożizzjoni tagħha dwar dan il-punt fl-evalwazzjoni tagħha tal-kontrotalba tal-Kummissjoni |
|
98. |
Effettivament, mill-punt 42 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-kontrotalba tal-Kummissjoni kienet ibbażata, minn naħa waħda, fuq in-nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrenti tal-“obbligu previst fl-Artikolu 14(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali, li żżomm time sheets u li tirreġistra s-sigħat ta’ ħidma mwettqa mill-persunal tagħha għall-finijiet tal-proġett”, u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li din kienet “ibbażata b’mod żbaljat fuq il-‘metodu tal-ispejjeż totali’ għall-kalkolu tal-ispejjeż indiretti imputati lill-proġett WIH”. |
|
99. |
Madankollu, mis-sentenza appellata (punti 47 sa 64) jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet dwar il-fondatezza tal-kontrotalba wara li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkonkludiet li l-ispejjeż tal-persunal imputati għall-proġett mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux spejjeż eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija ma eżaminatx it-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni. |
|
100. |
Għaldaqstant, is-seba’ aggravju mqajjem mill-appellanti għandu fi kwalunkwe każ jiġi miċħud bħala invalidu. |
B – Fuq l-iżball ta ’ evalwazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-użu ħażin ta ’ poter imwettaq mill-Kummissjoni (it-tmien aggravju)
|
101. |
Fil-kuntest tat-tmien aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment targumenta li l-aġir tal-Kummissjoni huwa abbużiv, inkwantu hija titlob ir-rimbors tas-somom inkwistjoni għas-sempliċi raġuni li hija ma pprovditx fiż-żmien iddefinit it-time sheets meħtieġa, minkejja l-fatt li l-impjegati tagħha fil-fatt ipparteċipaw fil-proġett WIH. Il-preżentata ta’ dawn it-time sheets ma tistax titqies bħala obbligu essenzjali li jirriżulta mill-kuntratt, peress li l-objettiv tiegħu huwa li jitwettqu l-għanijiet tal-proġett, li fil-fatt sar u li kien xiehda tal-involviment reali tal-persunal tar-rikorrenti fil-proġett. Hija targumenta li l-Kummissjoni b’mod abbużiv qieset il-fatt li ma ġewx ippreżentati dawk it-time sheets bħala ekwivalenti għan-nuqqas ta’ twettiq tal-għanijiet tal-proġett. Il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. |
|
102. |
Il-Kummissjoni tiddikjara li, fil-każ ta’ kuntratti dwar programmi li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju, il-benefiċjarju huwa obbligat ġuridikament li jirreġistra u jiddikjara l-ispejjeż tiegħu. L-obbligu tal-benefiċjarju li b’hekk jiġġustifika l-ammissibbiltà tal-ispejjeż tiegħu huwa totalment indipendenti mill-obbligu li jeżegwixxi jew li jwettaq il-proġett. |
|
103. |
Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li hija qatt ma ddubitat l-eżekuzzjoni tajba tal-proġett WIH, iżda sempliċement idderivat il-konsegwenzi tal-inadempjenzi kuntrattwali mwettqa mir-rikorrenti, li ma waslitx biex tistabbilixxi b’mod probatorju l-ħin ta’ xogħol effettivament iddedikat għall-proġett WIH mill-persunal tagħha. |
|
104. |
Jiena tal-fehma li dan it-tmien aggravju, jekk nassumu li jista’ jirnexxi fil-kuntest ta’ kawża kuntrattwali ( 52 ), għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. L-appellanti, effettivament, sempliċement tinvoka użu ħażin ta’ poter mingħajr ma tippreċiża f’hiex jikkonsisti dak l-użu ħażin, u mingħajr ma tipprovdi l-iċken indikazzjoni li l-Kummissjoni aġixxiet bl-iskop esklużiv, jew ta’ mill-inqas determinanti, li tilħaq finijiet oħrajn minbarra dawk eċċepiti jew biex tevita proċedura prevista speċjalment mit-trattat biex tilqa’ għaċ-ċirkustanzi tal-każ ( 53 ). |
C – Fuq in-nuqqas ta ’ kunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq (it-tielet u s-sitt aggravju)
1. L-argumenti tal-partijiet
|
105. |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li, billi ddeċidiet fil-punti 73 sa 77 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kellha dritt li titlobha r-rimbors tas-somma ta’ EUR 83001.09 flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati fuq il-bażi ta’ rata ta’ 5 % sa mill-25 ta’ Ottubru 2011, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha, u b’hekk kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, kif iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
106. |
Effettivament, b’risposta għad-domandi li saru mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tas-seduta, l-appellanti argumentat li peress li n-nota ta’ debitu kkontestata kienet ippreżentata u mifhuma bħala att preparatorju, jiġifieri dokument kuntrattwali ta’ natura informattiva li ma jistax ibiddel is-sitwazzjoni ġuridika tagħha, il-punt ta’ tluq minn meta jibdew jiddekorru l-interessi moratorji mitluba mingħandha ma setax jiġi ffissat validament għall-iskadenza tad-data prevista minn din in-nota ta’ debitu, f’dan il-każ il-25 ta’ Ottubru 2011. Dan l-argument ma ġiex eżaminat mill-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar ma evalwatx il-legalità tal-bidla li s-sempliċi notifika tan-nota ta’ debitu kkaġunat fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħha. |
|
107. |
Fil-kuntest tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, b’mod iktar preċiż id-drittijiet ta’ difiża tagħha u l-prinċipju ta’ parità tal-armi meta ddeċidiet, minn naħa waħda, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li t-time sheets li hija kienet ippreżentat ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti ffissati mill-kuntratt u ma setgħux jiġu aċċettati bħala provi tas-sigħat ta’ ħidma mwettqa għall-proġett WIH, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-korrispondenza li hija kienet ippreżentat ma setgħetx turi l-ħin ta’ xogħol effettivament iddedikat għal dan il-proġett mill-impjegati tagħha. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ċaħditha minn kull mezz ta’ prova, bi ksur ċar tal-prinċipju ta’ parità tal-armi. |
|
108. |
Hija tiddikjara wkoll li l-kuntratt li hija kkonkludiet mal-Kummissjoni huwa abbużiv, inkwantu jirrestrinġi b’mod sproporzjonat il-mezzi li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni effettiva tal-persunal tagħha fil-proġett WIH. |
|
109. |
Barra minn hekk, hija targumenta li, f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, fejn il-Kummissjoni tikkonstata unilateralment, permezz ta’ verifika, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi kuntrattwali u sussegwentement tippreżenta kontrotalba għall-finijiet tal-irkupru ta’ somom riċevuti indebitament, din tal-aħħar issib ruħha fil-pożizzjoni ta’ mħallef u parti u jkollha vantaġġ li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ parità tal-armi. |
|
110. |
Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju mqajjem mill-appellanti għandu jiġi miċħud bħala infondat. Minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet domanda preċiża lill-partijiet dwar ir-rata tal-imgħax mitluba fil-kuntest tal-kontrotalba, u b’hekk tatha l-opportunità li tiddikjara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, id-dewmien fil-ħlas u l-kalkolu tal-interessi moratorji ma humiex bilfors marbuta man-natura eżekuttiva tan-nota ta’ debitu. |
|
111. |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li sa mill-bidu r-rikorrenti kienet taf bid-dispożizzjonijiet kollha tal-kuntratt, u b’mod partikolari dawk dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji. Il-ksur min-naħa tagħha ta’ diversi dispożizzjonijiet kuntrattwali ma jistax irendi dawk il-kundizzjonijiet abbużivi u sproporzjonati. |
2. Evalwazzjoni
a) Fuq it-tielet aggravju
|
112. |
Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, iddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji sa mill-25 ta’ Ottubru 2011 ( 54 ), wara li kkonstatat li, skont l-Artikolu 19(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali, fin-nuqqas ta’ rimbors tal-ammonti indebiti fid-data ffissata mill-Kummissjoni, ikun hemm l-imgħax fuq l-ammont dovut bir-rata prevista fl-Artikolu 3(6) ta’ dawn il-kundizzjonijiet ( 55 ). |
|
113. |
Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kienet qiegħda purament u sempliċement teżegwixxi l-istipulazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 19(2) u 3(6) tal-kundizzjonijiet ġenerali, u b’hekk kienet qiegħda tislet il-konsegwenzi tal-evalwazzjoni tagħha skont liema, minn naħa waħda, il-kwistjoni bejn il-partijiet kienet ta’ natura kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, it-talba għal rimbors tal-Kummissjoni kienet fondata. |
|
114. |
Iċ-ċirkustanza li hija ma ħaditx pożizzjoni formali fuq l-argumenti tar-rikorrenti ma tistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, titqies li tikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq. |
|
115. |
Effettivament, fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tagħha, li jgħid li n-nota ta’ debitu kkontestata ma setgħetx tiffissa l-punt ta’ tluq minn meta jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, u b’hekk timmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tagħha, waqt li fl-istess ħin tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni bħala att sempliċement preparatorju. Hija b’hekk tikkontesta l-fatt li ma tteħditx inkunsiderazzjoni r-rabta li fil-fehma tagħha kellha tiġi stabbilita bejn in-natura kontestabbli tan-nota ta’ debitu u l-iffissar tal-interessi moratorji. Min-naħa l-oħra, hija fl-ebda mument ma kkontestat formalment il-validità tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikati f’din il-kawża, la fit-talba inizjali tagħha, la fir-replika, u lanqas fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. |
|
116. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għażla oħra għajr li t-tielet aggravju mqajjem mill-appellanti jiġi miċħud bħala infondat. |
b) Fuq is-sitt aggravju
|
117. |
Is-sitt aggravju mqajjem mill-appellanti wkoll għandu jiġi miċħud, f’dan il-każ bħala manifestament infondat. |
|
118. |
Effettivament, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat mhux biss it-time sheets ippreżentati mir-rikorrenti fit-13 ta’ Novembru 2009 ( 56 ) u r-rapporti perjodiċi li hija kienet indirizzat lill-Kummissjoni ( 57 ), iżda wkoll it-3656 paġna ta’ korrispondenza elettronika li hija kienet ipproduċiet sabiex tistabbilixxi r-realtà ta’ parti mill-ħin iddedikat għall-proġett mill-impjegati tagħha ( 58 ). Hija kkonkludiet li dawn l-elementi differenti ma kinux ta’ natura li jpoġġu f’dubju l-konstatazzjonijiet li saru fil-kuntest tar-rapport ta’ verifika finali. |
|
119. |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali mhux talli ma ċaħditx lill-appellanti minn kwalunkwe mezz ta’ prova, iżda anzi għall-kuntrarju, eżaminat bir-reqqa l-argumenti li din kienet ippreżentat u l-elementi li hija kienet ipprovdiet f’dan ir-rigward. |
|
120. |
Għandu jiġi ddikjarat ukoll li fir-realtà l-appellanti qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ dawk il-provi. Kif diġà tfakkar, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
121. |
Finalment, l-appellanti ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kontrotalba tal-Kummissjoni, ma kkonstatatx in-natura abbużiva ta’ kuntratt li hija barra minn hekk lanqas biss ikkontestat il-validità tiegħu. |
D – Fuq l-iżball imwettaq fl-evalwazzjoni ta ’ nuqqas ta ’ motivazzjoni tan-nota ta ’ debitu (id-disa ’ aggravju)
|
122. |
Fil-kuntest tad-disa’ aggravju tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet l-argument dwar nuqqas ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu kkontestata li hija kienet qajmet fl-ewwel istanza. Hija tippreċiża f’dan ir-rigward li n-nota ta’ debitu kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni li tippermetti li jiġu vverifikati l-kalkoli li saru, peress li r-riferiment li sar mill-Kummissjoni għall-ittri tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011 u s-17 ta’ Awwissu 2011 ma jistgħux jitqiesu bħala motivazzjoni suffiċjenti. |
|
123. |
Il-Kummissjoni tirribatti li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ qabel il-ħruġ tan-nota ta’ debitu kkontestata miftuħa bl-ittra tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2009, u b’mod partikolari fl-ittri tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011 u s-17 ta’ Awwissu 2011, imsemmija fil-punt 26 tas-sentenza appellata, u fir-rapport ta’ verifika, hija spjegat il-kuntest fattwali u r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha. Hija tosserva li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li n-nota ta’ debitu kkontestata ma kinitx att definittiv u konsegwentement tirreferi għall-argumenti ppreżentati fir-risposta tagħha għall-ewwel aggravju. |
|
124. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz tad-disa’ aggravju, l-appellanti essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiddeċiedi dwar it-tieni motiv li hija kienet qajmet fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-talba tagħha għall-annullament tan-nota ta’ debitu kkontestata. |
|
125. |
Peress li r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra n-nota ta’ debitu kkontestata ġie miċħud bħala inammissibbli, effettivament għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dak il-motiv u li hija lanqas ma ddeċidiet formalment, fil-kuntest tal-eżami li għamlet tal-fondatezza tal-kontrotalba tal-Kummissjoni, fuq il-motivazzjoni tan-nota ta’ debitu kkontestata. |
|
126. |
Madankollu, mis-sentenza appellata ( 59 ) jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, li għandu jingħad ma ġewx ikkontestati, il-kalkolu tas-somma ta’ EUR 83000.09 li ntalbet mingħand ir-rikorrenti. |
|
127. |
Mis-sentenza appellata ( 60 ) jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx speċifikat il-“kundizzjonijiet tar-rimbors u d-data tal-ħlas” tas-somom mitluba lir-rikorrenti. Hija ddeċidiet f’din il-kawża li dan kien il-każ, billi rreferiet f’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għall-ittra tal-24 ta’ Mejju 2011 u min-naħa l-oħra, għall-indikazzjonijiet ipprovduti min-nota ta’ debitu kkontestata taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ta’ ħlas”. |
|
128. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm ebda għażla oħra għajr li d-disa’ aggravju tal-appellanti jiġi miċħud bħala manifestament infondat. |
E – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta ’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (l-għaxar aggravju)
|
129. |
Permezz tal-għaxar aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li, ħames snin wara l-għeluq tal-programm, hija baqgħet qatt ma tħallset l-ammont korrispondenti għall-aħħar parti tal-programm, minkejja l-fatt li ma kienx ikkontestat li dik il-parti saret u li r-rapporti trimestrali tagħha ġew aċċettati. Hija tallega li minnħabba f’hekk, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata wkoll għal din ir-raġuni. |
|
130. |
Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tiddenunzja ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hija ma tindikax kif il-Qorti Ġenerali stess marret kontra dak il-prinċipju. Dan l-għaxar aggravju b’hekk għandu, minn din il-perspettiva u għal din ir-raġuni, jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. |
|
131. |
Madankollu għandu jiġi osservat li dan l-għaxar aggravju jirriproduċi l-ħames motiv li r-rikorrenti kienet qajmet fl-ewwel istanza fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha u li dwaru l-Qorti Ġenerali b’hekk ma ddeċidietx. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li t-talba li saret f’dak il-motiv, għalkemm hija relatata mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni f’din il-kawża, madankollu strettament ma għandha ebda rabta mas-suġġett tan-nota ta’ debitu kkontestata u b’hekk mal-kawża. |
|
132. |
L-għaxar aggravju b’hekk għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. |
|
133. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-konklużjoni prinċipali tiegħi, jiena tal-fehma li l-appell tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
VII – Fuq l-ispejjeż
|
134. |
Inkwantu huwa propost, fuq bażi prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa propost ukoll, fuq bażi prinċipali, li jiġu rriżervati l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell. |
|
135. |
Madankollu, u f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-konklużjoni prinċipali tiegħi u tiddeċiedi li tiċħad l-appell, allura skont id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 184(1) u 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha. |
VIII – Konklużjoni
|
136. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fuq bażi prinċipali, tiddeċiedi skont kif ġej:
|
|
137. |
Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T‑552/11, EU:T:2013:349, (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
( 3 ) Iktar ’il quddiem “Lito Maieftiko”.
( 4 ) Ara, b’mod partikolari, għad-dritt amministrattiv Franċiż, Wachsmann, P., “La recevabilité du recours pour excès de pouvoir à l’encontre des contrats – Pour le centenaire de l’arrêt Martin”, Revue française de droit administratif, 2006, p. 24.
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“proġett WIH”.
( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”.
( 7 ) Iktar ’il quddiem “in-nota ta’ debitu inkwistjoni”.
( 8 ) T‑552/11 R, EU:T:2011:749.
( 9 ) T-353/10, EU:T:2011:589.
( 10 ) C‑506/13 P‑R, EU:C:2013:882.
( 11 ) Ara b’mod partikolari is-sentenza Lecureur vs Il-Kummissjoni (T‑26/00, EU:T:2001:222, punt 38); id-digrieti Musée Grévin vs Il-Kummissjoni (T‑314/03 u T‑378/03, EU:T:2004:139, punt 88); u Helm Düngemittel vs Il-Kummissjoni (T‑265/03, EU:T:2005:213, punti 54 sa 57); is-sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punti 57 sa 64); id-digrieti Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:589, punti 34 u 35); Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (EU:T:2012:303, punti 58 u 59); Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑657/11, EU:T:2012:411, punti 54 sa 60); is-sentenzi GRP Security vs Il-Qorti tal-Awdituri (T‑87/11, EU:T:2013:161, punti 31 sa 38) kif ukoll Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni (T‑29/11, EU:T:2014:912, punti 42 sa 44). Għal rifjut ta’ rikwalifikazzjoni ta’ rikors kuntrattwali f’rikors ta’ annullament minħabba dekadenza, ara s-sentenza, Helkon Media vs Il-Kummissjoni (T‑122/06, EU:T:2008:418, punt 54).
( 12 ) Ara l-punt 84 tal-imsemmija replika.
( 13 ) Punt 40 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Ara l-punt 39 tas-sentenza appellata.
( 15 ) C‑517/03, EU:C:2004:326, punt 17.
( 16 ) Il-kontrotalba ppreżentata f’kuntest kuntrattwali ċertament ma hijiex xi ħaġa ġdida fid-dritt tal-Unjoni, inkwantu din ġiet rikonoxxuta espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja; ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Zoubek (426/85, EU:C:1986:501, punt 12); IDE vs Il-Kummissjoni (C‑114/94, EU:C:1997:68, punti 82 u 83). Min-naħa l-oħra, ma sibt ebda preċedent li jikkorrispondi għal konfigurazzjoni bħal dik f’din il-kawża, fejn kontrotalba ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament tiġi eżaminata u milqugħa, minkejja li r-rikors għal annullament ikun ġie ddikjarat inammissibbli.
( 17 ) EU:T:2011:589.
( 18 ) Punt 21 tas-sentenza appellata.
( 19 ) Punt 22 tas-sentenza appellata.
( 20 ) Punt 23 tas-sentenza appellata.
( 21 ) Punt 24 tas-sentenza appellata.
( 22 ) Punti 25 u 26 tas-sentenza appellata.
( 23 ) Punt 28 tas-sentenza appellata.
( 24 ) Punt 29 tas-sentenza appellata.
( 25 ) Il-Kummissjoni tirreferi għad-digriet Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (EU:T:2011:589).
( 26 ) Sentenza Geotronics vs Il-Kummissjoni (C‑395/95 P, EU:C:1997:210).
( 27 ) Ara b’mod partikolari, id-digrieti An Taisce u WWF UK vs Il-Kummissjoni (C‑325/94 P, EU:C:1996:293, punt 30) kif ukoll is-sentenza Il-Parlament vs Ripa di Meana et (C‑470/00 P, EU:C:2004:241, punt 41).
( 28 ) Punt 30 tas-sentenza appellata.
( 29 ) Digriet Musée Grévin vs Il-Kummissjoni (T‑314/03 u T‑378/03, EU:T:2004:139, punti 61 sa 89).
( 30 ) Għal deċiżjonijiet li jiċħdu bħala inammissibbli rikorsi għal annullament kontra noti ta’ debitu permezz ta’ motivazzjoni identika jew ferm simili, ara d-digriet Austrian Relief Program vs Il-Kummissjoni (T‑235/06, EU:T:2008:411, punti 34 sa 38); is-sentenzi ArchiMEDES vs Il-Kummissjoni (T‑396/05 u T‑397/05, EU:T:2009:184, punti 53 sa 58) u CEVA vs Il-Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punti 51 sa 55); id-digrieti Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:589, punti 22 sa 32); Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril vs Il-Kummissjoni (T‑335/09, EU:T:2011:614, punti 22 sa 36); Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑546/11, EU:T:2012:303, punti 30 sa 55).
( 31 ) Għal deċiżjonijiet li jiċħdu bħala inammissibbli rikorsi għal annullament kontra noti ta’ debitu, iżda billi jwarrbu l-motivazzjoni adottata inizjalment, ara d-digriet Imelios vs Il-Kummissjoni (T‑97/07, EU:T:2008:105, punti 23 sa 30); is-sentenza Cestas vs Il-Kummissjoni (T‑260/04, EU:T:2008:115, punti 67 sa 77); id-digrieti CPEM vs Il-Kummissjoni (T‑106/08, EU:T:2009:228, punti 25 sa 37); Alisei vs Il-Kummissjoni (T‑481/08, EU:T:2010:32, punt 72), kif ukoll IEM vs Il-Kummissjoni (T‑435/10, EU:T:2011:410, punti 26, 30 u 31); is-sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni (T‑285/09, EU:T:2011:479, punti 45 sa 48)kif ukoll EMA vs Il-Kummissjoni (T‑116/11, EU:T:2013:634, punti 72 sa 75) u d-digriet L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑37/11, EU:T:2012:310, punti 35 sa 43).
( 32 ) Għal każijiet ta’ applikazzjoni ta’ dik il-ġurisprudenza wara li ngħatat is-sentenza appellata, ara d-digriet Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑554/11, EU:T:2013:548, punti 30 u 41); is-sentenzi EMA vs Il-Kummissjoni (T‑116/11, EU:T:2013:634, punti 71 sa 75) kif ukoll Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni (T‑29/11, EU:T:2014:912, punti 29 sa 35).
( 33 ) Għal deċiżjoni kuntarja, ara s-sentenza Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni (T‑387/09, EU:T:2012:501, punti 36 sa 52). Il-Qorti Ġenerali waslet ukoll biex tiċħad ir-rikors dwar il-merti, mingħajr ma teżmina l-ammissibbiltà tiegħu, b’applikazzjoni tal-hekk imsejħa ġurisprudenza Boehringer [is-sentenza Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52]; ara s-sentenza Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni (T‑73/08, EU:T:2013:433, punti 47 u 48).
( 34 ) Ara l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32, punt 42).
( 36 ) Ara b’mod partikolari is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9); Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 29), kif ukoll id-digriet Mauerhofer vs Il-Kummissjoni (C‑433/10 P, EU:C:2011:204, punt 57).
( 37 ) Ara b’mod partikolari is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni (EU:C:1981:264, punt 9), u d-digriet Mauerhofer vs Il-Kummissjoni (EU:C:2011:204, punt 58).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punti 24 sa 27).
( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Weber vs Il-Parlament (C‑314/91, EU:C:1993:109, punti 8 sa 12), kif ukoll Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 38).
( 40 ) Punt 25 tas-sentenza appellata.
( 41 ) Punt 26 tas-sentenza appellata.
( 42 ) Punt 22 tas-sentenza appellata.
( 43 ) Ara is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32, punt 41) u IBM vs Il-Kummissjoni (EU:C:1981:264, punt 9).
( 44 ) Punt 23 tas-sentenza appellata.
( 45 ) Is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni (EU:C:1981:264, punt 9).
( 46 ) EU:C:1981:264, punt 9.
( 47 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Madankollu jista’ jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ċertament, tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li n-nota ta’ debitu inkwistjoni ma setgħetx tinfired mill-kuntest kuntrattwali tagħha, iżda tista’ wkoll twarrab dik l-analiżi u tiddeċiedi, b’sostituzzjoni tal-motivi, li l-kawżi bejn il-partijiet f’kuntratt li jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-qorti tal-kuntratt, u b’hekk tistabbilixxi fid-dritt tal-Unjoni eċċezzjoni proprja ta’ rikors parallel.
( 49 ) Hija tipproponi, f’dan ir-rigward, li jiġu eżaminati konġuntament it-tieni, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u t-tmien aggravji.
( 50 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 54 tas-sentenza appellata.
( 51 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi Hilti vs Il-Kummissjoni (C‑53/92 P, EU:C:1994:77, punt 10); Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑315/99 P, EU:C:2001:391, punt 19), kif ukoll id-digriet OCVV vs Schräder (C‑38/09 P‑DEP, EU:C:2013:679, punti 69 sa 75).
( 52 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “użu ħażin ta’ poter” għandu portata preċiża li tirreferi għall-użu ta’ poteri minn awtorità amministrattiva għal skop differenti minn dak li għalih ikunu ngħataw; ara, b’mod partikolari, is-sentenza O’Hannrachain vs Il-Parlament (C‑121/01 P, EU:C:2003:323, punt 46).
( 53 ) Biex nirriproduċu t-termini tad-definizzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter użati b’mod klassiku mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill (C‑110/97, EU:C:2001:620); O’Hannrachain vs Il-Parlament (EU:C:2003:323, punt 46); Windpark Groothusen vs Il-Kummissjoni (C‑48/96 P, EU:C:1998:223, punt 52) kif ukoll Ramondín et vs Il-Kummissjoni (C‑186/02 P u C‑188/02 P, EU:C:2004:702, punt 44).
( 54 ) Ara l-punt 77 tas-sentenza appellata.
( 55 ) Ara l-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata.
( 56 ) Punt 56 tas-sentenza appellata.
( 57 ) Punt 59 tas-sentenza appellata.
( 58 ) Punti 60 u 61 tas-sentenza appellata.
( 59 ) Ara l-punti 65 sa 69.
( 60 ) Ara l-punti 46 u 70 sa 72.