KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MELCHIOR WATHELET

ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑425/13

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Dritt istituzzjonali — Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati sabiex is-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea tiġi kkollegata mas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tal-Awstralja — Direttivi ta’ negozjati — Kumitat speċjali — Ksur tal-Artikoli 13(2) TUE, 218(2) sa (4) TFUE u 295 TFUE — Bilanċ istituzzjonali — Kooperazzjoni leali”

Werrej

 

I – Il-kuntest ġuridiku

 

A – It-Trattat FUE

 

B – Id-Direttiva 2003/87/KE

 

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

IV – Evalwazzjoni

 

A – Fuq l-ammissibbiltà

 

B – Fuq il-mertu

 

1. L-argument tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

a) Il-prinċipji

 

i) X’għandna nifhmu b’“direttivi ta’ negozjati”?

 

ii) Direttivi ta’ negozjati bħal dawn inkwistjoni jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet proċedurali?

 

– Introduzzjoni

 

– Risposta għad-domanda

 

iii) Id-“direttivi ta’ negozjati” u l-kwalità ta’ negozjatur

 

iv) L-Artikolu 218 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali

 

b) L-argumenti kuntrarji tal-Kunsill u tal-Istati Membri

 

i) L-ewwel argument

 

ii) It-tieni argument

 

iii) It-tielet argument

 

iv) Ir-raba’ argument

 

v) Il-ħames argument

 

vi) Is-sitt argument

 

vii) Is-seba’ argument

 

viii) It-tmien argument

 

ix) Id-disa’ argument

 

x) L-għaxar argument

 

xi) Il-ħdax-il argument

 

C – Portata u effetti tal-annullament

 

V – Konklużjoni

1. 

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 u tat-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Mejju 2013, li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar il-kollegament tas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea mas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra stabbilita fl-Awstralja (Dok. 8568/13 LIMITE) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

2. 

Din il-kawża tqajjem kwistjoni ta’ importanza kostituzzjonali, jiġifieri t-tqassim tal-poteri, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni hija parti. Il-ħarsien rigoruż tal-irwol speċifikat sew mogħti lilhom kif ukoll lill-Parlament Ewropew mit-Trattati, fil-proċess li jwassal għall-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, huwa kundizzjoni essenzjali għaż-żamma tal-bilanċ istituzzjonali fl-eżerċitar tal-kompetenzi internazzjonali tal-Unjoni ( 2 ).

3. 

Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa biex tiddeċiedi dwar il-portata tal-poter tal-Kunsill li jistabbilixxi direttivi ta’ negozjar, b’mod partikolari, billi jinkludi dispożizzjonijiet proċedurali kif ukoll dwar l-irwol tal-kumitat speċjali nnominat mill-Kunsill, konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE, u dan fil-kuntest ta’ ġlieda ġuridika kważi mingħajr waqfien bejn il-Kunsill (u l-Istati Membri) u l-Kummissjoni li sa mill-bidu nett, akkumpanjat il-ħruġ tal-Unjoni bħala attriċi fix-xena internazzjonali ( 3 ) .

4. 

L-importanza ta’ din il-kawża barra minn hekk tmur lil hinn min-negozjati internazzjonali inkwistjoni, inkwantu d-dibattitu li għandha taqta’ jista’ jqum f’negozjati oħrajn li jinsabu għaddejjin u jidhirli, b’mod partikolari, fin-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar ftehim kummerċjali li jipprevedi l-ħolqien ta’ żona ta’ kummerċ ħieles transatlantiku ( 4 ) msejjaħ suq kbir transatlantiku, jew inkella “sħubija transatlantika ta’ kummerċ u investiment” (“TTIP” bl-Ingliż, iktar ’il quddiem it-“TTIP”), magħruf ukoll bl-isem ta’ Trattat dwar il-Kummerċ Ħieles Transatlantiku (“TAFTA” bl-Ingliż) ( 5 ), li l-negozjati tiegħu bdew f’Lulju 2013.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – It-Trattat FUE

5.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, f’din il-kawża, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 218(2), (3) u (4) TFUE, li jipprovdi:

“Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

Il-Kummissjoni [...] [tippreżenta] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta’ l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta’ negozjaturi ta’ l-Unjoni.

Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista’ jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.”

B – Id-Direttiva 2003/87/KE

6.

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ( 6 ), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE. Skont il-premessa 5 tagħha, l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għat-twettiq iktar effiċjenti tal-impenji li l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha assumew fil-kuntest tal-protokoll ta’ Kjoto sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet antropiċi tal-gassijiet serra.

7.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti […] ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

8.

L-Artikolu 25 tal-istess direttiva, bit-titolu “Ir-rabtiet ma’ skemi oħra ta’ skambju ta’ emissjoni tal-gassijiet serra”, kif emendat bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 ( 7 ), jipprovdi dan li ġej:

“1.   Għandhom jiġu konklużi ftehimijiet mal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness B rigward il-Protokoll ta’ Kyoto li jkunu rratifikaw il-protokoll sabiex jipprovdu għall-għarfien tal-kwoti bejn l-iskema Komunitarja u skemi oħra tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra skont ir-regoli dikjarati [fl-Artikolu 300 tat-]Trattat.

1A.   Jistgħu jsiru strumenti ta’ ftehim għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwoti bejn l-iskema Komunitarja u sistemi mandatorji kompatibbli ta’ skambju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jillimitaw l-emissjonijiet assoluti stabbiliti fi kwalunkwe pajjiż ieħor jew entità subfederali jew reġjonali.

1B.   Jistgħu jsiru arranġamenti mhux vinkolanti ma’ pajjiżi terzi jew ma’ entitajiet subfederali jew reġjonali li jipprovdu għal koordinament amministrattiv u tekniku relatat ma’ kwoti fl-iskema Komunitarja jew sistemi obbligatorji ta’ skambju ta’ emissjonijiet li jillimitaw l-emissjonijiet assoluti.

2.   Fejn jiġi konkluż ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe dispożizzjoni meħtieġa relatata mar-rikonoxximent reċiproku tal-kwoti ta’ dak il-ftehim. [...]”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

9.

Fl-2011, il-Commonwealth tal-Awstralja għamlet kuntatt mal-Kummissjoni bil-għan li tiftaħ negozjati bilaterali dwar il-kollegament tas-sistema ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra mas-sistema Awstraljana.

10.

Ir-rakkomandazzjoni formali, kif prevista fl-Artikolu 218(3) TFUE dwar l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati mal-Commonwealth tal-Awstralja bil-għan li jiġu kkollegati s-sistemi ta’ skambju ġiet ifformulata fuq il-mudell tar-rakkomandazzjoni preċedenti dwar il-kollegament mas-sistema ta’ skambju Svizzera. Din ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Jannar 2013 u sussegwentement mibgħuta lill-Kunsill. Matul id-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Ambjent” tal-Kunsill, l-Istati Membri talbu biex ikunu involuti iktar fin-negozjati mal-Commonwealth tal-Awstralja milli kien previst fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Test ta’ kompromess ġie approvat, b’xi emendi żgħar, mill-grupp ta’ ħidma “Ambjent” tal-Kunsill fit-22 ta’ April 2013 u d-direttivi ta’ negozjar mill-Kunsill fl-24 ta’ April 2013.

11.

Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni biex tiddaħħal fil-minuti, li fiha hija kkontestat ċerti aspetti tat-test approvat. Id-deċiżjoni proposta mill-grupp ta’ ħidma ġiet ippreżentata lill-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti (Coreper) u finalment ġiet adottata fl-istat li kienet bħala l-punt “A” tal-aġenda tal-Kunsill “Agrikoltura u sajd” tat-13 ta’ Mejju 2013.

12.

L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi li l-“Kummissjoni tmexxi dawn in-negozjati [...] b’mod konformi mad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-Addendum [tal-Anness] ta’ din id-deċiżjoni”.

13.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni tipprovdi li “l-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill bil-miktub dwar ir-riżultati tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, ta’ mill-inqas kull tliet xhur”.

14.

It-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness, li fiha jinsabu d-direttivi ta’ negozjati indirizzati lill-Kummissjoni, hija fformulata kif ġej:

“A.

Proċedura għan-negozjati

1.

Il-Kummissjoni tmexxi n-negozjati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ. Jekk ikun hemm lok, pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati tal-Unjoni jiġu ddefiniti fi ħdan il-kumitat speċjali msemmi fl-Artikolu 1(2) jew fi ħdan il-Kunsill. Il-grupp ta’ ħidma ‘Ambjent’ huwa nnominat bħala kumitat speċjali inkarigat biex jassisti lill-Kummissjoni f’dan il-kompitu. Il-laqgħat tal-kumitat speċjali huma organizzati u ppreseduti mill-Istat Membru li jeżerċita l-presidenza tal-Kunsill.

2.

In-negozjati għandhom jitħejjew sew bil-quddiem. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tikkomunika lill-Kunsill il-kalendarju previst u t-temi tan-negozjati u tibgħat id-dokumenti rilevanti kemm jista’ jkun kmieni sabiex il-membri tal-kumitat speċjali jkollhom żmien raġonevoli biex iħejju ruħhom għal negozjati futuri.

3.

Kull sessjoni ta’ negozjati tkun ippreċeduta minn laqgħa tal-kumitat speċjali sabiex jiġu ddeterminati l-kwistjonijiet essenzjali u jiġu ddefiniti, skont il-każ, il-pożizzjonijiet jew id-direzzjonijiet tan-negozjati. Jekk ikun meħtieġ, huwa possibbli li jintalab parir mingħand il-kumitat għall-bidla fil-klima dwar aspetti tekniċi tan-negozjati bil-għan li jiġu kkollegati, soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mingħand il-kumitat speċjali.

4.

Il-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżitu tan-negozjati wara kull sessjoni ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, ta’ mill-inqas darba’ kull trimestru. Il-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill u tikkonsulta mal-kumitat speċjali dwar kull problema importanti li tista’ tinqala’ matul in-negozjati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15.

It-titolu tat-Taqsima B tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni inkwistjoni huwa “Kontenut u portata tan-negozjati”. It-tieni paragrafu tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2013, dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati inkwistjoni jipprovdi dan li ġej:

“L-istabbiliment tal-kumitat speċjali, konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE jfisser li l-kumitat [...] huwa fdat bil-kompitu li jsegwi t-tmexxija tan-negozjati u biex jiggwida lin-negozjatur waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.

Id-deċiżjoni inkwistjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2013.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 u t-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni inkwistjoni jew, sussidjarjament;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni u żżomm l-effetti tagħha fil-każ li din tiġi annullata fit-totalità tagħha; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

18.

Il-Parlament, bħala intervenjent, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ r-rikors tal-Kummissjoni.

19.

Il‑Kunsill jitlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat u tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż. Sussidjarjament, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha ma żżommx l-effetti tagħha.

20.

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, intervenjenti insostenn tal-Kunsill, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat.

21.

In-natura delikata ta’ din il-kawża ħarġet ukoll b’mod ċar mit-talba tal-Kunsill għall-irtirar ta’ ċerti dokumenti mill-proċess, fosthom id-deċiżjoni inkwistjoni u d-direttivi ta’ negozjar. Dik it-talba ġiet miċħuda bid-digriet Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑425/13, EU:C:2014:91).

22.

Matul is-seduta li saret fis-6 ta’ Jannar 2015, il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Polonja, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

IV – Evalwazzjoni

A – Fuq l-ammissibbiltà

23.

Għall-Kummissjoni, ma hemm ebda dubju li l-għan tal-Kunsill huwa li t-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati annessi mad-deċiżjoni inkwistjoni tipproduċi effetti ġuridiċi. Għalhekk ir-rikors huwa ammissibbli.

24.

Il-Kunsill isostni li ma jkunx xieraq li d-direttivi ta’ negozjati stabbiliti f’dan il-każ jiġu kkunsidrati mod divers minn dak ta’ direttivi oħrajn ta’ negozjati kkontestati f’kawżi istituzzjonali oħrajn, b’mod partikolari l-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151). Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonferma f’dik il-kawża li d-direttivi ta’ negozjati huma min-natura tagħhom stess neqsin minn effetti ġuridiċi, il-Kunsill jitlobha tiddikjara dan ir-rikors bħala inammissibbli.

25.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 ta’ dik is-sentenza invokata mill-Kunsill, “għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament għandu jkun miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, irrispettivament min-natura jew il-forma tagħhom, li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa ‘AETR’, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 13, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 44)” ( 8 ) u, biex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix dawn l-effetti, għandna nħarsu lejn is-sustanza proprja tiegħu kif ukoll l-intenzjoni tal-awtur tiegħu (ara s-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 40 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151) li “d-deċiżjoni kkontestata, li tipproduċi effetti ġuridiċi fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE”.

26.

Barra minn hekk, kif jirrileva ġustament il-kummentarju Mégret ( 9 ), “[l]-awtorizzazzjoni tal-Kunsill għall-ftuħ tan-negozjati hija, fil-prattika, spiss akkumpanjata b’direttivi ta’ negozjati. Din l-użanza hija mnebbħa mill-ġdid mill-Artikolu 133 [KE] li jipprevedi dik il-possibbiltà għan-negozjati kummerċjali. Din ma tikkostitwixxix obbligu għall-Kunsill u l-omissjoni tagħha b’ebda mod ma tivvizzja l-proċedura. Dawn id-direttivi ta’ negozjati huma linji ta’ gwida li għandhom effetti ġuridiċi biss fil-livell interistituzzjonali, u mhux fil-livell internazzjonali” (enfasi miżjuda minni).

27.

Barra minn hekk, jista’ validament jiġi sostnut li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kunsill ma jagħtix biss direzzjonijiet lill-Kummissjoni għan-negozjati tagħha mal-Commonwealth tal-Awstralja, peress li huwa ta lid-direttivi tiegħu effett ġuridiku billi akkumpanjahom bi proċedura kompleta li l-Kummissjoni għandha ssegwi u billi ta lill-kumitat speċjali (u lill-Kunsill) rwol ferm iktar preponderanti minn dak previst fl-Artikolu 218 TFUE.

28.

B’hekk, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li f’din il-kawża, bħal fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151), id-deċiżjoni inkwistjoni tipproduċi effetti ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 10 ) u b’hekk jista’ jintalab l-annullament tagħha ( 11 ).

29.

Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli.

B – Fuq il-mertu

30.

Il-Kummissjoni tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha, li kull wieħed minnhom jinvoka l-ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, l-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE, tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, waqt li l-ewwel motiv iżid ukoll l-Artikolu 295 TFUE. Fid-dawl tas-similarità tagħhom, tant li ċerti Stati intervenjenti rreferew għat-tieni motiv fl-argumenti tagħhom dwar l-ewwel wieħed, ser neżaminahom flimkien.

1. L-argument tal-partijiet

31.

Il-Kummissjoni targumenta li l-proċedura dettaljata prevista fit-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati tistabbilixxi kompetenzi favur il-Kunsill li jmorru lil hinn minn dak li jipprevedi l-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE. Effettivament, il-Kunsill, billi impona dik il-proċedura b’mod unilaterali, ried jistabbilixxi kompetenzi ġodda favur tiegħu kif ukoll obbligi għall-Kummissjoni li ma humiex ibbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

32.

Il-Kummissjoni tispjega li l-Artikolu 218(4) TFUE jagħti biss rwol konsultattiv lill-kumitat speċjali inkwantu dan jipprovdi li n-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ dan tal-aħħar. Ċertament, il-kumitat speċjali jista’ jesprimi l-perspettiva tiegħu dwar id-diversi aspetti tan-negozjati. Madankollu, id-deċiżjoni inkwistjoni tmur ferm iktar lil hinn, billi tipprevedi l-adozzjoni ta’ “pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati” tal-Unjoni, li b’hekk huma intiżi li jkunu vinkolanti.

33.

Il-Kummissjoni tosserva li l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha bl-osservanza tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħrajn.

34.

Il-Parlament jirrileva li l-Kunsill għandu l-possibbiltà li jistabbilixxi direttivi ta’ negozjati li jistgħu jservu bħala għodda sabiex jinkisbu għanijiet ġenerali. Fil-kuntest tan-negozjati, dawn id-direttivi jservu biex jiggwidaw lin-negozjatur sabiex jikseb riżultat li jista’ jissodisfa l-aspettattivi tal-Kunsill. Bl-istess mod, il-korollarju tad-dritt ta’ approvazzjoni tal-Parlament huwa li jawtorizza lil dan tal-aħħar biex jikkomunika lill-Kunsill u lin-negozjatur osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-ftehim futur.

35.

Il-Parlament josserva li l-fatt li, konformement mal-Artikolu 218(5) TFUE, il-Kunsill għandu r-responsabbiltà esklużiva li jiddeċiedi dwar l-iffirmar tal-ftehim, dan ma għandux impatt kbir fuq il-kwistjoni tas-segwitu tan-negozjati. La l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma huma awtorizzati, fil-kuntest tan-negozjati, li jeżerċitaw b’mod attiv rwol tal-ogħla livell li jġib fix-xejn il-prerogattivi tan-negozjatur. B’mod partikolari, il-Kunsill ma jistax jassumi, f’ismu stess jew f’isem il-kumitat speċjali li huwa jinnomina, l-irwol ta’ dak li jiddeċiedi matul in-negozjati. Il-kumitat speċjali jeżerċita biss rwol konsultattiv fit-tmexxija tan-negozjati min-negozjatur.

36.

Il-Parlament jispjega li, fil-kuntest tan-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali, il-Kummissjoni għandha rwol awtonomu u tal-ogħla livell sal-istadju meta tipproponi lill-Kunsill biex jikkonkludi ftehim. Is-sistema prevista fl-Artikolu 218 TFUE b’hekk hija koerenti inkwantu l-Kummissjoni tibda billi tirrakkomanda l-ftuħ ta’ negozjati sabiex imbagħad tmexxihom. Huwa biss fit-tmiem ta’ dawn in-negozjati li l-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà li tipproponi lill-Kunsill l-iffirmar, u sussegwentement il-konklużjoni tal-ftehim.

37.

Il-Kunsill isostni li ebda element li jinsab fl-Artikolu 218 TFUE ma jippermetti li tiġi ssostanzjata t-teżi li huwa ma huwiex awtorizzat biex jinkludi ċerti modalitajiet proċedurali fid-direttivi ta’ negozjati meta huwa jagħti lill-Kummissjoni awtorizzazzjoni għal negozjati. L-espressjoni “direttivi ta’ negozjati” għandha portata ġenerali u, kieku dawn it-termini ma jistgħux ikopru struzzjonijiet ta’ natura proċedurali, l-Artikolu 218(4) TFUE jitlef l-effett utli tiegħu.

38.

Il-Kunsill jikkunsidra li huwa l-kompitu tiegħu li jevalwa, meta jagħti awtorizzazzjoni għal negozjati lill-Kummissjoni, jekk huwiex neċessarju li jiġu inklużi fid-direttivi ta’ negozjati ċerti modalitajiet proċedurali kif ukoll preskrizzjonijiet speċjali għan-negozjatur.

39.

Il-Kunsill jispjega li l-modalitajiet proċedurali li jakkumpanjaw lid-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni jirrigwardaw esklużivament ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni bħala negozjatur u l-kumitat speċjali nnominat biex isegwi n-negozjati. Ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tipprojbixxi li jiġu inklużi tali regoli proċedurali fid-direttivi ta’ negozjati.

40.

Skont il-Kunsill, il-pożizzjonijiet iddefiniti fi ħdan il-kumitat speċjali huma intiżi biex ikunu espressjoni konkreta tad-direttivi ta’ negozjati u, bħala tali, huma intiżi biex jgħinu lin-negozjatur, li ma jimplika ebda obbligu għall-Kummissjoni li tasal għar-riżultat irrakkomandat mid-direzzjonijiet iddefiniti.

41.

Il-Kunsill jirrimarka li, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża jikkostitwixxu l-bażi inevitabbli tal-proċedura li għandha tiġi segwita, annullament parzjali tagħhom ma jistax jiġi previst. Effettivament, l-annullament tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 u tat-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati jimmodifika b’mod fundamentali l-kontenut globali tal-awtorizzazzjoni, peress li meta titqies l-istruttura proprja tad-deċiżjoni inkwistjoni u tal-anness tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti minn ħaġa sħiħa indiviżibbli.

42.

Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-parteċipazzjoni attiva tal-Kunsill matul in-negozjati ta’ ftehim internazzjonali tirriżulta mid-diċitura tal-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE. Is-setgħa tal-Kunsill li jadotta direttivi ta’ negozjati u li jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tmexxi n-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali timplika li jkun hemm koordinazzjoni kontinwa bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill matul in-negozjati.

43.

Fir-rigward tal-kontenut u l-portata tad-direttivi ta’ negozjati, ir-Repubblika Ċeka tindika li d-diċitura tal-Artikolu 218 TFUE ma tipprevedi ebda restrizzjoni partikolari għall-adozzjoni ta’ dawn id-direttivi mill-Kunsill, u lanqas ma tipprekludi li dawn tal-aħħar jipprovdu regoli proċedurali.

44.

Hija targumenta wkoll li l-awtorizzazzjoni li jiġu ddefiniti pożizzjonijiet ta’ negozjati dettaljati tirriżulta mill-pożizzjoni u mir-irwol tal-kumitat speċjali, li l-istruzzjonijiet tiegħu għandhom iservu bħala linji gwida għall-finijiet ta’ negozjati effikaċi. Huwa fl-interess tal-Kummissjoni, bħala negozjatur, li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-istruzzjonijiet u li b’hekk tipprevjeni s-sitwazzjoni fejn il-Kunsill jirrifjuta li japprova r-riżultat tan-negozjati, bil-konsegwenzi negattivi kollha li jirriżulta minn dan.

45.

Ir-Renju tad-Danimarka jqis li, fid-dawl tal-irwol iddelegat lill-Kunsill u l-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-ftuħ, tal-adozzjoni, tal-awtorizzazzjoni u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u tal-konklużjoni ta’ dawn tal-aħħar, huwa għandu jkollu rwol ukoll matul in-negozjati.

46.

Huwa tal-fehma li l-Artikolu 218 TFUE jippreżupponi djalogu permanenti bejn il-Kunsill u n-negozjatur, li jista’ jieħu l-forma ta’ direttivi ta’ negozjati u n-nomina ta’ kumitat speċjali li għandu jiġi kkonsultat matul in-negozjati. Barra minn hekk, il-fakultà li jiġu indirizzati direttivi lin-negozjatur ma hijiex limitata għal fażi speċifika tal-proċedura ta’ negozjati.

47.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Kummissjoni ma hijiex eżenti milli tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill qabel ma twarrab sa grad sostanzjali il-“preskrizzjonijiet” li jinsabu fid-direttivi ta’ negozjati. Huwa għal dan is-sempliċi fatt li hija għandha tissodisfa wkoll l-obbligi ta’ rapportar previsti minn dawn id-direttivi. Dan jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

48.

Hija ssostni li l-għarfien speċjalizzat tal-Istati Membri fil-qasam inkwistjoni ma jiġix suffiċjentement sfruttat jekk il-Kummissjoni jirnexxilha timponi l-volontà tagħha li tintervjeni f’negozjati b’mod totalment awtonomu u mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni lill-Kunsill jew lill-Istati Membri.

49.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza wkoll li l-Artikolu 218(4) TFUE ma jinkludi ebda element li jiġġustifika t-teżi li tgħid li din id-dispożizzjoni tippermetti biss preskrizzjonijiet dwar il-kontenut tan-negozjati, iżda mhux dwar il-mod kif dawn għandhom jitmexxew. Tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tneħħi l-effettività tagħha.

50.

Ir-Repubblika Franċiża tqis li d-direttivi ta’ negozjati jistgħu, mingħajr ma jmorru kontra l-Artikolu 13(2) TUE u l-Artikolu 218 TFUE jew inkella l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, jipprovdu li pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati tal-Unjoni huma ddefiniti fi ħdan il-kumitat speċjali jew mill-Kunsill.

51.

Hija tikkunsidra li d-direttivi ta’ negozjati ma humiex neċessarjament limitati għad-definizzjoni tal-għażliet strateġiċi u l-għanijiet sostantivi li għandhom jiġu difiżi matul in-negozjati, iżda jistgħu jinkludu rekwiżiti proċedurali. Effettivament, l-espressjoni “direttivi ta’ negozjati” hija ta’ portata ġenerali u ma hemm xejn fid-diċitura tal-Artikolu 218(4) TFUE li jippermetti li l-portata tagħha tiġi limitata.

52.

Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li t-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati ma toħloq ebda setgħa għall-Kunsill jew għall-kumitat speċjali u lanqas xi obbligu għall-Kummissjoni li ma jirriżultawx mill-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE u mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Għall-kuntrarju, it-Taqsima A ta’ dawn id-direttivi hija deklinazzjoni iktar preċiża tas-setgħat mogħtija lill-Kunsill mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

53.

F’dak li jirrigwarda l-modalitajiet għall-konsultazzjoni tal-kumitat speċjali previsti mid-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li ma huwiex fil-kompetenza tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi dawn il-modalitajiet. B’hekk, peress li, konformement mal-Artikolu 218(4) TFUE, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li n-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali, dan jista’ jiddetermina wkoll il-modalitajiet ta’ konsultazzjoni ta’ dan il-kumitat. Barra minn hekk, billi jipprovdu li l-Kunsill jista’ jadotta pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati, id-direttivi ta’ negozjati sempliċement ifakkru d-dritt tal-Kunsill li jippreċiża f’kull mument dawn id-direttivi.

54.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-konnessjoni bejn l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal negozjati u l-adozzjoni ta’ direttivi ta’ negozjati hija partikolarment stretta, peress li hija biss il-kisba ta’ riżultat ta’ negozjati aċċettabbli għall-Kunsill li tista’ twassal b’mod definittiv għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim f’isem l-Unjoni. B’hekk huwa indispensabbli li, mill-mument meta d-direttivi jkunu indirizzati lin-negozjatur, il-Kunsill ikun jista’ jistabbilixxi l-limiti u jindika l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom isiru n-negozjati.

55.

Hija ssostni li l-eżerċizzju effettiv mill-Kunsill tal-funzjoni tiegħu li jiddefinixxi l-politiki, fosthom il-politika barranija, jeżiġi li d-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u d-direttivi ta’ negozjati li jakkumpanjawha jistgħu jwasslu għal struzzjonijiet ta’ natura proċedurali.

56.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tirrimarka li s-setgħa tal-Kunsill hija ta’ natura permanenti u li din ma hijiex limitata għall-formulazzjoni darba biss ta’ direttivi ta’ negozjati annessi mad-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

57.

Ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-Kunsill għandu jkun jista’ jifformula direttivi ta’ negozjati b’mod iktar dettaljat mill-bidu sabiex jagħti lill-Kummissjoni d-direzzjoni li magħha tista’ timxi. B’hekk, il-kumitat speċjali jiffunzjona bħala estensjoni tal-Kunsill matul in-negozjati u jikkostitwixxi pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill.

58.

Huwa josserva li ma hemm xejn fid-diċitura tal-Artikolu 218 TFUE li jipprekludi lill-Kunsill milli jinkludi dispożizzjonijiet proċedurali fid-direttivi ta’ negozjati meta l-Kummissjoni tkun awtorizzata tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni. Kieku l-intenzjoni kienet li s-setgħat tal-Kunsill ikunu limitati għall-ħruġ ta’ direttivi ta’ negozjati għal ċertu tip ta’ kwistjonijiet, kien ikun hemm dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fit-test ta’ dan l-artikolu. In-natura ġenerali tal-espressjoni “direttivi ta’ negozjati” tissuġġerixxi li l-għan tal-Artikolu 218 TFUE ma kienx li jillimita d-dritt tal-Kunsill li joħroġ direttivi ta’ negozjati għal kwistjonijiet ta’ natura materjali.

59.

Ir-Renju tal-Isvezja jenfasizza li, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet proċedurali li jinsabu fid-direttivi ta’ negozjati huma intiżi biex jistabbilixxu skambju effikaċi ta’ informazzjoni bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, li hija kundizzjoni preliminari sabiex il-Kunsill ikun jista’ jeżerċita s-setgħa tiegħu li jemenda jew li jikkompleta d-direttivi ta’ negozjati matul in-negozjati. Tali fluss ta’ informazzjoni jkun ukoll kundizzjoni sabiex il-konsultazzjoni fi ħdan il-kumitat speċjali ssir f’kundizzjonijiet tajbin u sabiex l-Unjoni tkun tista’ tadatta l-pożizzjonijiet tagħha matul in-negozjati.

60.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq isostni li l-Artikolu 218(4) TFUE jippermetti lill-Kunsill li jinkludi regoli proċedurali fid-direttivi ta’ negozjati. Ma hemm xejn fit-test ta’ din id-dispożizzjoni li jipprekludi li dawn id-direttivi jinkludu regoli proċedurali relatati, pereżempju, mal-konsultazzjoni tal-kumitat speċjali. Barra minn hekk, ikun kuntrarju għall-għan u għall-effettività tal-Artikolu 218(4) TFUE li d-direttivi ta’ negozjati ma jkunux jistgħu ukoll jirrigwardaw elementi proċedurali.

61.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq iżid li l-Kunsill jista’ jeħtieġ li jinżamm informat dwar l-iżviluppi sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod xieraq u effikaċi s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 218(4) TFUE. Dan huwa partikolarment il-każ matul negozjati li matulhom ikun hemm riskju ikbar ta’ diffikultà biex jintlaħaq ftehim mal-parti l-oħra.

62.

Huwa jqis li l-kumitat speċjali għandu b’mod ċar rwol x’jeżerċita fil-proċess ta’ negozjati. Huwa jkun ġie nnominat mill-Kunsill għal dan il-għan u l-Kummissjoni hija obbligata li tikkonsultah. Il-kumitat speċjali għaldaqstant għandu jkollu d-dritt li jesprimi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati matul in-negozjati. Barra minn hekk, il-Kunsill jista’ jadotta direttivi ta’ negozjati jew jemenda dawk eżistenti fi kwalunkwe stadju tal-proċess inkwistjoni.

63.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostni li d-deċiżjoni inkwistjoni tirrifletti b’mod korrett il-bilanċ istituzzjonali stabbilit fl-Artikolu 218 TFUE, b’mod li ma jkunx hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 13(2) TUE. Effettivament, fil-proċessi ta’ negozjati, il-Kunsill u l-kumitat speċjali li jinnomina huma t-tnejn imsejħa biex jeżerċitaw ir-rwol assenjat lilhom fit-Trattat.

64.

F’każ li r-rikors jintlaqa’ totalment jew parzjalment, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jaqbel mat-talbiet ippreżentati mill-Kunsill dwar l-effetti f’każ ta’ annullament li jista’ jkun hemm. Xejn ma jiġġustifika li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni jekk din tiġi annullata.

2. Analiżi

a) Il-prinċipji

i) X’għandna nifhmu b’“direttivi ta’ negozjati”?

65.

Skont it-Trattat FUE, “[i]l-Kunsill jista’ jindirizza direttivi [ ( 12 )] lin-negozjatur [f’dan il-każ, il-Kummissjoni ( 13 )]” (enfasi miżjuda minni) ( 14 ).

66.

Fl-ewwel lok, b’mod ġenerali (u fid-dritt amministrattiv), direttiva hija regola li permezz tagħha awtorità li jkollha setgħa ta’ diskrezzjoni tiffissa għaliha nfisha jew tippreskrivi lil awtorità oħra linja ta’ kondotta fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ( 15 ).

67.

It-terminu użat fl-Artikolu 218(4) TFUE jaqa’ taħt din id-definizzjoni li hija differenti b’mod ċar minn dik mogħtija lill-istess kelma mill-Artikolu 288 TFUE, li jipprovdi li “[d]-Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali, id-direttivi tal-Kunsill ma għandhomx ikunu indirizzati lill-Istati Membri iżda lill-Kummissjoni; għall-kuntrarju tad-direttivi fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttivi ta’ negozjati ma għandhomx jiġu ppubblikati — b’mod ċar għaliex dan inkella jiżvela l-istrateġija tal-Unjoni lill-parti l-oħra u b’hekk jista’ jippreġudika l-pożizzjoni tan-negozjati tal-Kummissjoni ( 16 ).

68.

L-iktar l-iktar, l-uniku parallel li wieħed jista’ jsib bejn iż-żewġ tipi ta’ direttivi huwa li d-direttivi ta’ negozjati jħallu wkoll lill-Kummissjoni “l-kompetenza dwar il-forma u l-mezzi”, peress li dawn jistgħu biss jiggwidaw lill-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ negozjatur, fit-tmexxija tan-negozjati. Wieħed jista’ jsostni li, kieku kien mod ieħor, dawn ma jkunux iktar “direttivi” iżda “diktat” ( 17 ) ta’ negozjati — li bl-ebda mod ma jirrifletti l-bilanċ istituzzjonali mixtieq mit-Trattati ( 18 ) kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan sa mis-sena 1958 ( 19 ). Effettivament, “in-negozjati jeħtieġu flessibbiltà u adattabbiltà u jidher li huwa diffiċli li l-marġni ta’ manuvra tal-eżekuttiv jintrabat minn qabel” ( 20 ).

69.

Il-bilanċ istituzzjonali mixtieq mill-Artikolu 218 TFUE għall-ftehimiet internazzjonali b’hekk huwa qrib ta’ dak mixtieq mit-Trattat fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regolamenti, ta’ direttivi u ta’ deċiżjonijiet inkwantu, skont l-Artikolu 218(3) TFUE, “[i]l-Kummissjoni [...] [għandha tippreżenta] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill”. Bħal fi bnadi oħra fit-Trattat, hija għandha d-dritt li tniedi l-azzjoni tal-Unjoni. Hija l-Kummissjoni — u mhux il-Kunsill — li għandha qabel kollox teżamina jekk huwiex opportun għall-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali ma’ Stat wieħed jew iktar f’qasam partikolari.

70.

Barra minn hekk, anki l-abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati normalment jiġi propost mill-Kummissjoni lill-Kunsill u jiġi anness mar-rakkomandazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati ( 21 ).

71.

B’hekk, id-direttivi ta’ negozjati huma fil-fehma tiegħi linji gwida li jservu biex jagħtu lin-negozjatur (f’dan il-każ il-Kummissjoni) l-għanijiet ġenerali li hija għandha tipprova tilħaq fin-negozjati.

72.

Barra minn hekk, kif diġà rrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali ( 22 ), “in-nuqqas ta’ ħarsien tad-direttivi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ negozjati li hija tmexxi fil-kuntest tal-Artikolu 300(1) KE [issa fil-kuntest tal-Artikolu 218 TFUE] normalment jiġi ssanzjonat fid-deċiżjoni li taqa’ f’idejn il-Kunsill dwar jekk jikkonkludix jew le l-ftehim. Tali direttivi, fil-prinċipju, b’hekk ma jagħmlux parti mir-regoli li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tal-atti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali, sa fejn dawn l-atti jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni legali”.

73.

Dan premess, kif ser naraw iktar ’il quddiem, ir-rwol tal-kumitat speċjali li l-Kunsill jista’ jinnomina, huwa analogu għal dak tad-direttivi ta’ negozjati: huwa intiż biex jiggwida lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-ħidma tagħha, xejn iktar u xejn inqas, inkwantu l-Artikolu 218(4) TFUE jindika li “n-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat” (enfasi miżjuda minni).

ii) Direttivi ta’ negozjati bħal dawn inkwistjoni jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet proċedurali?

74.

It-Taqsima A tikkonsisti f’erba’ punti li jiddeskrivu l-modalitajiet tad-definizzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ negozjati, ta’ informazzjoni u ta’ ftehim li għandhom jiġu osservati matul in-negozjati inkwistjoni. L-“atturi” identifikati huma l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-kumitat speċjali stabbilit sabiex jiġu segwiti dawn in-negozjati, f’dan il-każ, il-“grupp ta’ ħidma ‘Ambjent’”. Jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill informat dwar il-kalendarju u t-temi tan-negozjati, tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tan-negozjati wara kull sessjoni u tinforma lill-Kunsill kif ukoll tikkonsulta lill-kumitat speċjali dwar kull problema importanti li tista’ tinqala’ matul in-negozjati. Huwa previst ukoll li, jekk ikun hemm lok, pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati jiġu ddefiniti fi ħdan il-kumitat speċjali jew fi ħdan il-Kunsill u li kull sessjoni ta’ negozjati tkun ippreċeduta minn laqgħa tal-kumitat speċjali sabiex b’mod partikolari jiġu ddefiniti l-pożizzjonijiet jew id-direzzjonijiet għan-negozjati.

– Introduzzjoni

75.

Fl-ewwel lok, ninnota li għall-kuntrarju tal-preżentazzjoni żbaljata li jagħmlu ċerti Stati Membri, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex li ma għandu jiġi attribwit ebda rwol lill-kumitat speċjali u/jew lill-Kunsill jew li hija stess ma għandha ebda obbligu. Huwa ċar li l-Kummissjoni qatt ma pprevediet li taġixxi “b’mod iżolat” ( 23 ).

76.

Bl-istess mod, diversi noti ta’ intervent jistabbilixxu n-natura pjuttost raġonevoli ta’ ċerti dispożizzjonijiet proċedurali li jinsabu fid-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni, waqt li jinjoraw il-fatt li l-ilment tal-Kummissjoni ma jirrigwardax ir-regoli speċifiċi tat-Taqsima A, iżda jikkontesta, fuq il-bażi tal-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE, il-kompetenza stess tal-Kunsill biex jadotta dawn ir-regoli proċedurali, indipendentement minn jekk humiex ta’ natura raġonevoli jew le.

77.

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151), li dwarha diġà tkellimna fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ma tipprovdix indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 218(4) TFUE f’din il-kawża. Dan premess, id-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dik is-sentenza kienu manifestament inqas dettaljati minn dawn inkwistjoni hawnhekk (ara l-punti 32 u 33 tal-imsemmija sentenza), għalkemm huma inqas minn dawk tan-negozjati dwar it-TTIP li jammontaw għal 18-il paġna meta mqabbla ma’ erba’ f’din il-kawża ( 24 ).

– Risposta għad-domanda

78.

Jiena tal-fehma li, fuq il-bażi tal-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE, il-Kunsill ma jistax jimponi b’mod unilaterali fuq il-Kummissjoni proċedura dettaljata għat-tmexxija ta’ negozjati ta’ ftehim internazzjonali ( 25 ).

79.

Ċertament jista’ jkun iġġustifikat li jiġu miftiehma l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali iżda, f’dak il-każ, għandhom jiġu miftiehma permezz ta’ ftehimiet interistituzzjonali ( 26 ) u mhux permezz ta’ deċiżjoni imposta unilateralment minn istituzzjoni fil-konfront ta’ istituzzjoni jew istituzzjonijiet oħrajn. Effettivament, “[i]t-teknika tal-ftehimiet interistituzzjonali tikkonkretizza l-kumplimentarjetà tal-[prinċipji ta’ bilanċ istituzzjonali u ta’ kooperazzjoni leali ( 27 )]. Fl-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi bejn it-tliet istituzzjonijiet politiċi, il-ftehim interistituzzjonali jippermetti li jiġu ffissati l-prattiki tajbin, li jiġu evitati l-kunflitti u, fuq kollox, li jiġi ppreżervat il-bilanċ istituzzjonali” ( 28 ).

80.

Dan il-metodu huwa barra minn hekk previst espressament fl-Artikolu 295 TFUE, li jipprevedi li “[l]-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għandhom jorganizzaw l-arranġamenti għall-koperazzjoni ta’ bejniethom bi ftehim komuni. Għal dan il-għan jistgħu jikkonkludu ftehim interistituzzjonali, f’konformità mat-Trattati, li jista’ jkun ta’ natura vinkolanti”.

81.

Meta, pereżempju, il-Kummissjoni xtaqet tikkjarifika l-obbligu li tinforma lill-Parlament stabbilit fl-Artikolu 218(10) TFUE, hija kkonkludiet ftehim qafas miegħu. Skont dan il-ftehim qafas, li ġie konkluż fl-2010, “meta l-Kummissjoni tipproponi abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati bil-għan li dawn jiġu adottati mill-Kunsill, hija għandha tippreżentah fl-istess ħin lill-Parlament” ( 29 ). Barra minn hekk, huwa jipprevedi li l-“Kummissjoni għandha tgħarraf regolarment u malajr [lill-Parlament] bl-iżvolġiment tan-negozjati sakemm il-ftehim ikun inizjalat u għandha tispjega jekk u sa liema punt l-osservazzjonijiet tal-Parlament ikunu ġew inkorporati fit-testi f’negozjati u, f’każ li ma jkunux, għaliex” ( 30 ).

82.

B’hekk — għall-kuntrarju tal-mod kif ipproċeda l-Kunsill f’dan il-każ — il-Parlament, meta kkonkluda dak il-ftehim interistituzzjonali, kien attent għan-neċessità assoluta li jirrispetta r-rwol tal-Kummissjoni bħala negozjatur u l-flessibbiltà li kull negozjati jeħtieġu.

83.

Dak il-ftehim seta’ ġie konkluż mill-Kummissjoni u l-Kunsill, jew mit-tliet istituzzjonijiet ( 31 ), għaliex l-Artikolu 295 TFUE jħalli miftuħa l-possibbiltà li t-tliet istituzzjonijiet imsemmija jorganizzaw “l-arranġamenti għall-koperazzjoni ta’ bejniethom bi ftehim komuni”. Barra minn hekk ma narax b’liema mod, kif jallega l-Kunsill, l-involviment tat-tliet istituzzjonijiet f’tali ftehim (jew a fortiori ta’ tnejn minnhom) jikkomprometti l-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet stabbilit mill-Artikolu 218 TFUE.

84.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 218 TFUE (jew, preċedentement, fl-Artikolu 228 KEE, li wara t-Trattat ta’ Amsterdam sar l-Artikolu 300 KE) tikkostitwixxi, fil-qasam tal-konklużjoni tat-Trattati, regola awtonoma u ġenerali ta’ portata kostituzzjonali, inkwantu tattribwixxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kompetenzi partikolari u hija intiża biex tistabbilixxi bilanċ bejn dawn tal-aħħar ( 32 ).

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara wkoll li “[l]l-kompetenza sabiex jiġu konklużi l-ftehimiet hija […] mogħtija lill-Kunsill ‘mingħajr ħsara għall-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Kummissjoni f’dan il-qasam’” ( 33 ).

86.

B’hekk huwa imperattiv li dan il-bilanċ ikun irrispettat b’mod skrupluż mill-istituzzjonijiet, b’mod li jiġi evitat kull indħil minn istituzzjoni fil-kompetenzi ta’ istituzzjoni oħra.

87.

Jiena tal-fehma li, billi stabbilixxa fid-direttivi ta’ negozjati proċedura li ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-flessibbiltà neċessarja biex tinnegozja l-ftehim internazzjonali inkwistjoni u billi impona ruħu fuqha permezz ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-Kunsill indaħal fis-setgħat tal-Kummissjoni.

88.

B’dan il-mod, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni deskritta iktar ’il fuq, il-Kunsill jiddetermina unilateralment ( 34 ) il-forma u l-frekwenza kemm taċ-ċirkulazzjoni tal-informazzjoni kif ukoll tal-komunikazzjoni tal-pożizzjonijiet jew id-direzzjonijiet li għandhom jiġu adottati matul in-negozjati, sal-punt li fil-fatt jittrasforma ruħu f’negozjatur.

89.

Effettivament, jidhirli li d-direttivi ta’ negozjati huma intiżi li jirrigwardaw l-għażliet strateġiċi u l-għanijiet dwar il-merti li għandhom jiġu difiżi matul in-negozjati, fi kliem ieħor dwar il-kontenut tat-test li għandu jiġi nnegozjat.

90.

Għall-kuntrarju, dawn ma jistgħux jimponu proċeduri speċifiċi fuq in-negozjatur ( 35 ), f’dan il-każ il-Kummissjoni li, barra minn hekk, għandha l-kompetenza biex tiffissa hija stess il-modalitajiet tal-konsultazzjoni tal-kumitat speċjali li l-Kunsill nnomina fuq il-bażi tal-Artikolu 218(4) TFUE.

iii) Id-“direttivi ta’ negozjati” u l-kwalità ta’ negozjatur

91.

Kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat, l-Artikolu 13(2) TUE, kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona (ara l-punt 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 36 ), jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà kienet iddikjarat fil-konfront tal-Kunsill li “mill-kliem użat u mill-istruttura tas-sistema stabbilita mit-Trattat, jirriżulta li l-Kunsill ma jistax jeżenta lilu nnifsu mir-regoli [tat-Trattat]” u li “[g]ħaldaqstant, huwa ma jistax juża proċedura alternattiva sabiex, per eżempju, jadotta att li ma jkunx dik id-deċiżjoni prevista għal stadju determinat, jew li jiġi adottat f’kundizzjonijiet differenti minn dawk rikjesti mid-dispożizzjonijiet applikabbli” ( 37 ).

92.

It-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati ssemmi f’diversi okkażjonijiet lill-Kunsill bħala attur proprju fin-negozjati ( 38 ), li jmur kontra l-bilanċ istituzzjonali mfittex mill-Artikolu 218 TFUE. Fil-fatt, meta l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tmexxi n-negozjati, huwa ma jistax ikollu rwol deċiżjonali dirett matul dawn tal-aħħar. L-istess jgħodd a fortiori għall-kumitat speċjali ( 39 ) li huwa biss korp konsultattiv.

93.

Għalkemm il-konsultazzjoni tal-kumitat speċjali tista’ tgħin lill-Kummissjoni biex tiddetermina jekk ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehim futur jistgħux jirċievu l-appoġġ politiku tal-Kunsill, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi kif għandha tintegra dan l-element fin-negozjati li jkunu għaddejjin.

94.

Huwa minnu, kif tinnota Eeckhout ( 40 ), li “[t]he Commission conducts the negotiations in accordance with directives [...] [t]hat does not mean that the Commission has a free hand in the negotiations. Through the ‘special committees’, consisting of national governments representatives, the Council machinery keeps a close eye on how the negotiations are evolving. The Commission is therefore often a double negotiator: both with the other party to the negotiations and with Member States’ representatives or the Council itself”.

95.

Xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrilevaw ġustament MacLeod, Hendry u Hyett ( 41 ), it-termini tat-Trattat KE “b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill biex jgħin lill-Kummissjoni f’dan ix-xogħol [ta’ negozjatur]”, jenfasizzaw “the pre-eminent role of the Commission in any negotiation: the committee does not give the Commission direct instructions, and the Treaty does not imply that the committee, or its representatives, may be present during the face to face negotiations, at least when the agreement relates only to matters within the competence of the Community under the Treaty.But the Commission is under an obligation to consult the committee. It would be unlikely to ignore its views: the results of any negotiation have to be acceptable to the Council, so there would be little point in the Commission side-stepping any committee set up to assist in the negotiations” (enfasi miżjuda minni).

96.

Fir-rigward tat-termini “within the framework of [such directives as the Council may issue]” ( 42 ), huma ġustament jiddikjaraw li “[a]lthough the Commission’s negotiating discretion is limited by the directives of the Council, the Commission’s basic discretion as negotiator remains: the Council may issue ‘directives’, but it may not seek to regulate the conduct of the negotiations on a line-by-line basis” (enfasi miżjuda minni) ( 43 ).

97.

Jiena naqbel ukoll ma’ Eeckhout ( 44 ) li “[n]otwithstanding such supervision by the Council, the negotiation of international agreements does amount to a significant Commission prerogative. The Commission is generally in a position to try to find a common denominator of the, often varying, interests of the Member States. Moreover, in some cases the Commission can be quite deft in the use of its authority to negotiate. Two examples, both from the Uruguay Round negotiations leading to the establishment of the WTO, illustrate this”.

98.

Jekk id-direttivi ta’ negozjati ma jistgħux jagħmlu lill-Kunsill negozjatur proprju, l-istess jgħodd a fortiori għall-kumitat speċjali previst mill-Artikolu 218(4) TFUE.

99.

Kif jippreskrivi dan l-artikolu, dak il-kumitat speċjali għandu biss rwol konsultattiv, peress li “n-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni [miegħu]”.

100.

Jidhirli li dan jinsab f’kontradizzjoni ċara mat-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni inkwistjoni li tagħti lill-kumitat speċjali setgħa ta’ deċiżjoni fit-tmexxija tan-negozjati, għaliex il-punt 1 jipprevedi l-possibbiltà li jiddefinixxi “pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati tal-Unjoni” u l-punt 3 jipprovdi li “kull sessjoni ta’ negozjati hija ppreċeduta minn laqgħa tal-kumitat speċjali sabiex jiġu ddeterminati d-domandi essenzjali u jiġu ddefiniti, skont il-każ, il-pożizzjonijiet jew id-direzzjonijiet għan-negozjati”.

101.

Matul is-seduta, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq insista dwar il-fatt li l-kumitat speċjali kellu jiġi “kkonsultat” biss mill-Kummissjoni u mhux “obdut”. Ma nifhimx kif din il-pożizzjoni tista’ tiġi rrikonċiljata mas-setgħa tal-kumitat li jiddefinixxi pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati. Matul l-istess seduta, il-Kunsill qabel li l-kumitat ma setax jagħti direttivi ta’ negozjati (li huwa poter esklużiv tal-Kunsill) — u kulħadd qabel li dan il-kumitat ma jivvotax u li b’hekk ma huwa suġġett għal ebda regola dwar votazzjoni, iżda, fil-fehma tiegħi, dawk id-dikjarazzjonijiet jinsabu f’kontradizzjoni mat-test innifsu tad-deċiżjoni inkwistjoni li tgħid li dan il-kumitat jista’ jiddefinixxi pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati.

iv) L-Artikolu 218 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali

102.

Din id-delimitazzjoni stretta tal-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 218 TFUE, hija perfettament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li enfasizzat l-importanza tal-“bilanċ tal-poteri” ( 45 ), tat-“tqassim tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet” ( 46 ), tas-“sistema ta’ tqassim tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn il-poteri” ( 47 ), kif ukoll tal-“pożizzjoni istituzzjonali” ( 48 ) jew tal-“organizzazzjoni istituzzjonali” ( 49 ), waqt li enfasizzat li l-bilanċ istituzzjonali kien “karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Komunità” ( 50 ).

103.

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-“prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, [...] jeżiġi li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha bl-osservanza ta’ dawk tal-oħrajn” ( 51 ). Il-bilanċ istituzzjonali ma huwa xejn għajr l-espressjoni tal-prinċipju klassiku (ta’ rispett) tal-kompetenzi attribwiti u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jista’ jitqies li huwa strument li jippermetti li jiġi aġġustat aħjar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali ( 52 ). Kif jirrileva ġustament Jacqué ( 53 ), il-bilanċ istituzzjonali “huwa relatat [...] mal-fatt li l-istruttura istituzzjonali Komunitarja hija bbażata fuq tqassim tal-poteri bejn id-diversi istituzzjonijiet”.

104.

Kif diġà rrilevajt ( 54 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tinvoka l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, fir-rigward ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 228 KEE (li sar l-Artikolu 300 KE u issa l-Artikolu 218 TFUE) ( 55 ), li hija ddeċidiet li “jikkostitwixxi, fil-qasam tal-konklużjoni tat-Trattat, regola awtonoma u ġenerali ta’ portata kostituzzjonali, inkwantu tattribwixxi lill-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenzi speċifiċi. Bil-għan li jistabbilixxi bilanċ bejn dawn tal-aħħar, jipprovdi li l-ftehimiet bejn il-Komunità u Stat wieħed jew iktar ikunu nnegozjati mill-Kummissjoni, u mbagħad konklużi mill-Kunsill, wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew fil-każijiet previsti fit-Trattat. Il-kompetenza biex jiġu konklużi ftehimiet hija madankollu attribwita lill-Kunsill “mingħajr ħsara għall-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Kummissjoni f’dan il-qasam’”.

105.

L-istess regola tapplika (a fortiori) għall-kumitat speċjali. Il-possibbiltà rrikonoxxuta lilu (bħal lill-Kunsill) li jiddefinixxi “pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati” li jipproduċu effetti obbligatorji matul in-negozjati timmodifika l-bilanċ tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet, billi tagħmel lill-Kunsill — jew lill-kumitat speċjali — l-attur determinanti tal-Unjoni fil-proċessi ta’ negozjati, waqt li l-Kummissjoni ma tibqax negozjatur li teżerċita r-responsabbiltà politika tagħha, u hija ristretta f’rwol sekondarju ta’ kelliema jew mandatarja tal-Kunsill jew tal-kumitat speċjali. Barra minn hekk, għandha tiġi rrilevata d-differenza bejn “pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati” u “direttivi ta’ negozjati”, inkwantu dawn il-pożizzjonijiet ma jistgħux jinftiehmu bħala sempliċi “modifiki” tad-direttivi ta’ negozjati. Għandu jingħad li, għalkemm il-Kunsill jista’ jiddeċiedi u jimmodifika d-direttivi ta’ negozjati, it-Trattat ma jipprovdix f’dan is-sens għall-kumitat speċjali, u b’hekk ikun ferm iktar sorprendenti jekk ikun jista’ jiddeċiedi l-“pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati”.

106.

Skont is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill ( 56 ) (fejn kienu inkwistjoni l-prerogattivi tal-Parlament), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “dawn il-prerogattivi [kienu] wieħed mill-elementi tal-bilanċ istituzzjonali maħluq mit-Trattati. Effettivament, dawn stabbilixxew sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Komunità, li tattribwixxi lil kull waħda minnhom il-funzjoni proprja tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Komunità u fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha”.

b) L-argumenti kuntrarji tal-Kunsill u tal-Istati Membri

107.

Diversi argumenti tal-Kunsill u tal-Istati Membri jimmeritaw li jiġu indirizzati qabel ma nasal għal konklużjoni.

i) L-ewwel argument

108.

Il-Kunsill kif ukoll ċerti Stati Membri ( 57 ) jiddefendu t-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati billi jinvokaw l-Artikolu 16 TUE, li jfakkar li l-Kunsill jeżerċita funzjoni ta’ “tfassil ta’ politika”.

109.

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

110.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 16(1) TUE, dan ir-rwol ta’ “tfassil ta’ politika” għandu jiġi eżerċitat “skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati” (Artikolu 16(1) TUE).

111.

Barra minn hekk, manifestament l-Artikolu 16 TUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill biss għandu rwol politiku f’dan il-kuntest u li r-rwol tal-istituzzjonijiet l-oħrajn ma huwiex ta’ natura politika. Lanqas ma jista’ jintuża mill-Kunsill bħala “muftieħ ġenerali” bil-għan li jsolvi l-“lakuni” kull meta l-Kunsill jidhirlu li dispożizzjoni oħra tat-Trattat ma tagħtihx rwol suffiċjentement preponderanti.

112.

Il-Kunsill huwa awtorizzat li jeżerċita r-rwol politiku tiegħu fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali biss fl-istadji u skont il-modalitajiet espressament previsti fl-Artikolu 218 TFUE, u dan l-artikolu jikkostitwixxi “regola awtonoma u ġenerali” (biex nużaw it-termini tal-Qorti tal-Ġustizzja). Dan ir-rwol ma huwiex żgħir għaliex huwa eżerċitat (iżda jista’ jiġi eżerċitat biss) ( 58 ) fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati, fil-possibbiltà li jiġu indirizzati direttivi lin-negozjatur (mifhuma preċiżament bħala linji gwida li jirrigwardaw l-għażliet strateġiċi u l-għanijiet politiċi tan-negozjati) u naturalment fis-setgħa ta’ konklużjoni jew nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim.

113.

Matul is-seduta, ir-Repubblika Ċeka sostniet li kien inaċċettabbli li l-Kunsill ikollu jirrifjuta dak li l-Kummissjoni tkun innegozjat, għaliex dan ikun ta’ dannu għax-xbieha internazzjonali tal-Unjoni. Infakkar f’dan ir-rigward li hija regola fil-ftehimiet internazzjonali li t-test innegozjat għandu jiġi sottomess għar-ratifika minn awtorità (ġeneralment parlament) li ma tkunx ipparteċipat fin-negozjati u li lanqas ma jkollha s-setgħa li tagħti direttivi ta’ negozjati.

114.

Il-Kunsill stess donnu jaċċetta li l-fatt li s-setgħa tiegħu ma testendix għas-setgħa li jobbliga lill-Kummissjoni biex tagħmillu l-proposta li jkun jixtieq, inkwantu, skont il-punt 25 tal-kontroreplika tiegħu, huwa “ma jikkontestax li l-Kummissjoni tibqa’ totalment responsabbli għan-negozjati f’dan il-kuntest. Fil-prinċipju, kull deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni matul in-negozjati tiġi ssanzjonata biss permezz tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill li japprova jew le r-riżultat tan-negozjati, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, fit-tmiem tal-proċess, li tissottometti proposta”.

115.

F’dan il-kuntest, Cloos, Reinesch, Vignes u Weyland ( 59 ) irrilevaw li fil-kuntest tan-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Maastricht, “[s]uġġeriment iktar sostanzjali mill-Kummissjoni kien jikkonċerna l-mument tal-intervent tal-kumitat 113 [ ( 60 )]. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet, effettivament, li t-termini ‘f’konsultazzjoni’ jiġu ssostitwiti [ ( 61 )] b’‘wara konsultazzjoni’ [...]. Dik l-emenda wessgħet il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni li setgħet sempliċement tikkonsulta lill-kumitat 113 darba biss fil-bidu tan-negozjati. L-Istati Membri ma ridux jipproċedu f’dan is-sens, għaliex kienu tal-fehma li s-segwitu regolari tan-negozjati mill-kumitat 113 kien indispensabbi, jekk kien mixtieq li jiġu evitati sorpriżi ħżiena fil-mument tal-konklużjoni tan-negozjati [...]. Emenda oħra, jew pjuttost preċiżjoni, issuġġerita għall-Artikolu 113 mill-Presidenza Lussemburgiża lanqas ma ntlaqgħet sew mid-delegazzjonijiet. Din kienet tikkonsisti f’li jiġi ddikjarat espliċitament li ‘fil-materji koperti mill-Artikolu preżeni u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 228 [KEE], il-pożizzjoni tal-Komunità hija espressa mill-Kummissjoni fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali u fil-kuntest ta’ konferenzi internazzjonali’. Dan is-subparagrafju, li għalkemm huwa impliċitu f’qasam ta’ kompetenza purament Komunitarja, sparixxa fl-aħħar test [...] ippreżentat lill-Kunsill Ewropew ta’ Maastricht. L-argument użat għal din it-tneħħija kien ġustament li ma kienx neċessarju li jinkiteb b’mod espliċitu dak li kien impliċitu. B’mod ċar, ir-raġuni vera għandha tinsab fil-klima ta’ suspett fil-konfront tal-Kummissjoni fil-qasam kummerċjali: ċerti Stati Membri kienu qegħdin jibżgħu, fil-fatt, li l-Kummissjoni, appoġġata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tapprofitta ruħha mal-inqas okkażjoni sabiex tavvanza l-argumenti ambizzjużi tagħha f’dan il-qasam”.

116.

Din il-kawża, b’mod ġenerali, u l-osservazzjonijiet imressqa mill-Kunsill kif ukoll minn seba’ Stati Membri, b’mod partikolari, juru li iktar minn għoxrin sena wara, il-klima ta’ suspett fil-konfront tal-Kummissjoni għadha tippersisti ( 62 ).

117.

Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Kunsill isostni li l-iskop ewlieni tad-direttivi ta’ negozjati (u ta’ kumitat speċjali) hija li jiġi evitat fait accompli li jkun “politikament inaċċettabbli”, peress li “dak ir-riżultat jista’ jikkomprometti l-approvazzjoni nfisha tal-ftehim per se” ( 63 ).

118.

Barra minn hekk, din hija tema ġenerali tal-argumentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li ppreżentaw noti ta’ intervent insostenn tal-Kunsill ( 64 ). Bl-istess mod, dawn l-Istati Membri jenfasizzaw li l-kollaborazzjoni stretta meħtieġa mill-imsemmija direttivi tiggarantixxi żvolġiment tajjeb tal-proċess ta’ negozjati, u dan fid-dawl tal-materja li tkun is-suġġett tan-negozjati.

119.

Kif jindika l-Kunsill stess, dan l-argument huwa ta’ natura politika. Għalkemm il-possibbiltà li jiġu adottati direttivi ta’ negozjati hija intiża li tnaqqas ir-riskju ta’ kunflitt bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill matul il-proċess, xorta jibqa’ l-fatt li din is-setgħa ma tistax tiġi interpretata bħala li ġġib fix-xejn il-funzjoni tal-Kummissjoni li tmexxi n-negozjati u d-dritt ta’ inizjattiva tagħha meta dan jintemm.

120.

Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li ma japprovax il-ftehim, huwa jeżerċita s-setgħa assenjata lilu mit-Trattati, li ma jinkludix dik li jġiegħel lill-Kummissjoni tagħmel neċessarjament proposta li tikseb il-maġġoranza neċessarja fil-Kunsill.

121.

Fi kliem ieħor, is-setgħa ta’ definizzjoni tal-politika lanqas ma testendi għall-formulazzjoni tal-proposta fi tmiem in-negozjati, li hija l-kompitu tal-Kummissjoni.

ii) It-tieni argument

122.

Fuq l-istess linja tal-argument tal-Kunsill iktar ’il fuq, skont ċerti Stati Membri ( 65 ), it-Taqsima A u l-parteċipazzjoni tal-Kunsill fin-negozjati huma neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tar-rwol tiegħu bħala dak li jieħu d-deċiżjoni finali, fl-istadju tal-iffirmar u tal-konklużjoni. Dan l-argument huwa ppreżentat ukoll bħala indikazzjoni tal-kredibbiltà tal-Unjoni bħala msieħba f’negozjati serji.

123.

Minkejja li dan l-argument jista’ jiġi difiż (u kkontestat) fuq livell politiku, huwa jinjora preċiżament il-bilanċ istituzzjonali mixtieq, b’mod partikolari, mill-Artikolu 218 TFUE li jistabbilixxi proċess ( 66 ) li fih it-tliet istituzzjonijiet, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, għandhom rwol stabbilit sew.

124.

Kif il-Parlament ġustament jenfasizza, “[is]-sistema tal-Artikolu 218 TFUE għandha titqies fit-totalità tagħha, sabiex tiġi żgurata l-koerenza globali tagħha” ( 67 ) u l-argument li jiġġustifika r-rwol tal-Kunsill fin-negozjati nfushom permezz tas-setgħa finali tiegħu li jikkonkludi jew le l-ftehim jimmodifika fundamentalment is-sistema tal-Artikolu 218 TFUE.

125.

Dan l-argument kien ukoll fil-passat dak (tas-servizz legali) tal-Kunsill li kien tal-fehma li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill kienet neċessarja qabel ma l-Kummissjoni tassumi obbligi preġuridiċi (“pre-legal commitments”) matul in-negozjati, għaliex inkella l-Kunsill jiġi mċaħħad minn kull influwenza fil-proċess proprju ta’ teħid ta’ deċiżjoni. Devuyst ( 68 ) jirrileva ġustament li dan il-kunċett ta’ “pre-legal commitments” kif ikkaratterizzat mill-Kunsill (mis-servizz legali tal-Kunsill) ma kienx previst fit-Trattat u li l-introduzzjoni tiegħu “żżid stadju proċedurali ġdid […] mhux previst fit-Trattati”. “Dan jimmodifika l-bilanċ istituzzjonali favur il-Kunsill”, inkwantu “l-istadji kollha ta’ negozjati bejn it-tnedija tagħhom u l-iffirmar tal-ftehim jaqgħu loġikament taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni”. “Kieku l-Kunsill kellu japprova kull ‘pre-legal commitment’ sinjifikattiv […], il-proċeduri speċifiċi tal-Artikoli 207(3) u 218 TFUE jsiru fil-biċċa l-kbira tagħhom superfluwi” u dan jittrasforma lill-“Unjoni Ewropea f’imsieħba impossibbli f’negozjati”.

126.

Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed jenfasizza li l-għan tal-Kummissjoni ma jistax ikun biss li tipproduċi ftehim internazzjonali li jikseb l-approvazzjoni tal-Kunsill, iżda li tinnegozja ftehim li jaqdi bl-aħjar mod l-interessi tal-Unjoni ( 69 ) qabel ma jiġi propost mill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tal-Parlament meta dan ikun meħtieġ u sussegwentement lill-Kunsill.

127.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill stess jammetti li l-Kummissjoni hija libera li tiddeċiedi li ma tipproponix il-konklużjoni tal-ftehim ( 70 ), li paradossalment jista’ jseħħ iktar spiss jekk ikun fil-kompetenza tal-Kunsill (jew tal-kumitat speċjali, inkwantu l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jagħmlu ebda distinzjoni bejniethom) li jiddeċiedi l-pożizzjoni tan-negozjati, minkejja l-fehmiet kuntrarji li l-Kummissjoni jista’ jkollha.

iii) It-tielet argument

128.

Skont ir-Repubblika Ċeka, għandha tiġi evitata sitwazzjoni fejn ir-riżultat tan-negozjati jkun inaċċettabbli għall-Kunsill u fejn ir-rifjut li jiġi approvat l-abbozz ta’ ftehim finali jkollu effett negattiv fuq ir-relazzjonijiet mal-parti l-oħra. Il-gvern Ċek jipprova jagħmel f’dan ir-rigward “analoġija utli” mal-għan tal-proċedura tal-opinjoni prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE li huwa wkoll dak li jiġi eliminat ir-riskju ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali nnegozjat u li jiġu evitati l-problemi li jirriżultaw minn dan fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-pożizzjoni tagħha b’mod ferm ċar dwar din il-kwistjoni u ddeċidiet li “deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata eventwalment li tali ftehim huwa, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, jew tal-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma tonqosx milli toħloq, mhux biss fil-livell Komunitarju, iżda wkoll f’dak tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tagħti lok għal riskju li jiġu ppreġudikati l-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-pajjiżi terzi” ( 71 ).

129.

Jiena tal-fehma li dan ir-riferiment għall-Artikolu 218(11) TFUE u għall-Opinjoni 2/94 ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni ( 72 ).

130.

Kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat, l-assenza ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’ebda każ ma tista’ titqabbel mal-annullament tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim ladarba dan ikun daħal fis-seħħ. Ir-rifjut min-naħa tal-Kunsill li japprova l-ftehim jista’ sal-iktar ikollu konsegwenzi poltiċi, li jirriżultaw ukoll jekk il-Kummissjoni ma tipproponix il-konklużjoni tal-ftehim jew jekk il-Parlament ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu meta din tkun meħtieġa. Mill-perspettiva tar-relazzjonijiet internazzjonali, l-oriġini tal-assenza ta’ approvazzjoni tal-ftehim ma għandha ebda rilevanza u ma tiġġustifikax li istituzzjoni tingħata s-supremazija fuq l-oħrajn.

iv) Ir-raba’ argument

131.

Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-Renju tal-Isvezja ( 73 ), il-Kummissjoni qatt ma argumentat li l-Kunsill ma jista’ jkollu “ebda influwenza fuq il-kontenut tal-ftehim li jkun qiegħed jiġi nnegozjat”.

132.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess ( 74 ) li — meta jitqies il-fatt li l-Kunsill għandu l-aħħar kelma dwar jekk ftehim jiġix konkluż jew le, fattur li mingħajr ebda dubju jinfluwixxi fuq il-kontenut tan-negozjati — ma huwiex wisq probabbli ( 75 ) li l-Kummissjoni tiddedika r-riżorsi tagħha għan-negozjati ta’ ftehim internazzjonali li ftit li xejn ikollu possibbiltà li jakkwista l-forza ta’ liġi peress li jkun ser jiġi oppost mill-Kunsill (jew mill-Parlament). Din il-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi analizzata bħala applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

133.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kunsill għandu d-dritt li jitlob rendikonti sħaħ u regolari dwar it-tmexxija tan-negozjati, u l-korp ta’ trażmissjoni huwa preċiżament il-kumitat speċjali li jikkomunika l-parir tiegħu (u dak tal-Kunsill) lin-negozjatur matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni. Il-Kummissjoni barra minn hekk tirrimarka li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mir-risposta tal-Kunsill (punt 32), hija ma tippretendix li l-Kunsill ma għandux jikkomunika l-pożizzjoni tiegħu matul in-negozjati, inkwantu hija enfasizzat fir-rikors tagħha li hija għandha tqis il-pożizzjonijiet li l-Kunsill (jew il-Parlament) jesprimu.

134.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-obbligu tagħha li tikkonsulta lill-kumitat speċjali u li żżomm kuntatti regolari miegħu. Dak l-obbligu jirriżulta b’mod loġiku mill-Artikolu 218 TFUE u dan huwa iktar elaborat fil-każ ta’ ftehimiet kummerċjali (Artikolu 207(3) TFUE) ( 76 ).

135.

B’hekk, ma nipproponix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

136.

Għal darba oħra tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill jistax jemenda d-direttivi ta’ negozjati matul il-proċess ta’ negozjati.

137.

Il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza ta’ rakkomandazzjoni ma hijiex sempliċi formalità meħtieġa sabiex jiskatta l-proċess, li mbagħad ikun jinsab totalment f’idejn il-Kunsill. Jekk il-Kunsill isostni li s-setgħa tiegħu matul in-negozjati hija bbażata fuq is-setgħa li tawtorizza l-ftuħ tagħhom u fuq dik li japprova l-ftehim, żewġ setgħat li, min-naħa tagħhom, għandhom ikunu bbażati fuq proposti (jew rakkomandazzjonijiet) tal-Kummissjoni, huwa b’hekk ikollu jaċċetta wkoll li kull reviżjoni jew emenda għandha tkun ippreċeduta wkoll minn proposta jew rakkomandazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kunsill ikollu iktar poteri matul in-negozjati (jiġifieri fi stadju fejn it-Trattati ma jagħtuh ebda poter) milli għandu fl-istadju tal-awtorizzazzjoni għan-negozjati jew il-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali (jiġifieri fiż-żewġ stadji fejn ir-rwol tal-Kunsill huwa previst fit-Trattati).

138.

Din l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi aċċettata (għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma titlobx l-annullament tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tgħid li “[l]-Kunsill jista’ jirrevedi l-kontenut tad-direttivi ta’ negozjati f’kull mument”).

139.

Fil-fehma tiegħi, peress li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Kunsill li jissejjaħ biex japprova l-ftehim innegozjat, ikun illoġiku jekk huwa jkun jista’ jikkomunika l-fehma tiegħu biss mal-ftuħ tan-negozjati u mhux waqt li dawn ikunu jinsabu għaddejjin ( 77 ). Effettivament, huwa ċar li, fil-bidu tan-negozjati, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma jkunu jafu d-dettalji tal-pożizzjonijiet tal-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, in-negozjati spiss ikunu kumplessi u prolongati, u matul dan iż-żmien jistgħu jinbidlu kemm il-gvernijiet kif ukoll ir-realitajiet, li jimmilita wkoll favur il-possibbiltà li d-direttivi ta’ negozjati jiġu emendati matul in-negozjati, li l-għan tagħhom li kemm jista’ jkun jiġu evitati diverġenzi bejn l-istituzzjonijiet ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk il-Kunsill jiġi informat biss malli jintemmu n-negozjati. Dan premess, ma hijiex preċiża l-allegazzjoni, tal-Kunsill u ta’ ċerti Stati Membri, li l-Kummissjoni ma taċċettax li tinforma lill-Kunsill matul in-negozjati. Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 218(10) TFUE jipprevedi espressament li l-Parlament għandu jiġi informat “fl-istadji kollha tal-proċedura” (jiġifieri wkoll mill-Kummissjoni), u jidhirli li jirriżulta wkoll minn dan li l-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Kunsill regolarment.

140.

Jiena b’hekk naqbel mal-Kunsill u mal-Istati Membri li, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tippreżentalu rakkomandazzjonijiet irriveduti, il-Kunsill jista’ matul in-negozjati, fuq il-bażi tal-informazzjoni li huwa jkun ta lill-Kummissjoni, jirrevedi d-direttivi ta’ negozjati u, skont il-każ, jemendahom jew jikkompletahom.

141.

Li l-Kunsill jista’ wkoll jiggwida lill-Kummissjoni matul in-negozjati jidhirli li jirriżulta mit-test tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 218 TFUE, li huwa fformulat f’termini pjuttost ġenerali. Fil-fatt, dan il-paragrafu 4, li jipprovdi li “[l]-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista’ jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat”, huwa differenti mill-paragrafi 5 u 6 li jissuġġettaw id-deċiżjonijiet għal “proposta min-negozjatur”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni ma tispeċifikax f’liema mument il-Kunsill għandu (jew jista’) jindirizza d-direttivi lin-negozjatur.

142.

Il-Kummissjoni hija barra minn hekk kemxejn vaga dwar il-kwistjoni peress li hija ma topponix, fil-prinċipju, li dawn id-direttivi jistgħu jiġu emendati ( 78 ).

143.

Il-fatt li l-Kunsill jista’ jimmodifika d-direttivi ta’ negozjati mingħajr proposta minn qabel min-naħa tal-Kummissjoni jidher li huwa kkonfermat mill-prattika (inkwantu, skont il-Kunsill, il-Kummissjoni spiss titlob li dawn jiġu aġġornati iżda mingħajr ma tissottometti proposti) u ġie enfasizzat ukoll fid-duttrina. Kif MacLeod et ġustament jirrilevaw ( 79 ), “the Council may issue further directives unilaterally, without a Commission proposal, during the negotiations” u “[i]t is for the Council to decide whether further directives are necessary: it does not need a Commission proposal before acting”. Jidhirli li fil-prattika huwa rari ħafna li l-Kunsill joħroġ direttivi supplimentari ( 80 ).

144.

Bl-istess mod, skont il-kummentarju Mégret ( 81 ), “[i]l-Kunsill għandu l-fakultà li jintervjeni meta jinfetħu n-negozjati, iżda wkoll matulhom, sabiex jemenda, jissostitwixxi jew jikkompleta direttivi diġà indirizzati lill-Kummissjoni. Dawn id-direttivi spiss ikunu r-riżultat ta’ trattattivi prolongati fi ħdan il-Kunsill u rarament jibqgħu sigrieti. Il-“pubbliċità” mhux uffiċjali tagħhom tagħmel il-kompitu tal-Kummissjoni iktar diffiċli fil-konfront tal-parti l-oħra, billi tnaqqas il-marġni ta’ manuvra tagħha sal-punt li din issir illużorja [...]” [traduzzjoni libera] (enfasi miżjuda minni).

145.

Iżda dan ma jistax iwassal lill-Kunsill, wara li jkun awtorizza l-ftuħ tan-negozjati u wara li jkun ikkomunika, jew immodifika, id-direzzjonijiet tiegħu, li jippretendi, fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati, rwol ta’ “mexxej” li jnaqqas il-marġni ta’ manuvra li għandu jkollu n-negozjatur sabiex jikseb riżultati sodisfaċenti. Bl-istess mod, il-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill lanqas ma jista’ jeżerċita dan ir-rwol peress li l-funzjoni tiegħu hija strettament konsultattiva.

146.

Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li tinnegozja bħala rappreżentanta tal-interessi tal-Unjoni f’isem u għan-nom tal-Unjoni (u mhux għan-nom tal-Kunsill).

v) Il-ħames argument

147.

Il-Kunsill isostni wkoll li l-interpretazzjoni li huwa jiddefendi, jiġifieri li l-Artikolu 218(4) TFUE jippermetti li jiġu inklużi, fid-direttivi ta’ negozjati, dispożizzjonijiet proċedurali pjuttost milli jillimitahom għal dikjarazzjonijiet vagi ta’ intenzjoni, tippreżerva bis-sħiħ il-kapaċità tal-Unjoni biex titkellem b’vuċi waħda fix-xena internazzjonali.

148.

Jiena ma ninsabx konvint minn dan l-argument, għaliex fi kwalunkwe każ, l-unità hija ggarantita mill-fatt li n-negozjatur biss huwa awtorizzat li jinnegozja f’isem l-Unjoni fil-kuntest iddefinit mid-direttivi kkomunikati mill-Kunsill u, jekk ikun il-każ, wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali.

149.

Barra minn hekk, din l-“unika vuċi” hija diġà prevista mit-Trattati ladarba, skont l-Artikolu 17(1) TUE, “[il-Kummissjoni] għandha tassigura r-rappreżentanza esterna ta’ l-Unjoni”.

150.

L-importanza tal-“unità ta’ azzjoni tal-[Unjoni] fil-konfront tal-estern” ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/94 (EU:C:1994:384, punt 106 et seq) u dan sabiex tagħti lill-Unjoni setgħa ikbar sabiex tinnegozja.

vi) Is-sitt argument

151.

Il-Kunsill u l-Istati Membri jinvokaw ukoll il-prattika (allegatament) kostanti fil-qasam tat-trasport li jintroduċu regoli proċedurali fid-direttivi ta’ negozjati.

152.

Il-Kummissjoni tirribatti li ż-żewġ dokumenti msemmija mill-Kunsill ( 82 ) jikkonċernaw ftehimiet li għandhom jiġu nnegozjati fil-forma ta’ ftehimiet imħallta. Fost id-dokumenti hemm l-Ewwel Anness bid-“direttivi ta’ negozjati” u t-Tieni Anness (distint) bit-titolu “Proċeduri ad hoc għan-negozjati dwar ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Alġerija [jew il-Ġeorġja] fil-qasam tat-trasport” ( 83 ). L-għan prinċipali ta’ dan it-tieni anness, li ma kienx jagħmel parti mid-direttivi ta’ negozjati, kien sempliċement li tiġi ddefinita proċedura ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri.

153.

Minn dan isegwi li dawk l-elementi ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ ftehim li għandu jiġi konkluż biss mill-Unjoni, bħal ma huwa l-każ f’din il-kawża.

154.

Skont ċerti Stati Membri wkoll, id-direttivi ta’ negozjati spiss ikunu jinkludu dispożizzjonijiet proċedurali ( 84 ).

155.

Sa fejn dan huwa preċiż (li huwa kkontestat bis-saħħa mill-Kummissjoni), skont il-ġurisprudenza, “sempliċi prattika ma tistax tipprevali fuq ir-regoli tat-Trattat” ( 85 ). Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 23 tas-sentenza Wybot (149/85, EU:C:1986:310), li “[g]ħandu [...] jiġi vverifikat jekk il-prattika segwita mill-Parlament Ewropew tneħħix għal kollox l-effettività tad-dispożizzjonijiet tat- [Trattat KEFA, KEE u Euratom inkwistjoni f’dik il-kawża], li jattribwixxu mhux biss lill-maġġoranza tal-membri tiegħu, iżda wkoll lill-istituzzjonijiet l-oħrajn, jiġifieri l-Kunsill u l-Kummissjoni, il-fakultà li jitolbu li tissejjaħ sessjoni straordinarja. Fil-kuntest tal-bilanċ tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet previst mit-Trattati, il-prattika tal-Parlament Ewropew [inkwistjoni] ma tistax, effettivament, tneħħi prerogattiva mogħtija lill-istituzzjonijiet l-oħrajn mit-Trattati nfushom” (enfasi miżjuda minni).

vii) Is-seba’ argument

156.

Skont il-Kunsill, l-inklużjoni fid-direttivi ta’ negozjati ta’ ċerti modalitajiet ta’ proċedura u ta’ rekwiżiti speċjali hija l-korollarju tad-dritt tiegħu li jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tingħata awtorizzazzjoni.

157.

Kif diġà rrilevajt iktar ’il fuq, ladarba l-Kunsill ikun awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati, huwa ma jistax ikollu rwol deċiżjonali dirett matul dawn tal-aħħar. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill u d-direttivi ta’ negozjati tiegħu jissejħu komunament “il-mandat għal negozjati” (bl-Ingliż “the negotiating mandate”), il-Kummissjoni ma tingħatax “mandat” mill-Kunsill — hija tiġi “awtorizzata” ( 86 ).

158.

L-għażla tal-Kunsill li jirreferi għal “mandat” (punt 42 tar-risposta), minflok ma juża l-istess diċitura tat-Trattati, ma hijiex waħda innoċenti ( 87 ). Mandat ma jikkostitwixxix biss att volontarju, iżda jimplika li l-entità mogħtija l-mandat taġixxi f’isem xi ħadd ieħor, fil-limiti u skont l-istruzzjonijiet vinkolanti imposti mill-entità mandatarja.

159.

Fil-fatt, hekk kif Waelbroeck et ( 88 ) ġustament irrilevaw, l-użu tat-termini “mandat għal negozjati”“jagħti impressjoni żbaljata legalment: [i]l-Kunsill effettivament ma jistax jagħti mandat, skont kif jidhirlu hu, lil min għandu jinnegozja f’isem il-Komunità. Il-Kummissjoni għandha monopolju f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ir-rwol tiegħu huwa pjuttost li jniedi l-proċess li jippermetti lill-Kummissjoni tmexxi weħidha n-negozjati”.

160.

L-użu tat-terminu “mandat” ma jagħmilx sens ħlief meta l-Kummissjoni tinnegozja f’isem l-Istati Membri ( 89 ).

161.

Fi kwalunkwe każ, it-Trattati ma jagħmlu ebda riferiment għal xi “mandat” fil-kuntest tal-Artikolu 218 TFUE, terminu li jintuża f’artikoli oħrajn, bħall-Artikolu 18(2) TUE, b’rabta mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà.

162.

Fil-fehma tiegħi, kieku l-awturi tat-Trattati riedu li l-Kummissjoni taġixxi konformement ma’ “mandat”, huma kienu jużaw dan it-terminu.

163.

B’hekk, il-fatt li l-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jagħti jew li ma jagħtix l-awtorizzazzjoni tiegħu ma jimplikax li huwa għandu d-dritt li jżid dak kollu li jixtieq bħala anness ma’ din l-awtorizzazzjoni. Dan il-kontenut għandu josserva wkoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Barra minn hekk, jekk l-argument ippreżentat mill-Kunsill kien li huwa jirrifjuta purament u sempliċement li jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu f’każ li ma jiġux aċċettati l-klawżoli proċedurali, dan jista’ jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poteri.

viii) It-tmien argument

164.

Skont il-Kunsill, “[i]l-pożizzjonijiet iddefiniti fi ħdan il-kumitat speċjali huma mmirati biex ikunu espressjoni konkreta tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill u, bħala tali, huma intiżi biex jgħinu lin-negozjatur billi jippreċiżaw il-perspettivi appoġġati mill-awtorità politika li fl-aħħar mill-aħħar għandha tiddeċiedi jekk tapprovax jew le t-test innegozjat” (risposta, punt 42). Minn din il-perspettiva, x’jifdal li jiġi nnegozjat, jekk mhux li jiġi ppreżentat pakkett komplut lill-parti l-oħra li għandha taċċetta jew tirrifjuta?

165.

Minbarra dak li ppreċiżajt iktar ’il fuq ( 90 ), dwar is-suġġett tal-kunċett ta’ “mandat”, jidhirli li għalkemm il-konsultazzjoni tal-kumitat speċjali tista’ tgħinu biex ikun jaf jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim futur jistax ikollhom jew le “l-appoġġ politiku” tal-Kunsill, huwa fil-kompetenza tal-Kummissjoni (waħidha) biex tiddeċiedi kif tintegra dan l-element fin-negozjati. Kull interpretazzjoni oħra ġġib fix-xejn id-dritt tagħha ta’ inizjattiva, għaliex dan jippreżupponi l-obbligu li jiġi propost test għas-sempliċi raġuni li jirrifletti pożizzjonijiet appoġġati mill-Kunsill. Huwa ċar li dan l-obbligu ma jeżistix fid-dritt tal-Unjoni ( 91 ).

166.

Nirrimarka wkoll li l-użu tal-artikolu ddefinit fit-terminu “l-awtorità politika” jista’ jagħti x’jifhem li dik l-awtorità politika hija l-prerogattiva esklużiva tal-Kunsill. Iżda l-Kummissjoni (u l-Parlament) huma istituzzjonijiet li wkoll għandhom rwol politiku importanti fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali.

167.

Finalment, l-Artikolu 218(4) TFUE jagħti biss rwol konsultattiv lill-kumitat speċjali għaliex jipprevedi li n-negozjati għandhom jitmexxew “[f]’konsultazzjoni [mal-]”Kumitat. Dan ċertament jimplika li l-kumitat speċjali jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar diversi aspetti tan-negozjati, iżda d-deċiżjoni inkwistjoni tmur ferm iktar lil hinn. Din fil-fatt tipprevedi ( 92 ) l-adozzjoni mill-kumitat speċjali (jew mill-Kunsill taħt il-punt 1 tat-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati) ta’ “pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati tal-Unjoni” (enfasi miżjuda minni), li b’hekk huma intiżi li jkunu vinkolanti għall-Kummissjoni, u b’hekk hija ma tistax twarrab dawk il-pożizzjonijiet li jkunu kkaratterizzati bħala tal-Unjoni u mhux sempliċement tal-kumitat speċjali (jew tal-Kunsill).

168.

F’dan ir-rigward nistgħu nidentifikaw parallel bejn din il-kawża u l-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “s-sentenza CITES” ( 93 ) (C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 43 u 44), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet — ċertament fil-kuntest tad-dispożizzjoni li issa tikkostitwixxi l-Artikolu 218(9) TFUE — li d-definizzjoni tal-pożizzjoni “tal-Unjoni” tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji għall-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, jista’ jingħad ukoll li l-punt 3 tat-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati jiddistingwi bejn “pożizzjonijiet” u “direzzjonijiet”.

169.

Għall-Kunsill, ma huwiex preċiż li jingħad li l-Kummissjoni “ma hijiex libera li twarrabhom” u jiddenunzja l-“parallel falz” mal-pożizzjonijiet li huwa jadotta abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, li huma ta’ natura differenti u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jipproduċu “effetti ġuridiċi obbligatorji” u għandhom “natura vinkolanti” għall-istituzzjonijiet ( 94 ). Finalment, skont il-Kunsill, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi l-mod kif għandha tinnegozja ( 95 ), iżda dejjem billi ssegwi d-direzzjonijiet li hija tirċievi fi ħdan il-kumitat speċjali, kemm jekk fil-forma ta’ struzzjonijiet verbali jew pożizzjonijiet spjegati f’dokumenti.

170.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-adozzjoni ta’ direttivi ta’ negozjati hija effettivament proċedura differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 218(9) TFUE, id-diċitura tad-direttivi ta’ negozjati inkwistjoni ssemmi l-“pożizzjoni tal-Unjoni” b’mod ferm komparabbli għal dak tal-Artikolu 218(9 TFUE). Il-Kunsill jagħti lill-kumitat speċjali (jew jirriżerva għalih stess), is-setgħa li jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, bl-obbligu korrispondenti għan-negozjatur tal-Unjoni li ma jwarrabhiex.

171.

Għall-Kunsill, kif jindikaw id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-deċiżjoni inkwistjoni, “jekk jirriżulta li huwa impossibbli li jinkiseb dak li huwa previst fil-pożizzjoni, [il-Kummissjoni] għandha tirrapporta dwar dan lill-kumitat speċjali u titlob direzzjonijiet ġodda” (risposta, punt 44). B’dawn il-kliem, il-Kunsill jikkonferma l-effett vinkolanti għall-Kummissjoni tal-pożizzjonijiet adottati mill-kumitat speċjali (jew dawk li jiddefinixxi huwa stess), inkwantu l-unika marġni ta’ manuvra tal-Kummissjoni hija “l-mod” kif tinnegozja.

172.

Ir-Repubblika Franċiża (punt 11 tan-nota ta’ intervent) ma tgħidx mod ieħor meta tispjega li l-Kummissjoni għandha ċerta diskrezzjoni fir-rigward tal-istrateġija tan-negozjati iżda għandha tikkonsulta lill-Kunsill jew lill-kumitat speċjali jekk ikun beħsiebha twarrab il-pożizzjoni tagħhom.

173.

Nirrileva li, biex ikompli jżid mal-konfużjoni, il-Kunsill juża t-terminu “rakkomandazzjoni” sabiex jikkwalifika l-effetti tal-pożizzjoni tal-kumitat speċjali (il-punti 46 u 53 tar-risposta jsemmu r-“riżultat rakkomandat”). Il-Kunsill jitkellem ukoll dwar l-obbligu li “jitqiesu l-pożizzjonijiet” u li dawn “jissarrfu fil-prattika” (replika, punti 23 u 25). Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jikkunsidra li l-kumitat speċjali huwa sempliċement awtorizzat li jesprimi l-opinjoni tiegħu (punti 23 u 24). Dan kollu huwa diffiċli biex jiġi rrikonċiljat mad-diċitura ċara tat-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati, fejn isir riferiment għad-definizzjoni ta’ “pożizzjonijiet tal-Unjoni” u mhux sempliċement għal ““rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni” jew inkella għal “pożizzjonijiet tal-Kunsill (u/jew tal-kumitat speċjali)”. Id-difiża tal-Kunsill hija opposta direttament ukoll mid-diċitura tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tuża t-termini “huma ddefiniti” u “tiddefinixxi” fis-sentenzi “[j]ekk ikun hemm lok, pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati tal-Unjoni huma ddefiniti fi ħdan il-kumitat speċjali […] jew fi ħdan il-Kunsill” u “[k]ull sessjoni ta’ negozjati hija ppreċeduta minn laqgħa tal-kumitat speċjali sabiex jiġu ddeterminati l-kwistjonijiet essenzjali sabiex tiddefinixxi, skont il-każ, il-pożizzjonijiet jew id-direzzjonijiet għan-negozjati” (enfasi miżjuda minni) ( 96 ). Madankollu, fin-negozjati, il-Kummissjoni ma tirrappreżentax lill-Kunsill, iżda lill-Unjoni.

174.

In-natura vinkolanti tal-pożizzjonijiet adottati mill-kumitat speċjali ma tistax tiġi rrikkonċiljata mat-test tal-Artikolu 218(4) TFUE li juża t-terminu “konsultazzjoni”. Kieku l-awturi tat-Trattat riedu li l-Kummissjoni tkun marbuta bid-direzzjonijiet jew bil-pożizzjonijiet tal-kumitat speċjali, kienu jużaw kliem iktar b’saħħtu sabiex jikkwalifikaw ir-rwol tal-kumitat speċjali (jew tal-Kunsill).

175.

Fil-fatt, jiena naqbel mal-Kummissjoni li, jekk l-għan huwa dak li “tingħata għajnuna lin-negozjatur”, għandna nħallu lin-negozjatur biex jiddeċiedi dwar l-użu li għandu jsir mill-pożizzjonijiet inkwistjoni. Il-fatt li jiġi ppreċiżat liema perspettivi għandhom l-appoġġ tal-awtorità politika ma jistax jiġi assimilat ma’ obbligu li tiġi segwita l-pożizzjoni tal-kumitat speċjali.

176.

Dan ma jimplikax li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu legali li tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet iddefiniti fid-direttivi ta’ negozjati mill-Kunsill jew mill-kumitat speċjali ( 97 ) iżda għandha ssir distinzjoni bejn dak l-obbligu u dak li ma jitwarrbux li, kif jenfasizza l-Parlament, ipoġġiha fil-pożizzjoni ta’ eżekutriċi tad-deċiżjonijiet tal-kumitat speċjali (jew tal-Kunsill).

177.

Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet — ċertament, f’kuntest ieħor — dwar id-differenza fil-portata u n-natura bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ obbligi.

178.

Fis-sentenza Mediaset (C‑69/13, EU:C:2014:71), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat din id-differenza. Il-kawża kienet tirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw reġim ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u, b’mod partikolari, dwar ir-rwol tal-qorti nazzjonali u t-teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-pożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

179.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 31 ta’ dik is-sentenza, li “għalkemm il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-qorti nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-punti li jinsabu fl-imsemmi teħid ta’ pożizzjoni, kif ukoll fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni eventwalment mitluba mill-qorti nazzjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni ta’ rkupru, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-qorti nazzjonali għandha teħodhom inkunsiderazzjoni bħala element ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kawża li tkun tressqet quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-atti kollha tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha”.

180.

B’hekk, “[g]ħalkemm, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, iżda li ma tidentifikax il-benefiċjarji individwali ta’ din l-għajnuna u ma tiddeterminax l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura, il-qorti nazzjonali hija marbuta b’din id-deċiżjoni, hija min-naħa l-oħra ma hijiex marbuta bil-pożizzjonijiet meħuda mill-imsemmija istituzzjoni fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE [ ( 98 )], il-qorti nazzjonali għandha tieħu dan it-teħid ta’ pożizzjoni inkunsiderazzjoni bħala element ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kawża li tkun tressqet quddiemha”.

181.

Għaldaqstant, nistgħu naslu għall-konklużjoni li, fir-rigward ta’ din il-kawża, “l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-direzzjonijiet mogħtija mill-Kunsill” (li l-Kummissjoni rrikonoxxiet f’din il-kawża ( 99 )) ma huwiex l-istess ħaġa bħal li “tkun legalment obbligata li ssegwihom” (li jidher li kien l-argument tal-Kunsill u tal-Istati Membri intervenjenti).

182.

Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni għandha tibqa’ f’pożizzjoni li tiddeċiedi li ma huwiex fl-interess ġenerali tal-Unjoni li ssegwi għal kollox il-parir tal-kumitat speċjali, li jista’ jkun iddettat minn interessi purament nazzjonali.

183.

Kif diġà enfasizzajt fil-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-funzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex, u ma tistax tkun, biss li tipproduċi ftehim internazzjonali li jikseb l-approvazzjoni tal-Kunsill (kemm jekk l-istituzzjonijiet l-oħrajn ikunu jaqblu jew le), iżda li tinnegozja ftehim li jaqdi bl-aħjar mod l-interessi tal-Unjoni u li jkun aċċettabbli għat-tliet istituzzjonijiet. Huwa ċar li dan jista’ jeħtieġ kompromess bejn id-diversi istituzzjonijiet.

ix) Id-disa’ argument

184.

Skont il-Kunsill, il-kontenut tal-modalitajiet proċedurali ma jagħmel xejn iktar milli jesprimi l-mod kif l-istituzzjonijiet għandhom jikkonkretizzaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali.

185.

L-interventi ta’ ċerti Stati Membri jinvokaw ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bħala bażi bejn wieħed u ieħor indiretta tad-dispożizzjonijiet proċedurali inkwistjoni ( 100 ).

186.

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (lealtà ( 101 ) Komunitarja) jinsab ċertament fil-qalba tas-sistema ġuridika tal-Unjoni ( 102 ) u jirrifletti element fundamentali tal-bilanċ istituzzjonali intiż mit-Trattat. Dan jitqies li huwa “prinċipju fundamentali tal-istruttura kostituzzjonali Komunitarja” ( 103 ).

187.

Dan premess, kif tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) KE [li sar l-Artikolu 13(2) TUE], l-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattat KE” ( 104 ).

188.

L-Artikolu 13(2) TUE jikkonferma dan ( 105 ) mingħajr ambigwità billi jipprovdi li “kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet li jingħatawlha mit-Trattati, skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali” ( 106 ).

189.

F’dan il-kuntest, ma għandux jintesa li “[t]he distribution of the powers between the institutions reflects the place that the authors of the treaties wanted to grant to each one of them in the exercise of the missions that they entrusted to the Community. In this context, the task of the Court is to ensure that this system is maintained, in order to prevent the compromises made at the time of the drafting of the treaties being called into question again. The balance to which the Court refers is therefore that established by the Treaty. It is therefore not acceptable for one institution to extend its powers unilaterally to the detriment of another institution” ( 107 ).

190.

Barra minn hekk, kif ġustament jirrileva l-Avukat Ġenerali Jääskinen ( 108 ), “minn naħa waħda, li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jippermetti li jiġu rrimedjati l-inċertezzi li jirriżultaw minn aspetti inċerti tat-Trattat, bħal f’din il-kawża fir-rigward tal-modalitajiet tal-eżerċitar tas-setgħa ta’ rtirar [inkwistjoni fl-imsemmija kawża]. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa applikabbli għall-kooperazzjoni informali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma għandux kontenut li abbażi tiegħu tista’ ssir talba preċiża” ( 109 ).

191.

Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill espost fil-punt 184 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa inkontestabbli li dan il-“mod skont kif l-istituzzjonijiet għandhom jikkonkretizzaw” dan il-prinċipju għandu jiġi miftiehem bejn iż-żewġ (jew tliet) istituzzjonijiet ikkonċernati pjuttost milli jiġi impost unilateralment minn waħda minnhom kontra l-oħra (jew l-oħrajn).

192.

F’dan il-kuntest, huwa interessanti li wieħed jinnota li, fl-imgħoddi, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, kien huwa stess ipprotesta (mill-ġdid kontra “faits accomplis”) meta l-Parlament impona unilateralment fir-regoli proċedurali tiegħu l-viżjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħrajn ( 110 ).

193.

Kif jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq, il-fatt li jiġu imposti regoli proċedurali kontra istituzzjoni oħra mingħajr il-kunsens tagħha jmur b’mod ċar kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u, b’mod partikolari, meta r-regoli imposti jkollhom il-konsegwenza li r-rwol politiku mogħti lill-Kummissjoni mit-Trattat ikun iqarreb lejn rwol purament tekniku u subordinat ta’ segretarjat ( 111 ) (anki jekk ġenerali) ( 112 ) inkompatibbli mal-kwalità tagħha bħala istituzzjoni politikament responsabbli quddiem il-Parlament (Artikolu 17(8) TUE ( 113 )) li r-rwol speċifiku tagħha fin-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali jinkwadra perfettament mal-funzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 17 TUE li tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni (bl-eċċezzjoni tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni). In-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali jikkostitwixxu wieħed mill-forom ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni ( 114 ).

194.

Fir-rigward tal-Artikolu 17(1) TUE, li jagħmel lill-Kummissjoni l-għassiesa tat-Trattati, matul is-seduta l-Gvern Ġermaniż qajjem il-kwistjoni dwar minn ser ikun l-għassies tal-għassiesa ( 115 ) jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tinnegozja “mingħajr kontroll”. F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li dan huwa l-kompitu tal-Parlament permezz tar-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni, u tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti stabbiliti mill-istituzzjonijiet, fosthom il-Kummissjoni.

x) L-għaxar argument

195.

Il-Kunsill jipprova jiġġustifika wkoll id-deċiżjoni inkwistjoni billi jallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligi tagħha ta’ konsultazzjoni tal-kumitat speċjali fil-kuntest ta’ negozjati komparabbli mal-Konfederazzjoni Svizzera. Ċerti Stati Membri ( 116 ) jinvokaw ukoll l-esperjenza tan-negozjati mal-Konfederazzjoni Svizzera. Il-Kunsill jiddikjara wkoll li, sa llum, il-Kummissjoni tirreferi għas-sit tal-internet tal-Uffiċċju Federali Svizzeru għall-Ambjent għal ħarsa ġenerali lejn dawk in-negozjati. Skont il-Kummissjoni, dan is-sit huwa l-uniku sors ta’ informazzjoni pubblikament aċċessibbli.

196.

Hu x’inhu l-każ, għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, ma jirriżultax mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligi tagħha ta’ konsultazzjoni tal-kumitat speċjali abbażi tat-Trattati.

197.

Fil-fatt, jirriżulta mit-Tabella 1 “Dati tal-Laqgħat ta’ Livell Għoli ([iktar ’il quddiem] LLGħ) u aġġornamenti tal-informazzjoni ppreżentata lill-grupp ‘Ambjent’ dwar l-avvanzi fin-negozjati dwar il-kollegament” sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, li erba’ ċikli ta’ negozjati formali (LLGħ), iddedikati għall-kollegament mal-Konfederazzjoni Svizzera seħħu fil-mument tal-preżentata tar-replika ( 117 ). Żewġ ċikli oħra kienu previsti, iżda ġew posposti jew annullati. Il-grupp “Ambjent” kien ġie informat mill-Kummissjoni dwar kull LLGħ. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni ppreżentat informazzjoni aġġornata ftit qabel u/jew wara kull LLGħ u kkomunikat dokumenti lill-grupp “Ambjent”, fejn neċessarju. Xi kultant, kien diffiċli għall-Kummissjoni biex tikseb slott ta’ ħin fil-programm ta’ ħidma tal-grupp “Ambjent”.

198.

Il-Kummissjoni tispjega li, pereżempju, fid-9 ta’ Novembru 2012, hija talbet lill-Kunsill sabiex il-grupp “Ambjent” jiddedikalha parti mill-ħin tiegħu, iżda hija rċeviet slott ta’ ħin biss fix-xahar ta’ Jannar 2013. F’okkażjonijiet oħrajn, hija ngħatat slott ta’ ħin, li sussegwentement ġie pospost mill-Presidenza mingħajr ma ġiet informata uffiċjalment. Pereżempju, il-grupp “Ambjent” kellu jiddedika ħin lill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Marzu 2013, iżda l-laqgħa ġiet posposta għat-18 ta’ April 2013. Għalkemm huwa minnu li fl-2012 il-Kummissjoni ma ppreżentat xejn lill-grupp “Ambjent” għajr aġġornament tal-informazzjoni dwar il-kollegament mal-Konfederazzjoni Svizzera, dan kien minħabba l-progress ferm limitat li ġie rreġistrat matul is-sena fir-rigward tal-kollegament, minħabba nuqqas ta’ qbil importanti bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kopertura tal-avjazzjoni internazzjonali. Ftit li xejn kien hemm skambji tekniċi matul il-laqgħat ta’ ħidma ordinarji li saru fl-2012.

199.

Dan premess, anki kieku l-Kunsill kellu perfettament raġun fl-evalwazzjoni tiegħu tal-aġir tal-Kummissjoni fin-negozjati bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera (quod non), huwa ma setax jieħu l-ġustizzja f’idejh f’negozjati sussegwenti għad-detriment tal-ħarsien tat-Trattati.

200.

Il-Kunsill josserva wkoll li l-Kummissjoni kkooperat mingħajr riżerva fl-elaborazzjoni tat-taqsima tal-Addendum tal-Anness iddedikat għall-proċedura matul il-ħidma tal-grupp “Ambjent” u li hija ma opponietx it-test tiegħu meta dan ġie ċċirkolat għal approvazzjoni informali. Il-Kunsill jiddikjara wkoll li “[w]ieħed b’hekk jista’ jifhem is-sorpriża li ħolqot id-dikjarazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni [inkwistjoni]” (punt 29 tar-risposta).

201.

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument, tispjega li l-proposta tagħha ma kinitx tinkludi dik it-taqsima u li hija esprimiet b’mod ċar l-oppożizzjoni tagħha għal dik it-taqsima bosta ġimgħat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

202.

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li hija ħadet ċertu żmien biex tirreaġixxi (mit-22 ta’ April sat-2 ta’ Mejju 2013) wara ċ-ċirkolazzjoni tal-ewwel abbozz ma jistax jiġġustifika l-illegalità mwettqa u ċertament ma timplikax li l-Kummissjoni tat il-kollaborazzjoni sħiħa tagħha jew approvat it-test b’mod informali.

xi) Il-ħdax-il argument

203.

Għalkemm it-Trattat FUE ma jipprevedi ebda konsultazzjoni “mal-Kunsill”, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tad-Danimarka jevitaw din l-oġġezzjoni billi jsostnu li “l-kumitat speċjali jiffunzjona bħala l-estensjoni tal-Kunsill” u “jikkostitwixxi pjattaforma ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill” ( 118 ). Dawk l-Istati Membri jaffermaw, essenzjalment, li ma huwiex importanti jekk it-Trattat jagħmilx riferiment għall-kumitat speċjali jew għall-Kunsill, għaliex fil-prattika dawn jikkostitwixxu l-istess entità ( 119 ). Jidhirli li l-pożizzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn hija bbażata wkoll fuq nuqqas ta’ distinzjoni bejn il-kumitat speċjali u l-Kunsill.

204.

Kif enfasizzat il-Kummissjoni, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li din il-pożizzjoni ma ssib appoġġ la fit-Trattati u lanqas fil-ġurisprudenza. Barra minn hekk, kieku kellna nieħdu ispirazzjoni minn oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, il-kumitati ta’ “komitoloġija”, li għandhom rwol importanti fid-dritt tal-UE, jikkostitwixxu mezz għall-Istati Membri, u mhux għall-Kunsill, biex jikkontrollaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni (Artikolu 291(3) TFUE).

205.

Huwa inkontestabbli li jekk il-Artikolu 218 TFUE jirreferi għall- “kumitat speċjali”, dan ifisser xi ħaġa differenti mill-“Kunsill”. Barra minn hekk, kieku t-Trattat ried jagħti lill-Kunsill rwol fin-negozjati tat-tip issuġġerit minn ċerti Stati Membri, huwa kien jippreċiża dan.

206.

Il-fatt li l-Kunsill għandu l-aħħar kelma fil-konklużjoni tal-ftehim ma jawtorizzahx biex jiżvolġi rwol determinanti fil-fażi distinta tan-negozjati u b’hekk ma jiġġustifikax li huwa jidħol fuq l-irwol tal-Kummissjoni bħala negozjatur. Fuq l-istess linja ta’ ħsieb, il-fatt pereżempju li l-Kunsill u l-Parlament huma koleġiżlaturi ma jiġġustifikax l-intervent tagħhom fil-proċess ta’ elaborazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni ( 120 ).

207.

Bl-għan “li jiġi ssalwagwardat [il-]bilanċ istituzzjonali u tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar it-tqassim tal-kompetenzi” ( 121 ), nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, li tilqa’ r-rikors tal-Kummissjoni inkwantu jirrigwarda t-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni inkwistjoni.

208.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan is-sens, ikun fadal biss li jiġu ddeterminati l-portata u l-effetti tal-annullament.

C – Portata u effetti tal-annullament

209.

Skont il-ġurisprudenza, l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li l-annullament tagħhom jintalab ikunu jistgħu jinfirdu mill-bqija tad-deċiżjoni ( 122 ).

210.

Jiena tal-fehma li dan huwa manifestament il-każ f’din il-kawża peress li t-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tinfired mill-bqija tad-deċiżjoni inkwistjoni. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet proċedurali dettaljati normalment ma jinsabux f’dan it-tip ta’ deċiżjonijiet.

211.

Il-Kunsill, waqt li enfasizza li t-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tirreferi għall-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni inkwistjoni, isostni li din it-taqsima ma tistax tinfired mill-bqija tad-deċiżjoni inkwistjoni.

212.

Ir-riferiment għall-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni inkwistjoni ma jżid xejn ( 123 ). Anki jekk it-Taqsima A tiġi annullata, in-nominazzjoni tal-kumitat speċjali ma tintmissx. Barra minn hekk, inkwantu test bħat-Taqsima A ma jidhirx f’mijiet ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali, huwa evidenti li dan ma jistax jinfired. Jirriżulta mill-proċess li d-deċiżjoni dwar in-negozjati mal-Konfederazzjoni Svizzera ma inkludietx dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip. B’hekk, ir-riżultat ma huwiex “kompletament inkoerenti” (risposta, punt 57).

213.

Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk annullament parzjali jbiddilx is-sustanza ta’ att ikkontestat ma tikkostitwixxi kriterju suġġettiv marbut mar-rieda mar-rieda politika tal-awtorità li adottat l-att ikkontestat iżda kriterju oġġettiv ( 124 ). Barra minn hekk, meta l-kundizzjonijiet ta’ annullament parzjali jkunu ssodisfatti, id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi annullata għalkollox ( 125 ).

214.

Fil-fehma tiegħi jsegwi li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab perfettament f’pożizzjoni fejn tista’ tannulla biss it-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni inkwistjoni.

215.

Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni fit-totalità tagħha, iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE hija neċessarja u ġġustifikata peress li tevita li jiġu sospiżi n-negozjati mal-Commonwealth tal-Awstralja.

V – Konklużjoni

216.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla t-Taqsima A tal-Addendum tal-Anness tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar il-kollegament tas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea mas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra stabbilita fl-Awstralja.

Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar il-kollegament tas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea mas-sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra stabbilita fl-Awstralja, u żżomm l-effetti tagħha, f’każ li din tiġi annullata fit-totalità tagħha.

Fi kwalunkwe każ, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż tiegħu stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Renju Svediż, lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll lill-Parlament Ewropew ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Dan il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, li jimplika ċerta awtonomija tal-istituzzjonijiet, għandu jintrabat mal-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali, li huma sinonimu tad-dmirijiet ta’ azzjoni u ta’ astensjoni li “jimponi mhux biss li l-istituzzjonijiet jirrispettaw l-attribuzzjonijiet rispettivi tagħhom, iżda jawtorizza l-istabbiliment ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess deċiżjonali sakemm dawn ma jmorrux kontra l-bilanċ istituzzjonali u jirrispettaw it-Trattat” [traduzzjoni libera] (ara Jacqué, J-P., Droit institutionnel de l’UE, Dalloz, 2004, p. 184).

( 3 ) Ara, f’dan il-kuntest, pereżempju, barra mill-kawżi msemmija f’dawn il-konklużjonijiet, il-Kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14) [fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissottometti lit-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar (TILB) osservazzjonijiet bil-miktub f’isem l-Unjoni, mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill] jew il-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑660/13) (fir-rigward tal-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Addendum għall-Memorandum ta’ ftehim dwar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Konfederazzjoni Svizzera). Dawn iż-żewġ kawżi jinsabu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara wkoll Anderson, D., fil-prefazju tiegħu tal-ktieb li huwa awtorevoli f’dan is-suġġett: Eeckhout, P., EU External Relations Law, it-Tieni Edizzjoni, Oxford, 2011, li jiddeskrivi perfettament dan il-kamp tal-battalja: “[t]his book functions [...] as a definitive military history of that forty years’ war, ranging from the dramatic early breakthroughs of ERTA and Opinion 1/76 and the set-piece battles of Opinion 1/94 and Open Skies to more recent skirmishes over such vitally important matters – to those involved – as whether it is open to a Member State to propose a pollutant for regulation in an international forum where the Commission is also represented”.

( 4 ) Li jkopri 45.5 % tal-prodott domestiku gross globali.

( 5 ) Ara s-sit tal-internet tal-Kummissjoni li huwa ddedikat għal dawn in-negozjati fl-indirizz segwenti: http://ec.europa.eu/trade/policy/in-focus/ttip/index_fr.htm . Jista’ jiġi osservat li fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill iddeċieda li jiddeklassifika d-direttivi ta’ negozjati dwar it-TTIP (tas-17 ta’ Ġunju 2013). Ara s-sit tal-internet tal-Kunsill f’dan l-indirizz: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11103-2013-DCL-1/en/pdf.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631.

( 7 ) ĠU L 140, p. 63.

( 8 ) B’hekk, il-forma li att jew deċiżjoni jieħdu hija fil-prinċipju irrilevanti għall-finijiet tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra dan l-att jew din id-deċiżjoni (ara d-Digriet Makhteshim-Agan Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑69/09 P, EU:C:2010:37, punti 37 u 38).

( 9 ) Ara l-kummentarju Mégret, J., Le droit de la CE et de l’Union européenne, 12 – Relation extérieures, taħt id-direzzjoni ta’ Louis, J.-V. u Dony, M., Éditions de l’Université de Bruxelles, 2005, p. 84.

( 10 ) F’dan il-kuntest, ara wkoll Eeckhout, P., External relations of the European Union, Oxford, 2005, p. 173: “[i]t is thus not clear at this stage whether Commission observance of the Council’s negotiating directives is subject to judicial review. In principle, any Commission act producing legal effects can be challenged on grounds of violation of the Treaty in an action for annulment. In so far as the Commission adopts such an act in the framework of an international negotiation, it would seem possible to argue a violation of the provisions of Article 300(1) EC. The case is unlikely to arise, however, as the Commission’s actions are subject to political review by the Council. If the latter is unhappy with the outcome of a negotiation, it may simply refuse to conclude the agreement. Where it does conclude [it], it obviously agrees with the Commission’s approach, and a challenge to particular Commission conduct in the course of negotiations would then in any event be unable to affect the outcome, namely conclusion of the agreement, as this is a separate Council act”.

( 11 ) Huwa interessanti li wieħed jinnota f’dan ir-rigward li, fil-punt 22 tar-risposta tiegħu f’dik il-kawża, il-Kunsill ikkonferma b’mod ċar li, fil-fehma tiegħu, id-direttivi ta’ negozjati kellhom effetti ġuridiċi vinkolanti għall-Kummissjoni: “[b]arra minn hekk, id-direttivi ta’ negozjati, kif huwa l-każ f’din il-kawża, jagħmlu parti minn deċiżjoni adottata mill-Kunsill, li l-Kummissjoni hija destinatarja tagħha. Fuq din il-bażi, dawn huma vinkolanti għall-Kummissjoni”. Din il-pożizzjoni hija ferm differenti minn dik adottata qabel mill-Kunsill. Fl-Opinjoni 3/94 (EU:C:1995:436), il-Qorti tal-Ġustizzja ġabret fil-qosor l-argumenti tiegħu dwar il-kompatibbiltà mad-direttivi ta’ negozjati tal-ftehim li għalih tasal il-Kummissjoni: “Fil-prattika, il-Kummissjoni spiss hija inklinata li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi meta tinnegozja ftehim internazzjonali; f’dawn iċ-ċirkustanzi, pjuttost milli jimmodifika dawn id-direttivi matul il-proċedura, il-Kunsill sempliċement jaċċetta r-riżultat finali billi jiffirma l-ftehim”.

( 12 ) Ara għal din il-kawża t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni u t-taqsima A tal-Addendum tal-Anness li kontrihom huwa indirizzat ir-rikors tal-Kummissjoni.

( 13 ) Inkwantu l-ftehim previst ma jirrigwardax esklużivament jew prinċipalment il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, ma huwiex neċessarju li nitkellmu dwar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà (“ir-rappreżentant għoli”).

( 14 ) Ara l-Artikolu 218(4) TFUE.

( 15 ) Ara, pereżempju, Cornu, G., Vocabulaire juridique, PUF, 2007, p. 312.

( 16 ) Anki jekk, fil-prattika, l-istampa spiss tagħti rendikont tal-kontenut tad-direttivi ta’ negozjati.

( 17 ) Jew deċiżjoni imposta unilateralment, li kontriha wieħed ma jista’ jagħmel xejn u li ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lil dawk li lilhom tkun indirizzata. Ara Le Petit Robert, Dictionnaire de la langue française, VUEF, 2003, p. 750.

( 18 ) Infakkar li huwa lill-Kummissjoni li t-Trattat FUE jassenja l-irwol ta’ negozjatur (ara n-nota 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 19 ) Ara s-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Huwa interessanti li wieħed jinnota li t-Trattati ma jiddikjarawx espliċitament il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, ħlief fil-Protokoll Nru 7 anness mat-Trattat ta’ Amsterdam dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li jfakkar li “l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità tirrispetta d-dispożizzjonijiet ġenerali u l-objettivi tat-Trattat, b’mod partikolari fir-rigward [...] tal-bilanċ istituzzjonali”.

( 20 ) Ara Blumann, C., u Dubouis, L., Droit institutionnel de l’Union européenne, il-ħames edizzjoni, LexisNexis, 2013, p. 401 (“[il-qasam tal-politika kummerċjali komuni] minn dejjem qajmet kontroversji kemm min-naħa tal-Kummissjoni li tħossha wisq ristretta u f’sitwazzjoni impossibbli li tieħu l-inqas inizjattiva, kif ukoll min-naħa tal-Kunsill jew tal-Istati Membri, li jidhrilhom għall-kuntrarju li hija taħrab wisq faċilment mill-qafas iffissat għaliha. In-negozjati kummerċjali internazzjonali l-kbar fil-qafas tal-GATT-ODK jikkostitwixxu l-kamp tal-battalja privileġġat ta’ dan it-tip ta’ kunflitt. Il-qalba tal-problema tirrigwarda b’mod speċjali d-direttivi tan-negozjati u l-grad ta’ preċiżjoni tagħhom”).

( 21 ) Kif irrimarka H. Paemen, li kien “[the] Commission’s Chief Negotiator” matul l-“Uruguay Round negotiations”, fil-prattika ma huwiex faċli li jinkisbu direttivi ta’ negozjati li jkunu jirrappreżentaw l-interess Komunitarju, għaliex “[the] uppermost concern [of the Member States] is to look after their national interests, in the narrow sense of the term [and] [i]nevitably, [the Commission] proposals [for negotiating directives] intended to reflect the collective position – ie the Community interest – are amended to take account of disparate national views until, in many cases, all that is left is the ‘lowest common denominator’” (ara Devuyst, Y., “EU law and practice in the negotiation and conclusion of international trade agreements”, Journal of International Business and Law, 2014, Vol. 12, Numru 2, Artikolu 13, p. 290).

( 22 ) Ara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑226/04, EU:T:2006:85, punti 76 u 78) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara, pereżempju, il-punt 11 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ċek.

( 24 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Din il-konklużjoni ser tiġi mmotivata minn hawn ’il quddiem b’analiżi ta’ lege lata, peress li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (nota ta’ intervent, punt 27), li jgħid li din “tippreġudika l-interessi tal-Unjoni”, huwa ta’ natura politika.

( 26 ) Ara, dwar dan is-suġġett, Guerassimoff, C., La coopération interinstitutionnelle dans l’Union européenne, RAE, Paris, 1997, p. 472; Huiban, O., “Les accords interinstitutionnels dans l’Union européenne”, fi Problèmes actuels du droit communautaire, LGDJ, 1998, p. 93; Gautron, J.-C., “Les accords interinstitutionnels dans l’ordre juridique communautaire”, f’Les règles et principes non écrits en droit public, LGDJ, 2000, p. 195; Godet, R., Accords interinstitutionnels et équilibre institutionnel dans la Communauté européenne, Université Panthéon-Sorbonne, Pariġi, 2001.

( 27 ) Ara Tournepiche, M.-A., Les accords interinstitutionnels dans l’Union européenne, volum 18, Bruylant, 2011, u Blumann, C., Les accords interinstitutionnels, JCI. Europe, vol. 1, faxxikolu 193 (ara wkoll, l-istess awtur, “Équilibre institutionnel et séparation des pouvoirs en droit communautaire”, fi Clés pour le siècle, Dalloz, 2000, p. 1639).

( 28 ) Ara Blumann, C., u Dubouis, L., op.cit., p. 199 (ara wkoll it-taqsima dwar il-bilanċ istituzzjonali, p. 194 et sequitur).

( 29 ) Ara l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, Anness III, paragrafu 2 (ĠU L 304 ta’ 20.11.2010, p. 47), li huwa integrat fir-Regolament intern tal-Parlament, bħala l-Anness XIII. Għal kritika ta’ dak il-ftehim qafas, ara Weiler, J., “Dispatch from the Euro Titanic: And the Orchestra Played On”, European Journal of International Law, disponibbli fuq is-sit elettroniku fuq dan l-indirizz: http://www.ejiltalk.org/dispatch-from-the-euro-titanic-and-the-orchestra-played-on-ejil-editorial/ .

( 30 ) Ibidem (Anness III, paragrafu 4).

( 31 ) Uħud jaħsbu li dak il-ftehim dejjem għandu jgħaqqad lit-tliet istituzzjonijiet. Ara Weiler, J., op. cit. (“What is rather astonishing in this respect is the fact that this [Framework] Agreement [between the Parliament and the Commission] was negotiated in its entirety without Council involvement – arguably contrary to the very Treaty stipulations on interinstitutional agreements [ie Article 295 TFEU]”).

( 32 ) Ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa l-“Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti dwar il-kompetizzjoni” (C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 28).

( 33 ) Idem.

( 34 ) U dan minkejja l-oppożizzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 35 ) U s-sempliċi fatt, invokat mill-Kunsill u minn ċerti Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Iralnda ta’ Fuq (nota ta’ intervent, punt 13) u r-Renju tal-Isvezja (nota ta’ intervent, punti 24 u 25), li l-Artikolu 218(2) sa (4) TFUE ma jipprojbixxihomx ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifikahom.

( 36 ) Ara, f’dan il-kuntest, pereżempju, Krajewski, M., “External Trade Law and the Constitution Treaty: Towards a Federal and More Democratic Common Commercial Policy?”, Common Market Law Review, Kluwer Law, 2005, kif ukoll Müller-Graff, P.-C., “The Common Commercial Policy Enhanced by the Reform Treaty of Lisbon?”, Dashwood, A. u Maresceau, M., Law and Practice of EU External Relations, Cambridge University Press, 2008, p. 188.

( 37 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 81).

( 38 ) Skont it-Taqsima A, il-Kunsill jista’ jiddefinixxi “pożizzjonijiet ta’ negozjati iddettaljati” (punt 1); huwa għandu jiġi informat dwar il-“kalendarju previst u [t-] temi tan-negozjati” (punt 2); il-Kummissjoni “tirrapporta lill-Kunsill” dwar l-eżitu ta’ kull sessjoni ta’ negozjati (punt 4 u Artikolu 2, it-tieni sentenza, tad-deċiżjoni inkwistjoni), u “jinforma” lill-Kunsill dwar “kull problema importanti” (punt 4).

( 39 ) Iċċitat ukoll, fit-Taqsima A, biex jiddefinixxi “pożizzjonijiet ta’ negozjati ddettaljati” (punt 1), “jiddetermina l-kwistjonijiet essenzjali” u “jiddefinixxi skont il-każ il-pożizzjonijiet jew id-direzzjonijiet għan-negozjati” (punt 3).

( 40 ) Ara Eeckhout, P., External relations of the European Union, Oxford, 2005, p. 171.

( 41 ) Ara MacLeod, I., Hendry, I. D., u Hyett, S., The external relations of the European Communities, Oxford University Press, 1998, p. 88, fir-rigward tal-Artikolu 228 KEE, li sar l-Artikolu 218 TFUE. Fuq dan il-punt, it-testi tagħhom jaqblu ħlief li l-Artikolu 228 KEE kien jippreċiża li l-“Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitati speċjali maħtura mill-Kunsill biex jgħinuha f’dan l-inkarigu” waqt li l-Artikolu 218 TFUE jipprovdi li l-“Kunsill jista’ […]jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat”.

( 42 ) Li saru “Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur” fl-Artikolu 218 TFUE.

( 43 ) Ara MacLeod, I; Hendry, I. D., u Hyett, S., op. cit. Kif jirrilevaw ġustament l-awturi, pereżempju, “Article 228 [EEC] does not preclude the possibility of involvement of experts from Member States in such negotiations if the Commission is agreeable, but the ‘conduct’ of the negotiations is the responsibility of the Commission” (p. 87) et les directives de négociation “ could not authori[s]e – or require – the Commission to begin a completely new set of negotiations with other parties. Such a change of tack would require a new Commission recommendation. On the other hand, it would seem to be possible for the Council to call a halt to negotiations by a directive under Article 228 [EEC]” (p. 89).

( 44 ) Eeckhout, P., op. cit., p. 171. Għal dettalji ikbar fir-rigward taż-żewġ eżempji msemmija hawnhekk (dawn huma l-ftehim Blair House, minn naħa waħda, u n-negozjati dwar il-banana, min-naħa l-oħra), ara p. 172 et seq.

( 45 ) Ara s-sentenza Wybot (149/85, EU:C:1986:310, punt 23).

( 46 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR” (22/70, EU:C:1971:32, punt 73) u Massey-Ferguson (8/73, EU:C:1973:90, punt 4).

( 47 ) F’dan il-każ kienet il-Qorti Ġenerali: ara s-sentenza Roquette Frères vs Il-Kummissjoni (T‑322/01, EU:T:2006:267, punt 327).

( 48 ) Sentenza Parlament vs Il-Kunsill (13/83, EU:C:1985:220, punt 17).

( 49 ) Opinjoni 1/78 (EU:C:1979:224, punt 30).

( 50 ) Ara s-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7, p. 44).

( 51 ) Sentenza fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, (C‑133/06, EU:C:2008:57, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, f’dan il-kuntest, Etienne, J., “Le principe de l’équilibre institutionnel, manifestation et condition de l’État de droit”, f’L’état de droit en droit international, Pedone, 2009, p. 249.

( 52 ) Kif jindika Delcourt, Ch., f’“Le principe de coopération loyale entre les institutions dans le traité établissant une Constitution pour l’Europe”, f’Le droit de l’Union européenne en principes: liber amicorum en l’honneur de Jean Raux, Apogée, 2006, p. 464.

( 53 ) Jacqué, J.-P., Droit institutionnel de l’Union européenne, ir-Raba’ Edizzjoni, Dalloz, Paris, 2006, p. 217.

( 54 ) Ara l-punt 84 supra ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti dwar il-kompetizzjoni”, (C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 28).

( 56 ) C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 21.

( 57 ) Noti ta’ intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (punt 8); tar-Renju tad-Danimarka (punti 9 sa 12); tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (punti 29 u 32); tar-Repubblika Franċiża (punt 6); u tar-repubblika tal-Polonja (punt 7).

( 58 ) Ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti dwar il-kompetizzjoni” (C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 28) u l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Cloos, J., Reinesch, G., Vignes, D. u Weyland, J., Le traité de Maastricht – Genèse, analyse, commentaires, it-Tieni Edizzjoni, Bruylant, 1994, p. 343. Ara wkoll, Krenzler, H.G., u Pitschas, Ch., “Progress or Stagnation?: The Common Commercial Policy After Nice”, European Foreign Affairs Review, 2001, Vol. 6, p. 291.

( 60 ) Hekk imsejjaħ b’riferiment għall-Artikolu 113 KEE li l-ekwivalenti tiegħu llum jinsab fl-Artikolu 207 TFUE. Ara wkoll MacLeod et, op.cit., p. 88: “Article 113 [...] established a committee [...] to assist the Commission in the negotiation of agreements [...] This committee developed a general monitoring role across the whole field of the common commercial policy, but there was no similar arrangement in the original Treaty for the systematic scrutiny of the conduct of negotiations in other areas. In practice, this caused no great problem: the Commission’s progress in negotiation of agreements for the Community was kept under review in the Council’s regular working groups and in COREPER [...] Article 228 [EEC] codifies the existing arrangements, and develops them. The Council is now specifically given a right to establish special committees and the Commission is required to negotiate ‘in consultation with’ these committees”.

( 61 ) Jiġifieri, fil-frażi “Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill” [Artikolu 113(3) KEE li sar l-Artikolu 133(3) KE u li huwa stess sar l-Artikolu 207(3) TFUE].

( 62 ) It-tensjoni bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tidher ukoll fil-kawża pendenti Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14, ara n-nota 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet), fejn il-Kunsill talab l-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni li tindirizza lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni – mingħajr ma kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand il-Kunsill. Il-kummentarju Mégret, op. cit., jirrileva fil-paġna 87 li “Il-fantażma tal-ftehimiet ta’ Blair House (fil-qasam agrikolu) u tal-ftehim ta’ Marrakech (dwar il-banana) ħoloq ċertu nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront tal-Kummissjoni xi snin wara, matul is-CIG tal-1996). Madankollu għandu jiġi rrilevat li fil-prattika l-kollaborazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fit-tmexxija tan-negozjati ma kinitx ikkawżat diffikultajiet. Għall-kuntrarju jidher li kkontribwixxiet għas-suċċess tan-negozjati, u b’hekk ippermettiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jinterpretaw b’mod prammatiku u flessibbli d-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill [...]” (enfasi miżjuda minni).

( 63 ) Ara l-punt 13 tar-risposta. Ara wkoll it-tħassib li jiġu evitati “sorpriżi ħżiena”, irrilevat fil-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Ir-Repubblika Ċeka (punt 6), ir-Renju tad-Danimarka (punt 17), ir-Repubblika Franza (punt 21) u r-Repubblika tal-Polonja (punt 5).

( 65 ) Ir-Renju tad-Danimarka, punti 14 u 17 u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, punt 15(c).

( 66 ) Li hija karatteristika tal-metodu Komunitarju u mhux tal-metodu intergovernattiv.

( 67 ) Il-Parlament (punt 34).

( 68 ) Devuyst, Y., “EU law and practice in the negotiation and conclusion of international trade agreements”, Journal of International Business and Law, vol. 12, nru 2, 2014, artikolu 13, p. 295 et sequitur (traduzzjoni minni stess tas-siltiet li niċċita).

( 69 ) Ara, pereżempju, Cremona, M., “Defending the Community Interest: the Duties of Cooperation and Compliance”, EU Foreign Relations Law: Constitutional Fundamentals, de Witte, 2008.

( 70 ) Punt 5 tar-replika.

( 71 ) Opinjoni 2/94, EU:C:1996:140, punt 4 (enfasi tal-Gvern Ċek).

( 72 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs in ’t Veld (C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 58), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rilevanza ta’ dan l-argument f’kuntest komparabbli.

( 73 ) Ir-Renju tal-Isvezja, punt 16.

( 74 ) Ara l-punt 28 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-noti ta’ intervent.

( 75 ) Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) L-Artikolu 207(3) TFUE jipprovdi li “[l]-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar il-progress tan-negozjati”.

( 77 ) Din tidher li hija wkoll il-pożizzjoni maġġoritarja tal-awturi. Ara, pereżempju, Lenaerts, K., u Van Nuffel, P., Constitutional law of the European Union, Thomson/Sweet & Maxwell, 2005, p. 883 (peress li l-Kunsill għandu japprova l-ftehim li jirriżulta min-negozjati, huwa raġonevoli li huwa jkun jista’ jikkomunika l-opinjoni tiegħu fil-bidu u matul in-negozjati).

( 78 ) Ara l-punt 36 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-noti ta’ intervent.

( 79 ) Ara, b’mod partikolari, MacLeod, J., Hendry, I. D. u Hyett, S., The External Relations of the European Communities: a manual of law and practice, Oxford University Press, 1996, p. 89.

( 80 ) Idem.

( 81 ) Op. cit., p. 85. Ara wkoll, Devuyst, Y., op. cit., p. 294: “[t]he Council may adopt negotiating directives at the time of launching the negotiations or at a later point in time; they may be updated and supplemented at any time during the negotiations”, li jirreferi hawnhekk għad-dokument tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2005 bit-titolu Commission Services, Legal Issues Relating to the Negotiations within the Framework of the WTO’s Doha Development Agenda 4 SEC (2005) 566 final, 26 ta’ April 2005.

( 82 ) Jiġifieri, dokumenti SEC(2008)2721 u SEC(2009)83.

( 83 ) Il-ftehim ma’ Ġeorġja ġie ffirmat (ĠU L 321, p. 1).

( 84 ) “Regolarment” jafferma r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-punt 15(d) tan-nota tiegħu.

( 85 ) Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti dwar il-kompetizzjoni” (C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 36). Ara wkoll l-Opinjoni 1/94 (EU:C:1994:384, punt 52).

( 86 ) Dik l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata, partikolarment, minn MacLeod et., op. cit., p. 87 (“Strictly, the Commission is not ‘mandated’ by the Council, but ‘authori[s]ed’”).

( 87 ) Skont il-Kunsill, “il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati fil-limiti tal-mandat mogħti lilha mill-Kunsill” (risposta, punt 42).

( 88 ) Ara Waelbroeck, M., Louis, J. V., Vignes, D. u Dewost, J.-L.: “Le droit de la Communauté économique européenne” – Relations extérieures”, Vol. 12, Éditions de l’Université, Brussell, 1981, p. 30.

( 89 ) Li ma huwiex il-każ hawnhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa allegat mir-Renju tal-Isvezja (punt 4), fuq il-bażi tal-fatt li l-politika tal-ambjent taqa’ taħt kompetenza kondiviża. In-negozjati ġew awtorizzati u mmexxija fuq il-bażi tal-prinċipju li l-ftehim ser jiġi konkluż mill-Unjoni unikament. Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta dik il-konklużjoni tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni (f’dan il-każ, fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2003/87).

( 90 ) Ara l-punt 157 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 91 ) Artikoli 225 TFUE u 241 TFUE.

( 92 ) Kemm fil-punt 1 tat-Taqsima A tad-direttivi ta’ negozjati (għall-bidu tan-negozjati) kif ukoll fil-punt 3 tagħhom (qabel kull sessjoni ta’ negozjati).

( 93 ) L-akronomu CITES jirreferi għall-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi mhedda bl-estinzjoni.

( 94 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “s-sentenza CITES” (C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 43 u 44).

( 95 ) Skont il-Kunsill, “huwa fil-kompetenza tal-Kummissjoni biex tiġġudika kif għandha tinnegozja” (enfasi miżjuda fl-oriġinal tal-punt 43 tar-risposta).

( 96 ) Għandu jiġi osservat li l-oriġinal tad-direttivi dwar in-negozjati huwa bl-Ingliż.

( 97 ) Kif tindika r-Repubblika Ċeka, dan effettivament jippermetti li jiġu evitati problemi fl-istadju tal-approvazzjoni tal-ftehim mill-Kunsill (punt 16).

( 98 ) Dan jipprovdi, “[s]kond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati”.

( 99 ) Ara r-rikors, punti 20 u 27 kif ukoll ir-replika, punti 7 u 35.

( 100 ) Ara, pereżempju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (nota ta’ intervent, punt 17). Ir-Repubblika Franċiża tammetti li l-Kunsill ma jistax jimponi kundizzjonijiet proċedurali ġodda, iżda ssostni li t-Taqsima A hija biss it-traduzzjoni prattika tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali (nota ta’ intervent, punti 27, 28, 32 u 33).

( 101 ) “Dan il-kunċett daqsxejn misterjuż li ma huwiex magħruf jekk huwiex morali, politiku jew ġuridiku” (ara Verhoeven, J., Propos introductif, La loyauté. Mélanges offerts à Etienne Cerexhe, Larcier, 1997, p. 1.

( 102 ) “[T]aħt id-diversi forom tiegħu – kooperazzjoni leali reċiproka bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, solidarjetà orizzontali bejn l-Istati Membri, kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji – il-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja jinsab tabilħaqq fil-qalba tas-sistema ġuridika Komunitarja” (ara Simon, D., Le système juridique communautaire, it-Tielet Edizzjoni, 2001, p. 151). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet “prinċipju ta’ kooperazzjoni leali” (sentenza Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64), “dmir ta’ kooperazzjoni leali” (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑33/90, EU:C:1991:476, punt 20), “dmirijiet reċiproki ta’ kooperazzjoni leali” (sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, EU:C:1983:32, punt 37), “obbligu ta’ kooperazzjoni leali” (sentenza Athanasopoulos et, C‑251/89, EU:C:1991:242, punt 57), “rekwiżiti ta’ kooperazzjoni leali” (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 87), “dmir [...] ta’ lealtà” (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 169), “prinċipju ta’ lealtà” (sentenza EU-Wood-Trading, C‑277/02, EU:C:2004:810, punt 48), jew “spirtu ta’ kooperazzjoni leali” (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 45) (ara Magnon, X., “La loyauté dans le droit institutionnel de l’Union européenne”, Revue des affaires européennes, 2011/2, p. 245). Barra minn hekk, ara pereżempju s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsejħa “Preferenzi tariffarji ġeneralizzati”, C‑65/93, EU:C:1995:91, punti 21 sa 28, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu wiżnet l-interess tal-protezzjoni tal-bilanċ istituzzjonali kontra r-rekwiżit ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet [ara wkoll il-konklużjonijiet kuntrarji tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’dik il-kawża (C-65/93, EU:C:1994:405)].

( 103 ) Ara Simon, D., Le système juridique communautaire, Paris, PUF, 2001, it-Tielet Edizzjoni, p. 149. Ara, wkoll, f’dan il-kuntest, Burgorgue-Larsen, L., “La coopération interinstitutionnelle – Approche comparative et tentative de systématisation”, f’Auvret-Finck, J., L’Union européenne carrefour de coopérations, LGDJ, 2002, p. 13 et sequitur; Neframi, E., “The duty of loyalty: rethinking its scope through its application in the field of EU external relations”, Common Market Law Review, Nru 47, 2010, p. 323; Le Barbier-Le Bris, M., “Les principes d’autonomie institutionnelle et procédurale et de coopération loyale”, Le droit de l’Union européenne en principes, op.cit., p. 419; Potvin-Solis, L., “Le principe de coopération loyale”, Annuaire du droit européen, Vol. VI/2008 (2011), p. 165; Thies, A., “Le devoir de coopération loyale dans l’exercice des compétences externes de l’Union européenne des États membres”, Objectifs et compétences dans l’Union européenne, Bruylant, 2013, p. 315.

( 104 ) Ara s-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑403/05, EU:C:2007:624, punt 49) u Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑14/06 u C‑295/06, EU:C:2008:176, punt 50).

( 105 ) Li qabel kien it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) KE.

( 106 ) Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li, skont ġurisprudenza kkodifikata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, huwa impost ukoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Greċja vs Il-Kunsill, 204/86, EU:C:1988:450, punt 16, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsejħa “Preferenzi tariffarji ġeneralizzati”, C‑65/93, EU:C:1995:91, punti 23 u 27).

( 107 ) Ara Jacqué, J.-P., “The Principle of Institutional Balance”, Common Market Law Review Nru 41, 2004, p. 384. Dan tal-aħħar ipoġġi l-bilanċ istituzzjonali fost il-prinċipji strutturali, maġenb l-awtonomija istituzzjonali u l-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u jikkwalifika l-bilanċ istituzzjonali bħala prinċipju kostituzzjonali. Ara wkoll Van Raepenbusch, S., Droit institutionnel de l’Union européenne, ir-Raba’ Edizzjoni, Larcier, 2005, p. 451 (dan huwa prinċipju bażilari tas-sistema istituzzjonali tal-Komunità), Tridimas, T., The General Principles of EU Law, it-tieni edizzjoni, Oxford European Union, 2006, p. 4 (dan il-prinċipju jinsab fost “[the] systemic principles which underlie the constitutional structure of the Community and define the Community legal edifice”); Guillermin, G., Le principe de l’équilibre institutionnel dans la jurisprudence de la Cour de justice des Communautés européennes, JDI, 1992, p. 319 (li jikkwalifika dan il-prinċipju bħala prinċipju strutturali); Papadopoulou, R.-E., “Principes généraux du droit et droit communautaire”, Bruylant, 1996, p. 118 (dan huwa prinċipju ġenerali, ta’ natura kostituzzjonali, fundamentali jew strutturali); De Witte, B., “Institutional Principles: A Special Category of General Principles of EC Law”; f’Bernitz, U. u Nergelius, J., General Principles of EC Law, Kluwer, 2000, p. 143 (il-bilanċ istituzzjonali jinsab fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt istituzzjonali, fil-kategorija tal-prinċipji orizzontali).

( 108 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2014:2470, punt 98).

( 109 ) Għal analiżi dettaljata, l-Avukat Ġenerali Jääskinen jirreferi għal Blumann, C., “Caractéristiques générales de la coopération interinstitutionnelle”, Auvret-Finck, J., L’Union européenne carrefour de coopérations, LGDJ, 2000, p. 29 sa 61.

( 110 ) Ara Jacqué, J. P., op. cit., p. 386, li jiddikjara wkoll li “the principle has [also] provided useful support for the Commission when it tried to oppose claims of the Parliament to obtain the withdrawal of its proposals”.

( 111 ) Kif enfasizza ġustament l-Avukat Ġenerali Tizzano (ara t-teħid ta’ pożizzjoni tiegħu fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:313, punt 140), imur kontra l-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet jekk it-Trattati jiġu interpretati fis-sens li jillimitaw ir-rwol ta’ istituzzjoni għal approvazzjoni sistematika tar-rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjoni oħra u jekk ir-rwol tagħha jitnaqqas għal wieħed “notarili”. Din ir-riflessjoni, li kienet tirrigwarda lill-Kunsill fl-imsemmija kawża tgħodd b’mod ċar mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet l-oħrajn (f’dan il-każ, il-Kummissjoni).

( 112 ) Meta jitqies il-fatt li l-Kunsill iħalli f’idejn il-Kummissjoni “kif tinnegozja”, waqt li jneħħilha minn idejha “dak li għandu jiġi nnegozjat”. Matul is-seduta, il-Kunsill afferma li huwa għandu “the right to steer the negotiations”, li huwa, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar kontra t-Trattat FUE.

( 113 ) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) TUE, “[i]l-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva”.

( 114 ) F’dan il-kuntest, kif jirrileva ġustament Eeckhout, P., op. cit., p. 196, “there is clearly a need for the Commission, which ensures the application of the Treaties and of EU legislation (again with the exception of the CFSP), to be the negotiator for agreements covering matters of internal policy-making under the TFEU. The negotiated agreement will need to fit into the broader framework of EU law, and the Commission has the institutional capacity and memory to ensure this”.

( 115 ) Waqt li ċċita lill-awtur Latin Juvenal: “sed quis custodiet ipsos custodes?”

( 116 ) Pereżempju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, punti 6 sa 10.

( 117 ) Jiġifieri fix-xahar ta’ Novembru 2013.

( 118 ) Ir-Renju tal-Isvezja, punt 38; Ir-Renju tad-Danimarka, punt 31.

( 119 ) Ir-Renju tal-Isvezja, punt 42.

( 120 ) Barra minn hekk, kif irrileva l-kummentarju Mégret, J., op.cit., p. 436, “[p]eress li l-Kummissjoni tinkorpora l-interess ġenerali [tal-Unjoni], hija tqis li l-irwol tagħha ta’ rappreżentanza internazzjonali jmur lil hinn mill-kompetenzi esklużivi jew preponderanti tal-[Unjoni]. F’Ewropa fejn in-numru ta’ Stati qiegħed dejjem jiżdied, hija tidher għal diversi raġunijiet bħala l-interlokutriċi meħtieġa f’fora internazzjonali biex tesprimi l-vuċi [tal-Unjoni] u tal-Istati Membri tagħha: hija għandha ħila esperta inkontestabbli, tinkorpora l-istabbiltà meta mqabbla mat-turbulenza tal-presidenzi li jinbidlu kull sitt xhur u b’hekk il-persunal tagħha huwa pjuttost informat dwar ċerti dossiers internazzjonali. Immaġina negozjati internazzjonali li jestendu fuq tliet snin fejn naraw, barra minn oqsma ta’ kompetenzi esklużivi, ‘il-bidla’ ta’ sitt interlokuturi abbażi tal-presidenza, li jkunu magħrufa minn uħud, iżda injorati u mingħajr statura għal oħrajn [...]”.

( 121 ) Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsejħa “Konvenzjoni ta’ Lomé” (C‑316/91, EU:C:1994:76, punti 11 u 12).

( 122 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, EU:C:2002:734, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 123 ) Tista’ tinqala’ problema jekk dispożizzjoni li għaliha jsir riferiment tisparixxi, iżda normalment mhux meta d-dispożizzjoni li tagħmel riferiment tisparixxi.

( 124 ) Din hija ġurisprudenza stabbilita: ara, pereżempju, is-sentenzi Ir-Repubblika tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-239/01, EU:C:2003:514, punt 37) u Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, (C-244/03, EU:2005:299, punt 12).

( 125 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707, punt 104); sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizigen Coppens (C-441/11 P, EU:C:2012:778, punt 54).