KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

Kawża C‑416/13

Mario Vital Pérez

vs

Ayuntamiento de Oviedo

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo (Spanja)]

“Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78 — Limitu ta’ età ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għażla għar-reklutaġġ f’korp tal-pulizija lokali — Ġustifikazzjonijiet”

I – Introduzzjoni

1.

Id-Direttiva 2000/78 ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiġġieled, fil-qasam tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tiegħu, kontra kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq wieħed mill-motivi elenekati fl-Artikolu 1 tagħha. L-għan ta’ tali leġiżlazzjoni huwa li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jingħata effett fl-Istati Membri.

2.

L-età ġiet inkluża, skont kif previst fl-Artikolu 13 KE, fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ( 3 ) u fil-fatt hija tat lok, fil-kuntest tal-każistika dwar l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, għall-ikbar numru ta’ deċiżjonijiet min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ġiet stabbilita bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju fis-sentenza Mangold ( 4 ) u mbagħad ġiet ikkodifikata fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għalhekk jikkostitwixxi l-parametru ta’ riferiment li fuq il-bażi tiegħu għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

3.

Din tal-aħħar, għalkemm tistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg direttament jew indirettament ibbażata fuq l-età, tipprevdi ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, li wħud minnhom huma komuni ma’ raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni previsti fl-Artikolu 1. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(1) ‐ li huwa s-suġġett tal-ewwel parti tad-domanda preliminari f’din il-kawża ‐ li fuq il-bażi tiegħu l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, b’osservanza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi, li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ wieħed mill-motivi kkontemplati mid-Direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta, min-natura tal-attività tax-xogħol jew mill-kuntest li fih issir, dik il-karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti għall-iżvolġiment ta’ dik l-attività. Min-naħa l-oħra, eċċezzjonijiet oħra huma speċifiċi għall-età bħala motiv ta’ diskriminazzjoni. L-Artikolu 3(4) jiddisponi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li d-Direttiva ma tapplikax għall-forzi armati għal dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà jew fuq l-età, filwaqt li l-Artikolu 6 ‐ li huwa s-suġġett tat-tieni parti tad-domanda preliminari f’din il-kawża ‐ jistabbilixxi sistema ta’ deroga li tippermetti, f’kundizzjonijiet speċifiċi, li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tirriżulta minn interventi tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali.

4.

Għalhekk, id-Direttiva tistabbilixxi sistema speċifika għad-differenzi fit-trattament ibbażati direttament jew indirettament fuq il-kriterju tal-età. Din is-sistema hija spjegabbli, parzjalment, bil-fatt li, bħala prinċipju, l-età ma hijiex meqjusa li hija motiv “suspettuż” bl-istess mod bħar-razza jew is-sess, li ma għandhiex storja twila ta’ diskriminazzjoni bħalhom ( 5 ), u parzjament bil-fatt li dan huwa fattur ta’ riskju li l-portata tiegħu u l-limiti tiegħu ma jistgħux jiġu ddefiniti b’mod faċli ( 6 ).

5.

L-element speċifiku tal-età bħala motiv diskriminatorju fis-sistema tad-Direttiva huwa wieħed mir-raġunijiet fil-bażi ta’ diversi talbiet għal interpretazzjoni li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa tal-qrati nazzjonali u li, fil-parti l-kbira, xtaqu li tiġi ċċarata l-portata tal-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq dan il-motiv. It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado Contencioso‑Administrativo de Oviedo (Spanja), li wasslet għal din il-kawża, tressqet f’dan il-kuntest.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda prelimiari

6.

It-tilwima li minnha oriġinat it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bejn V. Pérez u l-komun ta’ Oviedo dwar rikors li tal-ewwel ippreżenta kontra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2013 tal-ġunta komunali ta’ Oviedo, li biha ġew approvati r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet speċifiċi għal avviż ta’ kompetizzjoni ta’ għażla sabiex jimtlew 15-il pożizzjoni ta’ uffiċjal tal-puliżija lokali. Ir-rikors jirrigwarda speċifikament ir-rekwiżit 3.2 tal-avviż, fejn jintqal li l-kandidati ma jridux ikunu qabżu l-età ta’ 30 sena.

7.

V. Pérez isostni li dan ir-rekwiżit, li jeskludih b’mod inġustifikat mill-kompetizzjoni, jikser id-dritt fundmentali tiegħu li jaċċedi, b’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għal funzjonijiet u kariġi pubbliċi, kif jirriżulta kemm mill-kostituzzjoni Spanjola kif ukoll mid-Direttiva. Fl-oppożizzjoni għar-rikors, il-komun ta’ Oviedo jsostni li, minn naħa, l-avviż tal-kompetizzjoni jikkonforma ma’ dak li tgħid il-Liġi Nru 2/2007 tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 2/2007”) li l-artikolu 32 tagħha jistabbilixxi li l-kandidati fi kwalunkwe kategorija tal-korp tal-pulizija lokali ma jridux ikun qabżu t-30 sena ta’ età u, min-naħa l-oħra li, fis-sentenza Wolf ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet favur limitu ta’ etá simili f’ċirkustanzi analogi.

8.

Billi kellha dubji dwar il-leġittimità tal-limitu ta’ età kkontestat u billi qieset li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni, il-Juzgado Contencioso‑Administrativo de Oviedo għamel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva […] kif ukoll l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jipprekludu l-iffissar, skont avviż ta’ kompetizzjoni muniċipali li japplika espressament liġi reġjonali ta’ Stat Membru, ta’ età massima ta’ 30 sena sabiex persuna taċċedi għal pożizzjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija lokali?”

III – Analiżi

9.

Ma hemmx dubju li ċ-ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Din id-direttiva, skont l-Artikolu 3(1)(a) tapplika fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Unjoni “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi f’dak li jirrigwarda [...] il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali”. Issa, meta jistabbilixxi li l-kandidati għal pożizzjoni fi kwalunkwe kategorija tal-korpi tal-pulizija lokali ma għandhomx ikunu qabżu t-30 sena, l-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 2/2007 jistabbilixxi regoli fil-qasam tal-aċċess għal impjieg pubbliku skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva ( 8 ).

10.

Ma hemmx dubju wkoll li l-liġi inkwistjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, għall-finijiet tagħha, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar jispeċifika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni analoga ( 9 ). Issa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 2/2007 għandha bħala konsegwenza li persuni jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni analoga minħabba l-fatt biss li jkunu qabżu l-età ta’ 30 sena. Għalhekk din id-dispożizzjoni tintroduċi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva ( 10 )

11.

Għaldaqstant, l-unika kwistjoni li tqum fil-kawża prinċipali, li dwarha l-qorti tar-rinviju qed titlob interpretazzjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, hija jekk l-imsemmija differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva jew tistax tidħol f’waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 4(1) u 6(1) tagħha.

A – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78

12.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, l-Istati Membri “jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat” ( 11 ).

13.

Il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Ġermanja u ta’ Franza jqisu li l-limitu ta’ età li dwaru hemm kontestazzjoni fil-kawża prinċipali huwa ġġustifikat bis-saħħa tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għaliex uħud mill-funzjonijiet mogħtija lill-uffiċjali tal-pulizija lokali jeħtieġu rekwiżiti fiżiċi partikolarment għolja, jekk mhux ogħla min-normal, li ssibhom biss f’uffiċjali żgħażagħ. L-iskop ta’ tali limitu huwa li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-puliżija lokali, u għalhekk li jiġi ggarantit li l-uffiċjali impjegati ġodda jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu xogħol iktar impenjattiv mill-aspett fiżiku għal perijodu ta’ żmien relattivament twil matul il-karriera tagħhom. Madankollu, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni għandhom dubji dwar il-legalità tal-limitu ta’ età kkontestat.

14.

Skont dak li spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wolf - li jirriferu għaliha kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll, b’argumenti kuntrarji, l-intervenjenti kollha - l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta karatteristika marbuta mal-motiv li fuqu hija bbażata d-differenza fit-trattament, u mhux il-motiv fih innifsu, tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti għall-finijiet tal-iżvolġiment tal-attività tax-xogħol, sakemm l-għan li jrid jintlaħaq ikun leġittimu u r-rekwiżit proporzjonat ( 12 ).

15.

F’dik is-sentenza, fejn kien hemm ikkontestat il-limitu massimu ta’ età ta’ 30 sena impost minn Land Ġermaniż għall-aċċess għas-servizz tekniku ta’ livell medju ta’ uffiċjali tat-tifi tan-nar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-ewwel lok, li l-għan li jikkonsisti fil-garanzija tan-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb ta’ servizzi bħal dawk enumerati fil-premessa 18 tad-Direttiva ( 13 ), li fosthom hemm anki s-servizzi tal-pulizija, għandu jitqies li huwa “għan leġittimu” skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva ( 14 ).

16.

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ? dejjem jekk wieħed jassumi li, kif isostni b’mod partikolari l-Gvern Spanjol, għandha għan bħal dak, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li trid tiżgura b’mod definittiv ( 15 ) ? tista’ b’hekk tkun iġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjoni tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq, ladarba l-kundizzjonijiet l-oħrajn li tistabbilixxi jiġu ssodisfatti.

17.

Fit-tieni lok, fis-sentenza Wolf, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq il-bażi ta’ spjegazzjonijiet li pprovda l-Gvern Ġermaniż, li l-fatt li wieħed ikollu “kapaċitajiet fiżiċi partikolarment għolja” huwa rekwiżit essenzjali u determinanti skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward hija osservat li, kuntrarjament għall-funzjonijiet ta’ direzzjoni u ta’ kontroll li huma tas-servizz tekniku tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar, l-attivitajiet tas-servizz tekniku ta’ livell medju kienu kkaratterizzati minn impenn ta’ natura fiżika, billi l-membri ta’ dak is-servizz kienu, b’mod partikolari, inkarigati mit-tifi tan-nar, mis-salvataġġ ta’ persuni u ta’ annimali, mil-ħarsien tal-ambjent u mill-protezzjoni kontra annimali perikolużi minbarra attivitajiet ta’ appoġġ ( 16 ).

18.

Mhux konvint li tista’ tinsilet l-istess konklużjoni f’din il-kawża għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali tal-puliżija lokali fl-Asturias. Skont dak li jirriżulta mid-digriet ta’ rinviju, l-attività li jwettqu dawn l-uffiċjali tkopri diversi setturi ta’ intervent u tinkludi kemm operazzjonijiet “fuq il-post”, bħal, pereżempju, l-arrest ta’ minn jikkommetti atti kriminali, li jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ saħħa fiżika, kif ukoll xogħol inqas impenjattiv mil-lat psikofiżiku, bħal, pereżempju, il-kontroll tat-traffiku ( 17 ). Il-funzjoni tal-korpi tal-pulizija lokali fi Spanja hija għalhekk mifruxa fuq spettru ta’ attivitajiet ferm usa’ u varjat milli dak tas-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq Wolf, membri li, skont kif jirriżulta minn dik is-sentenza, huma meħtieġa li jagħmlu prevalentement, jekk mhux esklużivament, ħidmiet fil-post li jinvolvu impenn fiżiku kbir.

19.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi għoljin sabiex jitwettqu l-funzjonijiet mogħtija lis-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar huwa marbut mal-età. Għal dan l-iskop, u fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirriżulta minn studji magħmula fil-kuntest tal-mediċina okkupazzjonali u tal-isport tal-Gvern Ġermaniż, minn fejn irriżulta li l-kapaċitajiet respiratorji, il-muskolatura u r-reżistenza jonqsu bl-età, hija kkonkludiet li wħud mill-kompiti mogħtija lill-membri ta’ dak is-servizz, bħat-tifi tan-nar u s-salvataġġ tal-persuni, jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi għolja ħafna u jistgħu jsiru biss minn uffiċjali li għadhom żgħar jew, fi kwalunkwe każ, ta’ età iżgħar fl-ewwel każ, minn 45 sena, u fit-tieni, ta’ 50 sena.

20.

Issa, fil-fehma tiegħi ma hemmx elementi li jippermettu li jinsiltu l-istess konklużjonijiet f’dan il-każ. Minn naħa, l-affermazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, jiġifieri li l-forma fiżika li għandhom ikollhom l-uffiċjali tal-korpi tal-pulizija lokali hija paragunabbli ma’ dik meħtieġa mill-pumpieri fix-xogħol tat-tifi tan-nar u tas-salvataġġ tal-persuni ( 18 ), kif aċċertata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija kawża Wolf, hija bbażata fuq allegazzjonijiet sempliċi li ma humiex sostnuti minn elementi jew informazzjoni li jippermettu analiżi tas-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn il-korpi. Min-naħa l-oħra, kif osservajt diġà iktar ’il fuq, skont l-informazzjoni li hemm fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, il-parti l-kbira tal-kompiti mogħtija lill-uffiċjali tal-puliżija lokali Spanjoli ma jidhirx li jeħtieġu karatteristiċi fiżiċi eċċezzjonali, filwaqt li mis-sentenza Wolf jirriżulta b’mod ċar li l-kumpless tal-attivitajiet magħmula mill-membri tas-servizz tekniku intermedju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar, jew tal-inqas dawk li l-iktar jikkaratterizzaw il-funzjoni ta’ dak is-servizz, kienu jeħtieġu dawn il-karatteristiċi.

21.

Iktar inġenerali, minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li, f’dan il-każ partikolari, ma hemmx il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi favur il-limitu ta’ età inkwistjoni fis-sentenza Wolf. Fil-fatt ma nemminx li huwa possibbli li wieħed jikkonkludi, kuntrarjament għal dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, li l-pussess ta’ “ħtiġiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja” huwa rekwiżit essenzjali u determinati għall-iżvolġiment tal-funzjoni ta’ uffiċjal tal-puliżija lokali, kif deskritt fid-digriet tar-rinviju, anki meta tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, li enfasizzaw b’mod partikolari l-Gvern Spanjol u dak Franċiż, li l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni tista’ tfisser l-użu tal-armi. Barra minn hekk, għalkemm jista’ ġustament jitqies li parti mill-kompiti mogħtija lill-uffiċjali tal-pulizija lokali teħtieġ kapaċitajiet fiżiċi partikolari, madankollu, fil-fehma tiegħi ma huwiex possibbli, abbażi tal-elementi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li wieħed jikkonkludi li dawn il-kapaċiajiet huma invarjabbilment marbuta ma’ grupp ta’ età partikolari u li dawn jinsabu f’persuni li jkunu qabżu limitu speċifiku ta’ età, kif konkluż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wolf.

22.

Isegwi, mil-lat tan-natura neċessarja u għalhekk proporzjonata tal-limitu ta’ età kkuntestat, li lanqas ma huwa possibbli li jiġi konkluż, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata Wolf, li l-għan li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali jeħtieġ li tinżamm fi ħdanu konfigurazzjoni ddeterminata tal-etajiet li twassal, min-naħa tagħha, li jiġu rreklutati esklużivament uffiċjali taħt it-30 sena ( 19 ).

23.

Dejjem mill-aspett ta’ proporzjonalità, nosserva li mid-digriet tar-rinviju ma jirriżultax li l-uffiċjali li jkunu qabżu età partikolari awtomatikament jingħataw attivitajiet inqas impenjattivi mil-lat fiżiku jew li ma jkunx hemm il-ħtieġa tal-użu tal-armi, filwaqt li dak id-digriet isemmi l-possibbiltà, għall-uffiċjali tal-pulizija nazzjonali jew ta’ xi komunitajiet lokali li qegħdin f’servizz attiv, li jgħaddu, fuq talba tagħhom stess, għal attività oħra ladarba jagħlqu t-58 sena (l-hekk imsejħa skema tas-“segunda actividad”), jiġifieri 7 snin biss mill-irtirar, stabbilit fl-età ta’ 65 sena.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jingħad li l-pussess tal-kapaċitajiet fiżiċi meħtieġa għall-iżvolġiment tal-attività ta’ uffiċjal tal-pulizija lokali jista’ jiġi evalwat b’mod adegwat fuq il-bażi tat-testijiet fiżiċi, li huma partikolarment iebsa, u tal-esklużjonijiet mediċi previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat u li, għalhekk, il-limitu ta’ età inkwistjoni ma huwiex meħtieġ.

25.

Infakkar li, billi jawtorizza deroga minn prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat b’mod strett u li, kif inhu espressament indikat fil-premessa 23 tad-direttiva stess, il-possibbiltà ta’ deroga hija ristretta għal każijiet “limitati ħafna” ( 20 ). Fil-fehma tiegħi l-kawża tal-lum ma hijiex każ minnhom.

26.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, li tistabbilixxi limitu massimu ta’ età ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għażla għar-reklutaġġ fil-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali.

B – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

27.

Infakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 l-“Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti bbażat fuq l-età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji” ( 21 ).

28.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema ta’ deroga fir-rigward tal-“ispeċifiċità” rrikonoxxuta lill-età fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni li d-Direttiva tikkontempla ( 22 ). B’mod partikolari, hija tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jipprevedu differenżi fit-trattament ibbażat fuq l-età li kieku, fin-nuqqas ta’ dan, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ diskriminazzjoni diretta, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva ( 23 ). Din il-possibbiltà, “inkwantu tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ( 24 ), hija madankollu strettament inkwadrata mill-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 6(1)” ( 25 ).

29.

Għalhekk, hemm bżonn li wieħed jistaqsi jekk, fid-dritt Spanjol, il-limitu ta’ età inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux għan leġittimu skont id-dispożizzjoni ċċitata, li tista’ tiġġustifika oġġettivament u raġonevolment id-differenza fit-trattament li tirriżulta u jekk dan il-limitu jikkostitwixxix mezz xieraq u neċessarju biex dan il-għan jintlaħaq.

a) Identifikazzjoni tal-għanijiet imfittxija

30.

L-ewwel nett nixtieq nosserva li la mid-digriet tar-rinviju u lanqas mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni li fuqha huwa bbażat l-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat fil-kawża nazzjonali tirreferi espressament għall-għan kif speċifikat fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva biex jiġi ġġustifikat l-istabbiliment tal-limitu ta’ età kkontestat. Din iċ-ċirkustanza iżda ma hijiex fiha nnifisha biżżejjed sabiex teskludi li dan il-limitu jista’ xorta waħda jiġi ġġustifikat abbażi ta’ tali dispożizzjoni ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għanijiet li din tal-aħħar trid tilħaq jistgħu jirriżultaw minn “elementi oħra misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata” ( 27 ).

31.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti, minħabba li issa din hija ġurisprudenza stabbilita, li l-analiżi tal-“elementi kontestwali” tista’ tagħmel tajjeb għal nuqqas ta’ riferiment espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, madankollu l-limiti tal-użu ta’ tali analiżi għadhom ma humiex ċari. Jekk, f’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet rikostruzzjoni attenta tal-għanijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni billi bbażat ruħha fuq indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jew li hemm fil-proċess ( 28 ), f’oħrajn hija rriferiet biss għall-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, anki fejn l-invokazzjoni ta’ għanijiet koperti mid-deroga fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva kienet tirriżulta ftit li xejn iddettaljata ( 29 ). Hija rrikonoxxiet ukoll li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jinvokaw u juru għanijiet differenti minn dawk identifikati mill-qorti tar-rinviju jew anki dawk espressament imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 30 ). Fl-aħħar nett, ma eskludietx il-possibbiltà li tikkunsidra, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, anki l-għanijiet li ma jissemmewx mill-Istat Membru kkonċernat imma mill-Istati Membri intervenjenti ( 31 ).

32.

F’dan ir-rigward jidhirli li għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jistabbilixxi forma limitata ta’ deroga għall-prinċipju fundamentali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet partikolari ta’ politika soċjali proprji ta’ Stat Membru partikolari.

33.

L-applikazzjoni ta’ din id-deroga tippreżupponi l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali speċifika li jkollha għanijiet iddefiniti sew. Dawn l-għanijiet, meta ma jkunux imsemmijin espressament, għandhom għall-inqas jirriżultaw b’mod ċar mill-kuntest tal-miżura stess. Jekk, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing, id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jistabbilixxu lista preċiża tad-differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati minn għan leġittimu skont l-Artikolu 6(1) ( 32 ) imsemmi iktar ’il fuq, rekwiżiti kemm ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju jeżiġu li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ddaħħal deroga għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jiġu identifikati b’mod ċar mill-Istat Membru u li n-natura leġittima tagħhom skont id-dispożizzjoni inkwistjoni tintwera b’mod suffiċjenti.

34.

Min-naħa l-oħra, l-istess Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li “[s]empliċi affermazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw r-raġonevolezza ta’ miżura partikolari li tipparteċipa fil-politika tax-xogħol, tas-suq tax-xogħol jew tat-tagħlim professjonali mhumiex biżżejjed sabiex jintwera li l-għan ta’ din il-miżura hija tali li tiġġustifika li ssir deroga” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva u li dik id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri “l-oneru li jistabbilixxu l-leġittimità tal-għan imfittex fl-osservanza tal-limitu probatorju għoli” ( 33 ).

35.

Dak li ntqal hawn fuq jeskludi li jista’ jkun hemm għanijiet differenti minn dawk imsemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni jew indikati mill-qorti tar-rinviju li hija l-unika waħda kompetenti sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u/jew li jistgħu jinsiltu, anki fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jagħti l-Istat Membru inkwistjoni, mill-kuntest tad-dispożizzjoni.

36.

Kif antiċipajt iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-liġi li tintroduċi l-limitu ta’ età kkontestat ma tippreċiżax ir-raġunijiet għal dik l-għażla. Id-digriet tar-rinviju fih biss riferiment impliċitu għall-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ okkupazzjoni qabel l-irtirar jew il-mogħdija għall-hekk imsejħa “segunda actividad” u l-proċess nazzjonali ma fihx elementi addizzjonali. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol, b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ċċitata Wolf ( 34 ), jirriferi għall-finijiet tal-politika tal-impjieg marbuta mal-ġestjoni tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali bħal, b’mod partikolari, it-twettiq ta’ konfigurazzjoni bbilanċjata tal-etajiet fi ħdan dan il-korp, li tippermetti li jiġi żgurat il-qadi ta’ diversi kompiti assenjati lilu. Dan il-gvern isostni wkoll li r-reklutaġġ ta’ uffiċjali f’pożizzjoni li jeżegwixxu dawn il-kompiti kollha għal żmien biżżejjed twil qabel l-irtirar jew il-mogħdija għas-“segunda actividad” tirrifletti wkoll l-għan li titnaqqas l-ispiża pubblika, għaliex jippermetti li r-reklutaġġ ġdid isir b’inqas frekwenza. Dan il-għan, skont il-politika, ipprattikata f’livell nazzjonali, ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni pubblika, huwa inkluż fil-kumpless ta’ miżuri adottati sabiex tissaħħaħ mill-ġdid l-ekonomija Spanjola.

37.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u peress li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifika l-għan verament imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 35 ), l-għanijiet li jistgħu jiġu attribwiti lill-miżura kkontestata fil-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja huma: i) il-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ okkupazzjoni qabel l-irtirar, ii) it-twettiq ta’ konfigurazzjoni tal-etajiet ibbilanċjata fi ħdan il-korp tal-uffiċjali tal-puliżija lokali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tiegħu, u iii) politika ta’ reklutaġġ immirata lejn tnaqqis tal-ispejjeż.

38.

Iżda fil-fehma tiegħi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex ma jirriżultax li jirreferu għad-dispożizzjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, l-għanijiet imsemmijin mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u ta’ Franza jew li jirriżultaw mill-osservazzjonijiet tagħhom u li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti marbutin mat-taħriġ professjonali, mal-promozzjoni tal-okkupazzjoni taż-żgħażagħ u mas-sigurtà pubblika. Madankollu, fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem ser nikkunsidra wkoll dawn l-għanijiet fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni li esprimejt dwar l-irrilevanza tagħhom f’dan il-każ.

b) Il-legittimità tal-finalitajiet u tal-għanijiet imfittxija

39.

Ma hemmx dubju li kundizzjonijiet eventwali ta’ taħriġ meħtieġa għax-xogħol inkwistjoni jew il-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ impjieg qabel l-irtirar jikkostitwixxu għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ (u għalhekk għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għażla għar-reklutaġġ). Dawn l-għanijiet huma msemmijin espressament fit-tieni inċiż tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva.

40.

Izda, fil-fehma tiegħi, ma huwiex daqstant stabbilit li l-għan li tiġi stabbilita struttura bbilanċjata tal-etajiet, li tippermetti li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali, jikkostitwixxi għan leġittimu skont dik id-dispożizzjoni

41.

F’dan ir-rigward infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma “leġittimi” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), u konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, huma “għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali” ( 36 ).

42.

Issa, għalkemm ma jistax jiġi miċħud li l-funzjonament tajjeb ta’ korp tal-pulizija, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll lokali, huwa għan ta’ interess ġenerali, dan il-għan ma huwiex fost dawk li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettu li l-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

43.

Mis-sentenza mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Prigge et jirriżulta b’mod ċar li mhux l-għanijiet kollha ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Istati Membri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tenniet li “l-għanijiet leġittimi elenkati f’din id-dispożizzjoni huma marbuta mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali”, eskludiet li dawn l-għanijiet jinkludu l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru ( 37 ). Huwa veru li fis-sentenza Fuchs u Köhler, li ngħatat ftit qabel is-sentenza Prigge et, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tammetti li anki l-għan li jiġi żgurat servizz pubbliku ta’ kwalità, fil-każ partikolari dak tal-ġustizzja, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Madankollu, mill-punti 50 u 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li dak l-għan tqies li kien rilevanti biss sa fejn kien jikkoinċidi, fil-kuntest ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-politika tal-okkupazzjoni u tas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, ma’ għanijiet oħra, bħal, b’mod partikolari, dak li tiġi ffavorita l-okkupazzjoni u l-promozzjoni taż-żgħażagħ ( 38 ).

44.

Min-naħa l-oħra, kif rajna iktar ’il fuq, fis-sentenza Wolf, l-għan li tiġi ppreżervata l-operattività u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar li invoka l-Gvern Ġermaniż, li huwa analogu għal dak imsemmi f’din il-kawża mill-Gvern Spanjol, ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest biss tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, u dan minkejja li d-domandi preliminari fformulati mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-Artikolu 6(1). Wara li rriferiet għall-premessa 18 tad-Direttiva, li tgħid li “ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi”, fil-punt 39 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-interess li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tal-pompieri professjonali jikkostitwixxi obbjettiv leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva”. Fl-istess sens, fis-sentenza Petersen ( 39 ), għanijiet marbutin mal-ħarsien tas-saħħa kienu ġew eżaminati fid-dawl biss tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, minkejja li, anki f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kienet stabbilixxiet l-analiżi tagħha fuq l-Artikolu 6(1).

45.

Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, ma jistgħux jitqiesu li huma inklużi fost l-għanijiet leġittimi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva l-għanijiet ta’ sigurtà pubblika, li rriferew għalihom b’mod ġeneriku wħud mill-gvernijiet intervenjenti, minn tal-inqas fejn ma jkunux akkumpanjati minn għanijiet ta’ politika soċjali bħal dawk li tispeċifika din id-dispożizzjoni.

46.

Fil-fehma tiegħi, kunsiderazzjonijiet analogi jistgħu jsiru anki f’dak li jirrigwarda l-għan li huwa intiż li jiffaċilita politika ta’ reklutaġġ li tippermetti tnaqqis tal-ispejjeż u, għaldaqstant, tnaqqis tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni pubblika, li ġie invokat ukoll mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet tiegħu.

47.

F’dan ir-rigward infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għanijiet leġittimi li jippermettu l-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “jiddistingwu ruħhom minn motivi purament individwali li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ persuna li timpjega, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività” ( 40 ).

48.

Issa, huwa ċar li fejn il-persuna li timpjega tkun amministrazzjoni pubblika, l-għan tat-tnaqqis tal-ispejjeż jikkorrispondi, bħala regola, ma’ għan ta’ interess ġenerali, bl-istess mod bħal dawk ikkontemplati mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Madankollu, din l-unika kunsiderazzjoni ma hijiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, biex jiġi deċiż li għan bħal dan jidħol fost l-għanijiet leġittimi ammessi minn din id-dispożizzjoni. Skont din il-loġika, kull differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tippermetti tnaqqis tal-ispiża pubblika tkun, għal dan il-motiv biss, ġustifikabbli abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ( 41 ). Dan jirriżulta fi twessieh inammissibbli ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li, bħala tali ġiet ristretta mil-leġiżlatur Komunitarju f’limiti ddefiniti sew u li għandha tiġi interpretata mill-qorti tal-Unjoni f’sens restrittiv.

49.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha b’mod ċar f’dan is-sens fis-sentenza Fuchs u Köhler. Hija affermat li, għalkemm “id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet baġitarji fl-istess ħin ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, soċjali jew demografika”, dan jista’ jseħħ biss b’osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazjoni bbażata fuq l-età ( 42 ) u li, “għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li Stat Membru jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ( 43 ).

50.

Għal dak li jirrigwarda, iktar speċifikament, l-għan li jikkonsisti fit-twaqqif ta’ konfigurazzjoni bbilanċjata tal-etajiet fil-kuntest ta’ settur partikolari ta’ attività, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura leġittima għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, biss sa fejn din tkun intiża li tiffavorixxi għanijiet okkupazzjonali bħal, b’mod partikolari, il-promozzjoni tar-reklutaġġ, partikolarment taż-żgħażagħ ( 44 ) fl-interess tat-tqassim tax-xogħol fost il-ġenerazzjonijiet ( 45 ). Barra minn hekk, is-sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur in-natura leġittima ta’ dak l-għan kienu jikkonċernaw miżuri nazzjonali li kienu jipprevedu l-irtirar obbligatorju tal-impjegati li kienu laħqu l-età tal-irtirar ( 46 ) u l-irtirar awtomatiku tagħhom ( 47 ).

51.

Il-kawża preżenti hija differenti ħafna minn dawk l-ipoteżijiet, kemm għaliex jirrigwarda limitu massimu tal-età għall-aċċess għall-professjoni inkwistjoni u għaldaqstant jinvolvi grupp usa’ ta’ persuni u mhux biss lil dawk li jinsabu fl-aħħar tal-ħajja tax-xogħol tagħhom, kif ukoll għaliex it-tqassim, fost faxex ta’ etajiet, invokat bħala għan leġittimu mill-Gvern Spanjol ma jirriflettix l-għan li jiġi promoss reklutaġġ ġdid ‐ u b’hekk l-okkupazzjoni ‐ imma, għall-kuntrarju, li jiġi limitat, bl-iskop speċifiku li jitnaqqsu l-ispejjeż marbutin miegħu.

52.

Mill-kumpless tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fost dawk ikkunsidrati iktar ’il fuq, huma biss l-għanijiet relatati, minn naħa, mal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u, min-naħa l-oħra, mal-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ impjieg qabel l-irtirar jew tal-mogħdija għas-“segunda actividad”, li jistgħu jiġu kkunsidrati “għanijiet leġittimi” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

c) Neċessità u adegwatezza tal-istrumenti

53.

Il-limitu ta’ età kkontestat jista’ jitqies oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat mill-għanijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, bil-kundizzjoni li l-iffissar tiegħu ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex dawn jintlaħqu u jissodisfa dawk l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku ( 48 ).

54.

L-eżami dwar il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni jikkostitwixxi l-qofol li fuqu huwa bbażat l-istħarriġ tal-legalità tal-użu tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 6(1). Għalhekk, dan għandu jkun preċiż u ma jistgħux jitqiesu suffiċjenti għal dan il-għan sempliċi affermazzjonijiet ġeneriċi, magħmula mill-Istat Membru kkonċernat dwar l-attitudni tal-miżura inkwistjoni biex jitwettqu l-għanijiet ta’ politika soċjali li huwa jrid jilħaq ( 49 ). Kif intqal mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità teżiġi li kwalunkwe deroga minn dritt individwali timponi li, sa fejn possibbli, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa tal-għan infittex ( 50 ).

55.

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ fid-definizzjoni tal-miżuri intiżi għat-twettiq ta’ finalitajiet ta’ politika soċjali u ta’ okkupazzjoni li jkollhom l-intenzjoni li jsegwu ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollu l-effett li jirrendi ineffettiv il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 52 ).

56.

Inġenerali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-għan leġittimu ta’ politika soċjali identifikat jista’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħra, jekk il-miżura inkwistjoni, bħala mezz intiż sabiex jintlaħaq dan l-għan, hijiex, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, “approprjat[a] u neċessarj[a]” ( 53 ). Madankollu, nirrileva li, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżenta ruħha, sabiex tiggwida l-qorti tar-rinviju, milli tagħmel, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha, l-eżami tagħha fuq il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, li kultant ikun partikolarment iddettaljat.

57.

F’din il-kawża, nemmen li l-limitu ta’ età kkontestat imur ferm lil hinn minn dak li jista’ jitqies li huwa meħtieġ fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ taħriġ għall-kariga ta’ uffiċjal tal-puliżija lokali kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-persuna impjegata ġdida tagħti servizz għal perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel l-irtirar jew il-mogħdija għas-“sugunda actividad”.

58.

Fir-rigward tat-taħriġ professjonali ‐ ġustifikazzjoni li, infakkar, issemmiet mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu iżda li ma tirriżultax li hija fost l-għanijiet li jrid jilħaq il-leġiżlatur tal-Asturias ‐ mill-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni, li jinsab fil-proċess, jirriżulta li, qabel ma jidħlu fis-servizz, il-kandidati li jkunu għaddew minn dik il-kompetizzjoni għandhom jgħaddu minn perijodu ta’ “taħriġ selettiv” li t-tul tiegħu jiġi stabbilit mill-akkademja reġjonali tal-pulizija lokali jew mill-komun ta’ Oviedo ( 54 ). Issa, tali perijodu ta’ taħriġ, anki meta jdum iktar minn sena jew sentejn ( 55 ), fil-fehma tiegħi ma jiġġustifikax l-esklużjoni tal-aċċess għall-impjieg inkwistjoni ta’ kategorija importanti ta’ ħaddiema, li tinkludi fiha faxex ta’ etajiet li jkunu, jekk mhux fil-bidu tal-ħajja professjonali ta’ individwu, fi stadju ċertament mhux avanzat. Għal ħaddiema li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, qegħdin fil-faxex ta’ etajiet iktar viċin il-limitu kkontestat, it-telf ta’ opportunitajiet minħabba l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni jista’ jkun saħansitra iktar ta’ preġudizzju sa fejn tali ħaddiema jkunu għadhom ’il bogħod mill-età fejn jibdielhom id-dritt għal pensjoni u jkunu esposti ferm iktar għal-piżijiet tal-familja ( 56 ).

59.

Kunsiderazzjonijiet simili jgħoddu wkoll f’dak li jirrigwarda l-għan intiż li jiġi żgurat li uffiċjali impjegati ġodda jagħmlu perijodu raġonevoli ta’ servizz qabel ma jirtiraw jew jgħaddu għas-“segunda actividad”, li tagħmel riferiment espliċitu għalih il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, peress li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din il-qorti, l-età tal-irtirar tal-uffiċjali tal-pulizija lokali hija ffissata għal 65 sena u dik għall-mogħdija għas-“segunda actividad” hija ta’ 58 sena, anki persuna li tibda l-professjoni inkwistjoni wara t-30 sena, b’mod partikolari jekk taqa’, bħal fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-faxex tal-etajiet iktar viċin għal-limitu kkontestat, ikollha quddiemha karriera professjonali regolari u tkun tista’ tiżgura perijodu raġonevoli ta’ servizz, inklużi fir-rwoli iktar operattivi, qabel ma tibdielha d-dritt li jkollha aċċess għall-iskema tas-“segunda actividad” għal raġunijiet ta’ età jew qabel ma tilħaq l-età għall-irtirar. F’dan ir-rigward infakkar ukoll li, għall-finijiet tal-ammissjoni fil-kompetizzjoni speċifika, inkwistjoni fil-kuntest tal-mobbiltà interna, l-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni jeżiġi li l-kandidat ikun fadallu mhux inqas minn 15-il sena biex jilħaq l-età tal-irtirar, u dan jgħolli l-limitu massimu ta’ età minn 30 sa 50 sena, u b’hekk jintroduċi element ta’ inkoerenza fir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ marbuta direttament jew indirettament mal-età ( 57 ).

60.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitu ta’ età kkontestat ma jidhirx li huwa proporzjonat mal-għanijiet ikkunsidrati u għaldaqstant ma jistax jitqies li huwa oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat minn dawn l-għanijiet.

61.

Għall-kompletezza nżid ngħid li la l-eżiġenzi marbuta mas-sigurtà pubblika, u lanqas l-għan li tiġi żgurata n-natura operattiva tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali, invokati mill-gvernijiet intervenjenti, jekk jiġi preżunt li jidħlu fost dawk li jrid jilħaq il-leġiżlatur tal-Asturias u li jistgħu jitqiesu li huma għanijiet leġittimi skont l-Artikolu 6(1), ma jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġġustifikaw il-limitu ta’ età kkontestat bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

62.

F’dan ir-rigward nosserva biss li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-iffissar ta’ tali limitu ta’ età ma tidhirx strettament meħtieġa sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif juri, fost l-oħrajn, il-fatt li l-ebda limitu ta’ dan it-tip ma huwa previst għall-aċċess għall-kariga ta’ uffiċjal tal-puliżija nazzjonali Spanjola ( 58 ) u ta’ uffiċjal tal-pulizija lokali f’komunitajiet awtonomi differenti minn dik tal-Asturias, li età massima ogħla hija prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ komunitajiet awtonomi oħra, jew ukoll li limitu ta’ età simili għall-ammissjoni għal kompetizzjoni għal spettur kadett tal-korp tal-pulizija nazzjonali ġie ddikjarat illegali mit-tribunal suprem Spanjol ( 59 ), u, fl-aħħar nett, li dibattitu dwar il-legalità tal-limitu kkontestat fil-kawża prinċipali bħalissa jinsab għaddej fil-korpi leġiżlattivi tal-Asturias.

63.

Id-differenza fis-soluzzjonijiet adottati fuq livell nazzjonali u reġjonali mhux biss tqiegħed fid-dubju l-ħtieġa tal-miżura inkwistjoni, imma tikkostitwixxi fattur ta’ inkoerenza leġiżlattiva ġewwa l-Istat Membru kkonċernat. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan mixtieq biss jekk effettivament tirrifletti l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 60 ).

64.

Ċertament, fis-sentenza Fuchs u Köhler, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, fil-kuntest tat-tqassim ta’ kompetenzi bejn awtoritajiet ċentrali u reġjunali ta’ Stat Membru, f’dak il-każ ir-Repubblika Federali Ġermaniza, l-eżistenza ta’ “sempliċi mogħdija ta’ żmien bejn il-bidliet introdotti fil-liġi [...] ta’ Land u dawk introdotti [...] f’Land oħra, [...], ma tistax, fiha nfisha, tagħti lil-leġiżlazzjoni inkwistjoni natura inkoerenti”, peress li r-ritmu ta’ dawn il-bidliet jista’ jvarja sew minn korp territorjali għal ieħor skont l-ispeċifiċitajiet reġjonali ( 61 ). Madankollu, f’dan il-każ, ma jirriżultax li l-limitu ta’ età inkwistjoni nżamm minħabba r-realtà soċjoekonomika tal-Asturias. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju donnha teskludi li l-ispeċifiċitajiet ta’ dan ir-reġjun jistgħu jiġġustifikaw soluzzjoni differenti minn dik li sabet Spanja kemm fuq livell ċentrali kif ukoll fuq dak lokali.

d) Eżitu tal-analiżi skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

65.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età inerenti fil-limitu massimu ta’ età mdaħħal fil-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat ma jistax jiġi ġġustifikat bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

IV – Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo kif ġej:

“L-Artikoli 4(1) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, li tistabbilixxi limitu massimu ta’ età ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għażla għar-reklutaġġ fil-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva 2000/78/KE tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 3 ) Il-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età toriġina mill-Employment Age Discrimination Act tal-Istati Uniti tal-1965, u oriġinarjament kienet intiża biex tipproteġi l-ħaddiema l-iktar anzjani (’il fuq minn 40 sena). L-età ma kinitx inkluża fost il-motivi elenkati fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), madankollu l-Qorti ta’ Strasbourg ippreċiżat li hija inkluża fl-espressjoni “jew status ieħor” li tidher f’dik id-dispożizzjoni [sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Schwizgebel vs L-Isvizzera (Nru 25762/07)].

( 4 ) Sentenza Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 75).

( 5 ) Fis-sentenza magħrufa Massachusetts Board of Retirement vs Murgia, tal-1967 (427 U.S. 307), il-Qorti Suprema Amerikana eskludiet li differenza bbażata fuq l-età tikkostitwixxi “klassifikazzjoni suspettuża”, u ddefinixxiet dak il-kunċett bil-mod li ġej: “a suspect class is one saddled with such disabilities, or subjected to such a history of purposeful unequal treatment, or relegated to such a position of political powerlessness as to command extraordinary protection from the majoritarian political process”.

( 6 ) Meta pparaguna n-natura tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ma’ dik ibbażata fuq l-età, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, EU:C:2005:656), l-Avukat Ġenerali Jacobs osserva: “sex is essentially a binary criterion, whereas age is a point on a scale. Sex discrimination based on actuarial tables is thus an extremely crude form of discrimination, involving very sweeping generalisations, whereas age discrimination may be graduated and may rely on more subtle generalisations” (punt 84).

( 7 ) C‑229/08, EU:C:2010:3.

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wolf (EU:C:2010:3, punt 27).

( 9 ) Ara s-sentenzi Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 50), The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 33) u Wolf (EU:C:2010:3, punt 28).

( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Wolf (EU:C:2010:3, punt 29).

( 11 ) Enfasi miżjuda minni.

( 12 ) EU:C:2010:3, punti 35 u 36.

( 13 ) Il-premessa 18 tad-Direttiva tippreċiża li hija “ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi”.

( 14 ) EU:C:2010:3, punt 38.

( 15 ) Fuq l-identifikazzjoni tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament skont id-Direttiva, ara, infra, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-deroga fl-Artikolu 6(1).

( 16 ) Sentenza Wolf (EU:C:2010:3, punt 40).

( 17 ) Skont dak li jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, l-Artikolu 18(6) tal-liġi 2/2007 jiddetermina l-funzjonijiet tal-uffiċjali fil-kliem li ġej: “għajnuna liċ-ċittadini, protezzjoni ta’ persuni u oġġetti, detenzjoni u żamma ta’ min iwettaq atti kriminali, ronda għall-iskop preventiv, kontroll tat-traffiku, u kull funzjoni simili oħra li tingħata mis-superjuri relattivi”. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol isemmi wkoll l-Artikolu 53(1) tal-Ley Orgánica 2/86 de 13 de marzo de Fuerzas y Cuerpos de Seguridad, li abbażi tagħha l-korpi tal-pulizija lokali jeżerċitaw il-funzjonijiet elenkati kif ġej: a) protezzjoni tal-awtoritajiet tal-kollettivitajiet lokali u li tiġi żgurata s-sorveljanza tal-postijiet u l-istallazzjonijiet tagħhom; b) jiġu żgurati l-ordni, is-senjaletika u r-regolazzjoni tat-traffiku fiċ-ċentru tal-belt, skont ir-regolamenti tat-traffiku; ċ) jitħejjew ir-rapporti tal-inċidenti tat-traffiku li jkunu ġraw fiċ-ċentru tal-belt; d) tiġi żgurata l-pulizija amministrattiva għal dak li jirrigwarda l-ordinanzi, l-avviżi u atti oħra adottati mill-komuni fil-qasam tal-kompetenzi tagħhom; e) parteċipazzjoni fil-funzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja; f) salvataġġ fil-każ ta’ inċidenti, katastrofi jew kalamitajiet pubbliċi, bil-parteċipazzjoni fl-eżekuzzjoni ta’ pjanijiet ta’ protezzjoni ċivili; g) twettiq ta’ inkjesti u adozzjoni ta’ kull miżura sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ ksur; h) sorveljanza tal-ispazji pubbliċi u kollaborazzjoni mal-forzi tal-ordni tal-Istat u mal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dimostrazzjonijiet u ż-żamma tal-ordni fil-folol kbar, meta jintalab l-intervent tagħhom; u i) kooperazzjoni sabiex jiġu solvuti kunflitti privati, meta jintalab l-intervent tagħhom.

( 18 ) Affermazzjonijiet analogi jnsabu fl-osservazzjonijiet tal-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u, għalkemm b’xi sfumaturi ikbar, f’dawk tal-Gvern Franċiż.

( 19 ) Infakkar li fis-sentenza Wolf, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-limitu ta’ età previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni kien xieraq biex jintlaħaq l-għan li kien jikkonsisti fil-garanzija tan-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz inkwistjoni u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kompiti relatati mat-tifi tan-nar u s-salvataġġ tal-persuni li s-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar għandhom, setgħu jsiru biss mill-uffiċjali iktar żgħażagħ, seta’ jiġi deċiż li kien meħtieġ li l-parti l-kbira tal-uffiċjali ta’ dak is-servizz tkun f’pożizzjoni li twettaq dawk il-kompiti u li, għalhekk, kellha tkun ta’ inqas minn 45 jew 50 sena. Reklutaġġ f’età avanzata kien jirriżulta f’li numru eċċessiv ta’ uffiċjali ma kinux ikunu jistgħu jingħataw kompiti iktar impenjattivi mil-lat fiżiku u, f’kull każ, mhux għal perijodu biżżejjed twil.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 62). Teknikament l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, bħall-Artikolu 6 suċċessiv, ma jistabbilixxix deroga jew eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni imma jippermetti l-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament li tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala diskriminazzjoni skont l-Artikolu 2 tal-istess direttiva. Madankollu, mill-aspett sostantiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma eċċezzjoni ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni.

( 21 ) Enfasi miżjuda minni.

( 22 ) Din l-ispeċifiċità hija riflessa fil-premessa 25 tad-Direttiva li tgħid li għalkemm il-projbizzjoni bbażata fuq l-età tikkostitwixxi element essenzjali biex jitwettqu l-għanijiet iddefiniti fil-linji gwida dwar l-okkupazzjoni, approvati mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999, u l-promozzjoni tad-diversità fl-okkupazzjoni, “id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri”, ara s-sentenza Age Concern England (EU:C:2009:128, punt 60).

( 23 ) Sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 62).

( 24 ) Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dik il-fakultà tiġi eżerċitata “[m]inkejja l-Artikolu 2(2)” (minn paragun mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-Direttiva tirriżulta l-kelma “bla ħsara”, impoġġija fil-bidu tal-paragrafu, għandha valur konċessiv, u pjuttost għandha tinftiehem bħala “minkejja”).

( 25 ) Sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 62).

( 26 ) Sentenza Palacios de la Villa (EU:C:2007:604, punt 56).

( 27 ) Sentenzi Palacios de la Villa (EU:C:2007:604, punt 56), The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 45), Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 40), Georgiev (C-250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 40), Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 58), sentenza Fuchs u Köhler (C-159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 39), kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 56).

( 28 ) Dan hu l-każ fis-sentenza Georgiev (EU:C:2010:699).

( 29 ) Ibidem.

( 30 ) Sentenza Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508, punti 39 sa 46).

( 31 ) Sentenza Georgiev (EU:C:2010:699, punti 43 u 44).

( 32 ) EU:C:2009:128. Nosserva, inċidentalment, li tali obbligu jeżisti, bħala prinċipju, fir-rigward tal-Artikolu 4(1), peress li l-premessa 23 tad-Direttiva tgħid li ċ-“ċirkostanzi limitati ħafna” fejn differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tista’ tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ dik id-dispożizzjoni “għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni”.

( 33 ) Sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punti 51 u 65).

( 34 ) EU:C:2010:3.

( 35 ) Sentenzi The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 47) u Georgiev (EU:C:2010:699, punti 47 u 48).

( 36 ) Sentenzi The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 46); Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 41) u Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 81).

( 37 ) EU:C:2011:573, punt 82, dan il-għan, madankollu, tqies li kien għan leġittimu skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (ara l-punti 68 u 69 tas-sentenza).

( 38 ) EU:C:2011:508. L-istess jista’ jingħad għas-sentenza Georgiev (EU:C:2010:699) dwar il-għan tat-titjib tal-kwalità tat-tagħlim u tar-riċerka fl-universitajiet, ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (EU:C:2012:687, punt 62).

( 39 ) EU:C:2010:4.

( 40 ) Ara s-sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 46).

( 41 ) Infakkar li fil-kawża Petersen (EU:C:2010:4), l-għan tal-kontroll tal-ispejjeż ta’ saħħa pubblika, analizzat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, ġie eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 2(5) tad-direttiva stess (ara l-punt 45).

( 42 ) Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508, punt 73). Enfasi miżjuda minni.

( 43 ) Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508, punt 74). Enfasi miżjuda minni.

( 44 ) Jekk ikun il-każ, flimkien mal-ilħuq tal-għanijiet ta’ ġestjoni mtejba tal-persunal u għall-prevenzjoni tal-kwistjonijiet dwar l-idonjetà tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu wara li jilħaq ċertu età, ara s-sentenzi Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508, punt 68) u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (EU:C:2012:687, punt 62).

( 45 ) Ara, inter alia, is-sentenza Palacios de la Villa (EU:C:2007:604, punt 53).

( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Palacios de la Villa (EU:C:2007:604).

( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508).

( 48 ) Ara, inter alia, is-sentenza Georgiev (EU:C:2010:699, punt 55).

( 49 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 51).

( 50 ) EU:C:2005:709, punt 65.

( 51 ) Ara, inter alia, is-sentenza Mangold (EU:C:2005:709, punt 63).

( 52 ) Sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 51).

( 53 ) Sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing (EU:C:2009:128, punt 50).

( 54 ) Punt 7 tal-avviż tal-kompetizzjoni.

( 55 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha Franza tirriferi għal tali perijodu minimu ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija Franċiżi.

( 56 ) Għalkemm is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem irtirat awtomatikament hija oġġettivament differenti minn dik tal-kandidat għal impjieg, infakkar madankollu li fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri nazzjonali li jistabbilixxu limitu ta’ età għat-tmiem ta’ relazzjoni tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa rilevanti, anzi deċiżiv, il-fatt li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw minn kumpensazzjoni ekonomika permezz tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija.

( 57 ) Tali inkoerenza tista’, fil-fehma tiegħi, tkun iġġustifika biss parzjalment għaliex il-persuni ammessi fil-kompetizzjoni fil-kuntest tal-mobbiltà interna huma diġà uffiċjali li għandhom rwoli organiċi tal-pulizija lokali.

( 58 ) Kif ikkonfermat mill-Gvern Spanjol b’risposta għal mistoqsija bil-miktub li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 59 ) B’sentenza tal-21 ta’ Marzu 2011, imsemmija fid-digriet tar-rinviju.

( 60 ) Ara s-sentenzi Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55) u Petersen (EU:C:2010:4, punt 53).

( 61 ) Sentenza Fuchs u Köhler (EU:C:2011:508, punt 95 u 96). Fuq l-importanza tal-koerenza ara, b’mod partikolari, is-sentenza Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55).