KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑382/13

C. E. Franzen

H. D. Giesen

F. van den Berg

vs

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13(2) u 17 — Xogħol okkażjonali fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ residenza — Leġiżlazzjoni applikabbli — Rifjut tal-għoti tal-allowances tal-familja u tnaqqis tal-pensjoni tax-xjuħija mill-Istat ta’ residenza — Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema”

I – Introduzzjoni

1.

Persuna li, matul ċerti perijodi tal-ħajja professjonali tagħha, eżerċitat, għalkemm dejjem residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, attività fil-Ġermanja għal numru limitat ta’ sigħat fil-ġimgħa jew fix-xahar abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol okkażjonali (“minijobs”) hija koperta mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 2 )? Meta din il-persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-imsemmi regolament jipprekludiha milli tiġi eskluża mis-sistema legali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija Olandiża? Dan ir-regolament jew ir-regoli tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-persuni jipprekludu li l-leġiżlazzjoni Olandiża teskludi din l-istess persuna mis-sistema nazzjonali tagħha ta’ sigurtà soċjali, jiġifieri s-sistema Olandiża, għas-sempliċi raġuni li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tas-sigurtà soċjali, anki jekk hija ma għadx għandha d-dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fil-Ġermanja?

2.

Din il-kawża għalhekk toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina l-kwistjoni, dejjem delikata, ta’ ħaddiema li, peress li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, jew tilfu l-kopertura li joffrilhom l-Istat ta’ residenza tagħhom, mingħajr ma jiksbu tal-Istat ta’ impjieg, li għalihom il-leġiżlazzjoni tapplika biss b’mod formali għas-sitwazzjonijiet ta’ impjieg prekarju, jew li jkollhom il-pensjoni tal-irtirar tagħhom imnaqqsa għal ammont inqas minn dak li jikkorrispondi għat-tul totali tal-attività tagħhom, għaliex il-perijodi ta’ attività fl-Istat ta’ Membru ta’ residenza tagħhom ma jingħaddux ma’ dawk tal-Istat ta’ impjieg ( 3 ).

II – Il-kuntest legali

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71/KEE jistabbilixxi:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

a)

persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

(i)

kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

(ii)

kwalunkwe persuna assigurata bilfors għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, taħt sigurtà soċjali li taqa’ taħt dan ir-Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali għar-residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha li taħdem, jekk tali persuna:

tista’ tkun identifikata bħala impjegata jew taħdem għal rasha minħabba l-metodu li bih tali skema hija amministrata jew iffinanzjata, jew,

jekk ma taqax taħt tali kriterja, hija assigurata għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness I taħt skema għall-impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom, jew taħt skema li għaliha hemm riferenza fi (iii), sew jekk bilfors u sew jekk fuq bażi b’għażla kontinwu, jew, fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;

[…]”

4.

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuni koperti”, jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

5.

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jifforma parti mit-Titolu II, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jistabbilixxi r-regoli ġenerali bil-kliem segwenti:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

f)

persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

6.

Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-Artikoli 13 sa 16”:

“Tnejn jew iktar Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati jew il-korpi ddisinjati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu bi ftehim komuni jipprovdu għall-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 16 fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni.”

7.

Il-Punt I(E) tal-Anness I tal-imsemmi regolament jindika, fir-rigward tal-Ġermanja, min għandu jitqies li huwa “persuna impjegata” jew bħala “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(ii) tal-istess regolament. Dan huwa redatt kif ġej:

“Jekk l-istituzzjoni kompetenti biex tagħti benefiċċji tal-familja skond il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament hija istituzzjoni Ġermaniża, allura fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament:

a)

‘persuna impjegata’ tfisser assigurata bil-fors kontra d-disimpjieg [l-qgħad] jew kwalunkwe persuna li, bħala riżultat ta’ tali assigurazzjoni, tottjeni benefiċċji fi flus taħt assigurazzjoni għal mard jew benefiċċji; […]”

8.

L-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jikkomunikaw lil xulxin informazzjoni oħra rigward:

a)

miżuri meħuda biex ikun implimentat dan ir-Regolament;

b)

bidliet fil-leġislazzjoni tagħhom li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-iskopijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri jisilfu l-uffiċċji ta’jba tagħhom u jaġixxu bħallikieku qegħdin jimplimentaw il-leġislazzjoni tagħhom stess. L-assistenza amministrattiva fornuta mill-imsemmija awtoritajiet u istituzzjonijiet tkun, bħala regola, bla ebda ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż ikunu rimborsati.”

B – Id-dritt Olandiż

1. Il-Liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġġeneralizzata

9.

Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġġeneralizzata (Algemene Ouderdomswet, iktar ’il quddiem l-“AOW”), huwa resident fis-sens ta’ din il-liġi l-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

10.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-AOW, il-post ta’ residenza ta’ persuna huwa ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi.

11.

Abbażi tal-Artikolu 6(1)(a) tal-AOW, hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi l-persuna li għadha ma laħqitx l-età ta’ tluq għall-irtirar u li hija residenti. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jispeċifika li, b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-grupp ta’ msieħba jista’ jinkludi jew jiġi limitat bi jew abbażi ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika.

12.

Il-Liġi tad-29 ta’ April 1998 (Stb. 1998, Nru 267) żiedet mal-AOW Artikolu 6a, applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 1989, li jistabbilixxi li:

“Jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AOW u għad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha:

a)

hija meqjusa bħala assigurata l-persuna li l-assigurazzjoni tagħha abbażi ta’ din il-liġi tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

b)

ma hijiex meqjusa bħala assigurata l-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali.”

13.

L-Artikolu 13(1)(a) tal-AOW jistabbilixxi li tnaqqis ta’ 2 % japplika fuq l-ammont tal-pensjoni għal kull sena li matulha, wara li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, iżda ma jkunx laħaq l-età ta’ 65 sena, il-proprjetarju tal-pensjoni ma kienx assigurat.

14.

Il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu jistabbilixxi li l-allowance netta hija mnaqqsa bi 2 % għal kull sena li matulha, wara li l-proprjetarju tal-pensjoni jilħaq l-età ta’ 15-il sena iżda qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 65 sena, il-konjuġi tal-proprjetarju tal-pensjoni ma kinitx assigurata.

15.

Abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tal-AOW, kif din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi fl-1 ta’ April 1985, il-persuni assigurati u l-ex assigurati jistgħu, skont il-każijiet, skont il-kundizzjonijiet u skont it-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, iħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-perijodi ta’ wara l-għeluq tal-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel ma jagħlqu ħamsa u sittin sena, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati.

16.

Abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, kif din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi fl-1 ta’ Jannar 1990, il-persuni assigurati u l-ex assiguarti jistgħu, skont il-każijiet, skont il-kundizzjonijiet u skont it-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, jassiguraw lilhom infushom b’mod volontarju għall-perijodi ta’ wara l-għeluq tal-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel għeluq il-ħamsa u sittin sena tagħhom, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati.

2. Il-Liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja

17.

L-Artikoli 2 u 3(1) tal-Liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja (Algemene Kinderbijslagwet, iktar ’il quddiem l-“AKW”) għandhom kontenut identiku għal dak tal-Artikoli 2 u 3 (1) tal-AOW.

18.

Abbażi tal-Artikolu 6(1)(a) tal-AKW, hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi l-persuna li hija residenti.

19.

L-Artikolu 6a(b) tal-AKW, jistabbilixxi li, jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AKW u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha, ma titqiesx li hija assigurata l-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

3. Id-digriet dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba għall-assigurazzjonijiet soċjali

20.

Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, bosta digrieti suċċessivi dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba fl-assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen, iktar ’il quddiem il-“BUB”) ġew adottati abbażi tal-Artikolu 6(3) tal-AOW u tal-AKW. Għalhekk, għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew applikati d-digriet tad-19 ta’ Ottubru 1976 (Stb. 557, iktar ’il quddiem il-“BUB 1976”), id-digriet tat-3 ta’ Mejju 1989 (Stb. 164, iktar ’il quddiem il-“BUB 1989”) u d-digriet tal-24 ta’ Diċembru 1998 (Stb. 746, iktar ’il quddiem il-“BUB 1999”).

21.

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-BUB 1976, ma jitqiesx li huwa assigurat fis-sens, fost l-oħrajn, tal-AOW ir-resident li, lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, għandu impjieg b’salarju u li, abbażi ta’ dan, huwa assigurat skont sistema legali barranija fil-qasam tal-benefiċċji ta’ xjuħija u ta’ mewt kif ukoll fil-qasam tal-allowances tal-familja fis-seħħ fil-pajjiż li fih jaħdem.

22.

Wara li l-BUB 1976 ġiet issostitwita bil-BUB 1989, l-Artikolu 10(1) ta’ dan tal-aħħar, fil-verżjoni applikabbli fl-1 ta’ Lulju 1989 sal-1 ta’ Jannar 1992, kien jistabbilixxi li “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi”. Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-1 ta’ Jannar 1997, din l-istess dispożizzjoni tal-BUB 1989 kienet tistabbilixxi li “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi”. Skont il-formulazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-1 ta’ Jannar 1999, l-Artikolu 10(1) tal-BUB 1989 kien jistabbilixxi li, “ma huwiex assigurat abbażi tal-allowances soċjali r-resident li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandu impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief jekk dan l-impjieg jirriżulta abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

23.

Fl-1 ta’ Jannar 1999, il-BUB 1989 ġie ssostitwit bil-BUB 1999. L-Artikolu 12 ta’ dan tal-aħħar jistabbilixxi li “ma hijiex assigurata abbażi tal-allowances soċjali l-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, matul perijodu mhux interrot ta’ tal-inqas tliet xhur, għandha impjieg esklużivament lil hinn mill-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief jekk dan l-impjieg jirriżulta abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

24.

Il-BUB 1989 kif ukoll il-BUB 1999 jinkludu t-tnejn li huma klawżola ta’ salvagwardja rispettivament fl-Artikoli 25 u 24, li jawtorizzaw lir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”) biex jidderoga f’ċerti każijiet mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-digriet sabiex jiġu rrimedjati inġustizzji gravi ħafna li jistgħu jirriżultaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni u mill-esklużjoni tiegħu abbażi tad-digriet inkwistjoni (BUB 1989) jew sabiex tiġi injorata l-applikazzjoni tal-artikoli fl-imsemmi digriet jew biex tipprovdi deroga sa fejn din l-applikazzjoni, fid-dawl tal-importanza tal-estensjoni u tal-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba, twassal għal inġustizzja gravi ħafna u li tirriżulta esklużivament mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni tiegħu abbażi tad-digriet inkwistjoni (BUB 1999).

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

25.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, C. E. Franzen, H. D. Giesen u F. van den Berg, huma kollha ta’ nazzjonalità Olandiża u residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

26.

C. E. Franzen irċeviet fil-Pajjiżi l-Baxxi allowances tal-familja abbażi tal-AKW għal bintha li rabbietha waħedha. F’Novembru 2002, hija informat lis-SVB li, mill-1 ta’ Jannar 2001, hija tipprovdi servizzi ta’ qtugħ ta’ xagħar fil-Ġermanja għal 20 siegħa fil-ġimgħa. Peress li d-dħul ta’ C. E. Franzen minn din l-attività ma kienx sinjifikattiv, hija ma kinitx obbligatorjament imsieħba fis-sistema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, u ma kellha aċċess għall-ebda sistema oħra ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża.

27.

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2003, is-SVB irtiralha l-provvista tal-allowances tal-familja mill-1 ta’ Ottubru 2002.

28.

Fid-dawl tan-natura insuffiċjenti tad-dħul tagħha Ġermaniż, C. E. Franzen kisbet mill-muniċipalità Olandiża li fiha tirrisjedi allowance addizzjonali abbażi tal-Liġi ġenerali dwar l-għajnuna soċjali (Algemene bijstandswet) kif ukoll il-Liġi dwar ix-xogħol u l-għajnuna soċjali (Wet Werk en Bijstand). Mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-SVB jirriżulta li din l-aħħar allowance tikkostitwixxi forma ta’ assistenza soċjali li għaliha r-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax, skont l-Artikolu 4(4) tiegħu.

29.

Is-SVB jippreċiża wkoll fl-osservazzjonijiet tiegħu li, bl-ittra tal-21 ta’ Settembru 2003, C. E. Franzen talbet, skont l-Artikolu 24 tal-BUB 1999, it-tneħħija tal-esklużjoni tagħha mill-kopertura għall-assigurazzjoni soċjali. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2004, is-SVB ċaħad din it-talba għaliex C. E. Franzen ma kinitx assigurata la abbażi tad-dritt tal-Unjoni u lanqas abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż.

30.

Fit-30 ta’ Jannar 2006, C. E. Franzen ressqet talba għall-allowances tal-familja li, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2006, is-SVB laqa’ mill-ewwel tliet xhur tal-2006. B’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2007, tressqet talba f’isem C. E. Franzen sabiex tingħata allowances tal-familja mill-aħħar tliet xhur tal-2002.

31.

B’deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007, is-SVB ikkonstata li, mill-ewwel tliet xhur tal-2006, C. E. Franzen ma kienx baqalha dritt għall-allowances tal-familja, iżda hija ddeċidiet li ma tirkuprax is-somom indebitament mogħtija. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2007, l-ilment ta’ C. E. Franzen kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat bħala infondat u t-talba tagħha għal reviżjoni ġiet barra minn hekk miċħuda.

32.

Fis-6 ta’ Frar 2008, għalkemm ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007 kien għadu pendenti, is-SVB adotta deċiżjoni ġdida li temenda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2007, billi indika li t-talbiet għall-allowances tal-familja kienu miċħuda għaliex, abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża biss li kienet tapplika għal C. E. Franzen, u għalhekk eskludiet l-applikazzjoni tal-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi.

33.

B’sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2008, ir-Rechtbank Maastricht (Tribunal tad-distrett ta’ Maastricht) iddikjara bħala infondati r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tas-16 ta’ Novembru 2007 u tas-6 ta’ Frar 2008. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, mill-1 ta’ Ottubru 2002, C. E. Franzen kinitx assigurata abbażi tal-AKW.

34.

Mart H. D. Giesen ħadmet fil-Ġermanja, l-ewwel matul żewġ perijodi fl-1970, u wara bħala “geringfügig Beschäftigte” (persuna li teżerċita attività żgħira) matul il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 1988 sat-12 ta’ Mejju 1993. Barra minn hekk, hija kienet taħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ u kienet teżerċita l-attività tagħha matul numru limitat ta’ sigħat kull xahar abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali li fil-kuntest tiegħu hija kienet tmur taħdem fuq talba tal-persuna li timpjegaha iżda ma kellhiex l-obbligu li taċċetta t-talbiet tagħha.

35.

Fit-22 ta’ Settembru 2006, H. D. Giesen ressaq talba għal pensjoni tax-xjuħija u għall-allowance tal-imsieħba abbażi tal-AOW, li s-SVB laqa’ b’deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007. Madankollu, l-allowance tal-imsieħba tnaqset b’16 % għaliex, matul il-perijodu li fiha hija ħadmet fil-Ġermanja, mart H. D. Giesen ma kinitx assigurata abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali. H. D. Giesen ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni sa fejn tirrigwarda t-tnaqqis tal-imsemmija allowance. B’deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, dan l-ilment ġie ddikjarat bħala infondat.

36.

B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008, ir-Rechtbank Roermond iddikjara bħala infondat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008. L-imsemmija qorti kkonkludiet li mart H. D. Giesen ma kinitx taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża għaliex ma kienx stabbilit li, matul iktar minn tliet xhur, hija ma kinitx ħadmet fil-Ġermanja. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, matul il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 1988 sal-31 ta’ Diċembru 1992, mart H. D. Giesen kinitx assigurata abbażi tal-AOW.

37.

F. van den Berg eżerċita attività fil-Ġermanja matul il-perijodi mill-25 ta’ Ġunju sal-24 ta’ Lulju 1972 u mill-1 ta’ Jannar 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1994. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet dwar in-natura tal-impjieg tiegħu. Fis-17 ta’ Jannar 2008, F. van den Berg talab pensjoni tax-xjuħija abbażi tal-AOW. B’deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2008, is-SVB tathielu iżda naqsitha b’14 % għaliex, matul iktar minn seba’ snin, F. van den Berg ma kienx assigurat. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, l-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat parzjalment fondat u t-tnaqqis ġie stabbilit għal 10 %.

38.

B’sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2009, ir-Rechtbank Maastricht iddikjara bħala infondat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008. Quddiem il-qorti tar-rinviju, F. van den Berg u s-SVB ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1990 sal-31 ta’ Diċembru 1994, dan tal-aħħar kienx assigurat abbażi tal-AOW.

39.

Is-Centrale Raad van Beroep (Qorti Soċjali Olandiża Superjuri), adita fl-appell mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tqis li dawn jistgħu, għall-perijodi inkwistjoni, jitqiesu li huma persuni impjegati fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) tiegħu, u li l-AOW u l-AKW jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament.

40.

Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodi inkwistjoni, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali kinux, abbażi tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(2) u tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, suġġetti għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u, jekk ikun il-każ, jekk l-effett esklużiv ta’ din id-dispożizzjoni jimplikax li l-leġiżlazzjoni Olandiża ma hijiex applikabbli. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183), li tirrigwarda impjieg part-time, u tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tapplikax ukoll għal kuntratt ta’ xogħol okkażjonali.

41.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ma huwiex ikkontestat li l-persuni kkonċernati ma kinux, minħabba l-attivitajiet tagħhom, assigurati abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tippermetti li jitolbu, skont il-każ, pensjoni tax-xjuħija jew allowances tal-familja. Barra minn hekk, hija tirrileva li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 1989 sal-31 ta’ Diċembru 1992, mart H. D. Giesen u, matul il-perijodi inkwistjoni li jikkonċernawhom, F. van den Berg u C. E. Franzen għandhom jitqiesu li ma kinux assigurati abbażi tal-AOW u tal-AKW fid-dritt nazzjonali. Sabiex jiġi evalwat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix din l-esklużjoni, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) kif ukoll dwar iċ-ċittadinanza (Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE).

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju, b’sentenza tal-1 ta’ Lulju 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2013, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

a)

Is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li resident ta’ Stat Membru li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li, skont kuntratt ta’ xogħol okkażżjonali, huwa impjegat għal mhux iktar minn jumejn jew tliet ijiem fix-xahar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwa suġġett abbażi ta’ dan, għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Istat ta’ impjieg?

b)

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 1a, l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-Istat ta’ impjieg tapplika kemm matul il-jiem li fihom l-attivitajiet huma eżerċitati kif ukoll matul il-jiem li fihom ma humiex eżerċitati l-attivitajiet, u jekk dan huwa l-każ, tali ssuġġettar jestendi lil hinn mill-attivitajiet efffettivament eżerċitati fl-imsemmi Stat?

2)

Is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(2)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi li ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-Istat ta’ impjieg jitqies, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza, li huwa assigurat skont l-AOW [Algemene Ouderdomswet (Liġi Ġenerali dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija)] f’dan l-Istat ta’ residenza?

3)

a)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiem u/jew taċ-ċittadini tal-Unjoni, għandu jiġi intepretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi preżenti, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 6a tal-AOW u/jew tal-AKW [Algemene kinderbijslagwet (Liġi Ġenerali dwar l-allowances għall-ulied)], li timplika li ħaddiem migrant li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa eskluż mill-assigurazzjoni skont l-AWO u/jew l-AKW peress li huwa esklużivament suġġett għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tas-sigurtà soċjali, anki f’sitwazzjoni fejn dan il-ħaddiem, bħala ‘geringfügig Beschäftigte’ (persuna b’impjieg minuri) huwa eskluż fil-Ġermanja mill-assigurazzjoni ‘Altersrente’ (pensjoni għax-xjuħija) u ma għandux dritt għal ‘Kindergeld’ (allowance għall-ulied)?

b)

Sabiex tingħata risposta għad-domanda 3a, huwa rilevanti li kien hemm il-possibbiltà ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni volontarja skont l-AOW jew li ssir talba lis-Svb (Bank Olandiż tas-Sigurtà Soċjali) sabiex jiġi konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71?”

43.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mis-SVB, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rappreżentanti ta’ C. E. Franzen, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni nstemgħu matul is-seduta li saret fil-25 ta’ Ġunju 2014.

V – Analiżi

44.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntest tal-kawżi prinċipali, dan jikkonċerna, minn naħa, ir-rifjut mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ is-SVB, milli jagħtu lil C. E. Franzen l-allowances tal-familja u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis minn dawn l-istess awtoritajiet tal-allowance tal-imsieħba u tal-pensjoni tax-xjuħija mogħtija, rispettivament lil H. D. Giesen u lil F. van den Berg, għaliex mir-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li, matul il-perijodi inkwistjoni, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu taħt il-liġi tal-Istat ta’ impjieg tagħhom, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul dawn il-perijodi, huma kienu biss koperti, fl-Istat ta’ impjieg, minn assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol u ma kellhomx dritt, la fil-Pajjiżi l-Baxxi (l-Istat ta’ residenza) u lanqas fil-Ġermanja (l-Istat ta’ impjieg), għal allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija, skont il-każ.

45.

Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċji inkwistjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jitqiesu li huma “benefiċċji tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jew bħala “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) ta’ dan ir-Regolament. Is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħu għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament.

46.

Fl-aħħar nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 huwa s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Din id-domanda, li fil-fehma tiegħi għandha tingħata risposta affermattiva, ma tippreżentax diffikultajiet partikolari u ser tiġi eżaminata fil-qasir.

A – L-ewwel domanda

47.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jeżerċita attività bħala persuna impjegata l-iktar għal jumejn jew tlieta fix-xahar fuq bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwiex suġġett għal-liġi tal-Istat ta’ impjieg abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament u, jekk iva, jekk l-imsemmi resident huwiex suġġett hemm biss għall-jiem ta’ xogħol jew ukoll għall-jiem l-oħra ( 4 ).

48.

Sabiex din id-domanda tingħata risposta, infakkar fl-ewwel stadju b’mod qasir il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex insostni li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu li huma persuni impjegati fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni stadju, jien ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kuntest tax-xogħol part-time qabel ma neżamina l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tal-Punt 1(E) tal-Anness I tal-imsemmi regolament fil-każ konkret ta’ C. E. Franzen.

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71

49.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, tliet kriterji huma meħtieġa sabiex jiġi kkunsidrat li ħaddiem huwa kopert mill-imsemmi regolament. L-ewwel nett, għandha tkun persuna impjegata jew taħdem għal rasha ( 5 ). Dawn iż-żewġ kelmiet jirrigwardaw kull persuna li hija assigurata abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ( 6 ) fil-kuntest ta’ wieħed mis-sistemi ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a)(i) u (ii) ta’ dan ir-regolament u skont il-kundizzjonijiet tal-imsemmija sistemi ( 7 ). It-tieni nett, il-ħaddiem għandu jkun ċittadin ta’ Stat Membru. It-tielet nett, huwa għandu jkun jew kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li persuna għandha l-karatteristika ta’ “persuna impjegata” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 meta tkun assigurata, anki jekk kontra riskju wieħed biss, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma’ skema ġenerali jew speċjali ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament, u dan irrispettivament mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol ( 8 ).

51.

F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali ħadmu fil-Ġermanja matul ċerti perijodi li matulhom huma kienu assigurati f’dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju tindika li dawn eżerċitaw attività professjonali żgħira taħt l-istatus “geringfügig Beschäftigte” ( 9 ), fatt li jimplika li kienu tal-inqas assigurati abbażi tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol (“Unfallversicherung”). Konsegwentement, jidhirli li ma hemm l-ebda dubju li l-persuni kkonċernati għandhom jitqiesu li huma ħaddiema impjegati fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

2. Tfakkira qasira tal-ġurisprudenza rilevanti

52.

Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kits van Heijningen ( 10 ) għall-fatti inkwistjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet b’interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kuntest tax-xogħol part-time, li, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi applikata b’analoġija għar-relazzjonijiet ta’ xogħol okkażjonali bħal f’dan il-każ.

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemm xejn fi kliem l-Artikolu 1(a) jew fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jippermetti li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ċerti kategoriji ta’ persuni minħabba ż-żmien li huma jqattgħu għall-attività tagħhom. Konsegwentement, persuna għandha titqies li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(a) u tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, irrispettivament miż-żmien li hija tqatta’ għall-attività tagħha ( 11 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jinkludi l-ebda distinzjoni dwar jekk l-attività bħala persuna impjegata hijiex eżerċitata full-time jew part-time. Barra minn hekk, l-għan imfittex minnu jintilef jekk jitqies li l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru ta’ impjieg hija limitata għall-perijodi li matulhom l-attività hija eżerċitata, bl-esklużjoni ta’ dawk li fihom il-persuna kkonċernata ma teżerċitax l-attività tagħha ( 12 ).

54.

F’dan ir-rigward, għalija jidher car li l-element determinanti biex wieħed jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae huwa, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li jkun assigurat, anki jekk biss kontra riskju wieħed, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma’ sistema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71. L-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, it-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol, il-fatt li dan huwa kuntratt part-time jew kuntratt okkażjonali, kif ukoll in-numru ta’ sigħat maħduma huma għalhekk mingħajr importanza ( 13 ). Konsegwentement, f’din il-kawża, il-fatt li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali eżerċitaw attivitajiet professjonali żgħar li ma jeċċedux ċertu limitu f’termini ta’ sigħat jew ta’ dħul, pereżempju taħt l-istatus ta’ “geringfügig Beschäftigte” fid-dritt Ġermaniż, huwa irrilevanti.

55.

Għalhekk, nikkonstata li C. E. Franzen, H. D. Giesen u F. van den Berg jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(a) u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, irrispettivament miż-żmien li huma jqattgħu fl-attività tagħhom matul il-perijodi inkwistjoni. Għalhekk, huma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament u huma suġġetti, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tiegħu, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg. Dan l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża jikkonċerna mhux biss il-jiem li matulhom huma eżerċitaw l-attività tagħhom, iżda wkoll dawk li fihom huma ma wettqux xogħol. Dan huwa estiż kemm-il darba l-persuni kkonċernati huma assigurati kontra tal-inqas eventwali waħda fl-Istat ta’ impjieg ( 14 ).

3. Fuq il-Punt I(E) tal-Anness I (“Ġermanja”) tar-Regolament Nru 1408/71

56.

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ C. E. Franzen, il-Kummissjoni tindika li r-referenza li tinsab fil-Punt I(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-Ġermanja temenda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament.

57.

Mill-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li C. E. Franzen taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal C. E. Franzen hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ( 15 ). Għalhekk, tista’ hija tibbenefika mill-allowances tal-familja fil-Ġermanja?

58.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta istituzzjoni Ġermaniża hija kompetenti biex tagħti allowances tal-familja skont il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament għandha titwarrab favur dik li tinsab fil-Punt I(E) tal-Anness I (“Ġermanja”) tal-imsemmi regolament ( 16 ). Għalhekk, huma biss il-persuni li huma assigurati b’mod obbligatorju fil-kuntest ta’ waħda mis-sistemi msemmija fil-Punt I(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 li jistgħu jitqiesu li huma “persuna impjegata” jew “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament ( 17 ). Fil-fatt, hija meqjusa bħala persuna impjegata fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ dan l-anness, “persuna assigurata bil-fors kontra d-disimpjieg [l-qgħad] jew kwalunkwe persuna li, bħala riżultat ta’ tali assigurazzjoni, tottjeni benefiċċji fi flus taħt assigurazzjoni għal mard jew benefiċċji”. Dan ma huwiex il-każ ta’ C. E. Franzen. Hija taqa’ taħt ir-“regola ġenerali” tal-Artikolu 1(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri d-definizzjoni ta’ persuna impjegata fis-sens ta’ dan ir-regolament għal dak li jikkonċerna l-allowances li għalihom hija assigurata, f’dan il-każ l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol. Kuntrarjament, hija ma tistax titqies li hija persuna impjegata għall-finijiet tal-għoti ta’ allowances tal-familja Ġermaniżi minħabba r-“regola speċjali” li tinsab fl-Anness I. Għalhekk, din ir-regola għandha natura partikolari fir-rigward tas-sistema ġenerali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, it-teħid flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Anness I u tal-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża r-rabta ta’ kawżalità bejn it-tip ta’ benefiċċju mitlub mill-ħaddiem (allowances tal-familja) u l-kundizzjonijiet li l-ħaddiem għandu jissodisfa biex ikun jista’ jkollu d-dritt għall-benefiċċju. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ried jippreċiża l-kunċett ta’ persuna impjegata u li taħdem għal rasha fis-sens ta’ dan ir-regolament meta tkun suġġetta għal skema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għar-residenti kollha, bħal fil-każ tal-allowances tal-familja fil-Ġermanja ( 18 ). Konsegwentement, inqis li C. E. Franzen ma tistax titqies, għall-perijodi inkwistjoni, li hija persuna impjegata fis-sens tal-Punt I(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 għaliex ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(a)(ii), moqrija flimkien mal-Anness I ta’ dan ir-regolament, sabiex tibbenefika mill-allowances tal-familja fil-Ġermanja.

59.

Għalhekk, fir-rigward tal-għoti tal-allowances tal-familja abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-kunċett ta’ persuna impjegata għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss il-persuni impjegati li jissodisfaw il-kunċett li jirriżulta mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(a)(ii) u tal-Punt I(E) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

4. Konklużjoni intermedjarja

60.

Jien tal-fehma li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jeżerċita attività bħala persuna impjegata l-iktar għal jumejn jew tlieta fix-xahar abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament. Dan l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg jikkonċerna mhux biss il-jiem li matulhom huwa jeżerċita l-attività bħala persuna impjegata, iżda wkoll il-jiem li matulhom huwa ma jwettaqx l-imsemmija attività. Dan għandu jiġi estiż kemm-il darba l-persuna kkonċernata tkun assigurata kontra tal-inqas eventwalità waħda fl-Istat ta’ impjieg.

B – It-tieni u t-tielet domanda preliminari

61.

Nipproponi li t-tieni u t-tielet domanda jiġu eżaminati flimkien. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, lill-ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg mis-sistema nazzjonali tiegħu tas-sigurtà soċjali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-regoli tad-dritt primajru dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u/jew iċ-ċittadinanza Ewropea jipprekludux tali esklużjoni jekk il-ħaddiem migrant jiġi eskluż mis-sistema nazzjonali tiegħu tas-sigurtà soċjali minħabba li huwa hu suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg, għalkemm dan il-ħaddiem lanqas ma għandu dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema tal-assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Istat tal-impjieg. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà li jinkiteb f’assigurazzjoni fakultattiva jew li jitlob l-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandux effett fuq ir-risposta għad-domanda preċedenti.

62.

Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli jien naħseb li l-ewwel nett għandu jiġi kkunsidrat il-qafas tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali stabbiliti mir-Regolament Nru 1408/71.

1. Il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit mir-Regolament Nru 1408/71

63.

L-ewwel nett infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71 tistrieħ fuq is-sempliċi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali u ma tirrigwardax l-armonizzazzjoni tagħhom ( 19 ). Is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri huma kkaratterizzati mit-territorjalità tagħhom ( 20 ), u l-koordinazzjoni tagħhom li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-regoli ta’ rabta simili għal dawk li jeżistu fid-dritt internazzjonali privat. Din il-koordinazzjoni għandha l-għan li jiġu ddeterminati l-leġiżlazzjoni jew il-leġiżlazzjonijiet applikabbli għal persuni impjegati u li jaħdmu għal rashom li jużaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom tal-moviment liberu ( 21 ), filwaqt li tħalli differenzi bejn is-sistemi tad-diversi Stati Membri u, għalhekk, fid-drittijiet tal-persuni li jaħdmu hemm ( 22 ). Din il-koordinazzjoni għalhekk ma tirfisx fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam, kemm-il darba jaġixxu b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari skont l-għan tar-regolamenti ta’ koordinazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni ( 23 ).

64.

Għalhekk, stabbilit mill-bidu tal-kostruzzjoni Ewropea ( 24 ), dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali huwa intiż biex jiffaċilita l-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, billi jiġu osservati l-karatteristiċi proprji tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, u biex ma jippenalizzax il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu ( 25 ).

65.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-ewwel sentenzi tagħha, fakkret li r-regolamenti meħuda għall-applikazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE għandhom jiġu interpretati “fid-dawl tal-għan ta’ dan l-artikolu, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ liberta’ ta’ moviment tal-ħaddiema migranti bl-iktar mod sħiħ possibbli” ( 26 ). Hija indikat li l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE jikkostitwixxu l-bażi, il-kuntest u l-limiti tar-regoli tas-sigurtà soċjali ( 27 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali fid-dawl tal-Artikoli 45 u 48 TFUE.

66.

It-tieni nett, il-kunflitti tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli jirriżultaw mit-teħid flimkien fit-twettiq tal-moviment liberu tal-persuni, minn naħa, u mit-tkomplija tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, min-naħa l-oħra. Dawn il-kunflitti ta’ liġijiet, kemm jekk huma kunflitti pożittivi, fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ liġijiet applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, jew ta’ kunflitti negattivi, fil-każ ta’ assenza ta’ liġi li għandha l-għan li tapplika għal sitwazzjoni ( 28 ), huma ostakoli għal-libertà ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni.

67.

It-tielet nett, sabiex dawn il-kunflitti pożittivi jew negattivi ta’ leġiżlazzjonijiet applikabbli jiġu rrimedjati, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (li l-Artikolu 13 jifforma parti minnu), li jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet ( 29 ), huma intiżi sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan biss li jevitaw l-applikazzjoni simultanja ta’ bosta leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnhom ( 30 ), iżda wkoll li jipprekludu li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fl-assenza tal-leġiżlazzjoni li tapplika għas-sitwazzjoni tagħhom ( 31 ).

68.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għal sitwazzjoni partikolari ( 32 ), li b’mod partikolari jfisser il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lil skema ta’ sigurtà soċjali waħda. B’mod partikolari, l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi b’mod ċar li, bla ħsara għall-Artikoli 14 sa 17, “persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” (la lex loci laboris) ( 33 ).

69.

Għalhekk, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71 ( 34 ), din is-sistema ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, hija imperattiva u għandha l-effett, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja li “l-Istati Membri ma għandhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw b’liema mod hija applikabbli l-leġiżlazzjoni tagħhom jew dik ta’ Stat Membru ieħor, peress li għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni] fis-seħħ” ( 35 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

70.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jien ser neżamina t-tieni u t-tielet domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju.

2. Fuq il-prinċipji ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli

71.

Kif jirriżulta mill-punti 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, jissottomettuhom għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss ( 36 ), sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha ( 37 ). Għalhekk ir-regoli li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għandhom effett esklużiv, fatt li jfisser li fl-ebda mument, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/71 ( 38 ), l-ebda leġiżlazzjoni oħra ħlief dik iddeterminata mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet ma tista’ tkun applikabbli ( 39 ).

72.

Madankollu, sentenzi reċenti mogħtija f’kawżi dwar l-għoti ta’ allowances tal-familja jidhru li qed jindikaw tnaqqis fir-riġidità tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni stretta tal-prinċipju ta’ unċità ( 40 ).

73.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tindika li dan it-tnaqqis fir-riġidità ma jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li l-liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija tal-Istat ta’ residenza abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat tiġi applikata wkoll għal persuna impjegata li tiċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni, li għalija tapplika l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg.

74.

Jien naqbel ma’ din il-pożizzjoni. Interpretazzjoni differenti timplika, b’mod ġenerali, li l-persuni assigurati jkollhom iħallsu kontribuzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, fatt li ma huwiex skont l-għan tar-Regolament Nru 1408/71, kif enfasizzat fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, id-disa’ premessa ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri, bħala deroga għar-regola ġenerali, għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fil-portata.

75.

Fi kwalunkwe każ, sabiex ikun hemm ċarezza u sabiex tiġi pprovduta risposta utli lill-qorti tar-rinviju, inqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tidher li taċċetta f’ċerti każijiet l-applikazzjoni simultanja tal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri.

a) Tfakkira qasira tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja: is-sentenzi Bosmann ( 41 ) u Hudzinski u Wawrzyniak ( 42 )

76.

Nistgħu ninterpretaw is-sentenzi msemmija iktar ’il fuq fis-sens li hemm lok li dawn jiġu applikati għall-kawża preżenti? Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, is-SVB u l-Kummissjoni huma tal-fehma li hemm lok li tinħoloq distinzjoni bejn il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Ten Holder ( 43 ) u Luijten ( 44 ) minn dik stabbilita mis-sentenzi Bosmann ( 45 ) u Hudzinski u Wawrzyniak ( 46 ). Kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-ewwel żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jeskludix li “Stat Membru, li mhuwiex l-Istat kompetenti, u li ma jissuġġettax id-dritt għall-allowance tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ assigurazzjoni, milli jagħti allowance bħal din lil persuna residenti fuq it-territorju tiegħu, meta l-possibbiltà ta’ dan l-għoti effettivament jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu” ( 47 ).

77.

Bħas-SVB u l-Kummissjoni, jien tal-fehma li dawn l-aħħar sentenzi ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li hemm lok li dawn jiġu applikati għall-kawża preżenti. Bħala tfakkira, B. Bosmann kienet tibbenefika mill-allowances tal-familja Ġermaniżi sempliċement għaliex kienet residenti fil-Ġermanja u W. Hudzinski minħabba dispożizzjoni Ġermaniża li abbażi tagħha kull persuna li ma għandhiex id-domiċilju tagħha jew ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju Ġermaniż, iżda huma fl-imsemmi Stat integralment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul jew huma meqjusa bħala tali, għandhom, barra minn hekk, dritt għall-allowances tal-familja. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tagħti lill-persuni kkonċernati dritt speċifiku abbażi tad-dritt nazzjonali, ibbażat jew fuq ir-residenza, jew fuq l-issuġġettar tat-taxxa fuq id-dħul, mingħajr ma dawn il-leġiżlazzjonijiet jeskludu b’mod espress mill-benefiċċju ta’ dan id-dritt il-persuni suġġetti abbażi tad-dritt tal-Unjoni għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, bħal pereżempju tal-Istat Membru ta’ residenza.

78.

Fil-kawżi prinċipali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6a u l-Artikolu6a(b) tal-AOW u l-Artikolu 6a tal-AKW jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet il-persuni li, abbażi tar-Regolament Nru 1408/71, huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Għalhekk, C. E. Franzen, mart H. D. Giesen u F. van den Berg huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u, għalhekk, ma jistgħux jibbenefikaw, bħala regola ġenerali, matul il-perijodi inkwistjoni, minn allowance tal-familja abbażi tal-AKW u minn assigurazzjoni għax-xjuħija abbażi tal-AOW, skont il-każ.

79.

Madankollu, sabiex nirfina l-proposti tiegħi għar-risposta tad-domandi preliminari għall-fatti fil-kawża prinċipali, jidhirli li huwa meħtieġ li jsir raġunament fuq żewġ stadji.

b) Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli

80.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat liema hija, abbażi tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, mill-analiżi tiegħi tat-tieni domanda jirriżulta li, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ C. E. Franzen, mart H. D. Giesen u F. van den Berg.

81.

Fit-tieni lok, wara li ġiet iddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli, għandhom jiġu eżaminati, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll tal-libertajiet fundamentali, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg għall-fatti partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

c) Il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tar-Regolament Nru 1408/71 u tad-dritt primarju

82.

Fir-rigward tal-fatti fil-kawżi prinċipali, infakkar li C. E. Franzen, mart H. D. Giesen u F. van den Berg huma, abbażi tar-Regolament Nru 1408/71, suġġetti għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat tal-impjieg. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul il-perijodi inkwistjoni, huma kienu biss imsieħba b’mod obbligatorju mas-sistema Ġermaniża tal-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, mingħajr ma kellhom aċċess għall-ebda fergħa oħra tal-assigurazzjoni soċjali Ġermaniża, fatt li l-konsegwenza tiegħu huwa li huma tilfu l-possibbiltà li jissieħbu abbażi tal-leġiżlazzjoni Olandiża fis-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali tilfu l-kopertura soċjali li kien jiżguralhom l-Istat ta’ residenza tagħhom, mingħajr ma jiksbu dik tal-Istat tal-impjieg. Għalhekk, fil-verità, huma la huma koperti mis-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Istat tal-impjieg, minħabba n-numru limitat ta’ sigħat tagħhom ta’ xogħol u d-dħul minimu tagħhom, u lanqas minn dik tal-Istat ta’ residenza tagħhom, minħabba li huma kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Konsegwentement, C. E. Franzen tilfet l-benefiċċju tal-allowances tal-familja, filwaqt li l-pensjoni tax-xjuħija u l-allowance tal-imsieħba, rispettivament, ta’ F. van den Berg u ta’ H. D. Giesen tnaqqsu f’ammonti inqas minn dawk li jikkorrispondu għat-tul sħiħ tal-attività tagħhom, għaliex il-perijodi ta’ attività fl-Istat ta’ residenza tagħhom ma ngħaddewx ma’ dawk tal-Istat ta’ impjieg.

83.

Fil-fatt, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, jidher biċ-ċar li, billi użaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, il-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali jinsabu f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn ħaddiem li qatta’ l-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed biss, għaliex huma b’hekk tilfu parti mid-drittijiet tagħhom għall-pensjoni. Li kieku baqgħu fil-Pajjiżi l-Baxxi u hemm eżerċitaw l-istess attivitajiet, huma ma kinux jitilfu d-drittijiet tagħhom.

84.

Din il-konsegwenza sfavorevoli hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif interpretati fid-dawl tar-regoli tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema?

85.

Kif isostnu s-SVB kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss iddeċidiet li l-Istat Membri jibqgħu kompetenti, kemm-il darba jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, biex jiddeterminaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-benefiċċji ta’ skema ta’ sigurtà soċjali ( 48 ). Hija ddeċidiet ukoll li, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt primarju tagħha, ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li ċ-ċaqliq fi Stat Membru ieħor mhux ser ikollu effett fuq it-tip jew il-livell tal-benefiċċji li għalihom hija tista’ tistenna fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha ( 49 ). Għalhekk, l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, wara bidla tal-Istat Membru ta’ residenza, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija inqas favorevoli fuq il-pjan ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali tista’, bħala regola, tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni ( 50 ). Il-fatt li l-eżerċizzju tal-moviment liberu jista’ ma jkollux effett newtrali f’dan il-qasam, jiġifieri jkun ftit jew wisq vantaġġuż, saħansitra żvantaġġuż skont il-każ, jirriżulta direttament mill-fatt li nżammet id-differenza li teżisti bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri. ( 51 ).

86.

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali konformità teżisti biss kemm-il darba, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma toħloqx żvantaġġ lill-ħaddiem ikkonċernat meta mqabbel ma’ dawk li eżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru li fih din tapplika ( 52 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-għan tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE ma jintlaħaqx jekk, wara l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, il-ħaddiema migranti jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li huma ggarantiti lilhom mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ( 53 ). Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn għandhom l-għan li jipprekludu li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tapplika għalihom ( 54 ).

87.

Hija b’mod partikolari din l-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-skema ta’ sigurtà soċjali li tippermetti lil C. E. Franzen biex tibbenefika mill-allowances tal-familja u lil F. van den Berg u H. D. Giesen li jibbenefikaw mill-assigurazzjonijiet għax-xjuħija li jikkaratterizzaw il-fatti fil-kawża prinċipali. Anki jekk ma hemmx dubju li, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni formalment applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ir-riżultat tal-applikazzjoni tagħha ma huwiex konformi, fil-fehma tiegħi, la mar-Regolament Nru 1408/71, li għandu l-għan li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, u lanqas mal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE li jispirawhom. Fil-fatt, għall-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni involuta ma hijiex dwar jekk l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom tal-moviment liberu kienx ftit jew wisq vantaġġuż, jew saħansitra sfavorevoli, iżda l-assenza totali ta’ protezzjoni, matul il-perijodi inkwistjoni, minn skema ta’ sigurtà soċjali, fatt li, fil-fehma tiegħi, huwa kuntrarju mhux biss għar-Regolament Nru 1408/71, iżda wkoll għall-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE.

88.

Għalhekk, nistaqsi b’liema mod, dejjem b’osservanza tal-mekkaniżmu ta’ kooridnazzjoni implementat mir-Regolament Nru 1408/71, u b’mod iktar speċifiku l-prinċipju ta’ uniċità, tista’ tissolva s-sitwazzjoni tant kundannabbli kif ukoll inaċċettabbli li jinsabu fiha l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali minħabba li eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-moviment liberu.

89.

F’dan ir-rigward, naħseb li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fis-soluzzjoni li għandha tiġi proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-livell tal-benefiċċji mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-impjieg fil-każijiet fejn din il-leġiżlazzjoni, bħal fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teskludi lill-ħaddiema mill-protezzjoni mogħtija mill-fergħat fundamentali tas-sigurtà soċjali. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell tal-protezzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli fl-ipoteżi li din il-protezzjoni hija kważi ineżistenti, bħal fil-każ tal-impjiegi okkażjonali jew żgħar, jidħlu fil-loġika tal-progress soċjali ppromovut mit-Trattat u inkluż fl-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71, li tipprovdi li d-“dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”.

90.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi sospiża b’mod temporanju l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg meta din tinbeda b’kuntratti okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir u għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza. Din is-sospensjoni għandha tkun limitata għall-perijodu li fih il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżomm l-esklużjoni tal-imsemmija kategoriji ta’ ħaddiema mill-fergħat fundamentali tas-sigurtà soċjali li ma hijiex l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol ( 55 ).

91.

L-adozzjoni ta’ tali miżura ta’ sospensjoni tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ impjieg tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-qari tal-Artikolu 13(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE u tippermetti li jiġi evitat li persuna impjegata li, billi użat id-dritt tagħha tal-moviment liberu u okkupat impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed, tiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattata b’mod inqas favorevoli minn dik li tkun qattgħet il-karriera kollha tagħha fi Stat Membru wieħed biss. Tali interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tippermetti wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-forom ġodda ta’ xogħol u l-iter professjonali taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet ta’ impjieg prekarju, bħal fil-każ ta’ kuntratti okkażjonali jew żgħar ( 56 ).

92.

Il-fatt li ħaddiem kellu l-possibbiltà li jkollu assigurazzjoni fakultattiva ( 57 ) jew li jitlob lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa, fil-fehma tiegħi, bla effett fuq ir-risposta proposta.

93.

Madankollu nfakkar li, fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew l-organi magħżula minn dawn l-awtoritajiet jistgħu jaqblu flimkien biex jipprovdu, fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni, eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 sa 16 ta’ dan ir-regolament. Ftehim f’dan is-sens fir-rigward tal-persuni impjegati li għandhom kuntratti ta’ xogħol okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir jista’ jiġi ppjanat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet mhux mixtieqa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

3. Konklużjoni intermedjarja

94.

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi, fis-sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-ħaddiem migrant mis-sistema nazzjonali tiegħu ta’ sigurtà soċjali minħabba li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Madankollu, fl-ipoteżi li fiha dan il-ħaddiem ma jkollux dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Istat ta’ impjieg, fid-dawl tal-fatt li l-protezzjoni soċjali mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg hija kważi ineżistenti, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi sospiża b’mod temporanju, meta din tkun inbdiet mill-kuntratti okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir, favur il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza. Din is-sospensjoni temporanja tapplika biss matul il-perijodu li fih il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżomm l-esklużjoni tal-imsemmija kategoriji ta’ ħaddiema mill-fergħat tas-sigurtà soċjali li ma hijiex l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, u biss għall-dawn il-fergħat l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-verifiki neċessarji.

95.

Il-fatt li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà li jkollu assigurazzjoni fakultattiva jew li jitlob lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux effett f’dan ir-rigward.

VI – Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi skont kif ġej għad-domandi magħmula mis-Centrale Raad van Beroep:

“1)

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li jeżerċita attività bħala persuna impjegata l-iktar għal jumejn jew tlieta fix-xahar abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament. Dan l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg jikkonċerna mhux biss il-jiem li matulhom huwa jeżerċita l-attività bħala persuna impjegata, iżda wkoll il-jiem li matulhom huwa ma jwettaqx l-imsemmija attività. Dan għandu jiġi estiż kemm-il darba l-persuna kkonċernata tkun assigurata kontra tal-inqas eventwalità waħda fl-Istat ta’ impjieg.

2)

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħaddiem migrant mis-sistema nazzjonali tagħha ta’ sigurtà soċjali minħabba li huwa hu suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Madankollu, fl-ipoteżi li fiha dan il-ħaddiem ma jkollux dritt għall-allowances tal-familja jew għall-benefiċċji abbażi tas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fl-Istat ta’ impjieg, fid-dawl tal-fatt li l-protezzjoni soċjali mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg hija kważi ineżistenti, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi sospiża b’mod temporanju, meta din tkun inbdiet mill-kuntratti okkażjonali ta’ tul qasir jew żgħir, favur il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza. Din is-sospensjoni temporanja tapplika biss matul il-perijodu li fih il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżomm l-esklużjoni tal-imsemmija kategoriji ta’ ħaddiema mill-fergħat tas-sigurtà soċjali li ma hijiex l-assigurazzjoni għall-inċidenti kkaġunati mix-xogħol, u biss għall-dawn il-fergħat l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-verifiki neċessarji. Il-fatt li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà li jkollu assigurazzjoni fakultattiva jew li jitlob lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux effett f’dan ir-rigward.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3. p. 231), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, (ĠU L 392, p. 10), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”. Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Madankollu, dan jibqa’ applikabbli għall-kawżi prinċipali, peress li jirrigwardaw kontestazzjonijiet ta’ deċiżjonijiet amministrattivi adottati taħt ir-regolament l-antik.

( 3 ) Fuq il-kunflitt negattiv tad-dritt applikabbli, ara, b’mod partikolari, P. Rodière, Droit social de l’Union européenne, LDGJ, 2014, p. 662.

( 4 ) Il-qorti tar-rinviju tqis li, matul il-perijodi inkwistjoni, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal C. E. Franzen u għal F. van den Berg hija l-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, hija għandha dubju dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-konjuġi ta’ H. D. Giesen.

( 5 ) Dan l-artikolu jirrigwarda mhux biss lill-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom, iżda wkoll lill-istudenti, lill-persuni bla Stat jew lir-refuġjati residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom. Fil-fatt, wara s-sentenza Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217), iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wasslet biex wessgħat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Din l-estensjoni tal-benefiċjarji tar-Regolament ġiet ikkonfermata mis-sentenzi Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458) u Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172). Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni żiedet għalhekk dimensjoni ġdida għall-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Ara, R. Cornelissen, “The principle of territoriality and the Community regulations on social security (Regulations 1408/71 and 574/72)”, Common Market Law Review, 1996, 33, p. 439 sa 471. Ara, wkoll, C. Marzo, “La dimension sociale de la citoyenneté européenne”, Université Paul Cézanne – Aix-Marseille III, Collection B. Goldman, Presses Universitaires d’Aix-Marseille, p. 344.

( 6 ) Skont l-Artikolu 1(a)(iv) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna li hija assigurata b’mod volontarju kontra eventwalità waħda jew iktar li jikkorrispondu għall-fergħat li għalihom japplika l-imsemmi regolament, fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru, u li ma jeżerċitax attività bħala persuna impjegata, taqa’ wkoll taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jekk hija kienet assigurata bil-quddiem kontra l-istess eventwalità fil-kuntest ta’ sistema organizzata favur il-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom tal-istess Stat Membru.

( 7 ) Fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sigurtà soċjali, din tal-aħħar iddikjarat li, fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3/58, tal-25 ta’ Settembru 1958, dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 1958, p. 561), “il-kunċett ta’ ‘persuna impjegata jew simili’ għandha għalhekk element Komunitarju, li jirrigwarda kull minn li, bħala tali, u b’liema mod imsejjaħ, huwa kopert mis-sistemi differenti nazzjonali tas-sigurtà soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza Unger, 75/63, EU:C:1964:19, dispożittiv Nru 1). Ara wkoll is-sentenza Megner u Scheffel (C‑444/93, EU:C:1995:442, punt 20).

( 8 ) Sentenzi Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 34) kif ukoll Borger (C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 26).

( 9 ) Mill-osservazzjonijiet tas-SVB jirriżulta li l-istatus ta’ “geringfügig Beschäftigte” jikkonċerna attivitajiet li ma jeċċedux ċertu limitu f’termini ta’ sigħat jew ta’ dħul.

( 10 ) EU:C:1990:183.

( 11 ) Ibidem, punt 10.

( 12 ) Ibidem, punt 14.

( 13 ) Ibidem, punti 9 u 11.

( 14 ) Barra minn hekk, hawn infakkar li għal persuna li tkun temmet kull attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru u li, għalhekk, ma tissodisfax iktar il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament sabiex taqa’ taħt il-liġi ta’ Stat Membru, hija applikabbli, abbażi tal-Artikolu 13(2)(f), u abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih hija tirrisjedi, jew il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih hija l-ewwel nett eżerċitat attività bħala persuna impjegata, kemm-il darba hija jibqa’ jkollha r-residenza tagħha hemmhekk, jew dik tal-Istat li fih, jekk ikun il-każ, hija tittrasferixxi r-residenza tagħha. Ara s-sentenza Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 34).

( 15 ) Ara l-punti 68 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Sentenza Kulzer (C‑194/96, EU:C:1998:85, punt 35).

( 17 ) Sentenzi Merino García (C‑266/95, EU:C:1997:292, punti 24 sa 26); Martínez Sala (EU:C:1998:217); kif ukoll Schwemmer (C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 34).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawżi maqgħuda Stöber u Piosa Pereira (C‑4/95 u C‑5/95, EU:C:1996:225, punti 13 u 28).

( 19 ) Sentenzi Lenoir (313/86, EU:C:1988:452, punt 13); Hervein et (C‑393/99 u C‑394/99, EU:C:2002:182, punt 52); kif ukoll Pasquini (C‑34/02, EU:C:2003:366, punt 52).

( 20 ) R. Cornelissen, loc. cit., p. 439 sa 441.

( 21 ) Sentenzi Piatkowski (C‑493/04, EU:C:2006:167, punt 20); Nikula (C‑50/05, EU:C:2006:493, punt 20); kif ukoll Derouin (C‑103/06, EU:C:2008:185, punt 20).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gravina (807/79, EU:C:1980:184, punt 7); Rönfeldt (C‑227/89, EU:C:1991:52, punt 12); kif ukoll Leyman (C‑3/08, EU:C:2009:595, punt 40).

( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Kauer (C‑28/00, EU:C:2002:82, punt 26). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:114, punt 44).

( 24 ) Dan il-mekkaniżmu ġie stabbilit bir-Regolament Nru 3/58, li sar ir-Regolament Nru 1408/71. Ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83) kienu s-suġġett ta’ bosta emendi kemm biex jiġu adattati għall-evoluzzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali kif ukoll biex jintegraw l-acquis li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regolamenti ta’ koordinazzjoni jirrappreżentaw kontribuzzjoni essenzjali għall-integrazzjoni Ewropea. Ara, f’dan is-sens, R. Cornelissen, loc. cit., p. 471.

( 25 ) Sentenzi Nikula (EU:C:2006:493, punt 20) kif ukoll Tomaszewska (C‑440/09, EU:C:2011:114, punt 28). Għalhekk, il-bidla fid-dritt applikabbli ma għandux iwassal għal waqfien jew telf tal-protezzjoni soċjali. Ara P. Mavridis, La sécurité sociale à l’épreuve de l’intégration européenne, Bruylant, 2003, p. 34. Fuq it-telf ta’ territorjalità tal-liġi applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, ara R. Cornelissen, loc. cit., p. 444 sa 446 u 470.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Belbouab (10/78, EU:C:1978:181, punt 5); Buhari Haji (C‑105/89, EU:C:1990:402, punt 20); Chuck (C‑331/06, EU:C:2008:188, punt 28); kif ukoll da Silva Martins (C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 70).

( 27 ) Sentenzi Duffy (34/69, EU:C:1969:71, punt 6) kif ukoll Massonet (50/75, EU:C:1975:159, punt 9).

( 28 ) Ara P. Rodière, loc. cit., p. 662, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 29 ) Sentenza Luijten (60/85, EU:C:1986:307, punti 12 sa 14).

( 30 ) Sentenzi Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punt 19), kif ukoll Luijten (EU:C:1986:307, punt 12).

( 31 ) Sentenzi Kits van Heijningen (EU:C:1990:183, punt 12), kif ukoll Kuusijärvi (EU:C:1998:279, punt 28).

( 32 ) Il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 huwa wkoll ibbażat fuq it-tliet prinċipji segwenti: l-ewwel nett, l-ugwaljanza fit-trattament bejn persuni ta’ nazzjonalità tal-Istat u dawk li ma humiex ta’ nazzjonalità tal-Istat; it-tieni nett, it-totalità tal-perijodi ta’ assigurazzjoni (jew ta’ żamma tad-drittijiet matul il-kisba); it-tielet nett, l-esportazzjoni tal-benefiċċji fi ħdan l-Unjoni (tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza jew ta’ żamma tad-drittijiet miksuba).

( 33 ) Sentenza Kits van Heijningen (EU:C:1990:183, punt 12).

( 34 ) Skont il-ħdax il-premessa tar-Regolament Nru 1408/71, “f’ċerti sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw kriterja oħra ta’ applikabbiltà, huwa possibbli li tidderoga mir-regola ġenerali”. L-eċċezzjonijiet għal-lex loci laboris huma previsit fl-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament Nru 1408/71. L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-ftehim li jikkonċernaw kategoriji partikolari ta’ persuni u li għandhom jiġu konklużi fl-interess tal-persuni kkonċernati. Minbarra t-Titolu II, eċċezzjonijiet huma wkoll previsti għal “kunsiderazzjonijiet soċjali u ta’ effikaċità prattika fit-Titolu III ta’ dan ir-Regolament” (P. Mavridis, loc.cit., p. 443).

( 35 ) Sentenzi Ten Holder (EU:C:1986:242, punt 21), kif ukoll Luijten (EU:C:1986:307, punt 14).

( 36 ) Hawn għandu jiġi nnotat li bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 (ara l-Artikolu 11(1)), ġie kkonfermat il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

( 37 ) Sentenzi Ten Holder (EU:C:1986:242, punt 19) u Luijten (EU:C:1986:307, punt 12).

( 38 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.

( 39 ) M. Morsa, Sécurité sociale, libre circulation et citoyennetés sociales, Anthemis, 2012, p. 142.

( 40 ) Sentenzi Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290) u Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339). Għal sunt tar-reazzjonijiet tad-duttrina għal din il-ġurisprudenza, ara, b’mod partikolari, F. Kessler, “Prestations familiales: une nouvelle remise en cause du principe d’unicité de la législation applicable”, Revue de jurisprudence sociale, 10 (2008), p. 770 sa 773; J.-Ph. Lhernould, “Ouverture de droits à prestations familiales dans deux États membres de l’Union: consolidation de nouveaux principes?”, Revue de jurisprudence sociale, 8-9 (2012), p. 583 sa 584; S. Devetzi, “The coordination of family benefits by Regulation 883/2004”, European Journal of Social Security, Volume 11, 1‑2 (2009), p. 205 sa 216, p. 212.

( 41 ) EU:C:2008:290, punt 32.

( 42 ) EU:C:2012:339, punt 49.

( 43 ) EU:C:1986:242. Bħala tfakkira, is-sentenza Ten Holder kienet tirrigwarda persuna li kienet temmet l-attivitajiet professjonali tagħha fil-Ġermanja, li kienet tirċievi minn dan l-Istat allowances għall-mard abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u li stabbilixxiet ruħha fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma reġgħet bdiet taħdem fl-imsemmi Stat matul iż-żmien li fih hija kienet qed tibbenefika mill-imsemmija allowances għall-mard. Madankollu, ma jidhirx li hija kienet definittivament waqfet kull attività professjonali u li ma kinitx ser terġa’ tibda attività fl-Istat ġdid ta’ residenza tagħha. Għalkemm l-ebda dispożizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 ma tirregola b’mod espliċitu din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih tali persuna wettqet attività fl-aħħar lok (il-Ġermanja) tibqa’ tapplika għaliha, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Ninnota hawn li llum, dawn it-tipi ta’ każijiet huma koperti mill-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71.

( 44 ) EU:C:1986:307. Bħala tfakkira, fis-sentenza Luitjen, l-istess prinċipju ta’ esklużività tal-leġiżlazzjoni applikabbli ġie sostnut mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-riskju ta’ applikazzjoni simultanja tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg u tal-Istat ta’ residenza li tippermetti lill-persuni assigurati li jibbenefikaw minn allowance tal-familja.

( 45 ) EU:C:2008:290. L-oriġini ta’ din il-kawża tinsab fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni Ġermaniża responsabbli għall-allowances tal-familja li ma tkomplix tagħti allowance tal-familja għal ulied dipendenti B. Bosmann, ċittadina Belġjana residenti fil-Ġermanja bit-tfal tagħha, mill-mument li fih hija saret persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan l-aħħar Stat Membru, it-tfal tagħha ma baqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dritt Olandiż biex jibbenefikaw mill-allowances korrispondenti.

( 46 ) EU:C:2012:339. Din is-sentenza, mogħtija fil-kuntest ta’ żewġ kawżi maqgħuda, kienet tirrigwarda żewġ ħaddiema Polakki li kienu jgħixu mal-familja tagħhom fil-Polonja u li kienu jaħdmu b’mod temporanju fil-Ġermanja, wieħed, bħala ħaddiem għal rasu fil-Polonja, fil-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien partikolari fis-sena u l-ieħor, persuna impjegata, fil-kuntest ta’ kollokament.

( 47 ) Sentenzi Bosmann (EU:C:2008:290, punt 32) u Hudzinski u Wawrzyniak (EU:C:2012:339, punt 49).

( 48 ) Sentenza van Delft et (C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 99).

( 49 ) Ibidem, punt 100.

( 50 ) Sentenzi von Chamier-Glisczinski (C‑208/07, EU:C:2009:455, punti 85 u 87), kif ukoll da Silva Martins (EU:C:2011:439, punt 72).

( 51 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenereali Jääskinen fil-kawża Reichel-Albert (EU:C:2012:114, punt 45).

( 52 ) Sentenza da Silva Martins (EU:C:2011:439, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ibidem punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 54 ) Sentenza Kits van Heijningen (EU:C:1990:183, punt 12).

( 55 ) Hawn ninnota li l-Artikolu 84(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha dwar emendi fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, ninnota, li mis-seduta jirriżulta li, mix-xahar ta’ Jannar 2013, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ġiet emendata fis-sens li l-ħaddiema li jwettqu attivitajiet professjonali żgħar huma wkoll koperti mill-assigurazzjoni għax-xjuħija u l-mard.

( 56 ) Riflessjoni fuq l-impatt tal-forom il-ġodda ta’ mobbiltà fuq ir-regolamenti ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tidher li hija meħtieġa. Ara, b’mod partikolari, Y. Jorens, u F. Van Overmeiren, “General principles of coordination in Regulation 883/2004”, European Journal of Social Security, Volume 11, 1‑2 (2009), p. 47 sa 79, p. 73.

( 57 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-passi li l-ħaddiema, li ma humiex residenti u li jixtiequ jkunu assigurati b’mod volontarju, għandhom jieħdu bl-inizjattiva tagħhom stess, kif ukoll ir-restrizzjonijiet assoċjati ma’ assigurazzjoni ta’ dan it-tip, bħall-osservanza tat-termini sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal assigurazzjoni, jikkostitwixxu elementi li jpoġġu ħaddiema, li ma humiex residenti, li għandhom biss il-possibbiltà ta’ assigurazzjoni volontarja, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mar-residenti, li huma koperti minn assigurazzjoni obbligatorja”. Ara s-sentenza Salemink (C‑347/10, EU:C:2012:17, punt 44).