KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 ( 1 )
Kawżi magħquda C-317/13 u C-679/13
Il-Parlament Ewropew
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
u
Kawża C-540/13
Il-Parlament Ewropew
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Rikors għal annullament — Bażi legali — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Miżuri ta’ implementazzjoni — Assenza ta’ konsultazzjoni tal-Parlament — Effett tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 — Għan — Effetti legali”
1. |
Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ġab bidliet sinjifikattivi fil-pajsaġġ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, li jifforma l-isfond legali sabiex jiġu adottati miżuri dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali fl-UE (li kien it-Titolu VI tat-Trattat UE) (ukoll iktar ’il quddiem it-“tielet pilastru”). Tradizzjonalment, it-tielet pilastru kien ikkaratterizzat minn teħid ta’ deċiżjonijiet intergovernattivi, u l-Parlament Ewropew kien igawdi biss sinjifikat marġinali. Iżda, permezz tal-“Lisbonizzazzjoni”, it-tielet pilastru ġie inkorporat fil-qafas sovranazzjonali tal-UE u, konsegwentement, il-proċessi deċiżjonali applikabbli ġew allinjati mill-ġdid ma’ dawk ta’ oqsma oħra tal-politika tal-UE. L-estensjoni għal dan il-qasam tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (li kienet il-“proċedura ta’ kodeċiżjoni”) saħħet b’hekk b’mod ġenerali l-pożizzjoni tal-Parlament bħala koleġiżlatur, li l-kompetenzi tiegħu f’dan il-qasam illum huma ugwali għal dawk tal-Kunsill. |
2. |
Dawn ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Parlament huma manifestazzjoni tal-kumplessitajiet ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-kawżi li qed jinstemgħu jirrigwardaw l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ( 2 ) dwar id-dispożizzjonijiet tranzitorji, anness mat-Trattati. Skont dan l-artikolu, l-effetti legali tal-atti adottati skont it-tielet pilastru qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu ppreżervati sakemm l-atti rilevanti jiġu rrevokati, isiru nulli jew jiġu emendati. Fid-dawl tal-interpretazzjoni adottata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità tiddetermina l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżuri adottati mill-Kunsill wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona abbażi ta’ atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Protokoll Nru 36
3. |
L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jgħid: “L-effetti legali ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta’ dawn it-Trattati. L-istess japplika għall-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” |
B – Id-deċiżjonijiet rilevanti
1. Id-Deċiżjoni tal-2005 ( 3 )
4. |
Id-Deċiżjoni tal-2005 ġiet adottata abbażi tat-Trattat UE ta’ qabel Lisbona u, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 29, 31(1)(e) u 34(2)(ċ) UE. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tat-tielet pilastru u tikkonċerna l-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
5. |
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2005, din id-deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għal skambju ta’ informazzjoni dwar sustanzi psikoattivi ġodda. Hija tipprovdi wkoll mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni tar-riskji sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li jiġu applikati miżuri ta’ kontroll fil-konfront ta’ dawn is-sustanzi. B’mod iktar ġenerali, id-Deċiżjoni tal-2005 tistabbilixxi mekkaniżmu intiż li jiżgura reazzjoni b’ħeffa u kkoordinata mill-Istati Membri għal sustanzi psikoattivi ġodda meqjusa li jikkostitwixxu riskju (għas-saħħa pubblika jew ta’ natura oħra). |
6. |
L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-2005 jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni, fil-konfront ta’ sustanzi psikoattivi speċifiċi ġodda, ta’ miżuri ta’ kontroll diġà applikati fi Istati Membri fil-konfront ta’ sustanzi narkotiċi u psikotropiċi. L-Artikolu 8(3) jgħid li d-deċiżjoni li miżuri ta’ kontroll jiġu applikati fil-konfront ta’ sustanza psikoattiva ġdida għandha tittieħed mill-Kunsill, b’maġġoranza kkwalifikata, abbażi tal-Artikolu 34(2)(ċ) UE. |
7. |
Skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-2005, meta tkun ittieħdet deċiżjoni għal dan l-għan mill-Kunsill, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa skont id-dritt nazzjonali sabiex jiżguraw li jiġu applikati miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali fil-konfront tas-sustanzi l-ġodda. |
8. |
Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13 jikkonċernaw deċiżjonijiet ( 4 ) meħuda mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005. |
2. Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1
9. |
Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1 tikkonċerna l-4-metilamfetammina li hija derivattiv sintetiku metilat fiċ-ċirku tal-amfetammina. Fil-preambolu tad-deċiżjoni jingħad li hija kienet adottata abbażi tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005. |
3. Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2
10. |
Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2 tikkonċerna derivattiv sintetiku tal-indol, li wieħed jista’ jgħid li għandu effetti alluċinoġeniċi. Bħal fil-każ tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1, fil-preambolu tad-deċiżjoni jingħad li hija kienet adottata abbażi tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005. |
4. Id-Deċiżjoni VIS ( 5 )
11. |
Id-Deċiżjoni VIS ( 6 ) ġiet adottata abbażi tat-Trattat UE ta’ qabel Lisbona u, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 30(1)(b) u 34(2)(ċ) UE. Bħad-Deċiżjoni tal-2005, id-Deċiżjoni VIS ġiet adottata għalhekk abbażi tat-tielet pilastru u tikkonċerna l-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
12. |
Il-VIS hija sistema għall-iskambju ta’ data dwar il-viżi bejn l-Istati Membri. Wieħed mill-għanijiet iddikjarati espressament tas-sistema huwa t-tisħiħ tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Sabiex jiġi żgurat li dan l-għan jinkiseb, il-Kunsill qies li kien jeħtieġ li jingħata aċċess għad-data disponibbli fil-VIS lill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà interna, kif ukoll lill-Europol. Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni VIS ġiet adottata sabiex tikkomplementa r-Regolament VIS ( 7 ). |
13. |
Minħabba d-diffikultajiet sabiex tiġi stabbilita s-sistema ta’ aċċess, ġie deċiż li d-Deċiżjoni VIS kienet ser tibda tapplika minn data sussegwenti, li kellha tiġi ddeterminata mill-Kunsill. L-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, għalhekk, jgħid li d-deċiżjoni kellha tibda tapplika minn data li kellha tiġi stabbilita mill-Kunsill malli l-Kummissjoni tkun għarrfet lill-Kunsill li r-Regolament VIS ikun daħal fis-seħħ u jkun applikabbli fl-intier tiegħu. |
5. Id-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni
14. |
Il-Kawża C‑540/13 tikkonċerna d-deċiżjoni ( 8 ) meħuda mill-Kunsill sabiex tiġi ffissata d-data ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni VIS. |
15. |
Malli ġie mgħarraf mill-Kummissjoni li r-Regolament VIS kien applikabbli fl-intier tiegħu, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni abbażi tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, id-Deċiżjoni VIS kellha tibda tapplika mill-1 ta’ Settembru 2013. |
II – Il-proċedura u t-talbiet
16. |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 2013 u tat-28 ta’ April 2014, ir-Repubblika tal-Awstrija ngħatat permess sabiex tintervjeni insostenn tal-Kunsill fil-Kawżi C‑317/13 u C‑679/13. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2014, dawk iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
A – Il-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13
17. |
Permezz tar-rikorsi tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
18. |
Il-Kunsill jitlob — sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward ta’ diversi talbiet — li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
B – Il-Kawża C‑540/13
19. |
Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
20. |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
C – Il-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, u l-Kawża C‑540/13
21. |
Il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014 għat-tliet kawżi ineżami. |
III – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. L-argumenti ewlenin imressqa mill-partijiet
22. |
Fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, il-Parlament jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, billi jallega li, f’kull każ, il-Kunsill kien uża bażi legali ħażina. Il-Kawża C‑540/13, min-naħa l-oħra, tikkonċerna deċiżjoni li biha l-Kunsill, billi jaġixxi skont l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, jiffissa d-data li fiha dik id-deċiżjoni tibda tapplika. Barra minn hekk, f’din il-kawża l-Parlament jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni, billi jerġa’ jallega l-użu tal-bażi legali l-ħażina. |
23. |
Minkejja d-differenzi ovvji, it-tliet kawżi għandhom rabta mill-qrib ħafna. Dan mhux biss minħabba li, fit-tliet kawżi, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq deċiżjoni adottata abbażi tal-ex tielet pilastru. Fit-tliet kawżi wkoll, iż-żewġ naħat ippreżentaw argumenti kważi identiċi. |
24. |
Hawnhekk ikolli nirrimarka li l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament, b’mod partikolari, ibatu minn nuqqas ta’ ċarezza u rigorożità. Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u mill-argumenti mressqa fis-seduta niddeduċi li l-Parlament jibbaża r-rikorsi tiegħu essenzjalment fuq żewġ motivi ta’ dritt. L-ewwel nett, huwa jgħid li l-Kunsill uża bażi legali ħażina għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, kif ukoll tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni. Skont il-Parlament, il-Kunsill irrikorra għal bażi legali mħassra jew, sussidjarjament, għal bażi legali sekondarja invalida. It-tieni nett, meta għamel hekk, il-Kunsill segwa proċess deċiżjonali li ma kienx previst fit-Trattat FUE ( 10 ). |
25. |
Dwar dan, il-Parlament jargumenta li, għalkemm id-Deċiżjonijiet 2013/129, 2013/496 u 2013/392 (kollettivament iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) jidentifikaw il-bażijiet legali tagħhom b’riferiment ġenerali għat-Trattat FUE u b’riferiment speċifiku, fl-ewwel żewġ każijiet, għall-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u, fit-tielet, għall-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma fir-realtà bbażati fuq l-Artikolu 34(2)(ċ) UE ( 11 ). Minħabba l-fatt li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE kien tħassar bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma, għalhekk, skont il-Parlament, ibbażati fuq bażi legali invalida. B’mod iktar speċifiku l-Parlament jargumenta li la l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u lanqas l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma jistgħu jintużaw bħala bażi legali għall-ebda waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
26. |
Skont il-Parlament, il-korollarju loġiku tat-tħassir tal-Artikolu 34(2)(c) UE huwa li l-miżuri tad-dritt sekondarju li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jipprovdu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni, ma jistgħux jiġu applikati iktar. L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ma għandu ebda effett, fil-fehma tal-Parlament, fuq din l-analiżi. Peress li din id-dispożizzjoni tranżitorja hija eċċezzjoni għar-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat FUE, hija għandha tiġi interpretata restrittivament. |
27. |
Il-Kunsill, sostnut mill-Gvern Awstrijak fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, ma jaqbilx. Huwa jsostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati setgħu kienu bbażati validament, skont il-każ, fuq l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jew fuq l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. |
28. |
Barra minn hekk, fl-għeluq tal-proċedura bil-miktub kien hemm konfużjoni kunsiderevoli dwar jekk il-Parlament ressaqx, sussidjarjament, l-argument tal-illegalità fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS. Din il-konfużjoni tkebbset mid-diskussjoni fit-tul kemm dwar l-ammissibbiltà kif ukoll dwar is-sustanza ta’ dan l-argument imressaq miż-żewġ partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ( 12 ). Madankollu, waqt is-seduta l-Parlament iċċara l-affarijiet billi qal li ma kellux dubju dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet bażiċi (jew ta’ partijiet minnhom), bħala tali. Huwa argumenta biss li, b’riżultat tat-tħassir tal-Artikolu 34(2)(ċ) UE u tal-Artikolu 39 UE, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma setgħux jintużaw iktar għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati: fil-fehma tiegħu, l-użu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal dan l-għan kien ifisser l-użu ta’ bażi legali sekondarja invalida li ma kinitx prevista fit-Trattat FUE. |
2. Il-kwistjonijiet ewlenin sottostanti f’dawn il-kawżi
29. |
F’dawn il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li mingħajr dubju huma ta’ importanza kostituzzjonali. Dawn il-kwistjonijiet jirrigwardaw is-sistema istituzzjonali tal-UE u l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali li jifforma l-pedament tal-arkitettura kostituzzjonali tal-UE ( 13 ). B’mod iktar speċifiku, il-kawżi ineżami jqajmu kwistjoni istituzzjonali mingħajr preċedent li tirriżulta mill-kumplessitajiet inerenti fil-“Lisbonizzazzjoni” tal-ex tielet pilastru intergovernattiv li jirregola l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja kriminali u tal-pulizija. |
30. |
Kuntrarjament għall-acquis ta’ Schengen, li ġie inkorporat fil-qafas ġuridiku u istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma kien hemm ħtieġa ta’ miżuri tranżitorji partikolari ( 14 ), il-“Lisbonizzazzjoni” tat-tielet pilastru għaxar snin wara kienet maħsuba li ssir b’mod iktar gradwali. Dan jidher b’mod ċar mill-fatt li t-Trattat FUE issa għandu regoli tranżitorji speċifiċi dwar atti adottati skont it-tielet pilastru. L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jistabbilixxi waħda minn dawn ir-regoli. |
31. |
Is-sigriet għar-riżoluzzjoni ta’ dawn il-kawżi jinsab fid-determinazzjoni tal-portata tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. Tabilħaqq, l-azzjonijiet ippreżentati mill-Parlament jirnexxu jew ifallu skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Parlament jargumenta li, essenzjalment, mingħajr is-sostenn tal-Artikolu 34(2)(ċ) UE, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma kinux jistgħu jservu ta’ bażi legali għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fehma tiegħu, il-qafas ġenerali tat-TFUE kellu japplika u li konsegwentement kien hemm żewġ għażliet biss possibbli sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu adottati validament. |
32. |
Skont l-ewwel għażla, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati tqiesu li jirregolaw element essenzjali tal-qasam irregolat, huma messhom ġew adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, skont l-Artikolu 83(1) TFUE fil-każ tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, u skont l-Artikoli 87 u 88 TFUE fl-każ tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni. Skont l-għażla l-oħra, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati tqiesu li jirregolaw elementi mhux essenzjali, id-deċiżjonijiet bażiċi messhom ġew emendati (skont il-proċeduri stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-Trattat FUE) sabiex jiġi speċifikat jekk wieħed kellux jirrikorri, skont il-każ, għal att iddelegat jew għal att ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE ( 15 ). Irrispettivament minn jekk kinitx adottata l-ewwel għażla jew dik alternattiva, il-Parlament kien ikun aġixxa bħala koleġiżlatur. |
33. |
Il-Kunsill, min-naħa l-oħra, jargumenta li huwa kellu s-setgħa, preċiżament minħabba l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, li jkompli jadotta miżuri (ta’ implementazzjoni) abbażi ta’ atti li għalihom għandu japplika l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36; u li din tibqa’ l-pożizzjoni, sakemm dawn l-atti ma jiġux mħassra, annullati jew emendati. |
34. |
F’dan l-istadju, teħtieġ li ssir kjarifika importanti. Il-Parlament jimplika li d-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħu ma jkunux, fil-fatt, miżuri ta’ implementazzjoni, peress li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jitqiesu li jirregolaw elementi essenzjali tal-qasam irregolat ( 16 ). Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 52 sa 55 iktar ’l isfel, ma naqbilx ma din il-fehma. |
35. |
Hu x’inhu, id-distinzjoni mħaddma mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward ta’ elementi essenzjali u mhux essenzjali ( 17 ) ma hijiex, f’kull każ, rilevanti fil-kawżi ineżami. Hija raġuni hija li, minħabba l-interpretazzjoni proposta, spjegata iktar ’l isfel, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, il-qafas ġenerali tat-TFUE ma huwiex intiż li japplika għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ għażliet imsemmija iktar ’il fuq. |
36. |
Għaldaqstant, ser nittratta l-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-kawżi billi l-ewwel nanalizza l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 fid-dettall. Abbażi tal-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, mbagħad ngħaddi biex nevalwa fil-qosor l-argumenti mressqa mill-partijiet fit-tliet kawżi. Kif hija l-intenzjoni tiegħi li nuri, in-neċessità li tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi u ordnata għall-qafas istituzzjonali l-ġdid għandha tkun ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. |
B – It-tifsira tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36
1. Interpretazzjoni restrittiva jew estensiva?
37. |
Kif diġà sar riferiment iktar ’il fuq, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jistabbilixxi s-sistema tranżitorja għal atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ta’ qabel Lisbona. Skont din ir-regola, l-effetti legali ta’ dawn l-atti għandhom jinżammu sakemm jiġu mħassra, annullati jew emendati skont it-Trattati. Il-partijiet jaqblu li l-Artikolu 9 għandu jiġi applikat fir-rigward tad-deċiżjonijiet bażiċi. Madankollu, il-qbil jintemm hemmhekk. |
38. |
Il-Parlament isostni li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ma huwiex rilevanti għal-legalità ta’ atti bħalma huma d-deċiżjonijiet ikkontestati, adottati wara Lisbona. Fil-fehma tiegħu, il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għar-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat FUE. |
39. |
Għaldaqstant, il-Parlament jieħu pożizzjoni restrittiva (għalkemm huwa stess jgħid mod ieħor) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 billi jsostni li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata restrittivament. B’mod iktar speċifiku, huwa jargumenta li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 huwa maħsub biss sabiex jiġi żgurat li, minkejja d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, atti adottati skont l-ex tielet pilastru ma jitħassrux awtomatikament. Dawn l-atti (bħal deċiżjonijiet qafas) jibqgħu jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jinkisbu, mingħajr ma jkollhom effett dirett. Madankollu l-Parlament jiċħad l-idea li dispożizzjonijiet stabbiliti f’atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 9 u li jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kunsill (bħalma huwa l-każ tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS) ikomplu jkunu applikabbli fil-pajsaġġ kostituzzjonali l-ġdid. |
40. |
Il-Kunsill, għall-kuntrarju, jadotta interpretazzjoni iktar estensiva tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. Huwa jargumenta li d-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti f’atti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 9 iżommu fis-seħħ l-effetti legali tagħhom, inklużi dawk li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. |
41. |
Ċertament l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 huwa altru milli mhux ambigwu. Fil-fatt ma hemm xejn li, mill-bidu nett, jeskludi definittivament l-interpretazzjoni restrittiva proposta mill-Parlament jew, wara kollox, it-tifsira wiesgħa li l-Kunsill jiffavorixxi. It-tnejn għandhom xi mertu. Madankollu, għalkemm l-interpretazzjoni li l-Parlament jargumenta favur tagħha timplika tranżizzjoni ta’ malajr għas-sistema l-ġdida, nemmen li din tista’ twassal għal konsegwenzi li ma jkunux raġonevoli. |
2. Tranżizzjoni mingħajr problemi għall-kuntest ġuridiku l-ġdid
42. |
Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tiegħu u, b’mod iktar speċifiku, billi jiġi kkunsidrat l-għan globali tiegħu. Tabilħaqq, filwaqt li regoli tranżitorji jistgħu jsegwu għadd ta’ għanijiet differenti, jiena nsostni li ġeneralment huma jkunu intiżi sabiex jiżguraw tranżizzjoni ordinata u koerenti għal sistema ġdida ( 18 ). Fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża nemmen li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 għandu jinftiehem bħala għodda intiża sabiex tiżgura tranżizzjoni mingħajr problemi minn sistema għal oħra. |
43. |
Għalkemm regoli ġodda bla dubju jġibu bidliet sinjifikattivi għal kull sistema legali partikolari, l-eżistenza fiha nfisha ta’ regoli tranżitorji f’dan il-kuntest tindika, fil-fehma tiegħi, li dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Lisbona ma nsewx id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fil-proċess ta’ riallinjament. Dan jirriżulta b’mod ċar mid-Dikjarazzjoni Nru 50 annessa mat-Trattati ( 19 ). Din id-dikjarazzjoni tistieden lill-istituzzjonijiet sabiex jagħmlu ħilithom sabiex jadottaw, fil-każijiet xierqa u fejn ikun possibbli fi żmien ħames snin kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 36, l-atti leġiżlattivi li jemendaw jew jissostitwixxu l-atti tat-tielet pilastru li kienu jeżistu qabel ( 20 ). |
44. |
Għalhekk id-dikjarazzjoni tinkoraġġixxi b’mod ċar lil-leġiżlatur sabiex jieħu l-passi meħtieġa sabiex jallinja mill-ġdid l-ex miżuri tat-tielet pilastru mal-qafas ġuridiku l-ġdid. Jiena nifhem madankollu li din id-dikjarazzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, li żżomm fis-seħħ l-effetti legali ta’ atti adottati skont it-tielet pilastru (mingħajr ma tispeċifika ebda terminu), tindika li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 huwa intiż li jiżgura tranżizzjoni mis-sistema intergovernattiva l-antika għall-qafas ġenerali tal-UE kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li taċċetta l-limitazzjonijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċess leġiżlattiv. Tabilħaqq, kieku dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Lisbona xtaqu li jiżguraw li l-proċess ta’ tranżizzjoni jitlesta b’mod sħiħ f’ċertu perijodu ta’ żmien, l-Artikolu 9 bla dubju kien jindika xi termini għal dan il-għan. |
45. |
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, sabiex l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jiġi interpretat sewwa, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu għal-Lisbonizzazzjoni tat-tielet pilastru u l-introduzzjoni tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali fil-qafas usa’ tal-UE. Tabilħaqq, regoli tranżitorji huma x’aktarx wisq iktar importanti meta jseħħu bidliet fl-arkitettura kostituzzjonali. F’dan il-kuntest, huwa evidenti li miżuri tranżitorji bħal dawk stabbiliti fil-Protokoll Nru 36 huma intiżi sabiex jiżguraw tranżizzjoni mingħajr problemi għas-sistema l-ġdida (u jiżguraw livell ta’ kontinwità). Għaldaqstant, nemmen li l-ħsieb sottostanti ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 9 huwa li jiġi evitat tfixkil bla bżonn fl-applikazzjoni ta’ atti ġuridiċi adottati skont qafas li ma jeżistix iktar. |
46. |
Sabiex inkun iktar speċifiku, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jissuġġetta sustanzi psikoattivi ġodda għal miżuri ta’ kontroll. L-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS jagħti s-setgħa lill-Kunsill sabiex jiffissa d-data li fiha d-Deċiżjoni VIS għandha tibda tapplika. Iż-żewġ dispożizzjonijiet, għalhekk, jagħtu setgħat (eżekuttivi) lill-Kunsill. Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bażiċi, dan l-għoti ta’ setgħat kien ibbażat — kif jirrikonoxxu ż-żewġ partijiet — fuq l-Artikolu 34(2)(ċ) UE. Għalkemm dan huwa teoretikament possibbli, ikun jidher kemxejn illoġiku li jingħad, hekk kif jagħmel il-Parlament, li l-kunċett ta’ “effetti legali” ( 21 ), imsemmi fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, jirreferi biss għal ftit, iżda mhux għal kollha, mill-effetti kkawżati mill-atti inkwistjoni. Skont din l-interpretazzjoni, il-kunċett ta’ “effetti legali” ma jkoprix effetti li jikkonċernaw il-possibbiltà li jiġu adottati l-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji sabiex jiġi żgurat li atti adottati taħt l-ex tielet pilastru jkomplu jkunu effettivi jew tabilħaqq, bħal fil-każ tad-Deċiżjoni VIS, tkun tista’ ssir l-applikazzjoni tagħhom. |
47. |
Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9 ma jagħmilx distinzjoni bħal din bejn tipi differenti ta’ effetti legali. F’dan il-kuntest, jidhirli wkoll li l-argument imressaq mill-Kunsill huwa partikolarment konvinċenti. Jekk l-interpretazzjoni restrittiva (u xi ftit selettiva) mogħtija mill-Parlament dwar l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 kellha tiġi aċċettata, dan ikun jinvolvi l-paraliżi ta’ għadd ta’ atti adottati qabel Lisbona li jkun jeħtiġilhom aġġornament kostanti sabiex iwettqu l-funzjoni tagħhom. Dan kien ikun notevolment il-każ kieku l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 kellu jieqaf awtomatikament milli jipproduċi effetti wara Lisbona. Id-data tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni VIS kienet ukoll tittawwal kunsiderevolment. |
48. |
Huwa importanti wkoll li wieħed jiftakar li l-leġiżlatur għandu biss għażliet limitati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida (jew meta jiġu emendati partijiet eżistenti ta’ leġiżlazzjoni). L-għażla li jiġu emendati atti adottati abbażi tal-ex tielet pilastru hija waħda ta’ politika li għandha tibqa’ eżattament hekk. Interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 tpoġġi f’dan ir-rigward piż mhux iġġustifikat fuq il-proċedura leġiżlattiva u tillimita l-għażla disponibbli għal-leġiżlatur dwar liema proposti huwa jkun jixtieq iressaq. Fi kliem ieħor, dan iġib miegħu sempliċement ħela ta’ riżorsi ( 22 ). |
49. |
Huwa minnu li l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali intuża sikwit sabiex jissaħħaħ ir-rwol (oriġinarjament konsultattiv biss) tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv ( 23 ). Madankollu, ma hemmx għalfejn jingħad li dan l-prinċipju ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti, awtomatikament, iktar setgħat lill-Parlament bi ħsara għal istituzzjonijiet oħra ( 24 ). B’mod iktar fundamentali, dan il-prinċipju għandu jiġi applikat b’mod li jiggarantixxi l-osservanza tat-tqassim ta’ setgħat bejn l-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-Trattat (u, bħalma huwa l-każ hawnhekk, fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36). |
50. |
Fid-dawl ta’ dan, huwa diffiċli li ma tiġix appoġġata l-idea tat-tisħiħ tal-involviment tal-Parlament fl-adozzjoni ta’ atti konnessi mal-ex tielet pilastru. Tabilħaqq, dan huwa konformi mal-għan iktar ġenerali tal-proċess ta’ Lisbonizzazzjoni li r-responsabbiltà demokratika tissaħħaħ f’dan il-qasam ( 25 ). |
51. |
Madankollu, sakemm l-att inkwistjoni ma jkunx għadu ġie mħassar, annullat jew emendat, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ikompli japplika bħala lex specialis, meta mqabbel mar-regoli ġenerali tat-Trattat FUE. L-istess jista’ jingħad dwar l-għoti ta’ setgħat lill-Kunsill sabiex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ dawn l-atti. |
3. X’jikkostitwixxi emenda?
52. |
Ċertament wieħed jista’ jargumenta (kif jagħmel każwalment il-Parlament u mingħajr ma jelabora iktar dwar dan il-punt) li d-deċiżjonijiet ikkontestati — u, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni — jikkostitwixxu emendi għad-deċiżjonijiet bażiċi. Jekk dan huwa minnu, ikun ifisser li għandhom jiġu applikati r-regoli ġenerali tat-Trattat FUE. |
53. |
Din il-fehma tippresupponi interpretazzjoni estremament wiesa’ ta’ x’inhi emenda. Din twassal sabiex, essenzjalment, kull miżura (ta’ implementazzjoni) — li tibbaża ruħa, għal-legalità tagħha, fuq att tal-ex tielet pilastru u li għalih għandu jiġi applikat a priori l-Artikolu 9 — adottata wara Lisbona tista’ tiġi interpretata bħala emenda tal-att bażiku inkwistjoni ( 26 ). |
54. |
L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, dawn id-deċiżjonijiet ma jaffettwawx, fl-opinjoni tiegħi, l-għażliet ta’ politika involuti sabiex tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-evalwazzjoni ta’ riskji relatati ma’ sustanzi psikoattivi ġodda, kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-2005. Dawn id-deċiżjonijiet jiżguraw pjuttost li d-Deċiżjoni tal-2005 tiġi applikata b’mod effettiv fir-rigward ta’ sustanzi li jkunu għadhom ġew skoperti. Għalkemm jestendu l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2005 għal sustanzi ġodda, id-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni b’ebda mod ma jemendaw is-sistema stabbilita b’din id-deċiżjoni. |
55. |
It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, ninnota li l-iffissar ta’ data ta’ applikazzjoni għad-Deċiżjoni VIS ma jaffettwax is-sustanza tad-Deċiżjoni VIS jew id-dħul fis-seħħ attwali ta’ din id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-2008 bħala parti minn pakkett ta’ miżuri li jinkludi wkoll ir-Regolament VIS. F’dan is-sens, kuntrarjament għad-data ta’ dħul fis-seħħ, l-iffissar ta’ data ta’ applikazzjoni jikkostitwixxi sempliċement miżura purament eżekuttiva maħsuba sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tiegħu fl-Unjoni Ewropea kollha. |
56. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, issa ser ngħaddi sabiex nevalwa l-argumenti mressqa mill-partijiet dwar il-bażijiet legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
C – Il-bażijiet legal tad-deċiżjonijiet ikkontestati
57. |
B’mod mhux tas-soltu, il-partijiet ma jaqblux mhux biss dwar il-validità tal-bażijiet legali użati, iżda wkoll dwar il-bażijiet legali nfishom tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk, qabel ma tkun tista’ tiġi evalwata l-validità tal-bażijiet legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-ewwel għandu jiġi ddeterminat fuq liema bażijiet ġew attwalment adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati. |
58. |
Bħala motiv prinċipali, il-Parlament jargumenta li l-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija fil-fatt l-Artikolu 34(2)(ċ) UE mħassar. Għalkemm il-Kunsill ma jaqbilx dwar dan il-punt, iż-żewġ partijiet jaqblu li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali valida għad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li tħassar meta t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ skont il-punt 51 tal-Artikolu 1 tat-Trattat ta’ Lisbona. Tabilħaqq, fil-qafas kostituzzjonali attwali, ma hemmx miżura tranżitorja sabiex jinżammu l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni mħassra matul perijodu tranżitorju. Madankollu, il-partijiet jisiltu konklużjonijiet differenti ħafna minn dan il-fatt stabbilit. |
59. |
L-ewwel punt li għandu jiġi nnotat huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina sistematikament il-validità tal-bażi legali ta’ att b’riferiment għall-elementi li jistgħu jiġu dedotti mill-att inkwistjoni. Fir-rigward ukoll tal-obbligu li tiġi indikata b’mod ċar il-bażi legali ta’ miżura tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li n-nuqqas li tiġi speċifikata dispożizzjoni preċiża tat-Trattat ma jikkostitwixxix awtomatikament ksur tal-forom proċedurali sostanzjali sakemm il-bażi legali ta’ miżura tkun tista’ tiġi ddeterminata minn partijiet oħra ta’ dik il-miżura ( 27 ). |
60. |
La l-Artikolu 34(2)(ċ) UE u, wara kollox, lanqas l-ex Trattat UE ma jissemmew fid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt tassew separat mill-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tissemmiex fid-deċiżjonijiet bażiċi u x’implikazzjonijiet dan jista’ jkollu għal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet) ( 28 ). Id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjonijiet bażiċi (Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, skont il-każ) u għat-Trattat FUE fl-intier tiegħu. |
61. |
Minħabba l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja kif deskritt iktar ’il fuq fir-rigward tal-validità tal-bażi legali ta’ att u fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjonijiet bażiċi u tat-Trattat FUE, għandi diffikultà sabiex nifhem għaliex l-Artikolu 34(2)(ċ) UE huwa ta’ rilevanza hawnhekk. Din id-dispożizzjoni tat sempliċement lill-Kunsill, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħa li jieħu miżuri sabiex jiżgura l-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Huwa minnu li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jirreferi tabilħaqq għal din id-dispożizzjoni (filwaqt li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma jagħmilx hekk). Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dan ir-riferiment (jew l-assenza tiegħu) ma għad għandu ebda rilevanza fil-kuntest ta’ din l-analiżi. Peress li t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati kollha ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiena konvint li t-Trattat FUE jikkostitwixxi l-uniku qafas rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tagħhom (u tal-kompetenza tal-Kunsill li jadottahom). |
62. |
F’dan ir-rigward, ma jidhirx li hemm xi dubju dwar il-bażi legali attwalment użata sabiex ittieħdu d-deċiżjonijiet ikkontestati: kif indikat fil-preambolu ta’ kull deċiżjoni, id-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni ġew adottati abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u tat-Trattat FUE, u d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS u tat-Trattat FUE. |
63. |
Hawnhekk ikolli nindirizza l-argument tal-Parlament li r-riferiment għat-Trattat FUE (fl-intier tiegħu) huwa, f’kull każ, ġenerali wisq sabiex jikkostitwixxi bażi legali adegwata. Dan ir-riferiment vag ikun sors ta’ inċertezza legali. |
64. |
Bħala regola, riferiment mhux preċiż għat-Trattat, bħar-riferiment inkwistjoni hawnhekk, iwassalni sabiex nikkonkludi li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati. Tabilħaqq, in-nuqqas li tiġi identifikata b’mod ċar il-bażi legali użata — bħalma jintalab bħala prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja — huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju tal-għoti ta’ setgħat ( 29 ). Madankollu, fil-kuntest partikolari ta’ dawn il-kawżi, ma naqbilx mal-Parlament. Minbarra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat FUE ma tidher li hija ta’ rilevanza hawnhekk. |
65. |
Għalkemm il-Kunsill seta’ ċertament daħħal riferiment għall-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, kemm dak ir-riferiment seta’ kien ta’ għajnuna jibqa’ dubjuż: tabilħaqq, din id-dispożizzjoni tranżitorja ma tistabbilixxi ebda regola sostanzjali li setgħet intużat bħala bażi legali. Minflok, hija sempliċement iżżomm fis-seħħ l-effetti ta’ atti ta’ liġi sekondarja li jaqgħu taħt l-ex tielet pilastru, sakemm dawk l-atti jiġu mħassra, issostitwiti jew annullati. F’dan il-kuntest partikolari, huwa preċiżament minħabba l-bażijiet legali “sekondarji” — jiġifieri l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS — li jissostanzjaw ir-riferiment ġenerali għat-Trattat FUE li dak ir-riferiment ġenerali għat-Trattat jista’ jiġi aċċettat. |
66. |
Kif issemma iktar ’il fuq, la d-Deċiżjoni tal-2005 u lanqas id-Deċiżjoni VIS ma ġew emendati sa issa. Għalhekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jagħmlu riferiment espress għall-Artikoli 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u għall-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, skont il-każ, u għat-Trattat FUE b’mod ġenerali, jikkostitwixxi fil-fehma tiegħi indikazzjoni suffiċjenti tal-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
67. |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, l-interpretazzjoni adottata iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ser tkun deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill setax jadotta legalment id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq din il-bażi. |
68. |
Fid-dawl tal-interpretazzjoni proposta fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma nistax naċċetta l-pożizzjoni sostnuta mill-Parlament fir-rigward tal-invalidità tal-bażijiet legali użati sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fid-dawl tal-fatt li nemmen li l-idea ta’ tranżizzjoni mingħajr problemi għandha tkun ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li żżomm fis-seħħ l-effetti kollha tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, sakemm id-deċiżjonijiet bażiċi ma jkunux ġew emendati, il-kompetenza mogħtija lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni żżomm fis-seħħ l-effetti kollha tagħha. Fi kliem ieħor, sabiex ir-regoli ġenerali tal-UE jibdew joperaw, ikun meħtieġ li d-deċiżjonijiet bażiċi jiġu emendati. Is-setgħa li tiġi proposta l-emenda — jew, tabilħaqq, is-sostituzzjoni jew it-tħassir — ta’ dawn l-atti tibqa’, madankollu, il-prerogattiva tal-Kummissjoni. Kif diġà spjegajt, jiena konvint li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux emendi għad-deċiżjonijiet bażiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. |
69. |
Din hija r-raġuni għaliex jiena nikkonkludi li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fuq il-bażi legali korretta. |
70. |
Konklużjoni f’dan is-sens tkun biżżejjed sabiex ir-rikorsi ppreżentati mill-Parlament f’dawn il-kawżi jiġu miċħuda bħala infondati. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta’ żewġ kwistjonijiet li dwarhom kien hemm dibattitu estensiv mill-partijiet matul dawn il-proċeduri: l-użu ta’ bażi legali sekondarja u l-fatt li l-Parlament ma ġiex ikkonsultat. |
D – Kwistjonijiet oħra: użu ta ’ bażi legali sekondarja u konsultazzjoni tal-Parlament
71. |
Matul il-proċeduri, il-Parlament ilmenta ripetutament li huwa ma kienx ġie involut fil-proċess deċiżjonali, bħalma kien jiġri skont is-sistema li kien hemm qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll skont il-qafas ġenerali tat-Trattat FUE. Madankollu, waqt is-seduta deher ċar li l-Parlament ma kienx talab li jiġi kkonsultat fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati bħala tali. L-argument relatat mal-assenza ta’ konsultazzjoni kien sempliċi mezz sabiex jintwera li l-proċess deċiżjonali segwit mill-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet ikkontestati kien differenti minn dak li kien jeżisti qabel Lisbona u li, fil-fehma tal-Parlament, kellu jiġi segwit sabiex il-qafas ġenerali tat-Trattat FUE jiġi applikat b’mod korrett ( 30 ). |
72. |
F’dan l-istadju jeħtieġ niftakru ftit li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikoli 34(2)(ċ) u 39 UE tħassru. Kif iż-żewġ partijiet josservaw, dawn id-dispożizzjonijiet, għalhekk, waqfu milli jipproduċu effetti legali u ma jistgħux jintużaw bħala qies sabiex tiġi indikata l-proċedura adatta għat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk — u speċjalment fid-dawl tal-prinċipju ta’ tempus regit actum — bilkemm wieħed jista’ jargumenta li seta’ jkompli jeżisti obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat bis-saħħa tal-Artikolu 39 UE ( 31 ). Dan kollu jidher li huwa ċar. Madankollu jibqa’ jippersisti nuqqas ta’ qbil kunsiderevoli dwar jekk it-tħassir tal-ex Trattat UE jfissirx li l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS issa jikkostitwixxux bażijiet legali sekondarji invalidi ( 32 ), l-iktar minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet ma jitolbux il-konsultazzjoni tal-Parlament ( 33 ). |
73. |
Kif diġà ssemma diversi drabi iktar ’il fuq, il-fatt li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE tħassar ma għandu ebda effett fuq l-għoti ta’ setgħat ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS. Ir-raġuni għal dan huwa l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. Din id-dispożizzjoni żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ għoti ta’ setgħat minkejja t-tħassir tal-qafas kostituzzjonali li fih kienu ġew adottati d-Deċiżjoni tal-2005 u d-Deċiżjoni VIS. |
74. |
Minkejja r-riskju li qed ngħid l-ovvju, għandu jingħad li dak il-qafas ġie ssostitwit bit-Trattat FUE. Madankollu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jifforma parti integrali minn dan it-Trattat, u għalhekk mill-qafas kostituzzjonali l-ġdid ( 34 ). Hija din id-dispożizzjoni ta’ liġi primarja li tippermetti li jkomplu jintużaw setgħat ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kunsill qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li żżomm fis-seħħ l-effetti, matul il-perijodu tranżitorju, ta’ kull għotja eżistenti ta’ setgħat ta’ implementazzjoni. Minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 9, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS bl-ebda mod ma jmorru lil hinn mir-regoli stabbiliti mit-Trattat FUE b’mod li jikkostitwixxu bażijiet legali sekondarji invalidi. |
75. |
Ċertament huwa minnu li wieħed jista’ jargumenta li l-obbligu ta’ qabel Lisbona li ssir konsultazzjoni abbażi tal-Artikolu 39 UE ma jiqafx jeżisti sempliċement għaliex ikun inbidel il-qafas kostituzzjonali. Il-fatt li dan l-obbligu jibqa’ jeżisti huwa konsistenti mal-għan tal-proċess ta’ Lisbonizzazzjoni sabiex jissaħħaħ l-involviment tal-Parlament fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
76. |
Madankollu, nemmen li għandha tingħata importanza partikolari lill-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, li sempliċement iżomm fis-seħħ l-effetti legali ta’ strumenti eżistenti ta’ liġi sekondarja adottati abbażi tal-ex tielet pilastru. Fid-dawl tal-fatt li kemm din id-dispożizzjoni ta’ liġi primarja kif ukoll it-Trattat FUE inġenerali ma jsemmux l-obbligu li jiġi kkonsultat il-Parlament fir-rigward ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati abbażi ta’ setgħat mogħtija qabel, jiena ma nqisx li jkun xieraq li nasal għall-eżistenza ta’ tali obbligu fit-Trattat FUE attwali. Dan iktar u iktar għaliex kemm l-Artikolu 34(2)(ċ) kif ukoll l-Artikolu 39 UE tħassru skont il-punt 51 tal-Artikolu 1 tat-Trattat ta’ Lisbona ( 35 ). Għaldaqstant deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni meħuda fuq il-bażi doppja ta’ atti tat-tielet pilastru u tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jikkostitwixxu, ad interim, tip speċjali ta’ miżura li ma titlobx l-involviment tal-Parlament għall-adozzjoni tagħha. |
77. |
Għalhekk nikkonkludi li t-tliet rikorsi ppreżentati mill-Parlament fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, u fil-Kawża C‑540/13 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx bżonn li tiġi ttrattata t-talba magħmula miż-żewġ partijiet dwar il-ħtieġa li jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm jiġu ssostitwiti b’atti ġodda. |
E – Spejjeż
78. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Fit-tliet kawżi l-Kunsill talab l-ispejjeż u l-Parlament tilef. |
79. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13. |
IV – Konklużjoni
80. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) L-Artikolu 9 jinsab fit-Titolu VII ta’ dan il-protokoll, li jikkonċerna atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tal-verżjoni ta’ qabel Lisbona tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, tal-10 ta’ Mejju 2005, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 30).
( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE, tas-7 ta’ Marzu 2013, li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 72, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1”), u Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE, tas-7 ta’ Ottubru 2013, dwar l-issuġġettar ta’ 5-(2-aminnopropil)indol għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 272, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2”), (jew, kollettivament, id-“deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni”).
( 5 ) Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. Il-VIS ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2004, li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 60).
( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, p. 129).
( 7 ) Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60).
( 8 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/392/UE, tat-22 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 198, p. 45), (jew, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni”).
( 9 ) Il-Parlament jsostni, sussidjarjament, li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jikkostitwixxi bażi legali sekondarja invalida. Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jinterpreta dan l-ilment bħala eċċezzjoni ta’ illegalità skont it-tifsira tal-Artikolu 277 TFUE. Minkejja li ma saritx talba espressa għal dan il-għan fil-Kawża C‑540/13, jeżisti argument simili dwar id-Deċiżjoni VIS fit-test prinċipali tal-osservazzjonijiet tal-Kunsill f’dik il-kawża.
( 10 ) Minkejja li l-motivi invokati mill-partijiet fit-tliet kawżi huma simili, dawn il-motivi huma ppreżentati bil-maqlub fil-Kawża C‑679/13 u fil-Kawża C‑540/13, meta mqabbla mal-Kawża C‑317/13. Il-Parlament jikkontesta l-proċedura segwita, minħabba li, skont ir-regoli fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament kellu jiġi kkonsultat skont l-Artikolu 39 EU meta l-Kunsill adotta deċiżjonijiet taħt it-tielet pilastru.
( 11 ) L-Artikolu 34(2)(ċ) UE ta lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta b’maġġoranza kkwalifikata miżuri neċessarji sabiex jiġu implementati fil-livell tal-UE deċiżjonijiet konsistenti mal-għanijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE, bl-esklużjoni ta’ kull approssimazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri, adottati skont din id-dispożizzjoni.
( 12 ) Il-konfużjoni setgħet, fil-fatt, oriġinat mir-risposta tal-Kunsill fil-Kawża C‑317/13. Il-Kunsill interpreta l-argumenti mressqa mill-Parlament fir-rikors tiegħu fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bħala eċċezzjoni ta’ illegalità skont it-tifsira tal-Artikolu 277 TFUE. Madankollu, il-Parlament ma għamel ebda sforz sabiex jiċċara l-kwistjoni fir-replika tiegħu jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub l-oħra. Għall-kuntrarju, il-Parlament kompla jikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ qbil billi ta lill-Qorti tal-Ġustizzja spjegazzjonijiet fit-tul dwar, b’mod partikolari, ir-raġunijiet għaliex il-Parlament kellu jkollu locus standi sabiex jikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni tal-2005 u dik tad-Deċiżjoni VIS (iktar ’il quddiem, kollettivament, id-“deċiżjonijiet bażiċi”).
( 13 ) Għal ħarsa ġenerali tal-evoluzzjoni tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ bilanċ istituzzjonali fis-sistema legali tal-UE ara J.‑P. Jacqué, “The Principle of Institutional Balance”, 41(2004) Common Market Law Review, p. 383 sa 391. Ara wkoll D. Curtin, “EU Constitution as Architecture – Separation of Powers in the Twenty-First Century”, f’J.-H. Reestman, A. Schrauwen, M. van Montfrans u J. Jans, De Regels en het spel – Opstellen over recht, filosofie, literatuur en geschiedenis aangeboden aan Tom Eijsbouts, TMC Asser Press, The Hague: 2011, p. 123 sa 133, b’mod partikolari f’126 et seq. Għal diskussjoni iktar bikrija tal-prinċipju fil-ġurisprudenza, ara s-sentenza Meroni vs High Authority, 9/56, EU:C:1958:7.
( 14 ) Dan sar wara li ġie ffirmat it-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999. F’dan il-kuntest, il-Kunsill kellu jagħmel lista tal-elementi tal-miżuri ta’ Schengen li jifformaw l-acquis, billi jistabbilixxi l-bażi legali korrispondenti għal kull wieħed minn dawn l-elementi fit-Trattati (it-Trattat KE jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Dan sar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999, dwar id-definizzjoni tal-acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jista[b]bilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għall-kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 136) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformita mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbil[i]xxi l-Komunita Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152).
( 15 ) Barra minn hekk, skont l-għażla l-oħra, id-deċiżjonijiet bażiċi setgħu jiġu emendati ukoll billi tiddaħħal dispożizzjoni dwar, fil-każ tad-Deċiżjoni tal-2005, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll fil-konfront ta’ sustanzi psikoattivi ġodda, jew, fil-każ tad-Deċiżjoni VIS, id-data ta’ applikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.
( 16 ) Għalkemm waqt is-seduta l-Parlament sikwit irrefera għad-deċiżjonijiet ikkontestati bħala miżuri ta’ implementazzjoni.
( 17 ) Għal din id-distinzjoni fil-ġurisprudenza, ara, pereżempju, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 64 sa 66. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ regoli li jirrigwardaw punti essenzjali ma għandhomx jiġu ddelegati. Ara, għal riferimenti oħra li saru qabel dan il-prinċipju, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑156/93, EU:C:1995:238, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑303/94, EU:C:1996:238, punt 23; Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 34; u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, il-punt 45.
( 18 ) Fil-kuntest tal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni ta’ miżuri tranżitorji lil dawn l-Istati tat lok għal korp kbir ta’ ġurisprudenza. F’din is-sitwazzjoni, l-għan globali ta’ miżuri tranżitorji huwa li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Ara, pereżempju, il-kawżi Danisco Sugar, C‑27/96, EU:C:1997:563; Weidacher, C‑179/00, EU:C:2002:18; Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑413/04, EU:C:2006:741; u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑336/09 P, EU:C:2012:386.
( 19 ) Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 36 annessa mal-Att finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007.
( 20 ) L-Artikolu 10 jirrigwarda s-setgħat rispettivi tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward ta’ atti tat-tielet pilastru li kienu diġà jeżistu. L-Artikolu 10(1) jgħid, inter alia, li fir-rigward ta’ atti tat-tielet pilastru li kienu diġà jeżistu, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jibqgħu l-istess bħalma kienu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat. Skont l-Artikolu 10(2), l-emenda ta’ tali att ttemm is-sistema speċjali li tirregola l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(3) jillimita l-applikazzjoni ratione temporis tal-miżura tranżitorja msemmija fil-paragrafu 1. Is-sistema tranżitorja speċjali kellha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2014.
( 21 ) F’kuntest differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” b’mod wiesa’ sabiex jiġu inklużi rakkomandazzjonijiet adottati minn organizzazzjoni internazzjonali. Ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punti 56 et seq.
( 22 ) Id-Dikjarazzjoni Nru 50 issostni din il-fehma, minħabba li tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet sabiex jagħmlu riallinjament ta’ miżuri tal-ex tielet pilastru mal-qafas il-ġdid, sa fejn ikun possibbli, matul il-perijodu tranżitorju ta’ ħames snin applikabbli fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36.
( 23 ) Għal eżempji fundamentali ta’ din it-tendenza, ara, pereżempju, is-sentenzi Roquette Frères vs Il‑Kunsill, 138/79, EU:C:1980:249, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑70/88, EU:C:1990:217.
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Wybot, 149/85, EU:C:1986:310, punt 23.
( 25 ) Ara, b’mod iktar ġenerali, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata. Mhux kulħadd jaqsam din il-fehma pożittiva dwar ir-responsabbiltà. Ara, fuq nota ta’ kritika, Charlemagne, “The will to power: The European Parliament would like you to know that it matters”, The Economist, 4 ta’ Ottubru 2014: “Billi jinvoka l-argument superfiċjalment attraenti li huwa l-unika istituzzjoni Ewropea li hija direttament responsabbli lejn il-votanti, il-Parlament akkumula setgħat tul dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Bħal tifel li jingħata l-ħelu, kull ħelwa li jaqla’ ġġiegħlu jitlob iktar”. [traduzzjoni libera]
( 26 ) Madankollu, naqbel mal-idea li anki emenda żgħira ħafna (sakemm tkun tista’ attwalment tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi emenda) tkun biżżejjed sabiex tagħti lok għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. Ara, fl-assenza ta’ regola de minimis f’dan il-kuntest u l-problemi fir-rigward tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi emenda, S. Peers, “Finally ‘Fit for Purpose’? The Treaty of Lisbon and the End of the Third Pillar Legal Order”, f’P. Eeckhout u T. Tridimas (ed), 27(2008) Yearbook of European Law, p. 47 sa 64, b’mod partikolari f’p. 55 et seq.
( 27 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata. Riferiment espliċitu bħal dan huwa, madankollu, meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja meta, fl-assenza tiegħu, il-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu inċerti dwar il-bażi legali preċiża.
( 28 ) Kif imsemmi iktar ’il fuq, dwar din il-kwistjoni kien hemm dibattitu bejn il-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, għalkemm wara rriżulta fis-seduta li l-Parlament ma kellux l-intenzjoni jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet bażiċi jew ta’ partijiet minnhom.
( 29 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2009:590, punt 56 et seq. Dwar il-prinċipju tal-għoti ta’ setgħat, ara, pereżempju, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑403/05, EU:C:2007:624, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll reċentement il-Konklużjonijiet 1/13, EU:C:2014:2303, punt 74.
( 30 ) Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.
( 31 ) Il-Kunsill jinnota, mingħajr ebda kontestazzjoni mill-Parlament dwar dan il-punt, li qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, deċiżjoni simili għad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni kienet ittieħdet wara li l-Parlament kien ġie kkonsultat skont Artikolu 39 EU.
( 32 ) Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 57. Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet b’mod inekwivoku l-possibbiltà li jintużaw bażijiet legali li jimmodifikaw il-proċeduri stabbiliti fit-Trattati.
( 33 ) Fir-rigward tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, il-Parlament jargumenta wkoll li l-assenza ta’ regola ta’ votazzjoni fformulata espressament f’din id-dispożizzjoni tammonta għal modifika tal-proċess deċiżjonali previst fit-Trattati (f‘dan il-kuntest, kif stabbilit fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE).
( 34 ) Ara l-Artikolu 51 TEU.
( 35 ) L-istess osservazzjoni tapplika għall-kwistjoni tar-regoli ta’ votazzjoni (jew l-assenza tagħhom) fl-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS u l-allegat effett ta’ tixrid (spill-over effect) tar-regoli ta’ votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34 UE. Sakemm l-għoti ta’ setgħat imsemmi f’din id-dispożizzjoni ta’ liġi sekondarja jibqa’ fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, ir-regola ta’ votazzjoni rilevanti għandha, kif jinnota l-Kunsill, tkun ir-regola msemmija fl-Artikolu 16(3) TEU. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. Għandu jiġi nnotat ukoll li dispożizzjonijiet tranżitorji speċifiċi japplikaw għal votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata. Dawn ir-regoli, li kienu applikati mill-Kunsill fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, huma stabbiliti fil-Protokoll Nru 36.