KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

Kawża C‑311/13

O. Tümer

vs

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjizi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 80/987/KEE — Direttiva 2002/74/KE — Protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Impjegat li jkun ċittadin ta’ Stat Terz u li ma jkollux permess ta’ residenza validu — Dritt għal garanzija tal-krediti għar-remunerazzjonijiet”

1. 

Impjegat li jkun ċittadin ta’ Stat terz jista’ jiġi eskluż mid-dritt li jikseb, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, il-garanzija tal-krediti għas-salarji tiegħu mhux imħallsa, fuq il-bażi li huwa jkun residenti irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat?

2. 

Din hija, essenzjalment, id-domanda li qiegħda ssir mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi) wara ċ-ċaħda mir-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (kunsill amministrattiv tal-Istitut ta’ ġestjoni tal-assigurazzjoni għall-impjegati) ( 2 ) tat-talba għal kumpens għal insolvenza ppreżentata minn Tümer.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi fin-negattiv għal din id-domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom ( 3 ), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/74/KE tat-23 ta’ Settembru 2002 ( 4 ).

4. 

F’dan is-sens, ser insostni, qabel kollox, li mill-bażi ġuridika tad-Direttiva 2002/74 ma jirriżultax li ċ-ċittadini ta’ Stati Terzi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987.

5. 

Sussegwentement, ser nispjega li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt għal ċittadin ta’ Stat terz, li jkollu l-kwalità ta’ ħaddiem impjegat skont id-dritt ċivili nazzjonali, li jirċievi kumpens għal insolvenza bil-kundizzjoni li jkun residenti legali tippreġudika l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 80/987 kif ukoll l-effettività tagħha u tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, evalwat fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

6.

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 80/987 tapplika għall-krediti tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u eżistenti kontra persuni li jimpjegaw meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

7.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987 jawtorizza lill-Istati Membri, fuq bażi eċċezzjonali, sabiex jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-krediti ta’ ċerti kategoriji ta’ impjegati, minħabba l-eżistenza ta’ forom oħrajn ta’ garanzija, jekk ikun stabbilit li dawn jiżguraw lill-partijiet ikkonċernati protezzjoni ekwivalenti.

8.

L-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 80/987 jipprovdi li din id-direttiva ma tmurx kontra d-dritt nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini “impjegat”, “min iħaddem [persuna li timpjega]”, “paga [remunerazzjoni]”, “dritt li jagħti titolu immedjat” u “dritt li jagħti titolu prospettiv”, mingħajr ma l-Istati Membri jistgħu, madankollu, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-ħaddiema part-time, dawk li jkollhom kuntratt għal żmien determinat jew dawk li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol temporanju, u lanqas ma jistgħu jissuġġettaw id-dritt tal-ħaddiema għal garanzija għal tul minimu tal-kuntratt ta’ impjieg jew tar-relazzjoni ta’ xogħol.

9.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-istess direttiva, il-ħlas tal-krediti pendenti tal-impjegati li jirriżultaw minn kuntratti tax-xogħol jew minn relazzjonijiet tax-xogħol inkluż, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi għalih, il-ħlas tal-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol. Il-krediti li għalihom tassumi responsabbiltà l-istituzzjoni ta’ garanzija huma, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, ir-remunerazzjonijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu għal perijodu qabel u/jew, jekk ikun il-każ, wara data stabbilita mill-Istati Membri.

10.

Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987 jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 3 tagħha billi jiffissa t-tul tal-perijodu li jagħti lok għall-ħlas, b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, jew billi jassenja livell minimu għal dak il-ħlas, b’mod konformi mal-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva.

11.

Id-Direttiva 80/987 ġiet irrevokata u kkodifikata bid-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom ( 5 ), li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Novembru 2008.

B – Il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi

12.

Il-liġi dwar il-qgħad (Werkloosheidswet) ( 6 ) tistabbilixxi, fl-Artikolu 61 tagħha, il-prinċipju li ħaddiem impjegat għandu dritt għal kumpens għal insolvenza jekk huwa jkun jista’ jinvoka kontra l-persuna li timpjegah li tkun ġiet iddikjarata falluta kreditu fir-rigward tar-remunerazzjonijiet, il-leave imfaddal jew l-allokazzjoni ta’ leave jew jekk huwa jkun jista’ jbati dannu finanzjarju minħabba l-fatt li l-persuna li timpjegah ma tkunx ħallset l-ammonti li huwa kellu jħallas lil terzi minħabba r-relazzjoni tiegħu ta’ impjieg mal-ħaddiem impjegat.

13.

Il-WW tiddefinixxi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, lill-ħaddiem impjegat bħala “il-persuna fiżika li ma tkunx laħqet l-età ta’ 65 sena li tkun impjegata fuq il-bażi ta’ relazzjoni taħt id-dritt privat jew id-dritt pubbliku”.

14.

Madankollu, l-Artikolu 3(3) tal-WW jippreċiża li, b’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ċittadin ta’ Stat terz li ma jkunx residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jiġix ikkunsidrat bħala ħaddiem impjegat.

15.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-liġi dwar il-barranin (Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 ( 7 ), barrani jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi jekk ikollu permess ta’ residenza għal perijodu determinat jew indeterminat jew jekk, bħala ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, huwa jkun residenti fuq il-bażi ta’ reġim stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 ( 8 ), jew inkella jekk jikseb id-dritt ta’ residenza tiegħu mid-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni ( 9 ), stabbilita permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ( 10 ).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

16.

O. Tümer huwa ċittadin Tork li ilu jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mill-1988.

17.

Matul il-perijodu bejn it‑18 ta’ Awwissu 1988 u l‑31 ta’ Marzu 1995, huwa bbenefika minn permess ta’ residenza għal perijodu determinat maħruġ bil-kundizzjoni li jgħix ma’ martu. Huwa ddivorzja fl-1996.

18.

Fl-14 ta’ Ottubru 2005, O. Tümer ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat, u dik l-applikazzjoni ġiet miċħuda mis-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja. Il-kontestazzjoni ppreżentata kontra dik id-deċiżjoni ġiet iddikjarata infondata b’deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2007, li kontriha Tümer ippreżenta rikors li ġie miċħud fit‑28 ta’ Awwissu 2008 mill-Vreemdelingenkamer (awla tal-barranin) tar-Rechtbank ’s‑Gravenhage. Din l-aħħar deċiżjoni ma ġietx appellata. Sa mill‑25 ta’ April 2007, Tümer ma għadx għandu permess ta’ residenza.

19.

Sa mis-sena 1997, O. Tümer ħadem perIjodikament fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fit‑3 ta’ Jannar 2005, huwa ġie impjegat minn Halfmoon Cosmetics BV, li ħallset f’ismu kontribuzzjonijiet abbażi tal‑WW fl-2007. Mix-xahar ta’ Awwissu 2007, Halfmoon Cosmetics BV ħallset biss parti mis-salarju u ġiet iddikjarata falluta fit‑22 ta’ Jannar 2008. Fis‑26 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ngħata s-sensja.

20.

Wara li O. Tümer ippreżenta talba għal kumpens minħabba l-insolvenza ta’ Halfmoon Cosmetics BV fuq il-bażi tal‑WW, din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2008, li kontriha Tümer ippreżenta rikors li ġie ddikjarat infondat b’deċiżjoni mogħtija fl‑10 ta’ Ġunju 2008 mill-UWV, abbażi tal-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ma kienx residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma kienx ħaddiem impjegat fis-sens tal‑Artikolu 3(3) tal-WW. Fit‑18 ta’ Diċembru 2009, ir-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch ċaħdet, għall-istess raġuni, l-appell li Tümer kien ippreżenta kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2008.

21.

L-appell kontra din id-deċiżjoni tressaq quddiem is-Centrale Raad van Beroep, li kienet tal-fehma li filwaqt li l-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ Stati terzi li ma jkollhomx permess ta’ residenza kellha titqies bħala limitazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, din l-esklużjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl ukoll tal-Artikolu 137(2) [KE] (attwalment l-Artikolu 153(2) TFUE) li huwa l-bażi legali tagħha, huwa xieraq li d-Direttiva [2008/94] u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2, 3 u 4 tagħha, jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita fl-Artikoli 3(3) u 61 [tal-WW] li tgħid li l-barrani ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-[liġi dwar il-barranin], ma huwiex ikkunsidrat bħala ħaddiem impjegat; l-istess bħas-sitwazzjoni [ta’ ċittadin ta’ Stat terz] li ressaq talba għal kumpens għal insolvenza, li għandu jikklassifika bħala ħaddiem impjegat fid-dritt ċivili u li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti tal-imsemmi kumpens?”

III – L-analiżi tiegħi

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

1. Id-data fattwali u ġuridika pprovduta mill-qorti tar-rinviju

22.

Fl-osservazzjonijiet tagħha kemm bil-miktub kif ukoll orali, il-Kummissjoni Ewropea kienet tal-fehma, minn naħa, li O. Tümer kien jissodisfa l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) jew tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u, min-naħa l-oħra, li mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-permess ta’ residenza u l-permess tax-xogħol jikkostitwixxu żewġ realtajiet distinti, jirriżulta li jekk Stat Membru jagħti permess tax-xogħol lil ċittadin Tork, huwa ma jistax iċaħħdu mill-benefiċċju tal-kumpens għall-insolvenza fuq il-bażi li dak iċ-ċittadin ma jkunx għad għandu permess ta’ residenza.

23.

Konsegwentement, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex mhux biss tiddikjara li ma kellhiex għalfejn tirrispondi d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll biex teżamina jekk, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, O. Tümer effettivament kienx qiegħed jgħix b’mod illegali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

24.

Fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad din it-talba.

25.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha, billi tifformula mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, id-domandi mressqa quddiemha ( 11 ) sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali għandha bżonn sabiex tagħti deċiżjoni. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal sabiex tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju, l-elementi tal-imsemmija liġi li jitolbu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima ( 12 ).

26.

Madankollu, il-possibbiltà li jiġu rriformulati d-domandi preliminari billi, jekk ikun il-każ, jitwessgħu l-liġijiet tal-Unjoni li jirrikjedu interpretazzjoni ma tistax twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproponi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ sitwazzjoni minbarra dik li hija s-suġġett fil-kawża prinċipali, li tissostitwixxi l-konstatazzjonijiet tagħha nnifisha mal-konstatazzjonijiet fattwali tal-qrati nazzjonali jew li tqiegħed inkwistjoni r-res judicata marbuta mad-deċiżjonijiet nazzjonali.

27.

Issa, mill-ispjegazzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni ta’ rinviju li ġiet deċiża permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2008, u li kontriha O. Tümer ma ppreżentax appell, jirriżulta b’mod ċar li huwa ma seta’ jikseb ebda dritt mill-Artikoli 6 jew 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, inkwantu l-kundizzjonijiet ma kinux sodisfatti biex jitqies li huwa kien jaqa’ taħt is-suq regolari tax-xogħol jew li l-ex mara tiegħu kienet ħadmet matul il-perijodu qabel il‑31 ta’ Marzu 1995. Għalkemm il-Kummissjoni esprimiet dubji fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u għalkemm fil-fatt għad fadal inċertezzi dwar is-sitwazzjoni preċiża ta’ Tümer ( 13 ), anki jekk ġew spjegati b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern tal‑Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta, jeħtieġ li dan l-element ta’ fatt jitqies bħala paċifiku għall-finijiet ta’ din l-analiżi.

28.

Barra minn hekk mill-qari tad-deċiżjoni ta’ rinviju ma jirriżultax li s-Centrale Raad van Beroep ikkonstatat li O. Tümer kien detentur ta’ permess tax-xogħol.

29.

Li wieħed jinterpreta d-Deċiżjoni Nru 1/80 skont is-suġġeriment tal-Kummissjoni ma jagħtix risposta lill-qorti ta’ rinviju li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha, iżda jbiddel il-kuntest fattwali u ġuridiku sabiex hija tiġi indirizzata tiddeċiedi fuq tilwima li għandha suġġett differenti u li diġà ġiet deċiża minn qorti nazzjonali oħra.

30.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi eżaminata esklużivament id-domanda li saret mis‑Centrale Raad van Beroep, mingħajr ma jitwessa’ d-dibattitu dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

2. Id-dritt tal-Unjoni applikabbli ratione temporis

31.

Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, jiġifieri l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2008/94, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali.

32.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ibbażata fuq in-neċessità li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( 14 ), hemm lok li tiġi fformulata mill-ġdid id-domanda sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kienu applikabbli fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jew, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 u, b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva, li d-diċitura tagħha hija essenzjalment identika għal dik tad-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

B – L-evalwazzjoni tiegħi

33.

Sabiex jikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kompatibbli mad-Direttiva 80/987, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinvoka suċċessivament żewġ argumenti prinċipali, li huma bbażati, l-ewwel wieħed fuq il-bażi legali ta’ din id-direttiva ( 15 ), u t-tieni wieħed fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li din tagħti lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ ħaddiem impjegat.

34.

Fl-ewwel lok, id-Direttiva 80/987 ma tistax tirrigwarda ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għaliex din id-direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 137 KE, dispożizzjoni li ma toffrix bażi legali għar-rikonoxximent tad-drittijiet lil dawk iċ-ċittadini, anki jekk ikunu residenti regolari.

35.

Fit-tieni lok, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali biex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ impjegat u sabiex jiġi ppreċiżat il-kontenut jippermetti, fi kwalunkwe każ, lill-Istati Membri jeskludu minn dan il-kunċett iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti irregolari.

36.

Dan l-argument doppju jwassal sabiex nistaqsu, qabel kollox, dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 80/987 għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi, qabel ma tiġi eżaminata, sussegwentement, l-applikabbiltà tagħha għal dawk iċ-ċittadini li jkunu f’sitwazzjoni irregolari.

1. L-applikabbiltà tad-Direttiva 80/987 għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi

37.

Il-bażi legali tad-Direttiva 2002/74 teskludi li d-Direttiva 80/987 tista’ tapplika għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi?

38.

Qabel ma din il-kwistjoni tiġi eżaminata f’iktar dettall, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tiegħu msejjes fuq il-bażi legali tad-Direttiva 80/987, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi speċifikament ipoġġi d-dibattitu fil-qafas tal-kundizzjoni tan-nazzjonalità, waqt li l-kwistjoni tirrigwarda esklużivament, u għal raġuni, il-possibbiltà li d-dritt ta’ kumpens għall-insolvenza jiġi ssuġġettat għal kundizzjoni ta’ regolarità ta’ residenza.

39.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, hekk kif hija deskritta fid-deċiżjoni ta’ rinviju, għaliex jirriżulta minn qari a contrario tal-Artikolu 3(3) tal-WW li r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ “impjegat” u, għaldaqstant, id-dritt għal kumpens għall-insolvenza ma huma soġġetti għal ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità. Issa, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ma sostniex li, billi rrikonoxxa d-dritt għal kumpens għall-insolvenza għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi residenti legalment fit-territorju nazzjonali, huwa estenda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 80/987 billi uża l-possibbiltà, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li jżomm jew li jintroduċi dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema impjegati.

40.

Hu x’inhu l-każ, l-eżami tal-bażi legali tad-Direttiva 2002/74 ma jidhirlix li jwassal sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 80/987 biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

41.

Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 137(2) KE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Nice u li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata d-Direttiva 2002/74 ( 16 ), kien jawtorizza l-adozzjoni, permezz ta’ direttivi, ta’ dispożizzjonijiet minimi li jkollhom bħala skop, b’mod konformi mal-Artikolu 137(1) KE, li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ politika soċjali msemmija fl-Artikolu 136 KE, li fosthom jinsabu t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata tagħhom.

42.

Huwa minnu li, fost l-oqsma li fihom l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 137(2) KE jawtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jistabbilixxi, permezz ta’ direttivi, dispożizzjonijiet minimi bil-għan li jitwettqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 136 KE, l-Artikolu 137(1) KE ma jelenkax il-“kundizzjonijiet ta’ impjieg taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jsibu ruħhom li jkunu residenti regolari fit-territorju tal-Komunità”, li jinsabu fl-Artikolu 137(3) KE, li jikkostitwixxi bażi legali distinta li teħtieġ l-użu ta’ proċedura differenti. Waqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 137(2) KE kien jippreskrivi l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE, imsejħa ta’ “kodeċiżjoni”, li timplika l-vot b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fil-proċess leġiżlattiv, l-Artikolu 137(3) KE kien jippreskrivi l-vot b’unanimità fi ħdan il-Kunsill wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament ( 17 ).

43.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-UWV u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi huma żbaljati meta jiddeduċu minn din il-bażi legali li d-Direttiva 80/987 ma tistax tikkonċerna liċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

44.

Effettivament, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tista’ tagħti drittijiet liċ-ċittadini ta’ Stati terzi biss meta din ikollha bħala bażi legali dispożizzjoni tad-dritt primarju, bħall-punt 4 tal-Artikolu 63 KE, li jawtorizza espressament lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jawtorizza miżuri intiżi sabiex jirregolaw is-sitwazzjoni tagħhom.

45.

Din il-premessa, li tolqot il-kwistjoni fundamentali tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ), jidhirli li ma hijiex preċiża.

46.

Id-dritt primarju effettivament jikkonsisti f’regoli li għandhom portata espressament limitata fir-rigward tal-persuni kkonċernati.

47.

Ċerti dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-bażijiet ġuridiċi li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrigwardaw speċifikament liċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Dan huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, bit-titolu “Il-visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”, li fosthom jinsab l-Artikolu 63 KE, li għalih jirreferi l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

48.

Dispożizzjonijiet oħrajn għandhom, għall-kuntrarju, kamp ta’ applikazzjoni ristrett biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni. B’hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jissuġġettaw ir-rikonoxximent tad-dritt għall-moviment liberu għall-pussess tan-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni ( 19 ).

49.

Madankollu, jeżistu wkoll dispożizzjonijiet li, għalkemm ma għandhom ebda limitazzjoni partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom, jistgħu japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u, għaldaqstant, jistgħu jkunu intiżi biex jiġu invokati miċ-ċittadini ta’ Stati terzi jew biex jiġu eċċepiti kontra dawn tal-aħħar meta jkun hemm rabta bejn is-sitwazzjoni tagħhom u d-dritt tal-Unjoni. Il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżuri adottati fuq bażi ġuridika nieqsa minn limitazzjoni espliċita għandha, għalhekk, tkun evalwata waqt li jitqiesu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni ( 20 ).

50.

Bl-eċċezzjoni tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 137(3) KE, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 1 tat-Titolu XI tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, li jagħtu lill-Komunità kompetenza leġiżlattiva fil-qasam soċjali, għandhom jitpoġġew fil-kategorija ta’ dawk li jawtorizzaw l-adozzjoni ta’ miżuri li jistgħu japplikaw mingħajr ma titqies in-nazzjonalità.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fost l-oqsma li fihom il-Komunità kellha kompetenzi biex issostni u tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri bil-għan li jitwettqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 136 KE, l-Artikolu 137(1) KE, jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà kif ukoll l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-“ħaddiema”, l-integrazzjoni tal-“persuni” esklużi mis-suq tax-xogħol, u l-“ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa”, mingħajr ma tissemma ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità.

52.

L-esklużjoni tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati terzi mill-miżuri ta’ protezzjoni applikabbli għall-impjegati li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni ma hijiex kompatibbli mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-Unjoni, kif iddikjarati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE, b’mod partikolari għaliex dik l-esklużjoni tista’ tħeġġeġ l-użu ta’ ħaddiema barranin sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż salarjali. Fis-sentenza tagħha Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, EU:C:1987:351), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hemm sovrapożizzjoni stretta bejn il-politika soċjali tal-Unjoni u dik li tista’ tiġi segwita fir-rigward tal-ħaddiema minn Stati terzi. Huwa fid-dawl ta’ din ir-realtà li għandu jinftiehem il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-qasam soċjali ( 21 ).

53.

Għalhekk nasal sabiex nikkonkludi li l-bażi legali tad-Direttiva 2002/74 b’ebda mod ma teskludi li d-Direttiva 80/987 tista’ tapplika għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

54.

Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li d-Direttiva 80/987 tistabbilixxi bħala l-fattur li jiskatta l-obbligi li hija tipprovdi fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, l-eżistenza ta’ krediti mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol li jivvinkolaw lill-ħaddiema impjegati ma’ persuna li timpjega li tkun f’sitwazzjoni ta’ insolvenza. Ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità ma hija meħtieġa għall-impjegati sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-garanzija. Li jiġi ssuġġettat il-benefiċċju tagħha għar-rekwiżit ta’ nazzjonalità għaldaqstant ikun bħallikieku kellha tiġi miżjuda mat-test ta’ din id-direttiva kundizzjoni li din ma tinkludix, bi ksur tal-għan tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmija direttiva ssegwi skop soċjali li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit għall-ħaddiema impjegati kollha livell minimu ta’ protezzjoni fil-livell tal-Unjoni f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li tħaddem għall-ħlas tal-krediti mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol u li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni relatata ma’ perijodu partikolari ( 22 ).

55.

Għad irid jiġi stabiblit jekk l-Istati Membri għandhomx, madankollu, marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilhom jeskludu dik tal-impjegati li huma ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu f’sitwazzjoni irregolari.

2. L-applikabbiltà tad-Direttiva 80/987 għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi f’sitwazzjoni irregolari

56.

Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, in-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem impjegat fid-Direttiva 80/987 jippermetti li d-dritt nazzjonali jippreċiża l-kontenut u li jiġu esklużi, jekk ikun il-każ, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi f’sitwazzjoni irregolari.

57.

Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

58.

Huwa minnu li r-riferiment għad-dritt nazzjonali li jsir mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 80/987 iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva. Fl-assenza tal-istabbiliment ta’ livell ta’ protezzjoni uniformi għall-Unjoni kollha skont kriterji komuni, effettivament huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddefinixxi l-kategoriji ta’ ħaddiema impjegati li għalihom għandha tapplika l-imsemmija direttiva ( 23 ).

59.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollha l-effett li tqiegħed inkwistjoni la l-ispirtu ġenerali u lanqas l-effettività tad-Direttiva 80/987 u li din għandha tiġi eżerċitata billi jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji fundamentali stabbiliti minnha, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ( 24 ).

60.

Issa, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt ta’ ħaddiem impjegat li jirċievi kumpens għall-insolvenza b’kundizzjoni ta’ residenza regolari, għandha kemm l-effett li tippreġudika l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 80/987 u l-effettività tagħha kif ukoll li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

61.

L-ewwel nett, dispożizzjoni bħal din tmur kontra l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 80/987 u l-effettività tagħha.

62.

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu għall-impjegati “kollha” ( 25 ) livell minimu ta’ protezzjoni jikkostitwixxi l-prinċipju u dan il-prinċipju jinkludi eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, fid-dawl tan-natura derogatorja tagħhom u l-għan tad-Direttiva 80/987 ( 26 ).

63.

Dawn l-eċċezzjonijiet, li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 1(2), 2(2), 4, u 10 tad-Direttiva 80/987, jippermettu lill-Istati Membri jeskludu, fuq bażi eċċezzjonali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċerti kategoriji ta’ impjegati minħabba l-eżistenza ta’ forom oħrajn ta’ garanzija li jiżgurawlhom protezzjoni ekwivalenti ( 27 ) u li jillimitaw, f’ċerti ċirkustanzi, il-protezzjoni li l-imsemmija direttiva hija intiża li tiżgura lill-impjegati. Ebda waħda minnhom ma tipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jillimitaw jew, a fortiori, li jrażżnu l-garanzija minħabba l-irregolarità tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem impjegat fid-dawl tar-regoli dwar id-dħul u r-residenza.

64.

Għandu jiġi ulterjorment irrilevat li, konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 80/987, anki meta l-Istati Membri jiddefinixxu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, it-termini “[ħaddiem] impjegat”, dawn la jistgħu jeskludu lill-ħaddiema part time fis-sens tad-Direttiva 97/81/KE ( 28 ), la lill-ħaddiema li jkollhom kuntratt għal żmien determinat fis-sens tad-Direttiva 1999/70/KE ( 29 ), u lanqas lill-ħaddiema li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol temporanju fis-sens tad-Direttiva 91/383/KEE ( 30 ).

65.

Fir-realtà, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ impjegat ma jirriżultax mir-rieda li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jirrestrinġu kif iridu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 ( 31 ), iżda huwa spjegat essenzjalment bid-diffikultà li tiġi elaborata definizzjoni uniformi ta’ kunċett li jieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tal-forom ta’ impjieg u tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, li kkontribwiet sabiex tagħmel aktar fluwida d-distinzjoni tradizzjonali bejn ix-xogħol ta’ ħaddiem impjegat u x-xogħol ta’ persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll il-varjetà tal-għanijiet segwiti mid-diversi leġiżlazzjonijiet ( 32 ).

66.

Minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri, mid-Direttiva 80/987 jirriżulta b’mod ċar li l-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “[ħaddiema] impjegati” skont id-dritt nazzjonali huma intiżi li jibbenefikaw mill-garanzija, sakemm forma oħra ta’ garanzija ma tiżguralhomx protezzjoni ekwivalenti.

67.

Issa, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li ma ġewx ikkontestati fuq dan il-punt mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi jitqiesu bħala impjegati taħt id-dritt ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi, u huma jiġu mċaħħda minn din il-kwalità biss għall-finijiet tal-esklużjoni tagħhom mill-benefiċċju tal-garanzija kontra l-insolvenza.

68.

Jidhirli li l-esklużjoni ta’ persuni li taħt id-dritt komuni nazzjonali jissodisfaw il-kwalifika ta’ “[ħaddiem] impjegat” mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 tmur kontra l-effettività ta’ din id-direttiva u hija tali li tikkomprometti l-effikaċja tagħha. Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-imsemmija direttiva tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ ħaddiem impjegat, din madankollu timponilhom l-obbligu li jagħmlu d-definizzjoni fis-seħħ fid-dritt industrijali nazzjonali kompatibbli ma’ dik użata biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri li jittrasponu l-istess direttiva, sabiex kull ħaddiem impjegat, fis-sens tad-dritt industrijali nazzjonali, jista’ jibbenefika mill-garanzija tal-krediti għas-salarji. Fi kliem ieħor, id-definizzjoni ta’ ħaddiem impjegat ma tistax tvarja skont jekk tkunx tirrigwarda r-relazzjonijiet ta’ ħaddiema mal-persuna li timpjega jew ir-relazzjonijiet tiegħu mal-fondi ta’ garanzija.

69.

Fit-tieni lok, il-fatt li d-dritt għal garanzija tal-krediti għas-salarji jkun issuġġettat għar-regolarità tar-residenza ta’ ħaddiem impjegat ċittadin ta’ Stat terz ma jidhirlix li huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattamentt u ta’ nondiskriminazzjoni.

70.

Dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati kemm lill-istituzzjonijiet, lill-organi u lill-korpi tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 51(1) tagħha ( 33 ).

71.

Issa, meta fil-kuntest tar-riferiment għad-dritt nazzjonali li hemm fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 80/987, Stat Membru jiddefinixxi l-kategoriji ta’ ħaddiema impjegati li għalihom għandha tapplika din id-direttiva, huwa jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

72.

Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament ( 34 ).

73.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħthom jaqa’ dan l-att ( 35 ).

74.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali approċċ għandu jkun l-istess, mutatis mutandis, fil-kuntest ta’ eżami li jfittex li jevalwa l-konformità, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ miżuri nazzjonali li jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 36 ).

75.

Issa, kif enfasizzajt qabel, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti b’mod irregolari għandhom il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat u jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ remunerazzjoni fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom. Madankollu, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, l-Artikolu 3(3) tal-WW jagħtihom trattament differenti inkwantu jeskludihom mid-dritt għall-garanzija tal-krediti tagħhom mhux imħallsa.

76.

Din id-differenza fit-trattament ma hijiex oġġettivament ġustifikata.

77.

Insostenn tagħha, l-UWV u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinvokaw żewġ sensieli ta’ kunsiderazzjonijiet.

78.

Fl-ewwel lok, filwaqt li huwa aċċettat li d-Direttiva 80/987 tirrigwarda ċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti b’mod irregolari, dan iġib fix-xejn l-effett tad-direttivi li jirrikonoxxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, trattament ugwali favur iċ-ċittadini ta’ Stati terzi bir-riżerva, madankollu, li r-residenza tagħhom tkun legali ( 37 ).

79.

Din l-oġġezzjoni ma tikkonvinċinix.

80.

Meta jitqies li huwa kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 80/987, ħaddiema impjegati f’sitwazzjoni irregolari ma jistgħux jibbenefikaw mill-garanzija tal-krediti tas-salarji tagħhom f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, dan ma jfissirx li dawn iċ-ċittadini dejjem ikunu f’sitwazzjonijiet paragunabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni jew taċ-ċittadini ta’ Stati terzi f’sitwazzjoni regolari u li qatt ma tista’ tiġi applikata differenza fit-trattament fil-konfront tagħhom. Is-soluzzjoni li nirrakkomanda, li hija limitata għall-qasam tal-garanzija tal-krediti tas-salarji f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega u marbuta mal-kwalità tal-ħaddiem barrani impjegat, anki f’sitwazzjoni irregolari, ma tqigħedx inkwistjoni, b’mod ġenerali, il-kundizzjoni tal-legalità tar-residenza.

81.

Fit-tieni lok, ir-rikonoxximent tad-dritt għall-garanzija ta’ insolvenza favur iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti b’mod irregolari jmur kontra l-politika mħaddna għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. F’dan ir-rigward, l-UWV u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi josservaw li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi jsegwi loġika ta’ “akkoppjament” li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ rabta bejn id-dritt għas-servizzi ta’ sigurtà soċjali u l-legalità tar-residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalkemm il-persuna li timpjega ma jeżegwix l-obbligi tiegħu ta’ kontroll u jimpjega ħaddiem illegali, ma tistax taħrab mill-ħlas għax-xogħol imwettaq, madankollu ma jirriżultax li jkun hemm dritt għal protezzjoni soċjali f’każ li l-persuna li timpjega tiġi ddikjarata falluta.

82.

Din l-oġġezzjoni lanqas ma tirreżisti għall-eżami.

83.

L-ewwel nett, għalkemm id-Direttiva 80/987 tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji bil-għan li jevitaw l-abbużi, din il-possibbiltà hija strettament irregolata u ma tistax tistabbilixxi deroga ġenerali għall-prinċipju tal-garanziji tal-krediti għas-salarji. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-abbużi msemmija fl-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva huma l-prattiki abbużivi li jikkonċernaw preġudizzju għall-istituzzjonijiet ta’ garanzija billi joħolqu artifiċjalment kreditu għas-salarji u b’hekk jagħtu lok, illegalment, għal obbligu ta’ ħlas fuq dawn l-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri li l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw skont din id-dispożizzjoni huma dawk li huma neċessarji sabiex jiġu evitati tali prattiki ( 38 ).

84.

It-tieni nett, l-oġġezzjoni mqajma mill-UWV u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tidhirlix li hija konformi mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, li tipprovdi regoli minimi dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri kontra dawk li jħaddmu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti illegalment ( 39 ), tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri biex ma japplikawx il-projbizzjoni tal-impjieg ta’ ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti b’mod irregolari għal dawk iċ-ċittadini li t-tkeċċija tagħhom tkun ġiet posposta u li jkunu ġew awtorizzati biex jaħdmu b’mod konformi mad-dritt nazzjonali ( 40 ).

85.

L-imsemmija Direttiva tipprovdi, barra minn hekk, f’każ ta’ ksur tal-projbizzjoni tal-impjieg, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna li timpjega tkun obbligata tħallas ir-remunerazzjonijiet mhux imħallsa, b’mod partikolari kull salarju mhux imħallas, inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trasferiment tar-remunerazzjonijiet mhux imħallsa fl-Istat ta’ oriġini tal-impjegat, u l-kontribuzzjonijiet soċjali ( 41 ).

86.

L-Istati Membri b’hekk jinsabu quddiem l-alternattiva segwenti.

87.

Jew li jammettu li ċittadini ta’ Stati terzi, anki jekk ikunu residenti b’mod irregolari, jistgħu jaħdmu legalment. F’din l-ipoteżi, xejn ma jiġġustifika li huma jirrifjutaw li jirrikonoxxu lil dawn il-barranin il-garanziji li jirriżultaw mir‑rikonoxximent tal-kwalità ta’ impjegat u, b’mod partikolari, dik prevista mid-Direttiva 80/987 f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega.

88.

Jew japplikaw il-projbizzjoni li jiġu impjegati ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti b’mod irregolari. F’dik l-ipoteżi, il-persuna li timpjega tibqa’ obbligata li tħallas ir-remunerazzjonijiet mhux imħallsa. Il-krediti ta’ salarji jirrappreżentaw, min-natura tagħhom stess, importanza kbira għall-partijiet ikkonċernati u għandhom ukoll il-karatteristika li jikkostitwixxu l-korrispettiv għax-xogħol imwettaq, li jkun ibbenefika lill-persuna li timpjega.

89.

Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu residenti b’mod irregolari li jkunu ħadmu u kkontribwew jidhirli li f’dan ir-rigward ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-impjegati l-oħrajn, b’mod li jiena tal-fehma, minkejja t-termini restrittivi tal-premessa 14 tad-Direttiva 2009/52 ( 42 ), li xejn ma jiġġustifika trattament differenti fir-rigward tal-garanzija dovuta f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega.

90.

L-unika eċċezzjoni li tista’ tiġġustifika soluzzjoni differenti u ċċaħħad lil ċittadin ta’ Stat terz mid-dritt tiegħu għal garanzija hija dik fejn huwa jkun aġixxa b’mod frawdolenti, b’mod partikolari billi jkun ipprovda lill-persuna li timpjega permess ta’ residenza falz.

91.

Dan ma huwiex il-każ ta’ O. Tümer, li s-sitwazzjoni tiegħu tikkorrispondi, kemm fir-rigward tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti waqt is-seduta mill-UWV u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mat-tieni fergħa tal-alternattiva. Għalkemm kien residenti b’mod irregolari fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Tümer ħadem hemm u ġie ddikjarat mill-persuna li timpjegah li ħallas il-kontribuzzjonijiet f’ismu skont il-WW tal‑2007. Peress li talab, għal numru ta’ drabi, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, Tümer kien, barra minn hekk, perfettament magħruf mill-awtoritajiet nazzjonali anki jekk, biex insemmi l-espressjoni użata mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta ( 43 ), saħansitra “ħareġ mill-kamp viżiv” ta’ dawn l-awtoritajiet.

92.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, O. Tümer kellu dritt għal kumpens għall-insolvenza. Li dan il-kumpens jiġi rrifjutat lilu jkun ifisser, effettivament, li huwa jkun qed jiġi ssanzjonat billi jiġi mċaħħad lilu allowance, li hija sempliċement il-korrispettiv għax-xogħol li huwa wettaq, minħabba ksur imwettaq kemm mill-persuna li timpjega kif ukoll mill-amministrazzjoni li għal bosta snin ittollerat sitwazzjoni li ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni.

93.

Għaldaqstant jiena nasal biex nikkonkludi li d-Direttiva 80/987 kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li ċċaħħdu minn dan id-dritt.

IV – Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domanda preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep:

Id-Direttiva tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002, kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, moqri fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt għal ċittadin ta’ Stat terz li jirċievi kumpens għall-insolvenza għal kundizzjoni ta’ residenza regolari, waqt li tirrikonoxxi l-kwalità tiegħu bħala ħaddiem impjegat taħt id-dritt ċivili.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem l-“UWV”.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987”.

( 5 ) ĠU L 283, p. 36.

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“WW”.

( 7 ) Stb. 2000, Nru 495.

( 8 ) ĠU 1994, L 1, p. 3.

( 9 ) Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”.

( 10 ) Dan il-ftehim ġie ffirmat, fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).

( 11 ) Ara s-sentenza Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 40).

( 12 ) Ibidem (punt 41).

( 13 ) B’mod partikolari bejn il‑31 ta’ Marzu 1995, id-data meta O. Tümer waqaf jibbenefika minn permess ta’ residenza għal żmien determinat, u l‑25 ta’ April 2007, id-data minn meta ma baqax detentur ta’ permess ta’ residenza.

( 14 ) Ara s-sentenzi Derudder (C‑290/01, EU:C:2004:120, punti 37 u 38) kif ukoll Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813, punti 17 sa 21).

( 15 ) Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jirreferi għall-Artikolu 137 KE, li jikkostitwixxi, fir-realtà, il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2002/74.

( 16 ) Kif kienet fakkret il-Kummissjoni fil-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom [COM(2000) 832 finali], l-użu tal-Artikolu 100 tat-Trattat KE bħala bażi legali tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, huwa spjegat bl-assenza, f’dak iż-żmien, ta’ bażi legali speċifika biex jiġu adottati miżuri fil-qasam soċjali (punt 6).

( 17 ) Matul id-diskussjoni tal-proposta tal-Kummissjoni mill-grupp “Kwistjonijiet soċjali” tal-Kunsill, fid-19 ta’ Marzu 2001, id-delegazzjoni Brittanika kienet barra minn hekk esprimiet dubji dwar il-bażi ġuridika tat-test, billi talbet parir mingħand is-servizz legali tal-Kunsill.

( 18 ) Għal ħarsa ġenerali, ara Dubos, O., “Quel statut personnel pour les ressortissants des États tiers?”, Revue des affaires européennes, 2003‑2004/1, p. 83; Guild, E., u Peers, S., “Out of the Ghetto? The Personal Scope of EU Law”, EU Immigration and Asylum Law: Text and Commentary, l-ewwel edizzjoni, Martinus Nijhoff Publishers, Leiden, p. 81; Martin, D., “La protection des ressortissants de pays tiers par l’ordre juridique communautaire”, L’union européenne et les droits fondamentaux, Bruylant, Brussell, 1999, p. 173, u Mavridis, P., “Union européenne: un prix Nobel de protection sociale des ressortissants des pays tiers?”, Revue de droit du travail, nru 12, 2012, p. 719 u nru 1, 2013, p. 57.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 45(2) TFUE. Ara wkoll, fil-qasam tal-aċċess għall-impjieg, l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1), li jirrikonoxxi l-aċċess liberu għax-xogħol biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri.

( 20 ) Uħud mill-awturi jargumentaw favur ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ inklużjoni taċ-ċittadini tal-Istati terzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni espressa kuntrarja. Ara, f’dan is-sens, Guild, E., u Peers, S., “Out of the Ghetto? The Personal Scope of EU Law”, EU Immigration and Asylum Law: Text and Commentary, op. cit. Dawn l-awturi jargumentaw li “[i]f Member States were free to exempt third‑country nationals from EC social legislation, a significant section of the workforce would have limited prospects of ‘improved living and working conditions’ and there would be little progress towards ‘combating of exclusion’ — rather the reverse” (p. 95). Ara wkoll Martin, D., “La protection des ressortissants de pays tiers par l’ordre juridique communautaire”, L’union européenne et les droits fondamentaux, op. cit., li jikkunsidra li “kemm it-Trattat kif ukoll id-dritt sekondarju japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sakemm ma jiġix previst espressament” (p. 173).

( 21 ) L-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 136 KE, li jiddefinixxi l-għanijiet li fid-dawl tagħhom il-Kunsill, jista’, fir-rigward tas-suġġetti msemmija fl-Artikolu 137(1) KE, jiddeċiedi preskrizzjonijiet minimi permezz ta’ direttivi, jagħmel riferiment għall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u riveduta fi Strasbourg fit‑3 ta’ Mejju 1996, kif ukoll il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżammet fi Strasbourg fid‑9 ta’ Diċembru 1989. Madankollu, ma jidihrilniex possibbli li jiġi kkunsidrat li dan ir-riferiment, li baqa’ pjuttost vag u li huwa intiż sabiex jenfasizza r-rabta tal-Istati Membri mal-protezzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali, għandu bħala funzjoni li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika soċjali tal-Unjoni b’riferiment għall-portata ratione personae ta’ dawn iż-żewġ Karti. Ara, f’dan is-sens, Guild, E., et Peers, S., “Out of the Ghetto? The Personal Scope of EU Law”, EU Immigration and Asylum Law: Text and Commentary, op. cit. (p. 94 u 95).

( 22 ) Ara s-sentenzi Andersson (C‑30/10, EU:C:2011:66, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll van Ardennen (C‑435/10, EU:C:2011:751, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, b’analoġija, għad-definizzjoni tat-terminu “remunerazzjoni”, is-sentenza Visciano (C‑69/08, EU:C:2009:468, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, għas-sottomissjoni għar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni tal-fakultà rikonoxxuta lid-dritt nazzjonali, mid-Direttiva 80/987, li tippreċiża l-obbligi tal-istituzzjoni ta’ garanzija, is-sentenza Robledillo Núñez (C‑498/06, EU:C:2008:109, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara s-sentenzi Andersson (EU:C:2011:66, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll van Ardennen (EU:C:2011:751, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ardennen (EU:C:2011:751, punt 34).

( 27 ) L-esklużjonijiet relatati man-natura partikolari tal-kuntratt ta’ xogħol jew mar-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema impjegati, li jinsabu fid-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, tneħħew bid-Direttiva 2002/74.

( 28 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, is-CEEP u s-CES (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).

( 29 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 30 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 1991, li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss jew ta’ impjieg temporanju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418).

( 31 ) Il-Kummissjoni barra minn hekk spjegat, fil-proposta tagħha għal direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, li restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 80/987, li tirriżulta minn definizzjoni wisq restrittiva tal-kunċett ta’ impjegat minn Stat Membru, “tidher li ma hijiex mixtieqa u, fil-każ ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, ma tistax tiġi kkonċiljata faċilment mal-għanijiet tal-politika soċjali Komunitarja li hija intiża biex issib bilanċ ġust bejn il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u s-sigurtà tal-ħaddiema” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 4.1.2).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, Barnard, C., EU Employment Law, ir-raba’ edizzjoni, Oxford University Press, 2012, p. 144. Ara, wkoll, dwar id-definizzjoni ta’ ħaddiem impjegat taħt id-dritt tal-Unjoni, Coursier, P., “La notion de travailleur salarié en droit social communautaire”, Droit social no 3, 2003, p. 305.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 48).

( 34 ) Ibidem (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ibidem (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ibidem (punt 53).

( 37 ) Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 20, Vol. 1, p. 23); id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

( 38 ) Ara s-sentenzaWalcher (C‑201/01, EU:C:2003:450, punti 39 u 40).

( 39 ) ĠU L 168, p. 24. Għalkemm id-Direttiva 2009/52 ma hijiex applikabbli ratione temporis meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, din madankollu tippermetti li jinftiehmu l-għanijiet u l-loġika tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-impjieg illegali.

( 40 ) Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

( 41 ) Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva.

( 42 ) Skont l-aħħar sentenza ta’ din il-premessa, meta l-arretrati ta’ pagamenti ma jitħallsux mill-persuna li timpjega, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jissodisfaw dan l-obbligu minflok il-persuna li timpjega.

( 43 ) Dan il-gvern spjega, b’mod partikolari, li l-persuna li timpjega lil O. Tümer ma kinitx talbet il-ħruġ ta’ permess ta’ impjieg għalih matul il-perijodu ta’ eżami tat-talba tiegħu għal permess ta’ residenza, meta tali permess taħ id-dritt li jaħdem legalment matul dan il-perijodu.