KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑286/13 P

Dole Food Company, Inc.u

Dole Fresh Fruit Europe OGH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Prattiki miftiehma — Suq tal-banana Ewropew — Prezzijiet ta’ referenza — Struttura tas-suq — Kalkolu tal-ishma tas-suq — Banana ħadra u banana safra — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan — Żvolġiment tal-proċeduri fl-ewwel istanza”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – fatti li wasslu għall-kawża

 

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

IV – L-analiżi tal-appell

 

A – L-ewwel aggravju: irregolaritajiet proċedurali

 

1) Dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

 

2) Dwar l-ammissibbiltà tal-argument ta’ Dole fl-ewwel istanza (it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju)

 

a) Fuq il-produzzjoni ta’ dokument waqt is-seduta (it-tieni parti tal-ewwel aggravju)

 

b) Fuq l-inammissibbiltà ta’ anness għar-replika ta’ Dole (it-tielet parti tal-ewwel aggravju)

 

c) Konklużjoni intermedjarja

 

3) Fuq il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju)

 

4) Fuq l-ilment ta’ nuqqas ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatti mill-Qorti Ġenerali (il-ħames parti tal-ewwel aggravju)

 

B – It-tieni aggravju: żnaturament tal-fatti

 

C – It-tielet aggravju: “Evalwazzjoni insuffiċjenti tal-provi” mill-Qorti Ġenerali

 

1) Dwar l-istruttura tas-suq u l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi kkonċernati — is-sinjifikat ta’ banana safra u ħadra fil-kalkolu tal-ishma tas-suq (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

 

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-kritika sostantiva taċ-ċifri tas-sehem tas-suq

 

2) Fuq id-deskrizzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju (it-tieni, it-tielet u raba’ parti tat-tielet aggravju)

 

a) Fuq ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (it-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju)

 

b) Fuq l-argument ta’ Dole, li l-impjegati involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni ma kinux responsabbli huma stess għall-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza (ir-raba’ parti tat-tielet aggravju)

 

3) Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan” (il-ħames parti tat-tielet aggravju)

 

a) Il-kriterji legali rilevanti

 

b) L-applikazzjoni tal-kriterji legali rilevanti għall-każ partikolari

 

– Fuq in-natura tal-iskambju ta’ informazzjoni u s-suġġett tiegħu

 

– Fuq il-frekwenza u r-regolarità tal-iskambju ta’ informazzjoni

 

– Fuq l-istruttura tas-suq

 

– Sommarju

 

4) Konklużjoni intermedjarja

 

D – Ir-raba’ aggravju: il-kalkolu tal-multa

 

5) L-ewwel parti tar-raba’ aggravju: teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ sussidjarji ta’ Dole li ma pparteċipawx fl-akkordju

 

6) It-tieni parti tar-raba’ aggravju: teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess bejgħ

 

E – Sommarju

 

V – Spejjeż

 

VI – Konklużjoni

I – Introduzzjoni

1.

Kważi l-ebda frotta oħra ma tat lok, matul is-snin għal daqstant tilwim ostili u diversi fuq livell Ewropew, daqs il-banana ( 2 ). Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, għal darba oħra għandha tindirizza mill-ġdid numru ta’ kwistjonijiet b’rabta mad-dritt tal-kompetizzjoni relatati mal-banana, kif diġà għamlet iktar minn 30 sena ilu ( 3 ).

2.

Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ “kartell tal-banana”, li l-membri tiegħu nstabu ħatja għal prattiki miftiehma u antikompetittivi f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2008 ( 4 ), il-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq ċerti membri tal-akkordju multi li jammontaw għal diversi miljuni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE). Peress li r-rikors fl-ewwel istanza ta’ Dole Food Company, Inc. u s-sussidjarja tagħha Dole Fresh Fruit Europe OHG ( 5 ) kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, dawn tal-aħħar qegħdin jissoktaw bl-azzjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

3.

Il-kwistjoni ewlenija ineżami hija dwar jekk il-banana safra u dik ħadra għandhiex titqies li hija l-istess meta jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-istruttura tas-suq kif ukoll il-pożizzjoni u l-aġir tal-impriżi kkonċernati fis-suq inkwistjoni. Din id-domanda dejjem tqum f’kuntesti kompletament differenti u hija tema komuni fl-appell. Dole ssostni li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx biżżejjed l-argumenti tagħha f’dan is-sens kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u żnaturat il-fatti. Barra minn hekk, Dole tilmenta dwar żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan kif ukoll diversi żbalji proċedurali, li allegatament il-Qorti Ġenerali wettqet fis-sentenza tagħha tal-ewwel istanza tal-14 ta’ Marzu 2013 (Kawża T‑588/08) ( 6 ).

4.

Il-proċedura preżenti fil-Kawża C‑286/13 P hija relatata mill-qrib mal-proċedura tal-appell fil-Kawżi magħquda C‑293/13 P u C‑294/13 P, li fir-rigward tagħha ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum ukoll. Madankollu, il-kwistjonijiet legali li jqajmu jikkonċernaw, bl-eċċezzjoni tal-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan, problemi legali kompletament differenti minn dawk li trid tinstab soluzzjoni għalihom f’din il-kawża.

II – fatti li wasslu għall-kawża

5.

Is-suġġett tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kien prattika miftiehma ta’ diversi impriżi li joperaw fis-suq tal-banana (iktar ’il quddiem l-“impriżi kkonċernati”), fosthom Dole ( 7 ), li tikkonsisti fil-koordinament tal-prezzijiet ta’ referenza ta’ banana kkummerċjalizzata fl-Ewropa ta’ Fuq fis-snin 2000, 2001 u 2002.

6.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, il-banana normalment tiġi ttrasportata ħadra bil-baħar mill-portijiet tal-Amerika Latina lejn l-Ewropa ta’ Fuq fejn normalment tinħatt darba fil-ġimgħa ( 8 ).

7.

Il-banana tiġi kkunsinnata direttament lix-xerrejja Ewropej, ħadra jew safra, wara sebat ijiem ta’ sajran. Is-sajran jista’ jsir mill-importatur, jew f’ismu jew organizzat mix-xerrej stess. Il-klijenti tal-importaturi ġeneralment ikunu kumpanniji responsabbli mis-sajran jew ktajjen tal-bejgħ bl-imnut.

8.

L-iffissar tal-prezzijiet ta’ din il-banana fl-Ewropa ta’ Fuq matul il-perijodu rilevanti kien isir kull ġimgħa abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana ħadra. Il-prezz ta’ referenza għall-banana safra normalment kien jiġi kkalkolat mill-prezz ta’ referenza għall-banana ħadra flimkien ma’ ħlas tas-sajran. Il-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u mid-distributuri (imsejħa “prezzijiet reali” jew “prezzijiet ta’ tranżazzjoni”) imbagħad kienu bbażati fuq negozjati li kienu jsiru kull ġimgħa normalment il-Ħamis wara nofsinhar jew il-Ġimgħa, jew inkella fuq kuntratti ta’ provvista b’formoli ta’ tariffi stabbiliti minn qabel.

9.

Minn naħa, l-impriżi kkonċernati pparteċipaw f’komunikazzjonijiet bilaterali dwar iffissar tal-prezzijiet minn qabel, li fil-kuntest tagħhom iddiskutew il-fatturi rilevanti għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza kull ġimgħa jew iddiskutew jew żvelaw tendenzi tal-prezzijiet jew taw indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza għall-ġimgħat sussegwenti. Dawn id-diskussjonijiet inżammu qabel l-impriżi kkonċernati stabbilixxew il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom, normalment nhar ta’ Erbgħa, u kienu kollha relatati mal-prezzijiet ta’ referenza futuri. L-imsemmija kuntatti bilaterali servew sabiex titnaqqas l-inċertezza relatata mal-aġir tal-impriżi b’rabta mal-prezzijiet ta’ referenza li kellhom jistabbilixxu l-Ħamis filgħodu.

10.

Min-naħa l-oħra, l-impriżi kkonċernati skambjaw il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom bilateralment wara li dawn ikunu ġew stabbiliti l-Ħamis filgħodu. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni tahom il-possibbiltà jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tal-prezzijiet ta’ referenza rispettivi fid-dawl tal-komunikazzjonijiet preċedenti dwar ipprezzar minn qabel, u saħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom.

11.

Dawn il-prezzijiet ta’ referenza servew, minn tal-inqas, bħala sinjal, tat-tendenzi u/jew ta’ indikazzjonijiet għas-suq, fir-rigward tal-iżvilupp previst tal-prezz tal-banana. Barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza skont formoli bbażati fuq il-prezzijiet miftiehma kuntrattwalment.

12.

L-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri tagħhom inevitabbilment kienet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-impriżi kkonċernati fid-determinazzjoni tal-aġir tagħhom fis-suq, fatt li Chiquita u Dole saħansitra rrikonoxxew espressament.

13.

Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita ressqet talba għal immunità lill-Kummissjoni abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ( 9 ). Wara li wettqet investigazzjonijiet f’impriżi differenti, fosthom fl-istabbilimenti ta’ Dole Fresh Fruit Europe, u ttrażmettiet diversi talbiet għal informazzjoni, fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil diversi impriżi li joperaw fis-suq tal-banana. Iktar tard matul il-proċedura amministrattiva, l-impriżi kkonċernati ngħataw l-aċċess għall-fajl u l-osservazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi nstemgħu mill-4 sas-6 ta’ Frar 2008. Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni finalment adottat id-deċiżjoni kkontestata.

14.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi, fosthom Dole, kisru l-Artikolu 81 KE, billi pparteċipaw fi prattika miftiehma li tikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-banana. Mil-lat ġeografiku, dan il-ksur kien jirrigwarda lill-Belġju, lid-Danimarka, lill-Ġermanja, lill-Finlandja, lil-Lussemburgu, lill-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Awstrija u lill-Isvezja ( 10 ). Il-Kummissjoni stabbilixxiet li Dole pparteċipat fil-ksur matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002 ( 11 ).

15.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq diversi impriżi kkonċernati minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Il-Kummissjoni imponiet il-multa ta’ EUR 45.6 miljun in solidum fuq l-impriża Dole, magħmula mill-kumpanniji Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe ( 12 ).

16.

Diversi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata talbu protezzjoni legali fl-ewwel istanza permezz ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikors għal annullament ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2008 minn Dole Food Company u Dole Germany ġie miċħud fl-intier tiegħu mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza appellata fl-14 ta’ Marzu 2013, u r-rikorrenti ġew ikkundannati għall-ispejjeż.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

17.

Permezz ta’ nota tal-24 ta’ Mejju 2013, Dole Food und Dole Fresh Fruit Europe ppreżentaw konġuntament l-appell inkwistjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla kompletament jew parzjalment is-sentenza appellata, sa fejn din ċaħdet ir-rikors tal-appellanti;

tannulla kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;

tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti, ukoll fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiġi deċiża skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

barra minn hekk,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din l-istanza kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

18.

Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell,

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għal annullament,

kif ukoll:

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell u, sussidjarjament, għall-ispejjeż tar-rikors għal annullament.

19.

Il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żvolġiet fuq il-bażi ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u ta’ seduta tat-8 ta’ Ottubru 2014.

IV – L-analiżi tal-appell

20.

In-numru ta’ oġġezzjonijiet invokati minn Dole kontra s-sentenza appellata huma s-suġġett ta’ total ta’ erba’ aggravji, li ser niddiskuti suċċessivament.

A – L-ewwel aggravju: irregolaritajiet proċedurali

21.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa diviż f’ħames partijiet, Dole ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi irregolaritajiet proċedurali fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni kkontestata.

1) Dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

22.

L-ewwel nett, Dole tilmenta fil-konfront tal-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, awtorizzat lill-Kummissjoni tesprimi għall-ewwel darba l-pożizzjoni tagħha dwar il-provi li kienu jinstabu fil-fajl tal-proċedura amministrattiva u li kienu jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni skont l-Artikolu 253 KE flimkien mal-projbizzjoni ta’ sottomissjonijiet ta’ motivi ġodda skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

23.

L-isfond ta’ din l-oġġezzjoni huwa l-argument ta’ Dole li l-prezzijiet ta’ referenza tagħha stess u dawk ta’ Chiquita ma kinux jikkonċernaw l-istess ġimgħat kalendarji u għalhekk kienu jirrigwardaw banana li ma kinitx f’kompetizzjoni mas-suq tal-bejgħ bl-imnut ( 13 ). Il-Kummissjoni eżaminat dan il-punt għall-ewwel darba fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, għalkemm il-provi fil-fajl tal-proċedura amministrattiva diġà kienu jeħtieġu kunsiderazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

24.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li ma humiex ikkontestati fl-appell preżenti, Dole ma invokatx l-argument tagħha dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ tal-imnut bejn il-banana tagħha stess u dik ta’ Chiquita fil-proċedura amministrattiva, iżda biss fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali ( 14 ).

25.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ovvju li l-Qorti Ġenerali kellha tagħti l-opportunità lill-Kummissjoni twieġeb għall-argument imressaq għall-ewwel darba fir-rikors minn Dole. Għaldaqstant, il-ksur tal-Artikolu 48 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huwa eskluż a priori ( 15 ). Fil-fatt, bħal kull parti oħra, il-Kummissjoni għandha dritt li tibbenefika, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, minn proċedura kontradittorja ( 16 ).

26.

Madankollu, għandu jinstab bilanċ xieraq ( 17 ) bejn id-dritt tal-Kummissjoni għal proċedura kontradittorja u d-dritt tal-impriżi kkonċernati għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea). Konsegwentement, għalkemm il-Kummissjoni hija libera, fil-proċedura kontenzjuża, li tesprimi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-argumenti tad-difiża tagħha ( 18 ), hija madankollu ma tistax tinvoka raġunijiet kompletament ġodda għad-deċiżjoni kkontestata fi proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 19 ). Din il-projbizzjoni kontra “l-produzzjoni ta’ motivi a posteriori” quddiem il-qorti hija partikolarment stretta fil-proċeduri kriminali u kważi kriminali, bħalma hija l-proċedura fil-qasam tal-akkordji ( 20 ).

27.

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tispeċifika b’mod ċar u inekwivoku li fil-fehma tal-Kummissjoni, il-prezzijiet ta’ referenza tal-impriżi kkonċernati servew tal-inqas bħala sinjal tas-suq, tendenzi tas-suq u/jew bħala indikazzjonijiet għas-suq fir-rigward tal-iżvilupp previst tal-prezzijiet tal-banana, u barra minn hekk kienu importanti f’ċerti tranżazzjonijiet skont formoli bbażati fuq il-prezzijiet miftiehma kuntrattwalment ( 21 ).

28.

Din il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi diġà b’mod ċar li l-Kummissjoni tqis li l-prattiki miftiehma fir-rigward tal-prezzijiet ta’ referenza kienu kapaċi jipproduċu effetti fis-suq tal-banana, irrispettivament minn jekk il-prodotti speċifiċi tal-impriżi kkonċernati kinux f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

29.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod korrett li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE (li sar l-Artikolu 296(2) TFUE), u li l-kunsiderazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li saru biss minħabba l-argument ta’ Dole fir-rikors tagħha, ma servewx sabiex tiġi mmotivata d-deċiżjoni kkontestata a posteriori, iżda biss sabiex il-Kummissjoni tiddefendi ruħha u sabiex tingħata spjegazzjoni ( 22 ).

30.

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija għalhekk infondata.

2) Dwar l-ammissibbiltà tal-argument ta’ Dole fl-ewwel istanza (it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju)

31.

Sussegwentement, Dole tallega li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddikjarat bħala inammissibbli żewġ dokumenti prodotti minnha stess u ma ħadithomx inkunsiderazzjoni.

a) Fuq il-produzzjoni ta’ dokument waqt is-seduta (it-tieni parti tal-ewwel aggravju)

32.

L-ewwel nett, Dole tilmenta li kien minħabba żball proċedurali li l-Qorti Ġenerali ma awtorizzatx fil-konfront tagħha l-produzzjoni ta’ dokument matul is-seduta, li kellu jservi sabiex jiġu kkonfutati argumenti allegatament ġodda magħmula mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha ( 23 ).

33.

L-imsemmi dokument kien estratt mill-fajl tal-proċedura amministrattiva, li permezz tiegħu Dole riedet tipprova li l-imsejjaħ “prezz Aldi” huwa rilevanti biss għal banana safra u mhux għal banana ħadra, peress li dan huwa marbut mal-banana li kellha tinxtara minn Aldi ġimagħtejn wara. B’dan il-mod, Dole riedet tikkontradixxi l-argument invokat mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha, li l-prezz Aldi huwa wkoll rilevanti għall-ipprezzar tal-banana ħadra.

34.

Fil-prinċipju, ir-rikorrent fl-ewwel istanza huwa liberu li jwieġeb għas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-konvenut matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, li kienu inklużi fl-aħħar nota tiegħu, il-kontroreplika. Fil-każ li dan l-att ikun jinkludi aspetti ġodda, ir-rikorrent la jista’ jiġi kategorikament miċħud milli jikkontestahom anki f’dan l-istadju avvanzat tal-proċeduri u lanqas milli jissottometti provi oħra sabiex jikkontesta tali sottomissjonijiet.

35.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

36.

Minn naħa, għandu jitfakkar li l-prezz ta’ referenza Aldi kien diġà s-suġġett tal-proċedura amministrattiva u tad-deċiżjoni kkontestata ( 24 ). Kif jidher mill-proċess, anki quddiem il-Qorti Ġenerali, il-portata u l-importanza tal-prezz ta’ referenza Aldi kienu mill-bidu s-suġġett tat-tilwim bejn il-partijiet fil-proċedura bil-miktub fl-ewwel istanza. Għalhekk, bl-ebda mod ma kien hemm inkwistjoni aspett ġdid li ġie introdott biss fil-proċeduri bil-kontroreplika tal-Kummissjoni.

37.

Konsegwentement, fil-każ li Dole riedet tirrettifika l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prezz ta’ referenza Aldi, u għal dan l-għan tibbaża ruħha fuq l-atti tal-proċedura amministrattiva, hija diġà kellha opportunità biżżejjed li tagħmel dan fil-proċedura bil-miktub fl-ewwel istanza. B’mod partikolari, Dole diġà setgħet tindika fir-rikors tagħha, u mhux iktar tard mir-replika tagħha, il-fatt li l-prezz ta’ referenza Aldi kien jikkonċerna banana safra mixtrija ġimagħtejn wara.

38.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li fir-realtà kienet Dole stess li ddikjarat, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li l-prezz tax-xiri Aldi għal banana safra kien iservi bħala prezz ta’ referenza għax-xerrejja kollha tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq, irrispettivament mill-fatt jekk tinxtarax banana ħadra jew safra ( 25 ).

39.

F’dawn il-kundizzjonijiet, Dole ma tistax serjament issostni li fis-seduta riedet tirrettifika dikjarazzjoni, allegatament skorretta, waqt is-seduta. Pjuttost, dan kien tentattiv sabiex jiġu invokati motivi ġodda taħt il-pretest ta’ tali korrezzjoni, li barra minn hekk kienu jikkontradixxu wkoll uħud mill-argumenti ta’ Dole stess fil-proċedura bil-miktub preċedenti. Tali manuvri tattiċi huma preklużi mill-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

40.

Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokument prodott minn Dole fis-seduta fl-ewwel istanza ( 26 ).

b) Fuq l-inammissibbiltà ta’ anness għar-replika ta’ Dole (it-tielet parti tal-ewwel aggravju)

41.

It-tieni nett, Dole targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat inammissibbli l-Anness C 7 tar-replika tagħha fl-ewwel istanza. Dan l-ilment tressaq kontra l-punti 460 sa 470 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-anness effettivament bħala “inammissibbli”.

42.

Permezz tal-imsemmi Anness C 7, Dole riedet targumenta fil-proċedura fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni interpretat ċerti dikjarazzjonijiet ta’ Dole matul il-proċedura amministrattiva barra mill-kuntest tagħhom.

43.

Kif jidher mal-ewwel daqqa t’għajn lill-proċess, fir-replika ta’ Dole ma hemmx spjegat liema dikjarazzjonijiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva huma kkonċernati u sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet ġew interpretati b’mod żbaljat mill-Kummissjoni. Dikjarazzjonijiet fid-dettall dwar dan il-punt jinsabu biss fl-Anness C 7.

44.

Għaldaqstant, Dole ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipju proċedurali li l-argumenti tal-partijiet għandhom jiġu espressi fin-noti tagħhom u li l-annessi ta’ dawn in-noti huma sempliċement probatorji u strumentali ( 27 ). Skont dan il-prinċipju, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-fattur essenzjali tal-argumenti legali li għandhom ikunu inklużi fin-nota stess ( 28 ). Ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tqis li huwa bbażat ir-rikors ( 29 ).

45.

Għalhekk, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikkunsidra l-kontenut tal-Anness C 7 f’dan il-każ.

c) Konklużjoni intermedjarja

46.

Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju huma infondati.

3) Fuq il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju)

47.

Fir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, Dole ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet billi ma aċċettatx il-provi mressqa minn Dole fl-ewwel istanza filwaqt li ppermettiet lill-Kummissjoni tressaq ilmenti u argumenti ġodda.

48.

Bla dubju, il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa ta’ importanza kbira peress li huwa l-korollarju tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq quddiem il-qrati tal-Unjoni. Dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali meta mqabbla mal-avversarju tagħha ( 30 ).

49.

Fil-każ preżenti, madankollu, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jinkludi l-ebda argument fid-dettall tal-appellanti, li minnu tista’ tinsilet kwalunkwe diskriminazzjoni proċedurali, u a fortiori, lanqas vantaġġ sostanzjali ta’ Dole fil-konfront tal-Kummissjoni fil-proċeduri fl-ewwel istanza.

50.

A contrario, Dole tibbaża l-ilment tagħha biss b’riferiment ġenerali għad-dikjarazzjonijiet tagħha fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet parti tal-ewwel aggravju. Fi kliem ieħor, din ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju hija inseparabbilment relatata mat-tliet partijiet.

51.

Peress li l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda, din ir-raba’ parti, li hija bbażata fuq l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandha tiġi miċħuda wkoll.

4) Fuq l-ilment ta’ nuqqas ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatti mill-Qorti Ġenerali (il-ħames parti tal-ewwel aggravju)

52.

Bil-ħames u bl-aħħar parti ta’ dan l-ewwel aggravju, Dole fl-aħħar nett targumenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata b’mod xieraq il-fatti skont l-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. L-iżball ta’ liġi allegat minn Dole jikkonsisti fil-fatt li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tagħmel mistoqsijiet orali biss u ma ħadet ebda miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni, minkejja li kienet “manifestament konfuża” fir-rigward ta’ ċerti fatti partikolari. Għaldaqstant, fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji li jirregolaw l-istruttorja kif ukoll l-obbligu tagħha li tikkonstata l-fatti b’mod korrett u, fl-istess waqt, id-drittijiet tad-difiża ta’ Dole.

53.

L-ewwel nett għandu jiġi nnotat li huma l-appellanti li għandhom jindikaw b’mod preċiż ( 31 ), fl-appell tagħhom, il-partijiet ikkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li fuqhom speċifikament jibbażaw l-ilmenti tagħhom. Appell li ma jkollux struttura koerenti u li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali li ma jinkludu ebda indikazzjoni preċiża b’rabta mal-punti tad-digriet appellat li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli ( 32 ).

54.

Fid-dawl tan-natura estremament vaga tal-argument ta’ Dole, għandi dubji serji dwar jekk il-ħames parti tal-ewwel aggravju tistax titqies li hija ammissibbli. Fil-fatt, l-appell, minbarra r-riferiment ambigwu għal “konfużjoni” tal-Qorti Ġenerali rigward il-“fatti li jirrigwardaw il-prezzijiet ta’ referenza”, ma jipprovdi ebda informazzjoni oħra. L-appell lanqas ma jispjega n-natura tal-allegata “konfużjoni” u ma hemm ebda indikazzjoni dwar f’liema partijiet tas-sentenza appellata din il-konfużjoni tidher b’mod konkret ( 33 ).

55.

Indipendentement minn dan, għandu madankollu jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali biss għandha tiddeċiedi dwar kwalunkwe neċessità li l-informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi li jkollha quddiemha jiġu kkompletati. Il-kwistjoni tal-valur probatorju ta’ dawn il-provi għandu jiġi evalwat mill-Qorti Ġenerali biss, li skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, sakemm ma jkunx hemm żnaturament tal-fatti jew tal-provi ( 34 ).

56.

Il-fatt imsemmi minn Dole li matul is-seduta l-Qorti Ġenerali għamlet għadd ta’ domandi lill-partijiet, ma jistax jitqies serjament bħala indikazzjoni ta’ negliġenza min-naħa tal-Qorti Ġenerali fil-konstatazzjoni tal-fatti. Għall-kuntrarju, l-istħarriġ intensiv li sar lill-partijiet juri li l-Qorti Ġenerali ttrattat metikolożament id-dettalji tas-suġġett tat-tilwima. Barra minn hekk, il-mistoqsijiet lill-partijiet huma possibbiltà prevista fir-Regoli tal-Proċedura, pereżempju sabiex jiġu eliminati ambigwitajiet eżistenti ( 35 ). Ir-riżultat ta’ tali mistoqsijiet jista’ wkoll iwassal sabiex kwalunkwe miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja formali ssir superfluwa.

57.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’kawżi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni huma bbażati fuq il-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-provi mill-partijiet ( 36 ). Jekk Dole kellha l-impressjoni, fil-proċeduri tal-ewwel istanza, li kienu meħtieġa miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew struttorji, f’dak il-każ kienet libera li tagħmel proposti konkreti f’dan ir-rigward lill-Qorti Ġenerali ( 37 ). Madankollu, kif kellhom jammettu l-appellanti fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Dole fl-ebda mument waqt il-proċedura fl-ewwel istanza ma għamlet talbiet bħal dawn, għalkemm inkontestabbilment kellha biżżejjed opportunità tagħmel dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Dole ma tistax issa, fl-istadju tal-appell, tqajjem l-aggravju li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-obbligi tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi ( 38 ).

58.

B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess ( 39 ) f’kawża marbuta ma’ akkordju. Huwa biss eċċezzjonalment li jista’ jiġi kkunsidrat li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandha l-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa liema provi huma adatti u neċessarji sabiex jiġi pprovat fatt partikolari, jista’ jinbidel f’obbligu li tevalwa provi ex officio, anki jekk ebda waħda mill-partijiet ma tkun għamlet talba f’dan is-sens. Dan japplika iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża jkunu impriżi kbar li għandhom ċerta esperjenza fil-kwistjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u li huma rrappreżentati minn avukati speċjalizzati ( 40 ).

59.

F’dan il-każ, l-appellanti ma invokaw ebda fatt partikolari li minnu jista’ jiġi eċċezzjonalment dedott l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżamina provi ex officio. Minkejja talba espliċita min-naħa tiegħu f’dan is-sens, huma ma setgħux jikkonfermaw tali fatti.

60.

Konsegwentement, anki l-ħames parti tal-ewwel aggravju ma tistax tintlaqa’, u għalhekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

B – It-tieni aggravju: żnaturament tal-fatti

61.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Dole ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat serje ta’ fatti li huma rilevanti għall-evalwazzjoni korretta tal-ksur fil-kuntest legali u ekonomiku tiegħu. Dan l-aggravju jikkonċerna l-punti 152, 182, 184 u 232 tas-sentenza appellata.

62.

B’mod iktar speċifiku, dan l-aggravju essenzjalment jikkonsisti fi tliet domandi: l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat stabbilixxietx ekwivalenza bejn il-prezzijiet ta’ referenza ( 41 ) u l-offerti ta’ prezz ( 42 ); it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali assumietx b’mod żbaljat l-użu minn Dole ta’ prezzijiet ta’ referenza għal banana safra; u t-tielet nett, jekk il-prezzijiet ta’ referenza għal banana ħadra u safra kinux tant relatati mill-qrib fuq l-iskala tal-industrija kollha, li setgħu jitqiesu li huma konvertibbli.

63.

Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-preżunzjoni ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti. Tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jkun hemm rikors għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata ( 43 ).

64.

Mill-argument ta’ Dole ma jista’ jiġi dedott xejn li jindika evalwazzjoni manifestament żbaljata ta’ fatti jew ta’ provi.

65.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata assimilazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-offerti ta’ prezz, fil-punti 152, 182, 184 u 232 tas-sentenza appellata, din it-terminoloġija lanqas biss tintuża fis-siltiet kollha tas-sentenza. Huwa biss fil-punt 182 li tissemma l-frażi “prezz ta’ referenza”, filwaqt li fil-punt 152 tintuża sempliċement il-frażi “offerta għal banana safra” ( 44 ), fil-punt 184 tintuża l-frażi “prezz isfar” ( 45 ) u fil-punt 232 jintużaw il-kliem “prezz isfar” u “prezz aħdar”. Il-Qorti Ġenerali, fl-ebda wieħed mill-punti msemmija tas-sentenza appellata ma qieset il-prezzijiet ta’ referenza u l-offerti ta’ prezz b’mod ugwali, u wisq inqas ma saret assimilazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet attwalment imħallsa. Għaldaqstant, l-akkuża ta’ Dole f’dan ir-rigward hija infondata.

66.

It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni tal-użu allegat ta’ prezz ta’ referenza għal banana safra minn Dole, għandu jiġu osservat li l-Qorti Ġenerali użat il-kunċett ta’ “prezz ta’ referenza isfar” b’rabta ma’ Dole biss f’parti waħda mis-sentenza appellata, jiġifieri fil-punt 182. Dan ir-riferiment huwa pjuttost żball editorjali u mhux żball manifest tal-evalwazzjoni tal-fatti. Fi kwalunkwe każ, mill-argumenti ta’ Dole ma jirriżultax b’mod ċar sa liema estent din l-ineżattezza possibbli fil-formulazzjoni tal-punt 182 kellha taffettwa b’mod speċifiku l-evalwazzjoni tal-fatti għall-finijiet tal-kompetizzjoni mill-Qorti Ġenerali, u fl-aħħar mill-aħħar, id-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni speċifika f’dan is-sens, madankollu, ma hemmx lok li tiġi annullata s-sentenza appellata, anki jekk jiġi preżunt żnaturament tal-fatti ( 46 ).

67.

It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni tan-natura konvertibbli fis-settur kollu bejn il-prezzijiet ta’ referenza ħodor u sofor, l-akkuża mressqa minn Dole ta’ żnaturament tal-fatti tirreferi għall-punt 232 tas-sentenza appellata. Huwa interessanti li l-kunċett ta’ “prezzijiet ta’ referenza” ( 47 ) li qed tilmenta dwaru Dole lanqas biss huwa użat f’din is-silta tas-sentenza. Huwa rilevanti biss il-fatt li f’dan il-punt il-Qorti Ġenerali tassumi korrelazzjoni mill-qrib bejn il-“prezzijiet ħodor” u l-“prezzijiet sofor”. Dole ma ressqet l-ebda indikazzjoni dwar il-fatt li din il-konstatazzjoni tista’ tkun żbaljata, u wisq inqas manifestament żbaljata. Għall-kuntrarju, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija intiża li turi jekk għandhomx jiġu kkunsidrati l-provi li ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 220 sa 231 preċedenti tas-sentenza appellata, jiġifieri l-posta elettronika ta’ impjegat ta’ Atlanta tat-2 ta’ Jannar 2003. Din il-posta elettronika tiddeskrivi b’mod ċar l-interazzjonijiet bejn il-prezzijiet ta’ Chiquita u Dole, anki jekk impriża waħda tibbaża l-prezzijiet tagħha fuq “prezz isfar” u l-oħra fuq “prezz aħdar”. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, anki l-ilment dwar żnaturament intiż kontra l-punt 232 tas-sentenza appellata ma huwiex konvinċenti.

68.

B’mod iktar ġenerali, jidhirli li fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju, Dole tinvoka kull tip ta’ oġġezzjoni semantika qarrieqa li fil-verità ma għandha ebda skop ieħor ħlief li sempliċement iġġiegħel lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti bil-pretest tal-ilment tal-allegat żnaturament tal-fatti ( 48 ). Madankollu, ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala qorti tal-appell, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva ma’ dik tal-Qorti Ġenerali ( 49 ).

69.

Barra minn hekk, l-ilmenti mqajma mill-appellanti jiddgħajfu iktar fid-dawl tal-fatt li jieħdu partijiet individwali mis-sentenza barra mill-kuntest tagħhom. Meta l-punti inkwistjoni tas-sentenza appellata ma jiġux evalwati b’mod iżolat iżda fil-kuntest tal-kumplament tal-motivi tas-sentenza, ikun jidher b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali fehmet b’mod korrett il-funzjonament tas-suq tal-banana tal-Ewropa ta’ Fuq, inklużi l-irqaqat tiegħu ( 50 ). Il-Qorti Ġenerali ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-argument rikorrenti ta’ Dole dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-livell tas-suq tal-bejgħ bl-imnut bejn il-banana tagħha stess u dik ta’ Chiquita ( 51 ). Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma kinitx konvinta minn dan l-argument ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed sabiex jiġġustifika akkuża ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi.

70.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

C – It-tielet aggravju: “Evalwazzjoni insuffiċjenti tal-provi ” mill-Qorti Ġenerali

71.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li huwa diviż f’ħames partijiet, Dole tikkontesta l-“evalwazzjoni insuffiċjenti tal-provi” li twettqet mill-Qorti Ġenerali. Kieku wieħed kellu joqgħod fuq il-kelma ta’ Dole, dan it-tielet aggravju kien ikollu jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli minħabba li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi hija kompitu tal-Qorti Ġenerali biss, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni ( 52 ), bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe lment ibbażat fuq żnaturament. Madankollu, eżami iktar mill-qrib juri li l-ilment ibbażat fuq “evalwazzjoni insuffiċjenti tal-evalwazzjoni tal-provi” essenzjalment tostor diversi lmenti dwar il-motivazzjoni tas-sentenza appellata, dwar ir-rekwiżiti legali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u dwar il-klassifikazzjoni legali tal-fatti.

1) Dwar l-istruttura tas-suq u l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi kkonċernati — is-sinjifikat ta’ banana safra u ħadra fil-kalkolu tal-ishma tas-suq (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

72.

Fil-kuntest ta’ dan it-tielet aggravju, Dole tilmenta li, mingħajr motivazzjoni xierqa, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-kalkoli tas-sehem tas-suq konġunt ta’ Dole, Chiquita u Del Monte/Weichert, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tad-deskrizzjoni tal-istruttura tas-suq rilevanti.

73.

Dan l-ilment tressaq primarjament kontra l-punt 353 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali tikkondividi l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, “li Dole, Chiquita u Weichert kellhom sehem sostanzjali tas-suq”. L-isfond ta’ din il-konstatazzjoni kien li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li s-sehem tas-suq konġunt ta’ Chiquita, Dole u Weichert kien bejn 45 % u 50 %, billi jittieħed bħala bażi l-valur tal-bejgħ tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq fl-2002 ( 53 ), u bejn 40 % u 45 %, jekk jitqies “[il]-konsum apparenti ta’ banana friska fl-Ewropa ta’ Fuq” għall-istess perijodu ( 54 ).

74.

Dole targumenta li l-istimi tas-sehem tas-suq konġunt tal-impriżi kkonċernati huma eċċessivi. Iċ-ċifri huma għalhekk eżaġerati peress li l-Kummissjoni għaddet flimkien il-banana ħadra u safra, mingħajr ma kkunsidrat li l-banana ħadra biss hija importata fl-Ewropa ta’ Fuq u li ammonti minn din il-banana ħadra l-ewwel jinbiegħu bejn l-importaturi qabel ma jiġu kkunsinnati fi stat misjur bħala banana safra lil negozjaturi bl-imnut. B’dan il-mod, skont Dole, parti mill-bejgħ tal-banana fis-suq tal-Ewropa ta’ Fuq ġiet magħduda darbtejn meta ġew ikkalkolati ċ-ċifri tas-sehem tas-suq.

75.

Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx biżżejjed din l-oġġezzjoni mqajma minn Dole, u għalhekk is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

76.

Dan l-ilment huwa sorprendenti, peress li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 351 sa 354 tas-sentenza appellata, tispjega espliċitament il-pożizzjoni tagħha dwar l-imsemmija oġġezzjoni ta’ Dole u, essenzjalment, tiċħadha abbażi tal-motivazzjoni li l-argument ta’ Dole “huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri d-distinzjoni bejn banana safra u banana ħadra” ( 55 ).

77.

Konsegwentement, peress li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali tipprovdi motivazzjoni, għalkemm konċiża, jidher li hemm suspett li Dole ma taqbilx mas-silta mis-sentenza msemmija mil-lat sostantiv. Madankollu, tali kritika sostantiva ma hijiex xierqa sabiex tiġi kkontestata l-legalità formali tas-sentenza appellata fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Huwa possibbli li Dole jkollha opinjoni differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan is-sempliċi fatt ma jistax jivvizzja s-sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni ( 56 ).

78.

Minkejja dan, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa ta’ Dole jqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali tistax formalment tintalab tispjega fid-dettall il-motivazzjoni tagħha fis-sentenza appellata fir-rigward tal-kritika ta’ Dole fuq il-kalkolu tas-sehem tas-suq konġunt tal-impriżi kkonċernati.

79.

L-obbligu li s-sentenzi tal-ewwel istanza jiġu debitament immotivati jirriżulta mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 36 u tal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 57 ).

80.

Ċertament, jista’ wkoll ikun hemm nuqqas ta’ motivazzjoni meta fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali tkun naqset milli tirrispondi għal talba ( 58 ), għal motiv ( 59 ) jew inkella għall-argumenti ta’ parti ( 60 ).

81.

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta tagħmel espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti, l-argumenti kollha żviluppati mill-partijiet fil-kawża, partikolarment, jekk dawn ma kinux ċari u preċiżi biżżejjed ( 61 ). Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ pjuttost tkun saħansitra impliċita dejjem jekk tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed informazzjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 62 ). Fl-aħħar mill-aħħar, dak li huwa importanti huwa jekk fil-motivazzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali eżaminatx il-ksur tad-dritt allegat kollu u jekk indirizzatx debitament il-punti ċentrali tal-argumentazzjoni tal-partijiet ( 63 ).

82.

F’dan il-każ, huwa diffiċli li jiġi sostnut li l-kritika ta’ Dole taċ-ċifri dwar is-sehem tas-suq konġunt tal-impriżi kkonċernati li l-Kummissjoni ħadet bħala bażi kienu l-punt ċentrali tal-argument tagħha fil-proċeduri fl-ewwel istanza. Fil-fatt, din il-kritika bilkemm tissemma fis-sottomissjonijiet bil-miktub minn Dole quddiem il-Qorti Ġenerali. Pereżempju, fir-rikors, Dole ddedikat ( 64 ) punt wieħed biss għal din il-kwistjoni, u fir-replika, inqas minn nofs sentenza ( 65 ). Sostanzjalment, Dole llimitat ruħha għad-dikjarazzjoni li s-sehem tas-suq li l-Kummissjoni ħadet bħala bażi huwa “eżaġerat ħafna”, u li stħarriġ indipendenti tal-konsumatur ikkonkluda li s-sehem tas-suq konġunt ta’ Chiquita, Dole u Del Monte/Weichert fil-Ġermanja kien inqas minn 25 %.

83.

L-ilment ta’ Dole, li l-Kummissjoni ma kellhiex tgħodd il-banana ħadra u safra flimkien, u li issa huwa ċ-ċentru tal-attenzjoni fil-kuntest tal-appell, fil-fatt issemma’ biss f’nota ta’ qiegħ il-paġna fil-proċeduri fl-ewwel istanza ( 66 ). F’ebda punt tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-ewwel istanza ma jissemma l-għadd doppju tal-banana minħabba l-inklużjoni possibbli tal-bejgħ bejn l-importaturi.

84.

Kif Dole kellha tammetti għall-mistoqsija espliċita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn iż-żewġ aspetti, minn naħa, l-għadd flimkien ta’ banana ħadra u safra u min-naħa l-oħra, l-għadd doppju tal-banana nnegozjata bejn l-importaturi, ma ġewx elaborati fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

85.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata minħabba l-fatt li fis-sentenza appellata naqset milli twettaq eżami eżawrjenti ta’ dawn iż-żewġ aspetti. Għalhekk, minn ebda perspettiva konċepibbli ma jista’ jitqies li hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan il-każ.

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-kritika sostantiva taċ-ċifri tas-sehem tas-suq

86.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li l-argument ta’ Dole f’din l-ewwel parti tat-tielet aggravju lanqas ma huwa bażi xierqa sabiex jiġu kkontestati, fuq il-mertu, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar is-sehem tas-suq konġunt tal-impriżi kkonċernati.

87.

Peress li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għandha ssir esklużivament mill-Qorti Ġenerali, ma huwa b’ebda mod il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tissostitwixxi fil-kuntest ta’ appell, l-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva ma’ dik tal-Qorti Ġenerali ( 67 ).

88.

Huwa minnu li fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina l-klassifikazzjoni legali tal-fatti mill-Qorti Ġenerali kif ukoll tikkonstata kwalunkwe żnaturament tal-fatti u tal-provi ( 68 ). Madankollu, Dole ma ressqet ebda wieħed minn dawn l-ilmenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-kalkolu inkwistjoni tas-sehem tas-suq konġunt tal-impriżi kkonċernati ( 69 ).

89.

Indipendentement minn dan, id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole dwar l-allegati ineżattezzi fil-kalkolu tas-sehem tas-suq konġunt tal-impriżi kkonċernati huma ġenerali u vagi wisq sabiex jiġu evalwati b’mod xieraq ( 70 ). B’mod partikolari, Dole naqset milli tindika l-portata li kellu jkollu l-allegat bejgħ tal-banana bejn l-importaturi. Din kienet prattika komuni jew fenomenu marġinali biss? ( 71 ) Fin-nuqqas ta’ argument eżawrjenti minn Dole ( 72 ), fl-aħħar mill-aħħar ma jistax jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe inklużjoni possibbli ta’ bejgħ bejn l-importaturi setgħetx kellha impatt sinjifikattiv fuq l-ishma tas-suq stmati fid-deċiżjoni kkontestata u li ttieħdu bħala bażi mill-Qorti Ġenerali.

90.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tielet aggravju.

2) Fuq id-deskrizzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju (it-tieni, it-tielet u raba’ parti tat-tielet aggravju)

91.

Bit-tieni, it-tielet u r-raba’ parti tat-tielet aggravju, Dole tilmenta dwar numru ta’ żbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali, kollha relatati mad-deskrizzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni inkwistjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

a) Fuq ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (it-tieni u t-tielet parti tat-tielet aggravju)

92.

L-ewwel nett, Dole ssostni li r-rekwiżiti imposti mill-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienu insuffiċjenti. Fil-fehma ta’ Dole, il-Qorti Ġenerali messha talbet lill-Kummissjoni deskrizzjoni iktar preċiża tas-suġġetti li dwarhom l-impriżi kkonċernati skambjaw informazzjoni b’għan antikompetittiv (it-tieni parti tat-tielet aggravju), u kellha titlob lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall il-fatturi ta’ pprezzar li magħhom huwa relatat il-ksur b’għan antikompetittiv ikkonstatat (it-tielet parti tat-tielet aggravju). Dawn iż-żewġ aspetti jikkoinċidu kunsiderevolment. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

93.

Ir-rekwiżiti legali marbuta mal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-akkordji huma previsti fl-Artikolu 253 KE (li sar l-Artikolu 296(2) TFUE). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bir-raġunijiet għall-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 73 ).

94.

Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat ( 74 ).

95.

Il-Qorti Ġenerali kkwotat b’mod estensiv mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata u enfasizzat, inter alia, li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati fil-każ preżenti kien jirrigwarda l-ħażniet, il-ħażniet ta’ importazzjoni eċċessivi fil-portijiet, l-istima tad-domanda tas-suq probabbli u l-iżvilupp tas-suq, b’mod partikolari, permezz ta’ “promozzjonijiet”, kif ukoll il-probabbiltà ta’ żieda ġenerali fis-suq jew ta’ tnaqqis fil-prezz tal-banana jew tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet kinux jibqgħu l-istess ( 75 ).

96.

Fil-fehma tiegħi, minn din il-lista jirriżulta b’mod ċar li Dole ma setgħetx tkun ċerta dwar is-suġġett preċiż tal-ksur li fir-rigward tiegħu ġiet akkużata. Dan jgħodd iktar u iktar peress li l-imsemmija dettalji tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati oriġinaw, inter alia, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Dole stess fil-proċedura amministrattiva ( 76 ).

97.

Il-Qorti Ġenerali ġustament indikat ukoll li mill-Artikolu 253 KE ma jirriżulta l-ebda obbligu tal-Kummissjoni “li [...] tistabbilixxi b’mod ġenerali, fid-deċiżjoni kkontestata, lista eżawrjenti ta’ fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati a priori bħala illeċiti fis-settur inkwistjoni” ( 77 ). Kuntrarjament għal dak li jidher li qed issostni Dole, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni, f’deċiżjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 78 ), li tagħti kwalunkwe tip ta’ rakkommandazzjonijiet lill-partijiet li ppartiċipaw f’akkordju dwar kif għandhom, fil-futur, jorganizzaw l-aġir tagħhom fuq is-suq. Pjuttost, l-impriżi kkonċernati, kif ukoll l-operaturi tas-suq l-oħra kollha huma obbligati jiżguraw li bl-aġir tagħhom fis-suq ma jiksru ebda regola tal-kompetizzjoni tas-suq intern.

98.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali b’mod ġust ċaħdet l-ilment imressaq minn Dole dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ( 79 ).

b) Fuq l-argument ta’ Dole, li l-impjegati involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni ma kinux responsabbli huma stess għall-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ referenza (ir-raba’ parti tat-tielet aggravju)

99.

Sussegwentement, Dole tilmenta ( 80 ) li l-Qorti Ġenerali ma tatx risposta għall-argument tagħha li l-ħaddiema ta’ Chiquita u ta’ Dole ma setgħux jipparteċipaw kredibbilment fi skambju ta’ informazzjoni, għaliex fi ħdan l-impriża ma għandhomx is-setgħa jiddeterminaw il-prezzijiet ta’ referenza. F’dan l-ilment, Dole qiegħda tallega nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza appellata ( 81 ).

100.

Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, dan l-ilment huwa madankollu bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fir-realtà, il-punti 577 sa 582 ta’ din is-sentenza jindirizzaw espressament l-imsemmi argument ta’ Dole. Huwa possibbli li Dole ma taqbilx mal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu. Madankollu, dan il-fatt ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata ( 82 ).

101.

L-argument ta’ Dole huwa wkoll infondat fuq il-mertu. Fil-fatt, anki jekk l-impjegat ta’ impriża ma jiddeterminax personalment il-prezzijiet ta’ referenza tagħha, xorta jista’ jkollu disponibbli għalih l-informazzjoni interna sottostanti tal-impriża, jiskambja din l-informazzjoni mal-interlokuturi tiegħu minn impriżi oħra u għalhekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq, li normalment tkun teżisti taħt kundizzjonijiet kompetittivi. Ġeneralment, impjegat li fi ħdan l-impriża ma jkunx ingħata s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-politika kummerċjali u dwar il-prezzijiet, jista’ jipparteċipa esternament fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 83 ).

102.

Għaldaqstant, b’mod ġenerali, it-tieni, it-tielet u raba’ parti tat-tielet aggravju ma jistgħux jintlaqgħu.

3) Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan” (il-ħames parti tat-tielet aggravju)

103.

Bil-ħames u l-aħħar parti ta’ dan it-tielet aggravju, Dole fl-aħħar nett targumenta li l-Qorti Ġenerali kklassifikat il-fatti b’mod legalment żbaljat u kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova, meta kkonkludiet li d-diskussjonijiet bejn l-impjegati tal-impriżi kkonċernati jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan. Fl-opinjoni ta’ Dole, l-iskambju ta’ informazzjoni f’dan il-każ ma huwiex biżżejjed sabiex jelimina l-inċertezzi li jirrigwardaw l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati b’rabta mal-politika tal-prezzijiet tagħhom.

104.

Prima facie, tista’ tinsilet il-konklużjoni li, b’dan l-argument, Dole qiegħda tipprova tinċita lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti u tal-provi ma’ dik tal-Qorti Ġenerali, li ma hijiex awtorizzata tagħmel meta din il-Qorti tintalab tiddeċiedi fuq appell. Madankollu, fir-realtà, il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk qiegħda tintalab tivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali twettqitx skont il-kriterji u l-prinċipji meħtieġa. Din hija kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 84 ) u hija ta’ interess partikolari fid-dawl tas-sentenza CB vs Il-Kummissjoni ( 85 ) li ngħatat reċentement.

105.

Qabelxejn, nippreċiża li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi tas-suq u l-argumenti sostnuti f’dan ir-rigward u stabbilixxiet b’mod konvinċenti ferm, għaliex l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati, min-natura tiegħu stess, kellu jitqies li huwa ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-kawża preżenti hija differenti mill-kawża CB vs Il-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq.

a) Il-kriterji legali rilevanti

106.

Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), in-natura antikompetittiva ta’ aġir ta’ impriża tista’ tirriżulta mhux biss mill-effetti tiegħu, iżda wkoll mill-għan tiegħu. Dan japplika wkoll għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ( 86 ).

107.

Mhux kull skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri neċessarjament għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 87 ) fis-suq intern skont l-Artikolu 81(1) KE.

108.

Il-kwistjoni dwar jekk tali skambju ta’ informazzjoni, min-natura tiegħu stess, jiżvelax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett tiegħu, tal-għanijiet segwiti minnu u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih iseħħ dan l-iskambju ( 88 ). Fl-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm ukoll lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni u tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni ( 89 ). L-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jistgħu wkoll jaffettwaw l-evalwazzjoni, minkejja li ma humiex fattur neċessarju ( 90 ).

109.

Jekk, fuq il-bażi tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jista’, min-natura tiegħu stess, jikkawża dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, li għalhekk, fi kliem ieħor, fih innifsu jirrileva grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq ma għandux għalfejn jiġi eżaminat u jittieħed inkunsiderazzjoni ( 91 ). L-uniku rekwiżit f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa li l-iskambju tal-informazzjoni jkun jista’, konkretament, jipprekludi, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern ( 92 ).

110.

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli li l-impriżi li jieħdu sehem fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-aġir tagħhom f’dak is-suq, u huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jippruvaw il-kuntrarju ( 93 ).

b) L-applikazzjoni tal-kriterji legali rilevanti għall-każ partikolari

111.

Kuntrarjament għall-fehma ta’ Dole, ma nara l-ebda indikazzjoni li fil-każ preżenti l-Qorti Ġenerali setgħet ma rrikonoxxietx jew setgħet applikat b’mod żbaljat l-imsemmija kriterji legali ( 94 ).

– Fuq in-natura tal-iskambju ta’ informazzjoni u s-suġġett tiegħu

112.

Wieħed mill-argumenti prinċipali ta’ Dole, li l-appellanti jsostnu ripetutament, mhux biss hawnhekk, iżda anki f’kuntesti oħra, huwa li l-impriżi kkonċernati ma kienu skambjaw ebda informazzjoni fuq prezzijiet reali, iżda biss fuq tendenzi indikattivi tal-prezzijiet ta’ referenza.

113.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li skambju ta’ informazzjoni ma huwiex ivvizzjat b’għan antikompetittiv biss meta jkun direttament relatat mal-prezzijiet applikati mill-impriżi kkonċernati fis-suq. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) jipproteġi l-istruttura tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni bħala tali ( 95 ). Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ rabta diretta bejnha u l-prezz bl-imnut ( 96 ). Lanqas ma huwa neċessarju li jkun hemm ebda rabta diretta bejn l-informazzjoni skambjata u l-prezzijiet bl-ingrossa. Għall-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li tiġi skambjata informazzjoni bejn il-kompetituri dwar fatturi li huma rilevanti għall-politika tal-prezzijiet rispettiva tagħhom jew, b’mod ġenerali, għall-aġir tagħhom fis-suq ( 97 ).

114.

Dan huwa preċiżament il-każ inkwistjoni.

115.

Skont il-konstatazzjonijiet f’dettall kbir tal-Qorti Ġenerali, li fir-rigward tagħhom Dole ma esprimiet ebda lment ta’ żnaturament, f’dan il-każ saru komunikazzjonijiet bilaterali dwar ipprezzar minn qabel bejn l-impriżi kkonċernati, li fil-kuntest tagħhom ġew diskussi l-prezzijiet ta’ referenza rispettivi tagħhom u ċerti tendenzi tal-prezzijiet ( 98 ).

116.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali wkoll, li inċidentalment jirreferu wkoll fil-parti l-kbira għad-dikjarazzjonijiet ta’ Dole stess, il-prezzijiet ta’ referenza kienu rilevanti għas-suq ikkonċernat ( 99 ). B’mod partikolari, fil-każ preżenti, il-prezzijiet ta’ referenza msemmija tal-importaturi tal-banana setgħu jirriżultaw, minn tal-inqas, minn tendenzi jew indikazzjonijiet għas-suq dwar l-evoluzzjoni prevista tal-prezz tal-banana; barra minn hekk, f’ċerti tranżazzjonijiet, il-prezzijiet reali kienu direttament marbuta mal-prezzijiet ta’ referenza ( 100 ).

117.

Inżid ngħid li, mil-lat kummerċjali, ma tantx ikun loġiku li jiġu stabbiliti prezzijiet ta’ referenza u li jiġi diskuss l-iżvilupp tagħhom mal-kompetituri jekk il-prezzijiet ta’ referenza tagħhom stess u l-informazzjoni miksuba dwar il-prezzijiet ta’ referenza tal-kompetituri ma kellhom ebda impatt fuq l-aġir futur tal-impriżi rispettivi fis-suq u l-prattika tal-prezzijiet reali tagħhom.

118.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, wara kunsiderazzjoni eżawrjenti taċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq u tal-argumenti mressqa minn Dole, ġustament ikkonkludiet li l-prattika ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati kellha għan antikompetittiv ( 101 ).

119.

Fil-fatt, tali skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri dwar fatturi relatati mal-prezz jikkontradixxi manifestament ir-rekwiżit ta’ awtonomija li huwa fattur sinjifikanti għall-aġir fis-suq ta’ impriżi f’sistema ta’ kompetizzjoni effettiva ( 102 ). Konsegwentement, mingħajr ma huma meħtieġa spjegazzjonijiet oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni juri fih innifsu grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, u jista’, min-natura tiegħu stess, jitqies li huwa ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni ( 103 ).

120.

F’dan ir-rigward, il-każ preżenti huwa essenzjalment differenti mill-Kawża Asnef-Equifax ( 104 ), invokata minn Dole, li kienet tikkonċerna s-sistema Spanjola tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu. Fil-fatt, skambju ta’ informazzjoni dwar is-solvenza tad-debituri bħal fil-każ ta’ Asnef-Equifax primarjament iservi sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq u sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kredituri kollha, mingħajr ma operatur tas-suq b’ebda mod ma jiżvela lill-kompetituri tiegħu l-kundizzjonijiet li għandu l-intenzjoni jirriżerva lill-klijentela tiegħu. Skambju ta’ informazzjoni bħal dak inkwistjoni, li essenzjalment jikkonċerna l-fatturi li jiddeterminaw il-prezzijiet ta’ referenza mistennija u t-tendenzi tal-prezzijiet, huwa eżattament l-oppost: b’dan l-iskambju, l-impriżi kkonċernati jiżvelaw lill-kompetituri rispettivi tagħhom, minn tal-inqas parzjalment, l-aġir fis-suq ippjanat tagħhom u informazzjoni sensittiva relatata mal-previżjonijiet futuri tagħhom fil-qasam tal-prezz. Evidentement, dan jista’ jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati u jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni.

121.

Dole tipprova saħansitra tiskredita l-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv min-naħa tal-Qorti Ġenerali, bl-argument li l-impriżi kkonċernati kkomunikaw prinċipalment dwar suġġetti trivjali bħal “għajdut dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq” u “it-temp”.

122.

Madankollu, mill-perspettiva legali, anki dan l-argument huwa kompletament irrilevanti. Fil-fatt, huwa irrilevanti jekk skambju ta’ informazzjoni dwar fatturi relatati mal-prezzijiet kienx jikkostitwixxi l-għan ewlieni tal-kuntatt bejn l-impriżi kkonċernati jew sempliċement seħħx fil-kuntest (jew taħt il-pretest) ta’ kuntatt li fih innifsu ma kellu ebda għan antikompetittiv ( 105 ).

123.

F’dan il-kuntest, il-kritika ta’ Dole b’rabta man-natura u mas-suġġett tal-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

– Fuq il-frekwenza u r-regolarità tal-iskambju ta’ informazzjoni

124.

Oġġezzjoni oħra min-naħa ta’ Dole, li titqajjem ukoll f’diversi punti tal-argument tagħha fl-appell, tirreferi għall-frekwenza u għar-regolarità tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Dole tilmenta li d-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata ma kinux ċari f’dan ir-rigward.

125.

Kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda tallega Dole, u minn perspettiva legali, il-konstatazzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni b’għan antikompetittiv b’ebda mod ma tiddependi mill-fatt li kien hemm skambju ta’ informazzjoni frekwenti jew regolari bejn l-impriżi kkonċernati. Skont il-ġurisprudenza, anki skambju wieħed ta’ informazzjoni jifforma l-bażi għal konstatazzjoni ta’ ksur u l-impożizzjoni ta’ multa, jekk l-impriżi kkonċernati jibqgħu joperaw fis-suq wara dan l-iskambju ta’ informazzjoni ( 106 ). L-iktar l-iktar, l-ammont ta’ multa jista’ possibbilment jiddependi fuq il-frekwenza u r-regolarità tal-informazzjoni skambjata b’għan antikompetittiv.

126.

Għaldaqstant, il-kritika ta’ Dole dwar l-allegati konstatazzjonijiet ivvizzjati tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali dwar il-frekwenza u r-regolarità tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati hija infondata.

– Fuq l-istruttura tas-suq

127.

Fl-aħħar nett, Dole tenfasizza f’diversi punti fl-appell, li ċ-ċifri tal-ishma tas-suq komuni tal-impriżi kkonċernati li ttieħdu bħala bażi mill-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali huma “eżaġerati” jew “eċċessivi” ( 107 ). Għandi l-impressjoni li din il-kritika ta’ Dole trid fl-aħħar mill-aħħar tinvalida l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li s-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq “għalkemm ma jistax jiġi ddefinit bħala oligopolistiku” madankollu “ma jistax ikun ikkaratterizzat minn offerta ta’ natura żgħira” ( 108 ).

128.

L-argument ta’ Dole jista’ jindika l-preżunzjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jista’ jkollu biss għan antikompetittiv f’suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna ( 109 ). Tali preżunzjoni madankollu tkun żbaljata. Huwa minnu li l-konstatazzjoni ta’ għan antikompetittiv f’tali suq hija partikolarment evidenti ( 110 ). Madankollu, skont il-ġurisprudenza, sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tikser ukoll ir-regoli tal-kompetizzjoni anki jekk is-suq rilevanti ma jkunx suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna ( 111 ). L-uniku prinċipju ġenerali relatat mal-istruttura tas-suq huwa li l-offerta ma tistax tkun ta’ natura frammentata ( 112 ).

129.

Peress li f’dan il-każ, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li l-validità tagħhom ma hijiex ikkontestata minn Dole ( 113 ), ma hemm ebda indikazzjoni ta’ offerta ta’ natura frammentata fis-suq tal-banana fl-Ewropa ta’ Fuq, l-argument tal-appellanti dwar l-istruttura tas-suq ma jistax jintlaqa’.

– Sommarju

130.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argument ta’ Dole ma jistax jinvalida l-kwalifika ġuridika tal-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala prattika miftiehma b’għan antikompetittiv ipprojbita taħt l-Artikolu 81 KE.

4) Konklużjoni intermedjarja

131.

Peress li ebda wieħed mill-ilmenti mressqa minn Dole ma ntlaqa’, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

D – Ir-raba ’ aggravju: il-kalkolu tal-multa

132.

Fl-aħħar nett, ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-kalkolu tal-multa. Hawnhekk, Dole b’kollox tressaq żewġ ilmenti kontra s-sentenza appellata, li huma indirizzati minn dawn iż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju.

5) L-ewwel parti tar-raba’ aggravju: teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ sussidjarji ta’ Dole li ma pparteċipawx fl-akkordju

133.

L-ewwel nett, fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ aggravju, Dole tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkalkolat il-multa b’mod żbaljat fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ “impriżi” li ma nstabu ħatja b’ebda ksur, jiġifieri s-sussidjarji ta’ Dole VBH, Saba, Kempowski u Dole France, li ma kinux destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan l-ilment jirrigwarda l-punti 619 sa 623 tas-sentenza appellata.

134.

Jidhirli li dan l-ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza stabbilita dwar ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għal ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji li jkunu 100 % proprjetà tagħhom u tas-sussidjarji l-oħra kollha li huma taħt l-influwenza deċiżiva tagħhom.

135.

Il-bażi tal-ġurisprudenza msemmija hija l-affiljazzjoni tal-kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha mal-istess impriża.

136.

Jekk kumpannija parent u sussidjarja waħda jew iktar li huma taħt l-influwenza deċiżiva tagħha, jitqiesu li huma parti minn impriża waħda sabiex jiġi kkonstatat ksur, l-istess għandu japplika wkoll għas-sanzjoni ta’ dan il-ksur permezz ta’ multa. Fil-fatt, il-kunċett ta’ impriża taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u dak taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 huma identiċi u joriġinaw mill-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE).

137.

Huwa biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-kumpannija parent u tas-sussidjarji kollha taħt l-influwenza deċiżiva tagħha li jippermetti li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni s-saħħa finanzjarja tal-grupp ta’ impriżi kollu involut fl-akkordju sabiex tiġi kkalkolata l-multa ( 114 ).

138.

L-oġġezzjoni ta’ Dole, li waħda mis-sussidjarji tagħha biss, jiġifieri Dole Fresh Fruit Europe, kienet direttament involuta f’aġir antikompetittiv, ma hijiex rilevanti fil-kuntest tas-sanzjoni tal-ksur u lanqas għall-kuntest tal-konstatazzjoni tiegħu. Fil-fatt, il-kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha taħt l-influwenza deċiżiva tagħha huma kollettivament impriża waħda għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u huma responsabbli għal dik l-impriża. Jekk din l-impriża twettaq, intenzjonalment jew b’negliġenza, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, dan jimplika r-responsabbiltà personali u in solidum tal-persuni ġuridiċi kollha fl-istruttura tal-grupp ( 115 ).

139.

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-ġurisprudenza Tomkins iċċitata minn Dole. Huwa minnu li fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins tiġi enfasizzata n-natura aċċessorja tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji 100 % jew kważi 100 % proprjetà tagħha ( 116 ). Madankollu, din in-natura aċċessorja bl-ebda mod ma tikkontesta l-applikazzjoni tal-bejgħ tal-grupp bħala l-bażi għall-kalkolu ta’ multa. In-natura aċċessorja msemmija pjuttost timplika biss li l-aġġustamenti tal-multa imposta fuq sussidjarja jistgħu jkunu ta’ benefiċċju anki għall-kumpannija parent li hija miżmuma responsabbli għall-ħlas in solidum, meta t-tnejn li huma jippreżentaw rikorsi għal annullament b’mod parallel kontra d-deċiżjoni tal-multa quddiem il-Qorti Ġenerali.

140.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet it-talba ta’ Dole, li fil-kalkolu tal-multa ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ tas-sussidjarji kollha li ma humiex direttament involuti fil-ksur ( 117 ).

141.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex meħtieġa eżaminazzjoni f’iktar dettall dwar jekk l-element tal-motivazzjoni addizzjonali, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqu anki fil-kuntest preżenti, kienx validu. Għaldaqstant, l-argument ta’ Dole dwar l-awtonomija ta’ wħud mis-sussidjarji tagħha u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ tagħhom għandu jkun marbut mad-distinzjoni bejn il-banana ħadra u safra ( 118 ). Nammetti li din il-motivazzjoni addizzjonali tal-Qorti Ġenerali hija pjuttost sorprendenti. F’termini legali, madankollu, is-sentenza appellata hija korretta abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar il-kunċett ta’ impriża unika ( 119 ).

142.

Isegwi li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija infondata.

6) It-tieni parti tar-raba’ aggravju: teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess bejgħ

143.

It-tieni nett, fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ aggravju, Dole tilmenta li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat għaddet darbtejn il-bejgħ tal-istess prodotti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. B’dan l-ilment, l-appellanti tikkontesta l-punt 630 tas-sentenza appellata.

144.

Speċifikament, il-kwistjoni tinvolvi l-fatt li l-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fiċ-ċifri tal-bejgħ ta’ Dole għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa għaddet darbtejn il-banana li Dole inizjalment biegħet lil terzi li ma jagħmlux parti mill-akkordju u li mbagħad sussegwentement xtrat lura mingħandhom. L-uniku eżempju li Dole ssemmi huwa l-bejgħ ta’ ftit mill-banana tagħha lill-kumpannija Cobana u bejgħ mill-ġdid tal-istess banana minn Cobana lil Kempowski, sussidjarja ta’ Dole.

145.

Għandu jiġi nnotat li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi ( 120 ). Mill-argumenti ta’ Dole dwar din it-tieni parti tar-raba’ aggravju ma jirriżultax b’mod ċar b’liema żbalji ta’ liġi l-Qorti Ġenerali qiegħda tiġi akkużata. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ Dole dwar dan il-punt huma wisq ġenerali u inċerti sabiex ikunu jistgħu jiġu raġonevolment evalwati ( 121 ). Għaldaqstant, nipproponi li jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

146.

Sussidjarjament, nixtieq inżid ngħid li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-ammont tal-multa jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali (Artikolu 261 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003). L-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja jitwettaq biss sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali tkun wettqet żbalji manifesti ( 122 ). L-ewwel nett, żbalji bħal dawn jiġu preżunti jekk il-Qorti Ġenerali tkun interpretat b’mod żbaljat il-portata tas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE ( 123 ), it-tieni nett, jekk ma tkunx eżaminat bir-reqqa l-aspetti rilevanti kollha ( 124 ), u t-tielet nett, jekk tkun stabbilixxiet parametri legali żbaljati ( 125 ), b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament ( 126 ) u ta’ proporzjonalità ( 127 ).

147.

Peress li l-valur tal-prodotti li huwa direttament jew indirettament relatat mal-ksur tal-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE), iservi bħala indikazzjoni tal-kejl tal-ksur ( 128 ), huwa kompletament raġonevoli li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu ta’ dawn il-prodotti ta’ parteċipant fl-akkordju. Jekk parteċipant fl-akkordju jkun wettaq diversi tranżazzjonijiet kummerċjali bl-istess prodott, pereżempju, billi l-ewwel ibigħ dawn il-prodotti lil terz u sussegwentement jixtrihom mingħandu, jew saħansitra mingħand persuna oħra, f’dan il-każ dan il-bejgħ doppju jista’ jitqies li huwa indikazzjoni tal-importanza ekonomika ta’ dan il-prodott.

148.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball manifest meta ma kkontestatx, waqt ir-reviżjoni tal-kalkolu tal-multa, l-għadd doppju tal-bejgħ tal-banana li l-ewwel ġiet mibjugħa u mbagħad mixtrija mill-ġdid minn Dole.

149.

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

E – Sommarju

150.

Peress li ebda aggravju mqajjem minn Dole ma huwa rilevanti, l-appell għandu jiġi miċħud.

V – Spejjeż

151.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

152.

Skont l-Artikolu 138(1) u (2) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba; jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż u peress li dawn tilfu l-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom iħallsu l-ispejjeż in solidum ( 129 ).

VI – Konklużjoni

153.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Dole Food Company, Inc. u Dole Fresh Fruit Europe OHG huma kkundannati għall-ispejjeż in solidum.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22, dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti), Cooperativa Co-Frutta (193/85, EU:C:1987:210, dwar id-dazju tas-sisa fuq il-banana), Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, EU:C:1994:367, dwar il-legalità tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana), Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) (C‑465/93, EU:C:1995:369, dwar kwistjonijiet ta’ miżuri provviżorji quddiem il-qrati nazzjonali), Van Parys (C‑377/02, EU:C:2005:121, dwar il-kwistjoni tal-verifikabbiltà tal-atti legali tal-Unjoni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tad-WTO) u FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, dwar l-esklużjoni tad-drittijiet għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni).

( 3 ) Mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kwistjoni relatata mal-banana diġà kienet ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-snin sebgħin fis-sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 (KE) (Każ COMP/39.188 – Banana, sommarju fil-ĠU 2009, C 189, p. 12), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem issir referenza għalihom, konġuntament, bħala “Dole” jew “l-appellanti”. Dole Fresh Fruit Europe kienet topera, b’mod intermittenti, bl-isem Dole Germany; hija pparteċipat fil-proċeduri fl-ewwel istanza b’dan l-isem flimkien ma’ Dole Food bħala r-rikorrent.

( 6 ) Sentenza Dole Food u Dole Germany vs Il-Kummissjoni (T‑588/08, EU:T:2013:130).

( 7 ) Minbarra Dole, fil-prattiki miftiehma kienu involuti b’mod partikolari Chiquita u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert, kumpannija affiljata ma’ Del Monte.

( 8 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 8 sa 23 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

( 10 ) Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 11 ) Artikolu 1(e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata.

( 12 ) Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata.

( 13 ) Ara l-punt 119 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punti 128 sa 132 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58).

( 16 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 53); ara, fl-istess sens, Eżami mill-ġdid tas-sentenza M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 42).

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:11, punt 109).

( 18 ) Sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, EU:C:2000:630, punt 61); fl-istess sens diġà hemm is-sentenzi Präsident Ruhrkohlen-Verkaufsgesellschaft et vs Hohe Behörde (36/59 sa 38/59 u 40/59, EU:C:1960:36, b’mod partikolari p. 926 u 927) u Picciolo vs Il-Parlament (111/83, EU:C:1984:200, punt 22).

( 19 ) Sentenzi Michel vs Il-Parlament (195/80, EU:C:1981:284, punt 22), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 463), Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149) u Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74).

( 20 ) Dwar id-dritt kriminali fih innifsu, ara s-sentenza E u F (C-550/09, EU:C:2010:382, punt 59); fil-qasam kważi penali – fil-każ ineżami, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-akkordji – ara s-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 463) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149).

( 21 ) Punt 19 tas-sentenza appellata u l-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 22 ) Punti 133 sa 135 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Punti 40 sa 48 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Punt 14 tas-sentenza appellata u l-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 25 ) Bil-lingwa tal-kawża: “[…] Aldi’s pricing for yellow bananas served as a reference price for all purchasers of bananas, whether green or yellow, in Northern Europe” (tmiem il-punt 47 tar-rikors ta’ Dole fil-Kawża T‑588/08; ara wkoll tmiem il-punt 46 ta’ dan ir-rikors).

( 26 ) Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, id-dokument ġie, inabitwalment, “[i]ddikjarat [in]ammissibbli”.

( 27 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 97 u 100).

( 28 ) Sentenzi Versalis vs Il-Kummissjoni (C‑511/11 P, EU:C:2013:386, punt 115) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40).

( 29 ) Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 98 u 100) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41).

( 30 ) Sentenzi L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 88) u Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 71).

( 31 ) Sentenzi Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 29) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 151 u 215).

( 32 ) Sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 30).

( 33 ) L-ilment ibbażat fuq l-iżnaturament ta’ fatti, li ġie invokat biss b’mod inċidentali, ma huwiex spjegat minn Dole b’mod preċiż fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, peress li Dole tirreferi biss għat-tieni aggravju. Għaldaqstant, ser nillimita ruħi wkoll li nindirizza din il-kwistjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju (ara iktar ’il quddiem, punti 60 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 34 ) Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑315/99 P, EU:C:2001:391, punt 19), tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 163) u tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie AG vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 115); ara, fl-istess sens, is-sentenza Viega vs Il-Kummissjoni (C‑276/11 P, EU:C:2013:163, punt 39).

( 35 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 36 ) Sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punti 64 u 66), Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 46) u Siemens vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 321); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C-501/11 P, EU:C:2013:248, punt 47) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punt 87).

( 37 ) Fl-istess sens, is-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 322).

( 38 ) Sentenzi Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 46) u Viega vs Il-Kummissjoni (C‑276/11 P, EU:C:2013:163, punti 41 u 42).

( 39 ) Sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66), Kone et vs Il-Kummissjoni (C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punt 32) kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C-295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 55).

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 51) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 87 u 88).

( 41 ) Bil-lingwa tal-kawża (l-Ingliż): “quotation prices”; bil-lingwa tas-seduta (il-Franċiż): “prix de référence”.

( 42 ) Bil-lingwa tal-kawża: “price quotes”; bil-lingwa tas-seduta: “offres de prix”. Fit-traduzzjoni Ġermaniża tas-sentenza appellata għal “price quotes” tintuża l-frażi “angebotene Preise” jew “Preisnotierungen”, b’din tal-aħħar tidher pjuttost eżaġerata fil-kuntest preżenti.

( 43 ) Sentenzi PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37), Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 37) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (C-413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17).

( 44 ) Bil-lingwa tal-kawża: “a yellow quote“, bil-lingwa tad-deliberazzjonijiet: “une offre jaune”.

( 45 ) Bil-lingwa tal-kawża: “a yellow price“, bil-lingwa tad-deliberazzjonijiet: “un prix jaune”.

( 46 ) Sentenzi P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punti 67 sa 69), Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punti 70 sa 72) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 112).

( 47 ) Bil-lingwa tal-kawża: “quotation prices”.

( 48 ) Sentenzi Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 23), Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 75 u 76) u FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 31).

( 49 ) Sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 137).

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 226 sa 228 tas-sentenza appellata.

( 51 ) Ara, għal darba oħra, il-punti 128 sa 132 tas-sentenza appellata.

( 52 ) Digriet San Marco vs Il-Kummissjoni (C‑19/95 P, EU:C:1996:331, punti 39 u 40) u sentenzi Il-Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 103) kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 84); ara, fl-istess sens, is-sentenza MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 60).

( 53 ) Premessi 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 345 tas-sentenza appellata.

( 54 ) Premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 350 tas-sentenza appellata.

( 55 ) L-ewwel sentenza tal-punt 352 tas-sentenza appellata.

( 56 ) Sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 80) u Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35).

( 57 ) Sentenza Il-Kunsill vs De Nil u Impens (C-259/96 P, EU:C:1998:224, punti 32 u 33), France Télécom vs Il-Kummissjoni (C-202/07 P, EU:C:2009:214, punt 29) u Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 29).

( 58 ) Sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑200/10 P, EU:C:2011:281, punt 33).

( 59 ) Sentenzi Vidrányi vs Il-Kummissjoni (C-283/90 P, EU:C:1991:361, punt 29), Il-Kummissjoni vs Greencore (C‑123/03 P, EU:C:2004:783, punti 40 u 41) u Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29).

( 60 ) Sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑219/95 P, EU:C:1997:375), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244) u France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 41), kollha relatati ma’ argumenti favur it-tnaqqis ta’ multi.

( 61 ) Sentenzi Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 121) u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 91).

( 62 ) Sentenzi Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 82), Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 35) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 189).

( 63 ) Sentenzi Komninou et vs Il-Kummissjoni (C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 22) u Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 41).

( 64 ) Punt 118 tar-rikors fl-ewwel istanza.

( 65 ) Il-punt 40 tar-replika fl-ewwel istanza jinkludi biss referenza fil-parenteżi għaċ-“ċifri eżaġerati tal-Kummissjoni”.

( 66 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 86 tar-rikors fl-ewwel istanza; in-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 tar-replika fl-ewwel istanza tirrepeti din l-allegazzjoni.

( 67 ) Sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 137).

( 68 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 49), Il-Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 191), Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 55) u Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 74).

( 69 ) Dole ma bbażatx l-ilment tagħha fuq żnaturament tal-fatti, invokat fil-kuntest tat-tieni aggravju, dwar ċifri tas-sehem tas-suq allegatament ikkalkolati b’mod żbaljat.

( 70 ) Sentenzi Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, EU:C:2007:490, punt 83), Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 45) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 151).

( 71 ) Skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni mogħtija fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġewx ikkontestati minn Dole, il-bejgħ tal-banana bejn l-importaturi ma kienx ta’ piż sinjifikattiv. Anki l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li ma ġewx ikkontestati fil-premessi 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu li tinsilet din il-konklużjoni, minkejja li dawn jagħmlu parti minn kuntest differenti.

( 72 ) Fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kien mistenni li minn tal-inqas tinkiseb informazzjoni konkreta dwar kwalunkwe bejgħ ta’ Dole lil importaturi oħra jew dwar ix-xiri ta’ Dole mingħand importaturi oħra. Fil-fatt, Dole għandha l-informazzjoni kollha rilevanti dwar in-negozji tagħha stess li jirrigwardaw il-banana.

( 73 ) Sentenzi Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166), Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147) u Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115).

( 74 ) Sentenzi Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166), Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150) u Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116).

( 75 ) Punti 262 u 263 tas-sentenza appellata.

( 76 ) Punt 264 flimkien mal-punti 262 u 263 tas-sentenza appellata.

( 77 ) Punt 261 tas-sentenza appellata.

( 78 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 79 ) Punt 267 tas-sentenza appellata.

( 80 ) Sa fejn dan l-ilment huwa importanti wkoll fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet aggravju, jien ser nindirizzah diġà bil-kunsiderazzjonijiet segwenti.

( 81 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Komninou et vs Il-Kummissjoni (C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 22), Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29) u Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 41).

( 82 ) Sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 80) u Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35).

( 83 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 97) u Slovenská sporiteľňa (C‑68/12, EU:C:2013:71, punt 25), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punti 128 sa 131).

( 84 ) Sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 125), Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 117) u Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 59).

( 85 ) C‑67/13 P, EU:C:2014:2204.

( 86 ) Sentenza T-Mobile Netherlands et (C-8/08, EU:C:2009:343, punt 24).

( 87 ) Ara, dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 37).

( 88 ) Sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 27); ara fl-istess sens is-sentenzi Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 37) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53).

( 89 ) Sentenzi Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 36) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53).

( 90 ) Sentenzi T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 27), Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 37) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 54).

( 91 ) Sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 29 u 30); ara, fl-istess sens, is-sentenzi Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 135), Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 34) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 sa 52 u 57 fit-tmiem).

( 92 ) Sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 31 u 43); ara, fl-istess sens, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 38).

( 93 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 121 u 126), Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 162 u 167) u T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 51), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 75).

( 94 ) Iktar ’il quddiem ser nittratta mhux biss l-argumenti ta’ Dole mqajma fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet aggravju iżda anki ċerti argumenti oħra li Dole tinvoka sussidjarjament f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ aggravji oħra.

( 95 ) Sentenzi T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 38) u GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 63).

( 96 ) Sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 36 sa 39).

( 97 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 173), Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 86) u T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 32).

( 98 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 15 sa 17, 74, 187, 256, 375 u 583 tas-sentenza appellata kif ukoll il-premessi 51 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 99 ) Punti 434 sa 576 tas-sentenza appellata; ara, b’mod partikolari, il-punti 442 sa 470 ta’ din is-sentenza, li huma bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Dole stess.

( 100 ) Punti 19, 574 u 638 tas-sentenza appellata kif ukoll il-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 101 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 553, 585 u 654 tas-sentenza appellata.

( 102 ) Dwar l-eżiġenza ta’ awtonomija, ara, inter alia, sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 173), Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punti 86 u 87) u T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 32 u 33).

( 103 ) Dwar dawn il-kriterji, ara għal darba oħra s-sentenza reċenti CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, b’mod partikolari l-punti 50 u 57).

( 104 ) Sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734).

( 105 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 51); ara, fl-istess sens, is-sentenzi IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 25), General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 64) u Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C-209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

( 106 ) Sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 58 u 59); ara wkoll is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 121) u Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 162); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punti 97 sa 107).

( 107 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel parti tat-tielet aggravju (ara l-punti 73 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq).

( 108 ) Punt 353 tas-sentenza appellata.

( 109 ) Din il-formulazzjoni ntużat fis-sentenza Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 88).

( 110 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 53).

( 111 ) Sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 86).

( 112 ) Sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 86) u Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 58).

( 113 ) Ara, għal darba oħra f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ewwel parti tat-tielet aggravju fil-punti 72 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 114 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:11, punt 1).

( 115 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:11, punt 173) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 97).

( 116 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 39).

( 117 ) Punti 619 u 620 tas-sentenza appellata.

( 118 ) Punt 621 tas-sentenza appellata.

( 119 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 135 sa 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 120 ) Sentenzi Vidrányi vs Il-Kummissjoni (C‑283/90 P, EU:C:1991:361, punti 11 sa 13), Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 47 u 48) kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 84).

( 121 ) Sentenzi Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, EU:C:2007:490, punt 83), Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 45) u MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 151).

( 122 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 365).

( 123 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2005:751, punt 137) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 190); ara, fl-istess sens, is-sentenzi Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 155 u 156) u Kone et vs Il-Kummissjoni (C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punti 40 u 42).

( 124 ) Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303) u Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).

( 125 ) Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303) u Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).

( 126 ) Sentenzi Weig vs Il-Kummissjoni (C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punti 63 u 68) u Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 97 u 99).

( 127 ) Sentenzi E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 165).

( 128 ) Sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punti 76 u 88).

( 129 ) Sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 123); ara, fl-istess sens, is-sentenza D u l-Isvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C‑125/99 P, EU:C:2001:304, punt 65); f’din l-aħħar kawża, D u r-Renju tal-Isvezja kienu ppreżentaw żewġ rikorsi separati u madankollu ġew ikkundannati għall-ispejjeż in solidum.