KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-26 ta’ Frar 2014 ( 1 )

Kawża C‑162/13

Damijan Vnuk

vs

Zavarovalnica Triglav d.d.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče (is‑Slovenja)]

“Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza — Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ — Inċident ikkawżat minn trattur li kien qed jirmonka trejler filwaqt li kienu qed jinħażnu xi balal tal-ħuxlief f’matmura”

1. 

Permezz ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà ( 2 ).

2. 

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti [id-danni] koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri”. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 72/166 għandu jkun hemm qbil dwar il-kunċetti ta’ “vettura” u ta’ “użu”.

I – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

3.

L-inċident li wassal għall-kawża prinċipali seħħ fit-13 ta’ Awwissu 2007 u ġie deskritt mill-qorti tar-rinviju bħala li kien ikkawżat minn trattur li kien qed jirmonka trejler — vettura li għaliha kien ġie effettivament konkluż kuntratt tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — filwaqt li kienu qed jinħażnu xi balal tal-ħuxlief fir-raff ta’ matmura. Meta rriversja sabiex iqiegħed it-trejler fil-matmura, is-sewwieq tat-trattur mexa b’lura u t-trejler waqqa’ s-sellum fejn kien tela’ r-rikorrent fil-kawża prinċipali, D. Vnuk. Dan waqa’ u weġġa’. Quddiem il-qrati Sloveni huwa ppreżenta rikors għal kumpens għal dannu mhux patrimonjali kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni li magħha l-proprjetarju tat-trattur kien assigura l-vettura tiegħu.

4.

Kemm il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll dik tal-appell ċaħdu r-rikors. Huma essenzjalment ikkunsidraw li l-għanijiet prinċipali mfittxija mill-assigurazzjoni obbligatorja huma dak tal-mutwalizzazzjoni tar-riskju u tal-protezzjoni tal-bżonnijiet tal-persuni leżi u tal-passiġġieri fil-kuntest tat-traffiku fit-toroq. Iċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-inċident li tiegħu kien vittma D. Vnuk ma jikkostitwixxux, fil-fehma tal-qrati, sitwazzjoni tipika tat-traffiku u d-dannu subit minn D. Vnuk ma għandux rabta mas-sewqan fit-toroq. Barra minn hekk, it-trattur ma ntużax, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, bħala vettura imma, bil-kontra ta’ dan, bħala magna. Issa, il-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja ma tkoprix tali użu għaliex hija tapplika biss għall-inċidenti tat-traffiku, jiġifieri dawk li jkunu seħħew waqt l-użu ta’ vettura fil-kuntest tat-traffiku fit-toroq.

5.

D. Vnuk ġie awtorizzat jippreżenta rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont l-Artikolu 15 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur (Zakon o obveznih zavarovanjih v prometu, iktar ’il quddiem iż-“ZOZP”), “il-proprjetarju ta’ vettura għandu jikkonkludi kuntratt tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-danni li huwa jikkawża lil terzi meta juża l-vettura: il-mewt, id-danni fiżiċi, il-problemi tas-saħħa, il-qerda u d-deterjorament tal-beni (iktar ’il quddiem l-‘assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur’) ħlief għar-responsabbiltà għad-danni għall-beni li jkun aċċetta li jittrasporta”. D. Vnuk b’hekk jikkunsidra li l-interpretazzjoni li ngħatat lil din id-dispożizzjoni mill-qorti tal-appell hija ristretta wisq. Il-kunċett ta’ użu ma jkoprix biss is-sitwazzjonijiet ta’ sewqan fit-toroq pubbliċi. Barra minn hekk, it-trattur ma kienx qed jintuża bħala magna fil-mument li seħħ l-inċident, għaliex trattur li jkun qed jirmonka trejler għandu jiġi kklassifikat bħala vettura. Għaldaqstant, l-inċident għandu jkun kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja prevista mill-Artikolu 15 taż-ZOZP.

6.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-inċident seħħ f’sitwazzjoni ta’ xogħol quddiem matmura u li la seħħ waqt li t-trattur kien qed jintuża bħala vettura għal finijiet ta’ użu fit-toroq u lanqas f’sitwazzjoni ta’ użu fit-toroq fis-sens strett tat-terminu. Hija tgħid ukoll li l-primjums tal-assigurazzjoni huma kkalkolati billi tiġi applikata skala partikolari li tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji partikolari għal kull kategorija ta’ vetturi. F’din l-iskala, it-tratturi huma magħrufa bħala li jirrappreżentaw riskju inqas fid-dawl tal-fatt li jintużaw ferm inqas bħala vetturi intiżi għall-użu fit-toroq u konsegwentement il-primjums tal-assigurazzjoni huma irħas. Kien ikun altrimenti li kieku sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali kellhom ikunu koperti wkoll mill-assigurazzjoni obbligatorja prevista mill-Artikolu 15 taż-ZOZP.

7.

Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tgħid li l-kunċett ta’ użu ta’ vetturi ma huwiex iddefinit mid-dritt nazzjonali u li dan in-nuqqas għamlet puntwalment tajjeb għalih il-ġurisprudenza. Għalhekk, il-qrati nazzjonali bħala regola ġenerali jikkunsidraw li ma huwiex deċiżiv li jkun magħruf jekk id-dannu jkunx seħħ fi triq pubblika u/jew jekk ikunx ġie kkawżat waqt li l-vettura kienet wieqfa jew meta kellha l-magna mitfija. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkunsidrat li l-assigurazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 15 taż-ZOZP tkopri sitwazzjoni fejn vettura tintuża bħala magna, pereżempju meta trattur jaħdem bħala magna fl-għelieqi.

8.

Peress li l-obbligu tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur joriġina fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li la d-Direttiva 72/166, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha, u lanqas id-direttivi sussegwenti ( 3 ) ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ użu. Issa, dan il-kunċett jista’ jinftiehem kemm fis-sens tal-użu tal-vettura fit-toroq — f’liema każ billi l-inċident ta’ D. Vnuk ma ġiex ikkawżat minn vettura u ma seħħx fi triq, ma seħħx fil-kuntest ta’ sitwazzjoni ta’ użu — jew fis-sens tal-użu u/jew tal-funzjonament tal-vettura, irrispettivament minn jekk l-inċident seħħx f’sitwazzjoni ta’ użu ta’ vetturi.

9.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vrhovno sodišče (Is-Slovenja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, b’deċiżjoni tar-rinviju li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2013, tagħmel lil din tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [72/166] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn il-persuna assigurata mill-konvenuta laqtet is-sellum tar-rikorrent [lir-rikorrent fuq sellum] bi tractor li kien qed jirmonka trailer filwaqt li kien qed jinħażen tiben [kienu qed jinħażnu balal ta’ ħuxlief] f’raff [matmura], għaliex l-inċident ma seħħx fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku?”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Il-Gvern Ġermaniż u dak Irlandiż flimkien mal-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Analiżi ġuridika

11.

Qabel ma nidħol fil-qalba tal-kwistjoni, għandu jiġi rrimarkat li, lil hinn min-natura a priori aneddotika tal-fatti tal-kawża prinċipali, din il-kawża hija ferm iktar delikata milli tidher. Hija tiżvela lacuna fid-dritt tal-Unjoni li għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel tajjeb għalih illum f’qasam partikolarment multiformi, fejn jistgħu jiġu immaġinati l-każijiet l-iktar varjati ta’ inċidenti kkawżati minn jew permezz ta’ vettura. Konsegwentement, ikun xieraq jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni li tista’ tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, billi tiffoka fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, mingħajr ma tippretendi li tagħti interpretazzjoni definittiva tal-kunċett ta’ “użu”.

12.

Il-prudenza partikolari li qed nitlob hija ddettata biss min-nuqqas ta’ kapaċità li nagħlqu f’definizzjoni waħda dak li jista’ jkun inċident li jkun seħħ f’sitwazzjoni ta’ użu fit-toroq jew li jirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur, tant il-qasam jidher partikolarment varjat. Għandu jkun ċar li din il-prudenza ma hijiex iddettata mit-tħassib li wriet il-konvenuta fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, li — b’mod, kollox ma kollox, ftit sorprendenti min-naħa ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni — teċċepixxi r-riskju finanzjarju li għalih ikunu esposti l-assiguraturi u għalhekk hekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumaturi fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi favur kopertura, mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, tal-inċident li wassal għall-kawża prinċipali.

13.

L-unika domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tqajjem, fil-fatt, żewġ problemi. Minn naħa, fid-dawl tad-dibattiti li saru quddiem id-diversi qrati nazzjonali li ħadu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, jidher li huwa utli li jiġi kkonfermat malajr, l-ewwel nett, li t-trattur jista’ jitqies li huwa vettura, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 72/166. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ddeterminat jekk id-danni subiti minn D. Vnuk humiex ir-riżultat jew ta’ użu fit-toroq tat-trattur inkwantu vettura jew tal-użu tiegħu u jekk l-inċident li kien il-vittma tiegħu jaqax tabilħaqq, fuq din il-bażi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166.

A – It-trattur li kkawża l-inċident għandu jiġi kklassifikat bħala “vettura ” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 72/166

14.

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 72/166, id-Direttiva hija applikabbli għal “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”.

15.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 72/166, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jaġixxu b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva għal ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ vetturi, li l-lista tagħhom għandha tiġi kkomunikata kemm lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni ( 4 ). Għalkemm jidher li ċerti Stati Membri użaw din il-possibbiltà, kultant speċifikament sabiex jeskludu mill-obbligu tal-assigurazzjoni l-vetturi agrikoli jew it-tratturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju tagħhom — bħar-Repubblika ta’ Malta jew ir-Repubblika tal-Finlandja — għandu jiġi kkonstatat li l-Istat Membru tal-kawża prinċipali ma użax din il-possibbiltà ( 5 ).

16.

B’hekk, ma hemmx dubju li t-trattur li kkawża l-inċident għandu tabilħaqq jiġi kklassifikat bħala “vettura” fis-sens tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li t-trattur kien qed jirmonka trejler u li kien dan tal-aħħar li waqqa’ s-sellum. Hawn għal darba oħra, it-test tad-Direttiva 72/166 huwa ferm ċar peress li jippreċiża b’mod espliċitu li t-trejlers, anki dawk mhux agganċjati — li ma jidhirx li huwa l-każ għall-inċident inkwistjoni hawnhekk — għandhom jitqiesu li huma vetturi.

17.

Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda bażi testwali li fuqha tista’ tiġi msejsa d-distinzjoni li saret mill-konvenuta fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju bejn “magni” u “vetturi”. F’dan ir-rigward, nikkondividi t-tħassib li wriet il-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet prattiċi u s-sors ta’ insigurtà għall-vittmi ta’ inċident li jnissel kriterju bħal dan. Fil-fatt, huwa ta’ spiss diffiċli għal dawn il-kategoriji ta’ vetturi b’użu “mħallat” li ssir distinzjoni meta dawn jieqfu jaħdmu bħala vettura sabiex jintużaw bħala għodod tax-xogħol. F’kull każ, din l-evalwazzjoni jista’ jkollha xi influwenza sabiex jiġi ddeterminat jekk inċident ikunx tabilħaqq irriżulta mill-użu tal-vettura, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, imma ma għandhiex influwenza fuq il-klassifikazzjoni, bħala tali, tal-vettura fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din l-istess direttiva.

B – Fuq il-kunċett ta ’ inċident li jirriżulta mill-użu tal-vetturi, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166

18.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nissuġġerixxi li l-ewwel nett jerġgħu jiġu diskussi r-raġunijiet li qed iqanqlulha dubji dwar is-sens li għandu jingħata lil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 u li jsibu l-oriġini tagħhom fil-varjazzjoni terminoloġika tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmi artikolu. Sussegwentement, għal finijiet ta’ uniformità tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dak l-artikolu, għandha ssir analiżi litterali, teleoloġika u sistemika ta’ dik id-dispożizzjoni. Fl-aħħar nett, għandhom jinġiebu l-konklużjonijiet mir-riżultati ta’ dik l-analiżi b’rabta mal-każ konkret li llum tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

1. L-oriġini tad-dubju: in-nuqqas ta’ preċiżjoni terminoloġika tal-leġiżlatur tal-Unjoni u d-diversità tal-prattiki nazzjonali

19.

Billi hija tabilħaqq involuta vettura, għad trid tiġi deċiża l-kwistjoni jekk id-danni li kkawżat kinux tabilħaqq ir-riżultat ta’ sitwazzjoni ta’ użu. Id-diffikultajiet li qed tiffaċċja l-qorti tar-rinviju ġejjin mid-diverġenzi lingwistiċi li jeżistu fit-testi tal-Unjoni li jagħmluha ta’ bażi għall-obbligu tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur.

20.

Għal qarrej Franċiż, mal-ewwel daqqa ta’ għajn ma hemmx dubju li d-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur jirrigwardaw, saħansitra fl-istess titolu tagħhom, iċ-ċirkulazzjoni (“circulation”) tal-vetturi.

21.

Madankollu, huwa suffiċjenti li tiġi kkonsultata l-verżjoni bl-Ingliż tal-imsemmija direttivi sabiex jiġi kkonstatat li ċerti verżjonijiet lingwistiċi għandhom l-għan li jirregolaw l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi ( 6 ). Dan huwa wkoll il-każ fil-verżjoni bis-Sloven.

22.

Din l-istess diverġenza lingwistika tinstab meta jinqara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166.

23.

Il-verżjoni bil-Franċiż tobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu “toutes les mesures utiles […] pour que la responsabilité civile relative à la circulation des véhicules ayant leur stationnement habituel sur son territoire soit couverte par une assurance” ( 7 ). L-istess japplika għall-verżjonijiet bl-Ispanjol, bil-Grieg, bit-Taljan, bl-Olandiż, bil-Pollakk u bil-Portugiż.

24.

Il-verżjoni bl-Ingliż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, min-naħa tagħha, tobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri approprjati “to ensure that civil liability in respect of the use of vehicles normally based in its territory is covered by insurance” ( 8 ). Il-verżjonijiet bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Latvjan, bil-Malti, bis-Slovakk, bis-Sloven u bil-Finlandiż jirreferu, huma wkoll, għall-kunċett tal-użu tal-vetturi.

25.

Il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bid-Daniż, bil-Litwan, bl-Ungeriż, bir-Rumen u bl-Isvediż tal-imsemmi Artikolu 3(1) min-naħa tagħhom jirreferu għall-obbligu li tiġi sottoskritta assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi.

26.

Jidher ċar li dawn id-diverġenzi jqanqlu problemi dwar il-kopertura eżatta tal-obbligu tal-assigurazzjoni stabbilit mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166. Minn naħa, il-kopertura tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni huma obbligati jagħtu kumpens biss għall-inċidenti kkawżati f’kuntest ta’ użu fit-toroq — kunċett li, mill-bqija, għad irid jiġi ddefinit. Din hija l-pożizzjoni li qed tiddefendi l-kumpannija tal-assigurazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, f’sens usa’, hija tista’ tiġi immaġinata bħala li tkopri kull dannu marbut, bi kwalunkwe mod, mal-użu jew mal-funzjonament tal-vettura, irrispettivament minn jekk l-inċident ikunx ir-riżultat jew le ta’ sitwazzjoni ta’ użu fit-toroq.

27.

L-Istati Membri ma neħħewx din l-ambigwità meta ttrasponew id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Fil-fatt, filwaqt li l-verżjoni bil-Ġermaniż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 tirreferi għal obbligu ta’ assigurazzjoni għall-vetturi, il-leġiżlazzjonijiet ta’ traspożizzjoni Ġermaniża u Awstrijaka jirreferu għall-kunċett ta’ użu tal-vettura ( 9 ). Testi nazzjonali oħra jużaw, fl-istess ħin u b’mod indifferenti, it-termini ta’ “ċirkulazzjoni” u ta’ “użu” tal-vetturi, kif inhu l-każ, pereżempju, fil-Kroazja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Portugall.

28.

Ġara wkoll li l-ġurisprudenza nazzjonali titbiegħed mid-diċitura tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni sabiex twessa’ jew, bil-kontra, tirrestrinġi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ assigurazzjoni. Il-Cour de Cassation (il-Lussemburgu) b’hekk iddeċidiet li vettura koperta minn assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur hija, ħlief għal ftehim li jgħid il-kontra, assigurata fi kwalunkwe post li tkun, irrilevanti minn jekk id-dannu jkunx ġie kkawżat, jew le, minħabba kwistjoni ta’ ċirkulazzjoni ( 10 ). Il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Suprema Amministrattiva tal-Litwanja) adottat interpretazzjoni iktar restrittiva minn dik li donnu jawtorizza d-dritt nazzjonali tagħha billi ddeċidiet li l-proprjetarju ta’ vettura involuta f’inċident li jkun seħħ f’art magħluqa ma huwiex suġġett għall-obbligu ta’ assigurazzjoni ( 11 ). Barra minn hekk, qrati u tribunali oħra ddeċidew li l-inċidenti li jinvolvu vettura, li jseħħu fuq art agrikola jew imsejħa “magħluqa” ma humiex koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja ( 12 ).

29.

Minħabba li d-diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 72/166 jistgħu jagħtu lok għal interpretazzjonijiet differenti bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm-il darba, iddeċidiet li “[i]l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt [tal-Unjoni] teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni għandu jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, iżda teżiġi, bil-kontra, li huwa jiġi interpretat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra […], u skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha” ( 13 ).

30.

Din il-ħtieġa ssir iktar u iktar imperattiva meta hawnhekk l-ambigwità tikkonċerna kunċett ċentrali għas-sistema kollha stabbilita mid-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, b’tali mod li l-kunċett imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 ta’ “ċirkulazzjoni” jew ta’ “użu”, minħabba li ma jagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu, għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u b’hekk għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni li għandha wkoll tkun imfittxija fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 14 ). Fil-fatt, ikun manifestament kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur u kontra l-għanijiet imfittxija minnu — suġġett li se niddiskuti dalwaqt — li l-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja tkun tiddependi fuq definizzjonijiet individwali li kull Stat Membru jogħġbu jagħti lill-kunċetti ta’ “ċirkulazzjoni” u/jew ta’ “użu”.

2. Fuq l-interpretazzjoni litterali u teleoloġika tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur

31.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 għandu jinqara fid-dawl tad-Direttivi sussegwenti dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi li għandhom l-Istati Membri meta jkun meħtieġ minnhom li jieħdu l-miżuri kollha approprjati biex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni ( 15 ).

32.

Qabel xejn, għandu jiġi rrimarkat li d-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur la jinkludu definizzjoni tal-kunċetti ta’ “inċident” u wisq inqas ta’ dak li għandhom ifissru “ċirkulazzjoni” jew “użu” tal-vetturi.

33.

Għandu jiġi nnotat ukoll ċertu żvilupp tal-kamp lessikali li l-leġiżlatur uża matul is-snin matul l-adozzjoni tad-diversi direttivi. B’hekk, id-Direttiva 72/166, hija iktar iċċentrata fuq l-idea tal-vettura a priori mqiegħda f’kuntest ta’ użu: fiha ssir referenza għall-kunċett ta’ “territorju li fih il-vettura normalment tkun ibbażata” ( 16 ), ta’ “moviment ta’ vjaġġaturi” u ta’ “jintużaw” ( 17 ). Bil-mod il-mod, it-test tad-Direttivi beda jitbiegħed minn dawn il-kunsiderazzjonijiet iċċentrati fuq il-vettura, biex ngħidu hekk, sabiex adotta approċċ iktar iċċentrat fuq il-persuni u ma baqax jikkonċentra fuq is-suġġett tal-assigurazzjoni — il-vettura — iżda iktar fuq id-diversi kategoriji ta’ vittmi tal-inċidenti, li d-danni tagħhom għandhom jiġu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja, kemm jekk ikunu “passiġġieri, apparti [mix]-xufier” ( 18 ), “partijiet involuti” fl-inċident ( 19 ), ta’ “kwalunkwe passiġġier” ( 20 ) jew anki dawk li jkunu mexjin, iċ-ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr muturi ( 21 ) u l-“parti li ġarrbet ħsara f’inċident/partijiet li ġarrbu ħsara f’inċidenti” ( 22 ).

34.

L-inċident innifsu jissejjaħ b’modi differenti u mhux dejjem tiġi stabbilita relazzjoni mal-użu fit-toroq jew mal-użu tal-vettura. Jista’ jkun kemm “inċident [...] ikkawżat minn vettura” ( 23 ), “aċċidenti bil-vetturi tal-mutur” ( 24 ), “aċċidenti ikkawżati minn vetturi”/“inċidenti kkawżati minn vetturi” ( 25 ), “inċident ta’ vettura bil-mutur/inċidenti minn vetturi bil-mutur” ( 26 ), “inċidenti ta’ vetturi bil-mutur” ( 27 ), “inċidenti [...] li jkunu ikkawżati mill-użu ta’ vetturi/inċidenti kkawżati mill-użu ta’ vettura” ( 28 ) jew “inċidenti ta’ vettura bil-mutur/inċidenti ta’ vetturi bil-mutur/inċident ta’ vettura bil-mutur” ( 29 ).

35.

Għandu jiġi wkoll osservat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/26 jemenda, b’mod parzjali, l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja ( 30 ). Dik l-emenda però ma tikkonċernax il-klassifikazzjoni tar-riskji li għandhom jiġu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, kif jirriżulta mill-Klassi 10 tal-Anness A għad-Direttiva 73/239, li tirreferi, fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur li joperaw fuq l-art “[k]ull responsabbiltà kkawżata mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li joperaw fuq l-art (inkluż l-impenn tat-trasportatur)” ( 31 ). Skont id-Direttiva 73/239, ir-riskju li għandu jiġi kopert ma jidhirx li huwa limitat biss għas-sitwazzjonijiet ta’ użu fit-toroq.

36.

Minn din l-analiżi testwali ma jirriżultax li l-leġiżlatur stabbilixxa rabta intrinsika, partikolarment esklużiva, bejn is-sistema stabbilita mid-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur u l-ħtieġa ta’ sitwazzjoni ta’ użu fit-toroq, fis-sens ordinarju l-iktar strett tagħha, jiġifieri dak taċ-ċaqliq ta’ vetturi tul it-toroq pubbliċi intiżi għal dan il-għan. In-nuqqas ta’ rigorożità fir-redazzjoni tat-testi iwassalni biex nikkunsidra li għalkemm, ċertament, l-idea tal-użu fit-toroq hija preżenti hawnhekk, madankollu din tidher li la hija — għandu jitfakkar — waħda esklużiva u lanqas predominanti.

37.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta mill-analiżi teleoloġika tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur. L-istabbiliment, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, ta’ obbligu ta’ assigurazzjoni kien inizjalment sostnut mir-rekwiżit li jitneħħa l-kontroll tal-assigurazzjoni li kien isir fil-fruntieri ta’ kull Stat Membru qabel ma l-vetturi kienu jidħlu fit-territorju tiegħu, billi dan il-kontroll kien ifixkel kemm il-moviment liberu tal-persuni kif ukoll dak tal-merkanzija. Minkejja li t-tneħħija tal-kontrolli sistematiċi nkisbet sa mill-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, il-leġiżlatur ma waqafx jiżviluppa l-ġabra leġiżlattiva tiegħu, essenzjalment sabiex bil-mod il-mod jippreċiża t-trattament li għandu jiġi żgurat lill-vittmi ( 32 ). B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “[m]il-Preambolu [tad-Direttivi 72/166 u 84/5] jirriżulta li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jivvjaġġaw f’dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident” ( 33 ). L-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi, preżenti sa mid-Direttiva 72/166 ( 34 ), b’hekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sekondarju meta pparagunat mal-għan li l-moviment tal-persuni u tal-merkanzija jsiru iktar liberi fil-perspettiva tat-twettiq tas-suq intern. Il-ġurisprudenza disponibbli f’dan il-qasam turi inklinazzjoni ċara min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta b’mod wiesa’ u ġeneruż id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu favorevoli għall-vittmi u li tinterpreta, bil-kontra ta’ dan, b’mod iktar restrittiv kwalunkwe dispożizzjoni li twassal għall-esklużjoni mill-obbligu ta’ kumpens ta’ ċertu kategorija ta’ persuni ( 35 ).

3. Applikazzjoni għall-każ inkwistjoni

38.

Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “telf jew inġurja [danni]” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 72/166, iddeċidiet li, minħabba li l-leġiżlatur naqas milli jiddefinixxi iktar l-imsemmi kunċett, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li ċerti danni għandhom jiġu esklużi mill-kopertura u li l-ebda element ibbażat fuq l-ewwel tliet Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma jagħti lok li jiġi konkluż li l-leġiżlatur xtaq jirrestrinġi l-protezzjoni mogħtija minn dawn id-direttivi billi jirrestrinġi l-kunċett ta’ “[danni]” ( 36 ).

39.

Jiena konvint li hawnhekk jista’ jiġi adottat l-istess tip ta’ raġunament.

40.

Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “ċirkulazzjoni” jintuża fit-test tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 biss f’seba’ verżjonijiet lingwistiċi mit-22 disponibbli. Barra minn hekk, il-vokabularju użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma jidhirx li huwa strettament u rigorożament limitat għall-inċidenti ta’ użu fit-toroq. Fl-aħħar nett, dan l-istess leġiżlatur ma waqafx isaħħaħ il-garanziji offruti lill-vittmi tal-inċidenti.

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “ċirkulazzjoni”, jiġifieri interpretazzjoni li hija eqreb tat-terminu użat fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi, ma tistax titqies li hija deformazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur u jidher li hija wkoll konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, ma nikkondividix it-tħassib li wera l-Gvern Irlandiż b’rabta mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tar-regoli u nfakkar li l-klassifikazzjoni tar-riskju kopert mir-responsabbiltà ċivili msemmija fid-Direttiva 72/166 tirreferi hija stess għall-kunċett tal-“użu” tal-vettura, u mhux biss għal użu fit-toroq ( 37 ).

42.

L-assigurazzjoni obbligatorja konkluża abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 b’hekk għandha tkopri, fil-kundizzjonijiet u fil-limiti ffissati mid-Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur kollha, id-danni kkawżati minn vettura meta din tintuża, sa fejn dan l-użu jkun konformi mal-funzjoni naturali ta’ vettura. Is-sitwazzjonijiet kollha ta’ użu fit-toroq huma koperti a fortiori.

43.

Il-fatt li l-inċident li tiegħu kien vittma D. Vnuk seħħ fi proprjetà privata ma jidhirx li huwa wieħed determinanti. L-ewwel nett, il-manuvra seħħet fil-bitħa ta’ razzett, post fejn suppost jistgħu jinsaqu l-vetturi u b’hekk li jesponi lill-individwi għar-riskji inerenti għall-użu tal-vetturi. It-tieni nett, l-għan tal-protezzjoni tal-vittmi, ikkunsidrati ġustament mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala “[i]l-partijiet l-iżjed dgħajfa” ( 38 ), u tat-trattament paragunabbli tagħhom ikun mhedded jekk dawn il-vittmi ma jkollhomx id-danni tagħhom koperti minħabba li l-vettura ma tkunx intużat f’toroq pubbliċi. Fil-fehma tiegħi, jekk wieħed jadotta idea wiesgħa tal-kunċett ta’ “ċirkulazzjoni” fis-sens tal-“użu” tal-vettura, allura wieħed għandu jikkonċepixxi wkoll li l-inċidenti koperti ma jkunux biss dawk li jseħħu fi triq pubblika. It-tielet nett, tali approċċ jissodisfa wkoll l-għan l-ieħor imfittex, b’mod partikolari, mid-Direttiva 72/166, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija, peress li l-assigurazzjoni obbligatorja tkopri s-sitwazzjonijiet kollha ta’ użu ta’ vettura — fil-limiti esposti fil-punt preċedenti — u dan, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku jew il-klassifikazzjoni tal-art fejn ikun seħħ l-inċident.

44.

Fl-aħħar nett, billi l-inċident li tiegħu kien vittma D. Vnuk ġie kkawżat minħabba r-rivers tal-vettura, huwa tabilħaqq l-użu tal-vettura bħala tali li huwa, f’dan il-każ, il-fatt li ta lok għall-inċident, mingħajr ma hemm għalfejn, sabiex tinsab soluzzjoni fil-kawża prinċipali, li jsiru iktar mistoqsijiet dwar il-konsegwenzi li jista’ jkollu l-użu ta’ vettura bħala magna fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-assigurazzjoni.

45.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, moqri fid-dawl tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ użu kif jirriżulta wkoll mid-Direttivi sussegwenti dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex it-trejler tiegħu jiddaħħal f’matmura għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-imsemmi kunċett.

IV – Konklużjoni

46.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-Vrhovno sodišče:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, moqri fid-dawl tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ użu kif jirriżulta wkoll mit-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), mit-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), mid-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Mejju 2000, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331) kif ukoll id-Direttiva 2005/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex it-trejler tiegħu jiddaħħal f’matmura għandha titqies li taqa’ taħt l-imsemmi kunċett.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10.

( 3 ) Kemm it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), it-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Mejju 2000, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331) kif ukoll id-Direttiva 2005/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttivi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur”). Għandha tissemma wkoll id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11) li, f’mument tabilħaqq opportun, ikkodifikat il-materja imma li ma hijiex applikabbli, ratione temporis, għall-kawża prinċipali.

( 4 ) L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2005/14 ikkompleta t-test tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 72/166.

( 5 ) Ara l-lista ta’ persuni eżentati mill-obbligu tal-assigurazzjoni u l-awtoritajiet u l-organi inkarigati mill-kumpens, disponibbli fuq l-indirizz tal-internet http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/consumer/motor/index_fr.htm jew http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/consumer/motor/index_en.htm.

( 6 ) Jiġifieri “the use” bl-Ingliż.

( 7 ) Korsiv miżjud minni.

( 8 ) Korsiv miżjud minni.

( 9 ) Ara, fid-dritt Awstrijak. il-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur (Kraftfahrzeug-Haftpflichtversicherungsgesetz, BGBl. 651/1994) u, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja (Pflichtversicherungsgesetz).

( 10 ) Sentenza Nru 65/12 tal-Cour de Cassation tal-20 ta’ Diċembru 2012.

( 11 ) Ara d-deċiżjoni Nru N575‑1685/2011, mogħtija fit-23 ta’ Settembru 2011. Il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) madankollu adottat kunċett pjuttost restrittiv ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi art magħluqa billi ddeċidiet, f’dik l-istess deċiżjoni, li foresta, periferija ta’ foresta u fosos ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala tali.

( 12 ) Huwa b’mod partikolari l-każ tal-ġurisprudenza Bulgara, Litwana jew tar-Renju Unit.

( 13 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C-347/08, Ġabra p. I-8661, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Haasová (C‑22/12, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Drozdovs (C‑277/12, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C-426/05, Ġabra p. I-685, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara l-punt 27 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et (C‑409/11).

( 16 ) L-Artikoli 1(4), 2(2) u 3(1) tad-Direttiva 72/166.

( 17 ) Rispettivament is-sitt premessa u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 72/166.

( 18 ) Artikolu 1 tad-Direttiva 90/232.

( 19 ) Artikolu 5 tad-Direttiva 90/232.

( 20 ) Premessa 15 tad-Direttiva 2005/14.

( 21 ) Ara l-premessa 16 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/14.

( 22 ) Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/14.

( 23 ) Artikolu 5 tad-Direttiva 72/166.

( 24 ) Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/232.

( 25 ) It-tmien premessa tad-Direttiva 90/232, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/26, premessi 5, 7 u 8 kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/14.

( 26 ) Premessi 8, 11 u 20 tad-Direttiva 2000/26.

( 27 ) Premessa 14 tad-Direttiva 2000/26.

( 28 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2000/26. Ara, b’diċitura ekwivalenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva.

( 29 ) Premessi 20 sa 23 tad-Direttiva 2005/14.

( 30 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14.

( 31 ) Korsiv miżjud minni. Il-verżjoni bil-Franċiż hawnhekk tixbah lill-espressjoni użata fil-verżjoni bl-Ingliż (“the use”) jew dik bit-Taljan (“l’uso”) biex insemmi biss dawn il-verżjonijiet lingwistiċi.

( 32 ) Huwa utli li jitfakkar fil-qosor kif żviluppat din il-protezzjoni tal-vittmi. Id-Direttiva 84/5 stabbilixxiet il-prinċipju tal-kopertura obbligatorja tad-danni materjali u fiżiċi, iffissat l-ammonti minimi ggarantiti tal-kumpens u imponiet il-ħolqien ta’ organu inkarigat mill-kumpens għad-danni kkawżati minn vetturi mhux identifikati jew mhux assigurati (Artikolu 1 tad-Direttiva 84/5), illimitat il-klawżoli ta’ esklużjoni inklużi fil-poloz tal-assigurazzjoni (Artikolu 2 tad-Direttiva 84/5) u estendiet il-kopertura tal-assigurazzjoni għall-membri tal-familja tal-persuna assigurata, tas-sewwieq jew ta’ kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-inċident (Artikolu 3 tad-Direttiva 84/5). Id-Direttiva 90/232 estendiet il-kopertura tal-assigurazzjoni għad-danni fiżiċi tal-passiġġieri kollha apparti s-sewwieq (Artikolu 1 tad-Direttiva 90/232) u stabbilixxiet id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni involuti f’inċident fir-rigward tal-isem tal-impriża tal-assigurazzjoni involuta (Artikolu 5 tad-Direttiva 90/232). Sussegwentement, id-Direttiva 2000/26 elenkat b’mod dettaljat id-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-persuni leżi (Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/26), bħad-dritt ta’ azzjoni diretta (Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/26), il-ħatra obbligatorja ta’ rappreżentanti għal pretensjonijiet (Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/26), il-ħolqien ta’ ċentru ta’ informazzjoni ġdid (Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/26) u ta’ korp ta’ indennizz (Artikolu 6 tad- Direttiva 2000/26). Fl-aħħar nett, id-Direttiva 2005/14 ippermettiet l-adattament tal-ammonti minimi tal-kopertura tal-assigurazzjoni u r-reviżjoni tagħhom kull ħames snin kif ukoll l-estensjoni tal-kamp ta’ intervent tal-korp previst mid-Direttiva 84/5 għad-danni materjali u fiżiċi (Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/14). Hija llimitat ukoll il-klawżoli ta’ esklużjoni mill-kopertura tal-assigurazzjoni u pprevediet l-estensjoni tal-imsemmija kopertura għad-danni fiżiċi u materjali ta’ dawk li jkunu mexjin, taċ-ċiklisti u ta’ dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur, filwaqt li pprojbixxiet l-applikazzjoni ta’ eċċessi għall-persuni leżi u reġgħet estendiet id-dritt ta’ dawn tal-aħħar għall-informazzjoni (Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/14).

( 33 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida (C‑300/10, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez (C-129/94, Ġabra p. I-1829, punt 18) kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company u Evans (C-442/10, Ġabra p. I-12639, punt 30). Dan l-għan reġa’ tfakkar dan l-aħħar [ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Haasová (punti 47 u 49) kif ukoll Drozdovs (punti 38 u 40)].

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira (C-348/98, Ġabra p. I-6711); tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C-356/05, Ġabra p. I-3067); Haasová, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll Drozdovs, iċċitata iktar ’il fuq.

( 36 ) Sentenza Haasová, iċċitata iktar ’il fuq (punti 53 u 54).

( 37 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/14.