KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑148/13 sa C‑150/13

A (C‑148/13), B (C‑149/13) u C (C‑150/13)

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil — Direttiva 2004/83/KE — Status ta’ refuġjat — Direttiva 2005/85/KE — Evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali — Evalwazzjoni tat-fatti u taċ-ċirkustanzi — Kredibbiltà tal-allegata orjentazzjoni sesswali tal-applikant”

1. 

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari r-Raad van State, Afdeling Bestuursrechtspraak [il-Kunsill tal-Istat, Taqsima Amministrattiva; ir-“Raad van State” (il-Pajjiżi l-Baxxi); iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”] tqajjem kwistjoni wiesgħa kunċettwali dwar jekk id-dritt tal-UE jillimitax l-azzjonijiet tal-Istati Membri meta jevalwaw talbiet għall-ażil magħmulin minn applikant li jkun qed jibża’ minn persekuzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Din id-domanda tqajjem kwistjonijiet diffiċli u delikati dwar, fuq naħa, id-drittijiet ta’ individwi bħall-identità personali u d-drittijiet fundamentali u, fuq in-naħa l-oħra, il-pożizzjoni ta’ Stati Membri meta japplikaw miżuri ta’ armonizzazzjoni minima, jiġifieri d-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ( 2 ) u d-Direttiva tal-Proċeduri ( 3 ) fil-ġbir u l-evalwazzjoni ta’ evidenza dwar l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat. Meta jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet jinqalgħu iktar domandi. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-allegata orjentazzjoni sesswali ta’ applikant? Id-dritt tal-UE jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżaminaw allegata orjentazzjoni sesswali u kif għandu dan il-proċess jitmexxa b’mod li jkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali? Talbiet għall-ażil ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali huma differenti minn talbiet magħmulin għal raġunijiet oħrajn u għandhom japplikaw regoli speċjali meta l-Istati Membri jeżaminaw talbiet bħal dawn?

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta ’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati

2.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ( 4 ), it-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kwalunkwe persuna li “minħabba biża’ fondata li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.

L-Artikolu 3 jgħid li l-Konvenzjoni għandha tiġi applikata b’mod li huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

4.

L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 5 ) jipprojbixxi t-tortura jew it-trattament jew il-piena inumana jew degradanti. L-Artikolu 8 jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. L-Artikolu 13 jipprovdi għal dritt għal rimedju effettiv. L-Artikolu 14 jipprojbixxi d-diskriminazzjoni ( 6 ). Is Seba’ Protokoll tal-KEDB jipprovdi ċerti salvagwardji proċedurali dwar it-tkeċċija ta’ frustieri, inkluż id-dritt tal-frustier li jippreżenta r-raġunijiet tiegħu kontra t-tkeċċija tiegħu, id-dritt li jkollu l-każ tiegħu rivedut u d-dritt li jkun irrappreżentat għal dawn ir-raġunijiet.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.

L-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 7 ) jgħid li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u għandha tkun irrispettata u protetta. Skont l-Artikolu 3(1), kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-integrità fiżika u mentali tagħha. L-Artikolu 3(2)(a) jgħid li fil-qasam tal-mediċina u l-bijoloġija, għandu jinkiseb il-kunsens liberu u informat tal-persuna kkonċernata, skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi. L-Artikolu 4 jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tal-KEDB. L-Artikolu 7 jipprevedi li: “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”. Id-dritt għall-ażil huwa ggarantit bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-Artikolu 18 tal-Karta. Id-diskriminazzjoni fuq il-bażi, inter alia, tal-orjentazzjoni sesswali hija pprojbita mill-Artikolu 21. L-Artikolu 41 tal-Karta huwa indirizzat lill-istituzzjonijiet u jiggarantixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba ( 8 ). L-Artikolu 52(1) jgħid li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u hija suġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. L-Artikolu 52(3) jgħid li d-drittijiet sanċiti fil-Karta għandhom jiġu interpretati b’mod konsistenti mad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB.

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil

6.

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (iktar ’il quddiem is-“SEKA”) bdiet wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam f’Mejju 1999 u hija intiża għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ( 9 ). Miżuri adottati għall-finijiet tas-SEKA jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rrikonoxxuti fil-Karta ( 10 ). Fir-rigward tat-trattament tagħhom ta’ persuni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni ( 11 ). L-għan tas-SEKA huwa l-armonizzazzjoni tal-qafas legali applikat fl-Istati Membri fuq il-bażi ta’ standards minimi komuni. Huwa ċentrali fil-miżuri li jipprovdu standards minimi li l-Istati Membri jkollhom is-setgħa li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli ( 12 ). Is-SEKA wasslet għall-adozzjoni ta’ numru ta’ miżuri ( 13 ).

Id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni

7.

L-għan tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi standards minimi u kriterji komuni għall-Istati Membri kollha, sabiex ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti r-refuġjati u l-elementi essenzjali tal-istatus ta’ refuġjat, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati persuni li ġenwinament għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u sabiex ikun hemm proċedura tal-ażil li tkun ġusta u effiċjenti ( 14 ).

8.

L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva jgħid li “refuġjat” ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih.

9.

L-Artikolu 4 bit-titolu “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu iqisuha bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni.

2.   L-elementi riferiti fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti rigward l-eta ta’ l-applikant, l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identità, nazzjonalità(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, rotti ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.   L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

(a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

(b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(ċ)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)

jekk l-attivitajiet ta’ l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ l-oriġini kienux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawn l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lura lil dak il-pajjiż;

(e)

jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġunevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

[...]

5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)

l-elementi rilevanti kollha, għad-dispożizzjoni ta’ l-applikant, ikun ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li għandha x’taqsam ma’ nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(ċ)

id-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant jistabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ ta’ l-applikant;

(d)

l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali fil-ħin l-aktar kmieni possibbli, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)

il-kredibilita ġenerali ta’ l-applikant tkun ġiet stabbilita.”

10.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni jiddefinixxi l-atti ta’ persekuzzjoni. Dawn l-atti għandhom ikunu serji biżżejjed min-natura tagħhom li jikkostitwixxu ksur sever ta’ drittijiet tal-bniedem bażiċi, b’mod partikolari d-drittijiet irrevokabbli (li jsemmi l-Artikolu 15(2) tal-KEDB), jew jinvolvu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri li huma severi biżżejjed li jammontaw għal ksur bħal dak ta’ drittijiet tal-bniedem bażiċi ( 15 ). Atti ta’ vjolenza fiżika jew mentali inklużi atti ta’ vjolenza sesswali jistgħu jidħlu fid-definizzjoni ta’ atti ta’ persekuzzjoni ( 16 ). Irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ( 17 ).

11.

L-Artikolu 10 huwa intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”. L-Artikolu 10(1)(d) jiddikjara:

“grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

membri ta’ dak il-grupp jaqsmu ambjent minn fejn ikunu ġew karatteristiku naturali, jew komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristiku jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identita jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunsjah, u

li grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru;

skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż tal-orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristiku komuni ta’ orjentazzjoni sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri: Aspetti li għandhom x’jaqsmu mas-sess jistgħu jitqiesu, mingħajr ma joħolqu weħidhom presunzjoni għall-applikabilita ta’ dan l-Artikolu.

[...]

2.   Fl-istima ta’ jekk applikant għandux biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant attwalment jipposjedix il-karatteristiku ta’ razziżmu, reliġjuż, nazzjonali, soċjali jew politiku li jattira l-persekuzzjoni, basta iżda li dan il-karatteristiku huwa attribbwit għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.” ( 18 )

Id-Direttiva tal-Proċeduri

12.

L-għan tad-Direttiva tal-Proċeduri huwa li jiġi introdott qafas minimu dwar proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat ( 19 ). Dan japplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmulin fit-territorju tal-Unjoni ( 20 ). Kull Stat Membru għandu jindika awtorità determinanti li tkun responsabbli biex teżamina l-applikazzjonijiet skont id-Direttiva tal-Proċeduri ( 21 ).

13.

Ir-rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet huma stipulati fl-Artikolu 8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jittieħdu wara eżami xieraq. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li: (a) l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jittieħdu individwalment, oġġettivament u imparzjalment; (b) tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata minn diversi sorsi, bħall-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem l-“UNHCR”); u (ċ) il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikollu l-konoxxenza tal-istandards rilevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u dwar ir-refuġjati ( 22 ).

14.

Meta applikazzjoni tiġi miċħuda, ir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt għandhom jingħadu fid-deċiżjoni (l-Artikolu 9(2), l-ewwel subparagrafu) u, qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità responsabbli, l-applikant għall-ażil għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet li jippermettulu jippreżenta r-raġunijiet għall-applikazzjoni b’mod komprensiv (l-Artikolu 12).

15.

L-Artikolu 13 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-intervista personali li normalment għandha ssir mingħajr il-preżenza ta’ membri tal-familja oħrajn, f’kundizzjonijiet li jiżguraw kunfidenzjalità xierqa u jippermettu lill-applikanti li jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tagħhom b’mod komprensiv ( 23 ). Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista tkun suffiċjentement kompetenti sabiex tqis iċ-ċirkustanzi personali u ġenerali li jirrigwardaw l-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali jew il-vulnerabbiltà tal-applikant, sa fejn ikun possibbli li jsir dan, u għandhom jagħżlu interpretu li jkun kapaċi jiżgura komunikazzjoni adegwata bejn l-applikant u l-persuna li tmexxi l-intervista ( 24 ).

16.

L-Artikolu 14 jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir rapport bil-miktub ta’ kull intervista personali, li jkun fih għall-inqas l-informazzjoni essenzjali dwar l-applikazzjoni, kif ippreżentata mill-applikant, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u li l-applikanti jkollhom aċċess fil-ħin għal dak ir-rapport ( 25 ). L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-approvazzjoni tal-applikant tal-kontenut tar-rapport tal-intervista personali ( 26 ).

17.

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-applikanti għall-ażil l-opportunità, bl-ispejjeż għalihom, li jikkonsultaw konsulent legali jew konsulent ieħor permess skont il-liġi nazzjonali, li jagħti pariri dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ( 27 ).

18.

L-Artikolu 23 għandu t-titolu “Proċedura ta’ eżami” u jifforma parti mill-Kapitolu III tad-Direttiva tal-Proċeduri, fejn hemm stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fl-ewwel istanza. L-Istati Membri għandhom jipproċessaw applikazzjonijiet għall-ażil permezz ta’ proċedura ta’ eżami skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva. Huma għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-iktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet ( 28 ).

19.

L-Artikolu 39 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra, inter alia, deċiżjoni meħuda wara l-applikazzjoni tagħhom ( 29 ).

Id-dritt nazzjonali

20.

Skont l-ispjegazzjoni tar-regoli nazzjonali pprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-oneru huwa fuq l-applikant biex jistabbilixxi l-plawżibbiltà tar-raġunijiet li għalihom qed jintalab l-ażil u biex jipprovdi l-informazzjoni rilevanti insostenn ta’ din it-talba. Imbagħad l-awtoritajiet kompetenti jistiednu lill-applikant għal żewġ intervisti. Hemm disponibbli s-servizzi ta’ interpretu u tal-għajnuna legali sabiex tinkiseb l-assistenza legali. Lill-applikant jintbagħatlu dokument bl-intervisti li jkunu saru. Imbagħad għandu l-opportunità li jitlob li jsiru emendi għal dak id-dokument u biex jagħti iktar informazzjoni. Wara tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tal-applikant għall-ażil mill-Ministru rilevanti li jikkomunika d-deċiżjoni li jkun bi ħsiebu jagħti lill-applikant qabel ma ssir finali fejn imbagħad l-applikant jista’ jagħmel osservazzjonijiet bil-miktub. Imbagħad, il-Ministru jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni finali tiegħu li l-applikant jista’ jikkontesta billi jippreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ( 30 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

21.

A, B u C ressqu talbiet lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għal permessi ta’ residenzi temporanji (ażil) skont il-Vreemdelingenwet 2000 għar-raġuni li għandhom biża’ fondat sew li jiġu ppersegwitati fil-pajjiżi ta’ oriġini rispettivi tagħhom minħabba l-fatt li huma rġiel omosesswali.

22.

A kien għamel talba iktar qabel għall-istatus ta’ refuġjat minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, li l-Ministru kien ċaħad bħala li ma hijiex kredibbli. Il-Ministru ċaħad ukoll it-talba sussegwenti ta’ A għall-istatus ta’ refuġjat b’deċiżjoni maħruġa fit-12 ta’ Lulju 2011 għar-raġuni li ma kienx qies kredibbli dak li qal A. Il-Ministru kkunsidra li l-fatt li A kien indika li kien lest jissottometti ruħu għal test biex jipprova li huwa omosesswali ma kienx ifisser li għandu jaċċetta mingħajr kundizzjoni l-orjentazzjoni sesswali li A allega dwaru nnifsu mingħajr ma ssir evalwazzjoni ta’ kredibbiltà.

23.

Fir-rigward ta’ B, il-Ministru kkonkluda li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx kredibbli għaliex kienet superfiċjali u vaga kemm fir-rigward tar-rakkont ta’ relazzjoni sesswali li B kellu f’żogħżitu ma’ ħabib u kemm dwar l-istqarrija ta’ B li huwa stess irrealizza li kien omosesswali. Fil-fehma tal-Ministru, billi B huwa minn familja Musulmana u pajjiż fejn l-omosesswalità ma hijiex aċċettata għandu jkun jista’ jagħti dettalji dwar l-emozzjonijiet tiegħu u kif aċċetta l-omosesswalità tiegħu. Il-Ministru rrifjuta t-talba ta’ B għall-istatus ta’ refuġjat b’deċiżjoni maħruġa fl-1 ta’ Awwissu 2012.

24.

Il-Ministru kkunsidra li l-allegazzjoni ta’ C li kien omosesswali ma kinitx kredibbli għaliex kien hemm inkonsistenzi f’dak li qal. C stqarr li kien biss wara li kien telaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu li huwa stess seta’ jirrikonoxxi li kien possibbilment omosesswali. Huwa kien jemmen li kellu dawn l-emozzjonijiet minn mindu kellu 14 jew 15-il sena u kien għarraf lill-awtoritajiet kompetenti li kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel fil-Greċja. Iżda qabel, kien ibbaża l-applikazzjoni tiegħu għall-istatus ta’ refuġjat fuq il-fatt li kien għadda minn esperjenza ta’ problemi fl-istat ta’ oriġini tiegħu għaliex kellu relazzjoni sesswali ma’ bint il-prinċipal tiegħu. Il-Ministru kien tal-fehma li C seta’, u messu, iddikjara l-orjentazzjoni sesswali tiegħu fil-proċedura ta’ qabel. Il-Ministru kkunsidra li l-fatt li C ipproduċa film li jurih jagħmel atti sesswali ma’ raġel ma kienx jistabbilixxi li huwa omosesswali. Barra minn hekk, C ma setax jagħti spjegazzjoni ċara ta’ kif sar jaf bl-orjentazzjoni sesswali tiegħu u ma kienx jaf iwieġeb mistoqsijiet bħal dawk li jikkonċernaw l-identifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi li jiddefendu d-drittijiet tal-omosesswali. Il-Ministru rrifjuta t-talba ta’ C għall-istatus ta’ refuġjat b’deċiżjoni maħruġa fit-8 ta’ Ottubru 2012.

25.

A, B u C ikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Ministru fi proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Qorti Distrettwali ta’ ’s-Gravenhage, iktar ’il quddiem ir-“Rechtbank”). L-azzjonijiet ġew miċħuda bħala infondati fid-9 ta’ Settembru 2011, fit-23 ta’ Awwissu 2012 u fit-30 ta’ Ottubru 2012 rispettivament. Sussegwentement, kull applikant appella mis-sentenza tar-Rechtbank li ċaħdet l-azzjoni tiegħu quddiem ir-Raad van State.

26.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat espressament żewġ kawżi li qegħdin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: Y u Z ( 31 ), li fiha diġà ngħatat is-sentenza, u X, Y u Z ( 32 ) (li kienet tressqet għal deċiżjoni preliminari mir-Raad van State fit-18 ta’ April 2012), li dakinhar kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’din l-aħħar kawża, intalbet gwida, inter alia, dwar jekk ċittadini barranin b’orjentazzjoni omosesswali jifformawx grupp soċjali partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. L-appelli fil-proċeduri prinċipali ġew sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni fil-kawża ta’ X, Y u Z.

27.

Fil-proċeduri prinċipali A, B u C isostnu li l-Ministru żbalja meta ħa d-deċiżjoni tiegħu għaliex naqas milli jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar jekk kinux omosesswali fuq id-dikjarazzjonijiet rispettivi tagħhom dwar l-orjentazzjoni sesswali. Huma allegaw li l-pożizzjoni tal-Ministru kienet tikser l-Artikoli 1, 3, 4, 7 u 21 tal-Karta billi kienet tammonta għal ċaħda ta’ allegata orjentazzjoni sesswali.

28.

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-verifika ta’ allegata orjentazzjoni sesswali hija iktar kumplessa mill-verifika ta’ raġunijiet oħra ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. F’dan ir-rigward, hija osservat li ma hemmx metodu uniformi kif issir din il-verifika ġewwa l-Istati Membri ( 33 ). Madankollu, hija tikkunsidra s-sottomissjonijiet tal-applikanti, li l-Ministru kien obbligat li jaċċetta allegata orjentazzjoni sesswali u li kien prekluż milli jeżaminaha, bħala li kienu dubjużi. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Y u Z u ta’ X, Y u Z (li kienet għadha pendenti), ir-Raad van State xtaqet gwida dwar jekk id-dritt tal-UE jimponix limiti fuq it-tiftix li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jagħmlu fir-rigward tal-allegata orjentazzjoni sesswali ta’ applikant għall-istatus ta’ refuġjat. Għaldaqstant, hija resqet din it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Liema huma l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva [tal-Kwalifikazzjoni], u mill-[Karta], b’mod partikolari mill-Artikoli 3 u 7 tagħha, għall-mod kif inhu evalwat il-karattru kredibbli ta’ allegata orjentazzjoni sesswali; dawn il-limitazzjonijiet huma differenti minn dawk applikabbli għall-evalwazzjoni tal-karattru kredibbli ta’ motivi ta’ persekuzzjoni oħra u, fl-affermattiv, f’liema rigward?”

29.

Saru osservazzjonijiet bil-miktub minn A u B, l-UNHCR, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja u l-Greċja u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni ta’ B, ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja, il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2014.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

30.

Huwa dritt stabbilit li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati. Id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ġiet adottata biex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiġu ggwidati fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fuq il-bażi ta’ kunċetti u kriterji komuni ( 34 ). Għalhekk, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-iskema u skop ġenerali tagħha, u b’mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u t-trattati rilevanti l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 78(1) TFUE. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni għandha tkun interpretata wkoll b’mod konsistenti mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta ( 35 ).

31.

Fi ħdan is-SEKA, id-Direttiva tal-Proċeduri tistabbilixxi sistema komuni ta’ salvagwardji li jservu biex jiżguraw li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u d-drittijiet fundamentali jiġu osservati għal kollox fir-rigward tal-proċeduri tal-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat ( 36 ).

32.

Madankollu, la d-Direttiva tal-Proċeduri fiha nnifisha u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jew il-Karta ma jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar kif għandha tiġi evalwata l-kredibbiltà ta’ applikant li jitlob l-istatus ta’ refuġjat għal kwalunkwe raġuni elenkata fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni, inkluż li jappartjeni għal grupp soċjali partikolari minħabba l-orjentazzjoni omosesswali tiegħu. Għalhekk din l-evalwazzjoni tidħol fil-kamp tar-regoli nazzjonali ( 37 ), imma d-dritt tal-UE jista’ jillimita d-diskrezzjoni tal-Istati Membri dwar ir-regoli li jistgħu japplikaw meta jevalwaw il-kredibbiltà tal-applikanti għall-ażil.

Deskrizzjoni bħala refuġjat

33.

Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tinqala’ fl-isfond ta’ talba preċedenti mill-istess qorti fil-kawża X, Y u Z ( 38 ). Ċerti kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni sa fejn tapplika għat-talbiet għall-istatus ta’ refuġjat għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali, ġew solvuti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li orjentazzjoni omosesswali hija raġuni biex jingħad li l-applikant huwa membru ta’ grupp soċjali partikolari skont l-Artikolu 10(1)(d) ta’ dik id-direttiva ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dawn l-applikanti ma għandhomx jiġu mistennija jaġixxu b’ċertu mod, pereżempju billi jesprimu l-orjentazzjoni sesswali bi trażżin jew billi jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom ( 40 ). Fir-rigward tal-evalwazzjoni jekk hemmx biża’ fondat ta’ persekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu żguri dwar jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux jew le theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ raġonevolment tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li hija fil-fatt ser tkun suġġetta għal atti ta’ persekuzzjoni ( 41 ). Din l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju, f’kull każ, għandha ssir b’viġilanza u prudenza u tistrieħ biss fuq evalwazzjoni speċifika tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, skont ir-regoli li jinsabu stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ( 42 ).

34.

Din il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata f’dan l-isfond. Għaldaqstant, pereżempju, ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk applikant li jistabbilixxi li huwa omosesswali għandux awtomatikament jikseb l-istatus ta’ refuġjat ġewwa Stat Membru. Pjuttost, il-passi previsti fl-iskema leġiżlattiva jinvolvu li l-ewwel jiġi stabbilit jekk l-applikant huwiex membru ta’ grupp soċjali partikolari ( 43 ). Il-protezzjoni tingħata wkoll f’każijiet meta l-applikanti ma jkunux membri ta’ dan il-grupp (hawnhekk, omosesswali) imma huma mifhuma bħala tali ( 44 ). Imbagħad irid jiġi ddeterminat jekk l-applikant partikolari għandux biża’ fondat sew ta’ persekuzzjoni ( 45 ).

35.

It-talba tal-qorti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tindikax jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni huwiex rilevanti hawnhekk. Il-kwistjoni mqajma titpoġġa f’qafas kuntestwali minimu u għaldaqstant hija pjuttost astratta. Għalhekk, ser niffoka fuq jekk huwiex permissibbli skont id-dritt tal-UE għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jeżaminaw jekk applikant huwiex membru ta’ grupp soċjali partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) minħabba l-omosesswalità tiegħu (iktar milli sempliċement jitwemmen f’dak li jgħid), kif għandu jitwettaq kwalunkwe proċess ta’ verifika u jekk hemmx limiti għall-mod kif din il-kwistjoni tista’ tiġi evalwata.

Dikjarazzjoni tal-persuna stess dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħha

36.

Huwa element komuni fost dawk li jissottomettu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-sesswalità ta’ persuna hija kwistjoni kumplessa ħafna li hija integrali għall-identità personali tagħha u għall-isfera tal-ħajja privata tagħha. Barra minn hekk, il-partijiet kollha jaqblu li ma hemmx metodu oġġettiv kif tiġi vverifikata allegata orjentazzjoni sesswali. Madankollu, hemm fehmiet differenti dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhomx jivverifikaw jekk applikant huwiex omosesswali u huwa b’hekk membru ta’ grupp soċjali fit-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

37.

Kemm A kif ukoll B jissottomettu li l-applikant innifsu biss jista’ jiddefinixxi s-sesswalità tiegħu stess u huwa inkonsistenti mad-dritt għall-ħajja privata ( 46 ) għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jivverifikaw orjentazzjoni sesswali allegata. A jissottometti li ma hemmx karatteristiċi ġenerali dwar l-omosesswalità u l-ebda kunsens ġenerali dwar il-fatturi li jinfluwenzaw orjentazzjoni sesswali bħal din. F’dak il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex kompetenti li jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom għall-orjentazzjoni sesswali ddikjarata mill-applikant. L-Istati Membri kollha li jissottomettu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkontendu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom iżommu l-kompetenza biex jeżaminaw il-kredibbiltà tal-allegata orjentazzjoni sesswali tal-applikant. Il-Kummissjoni tappoġġa dik il-fehma u tissottometti li hija konsistenti mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. L-UNHCR jissottometti li l-verifika tad-dikjarazzjoni tal-applikant tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu hija element normali tal-evalwazzjoni fattwali f’dawn il-każijiet u għandha tikkostitwixxi l-punt tat-tluq ta’ eżami ta’ din il-kwistjoni ( 47 ).

38.

Jiena wkoll naqbel li l-orjentazzjoni sesswali ta’ individwu hija kwistjoni kumplessa, li hija minsuġa inseparabbilment mal-identità tiegħu li tidħol fl-isfera privata ta’ ħajtu. Għalhekk, il-kwistjoni ta’ jekk allegata orjentazzjoni sesswali ta’ individwu għandhiex tiġi aċċettata mingħajr eżami ulterjuri mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha tiġi evalwata fil-qafas li ġej. L-ewwel nett, id-dritt għall-ħajja privata huwa ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni fuq bażijiet li jinkludu l-orjentazzjoni sesswali hija espressament prevista fl-Artikolu 21(1). Dawn id-drittijiet jikkorrispondu mal-Artikolu 8 moqri flimkien, fejn meħtieġ, mal-Artikolu 14 tal-KEDB ( 48 ). Madankollu, dawn ma humiex fost id-drittijiet irrevokabbli li minnhom ma huwiex possibbli li ssir deroga ( 49 ). It-tieni nett, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li l-kunċett ta’ “ħajja privata” huwa wiesa’ u ma jistax jingħata definizzjoni eżawrjenti. Dan ikopri l-integrità fiżika u psikoloġika ta’ persuna inklużi elementi bħall-orjentazzjoni sesswali u l-ħajja sesswali li jidħlu fl-isfera personali protetta bl-Artikolu 8 tal-KEDB ( 50 ).

39.

It-tielet nett, f’każijiet dwar l-identità tas-sess u t-transsesswalità l-Qorti ta’ Strasbourg qalet li l-kunċett ta’ awtonomija personali huwa prinċipju importanti li qiegħed fil-bażi tal-garanziji fl-Artikolu 8 tal-KEDB ( 51 ). Filwaqt li huwa veru li l-kwistjonijiet li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza ma humiex eżattament l-istess bħal dawk li jirriżultaw meta l-orjentazzjoni sesswali hija inkwistjoni, jiena nikkunsidra li din tipprovdi gwida utli ( 52 ). Il-Qorti ta’ Strasbourg ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi jekk l-Artikolu 8 tal-KEDB jiggarantixxix dritt li l-persuna ma jkollhiex l-allegata orjentazzjoni sesswali tagħha eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti, partikolarment fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat. Ninterpreta l-ġurisprudenza eżistenti bħala li tgħid li peress li l-kunċett ta’ awtonomija personali huwa prinċipju importanti li qiegħed fil-bażi tal-interpretazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 KEDB, individwi għandhom dritt jiddefinixxu l-identità tagħhom stess u dan jinkludi d-definizzjoni tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom stess.

40.

Għalhekk id-definizzjoni tal-applikant tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu stess għandu jkollha rwol importanti fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Naqbel mal-UNHCR li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom, tal-inqas, jikkostitwixxu l-punt tat-tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni. Imma l-Istati Membri huma preklużi milli jivverifikaw dawn id-dikjarazzjonijiet?

Evalwazzjoni skont id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni

41.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni jeħtieġ lill-Istati Membri li jevalwaw l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali. Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn id-diversi raġunijiet ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva. Isegwi li applikanti li jitolbu l-istatus ta’ refuġjati għar-raġuni li huma omosesswali u jappartjenu għal grupp soċjali partikolari fit-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) ma humiex eżentati mill-proċess ta’ evalwazzjoni skont id-Direttiva ( 53 ).

42.

L-Artikolu 4(1) jippermetti lill-Istat Membri li jpoġġu l-oneru fuq l-applikant “li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali [...]” ( 54 ). Din id-dispożizzjoni toħloq ukoll dmir pożittiv fuq l-Istati Membri biex jaġixxu f’kooperazzjoni mal-applikant biex jevalwaw l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu. L-evalwazzjoni għandha ssir fuq bażi individwali u għandha tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni individwali tal-applikant u ċ-ċirkustanzi personali tiegħu ( 55 ). L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni tirrikonoxxi li applikant mhux dejjem ikun jista’ jissostanzja t-talba tiegħu bi provi dokumentali jew xort’oħra. Għalhekk, provi bħal dawn ma humiex meħtieġa meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 4(5)(a) sa (e) ( 56 ).

43.

Meta applikant jinvoka l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva u jitlob l-istatus ta’ refuġjat għar-raġuni li huwa membru ta’ grupp soċjali partikolari fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, jiena naħseb li huwa kważi inevitabbli li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva jsir rilevanti. Allegata orjentazzjoni sesswali ma tistax tiġi vverifikata oġġettivament; u mhux probabbli li jkun hemm provi dokumentali jew ta’ xort’oħra biex tiġi sostnuta l-istqarrija li jkun għamel l-applikant stess dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Għaldaqstant, il-kredibbiltà ssir il-kwistjoni ċentrali ( 57 ).

44.

Evalwazzjoni tal-kredibbiltà tal-applikant hija konsistenti mal-Karta u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali?

45.

Jidhirli li dan huwa l-każ.

46.

L-Artikolu 18 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għall-ażil bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u tat-Trattati. Ma hemmx dritt korrispondenti fil-KEDB, għalkemm l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi għal ċerti salvagwardji proċedurali dwar it-tkeċċija tal-frustieri. Fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat, il-Qorti ta’ Strasbourg irrikonoxxiet li l-Istati Kontraenti għandhom id-dritt bħala materja ta’ dritt internazzjonali (bla ħsara għall-obbligi tat-trattati tagħhom) li jikkontrollaw id-dħul, ir-residenza u t-tkeċċija tal-frustieri ġewwa t-territorju tagħhom ( 58 ). Dan huwa mistenni. Fl-applikazzjoni ta’ politika tal-ażil l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu min ġenwinament għandu bżonn tal-protezzjoni u jaċċettawhom bħala refuġjati. Bl-istess mod, huma intitolati li jirrifjutaw l-assistenza lil min ma jkunx ġenwin.

47.

Jekk applikant huwiex membru ta’ grupp soċjali partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) (jew jitqies li huwa membru u jiskatta l-Artikolu 10(2)) huwa marbut mill-qrib mal-kwistjoni ta’ jekk għandux biża’ fondat sew ta’ persekuzzjoni ( 59 ). L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali neċessarjament għandha tkun waħda rigoruża ( 60 ); magħmula b’viġilanza u attenzjoni. Dak li hemm fin-nofs f’dawn il-każijiet huma kwistjonijiet dwar l-integrità tal-persuna, il-libertajiet individwali u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 61 ).

48.

Għalkemm allegata orjentazzjoni sesswali tal-applikant għandha neċessarjament dejjem tkun il-punt tat-tluq, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma intitolati li jeżaminaw dan l-element tat-talba tiegħu flimkien mal-elementi l-oħra kollha sabiex jiġi evalwat jekk għandux biża’ ta’ persekuzzjoni fondat sew fit-tifsira tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

49.

Għaldaqstant jirriżulta inevitabbilment li applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali, bħal kwalunkwe applikazzjoni oħra għall-istatus ta’ refuġjat, huma suġġetti għal proċess ta’ evalwazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Madankollu, din l-evalwazzjoni għandha ssir b’mod li tirrispetta d-drittijiet individwali kif iggarantiti mill-Karta. (Tabilħaqq, dan kollu jaqblu miegħu l-partijiet).

Evalwazzjoni tal-kredibbiltà

50.

La d-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u lanqas id-Direttiva tal-Proċeduri ma jipprovdu speċifikament għall-mod kif il-kredibbiltà ta’ applikant għandha tiġi evalwata. Għalhekk, il-pożizzjoni ġenerali hija li, fin-nuqqas ta’ regoli tal-UE fuq suġġett, hija s-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru individwali li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet skont il-liġi intiżi biex jiżguraw il-protezzjoni li d-dritt tal-UE jipprovdi ( 62 ).

51.

Din il-pożizzjoni ġenerali hija suġġetta għal limiti skont id-dritt tal-UE?

52.

A u B jissottomettu li huwa meħtieġ fi kwalunkwe evalwazzjoni li jiġu stabbiliti l-fatti dwar dak li jgħid l-applikant biex jissostanzja t-talba tiegħu għall-istatus ta’ refuġjat; u li l-iskop tal-istadju li jmiss (il-proċess ta’ kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtoritajiet nazzjonali) huwa sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-fatti jistgħux jiġu kkonfermati. L-applikanti ma jistgħux ikunu meħtieġa jsostnu t-talbiet tagħhom għall-istatus ta’ refuġjat b’mod li jimmina d-dinjità u l-integrità personali tagħhom. Għalhekk, metodi bħal eżamijiet mediċi, mistoqsijiet dwar l-esperjenzi sesswali tal-applikant, jew il-paragun tal-applikant inkwistjoni ma’ stereotipi omosesswali huma inkonsistenti mal-Karta ( 63 ).

53.

Il-Pajjiżi l-Baxxi jgħidu li l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ma jgħid xejn dwar il-mod kif għandha tiġi eżaminata d-dikjarazzjoni tal-applikant tas-sesswalità tiegħu stess. Dan jiddeterminawh l-Istati Membri nnifishom. Ir-Repubblika Ċeka tissottometti li għandhom jiġu applikati l-metodi l-inqas intrużivi għall-ħajja privata ta’ applikant. Madankollu, ma għandhomx jiġu esklużi proċeduri oħrajn jekk metodi inqas eżiġenti ma jistabbilixxux il-kredibbiltà tal-applikant u jekk huwa jagħti l-kunsens tiegħu. Il-Gvern Franċiż, dak Ġermaniż u dak Grieg jaqblu li l-Linji Gwida tal-UNHCR jipprovdu gwida utli dwar il-proċess tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà. Il-Ġermanja tissottometti li testijiet psewdomediċi jew talbiet sabiex l-applikanti jwettqu atti sesswali sabiex tiġi stabbilita l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, imorru kontra l-Artikolu 1 tal-Karta. Il-Gvern Belġjan jappoġġa wkoll il-Linji Gwida tal-UNHCR u jgħid li ma huwiex meħtieġ li tiġi vverifikata klinikament jew xjentifikament orjentazzjoni sesswali tal-applikant. Li jgħodd huwa jekk dak li jgħid l-applikant huwiex plawżibbli. Id-dritt għal ħajja privata diġà huwa kkunsidrat adegwatament mit-test tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u mid-Direttiva tal-Proċeduri. Wieħed ma jistax joqgħod fuq dan id-dritt għat-tieni darba biex titnaqqas is-severità tal-evalwazzjoni jew biex tinħoloq iktar flessibbiltà fir-regoli favur l-applikanti għall-ażil li jallegaw li huma omosesswali.

54.

L-UNHCR taqsam id-diversi metodi tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà inkwistjoni f’żewġ kategoriji. Uħud minnhom, li fiċ-ċirkustanzi kollha jiksru l-Karta, jiddiskrivihom bħala li jikkonsistu fi “blacklist”. Dawn ikopru: mistoqsijiet invażivi dwar id-dettalji tal-prattiki sesswali tal-applikant; eżamijiet mediċi jew psewdomediċi; u rekwiżiti abbużivi dwar l-evidenza, bħal pereżempju talbiet sabiex l-applikanti jipprovdu ritratti tagħhom innifishom jagħmlu atti sesswali. It-tieni kategorija tal-UNHCR hija deskritta bħala “lista griża”; din tirrigwarda prattiki li, jekk ma jiġux applikati b’mod xieraq u sensittiv, jirriskjaw li jmorru kontra l-Karta. Il-lista griża tinkludi prattiki bħal li jiġi konkluż li l-applikant ma għandux kredibbiltà għaliex ma invokax l-orjentazzjoni sesswali tiegħu bħala l-bażi biex jitlob l-istatus ta’ refuġjat mal-ewwel opportunità tiegħu, jew għaliex jonqos li jagħti tweġiba korretta għal mistoqsijiet ta’ tagħrif ġenerali, pereżempju, dwar organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-omosesswali fil-pajjiż fejn jintalab l-ażil. Il-lista griża tal-UNHCR tkopri wkoll proċeduri nazzjonali li jonqsu milli joffru lil applikant opportunità biex jispjega elementi li ma jidhrux li huma kredibbli.

55.

Il-Kummissjoni tissottometti li d-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ma tpoġġix limiti fuq it-tip ta’ provi li jistgħu jiġu ppreżentati insostenn ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat. Madankollu, għandhom jinġabru provi b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-applikanti. Metodi li huma degradanti jew inkonsistenti mad-dinjità umana, bħal testijiet psewdomediċi jew evalwazzjoni b’riferiment għal stereotipi, huma inkonsistenti kemm mad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni kif ukoll mal-Karta. Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma huwiex possibbli li jingħataw indikazzjonijiet ġenerali iktar minn dawk ipprovduti diġà mill-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u l-Artikoli 3 u 7 tal-Karta.

56.

Huwa veru li ma hemmx espressament kliem fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni li jirregola d-diskrezzjoni tal-Istati Membri dwar prattiki jew metodi għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ applikant. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li d-dritt tal-UE ma jpoġġix limiti fuq din id-diskrezzjoni.

57.

Il-Karta tipprovdi standards ġenerali li għandhom jiġu applikati fl-implementazzjoni ta’ kwalunkwe direttiva. Id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni tarmonizza billi tintroduċi standards minimi biex wieħed jikseb status ta’ refuġjat ġewwa l-Unjoni Ewropea ( 64 ). Is-SEKA tiġi mminata, partikolarment is-sistema ta’ Dublin, kieku l-Istati Membri kellhom japplikaw prattiki diverġenti ħafna meta jevalwaw dawn l-applikazzjonijiet. Ma jkunx effett mixtieq jekk id-differenzi fl-implementazzjoni tagħha jwasslu biex applikazzjonijiet jirnexxu iktar f’ġurisdizzjoni partikolari milli f’oħra minħabba li r-rekwiżiti tal-provi jkunu iktar faċli li jiġu ssodisfatti.

58.

Sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha risposta utli, nemmen li huwa meħtieġ li jiġu identifikati prattiki li ma humiex konsistenti mad-dritt tal-UE. Is-sottomissjonijiet tal-UNHCR huma partikolarment utli f’dan ir-rigward. Madankollu, jiena ma adottajtx it-terminoloġija ta’ “blacklist” jew ta’ “lista griża” għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, li tistabbilixxi “blacklist” jinvolvi l-ħolqien ta’ regoli preskrittivi ta’ applikazzjoni ġenerali li huwa xogħol li iktar jixraq lil-leġiżlatura. It-tieni nett, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti ismijiet bħal dawk ma jtejbux iċ-ċarezza u ma jassistux fiċ-ċertezza legali għaliex l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE hija limitata għall-materjal li jitqiegħed quddiemha u ma jkunx ċar jekk il-listi humiex intiżi bħala illustrattivi jew eżawrjenti.

59.

Għandi nindika wkoll li ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern Belġjan billi nqis il-kwistjoni bħala li toħloq iktar flessibbiltà favur l-applikanti li jixtiequ l-istatus ta’ refuġjat għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali. Pjuttost hija kwistjoni li jiġu stabbiliti l-parametri tal-azzjoni tal-Istati Membri meta jiġu applikati d-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u d-Direttiva tal-Proċeduri. Għaldaqstant, iktar ’il quddiem ser nidentifika dawk il-prattiki li nikkunsidra li huma inkompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni interpretata fid-dawl tal-Karta.

60.

Ġewwa l-Unjoni Ewropea, l-omosesswalità ma hijiex ikkunsidrata iktar bħala kundizzjoni medika jew psikoloġika ( 65 ). Ma hemm l-ebda eżami mediku rrikonoxxut li jista’ jiġi applikat biex tiġi stabbilita l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. Fir-rigward tad-dritt għall-ħajja privata, l-interferenza mad-dritt ta’ individwu għall-orjentazzjoni sesswali tiegħu tista’ tiġri biss meta, inter alia, tkun stabbilita bil-liġi u tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 66 ).

61.

Billi l-omosesswalità ma hijiex kundizzjoni medika, kull allegat test mediku applikat għad-determinazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali ta’ applikant ma jistax, fil-fehma tiegħi, jitqies li huwa konsistenti mal-Artikolu 3 tal-Karta. Ma jgħaddix ukoll mir-rekwiżit tal-proporzjonalità [l-Artikolu 52(1)] fir-rigward tal-ksur tad-dritt għall-privatezza u l-ħajja familjari għaliex mid-definizzjoni stess, test bħal dan ma jistax jissodisfa l-għan li tiġi stabbilita l-orjentazzjoni sesswali ta’ individwu. Isegwi li testijiet mediċi ma jistgħux jintużaw għall-għan li tiġi stabbilita l-kredibbiltà tal-applikant, billi jiksru l-Artikoli 3 u 7 tal-Karta ( 67 ).

62.

Il-Gvern Ġermaniż u l-UNHCR ikkummentaw b’mod partikolari fuq it-test psewdomediku tal-fallometrija ( 68 ) fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom. Isegwi, minn dak li jiena għidt fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq li japplikaw mutatis mutandis għal dawn it-testijiet psewdomediċi, li jiena nikkunsidra dawn it-testijiet bħala pprojbiti mill-Artikoli 3 sa 7 tal-Karta. Il-fallometrija hija mod partikolarment dubjuż li jivverifika l-orjentazzjoni omosesswali. L-ewwel nett, din tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-faċilitazzjoni tal-provvista ta’ pornografija biex ikunu jistgħu jsiru dawn it-testijiet. It-tieni nett, tinjora l-fatt li l-moħħ tal-bniedem huwa strument b’saħħtu u reazzjoni fiżika għall-materjal impoġġi quddiem l-applikant tista’ tiġi pprovokata mill-persuna li qed timmaġina xi ħaġa differenti mix-xbieha li qed jintwera. Dawn it-testijiet ma jiddistingwux bejn applikanti ġenwini u dak li ma humiex u għalhekk huma b’mod ċar ineffettivi kif ukoll jiksru d-drittijiet fundamentali.

63.

Jidhirli li mistoqsijiet espliċiti dwar l-attivitajiet u l-inklinazzjonijiet sesswali ta’ applikant huma inkonsistenti wkoll mal-Artikoli 3 u 7 tal-Karta. Min-natura tagħhom stess, dawn il-mistoqsijiet jiksru l-integrità ta’ individwu kif iggarantita mill-Artikolu 3(1) tal-Karta. Dawn huma intrużivi u jiksru r-rispett għall-ħajja privata u familjari. Barra minn hekk huwa dubjuż il-valur probatorju tagħhom fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat. L-ewwel nett, applikant mhux ġenwin jista’ faċilment jivvinta l-informazzjoni meħtieġa. It-tieni nett, prattika bħal din tista’ tnaffar ċerti individwi (inklużi applikanti ġenwini) u għalhekk timmina l-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtoritajiet nazzjonali (l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni).

64.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fil-kawża X, Y u Z li fir-rigward tal-espressjoni ta’ orjentazzjoni sesswali, xejn fil-kliem tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ma jissuġġerixxi li l-leġiżlatura tal-UE riedet teskludi ċerti tipi oħra ta’ atti jew espressjoni marbuta mal-orjentazzjoni sesswali (jiġifieri, li ma jkunx omosesswali) mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 69 ). Għalhekk, l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ma jistabbilixxix limiti dwar l-attitudni li l-membri ta’ grupp soċjali partikolari jistgħu jadottaw fir-rigward tal-identità tagħhom jew aġir li jista’ jew ma jistax jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ orjentazzjoni sesswali għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni ( 70 ).

65.

Dan jissuġġerixxili li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk irrikonoxxiet li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jeżaminaw applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat fuq il-bażi ta’ arketip omosesswali. Sfortunatament, eżami bbażat fuq mistoqsijiet dwar l-attivitajiet sesswali ta’ applikant tassew jissuġġerixxi li dawk l-awtoritajiet qed jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom fuq assunzjonijiet stereotipiċi dwar imġiba omosesswali. Domandi bħal dawn x’aktarx ma jkunux jistgħu jiddistingwu applikanti ġenwini minn dawk li ma humiex li jkunu tħarrġu fil-preparazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, u għalhekk ma humiex xierqa u huma sproporzjonati skont it-tifsira tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

66.

Fil-fehma tiegħi, huwa b’mod ċar kontra l-Artikolu 7 tal-Karta li l-applikanti jkunu meħtieġa jipproduċu provi bħal filmati jew ritratti jew jintalbu jagħmlu atti sesswali biex juru x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Nerġa’ nżid ngħid li l-valur probatorju ta’ dawn il-provi huwa dubjuż għaliex jista’ jiġi ffabbrikat jekk meħtieġ u l-applikant ġenwin ma jkunx jista’ jintgħaraf minn dak li ma huwiex.

67.

Anki jekk applikant jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe waħda mit-tliet prattiki (eżamijiet mediċi ( 71 ), mistoqsijiet intrużivi, jew li jiġu pprovduti provi espliċiti), dan il-kunsens ma jibdilx l-analiżi tiegħi. Il-kunsens tal-applikant għal test mediku għal xi ħaġa (l-omosesswalità) li ma hijiex kundizzjoni medika rrikonoxxuta (i) ma jistax jirrimedja ksur tal-Artikolu 3 tal-Karta, (ii) ma jżidx il-valur probatorju ta’ kwalunkwe prova miksuba, u (iii) ma jistax jirrendi tali limitazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta proporzjonata għall-finijiet tal-Artikolu 52(1). Barra minn hekk, għandi wkoll dubji serji jekk applikant, li huwa l-parti vulnerabbli fil-proċedura għall-applikazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat, jistax verament jitqies li jkun ta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kunsens liberu u informat għal kollox f’tali ċirkustanzi.

68.

Il-partijiet kollha li għamlu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jaċċettaw li l-orjentazzjoni sesswali hija kwistjoni kumplessa. Għaldaqstant, meta jagħmlu l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx japplikaw ideat stereotipiċi għat-talbiet tal-applikanti. Id-determinazzjonijiet ma għandhomx jiġu bbażati fuq assunzjonijiet li hemm tweġibiet “korretti” u “inkorretti” għal mistoqsijiet tal-eżaminatur — pereżempju, li applikant ma huwiex kredibbli jekk ma jkunx ħass anzjetà meta nduna li kien omosesswali u mhux eterosesswali, jew jekk jonqos milli juri għarfien ta’ kwistjonijiet politiċi jew attivitajiet partikolari li jikkonċernaw l-omosesswali. Dawn il-prattiki huma inkonsistenti mal-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni li jeżiġi li l-awtortitajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkustanzi individwali u personali tal-applikant inkwistjoni. Inżid ngħid għall-kompletezza li l-għan tal-intervista huwa li l-applikant jiġi mistieden jirrakkonta l-istorja tiegħu. Jekk meta jagħmel hekk, pereżempju, minn rajh jagħti informazzjoni sesswali espliċita dwaru nnifsu, dik is-sitwazzjoni tista’ tingħaraf mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed jagħmlulu dawk il-mistoqsijiet. Madankollu, dawk l-awtoritajiet xorta jibqgħu obbligati jivvalutaw il-kredibbiltà tiegħu wara li jżommu f’moħħhom li informazzjoni bħal dik ma tistax tistabbilixxi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. F’dan ir-rigward, niġbed l-attenzjoni għal-linji gwida tal-UNHCR.

69.

Nikkonkludi li, billi ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-orjentazzjoni sesswali ta’ individwu definittivament, prattiki li huma intiżi għal dan ma għandu jkollhom l-ebda rwol fil-proċess ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Dawn il-prattiki jiksru l-Artikoli 3 u 7 tal-Karta. Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, jistgħu jiksru wkoll drittijiet oħrajn iggarantiti mill-Karta. L-evalwazzjoni biex jiġi stabbilit jekk l-istatus ta’ refuġjat għandux jingħata għandha tiffoka minflok fuq kemm huwa kredibbli l-applikant. Jiġifieri, jiġi kkunsidrat jekk dak li jgħid huwiex plawżibbli u koerenti.

Il-proċess tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà

70.

Il-kredibbiltà ta’ applikant l-ewwel tiġi evalwata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (il-“proċedura tal-ewwel istanza”) li d-deċiżjoni tagħhom tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju jekk l-applikant jippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali rilevanti.

71.

Il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-proċedura tal-ewwel istanza jinsabu fil-Kapitolu II tad-Direttiva tal-Proċeduri ( 72 ). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti ( 73 ) dwar applikazzjonijiet għall-ażil jittieħdu wara eżami adegwat ( 74 ). L-applikanti għandhom jingħataw opportunità biex jipparteċipaw f’intervista personali qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti ( 75 ). Ir-rekwiżiti għall-intervista personali huma stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Proċeduri. Dawn jinkludu li jiġi żgurat li l-intervisti personali jsiru skont kundizzjonijiet li jippermettu lill-applikanti li jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali li jagħmlu dawn l-intervisti jkunu kompetenti biżżejjed u li l-applikanti jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ interpretu biex jassistihom ( 76 ).

72.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà, B jissottometti li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax li l-kwistjoni tal-orjentazzjoni sesswali ta’ applikant għandha tiġi stabbilita sempliċement fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tiegħu allura l-oneru tal-prova għandu jaqa’ fuq l-awtoritajiet kompetenti biex jippruvaw li ma huwiex omosesswali.

73.

Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Il-proċedura ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ma tinvolvix proċess ġudizzjarju. Pjuttost tipprovdi opportunità għall-applikant biex jippreżenta l-istorja tiegħu u l-provi tiegħu u għall-awtoritajiet kompetenti biex jiġbru l-informazzjoni, biex jaraw u jisimgħu lill-applikant, biex jevalwaw l-imġiba tiegħu u biex jgħarblu l-plawżibbiltà u l-koerenza ta’ dak li jgħid l-applikant. Il-kelma “kooperazzjoni” tfisser li ż-żewġ partijiet jaħdmu lejn għan komuni ( 77 ). Huwa veru li dik id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jeħtieġu mingħand l-applikant li jissottometti l-elementi neċessarji biex jissostanza t-talba tiegħu. Madankollu, ma jsegwix li huwa konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni li jiġi applikat xi rekwiżit ta’ prova li għandu l-effett li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli eċċessivament (pereżempju standard għoli ta’ prova, bħal lil hinn minn kull dubju raġonevoli, jew standard kriminali jew kważi kriminali) biex applikant jissottometti l-elementi meħtieġa biex jissostanzja t-talba tiegħu skont id-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni ( 78 ). L-applikant lanqas ma għandu għalfejn ikun meħtieġ “jipprova” l-orjentazzjoni sesswali tiegħu b’xi standard (differenti) ieħor billi dik il-kwistjoni ma tistax tiġi pprovata bħala tali. Għaldaqstant, huwa importanti li l-uffiċjal li jkun qed jagħmel id-determinazzjoni jkollu opportunità li jara lill-applikant jgħid l-istorja tiegħu jew tal-inqas ikollu rapport sħiħ dwar l-imġiba tiegħu matul l-eżami (jiena nippreferi tal-ewwel).

74.

Applikanti ġenwini għall-istatus ta’ refuġjat ta’ spiss isibu lilhom innifishom jitolbu l-ażil għaliex ikunu għaddew minn trawma u sofrew ċirkustanzi diffiċli u ta’ dwejjaq. Ta’ spiss ikun meħtieġ li dak li jkun jagħtihom il-benefiċċju tad-dubju meta jiġi biex jevalwa l-kredibbiltà tal-istqarrijiet tagħhom u d-dokumenti mibgħuta insostenn ta’ dan. Jidhirli li dak huwa l-prinċipju wara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Madankollu, meta tingħata informazzjoni li tqanqal raġunijiet sodi sabiex il-veraċità tas-sottomissjonijiet ta’ dak li qed jitlob l-ażil titqiegħed fid-dubju, l-individwu għandu jipprovdi spjegazzjoni sodisfaċenti għad-diskrepanzi allegati ( 79 ).

75.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-kredibbiltà ta’ applikant hija dubjuża, għandu jiġi mgħarraf b’dan qabel ma ssir determinazzjoni negattiva fil-konfront tiegħu?

76.

Id-Direttiva tal-Proċeduri ma fiha l-ebda rekwiżit bħal dan. L-Artikolu 14(1) sempliċement jeħtieġ li jsir u jingħata rapport tal-istatus tal-intervista personali lill-applikant, li jkollu fih “għall-inqas” l-informazzjoni essenzjali dwar l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-parti kkonċernata biex tapprova l-kontenut tagħha, u li l-punti li ma jkunx jaqbel magħhom jistgħu jitpoġġew, jekk ikun il-każ, fil-fajl personali tiegħu. Għalhekk hemm maħsub biex l-applikant jiġi ggarantit opportunità biex jirranġa ċerti elementi jew qabel deċiżjoni tiġi adottata jew, jekk le, wara l-adozzjoni tagħha fil-kuntest ta’ appell. Barra minn hekk, meta applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat tiġi miċħuda, ir-raġunijiet għandhom jissemmew fid-deċiżjoni rilevanti u għandha tingħata informazzjoni fuq kif dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata (l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Proċeduri).

77.

Dawn il-proċeduri ( 80 ) huma ddisinjati biex jiżguraw li l-applikant ikollu smigħ xieraq fl-ewwel istanza. L-applikant għandu opportunità li jressaq il-każ tiegħu u jiġbed elementi oħrajn għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-istadju tal-intervista personali. Madankollu, ma huwiex ċar mid-Direttiva tal-Proċeduri jekk il-leġiżlatur kellux speċifikament f’moħħu sa fejn l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tista’ tiddetermina każijiet bħal dawk fil-proċeduri prinċipali, meta l-istatus ta’ refuġjat jintalab fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tal-applikant imma ma jkun hemm l-ebda prova biex tikkorrabora l-allegata omosesswalità tiegħu. F’każijiet bħal dawn, l-imġiba tal-applikant meta jirrakkonta l-istorja tiegħu hija importanti daqs l-istorja attwali nnifisha. Id-Direttiva tal-Proċeduri ma teħtieġx li d-determinazzjoni ssir mill-uffiċjal li jagħmel l-intervista (skont l-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva). Għaldaqstant, determinazzjoni tista’ ssir minn uffiċjal li la ra u lanqas sema’ lill-applikant, fuq il-bażi ta’ fajl li forsi fih rapport bi spazji vojta li jindikaw li l-applikant naqas milli jwieġeb mistoqsijiet dwar l-imġiba sesswali tiegħu jew juri għarfien tad-“drittijiet tal-gays”. Filwaqt li intervisti rrikordjati f’forma vidjo jistgħu sa ċertu punt jimmitigaw din il-problema, din ma hijiex nieqsa mill-perikoli tagħha, partikolarment f’qasam sensittiv bħal dan.

78.

Fil-kawża M.M. ( 81 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, u huwa meħtieġ anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix espressament għal rekwiżit proċedurali bħal dan ( 82 ). Barra minn hekk, dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-opportunità li ssemma l-fehmiet tagħha b’mod effettiv matul proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod ħażin ( 83 ).

79.

Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, nuqqas (i) li applikant jiġi informat li l-applikazzjoni tiegħu x’aktarx ma hijiex ser tirnexxi għaliex l-awtoritajiet kompetenti jiddubitaw il-kredibbiltà tiegħu, (ii) li jingħatawlu r-raġunijiet għal dik il-fehma, u (iii) li jingħata l-opportunità li jindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet speċifiċi jista’ jirriżulta fi ksur ta’ dan ir-rekwiżit proċedurali ġenerali.

80.

Fil-każijiet inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispjega li skont ir-regoli proċedurali applikati fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-applikanti rispettivi għandhom jingħataw opportunità jikkummentaw fuq ir-riżultati tal-awtoritajiet kompetenti dwar il-kwistjoni tal-kredibbiltà. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju li dak huwa li fil-fatt ġara hawnhekk, jiena ma naħsibx li dawn il-każijiet iwasslu għal tali ksur.

81.

L-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni jgħid li fejn aspetti tal-istqarrijiet ta’ applikant ma humiex sostnuti bi provi oħra, għandhom jiġu sottomessi l-elementi rilevanti kollha li l-applikant għandu għad-dispożizzjoni tiegħu u għandha tingħata spjegazzjoni sodisfaċenti dwar kull nuqqas ta’ element rilevanti ieħor. Dan jissuġġerili li l-proċeduri għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom l-opportunità li jindirizzaw speċifikament mistoqsijiet dwar il-kredibbiltà tagħhom f’każijiet meta l-unika prova tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom hija d-dikjarazzjoni tagħhom stess.

82.

Jidhirli li huwa kemm mixtieq u kif ukoll prudenti għall-Istati Membri li jiżguraw li l-applikanti jingħataw din l-opportunità biex jindirizzaw preokkupazzjonijiet speċifiċi dwar il-kredibbiltà tagħhom matul l-istadju amministrattiv (jew il-proċedura tal-ewwel istanza), qabel ma tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet determinanti.

83.

Kemm A kif ukoll B jikkontestaw id-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju tal-mod kif id-Direttivi tal-Kwalifikazzjoni u tal-Proċeduri ġew trasposti fid-dritt nazzjonali u l-proċess tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari s-sistema tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika li jikkunsidra d-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju bħala informata u preċiża. Il-qorti tar-rinviju indikat li l-qrati li qed jisimgħu l-appelli tat-tliet applikanti mid-deċiżjonijiet tal-Ministru eżaminaw il-kwistjoni tal-kredibbiltà rispettiva tagħhom.

84.

Hemm kwistjoni ta’ prinċipju dwar kemm għandu jkun intensiv stħarriġ ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva meta jkun in-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-applikant ir-raġuni għaċ-ċaħda ta’ talba għall-istatus ta’ refuġjat. Dan l-istħarriġ għandu jkun ristrett għal punti ta’ dritt, jew għandu jestendi għall-eżami tal-provi? Din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju f’dawn il-proċeduri u għalhekk minix ser nindirizzaha hawnhekk. Barra minn hekk, billi ma huwiex l-iskop tal-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li jiġi eżaminat jekk l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu fit-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni jew tad-Direttiva tal-Proċeduri (dawn ma humiex proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu), il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tiddeċiedi fuq id-differenzi bejn A u B u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-sistema li qiegħda attwalment fis-seħħ ( 84 ).

85.

Huma differenti l-limiti skont id-dritt tal-UE li japplikaw għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat ibbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali minn dawk li japplikaw għal talbiet ibbażati fuq raġunijiet oħra ta’ persekuzzjoni fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni?

86.

Jiena naħseb li le.

87.

Il-Karta tipprovdi l-kuntest ġenerali għall-interpretazzjoni kemm tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni kif ukoll tad-Direttiva tal-Proċedura fir-rigward tar-raġunijiet kollha ta’ persekuzzjoni li hemm fl-Artikolu 10 tal-ewwel waħda. Jista’ jagħti l-każ li jiġu invokati drittijiet fundamentali differenti fir-rigward ta’ raġunijiet differenti. Pereżempju d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon (l-Artikolu 10 tal-Karta) jista’ loġikament jiġi invokat fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat ibbażata fuq raġunijiet ta’ persekuzzjoni reliġjuża ( 85 ). Madankollu, fl-applikazzjonijiet kollha għall-istatus ta’ refuġjat l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi hija suġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u fid-Direttiva tal-Proċeduri. Din il-fehma hija konsistenti mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u fl-Artikolu 21 tal-Karta. Il-lakuni li identifikajt fil-leġiżlazzjoni jkunu ugwalment rilevanti għall-applikazzjonijiet bbażati fuq kwalunkwe raġuni ta’ persekuzzjoni elenkata fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni sa fejn il-kredibbiltà tal-applikant hija l-kwistjoni ewlenija meta jkun hemm ftit li xejn jew ebda provi korroborattivi.

88.

Diġà indikajt li d-domanda tal-qorti tar-rinviju saret f’termini astratti u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ferm ftit materjal quddiemha għar-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każijiet individwali fil-proċeduri prinċipali. Għal kompletezza, ser nagħmel dawn il-kummenti dwarhom.

89.

A indika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li kien lest jissottometti ruħu għal eżami biex jipprova l-orjentazzjoni omosesswali tiegħu. Madankollu, jiena tal-fehma li ma jkunx konsistenti mal-Artikoli 3 u 7 tal-Karta għall-dawk l-awtoritajiet li jaqblu fuq proċedura bħal dik sabiex jistabbilixxu l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

90.

Il-Ministru rrifjuta l-applikazzjoni ta’ B għaliex (i) iddeċieda li dak li qal B ma kienx adegwat u (ii) B ma ssodisfax l-aspettattivi dwar kif raġel omosesswali minn familja Musulmana u fejn l-omosesswalità ma hijiex aċċettata jista’ jirreaġixxi meta jsir konsapevoli li huwa nnifsu huwa omosesswali. Sa fejn id-deċiżjoni tal-Ministru kienet ibbażata fuq (i), hija l-qorti nazzjonali rilevanti, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk B ingħatax opportunità adegwata biex jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li d-dritt ta’ B għal amministrazzjoni tajba jiġi rrispettat, huwa importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li B ġie informat bil-punti fejn elementi biex jissostanzjaw dak li qal nstabu li kienu neqsin u li ngħata l-opportunità li jindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet. Madankollu, fir-rigward ta’ (ii), ma jkunx konsistenti mal-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva għall-awtoritajiet nazzjonali li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom biss fuq assunzjoni stereotipika li għaliex B huwa Musulman u minn pajjiż fejn l-omosesswalità ma hijiex aċċettata dak li jgħid mhux kredibbli mingħajr stqarrija li tagħti d-dettalji dwar l-emozzjonijiet tiegħu u kif wasal biex jaċċetta l-omosesswalità tiegħu.

91.

Il-Ministru ċaħad it-talba ta’ C billi ddeċieda li: (i) kienet inkonsistenti; (ii) kellha informazzjoni nieqsa billi C ma spjegax b’mod ċar kif irrealizza li kien omosesswali; u (iii) li film li juri lil C qed jagħmel att sesswali ma’ raġel ma jistabbilixxix l-orjentazzjoni omosesswali ta’ C. Fir-rigward tal-punti (i) u (ii), sa fejn id-deċiżjoni tal-Ministru hija bbażata fuq dawk il-punti, hija l-qorti nazzjonali, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk C ingħatax opportunità adegwata biex jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li d-dritt ta’ C għall-amministrazzjoni tajba jiġi rrispettat huwa importanti għall-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw li C kien informat bil-punti fejn elementi biex jissostanzjaw dak li qal instabu li kienu neqsin u li ngħata l-opportunità li jindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet. Fir-rigward ta’ (iii), jiena nikkunsidra li jmur kontra l-Artikoli 3 u 7 tal-Karta li l-awtoritajiet kompetenti jaċċettaw provi minn C ta’ film li jurih jagħmel att sesswali.

92.

Fl-aħħar nett nissuġġerixxi li jkun kemm mixtieq kif ukoll prudenti li jiġi żgurat li t-tliet applikanti jkollhom l-opportunità li jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni speċifika dwar il-kredibbiltà tagħhom matul l-istadju amministrattiv (jew il-proċedura tal-ewwel istanza), qabel ma tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet determinanti; u li l-uffiċjal li jagħmel id-determinazzjoni jew (preferibbilment) ikun ra l-imġiba tagħhom meta jirrakkontaw l-istejjer rispettivi tagħhom jew għall-inqas ikollu aċċess għall-informazzjoni li tindika kif ġabu ruħhom matul il-proċess tal-intervista.

Konklużjoni

93.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi li saru mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) f’dan is-sens:

Meta applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat magħmula skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004 (dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija) u evalwata skont ir-regoli fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005 (dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat), tkun ibbażata fuq it-talba li l-applikant jappartjeni għal grupp soċjali minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, dik l-applikazzjoni hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi għall-finijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83. L-iskop ta’ din l-evalwazzjoni huwa biex jiġi stabbilit jekk dak li jgħid l-applikant huwiex kredibbli; u meta jagħmlu l-eżami tagħhom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 7 tagħha.

Stqarrija mill-applikant dwar l-allegata orjentazzjoni sesswali tiegħu stess hija element importanti li għandu jitqies. Iżda, prattiki bħal eżamijiet mediċi, eżamijiet psewdomediċi, mistoqsijiet intrużivi dwar l-attivitajiet sesswali tal-applikant u l-aċċettazzjoni ta’ provi espliċiti li juru applikant qed jagħmel atti sesswali huma inkompatibbli mal-Artikoli 3 u 7 tal-Karta; u mistoqsijiet ġenerali minn awtoritajiet kompetenti bbażati fuq fehmiet stereotipiċi tal-omosesswali huma inkonsistenti mal-evalwazzjoni tal-fatti dwar individwu partikolari meħtieġ mill-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2004/83/KE.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Kwalifikazzjoni”); ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, iktar ’l isfel. Dik id-direttiva kienet irriformulata u mħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9), b’seħħ mill-21 ta’ Diċembru 2013.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 175M, 29/06/2006, p. 168) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Proċeduri”); ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, iktar ’l isfel. Dik id-direttiva kienet irriformulata u mħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60) b’seħħ mill-21 ta’ Lulju 2015.

( 4 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Ġinevra, fit-28 ta’ Lulju 1952 [Is-Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din ġiet issupplimentata bi Protokoll Dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967. Ser nirriferi għall-Konvenzjoni u l-Protokoll flimkien bħala l-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.

( 5 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 6 ) Id-drittijiet irrevokabbli skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB huma d-dritt għall-ħajja (l-Artikolu 2), il-projbizzjonijiet kontra t-tortura u l-iskjavitù u x-xogħol forzat (rispettivament l-Artikoli 3 u 4) u d-dritt tal-individwu li ma jingħatax piena jekk mhux skont il-liġi (l-Artikolu 7).

( 7 ) ĠU 2010 C 83, p. 389.

( 8 ) Ara wkoll, il-punt 78 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 83 iktar ’l isfel.

( 9 ) Ara l-premessa 3 fil-preambolu tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 10 ) Ara l-premessa 10 u l-premessa 8 fil-preamboli tad-Direttivi tal-Kwalifikazzjoni u tal-Proċeduri rispettivament.

( 11 ) Ara l-premessa 11 u l-premessa 9 fil-preamboli tad-Direttivi tal-Kwalifikazzjoni u tal-Proċeduri rispettivament.

( 12 ) Ara l-premessa 8 fil-preambolu għal u l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni, u l-premessa 7 fil-preambolu għal u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Proċeduri.

( 13 ) Apparti mid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u d-Direttiva tal-Proċeduri, ara d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162); id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101); u tliet miżuri magħrufa bħala “s-sistema ta’ Dublin” (ir-Regolamenti Dublin u EURODAC), b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109). Dan ir-regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz. Ġew miftiehma regoli ġodda dwar is-SEKA fl-2013. Jiena indikajt il-miżuri li jissostitwixxu d-Direttivi tal-Kwalifikazzjoni u tal-Proċeduri fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 2 u 3 rispettivament. Ma elenkajtx il-miżuri ġodda rimanenti għaliex dawk l-istrumenti ma humiex direttament rilevanti hawnhekk.

( 14 ) Ara l-premessi 1 sa 4, 6, 7, 8, 10, 11 u 17 fil-preambolu tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 15 ) Artikolu 9(1).

( 16 ) Artikolu 9(2).

( 17 ) Artikolu 9(3).

( 18 ) Ir-raġunijiet għall-persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10 jinkludu l-kunċetti ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità u opinjoni politika.

( 19 ) Ara l-preamboli 2, 3, 5, 7, 8, 10, 13 u 22 fil-preambolu tad-Direttiva tal-Proċeduri.

( 20 ) Artikolu 3(1).

( 21 ) Artikolu 4(1).

( 22 ) Artikolu 8(2).

( 23 ) Artikolu 13(1), (2) u (3).

( 24 ) Artikolu 13(3)(a) u (b).

( 25 ) Artikolu 14(1) u (2).

( 26 ) Artikolu 14(3).

( 27 ) Artikolu 15(1).

( 28 ) Artikolu 23(2).

( 29 ) Artikolu 39(1)(a).

( 30 ) Ir-regoli nazzjonali jinsabu fl-Artikolu 31(1) tal-Vreemdelingenwet 2000 (Liġi dwar Ċittadini Barranin 2000), fl-Artikolu 3.111 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (Digriet dwar Ċittadini Barranin 2000) u fl-Artikolu 3.35 tal-Voorschrift Vreemdelingen 2000 (Regolament dwar Ċittadini Barranin 2000). Gwida fuq dawn id-dispożizzjonijiet tinsab fil-Vreemdelingencirculaire 2000 (Ċirkulari dwar Ċittadini Barranin 2000), b’mod partikolari l-paragrafi C2/2.1, C2/2.1.1, u C14/2.1 sa C14/2.4.

( 31 ) Kawżi magħquda C‑71/11 u C‑99/11 Y u Z, EU:C:2012:518, dwar il-kunċett ta’ konvinzjoni reliġjuża skont l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 32 ) Kawżi magħquda C‑199/12, C‑200/12 u C‑201/12 X, Y u Z, EU:C:2013:720.

( 33 ) Ara r-rapport “Fleeing homophobia — asylum claims related to sexual orientation and gender identity in Europe”, ippubblikat minn Sabine Jansen u Thomas Spijkerboer (iktar ’il quddiem “Fleeing homophobia”).

( 34 ) Kawżi magħquda C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08 Salahadin Abdulla et, EU:C:2010:105, punt 52; sentenza Y u Z, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 iktar ’il fuq, punt 47; u sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 39.

( 35 ) Sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 40. Ara wkoll l-Artikolu 10 tal-Karta.

( 36 ) Ara l-premessi 2, 3, 5, 7 u 8 fil-preamboli tad-Direttiva tal-Proċeduri u l-Artikolu 1 tagħha. Ara wkoll, il-Kawża C‑69/10 Samba Diouf, EU:C:2011:524, punt 34.

( 37 ) Ara l-ġurisprudenza stabbilita li tmur lura għall-Kawża 33/76 Rewe Zentralfinanz, EU:C:1976:188, punt 5; iktar reċenti, ara l-Kawża C‑432/05 Unibet, EU:C:2007:163, punt 39.

( 38 ) Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.

( 39 ) Sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 46 u 47.

( 40 ) Sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 67 sa 69.

( 41 ) Sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 42 ) Sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 43 ) Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 44 ) Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 45 ) Artikoli 2(c) u 9 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 46 ) Kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti ta’ Strasbourg”).

( 47 ) Sa fejn għandu x’jaqsam l-intervent (ta’ għajnuna) tal-UNHCR, ninnota li l-paragrafu 7 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-protezzjoni internazzjonali Nru 9 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-UNHCR”) jirreferi għall-Prinċipji Yogyakarta dwar l-Applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem Internazzjonali fir-rigward tal-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru (iktar ’il quddiem il-“Prinċipji Yogyakarta”, adottati fl-2007. Il-Prinċipji Yogyakarta ma humiex vinkolanti legalment, imma madankollu jirriflettu prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali. Fil-paragrafu 4 tal-preambolu tal-Prinċipji Yogyakarta, “orjentazzjoni sesswali” tirreferi għall-“kapaċità ta’ persuna għal affezzjoni emottiva profonda u ġibda sesswali għal, u relazzjonijiet sesswali intimi ma’ individwi ta’ sess differenti jew tal-istess sess jew iktar minn sess wieħed”

( 48 ) Il-Qorti ta’ Strasbourg ittrattat numru ta’ każijiet dwar diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali fl-isfera tal-ħajja privata u familjari; ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, X et vs L-Awstrija [GC], Nru 19010/07, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, KEDB 2013, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 KEDB waħdu u din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 14 KEDB.

( 49 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.

( 50 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Van Kück vs Il-Ġermanja, Nru 35968/97, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk, KEDB 2003‑VII.

( 51 ) Sentenza Van Kück vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq, punti 69 u 73 sa 75.

( 52 ) Ara, pereżempju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Christine Goodwin vs Ir-Renju Unit [GC], Nru 28957/95, KEDB 2002-VI, u s-sentenza Van Kück vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, iktar ’il fuq. Fil-każ Goodwin il-kwistjoni kienet jekk, meta naqas li jirrikonoxxi t-tibdil tas-sess tal-applikant, ir-Renju Unit kienx naqas milli jikkonforma ma’ ċerti obbligi biex jiġu żgurati, b’mod partikolari, id-drittijiet tagħha għall-ħajja privata. Ir-rikorrenti fil-każ Van Kück allegat li deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi u l-proċeduri relatati li ċaħdu t-talbiet tagħha għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi magħmulin għal miżuri tat-tibdil tas-sess kienu jiksru, inter alia, id-dritt għall-ħajja privata peress li l-qrati kienu jeħtieġu provi li juru li t-tibdil tas-sess kien l-uniku trattament possibbli għall-kundizzjoni tagħha.

( 53 ) Ara l-premessa 11 fil-preambolu tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u fl-Artikolu 21 tal-Karta.

( 54 ) L-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(1) huma elenkati fid-dettall fl-Artikolu 4(2), ara l-punt 9 iktar ’il fuq. Ara wkoll il-Kawża C‑277/11 M.M., EU:C:2012:744, punt 73.

( 55 ) Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni. Ara wkoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Proċeduri.

( 56 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

( 57 ) Ara l-punti 60 u 61 iktar ’l isfel.

( 58 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza F.N. et vs L-Isvezja, Nru 28774/09, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, tat-18 ta’ Diċembru 2012.

( 59 ) Fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 60 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza M.K.N. vs l-Isvezja, Nru 72413/10, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, tas-27 ta’ Ġunju 2013.

( 61 ) Sentenza Salahadin Abdulla et, EU:C:2010:105, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, iktar ’il fuq, punt 90.

( 62 ) Ara, pereżempju, il-Kawża C‑93/12 Agrokonsulting, EU:C:2013:432, punt 36.

( 63 ) L-applikanti jirreferu għall-Artikoli 1, 3, 4 (id-drittijiet irrevokabbli), 7, 18, 19, 21 u 41 tal-Karta.

( 64 ) Artikolu 1 tagħha.

( 65 ) L-ICD-9 (1977) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa elenkat l-omosesswalità bħala marda mentali; din tneħħiet mill-ICD-10, approvata mit-Tlieta u Erbgħin Assemblea Dinjija tas-Saħħa fis-17 ta’ Mejju 1990. Il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD) hija għodda dijanjostika standard għall-epidemjoloġija, għall-ġestjoni tas-saħħa u għall-għanijiet kliniċi).

( 66 ) L-Artikolu 7 moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

( 67 ) Testijiet mediċi applikati mingħajr il-kunsens tal-applikant jistgħu jiksru l-Artikoli 1 u 4 tal-Karta. B’mod ċar ikunu inkompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni billi huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni. Fil-kawża tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Jalloh vs Il-Ġermanja [GC], Nru 54810/00, KEDB 2006-IX, il-Qorti ta’ Strasbourg spjegat il-prinċipji ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB (li jikkorrispondi mal-Artikolu 4 tal-Karta) fir-rigward ta’ kif isiru eżamijiet mediċi. It-trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ severità jekk ser japplika għalih l-Artikolu 3. Dik tkun evalwazzjoni relattiva; jiddipendi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u hija suġġetta għal oneru ogħla ta’ prova, lil hinn minn kull dubju raġonevoli (ara l-punt 67). Il-Qorti ta’ Strasbourg qieset ukoll fl-evalwazzjoni tagħha jekk l-għan tat-trattament mediku huwiex biex il-persuna kkonċernata tiġi umiljata jew iddegradata (ara iktar ’il quddiem il-paragrafi 68 u 69 sa 74).

( 68 ) L-ittestjar fallometriku jiffoka fuq ir-reazzjoni fiżika tas-suġġett għall-pornografija li tista’ tinkludi materjal eterosesswali jew omosesswali (irġiel jew nisa). Ara wkoll il-paragrafu 6.3.5 tar-rapport “Fleeing homophobia”, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq.

( 69 ) Apparti minn dawk l-atti kkunsidrati li huma kriminali skont id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, ara l-punt 67. Ara wkoll il-punt 34 iktar ’il fuq.

( 70 ) Ara s-sentenza X, Y u Z, EU:C:2013:720, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq, punt 68.

( 71 ) Ara l-Artikolu 3(2)(a) tal-Karta.

( 72 ) L-għan ta’ din id-direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi dwar proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti jew l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, ara l-Artikolu 1.

( 73 ) L-“awtorità determinanti” tidħol fit-terminu “awtoritajiet kompetenti” fid-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.

( 74 ) Ir-rekwiżiti għal dak l-eżami huma stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(a) sa (c) tad-Direttiva tal-Proċeduri. Ara wkoll l-Artikoli 9 sa 11 ta’ din id-direttiva dwar ir-rekwiżiti għal deċiżjoni tal-awtorità determinanti, garanziji għall-applikanti u l-obbligi tal-applikanti.

( 75 ) Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Proċeduri.

( 76 ) Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Proċeduri.

( 77 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenza M.M, EU:C:2012:253, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq, punt 59.

( 78 ) Ara pereżempju, il-Kawża 199/82 San Giorgio, EU:C:1983:318, punt 14, dwar regoli nazzjonali li ħtieġu prova li effettivament għamluha impossibbli li jkun hemm ħlas lura ta’ imposti miġburin bi ksur tad-dritt ta’ dik li kienet il-Komunità. F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ effettività jipprojbixxi Stat Membru milli jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-UE impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli; ara l-Kawża C‑591/10 Littlewoods Retail Ltd et, EU:C:2012:478, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 79 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza J.H. vs Ir-Renju Unit, Nru 48839/09, punt 50, tal-20 ta’ Diċembru 2011, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 80 ) Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni moqri flimkien mad-Direttiva tal-Proċeduri.

( 81 ) EU:C:2012:744, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq.

( 82 ) Sentenza M.M., EU:C:2012:744, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq, punti 83 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 83 ) Sentenza M.M., EU:C:2012:744, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq, punt 87. Artikolu 41 tal-Karta huwa, bħala tali, indirizzat biss lill-istituzzjonijiet tal-UE u mhux lill-Istati Membri; ara, pereżempju, il-Kawża C‑482/10 Cicala, EU:C:2011:868, punt 28. Madankollu, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.M., l-Istati Membri huma suġġetti għall-prinċipji ġenerali sanċiti f’din id-dispożizzjoni.

( 84 ) Kawżi magħquda C‑447/08 u C‑448/08 Sjöberg and Gerdin, EU:C:2010:415, punt 45.

( 85 ) Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva tal-Kwalifikazzjoni.