KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑140/13
Annett Altmann,
Torsten Altmann,
Hans Abel,
Doris Anschütz,
Heinz Anschütz,
Simone Arnold,
Barbara Assheuer,
Ingeborg Aubele,
Karl-Heinz Aubele
vs
Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja)]
“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2004/39/KE — Artikolu 54(1) u (2) — Obbligu ta’ sigriet professjonali tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji — Impriża ta’ investiment frawdolenti falluta jew fi stralċ — Effett fuq is-sigriet professjonali — Żvelar ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali bil-kundizzjoni li dan ikun neċessarju għall-iżvolġiment tal-proċedura”
I – Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar is-sigriet professjonali. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-investituri leżi ( 2 ) u l-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (Uffiċċju federali għas-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“BaFin”) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, tad-9 ta’ Ottubru 2012, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti u informazzjoni dwar Phoenix Kapitaldienst GmbH Gesellschaft für die Durchführung und Vermittlung von Vermögensanlagen (iktar ’il quddiem “Phoenix”). |
2. |
Għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, tliet direttivi ġew espressament identifikati fid-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri d-Direttivi 2004/109/KE ( 3 ), 2006/48/KE ( 4 ) u 2009/65/KE ( 5 ). Madankollu, matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġie ppreċiżat li l-unika dispożizzjoni li teħtieġ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja hija l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE ( 6 ). |
3. |
Fil-fatt, fil-kuntest tal-funzjonijiet li huma jwettqu fuq il-bażi ta’ direttivi differenti, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tas-settur finanzjarju jirċievu minjiera ta’ informazzjoni mill-istabbilimenti li huma taħt superviżjoni. Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija jekk l-investituri jistax ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni, wara li impriża ta’ investiment frawdolenti tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun tqiegħdet fi stralċ obbligatorju. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi ppreċiżat taħt liema kundizzjonijiet “jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment”. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 2004/39
4. |
L-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2004/39 dwar “Is-Segretezza professjonali” jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skond l-Artikolu 48(2), kif ukoll l-awdituri u l-esperti mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, jkunu marbuta l-obbligu tas-segretezza professjonali. Ma jista’ jiġi żvelat l-ebda tagħrif li jistgħu jirċievu fil-kors tad-dmirijiet tagħhom lill-ebda persuna jew awtorità, ikunu xi jkunu, għajr f’għamla sommarja u aggregata hekk li d-ditti individwali tal-investiment jew kull persuna oħra ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva. 2. Meta ditta tal-investment, operatur tas-suq jew suq regolat ikunu ġew iddikjarati falluti, jew jagħlqu l-kummerċ [stralċ] bil-fors, jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment.” |
B – Id-dritt Ġermaniż
5. |
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ġermaniż jinsabu fi:
|
III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
6. |
Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li nbdiet proċedura kollettiva ta’ arranġament mal-kredituri fil-konfront ta’ Phoenix b’deċiżjoni tal-Amtsgericht Frankfurt am Main (Qorti kantonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tal-1 ta’ Lulju 2005. Din il-kumpannija ġiet xolta f’dak iż-żmien u issa tinsab fi stralċ ġudizzjarju. Il-mudell kummerċjali tal-kumpannija kien li jiffroda l-investituri. Madwar 30 000 investitur kienu leżi, b’dannu li jammonta għal EUR 600 miljun. |
7. |
B’sentenza tal-Landgericht Frankfurt am Main (Qorti reġjonali ta’ Frankfurt am Main), mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2006, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali żewġ membri tal-eżekuttiv preċedenti ta’ din il-kumpannija nstabu ħatja ta’ abbuż ta’ fiduċja u ta’ frodi għal investimenti u kienu kkundannati rispettivament għal seba’ snin u erba’ xhur u għal sentejn u tliet xhur priġunerija. |
8. |
Fil-21 ta’ Mejju 2012, il-konjuġi Altmann invokaw quddiem il-BaFin l-Artikolu 1 tal-IFG ( 10 ) sabiex ikunu jistgħu jikkonsultaw dokumenti dwar Phoenix, bħar-rapporti tal-awdituri, il-kuntratti, in-noti tal-fajl, il-kummenti interni, il-korrispondenza rilevanti kif ukoll ir-rapporti ta’ attività u ta’ ġestjoni tal-fondi ta’ kumpens tal-kumpanniji ta’ investiment. It-talba ma kienet tinvolvi la sigrieti kummerċjali, la sigrieti tan-negozju ta’ terzi u lanqas informazzjoni suġġetta għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità. |
9. |
B’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2012, il-BaFin laqgħat fil-parti l-kbira t-talba għal informazzjoni. Madankollu, hija rrifjutat li r-rikorrenti jikkonsultaw ir-rapport speċjali ta’ verifika tal-31 ta’ Marzu 2002 imħejji minn Ernst & Young, kif ukoll ir-rapporti tal-awdituri ta’ Phoenix (kemm ir-rapporti għas-snin finanzjarji 1998 sa 2005 jew rapporti oħra), il-kummenti interni, ir-rapporti, il-korrispondenza, id-dokumenti, il-ftehimiet, il-kuntratti, in-noti tal-fajl u l-korrispondenza relatata ma’ Phoenix bejn l-1992 u l-2005, kif ukoll il-kummenti interni kollha u l-korrispondenza stabbilita jew magħmula wara l-komunikazzjoni tar-rapport ta’ verifika ta’ Ernst & Young iċċitat ’il fuq. |
10. |
Il-BaFin ċaħdet dawn it-talbiet fuq il-bażi li l-għoti tal-aċċess għad-dokumenti mitluba jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-missjoni tagħha ta’ kontroll u ta’ superviżjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tal-IFG. Il-BaFin tqis, barra minn hekk, li l-obbligi ta’ kunfidenzjalità previsti fl-Artikoli 9 tal-KWG u 8 tal-WpHG jipprojbixxu l-aċċess għall-informazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tal-IFG ( 11 ). |
11. |
Fil-21 ta’ Awwissu 2012, il-konjuġi Altmann ippreżentaw rikors amministrattiv kontra dan ir-rifjut. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2012, il-BaFin ċaħdet dan ir-rikors. Minbarra r-raġunijiet għar-rifjut diġà ċċitati fid-deċiżjoni oriġinali, il-BaFin ikkunsidrat li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u s-sigrieti tan-negozju, kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali, jipprekludu kull aċċess għall-informazzjoni mitluba. |
12. |
Fit-12 ta’ Novembru 2012, il-konjuġi Altmann ippreżentaw rikors kontenzjuż quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (Qorti amministrattiva ta’ Frankfurt am Main), il-qorti tar-rinviju, kontra d-deċiżjoni tal-BaFin. Il-qorti tar-rinviju, bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2012, ordnat lill-BaFin tagħti aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba, minkejja l-obbligu speċifiku ta’ kunfidenzjalità dovut mill-BaFin skont l-Artikolu 9 tal-KWG. |
13. |
Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, f’kawża li tikkonċerna wkoll l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-BaFin fir-rigward ta’ Phoenix, il-qorti tar-rinviju, bid-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2008, iddeċidiet li dritt għall-informazzjoni jeżisti wkoll, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-IFG, meta l-għan ta’ protezzjoni kopert mill-Artikoli 9 tal-KWG u 8 tal-WpHG ma jimponux iktar il-bżonn ta’ kunfidenzjalità. Għalhekk, hija ddikjarat li ma kien hemm l-ebda interess leġittimu sabiex is-sigrieti kummerċjali u s-sigrieti tan-negozju ta’ din il-kumpannija jibqgħu kunfidenzjali peress li l-informazzjoni mitluba tikkonċerna atti sanzjonabbli kriminalment jew ksur ieħor serju tad-dritt. |
14. |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’każ bħal dak f’din il-kawża, ma huwiex neċessarju li jiġu protetti l-interessi ta’ Phoenix u għalhekk huwa possibbli, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li tirrinunzja għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità prevista fl-Artikoli 9 tal-KWG u 8 tal-WpHG. |
15. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
|
16. |
It-talba għal proċedura mħaffa ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet miċħuda b’digriet tat-28 ta’ Ġunju 2013. |
17. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-BaFin, mill-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Elleniku u Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
18. |
Wara talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju, b’ittra ppreżentata fid-19 ta’ Mejju 2014, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-deċiżjoni tagħha li tirtira l-ewwel domanda u pprovdiet informazzjoni supplimentari dwar, b’mod partikolari, in-natura tal-attività ta’ Phoenix u r-rilevanza tad-Direttiva 2004/39. |
19. |
Matul is-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2014 kienu rrappreżentati l-konjuġi Altmann, Frank Schmitt, bħala likwidatur ta’ Phoenix, il-Gvern Ġermaniż u Elleniku, kif ukoll il-Kummissjoni. |
IV – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
20. |
Mill-ewwel, f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’din il-kawża, infakkar li tliet direttivi kienu msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri d-Direttivi 2004/109, 2006/48 u 2009/65. Madankollu, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u insegwitu għall-osservazzjonijiet bil-miktub riċevuti minnha u l-mistoqsija tagħha, il-qorti tar-rinviju kkonfermat, minħabba fin-natura tal-attivitajiet ta’ Phoenix, ir-rilevanza tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. |
21. |
Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, Phoenix eżerċitat l-attivitajiet kummerċjali tagħha mis-26 ta’ Marzu 1998 fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa bis-saħħa tal-Artikolu 64e(2) tal-KWG. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 32 tal-KWG, li Phoenix kienet teħtieġ fir-rigward tal-mandati ta’ ġestjoni li kienet twettaq kif ukoll tal-attivitajiet tagħha ta’ ġestjoni ta’ portafoll, kienet meqjusa li nħarġet fil-każ li l-istabbiliment ta’ kreditu li, fl-1 ta’ Jannar 1998, kien regolarment jeżerċita l-attivitajiet tagħha mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-BaFin, kien ikun iddikjara, mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1998, li kien qed jeżerċita attivitajiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni skont il-KWG u li għandu l-intenzjoni jkompli b’dan. F’din il-kawża, dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti. Għalhekk, il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni espressa mill-BaFin ma kinitx meħtieġa. |
22. |
Nosserva f’dan ir-rigward li d-Direttiva 2004/39 tapplika għall-impriżi ta’ investiment u għas-swieq li huma rregolati ( 13 ). Għall-finijiet tad-Direttiva 2004/39, it-terminu “impriża ta’ investiment” għandha tfisser kull persuna ġuridika li x-xogħol jew l-attività regolari tagħha jikkonsisti fil-provvista ta’ servizz ta’ investiment wieħed jew iktar lil terzi u/jew fl-eżerċizzju ta’ attività ta’ investiment waħda jew iktar fuq bażi professjonali ( 14 ). Is-“servizzi u attivitajiet ta’ investiment” jinkludu s-servizzi kollha u l-attivitajiet kollha elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva u jirrigwardaw kull strument elenkat fit-Taqsima Ċ tal-istess anness ( 15 ), u b’mod partikolari r-riċezzjoni u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet fuq strument finanzjarju wieħed jew iktar, il-kummerċ f’ismu stess, il-ġestjoni tal-portafoll u servizzi ta’ pariri għal investimenti fuq it-tranżazzjonijiet kummerċjali, l-istrumenti tas-suq monetarju u l-kuntratti l-oħra dderivati li jirrigwardaw tranżazzjonijiet kummerċjali, flus, interessi jew rendimenti jew strumenti oħra dderivati, indiċijiet finanzjarji jew miżuri finanzjarji li jistgħu jiġu solvuti b’mod fiżiku jew fi flus. |
23. |
Il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll l-istess qorti tar-rinviju, jidhru li jaqblu dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/39 għall-attivitajiet ta’ Phoenix bħala impriża ta’ investiment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li wieħed jiffoka din l-analiżi fuq din id-direttiva, minkejja li din ma ġietx imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 16 ). Għalhekk, huwa meħtieġ li t-tieni domanda preliminari tiġi analizzata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. |
24. |
Il-fatt li d-Direttiva li għandha tiġi interpretata ġiet issostitwita wara n-notifika tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jikkawżax, f’din il-kawża, problema insormontabbli lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din irċeviet informazzjoni supplimentari fl-osservazzjonijiet bil-miktub u tweġiba għall-mistoqsijiet indirizzati lill-qorti tar-rinviju. Bl-istess mod, peress li t-tweġiba għat-talba għall-kjarifika riċevuta bis-saħħa tal-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura ġiet innotifikata lill-partijiet ikkonċernati bis-saħħa tal-paragrafu 2 tiegħu, l-Istati Membri kollha kellhom il-possibbiltà li jassistu għas-seduta sabiex jesprimu ruħhom dwar l-osservazzjonijiet bil-miktub kollha sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jew li jitolbu l-organizzazzjoni ta’ seduta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm ebda raġuni għalfejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi kkontestat fit-termini tal-kriterju tal-effettività tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 17 ). |
25. |
Il-qorti tar-rinviju ddeskriviet il-mudell kummerċjali ta’ Phoenix bħala li jikkonsisti fi frodi fuq skala kbira. Fid-dawl tal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fis-seduta, nemmen li dan il-fatt ma huwiex suxxettibbli li jaffettwa l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/39 f’din il-kawża, mill-fatt li Phoenix kienet awtorizzata bħala impriża ta’ investiment u bħala tali taħt superviżjoni mill-BaFin. |
26. |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tad-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata, għandu jiġi kkonstatat li “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” huma msemmija darbtejn bħala eċċezzjonijiet fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, b’mod iktar speċifiku fil-paragrafi 1 u 3 ( 18 ). |
27. |
Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet, li huma bħala prinċipju dejjem applikabbli, kuntrarjament għal dak previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, huma maħsuba sabiex jagħmlu possibbli l-investigazzjonijiet u l-proċeduri kriminali fi kwalunkwe mument, anki matul l-eżerċizzju tal-attivitajiet normali tal-impriża ta’ investiment, u għalhekk jippermettu lill-awtorità ta’ superviżjoni li tiżvela informazzjoni għall-finijiet ta’ tali proċeduri. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex eskluż li l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ wkoll, fil-każijiet koperti mid-dritt kriminali, tiżvela informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali għall-pubbliku, pereżempju sabiex tikkalma s-swieq f’sitwazzjoni fejn ikun hemm xniegħat li kumpannija taħt superviżjoni mill-awtorità hija implikata f’attivitajiet kriminali. |
28. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat minn qorti amministrattiva fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva dwar aċċess għall-informazzjoni u dokumenti miżmuma minn awtorità marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-proċeduri kriminali kienu konklużi qabel l-introduzzjoni tal-kawża prinċipali. Għalhekk, l-għan tat-talba għal informazzjoni u ta’ dokumenti ma huwiex li jużaw dawn għall-finijiet tal-proċeduri kriminali u, fil-fatt, taħt id-dritt kriminali “l-kawża Phoenix” ma tidhirx li għada fis-seħħ. |
29. |
Għalhekk, l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, imsemmija fl-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39 ma jidhirx li japplikaw f’din il-kawża. Minħabba fl-inapplikabbiltà tal-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu dwar l-iskambju u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-użu ta’ dawn ( 19 ), hemm lok li wieħed jiffoka fuq l-interpretazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni. |
B – Fuq l-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2004/39
1. L-obbligu ta’ sigriet professjonali u tad-dritt ta’ żvelar
30. |
L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jirrigwarda, skont it-titolu tiegħu, is-sigriet professjonali. Il-paragrafu 1 jistabbilixxi l-prinċipju bażiku u kjarifiki sussegwenti huma indikati fil-paragrafi 2 sa 5 tagħha. |
31. |
L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jistabbilixxi l-obbligi dwar is-sigriet. Dawn l-obbligi huma fformulati b’mod imperattiv. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet, dawn huma fformulati b’mod fakultattiv ( 20 ). Fi kliem ieħor, dan l-artikolu jipprovdi ċerti sitwazzjonijiet li fihom l-iżvelar huwa permess, iżda ma jippreċiżax jekk l-awtoritajiet għandhom obbligu legali li jiżvelaw is-sigrieti, jew sa liema punt huma obbligati jagħmlu dan. |
32. |
Fil-fatt, l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jirreferi biss għas-sitwazzjonijiet fejn l-iżvelar huwa awtorizzat permess tad-dritt tal-Unjoni. L-eżistenza ta’ obbligu legali ta’ żvelar jista’ biss ikun ibbażat fuq dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, bħal, pereżempju, l-Artikolu 3 tal-IFG jew dispożizzjoni proċedurali li tobbliga lill-awtorità ta’ superviżjoni tixhed fi proċeduri ċivili jew kummerċjali. Madankollu, obbligu ta’ żvelar impost fuq l-awtorità ta’ superviżjoni jista’ jiġi stabbilit jew applikat biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali sa fejn l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jippermetti dan. |
33. |
Minn dan jirriżulta li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti ma tistax tkun ibbażata fuq kunsiderazzjoni tar-raġunijiet favur u kontra l-iżvelar tal-informazzjoni u tad-dokumenti mitluba f’din il-kawża. Din il-kunsiderazzjoni trid issir mill-awtorità ta’ superviżjoni jew mill-qorti nazzjonali kompetenti, sa fejn dan l-iżvelar huwa possibbli skont l-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa biss li tiddetermina l-limiti li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jistabbilixxi għall-iżvelar tal-informazzjoni mill-awtorità ta’ superviżjoni jew, b’mod iktar preċiż, li tiddetermina l-ewwel nett il-portata tas-sigriet professjonali f’din il-kawża u li barra minn hekk tiddefinixxi l-kuntest li fih eċċezzjoni għas-sigriet professjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni huwa possibbli. Naturalment, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandu, bħala eċċezzjoni, jiġi interpretat b’mod restrittiv. |
2. It-tliet tipi ta’ obbligu ta’ kunfidenzjalità
34. |
Skont l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, l-informazzjoni kunfidenzjali riċevuta fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ awtorità kompetenti taħt din id-direttiva huma l-għan stess tas-sigriet professjonali. Din id-direttiva ma tagħti ebda definizzjoni iktar dettaljata ta’ din l-informazzjoni u lanqas definizzjoni tal-kunċett ta’ sigriet professjonali meta mqabbel ma’ kunċetti bħas-sigrieti tan-negozju, is-sigrieti kummerċjali jew obbligi oħrajn ta’ kunfidenzjalità li kienu s-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). |
35. |
Fil-fehma tiegħi, l-informazzjoni disponibbli għal awtorità ta’ superviżjoni tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji, imsemmija fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 u għalhekk koperti mis-“sigriet professjonali”, huma suxxettibbli li jkunu suġġetti għal tipi differenti ta’ kunfidenzjalità. |
36. |
Fl-ewwel lok, hemm l-informazzjoni koperta mis-sigriet “bankarju”, li tkopri r-relazzjonijiet bejn l-istitut ta’ kreditu, l-impriża ta’ investiment jew kull impriża finanzjarja oħra u l-klijenti u l-kontraenti tagħha ( 22 ). Fil-fehma tiegħi, ir-riferimenti għat-“tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi” fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39, jirrigwardaw din il-kategorija ta’ informazzjoni kunfidenzjali. |
37. |
Fit-tieni lok, hemm l-informazzjoni protetta mis-“sigriet kummerċjali” tal-istabbilimenti taħt superviżjoni. Dan jirrigwarda sigrieti tan-negozju u sigrieti kummerċjali li huma speċifiċi għall-istituzzjoni ta’ kreditu, għall-impriża ta’ investiment jew għal kull impriża finanzjarja oħra inkwistjoni. Huwa evidenti li l-fiduċja li l-awtoritajiet kompetenti neċessarjament għandu jkollhom fl-entitajiet taħt superviżjoni teħtieġ li tali sigrieti jkunu koperti b’obbligu ta’ sigriet professjonali vinkolanti għall-awtoritajiet. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għas-superviżjoni ma tkunx ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr retiċenza jew reżistenza. |
38. |
Fit-tielet lok, hemm l-informazzjoni li tirriżulta mis-sigriet impost fuq l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, sigriet imsejjaħ “ta’ prudenza”, impost fuq l-awtorità ta’ superviżjoni tas-settur finanzjarju u l-persuni li jaħdmu hemmhekk ( 23 ). Din il-kategorija tinkludi wkoll b’mod partikolari metodi ta’ superviżjoni applikati mill-awtoritajiet kompetenti, il-komunikazzjonijiet u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti differenti kif ukoll bejniethom u l-entitajiet taħt superviżjoni, u kull informazzjoni oħra mhux pubblika oħra dwar l-istat tas-swieq taħt superviżjoni kif ukoll it-tranżazzjonijiet li jsiru. |
39. |
F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-awtorità ta’ superviżjoni hija obbligata li tirrispetta dawn it-tliet tipi ta’ obbligi ta’ kunfidenzjalità. Madankollu, il-kundizzjonijiet li fihom huwa possibbli li ssir deroga huma differenti ( 24 ). |
40. |
L-ewwel nett, id-deroga prevista fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39 ma tippermettix l-iżvelar tas-sigrieti dwar terzi. Ninnota wkoll li t-talba ppreżentata fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija intiża għal dan it-tip ta’ informazzjoni. |
41. |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda s-sigrieti ta’ prudenza tal-awtorità kompetenti, inqis li l-BaFin irrifjutat it-talbiet tal-konjuġi Altmann prinċipalment fuq il-bażi li l-għoti tal-aċċess għad-dokumenti mitluba jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-missjoni tagħha ta’ kontroll u ta’ superviżjoni. |
42. |
Madankollu, jidhirli li t-tieni domanda preliminari fir-realtà ma tikkonċernax is-sigrieti msejħa ta’ prudenza, iżda tittratta biss il-kwistjoni dwar jekk is-sigriet professjonali ta’ awtorità ta’ superviżjoni kompetenti tapplika għas-sigrieti tan-negozju u għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriża ta’ investiment li tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun tqiegħdet fi stralċ obbligatorju u li l-attività tagħha tikkonsisti f’atti sanzjonabbli kriminalment jew ksur ieħor serju tad-dritt. Huwa għalhekk dan l-aħħar każ li ser nanalizza iktar ’l isfel. |
3. Fuq il-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju ta’ kumpannija frawdolenti ddikjarata falluta jew fi stralċ obbligatorju
43. |
F’dak li jirrigwarda s-sigrieti tan-negozju jew is-sigrieti kummerċjali jew is-sigrieti l-oħra tan-negozju, huwa ċar li l-interess fil-protezzjoni tagħhom jista’ jonqos, u dan, b’mod ġenerali, mal-waqfien tal-attivitajiet tal-impriża inkwistjoni. Madankollu, dan l-interess fil-protezzjoni jibqa’ intatt għas-sigrieti li għandhom valur kummerċjali u li l-valur ekonomiku tiegħu jista’, bħala parti mill-assi tal-istabbiliment, jintlaħqu f’stralċ. |
44. |
Il-likwidatur responsabbli għall-istralċ ta’ Phoenix enfasizza fis-seduta li din il-kumpannija tibqa’, minkejja l-istralċ tagħha, proprjetarja tal-beni u tad-drittijiet tal-assi tagħha għall-perijodu sussegwenti għall-proċedura kollettiva ta’ arranġament mal-kredituri. Kumpannija frawdolenti fi stralċ ġudizzjarju jista’ jkollha sigrieti tan-negozju u sigrieti kummerċjali li għandhom jiġu protetti bħall-opportunitajiet ta’ negozju, ta’ programmi informatiċi jew ta’ informazzjoni dwar l-istruttura tal-kummerċjalizzazzjoni. |
45. |
Nemmen ukoll li kumpannija ta’ investiment falluta jew fi stralċ ġudizzjarju jista’ jkollha informazzjoni li tkun ta’ natura ta’ sigrieti tan-negozju jew kummerċjali, li l-kunfidenzjalità tagħha fi ħdan l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti hija protetta bis-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39. Madankollu, matul dan il-perijodu, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità huwa ħafna inqas b’saħħtu milli kien ikun matul l-eżerċizzju tal-attivitajiet normali tal-impriżi taħt sorveljanza. Fil-fatt, l-istruttura tal-Artikolu 54 diġà turi li s-sigriet professjonali jeżisti f’forma mdgħajfa fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji għaliex, inkella, l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tkun inutli. |
46. |
Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata min-natura frawdolenti tal-attivitajiet tal-kumpannija kkonċernata. Dan l-aspett jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39 f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ żvelar jew le tal-informazzjoni, iżda ma jeliminax l-applikabbiltà tas-sigriet professjonali previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Fil-każ ta’ kumpannija ta’ investiment falluta jew fi stralċ ġudizzjarju, dan is-sigriet professjonali fir-realtà jipproteġi l-interessi ekonomiċi kollettivi tal-kredituri u tal-investituri tal-kumpannija debitriċi li jitqiesu wkoll, fejn xieraq, li huma vittmi tal-ksur imwettaq mill-amministrazzjoni jew mill-membri tal-impriża kkonċernata. |
47. |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti, għandha tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda preliminari, fis-sens li awtorità ta’ superviżjoni bħall-BaFin tista’ tinvoka, fil-konfront ta’ persuna li talbitha aċċess għall-informazzjoni ta’ impriża ta’ investiment, l-obbligu għas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tikkjarifika l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. |
4. Il-kunċett ta’ “fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali” fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39
48. |
F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39, din hija eċċezzjoni definita sew, ifformulata b’dawn il-kliem: “Meta ditta ta’ l-investment, operatur tas-suq jew suq irregolat ikunu ġew iddikjarati falluti, jew jagħlqu l-kummerċ [stralċ] bil-fors, jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment” ( 25 ). |
49. |
Għalhekk, l-applikabbiltà ta’ dan il-paragrafu 2 teħtieġ l-ewwel nett li l-entità inkwistjoni, f’dan il-każ impriża ta’ investiment, tkun ġiet iddikjarata falluta jew tqiegħdet fi stralċ obbligatorju. Huwa f’każ bħal dan li l-ostakolu tal-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jista’ jitneħħa bis-saħħa tal-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, kif diġà nnotat, l-informazzjoni dwar terzi ma tistax tiġi żvelata fuq il-bażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-iżvelar għandu jsir “fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali” u l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata għandha tkun “meħtieġ[a] sabiex jitwettaq il-proċediment”. |
50. |
Għandu jiġi nnotat li l-applikabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni teħtieġ li l-impriża ta’ investiment, l-operatur tas-suq jew is-suq irregolat ikun ġie ddikjarat fallut jew jew li jkun tqiegħed fi stralċ obbligatorju. Fi kliem ieħor, din l-eċċezzjoni hija applikabbli biss meta l-affarijiet ikunu marru serjament ħażin u li l-entità tkun waqfet l-attivitajiet normali tagħha. Dan il-fatt jiġġustifika li s-sigriet professjonali li jorbot l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti jista’ jitwarrab sabiex ikun permess li jittieħdu inkunsiderazzjoni interessi leġittimi oħra u b’mod partikolari interessi marbuta mal-funzjonament tajjeb ta’ proċeduri ċivili u kummerċjali. |
51. |
It-talba għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali għandha ssir fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali ( 26 ). Dan il-kriterju jqajjem żewġ mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni, li huma marbutin mill-qrib u li ġew diskussi b’mod estensiv mill-partijiet. L-ewwel mistoqsija tikkonċerna r-rabta bejn il-proċeduri ċivili jew kummerċjali u l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali koperta mis-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39. It-tieni mistoqsija tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-kunċetti tad-dritt proċedurali nazzjonali u l-kundizzjoni li l-proċeduri huma ċivili jew kummerċjali. |
52. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, nosserva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta l-iżvelar fil-kuntest tal-proċeduri ċivili u kummerċjali u dan mhux għall-finijiet ta’ tali proċeduri. Konsegwentement, skont il-formulazzjoni tal-eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, proċeduri ċivili jew kummerċjali pendenti huma dejjem meħtieġa għall-applikabbiltà tal-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39. |
53. |
Il-kundizzjoni li tirrigwarda proċeduri ċivili jew kummerċjali pendenti hija naturalment issodisfatta mill-istess proċeduri ta’ falliment jew ta’ stralċ. Madankollu, il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata juru fl-opinjoni tiegħi li l-leġiżlatur ma riedx jillimita l-każijiet fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali huwa possibbli għal dawn il-proċeduri, iżda, għall-kuntrarju, fittex li jinkludi proċeduri oħra li għandhom rabta mal-proċedura prinċipali inkwistjoni ( 27 ). |
54. |
Għalhekk, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39 tista’ tiġi applikata wkoll fil-kuntest tal-proċeduri ċivili jew kummerċjali bejn il-kumpannija falluta jew fi stralċ ġudizzjarju, u terz, u li tikkonċerna l-irkupru tad-djun tal-kumpannija, ir-restituzzjoni tal-assi tagħha jew ir-responsabbiltà tagħha kuntrattwali jew f’materji ta’ delitt. L-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-swieq finanzjarji fil-fatt jeħtieġu li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jikkontribwixxu, sa fejn huwa possibbli, sabiex jiċċaraw kif suppost ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ġuridiċi ta’ impriża ta’ investiment falluta. Madankollu, jirriżulta mis-sentenza Paul et li dan huwa possibbli biss fil-limiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-interess ġenerali u b’mod partikolari mill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li jikkostitwixxu r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ( 28 ). |
55. |
Fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix li tali proċeduri jistgħu jseħħu bejn il-partijiet ikkonċernati, bħal pereżempju l-investituri jew il-kredituri individwali tal-kumpannija kkonċernata, minn naħa, u l-ġestjoni tagħha, il-membri tagħha jew l-impjegati tagħha, min-naħa l-oħra, u dan jew fl-interess tal-kumpannija falluta jew fi stralċ (actio pro socio), jew fl-interess tagħhom stess, sa fejn tali azzjonijiet ikunu ammissibbli taħt id-dritt nazzjonali. |
56. |
Madankollu, ma hijiex koperta minn din l-eċċezzjoni t-talba li għandha l-għan li tikseb aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti, sabiex teżamina jekk, fost din l-informazzjoni, hemmx informazzjoni li tista’ tkun utli għal rikors ulterjuri indipendenti, li ma jaqax fi ħdan il-kuntest tal-proċeduri ċivili jew kummerċjali eżistenti. |
57. |
F’dak li jirrigwarda t-tieni aspett, bħall-Kummissjoni naħseb li l-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39 ma jiddefinixxix it-tip ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali iżda pjuttost in-natura tal-proċeduri li fihom jista’ jseħħ l-iżvelar. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li proċeduri ċivili jew kummerċjali jistgħu eċċezzjonalment, taħt id-dritt nazzjonali, jinżammu quddiem qorti amministrattiva. Il-kunċett ta’ proċeduri ċivili u kummerċjali għalhekk ma huwiex marbut mal-proċeduri msemmija fl-atti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni fil-proċeduri ċivili u kummerċjali. |
58. |
Madankollu, proċeduri amministrattivi kontenzjużi iżolati quddiem qorti amministrattiva, dwar l-aċċess għal dokumenti u għal informazzjoni miżmuma minn awtorità ta’ superviżjoni u li l-għan tagħhom ma huwiex li jiżguraw proċeduri xierqa għal parti fi proċeduri ċivili jew kummerċjali pendenti, iżda li jimplementaw il-prinċipju ta’ trasparenza fil-kuntest tal-aċċess għal dokumenti amministrattivi u tal-libertà ta’ informazzjoni, bl-ebda mod ma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39. |
59. |
Fl-aħħar nett, infakkar li l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata għandha tkun neċessarja għall-iżvolġiment tal-proċeduri ċivili jew kummerċjali inkwistjoni. L-iżvelar għandu għalhekk ikun limitat. Fl-ewwel lok hija l-istess awtorità ta’ superviżjoni kkonċernata li għandha tevalwa jekk l-iżvelar ikun meħtieġ jew le. Madankollu, fil-limiti li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, il-qorti adita bil-proċeduri ċivili jew kummerċjali jista’ jkollha tistabbilixxi dak li huwa neċessarju jew le, fid-dawl tal-proċeduri pendenti. Sa fejn hemm differenza ta’ opinjoni bejn l-awtorità u l-qorti adita bil-proċeduri ċivili jew kummerċjali inkwistjoni, huma d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati ġenerali u l-qrati amministrattivi li għandhom jiddeterminaw jekk il-qorti ċivili jew kummerċjali għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tadotta deċiżjoni vinkolanti fuq din il-kwistjoni bħala kwistjoni ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali fuq il-produzzjoni tal-prova jew jekk hija għandha tirrinvija l-kwistjoni għal deċiżjoni lill-qorti amministrattiva kompetenti. |
60. |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali, tikkonċerna proċedura amministrattiva iżolata li twettqet barra mill-kuntest previst fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39. Jekk dan huwa l-każ, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, l-eċċezzjoni prevista f’dan il-paragrafu ma tapplikax. |
V – Konklużjoni
61. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main: Awtorità ta’ superviżjoni kompetenti tista’ tinvoka, fil-konfront ta’ persuna li talbitha aċċess għall-informazzjoni ta’ impriża ta’ investiment speċifika li issa hija fi stralċ ġudizzjarju wara x-xoljiment tagħha minħabba insolvenza, l-obbligi tagħha ta’ kunfidenzjalità taħt id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari taħt is-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE, u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, minkejja l-fatt li l-mudell kummerċjali ewlieni ta’ din il-kumpannija kien jikkonsisti fi frodi fuq skala kbira li hija intiża li konxjament tiffroda l-investituri u li diversi persuni responsabbli minn din il-kumpannija ġew ikkundannati permezz ta’ sentenza definittiva għal diversi snin ta’ priġunerija. F’kull każ, meta impriża ta’ investiment tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun tqiegħdet fi stralċ obbligatorju, l-informazzjoni kunfidenzjali, sa fejn din ma tikkonċernax terzi, tista’ tiġi żvelata bis-saħħa tal-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2004/39 biss fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali u bil-kundizzjoni li dan ikun neċessarju għall-iżvolġiment tal-proċeduri pendenti. Din l-informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tiġi żvelata insostenn ta’ rikors ulterjuri indipendenti li ma jaqax fil-kuntest tal-proċeduri ċivili jew kummerċjali eżistenti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Fl-istadju preżenti tal-proċeduri, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma A. Altmann, T. Altmann, H. Abel, D. Anschütz, H. Anschütz, S. Arnold, B. Assheuer, I. Aubele u K.‑H. Aubele (iktar ’il quddiem “il-konjuġi Altmann”).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p. 38).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, p. 1).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, p. 32).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).
( 7 ) Liġi tal-5 ta’ Settembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 2722).
( 8 ) Fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2776).
( 9 ) Fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2708).
( 10 ) Skont din id-dispożizzjoni, kulħadd jista’ jitlob lill-awtoritajiet federali aċċess għal informazzjoni uffiċjali, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-IFG.
( 11 ) Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli għall-awtoritajiet u għall-persuni li jeżerċitaw superviżjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u ta’ impriżi finanzjarji oħra jew li pparteċipaw f’dan kif ukoll l-eċċezzjonijiet għall-kunfidenzjalità.
( 12 ) L-ewwel domanda, irtirata mill-qorti tar-rinviju qabel is-seduta, kienet ifformulata kif ġej, jiġifieri, “Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-obbligi mandatorji ta’ kunfidenzjalità tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kontroll tal-kumpanniji tas-servizzi finanzjarji u li huma bbażati fuq l-atti tad-dritt tal-Unjoni debitament trasposti fid-dritt nazzjonali [f’dan il-każ, id-Direttivi 2004/109/KE, 2006/48/KE u 2009/65/CE trasposti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 9 tal-KWG u l-Artikolu 8 tal-WpHG] jistgħu jiġu ppreġudikati bl-applikazzjoni u bl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni proċedurali nazzjonali bħall-Artikolu 99 tal-Verwaltungsgerichtsordnung [Liġi dwar il-kodiċi tal-proċedura amministrattiva]?”
( 13 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2004/39.
( 14 ) L-ewwel punt tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.
( 15 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess direttiva.
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fuß (C‑243/09, EU:C:2010:609, punti 39 u 40).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Medipac - Kazantzidis (C‑6/05, EU:C:2007:337, punti 31 sa 36).
( 18 ) Barra minn hekk, “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” huma wkoll imsemmija bħala eċċezzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2009/65.
( 19 ) Ara l-Artikolu 54(3) sa (5) tad-Direttiva 2004/39.
( 20 ) Għall-eċċezzjonijiet, ara l-aħħar linji tal-Artikolu 54(1) (“[…] mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva”); l-Artikolu 54(2); il-bidu u t-tmiem tal-Artikolu 54(3) (“Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali, […]” u “Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw it-tagħrif jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal għanijiet oħra”) kif ukoll l-Artikolu 54(4) u (5).
( 21 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punti 26 sa 28) kif ukoll Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni (T‑198/03, EU:T:2006:136, punti 70 sa 74).
( 22 ) Sentenzi der Weduwe (C‑153/00, EU:C:2002:735, punti 15 et seq) kif ukoll X u Passenheim-van Schoot (C‑155/08 u C‑157/08, EU:C:2009:368, punti 50 u 58).
( 23 ) Fuq is-sigriet professjonali tal-membri tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni u tas-superviżjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu, ara s-sentenza Hillenius (110/84, EU:C:1985:495, punti 27 u 32).
( 24 ) Barra minn hekk, l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni jista’ wkoll ikun fiha data personali. It-trattament u t-trasferiment tagħhom huwa kopert minn regolamenti speċifiċi oħra, bħad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).
( 25 ) Korsiv miżjud minni. Għandu jiġi nnotat li eċċezzjonijiet simili fl-istruttura u fil-kontenut tagħhom jinstabu fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2009/65. Madankollu, l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2004/109 huwa bbażat fuq approċċ differenti, billi ma jsemmix il-limitazzjoni għal “proċeduri ċivili jew kummerċjali” billi jħalli lill-Istati Membri d-dritt li jirregolaw l-eċċezzjonijiet li jirriżultaw, hekk kif ġej, jiġifieri “[i]nformazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tistax tiġi żvelata lill-ebda persuna jew awtorità ħlief permezz tal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amminstrattivi ta’ Stat Membru”.
( 26 ) Bil-Ġermaniż, “in zivil- oder handelsrechtlichen Verfahren weitergegeben werden”; bl-Ingliż, “may be divulged in civil or commercial proceedings”; bil-Finlandiż, “siviili- tai kauppaoikeudellisessa menettelyssä” (korsiv miżjud minni).
( 27 ) Din il-konklużjoni tirriżulta mill-użu tal-plural u mill-assenza ta’ riferiment limitat għall-proċeduri ta’ falliment jew ta’ stralċ. Jekk il-leġiżlatur ried jillimita l-possibbiltà ta’ żvelar għal dawn l-aħħar proċeduri, huwa kien jagħżel espressjoni li hija espressament intiża għall-proċeduri ta’ falliment jew ta’ stralċ.
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606, punti 40, 44 u 47).