KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2014 ( 1 )

Kawża C‑127/13 P

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Protezzjoni ta’ data personali — Talba voluminuża”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Il-kuntest ġuridiku

 

III – Il-fatti u l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

 

IV – Talbiet

 

V – L-analiżi ġuridika

 

A – Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ‑ l-eżistenza ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

 

1. Fuq id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

 

2. Proposta ta’ soluzzjoni għall-futur

 

3. Fuq il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali

 

4. Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

 

B – Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali — nuqqas ta’ estratt mir-reġistru

 

1. Fuq l-“eżistenza” ta’ dokument li ma jeżistix

 

2. Fuq l-obbligu ta’ tfassil ta’ dokument

 

3. Fuq il-portata tat-talbiet ta’ G. Strack

 

C – Fuq l-ewwel aggravju — ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

 

D – Fuq it-tieni aggravju — diversi difetti proċedurali

 

1. Fuq l-ewwel u l-ħames partijiet tal-aggravju — il-proċedura mħaffa u t-tul tal-proċeduri

 

2. Fuq it-tieni parti tal-ilment — id-dritt għal smigħ

 

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju — eżaminazzjoni tad-dokumenti kollha

 

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju — in-natura kompleta tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

 

E – Fuq il-ħames aggravju — l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-data

 

1. Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

 

2. Fuq l-eżami individwali tad-dokumenti

 

3. Fuq il-legalità tal-kanċellazzjonijiet

 

a) Evalwazzjoni

 

b) Fuq in-neċessità ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

 

c) Fuq il-kunsens mill-partijiet ikkonċernati għall-iżvelar

 

d) Fuq l-uffiċjali firmatarji tad-deċiżjonijiet konfermatorji

 

e) Fuq l-ismijiet tal-uffiċjali li jidhru fid-dokument dwar il-Kawża T‑110/04.

 

f) Fuq il-kodifikazzjoni tal-ismijiet

 

4. Konklużjoni intermedjarja dwar il-ħames aggravju

 

F – Fuq is-sitt aggravju — ipproċessar kunfidenzjali ta’ proċeduri tal-antidumping.

 

G – Fuq is-seba’ aggravju — talba għad-danni għall-ipproċessar tat-talba għall-aċċess

 

VI – Fuq l-ispejjeż

 

VII – Konklużjoni

I – Introduzzjoni

1.

Dritt ġenerali għall-aċċess għal dokumenti ilu jeżisti iktar minn għoxrin sena fid-dritt tal-Unjoni, u r-Regolament Nru 1049/2001 ( 2 ) ilu japplika iktar minn għaxar snin. Madankollu, numru sorprendenti ta’ kwistjonijiet prattiċi importanti għadhom ma ġewx indirizzati.

2.

Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni toġġezzjona fir-rigward tat-termini previsti, filwaqt li l-applikant jilmenta dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn it-termini u dwar it-tul eċċessiv tal-proċess tal-protezzjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, iż-żewġ appelli jikkonċernaw, inter alia il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1049/2001 f’ċerti każijiet jorbotx lill-Kummissjoni, f’ċerti ċirkustanzi, tfassal dokument għall-pubblikazzjoni, jekk proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jiġu assenjati lil awla oħra jew lil imħallef relatur ieħor, sa liema punt il-Kummissjoni għandha tipprova li ċerti dokumenti mitluba ma jeżistux, u kif għandha tapplika l-eċċezzjoni għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 15(3) TFUE u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxu l-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet.

4.

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jinkludi regola dwar il-kamp ta’ applikazzjoni:

“Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5.

Il-kunċett ta’ dokumenti huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“dokument tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

6.

Fil-każ ineżami, il-partijiet ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data stabbilita fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a)

[…]

b)

il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.”

7.

Barra minn hekk, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali hija ggarantita, jekk ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti.

8.

Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ talbiet voluminużi huwa indirizzat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“Fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali.”

9.

L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirregolaw il-proċedura tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-aċċess u b’mod partikolari t-termini previsti. L-Artikolu 7 jikkonċerna l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet inizjali:

“(1)   Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa’ 15‑il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

(2)   Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15‑il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.

(3)   F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15‑il jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.

(4)   Nuqqas mill-istituzzjoni li tagħti twieġeb fit-terminu preskritt jagħti d-dritt lill-applikant li jagħmel applikazzjoni konfermatorja.”

10.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonċerna l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji:

“(1)   Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat tal-KE, rispettivament.

(2)   F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15‑il jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.

(3)   Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.”

III – Il-fatti u l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

11.

Fl-20 ta’ Ġunju 2007, G. Strack ressaq talba quddiem il-Kummissjoni għall-aċċess

għad-dokumenti kollha li jikkonċernaw it-talbiet konfermatorji għall-aċċess għad-dokumenti li ġew miċħuda mill-1 ta’ Jannar 2005,

għal estratt mir-reġistru stabbilit mill-Kummissjoni skont l‑Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tad-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda qabel l-1 ta’ Jannar 2005, u

għad-dokumenti kollha b’rabta mal-Kawża T‑110/04, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni ( 3 ).

12.

Fil-25 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni infurmat lil G. Strack, permezz ta’ deċiżjoni bid-data tal-ġurnata preċedenti, li t-talba tiegħu kienet ġiet irreġistrata fit-3 ta’ Lulju 2007. Din in-notifika kienet tipprovdi li d-deċiżjoni dwar uħud mid-dokumenti koperti mill-ewwel parti tat-talba kellha tittieħed mill-OLAF. Il-kumplament tad-dokumenti koperti minn din il-parti tat-talba kellhom jintbagħtulu f’forma anonima mis-Segretarjat Ġenerali, iżda minħabba n-numru kbir tagħhom dawn id-dokumenti ma setgħux jiġu anonimizzati fit-terminu previst. It-tieni parti tat-talba ma setgħetx tiġi milqugħa, peress li d-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda ma kinux inklużi fir-reġistru qabel l-1 ta’ Jannar 2005. Il-Kummissjoni inizjalment ċaħdet l-aċċess għad-dokumenti b’rabta mal-Kawża T‑110/04 u, bħala risposta għat-talba konfermatorja ta’ G. Strack, informat lil dan tal-aħħar li ma setgħetx tosserva t-terminu għad-deċiżjoni dwar din it-talba.

13.

Fit-12 ta’Ottubru 2007, G .Strack ressaq proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba għal aċċess konfermatorja tiegħu.

14.

Sussegwentement, fit-23 ta’ Ottubru 2007, l-OLAF iddeċieda dwar il-parti tat-talba li tikkonċernah, u l-Kummissjoni adottat erba’ deċiżjonijiet espliċiti fit-28 ta’ Novembru 2007 (żewġ deċiżjonijiet), fil-15 ta’ Frar 2008 u fid-9 ta’ April 2008. Skont dawn id-deċiżjonijiet, ingħata aċċess għal numru kbir ta’ dokumenti, iżda madankollu partijiet minnhom tneħħew sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-informazzjoni personali jew tal-interessi kummerċjali.

15.

Permezz tar-replika tiegħu tat-23 ta’ Lulju 2008, G. Strack estenda r-rikors tiegħu għal dawn id-deċiżjonijiet.

16.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors tiegħu. G. Strack ippreżenta dan l-appell u l-Kummissjoni ippreżentat appell inċidentali.

IV – Talbiet

17.

G. Strack issa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013 mogħtija fil-Kawża T-393/07 sa fejn ma aċċettatx, jew ma aċċettatx kompletament it-talbiet tar-rikorrent.

2)

tilqa’ t-talbiet imressqa mir-rikorrent fil-Kawża T‑392/07;

3)

tiċħad l-appell inċidentali fl-intier tiegħu; u

4)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri;

5)

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha l-Kawża T‑392/07 ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

18.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala manifestament inammissibbli u/jew infondat;

2)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2013, fil-Kawża T-392/07, Strack vs Il-Kummissjoni, sa fejn tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2007, li biha r-rikorrent ġie informat li ma hemm l-ebda estratt mir-reġistru li jikkonċerna d-deċiżjonijiet konfermatorji maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2005.

3)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T‑392/07 Strack vs Il-Kummissjoni, sa fejn din tiddikjara bħala ammissibbli r-rikors kontra l-allegati deċiżjonijiet impliċiti ta’ ċaħda għall-aċċess għad-dokumenti dwar it-talbiet konfermatorji (il-Kummissjoni u l-OLAF);

4)

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż sostnuti fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għal dawk sostnuti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

V – L-analiżi ġuridika

19.

Għandu qabelxejn jiġi indirizzat l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni, peress li dan jikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ partijiet mir-rikors fl-ewwel istanza. Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati konsekuttivament it-tieni aggravju inċidentali tal-Kummissjoni u ħamsa mid-disa’ aggravji tal-appell ta’ G. Strack.

20.

Madankollu, it-tielet, ir-raba’, it-tmien u d-disa’ aggravji ta’ G. Strack miniex ser niddiskutihom fid-dettall, peress li nqis li huma manifestament infondati.

A – Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ‑ l-eżistenza ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

21.

Il-Kummissjoni tiddikjara li ma ċaħditx b’mod impliċitu t-talba għall-aċċess għad-deċiżjonijiet konfermatorji tal-Kummissjoni u tal-OLAF. Għaldaqstant, ma jeżisti ebda att legali li jista’ jiġi kkontestat u r-rikors huwa inammissibbli f’dan ir-rigward. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx dan fil-punti 45 sa 53 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 51 u 52 tagħha. Barra minn hekk, is-sentenza hija kontradittorja fir-rigward ta’ dawn il-punti u għalhekk hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

1. Dwar id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

22.

Il-kunċett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, li jippermetti l-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. In-nuqqas mill-istituzzjoni li twieġeb fit-terminu previst għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra l-istituzzjoni. Id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda timplika wkoll l-iskadenza tat-terminu.

23.

Għandu jiġi eżaminat jekk it-terminu skadiex. Dan tal-aħħar huwa stabbilit mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, l-istituzzjoni għandha tiddeċiedi f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni tat-talba u, skont il-każ, tagħti l-aċċess għad-dokument. Skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, f’każijiet eċċezzjonali, pereżempju fil-każ ta’ talba għal aċċess għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta’ dokumenti, dan it-terminu jista’ jiġi estiż bi ħmistax-il jum ta’ xogħol. In-nuqqas mill-istituzzjoni li tagħti tweġiba fit-terminu previst jagħti d-dritt lill-applikant li jressaq talba konfermatorja skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, din it-talba għandha tiġi pproċessata f’terminu ta’ ħmistax-il jum li jista’, eċċezzjonalment, jiġi estiż bi ħmistax-il jum ta’ xogħol supplimentari.

24.

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fil-każ ta’ talbiet voluminużi, hija tista’ ma tissodisfax it-termini previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

25.

F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tiftiehem mal-applikant b’mod informali sabiex tinstab soluzzjoni xierqa fil-każ ta’ talba li tikkonċerna dokument twil ħafna jew numru kbir ta’ dokumenti.

26.

Il-Kummissjoni tibbaża l-argument tagħha fuq is-sistema implementata mir-Regolament Nru 1049/2001. Peress li għad-deċiżjoni li tikkonċerna dokument wieħed, diġà hemm perijodu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol disponibbli, għandu jiġi awtorizzat terminu itwal għall-ipproċessar ta’ talbiet voluminużi minn dak tal-estensjoni ta’ darba ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol oħra.

27.

Madankollu, dan l-argument jista’ biss jittieħed inkunsiderazzjoni għall-parti tat-talba li ddeċieda dwarha s-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, iżda mhux għall-parti tat-talba li tkun ġiet trażmessa lill-OLAF. Kif jenfasizza ġustament G. Strack, l-OLAF wieġeb għall-ewwel darba fit-23 ta’ Ottubru 2007, wara li tressqet l-azzjoni, u għalhekk ferm wara l-iskadenza tat-termini kollha previsti, u barra minn hekk, qatt ma rrikorra għall-estensjoni tat-termini.

28.

Barra minn hekk, minkejja l-osservazzjonijiet f’dan is-sens esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-estensjoni ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol oħra skont l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) hija espressament prevista għat-talbiet għal aċċess li jikkonċernaw numru kbir ħafna ta’ dokumenti. B’mod partikolari, jidher li r-regolament, b’mod kuntrarju għall-fehma tal-Kummissjoni, ma jikonċernax biss talbiet li jinvolvu dokumenti individwali. Is-sistema tar-regolament għalhekk ma ssostnix il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

29.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li t-talba ta’ G. Strack tikkonċerna “numru manifestament irraġonevoli ta’ dokumenti”.

30.

Kuntrarjament għal dak li jista’ jitqies prima facie, dan l-argument ma huwiex maħsub li jiċħad it-talba kollha bħala irraġonevoli, iżda għandu biss bħala intenzjoni li jikkonstata li t-termini tal-ipproċessar tar-Regolament Nru 1049/2001 huma sproporzjonati man-numru ta’ dokumenti mitluba. Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni hija għalhekk tal-fehma li ma kinitx obbligata tosserva dawn it-termini. Barra minn hekk, hija tal-fehma li ma huwiex xieraq li dak li jkun jinsisti fuq l-osservanza tat-termini fir-rigward ta’ talba daqstant voluminuża.

31.

Madankollu, bħala risposta għall-argument tal-Kummissjoni, għandu jiġi sostnut li l-iskadenza tat-termini għat-tweġiba ta’ talba konfermatorja tagħti lok għat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 47 u 53 tas-sentenza appellata.

32.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini għall-preżentata ta’ rikors tal-Artikolu 263 TFUE huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-diskrezzjoni tal-partijiet u tal-Qorti Ġenerali ( 4 ), peress li ġew stabbiliti sabiex jiggarantixxu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali ( 5 ). Dan japplika b’mod partikolari mhux biss għad-deċiżjonijiet impliċiti ta’ ċaħda fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti, iżda wkoll għal ċaħda impliċita prevista fil-qasam tad-dritt dwar is-servizz pubbliku tal-Unjoni ( 6 ).

33.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li n-notifika ta’ deċiżjoni espliċita sussegwenti la tista’ tipprekludi n-natura fittizja ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u lanqas il-bidu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ( 7 ). A contrario tal-fehma tal-Kummissjoni, meta talba tiġi miċħuda b’deċiżjoni impliċita, deċiżjoni espliċita ma tagħtix lok għal terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors ( 8 ).

34.

Jekk l-applikant jitlef l-interess minħabba l-Kummissjoni, huwa jesponi ruħu għar-riskju li r-rikors kontra deċiżjoni espliċita sussegwenti jiġi miċħud, peress li jkun dirett biss lejn konferma tad-deċiżjoni ( 9 ). Huwa jkollu saħansitra jissuspetta li l-Kummissjoni tinvoka l-iskadenza ta’ terminu għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ( 10 ), minkejja li qabel tkun irrikorriet għal estensjonijiet addizzjonali tat-termini għall-ipproċessar ( 11 ).

35.

Anki kieku l-Kummissjoni tirrinunzja milli tinvoka n-natura tardiva tal-preżentata tar-rikors jew tkun prekluża milli tinvoka din l-oġġezzjoni, peress li dan ikun iffisser li qiegħda taġixxi in mala fide (venire contra factum proprium), ir-rikors mhux neċessarjament ikun ammissibbli. Dan għaliex il-qrati jistgħu jeżaminaw ex officio l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors bħala rekwiżit proċedurali mandatorju ( 12 ), minkejja l-fatt li apparentement il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx dan b’mod sistematiku fil-proċeduri dwar l-aċċess għad-dokumenti ( 13 ).

36.

Għal din ir-raġuni, ma huwiex abbużiv jekk applikant jiċħad estensjoni tat-terminu għall-ipproċessar. Skont l-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza rilevanti, applikant prudenti għandu jinsisti pjuttost fuq l-osservanza tat-termini, sakemm ma jeskludix a priori azzjoni sussegwenti.

37.

Madankollu, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-ipproċessar fil-ħin ta’ talbiet voluminużi jista’ joħloq diffikultajiet sinjifikattivi. Fid-dawl tal-kompiti l-oħra tal-istituzzjonijiet u tar-riżorsi disponibbli għalihom, jista’ oġġettivament ikun irraġonevoli li persunal jiġi ddevjat minn kompiti oħra sabiex jiġu osservati t-termini.

38.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tindirizza din il-problema billi, retroattivament tippermetti lil istituzzjoni tipprekludi deċiżjoni impliċita u d-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Tali deroga mill-kliem tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija inkonsistenti mal-għanijiet tat-termini għall-preżentata ta’ rikors li, kif diġà ntqal, huma intiżi li jiggarantixxu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali ( 14 ).

39.

Is-sentenza Internationaler Hilfsfonds ( 15 ), li ngħatat biss wara li tressqu l-proċeduri minn G. Strack u li timplika ċerta flessibbiltà fit-talba tat-termini tar-Regolament Nru 1049/2001 ma twassal għal ebda konklużjoni oħra.

40.

Skont din is-sentenza, deċiżjoni finali dwar talba għal aċċess fis-sistema ta’ regolarizzazzjoni speċjali tar-Regolament ma toħloq ebda ċertezza tad-dritt. A contrario, id-deċiżjoni fi kwalunkwe waqt, tiġi kkonfutata permezz ta’ talba ġdida għal aċċess ( 16 ). Madankollu, dan ma jistax iwassal għal argument li jċaħħad lill-applikant, a posteriori u minnufih, mill-possibbiltà li jressaq proċeduri, li huwa għandu skont il-kliem ċar tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

41.

Għalhekk, is-sentenza appellata ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Konsegwentement, dan l-aggravju inċidentali għandu jiġi miċħud.

2. Proposta ta’ soluzzjoni għall-futur

42.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tagħmel pass ulterjuri u tieħu r-rwol tal-leġiżlatur sabiex, minkejja dan, tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tat-termini għall-ipproċessar, tista’ tagħmel hekk l-iktar l-iktar fl-għamla ta’ indikazzjonijiet għall-futur, li jipprovdu ċ-ċarezza legali meħtieġa għall-Kummissjoni u għall-applikanti kkonċernati.

43.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija korretta meta tqis li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-soluzzjoni xierqa li jipprevedi tista’ f’każijiet eċċezzjonali tinvolvi sospensjoni tat-termini għall-preżentata tar-rikors permezz ta’ estensjoni tat-termini għall-ipproċessar. F’tali każ, il-persuni kkonċernati jkollhom għalhekk terminu għall-preżentata tar-rikors.

44.

Minkejja dan, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jawtorizza lill-istituzzjonijiet jitbiegħdu unilateralment u mingħajr restrizzjoni mit-termini li ppreveda l-leġiżlatur. Kif turi r-referenza fid-dispożizzjoni msemmija għall-konsultazzjoni informali mal-applikant, normalment soluzzjoni xierqa għandha tinsab bi ftehim reċiproku.

45.

Fil-każ ineżami, xejn ma jindika li kien hemm ftehim fir-rigward tat-termini u l-Kummissjoni lanqas ma għamlet sforz sabiex issib soluzzjoni abbażi ta’ ftehim reċiproku. Hija sempliċement sostniet li t-termini ma setgħux jiġu osservati ( 17 ). Tali notifika għaldaqstant ma hijiex biżżejjed, speċjalment peress li ma tindikax il-perjodi ta’ żmien preċiżi previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, u ma toffri ebda sostituzzjoni.

46.

Fil-fatt, l-istituzzjoni għandha tiżgura l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-għanijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta l-perijodi ta’ żmien skont l-Artikoli 7 u 8 fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ eċċezzjonali ma jidhrux li huma proporzjonali, għandha tiġi offruta l-possibbiltà lill-applikant li jipproponi perijodu ta’ żmien ġdid xieraq.

47.

Barra minn hekk, l-applikant għandu dritt li tali perijodu ta’ żmien ġdid ikun iġġustifikat fid-dettall, peress li l-estensjonijiet previsti skont l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 diġà huma marbuta b’tali obbligu ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, l-istituzzjoni għandha tindika l-ġustifikazzjoni tat-terminu propost.

48.

Fil-każ ineżami, kien ikun possibbli li d-dokumenti mitluba jiġu trażmessi fi gruppi iżgħar u għaldaqstant, ċertu dokumenti kienu jkunu inqas tardivi, minflok li ġew trażmessi f’żewġ gruppi kbar għas-snin 2005/2006 kif ukoll għal 2007, li ntbagħtu biss fis-sena 2008.

49.

Finalment, l-istituzzjoni għandha tipprovdi, jekk huwa possibbli b’mod vinkolanti, dikjarazzjoni li ma hijiex ser tinvoka l-ksur tat-termini għall-preżentata ta’ rikors li jirriżulta mit-termini għall-ipproċessar, iżda pjuttost li ser issostni lill-applikant minn tal-inqas fir-rigward ta’ dan il-punt f’rikors sussegwenti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

50.

Fil-każ li applikant jirrifjuta tali proposta xierqa mingħajr raġuni, huwa konċepibbli li l-iskadenza tat-termini previsti ma timplikax ċaħda impliċita tat-talba. Madankollu, il-kriterju ta’ proporzjonalità juri wkoll li, f’tali każijiet, iċ-ċertezza legali marbuta mat-termini ċari tar-Regolament Nru 1049/2001 tkun kompletament abbandunata. Huwa diffiċli li jiġi previst meta tista’ tiġi preżunta ċaħda impliċita u meta le.

51.

Għaldaqstant, tali approċċ għandu jitqies b’xettiċiżmu kunsiderevoli. Huwa pjuttost il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jadotta leġiżlazzjoni ġdida adatta. F’dan ir-rigward, huwa inċidentalment innotat li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 ( 18 ), it-termini tar-Regolament Nru 1049/2001 japplikaw ukoll għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 19 ), għalkemm il-każ inkwistjoni ma jikkonċernax tali aċċess. L-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni madankollu jipprevedi termini iqsar minn dawk li preżentement jinsabu stabbiliti b’mod espliċitu fir-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri termini ta’ xahar, jew massimu ta’ xahrejn, għad-deċiżjoni amministrattiva finali.

3. Fuq il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali

52.

Finalment, sa fejn il-Kummissjoni tmur kontra l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, l-argument tagħha huwa limitat għal kontestazzjoni tar-rilevanza tal-ġurisprudenza li tirreferi għaliha l-Qorti Ġenerali. Madankollu, f’dan il-każ ma jistax ikun hemm nuqqas ta’ motivazzjoni, minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali tinterpreta ċerti preċedenti b’mod differenti mill-Kummissjoni ( 20 ).

4. Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

53.

L-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud. Għalhekk, ma hemmx dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza.

B – Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali — nuqqas ta’ estratt mir-reġistru

54.

It-tieni aggravju tal-appell inċidentali jikkonċerna t-talba ta’ G. Strack intiża sabiex huwa jikseb estratt mir-reġistru stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talbiet konfermatorji għal aċċess adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2005.

55.

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex id-drittijiet taċ-ċittadin taħt dan ir-regolament ikunu effettivi, kull istituzzjoni għandha tagħti aċċess pubbliku għal reġistru ta’ dokumenti. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-referenzi għal dokumenti għandhom jiddaħħlu fir-reġistru mill-iktar fis possibbli. Skont il-paragrafu 2, għal kull dokument, ir-reġistru għandu jkollu numru ta’ referenza, is-suġġett, u/jew deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut tad-dokument u tad-data meta jiġi rċevut jew jitfassal u meta jiġi rreġistrat fir-reġistru.

56.

Madankollu, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni informat lil G. Strack li deċiżjonijiet li bihom jiġu rrifjutati t-talbiet konfermatorji għal aċċess ma jiddaħħlux fir-reġistru.

57.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju u imprevedibbli meta naqset milli ddaħħal fir-reġistru d-deċiżjonijiet kollha li nħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2005 li permezz tagħhom ġew irrifjutati kompletament jew parzjalment it-talbiet konfermatorji. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali billi sostniet li l-estratt tar-reġistru inkwistjoni ma jeżistix, hija kisret id-dritt tar-rikorrent għall-aċċess għar-reġistru previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda għal aċċess ta’ estratt mir-reġistru tal-24 ta’ Lulju 2007.

58.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ dokument li attwalment ma jeżistix (ara sezzjoni 1 iktar ’il quddiem), siltet żbaljatament mir-regolament l-eżistenza ta’ obbligu li tfassal u tippubblika dokumenti (ara sezzjoni 2 iktar ’il quddiem) u finalment iddeċidiet ultra petita (ara sezzjoni 3 iktar ’il quddiem).

1. Fuq l-“eżistenza” ta’ dokument li ma jeżistix

59.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-estratt mir-reġistru kien jeżisti u li kien jinsab fil-pussess tagħha. Dan l-argument, li jidher li huwa ilment impliċitu ta’ żnaturament tal-fatti, madankollu huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

60.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha li tikkontesta l-motiv ta’ difiża li, estratt minn reġistru, meta dan ikun jeżisti, ma huwiex dokument u t-talba ta’ G. Strack f’dan ir-rigward ma taqax taħt ir-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti Ġenerali ma tikkonstatax li l-estratt fil-fatt jeżisti, u la tagħmel hekk f’dan il-punt u lanqas f’punti oħra tas-sentenza appellata.

61.

Għalhekk, din il-parti tal-ilment għandha tiġi miċħuda.

2. Fuq l-obbligu ta’ tfassil ta’ dokument

62.

Il-Kummissjoni tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li huwa kuntrarju għar-rekwiżit ta’ trasparenza li huwa bbażat fuqu r-Regolament Nru 1049/2001, li l-istituzzjonijiet jinvokaw l-ineżistenza ta’ dokumenti sabiex jevitaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont il-Qorti Ġenerali, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal aċċess għal dokumenti jeħtieġ li, sa fejn huwa possibbli u b’mod mhux arbitrarju u prevedibbli, l-istituzzjonijiet għandhom ifasslu u jikkonservaw id-dokumentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

63.

Fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tekwipara dan l-obbligu ta’ dokumentazzjoni mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru tad-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda, liema obbligu jirriżulta mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti Ġenerali tibbaża l-konstatazzjonijiet preċedenti li saru fil-punt 102 tas-sentenza appellata fuq din l-ekwiparazzjoni.

64.

Il-Kummissjoni topponi dan l-approċċ billi ssostni li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdi ebda obbligu ta’ tfassil ta’ dokumenti.

65.

Din l-opinjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni korretta li d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirreferi għad-dokumenti kollha ta’ istituzzjoni li (diġà) nħarġu jew ġew irċevuti mill-istituzzjoni, u li jinsabu fil-pussess tagħha. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 3(a), dokument huwa kwalunkwe kontenut, indipendentement mill-forma tiegħu. Entrati ineżistenti fir-reġistru madankollu ma jikkostitwixxux kontenut u ma jistgħux jiġu żvelati.

66.

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata ġustament li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 jobbliga lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu reġistru fejn jirreġistraw id-dokumenti. Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ dokumenti jestendi għal deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda.

67.

Madankollu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jorbotx direttament l-obbligu tal-Artikolu 11 mad-dritt għall-aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 2(1). Għalhekk, ma huwiex possibbli li l-osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiġi imposta permezz ta’ talba għall-aċċess għad-dokumenti. Għal dan l-għan, għandu pjuttost isir rikors għal proċedura ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE.

68.

Għaldaqstant, għandu jingħad li fil-punti 99 sa 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat żbaljatament li d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti jobbliga lill-Kummissjoni tikkompleta r-reġistru mitlub fil-każ ta’ talba għal aċċess, sabiex tkun tista’ tipprovdi l-estratt tar-reġistru mitlub.

69.

Madankollu, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi kkonfermata għal raġunijiet differenti. Fid-dawl tal-fatt li minħabba n-nuqqasijiet tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tittrażmetti l-estratt tar-reġistru pubbliku mitlub skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001, hija kellha minn tal-inqas teżamina jekk setgħetx tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-applikant l-informazzjoni mixtieqa fl-għamla ta’ dokument jew diversi dokumenti oħra. F’dan ir-rigward, pereżempju, hija setgħet tikkonċepixxi estratti minn reġistri interni jew -materjali li jintużaw għat-tfassil tar-rapport annwali dwar l-applikazzjoni tar-regolament. Madankollu, mill-ittra tal-24 ta’ Lulju 2007 jirriżulta li tali eżami ma twettaqx. Konsegwentement, id-deċiżjoni li tirriżulta minn din l-ittra għandha tiġi annullata minħabba l-ipproċessar mhux komplut tal-parti tal-talba korrispondenti.

70.

Konsegwentement, din il-parti tat-tieni motiv tal-Kummissjoni ma tistax tintlaqa’.

3. Fuq il-portata tat-talbiet ta’ G. Strack

71.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita fir-rigward ta’ żewġ punti.

72.

Qabelxejn, hija tqis li, fil-punt 101, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tirreġistra fir-reġistru d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet inizjali. F’dan ir-rigward, ma hawnx inkwistjoni deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tista’ tmur lil hinn mit-talbiet ta’ G. Strack, iżda sempliċement element wieħed tal-ġustifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar ma kinitx suġġetta għall-portata tat-talbiet.

73.

Madankollu, b’konformità mat-talba ta’ G. Strack, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata hija limitata għal konstatazzjoni tal-fatt li ċ-ċaħda ta’ aċċess għall-estratt mir-reġistru tad-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda għandha tiġi annullata.

74.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li G. Strack kien talab l-annullament ta’ ċaħda impliċita ta’ aċċess għall-estratt tar-reġistru, iżda li, minbarra dan, il-Qorti Ġenerali annullat ċaħda espliċita.

75.

Madankollu, dan l-argument jista’ jiġi kkontestat fuq livell formali bil-konstatazzjoni li G. Strack talab l-annullament tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni b’mod effettiv jew impliċitu, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan jinkludi d-deċiżjoni espliċita nnotifikata fil-25 ta’ Lulju 2007, li ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali.

76.

Fil-kawża ineżami, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar jekk din id-deċiżjoni kinitx tikkostitwixxi suġġett adatt għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew dwar jekk, a contrario, il-Qorti Ġenerali kellhiex teżamina d-deċiżjoni konfermatorja impliċita sussegwenti dwar it-talba konfermatorja. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tqajjem ebda lment f’dan ir-rigward.

77.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tqajjem din il-kwistjoni ex officio, għandu jiġi nnotat li, fit-23 ta’ Lulju 2007, G. Strack diġà kien ressaq talba konfermatorja inizjali, wara li kienu diġà ddekorrew iktar minn 20 jum ta’ xogħol mit-talba inizjali tiegħu tal-20 ta’ Ġunju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bagħtet in-notifika tal-24 ta’ Lulju 2007 biss fil-25 ta’ Lulju, jiġifieri jumejn wara din it-talba konfermatorja inizjali. Għalkemm, f’din in-notifika, il-Kummissjoni invokat estensjoni tat-terminu għat-tweġiba għat-talba inizjali, madankollu hija ma indikatx li din l-estensjoni kienet meħtieġa wkoll fir-rigward tal-estratt tar-reġistru. Fil-fatt, hija indikat fl-istess waqt li r-reġistru ma kienx jinkludi d-data adatta. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tiżnaturax din in-notifika meta tinterpreta fis-sens li l-Kummissjoni tinkludi f’tali notifika li hija definittivament kienet adottat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-estratt mir-reġistru mitlub, għall-finijiet ta’ deċiżjoni konfermatorja ( 21 ).

78.

Għalhekk, din il-parti tal-ilment għandha tiġi miċħuda wkoll.

C – Fuq l-ewwel aggravju — ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

79.

Permezz tal-ewwel aggravju, G. Strack jilmenta li, fit-13 ta’ Ottubru 2011, fid-dawl tal-irtirar imminenti tal-imħallef relatur, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja l-kawża għal awla oħra, għall-finijiet ta’ ħeffa u ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja tajba.

80.

Din l-assenjazzjoni tikser il-prinċipju ta’ smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 50(2) tal-Istatut u l-Artikoli 12 u 13 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali moqrija flimkien mad-deċiżjonijiet dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi u l-assenjazzjoni tal-imħallfin lill-awli.

81.

L-eżistenza ta’ garanziji li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali huma l-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq, li l-osservanza tiegħu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tal-Unjoni meta jiġi invokat ksur ta’ dan id-dritt ( 22 ). Għaldaqstant, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB li għandu jitqies li huwa kważi identiku u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tiegħu ( 23 ), kull persuna għandha dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti (preċedentement) ( 24 ) stabbilita mil-liġi.

82.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ liġi jinkludi wkoll b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet legali dwar l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-qrati. Meta qorti ma jkollhiex kompetenza li tittratta kawża skont dawn id-dispożizzjonijiet, din għalhekk ma tkunx qorti stabbilita bil-liġi ( 25 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ma għandhiex titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, għalkemm il-qrati jista’ jkollhom ċertu poter fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali ( 26 ). Madankollu, rekwiżiti iktar stretti, bħal dispożizzjoni li tiddetermina minn qabel il-qrati kompetenti fuq il-bażi ta’ kriterji astratti ( 27 ), għadhom ma ġewx applikati fil-kuntest tad-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

83.

Konsegwentement, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan l-aggravju, hija qabel xejn rilevanti l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ottubru 2011 kinitx tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet dwar l-assenjazzjoni ta’ proċeduri lill-awli tal-Qorti Ġenerali ( 28 ).

84.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti jirregolaw il-kompożizzjoni tal-awli u l-assenjazzjoni tal-kawżi lil dawn tal-aħħar. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jassenja l-kawżi lil awla immedjatament wara l-preżentata tal-att promotur. L-Artikolu 12 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina l-kriterji li permezz tagħhom isir it-tqassim tal-kawżi fost l-awli.

85.

Jidher li r-rikors ta’ G. Strack kien oriġinarjament assenjat skont il-kriterji applikabbli dak iż-żmien ( 29 ) abbażi tal-ordni tar-reġistrazzjoni tal-kawżi fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali.

86.

Fl-assenjazzjoni l-ġdida tal-kawża li jikkontesta r-rikorrent, għalkemm il-kriterji kienu stabbiliti f’notifika iktar reċenti ( 30 ), il-kontenut tagħha baqa’ l-istess.

87.

G. Strack isostni korrettament li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi espressament assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża li diġà ġiet assenjata mill-President tal-Qorti Ġenerali.

88.

Madankollu, dawn il-kriterji ta’ assenjazzjoni jippermettu lill-President tal-Qorti Ġenerali jidderoga mill-metodu ta’ tqassim previst, b’mod partikolari sabiex jiżgura tqassim ibbilanċjat tal-piż tax-xogħol. Huwa minnu li r-rabta mal-kriterji ta’ assenjazzjoni skont l-ordni tar-reġistrazzjoni timmilita favur il-fatt li din l-awtorità għal deroga tikkonċerna l-assenjazzjoni inizjali tal-kawżi. Madankollu, il-kliem ta’ dawn il-kriterji ma jeskludix applikazzjoni fil-kuntest ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża iktar tard.

89.

Tali assenjazzjoni mill-ġdid tista’ tkun saħansitra neċessarja wara t-tiġdid tal-imħallfin u l-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli ( 31 ).

90.

L-assenjazzjoni mill-ġdid tista’ wkoll tkun iġġustifikata bl-għan ta’ tqassim ibbilanċjat tal-piż tax-xogħol. Dan l-għan ma huwiex biss ta’ natura organizzattiva, iżda huwa intiż b’mod partikolari sabiex il-kawżi jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli, b’konformità mal-Artikolu 47(2) tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

91.

Il-każ preżenti juri li jista’ jkun neċessarju li kawża tiġi assenjata mill-ġdid iktar tard minħabba din ir-raġuni. Fl-2011, ir-rikors kien diġà ilu erba’ snin pendenti u seta’ jiġi mistenni dewmien ulterjuri, peress li r-relatur kien ser jirtira fi żmien qasir. A contrario, l-awla l-ġdida setgħet tipproċedi bil-kawża immedjatament.

92.

Konsegwentement, il-poter tal-President tal-Qorti Ġenerali li jiddevja mill-kriterji ta’ assenjazzjoni għandu jinftiehem fis-sens li kawża tista’ tiġi assenjata b’mod ieħor anki wara l-assenjazzjoni oriġinali tagħha, sabiex jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tal-piż tax-xogħol.

93.

Għaldaqstant, is-sentenza appellata ġiet deċiża mill-qorti kompetenti, u għalhekk l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

D – Dwar it-tieni aggravju — diversi difetti proċedurali

94.

It-tieni aggravju jinvoka diversi difetti proċedurali, jiġifieri ċ-ċaħda tat-talba għal proċedura mħaffa, il-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq, ir-rifjut ta’ eżami tad-dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali, id-definizzjoni tas-suġġett tat-talba u t-tul eċċessiv tal-proċeduri.

1. Dwar l-ewwel u l-ħames partijiet tal-aggravju — il-proċedura mħaffa u t-tul tal-proċeduri

95.

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju, G. Strack jilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tiegħu għal proċedura mħaffa mingħajr ġustifikazzjoni. Peress li l-interess f’tali proċedura mħaffa huwa marbut mal-osservanza tad-dritt għal tul xieraq tal-proċeduri li huwa invokat fil-ħames parti tal-aggravju, dawn iż-żewġ partijiet tal-appell ser jiġu ttrattati flimkien.

96.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tiġi ttrattata fi żmien raġonevoli. In-nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli jikkostitwixxi difett proċedurali, li jirrappreżenta l-ksur ta’ dritt fundamentali, u l-parti kkonċernata għandu jkollha rimedju ġudizzjarju li joffrilha kumpens xieraq ( 32 ).

97.

Madankollu, in-nuqqas ta’ deċiżjoni fi żmien raġonevoli mingħajr ebda indikazzjoni li t-tul eċċessiv tal-proċeduri kellu impatt fuq ir-riżultat tal-kawża, ma jwassalx għall-annullament tas-sentenza appellata ( 33 ). Dan għandu japplika wkoll meta t-tul eċċessiv tal-proċeduri huwa dovut għall-fatt li ma sarx rikors għall-proċedura mħaffa.

98.

Madankollu, G. Strack ma spjegax b’liema mod it-tul tal-proċeduri affettwa r-riżultat tal-kawża. Għaldaqstant, dawn il-partijiet tal-aggravju ma jistgħux jintlaqgħu.

99.

F’dawn il-kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tat-talba għal proċedura mħaffa wkoll ma tistax timmilita favur l-appell.

100.

Madankollu, f’dan ir-rigward, G. Strack jilmenta wkoll kontra l-fatt li, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli talba għal kumpens għad-danni minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri. B’referenza għas-sentenza Baustahlgewebe ( 34 ) u l-konklużjonijiet tiegħi Solvay ( 35 ), huwa jsostni li r-rimedju ġudizzjarju effettiv jeżiġi li, sa fejn huwa possibbli, tittieħed deċiżjoni dwar il- possibbiltà ta’ kumpens matul it-tul irraġonevoli tal-proċeduri.

101.

Madankollu, anki dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, fil-frattemp, il-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat il-konstatazzjonijiet tagħha fis-sentenza Baustahlgewebe ( 36 ) u ddeċidiet li kulleġġ ġudikanti ieħor għandu jiddeċiedi dwar talba għad-danni minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri ( 37 ). Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-talba għad-danni trid issir permezz ta’ rikors separat.

102.

Konsegwentement, dawn iż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

2. Fuq it-tieni parti tal-ilment — id-dritt għal smigħ

103.

Permezz ta’ din il-parti tal-aggravju, G. Strack jallega li ma ngħatax smigħ xieraq. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali ma tatu ebda possibbiltà separata li jesprimi lilu nnifsu dwar id-dokumenti żvelati mill-OLAF, li huwa rċieva biss wara l-preżentata ta’ replika. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ittra voluminuża tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2012, intiża għat-tħejjija tas-seduta, allokat 30 minuta biss għas-sottomissjonijiet orali tiegħu minflok is-60 minuta mitluba, u fis-seduta ċaħdet talba għal approvazzjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali kif ukoll ittra oħra tal-25 ta’ Ġunju 2012 wara s-seduta, li b’mod partikolari kienet tinkludi talba għal emenda tal-minuti tas-seduta.

Dwar id-dritt għal smigħ inġenerali

104.

Fir-rigward ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi nnotat li sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura ( 38 ).

105.

Fil-prinċipju dan huwa possibbli fi proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. G. Strack seta’ jesprimi ruħu b’mod estensiv fir-rikors u fir-replika kif ukoll matul is-seduta. Il-Qorti Ġenerali aċċettat, fir-replika tiegħu, eċċess kunsiderevoli tan-numru ta’ paġni previsti għall-partijiet fl-istruzzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u awtorizzat id-doppju tal-ħin allokat għas-sottomissjonijiet orali matul is-seduta. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali inkludiet osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali min-naħa ta’ G. Strack, tas-16 ta’ Novembru 2011, tal-25 ta’ Jannar 2012 u tal-1 ta’ April 2012, fil-fajl, u bagħtithom lill-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet tagħha.

106.

Madankollu, l-ilmenti marbuta mad-dokumenti tal-OLAF u mal-emenda tal-minuti tas-seduta għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni separata.

Fuq id-dokumenti mill-OLAF

107.

Id-deċiżjoni tal-OLAF tat-23 ta’ Ottubru 2007 ġiet ikkomunikata lil G. Strack mhux iktar tard mit-30 ta’ Mejju 2008, fl-Anness B.1 tar-risposta. Għaldaqstant, huwa għamilha parti mis-suġġett tar-replika tiegħu.

108.

Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ G. Strack, li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni, huwa kiseb biss aċċess għad-dokumenti anonimi fis-17 ta’ Ottubru 2008, wara l-preżentata tar-replika tiegħu. Din is-sitwazzjoni hija dovuta għall-fatt li d-deċiżjoni u d-dokumenti ntbagħtu permezz ta’ posta elettronika ferm voluminuża, u kien hemm diġà eċċess tal-kapaċità tal-volum tal-inbox tal-posta elettronika ta’ G. Strack mal-ewwel messaġġi elettroniċi li ntbagħtu. Jidher li G. Strack sar jaf dwar dan il-fatt permezz ta’ ittra tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2012, li fl-anness tagħha kien hemm kopja ta’ messaġġ ta’ żball li rċeviet il-Kummissjoni meta pprovat tibgħat id-dokumenti fit-23 ta’ Ottubru 2007.

109.

Huwa minnu li, fir-replika tiegħu tal-20 ta’ Awwissu 2008, G. Strack diġà seta’ jesprimi ruħu dwar id-deċiżjoni attwali tat-23 ta’ Ottubru 2007 u huwa għalhekk li estenda r-rikors tiegħu f’dak ir-rigward. Madankollu, peress li huwa ma rċeviex id-dokumenti qabel is-17 ta’ Ottubru 2008, huwa la seta’ jieħu inkunsiderazzjoni dawn tal-aħħar u lanqas il-kanċellazzjonijiet li saru, fir-replika tiegħu. Barra minn hekk, huwa jallega li ġie miċħud estensjoni xierqa tal-ħin allokat għas-sottomissjonijiet orali matul is-seduta.

110.

Dan l-ilment huwa bbażat fuq sitwazzjoni proċedurali pjuttost atipika, jiġifieri s-sitwazzjoni fejn il-Qorti Ġenerali tawtorizza estensjoni a posteriori tat-talba, fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti, meta t-talba l-ewwel tkun tikkonċerna deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li sussegwentement tiġi ssostitwita b’deċiżjoni espliċita.

111.

Meta l-Qorti Ġenerali tawtorizza estensjoni ta’ talba, hija għandha toffri opportunità raġonevoli għall-osservazzjonijiet. Il-possibbiltà li jsiru sottomissjonijiet orali fis-seduta ma tistax tissostitwixxi kompletament is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellant, peress li, fil-każijiet kollha, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Unjoni jipprovdu proċedura bil-miktub, li hija biss issupplementata bis-seduta. Għandu jingħad ukoll li, fis-seduta, G. Strack ma ngħatax il-ħin sabiex jagħmel sottomissjonijiet orali li, fil-fehma, kien meħtieġ.

112.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li G. Strack innifsu kien responsabbli għat-tnaqqis tal-possibbiltà li jesprimi ruħu, peress li huwa kellu wkoll il-possibbiltà li jippreżenta rikors separat kontra d-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007. L-estensjoni tal-Kawża T‑392/08 għal din id-deċiżjoni saret biss fl-interess tiegħu.

113.

Dan l-argument huwa sorprendenti. Il-fatt li estensjoni tat-talba kienet possibbli fl-ewwel lok huwa dovut għan-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni dwar it-talbiet fil-ħin. Barra minn hekk, jidher li l-Kummissjoni naqset milli tiżgura li G. Strack jirċievi wkoll, mill-iktar fis possibbli, id-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 li ttieħdet tard u d-dokumenti kkonċernati. Barra minn hekk, jidher li fil-fatt, il-Kummissjoni injorat messaġġ ta’ żball li indika li d-dokumenti ma kinux intbagħtu. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija l-ewwel nett responsabbli għall-fatt li G. Strack ma sarx jaf bil-possibbiltajiet kollha previsti sabiex jesprimi ruħu.

114.

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-estensjoni tat-talba ma kinitx biss fl-interess ta’ G. Strack, iżda fl-istess ħin naqqset il-piż tax-xogħol tal-Qorti Ġenerali u tal-kontroparti, li f’dan il-każ hija l-Kummissjoni. Fil-fatt, għall-partijiet kollha kkonċernati, huwa tabilħaqq iktar effiċjenti li jkun hemm kawża estiża milli li jitressqu proċeduri separati għal kull deċiżjoni ġdida.

115.

Madankollu, għandu jiġi allegat fil-konfront ta’ G. Strack, li huwa stess ma ħax il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipproteġi d-dritt li jesprimi ruħu. Wara li rċieva, għall-ewwel darba, id-deċiżjoni tal-OLAF tat-23 ta’ Ottubru 2007 flimkien mar-risposta, huwa kellu jieħu l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jikseb id-dokumenti neqsin, sabiex ikun jista’ jeħodhom inkunsiderazzjoni fir-replika. B’mod partikolari, huwa kellu javża lill-Kummissjoni li t-trażmissjoni tad-dokument ma rnexxietx u, skont il-każ, kellu jitlob mingħand il-Qorti Ġenerali estensjoni tat-terminu għar-replika.

116.

Fil-fatt, għandhom japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk fil-każ ta’ determinazzjoni tat-terminu għall-preżentata tar-rikors wara li l-persuna kkonċernata jkollha għarfien tad-deċiżjoni kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew ta’ notifika, hija l-persuna li jkollha għarfien ta’ att li jikkonċernaha li għandha titlob it-test sħiħ tiegħu f’terminu raġonevoli ( 39 ).

117.

Dan huwa a fortiori minnu peress li G. Strack huwa parzjalment responsabbli għall-problemi tat-trażmissjoni, peress li għamel talba għal aċċess voluminuża, iżda pprovda biss inbox ta’ posta elettronika ta’ daqs limitat għall-finijiet tat-trażmissjoni tad-dokumenti.

118.

Fl-ebda każ G. Strack ma kellu jistenna iktar minn tliet snin, u sa ftit qabel is-seduta, sabiex jinvoka li kien neċessarju għalih li jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti.

119.

Konsegwentement, minkejja l-aġir tal-Kummissjoni, it-telf tal-possibbiltà li jipprovdi sottomissjonijiet bil-miktub u l-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ sottomissjonijiet orali fir-rigward tad-dokumenti żvelati mill-OLAF għandhom jiġu attribwiti lil G. Strack.

Fuq l-ilment marbut mar-rapport għas-seduta

120.

Finalment, G. Strack jallega li, skont il-punt 27 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx sostanzjalment dwar talba għall-emenda tal-minuti tas-seduta, iżda ċaħdet din it-talba permezz ta’ deċiżjoni li ma terġax tiftaħ is-seduta.

121.

Huwa minnu li talba għal emenda tal-minuti ma hijiex prevista fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, iżda fil-prinċipju, il-partijiet ikkonċernati huma awtorizzati jqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ żbalji u lakuni f’dan id-dokument. Fil-fattt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 63(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dawn il-minuti huma awtentiċi, u għalhekk jintuża wkoll bħala prova tal-kontenut tas-seduta ( 40 ).

122.

Madankollu, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx din it-talba ma jistax, waħdu, jikkonfuta s-sentenza appellata. Huwa pjuttost jillimita l-valur probatorju tal-minuti. Konsegwentement, l-ilment marbut mal-minuti tas-seduta huwa bla effett u għalhekk għandu jiġi miċħud.

Fuq l-allegat argument tardiv tal-Kummissjoni marbut mar-Regolament Nru 45/2001

123.

Finalment, G. Strack jilmenta żbaljatament li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-argument tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Nru 45/2001 waqt is-seduta, minkejja li dan ġie ppreżentat tard. L-għerq ta’ dan l-argument fil-fatt kien diġà stabbilit fl-invokazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, il-fatt li r-Regolament Nru 45/2001 għandu importanza partikolari f’dan ir-rigward, ma kienx daqstant ċar fl-iskambju tas-sottomissjonijiet bil-miktub daqs kemm kien fis-seduta. Fil-fatt, din l-importanza tirriżulta prinċipalment mis-sentenza Bavarian Lager ( 41 ) li ngħatat fil-frattemp.

3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju — eżaminazzjoni tad-dokumenti kollha

124.

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tiegħu, G. Strack jallega li, kuntrarjament għat-talba tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx id-dokumenti kollha sabiex tiddetermina jekk il-kanċellazzjonijiet humiex iġġustifikati bl-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali.

125.

Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina d-dokumenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kontenut tagħhom jippermettix l-applikazzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet ( 42 ). Il-kanċellazzjoni tal-informazzjoni personali inkwistjoni, tqajjem madankollu l-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni tirrikjedix li ismijiet u informazzjoni personali oħra ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jitqisux li huma kunfidenzjali. Sabiex dan jiġi evalwat, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati d-dokumenti inkwistjoni. A contrario, huwa biżżejjed li, b’mod ġenerali, tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju — in-natura kompleta tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

126.

Ir-raba’ parti tat-tieni aggravju tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni weġbitx bis-sħiħ għat-talba għall-aċċess għad-dokumenti kollha li jikkonċernaw it-talbiet konfermatorji għall-aċċess għad-dokumenti rrifjutati mill-Kummissjoni sa mill-1 ta’ Jannar 2005. G. Strack jikkritika l-fatt li, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tiegħu li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li kienet bagħtitlu d-deċiżjonijiet kollha ta’ ċaħda tat-talbiet konfermatorji ta’ aċċess adottati matul il-perijodu inkwistjoni.

127.

Dan l-ilment jikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-argumenti tal-partijiet dwar din il-kwistjoni.

128.

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti ( 43 ).

129.

Madankollu, ilmenti dwar il-konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tagħhom fis-sentenza appellata, huwa ammissibbli fl-istadju ta’ appell meta l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess, jew żnaturat il-provi li ġew ippreżentati quddiemha ( 44 ).

130.

Tali żnaturament ikun jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata ( 45 ). Meta l-Qorti Ġenerali, bħal fil-każ inkwistjoni, tislet konklużjonijiet minn fatti partikolari, għandu jiġi eżaminat jekk tkunx marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-fatti ( 46 ).

131.

Dan huwa l-każ inkwistjoni.

132.

Fil-kuntest tal-proċeduri fl-ewwel istanza, G. Strack ibbaża ruħu fuq il-fatt li n-numru ta’ dokumenti li ġew trażmessi lilu (315) huwa kunsiderevolment inqas min-numru indikat fir-rapporti pubbliċi tad-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda totali jew parzjali (575) ( 47 ).

133.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li n-numri ma jaqblux huwa dovut għal ċerti deċiżjonijiet konfermatorji li jikkonċernaw diversi talbiet konfermatorji tal-istess persuna u talbiet konfermatorji oħra li fir-rigward tagħhom kienet għadha ma ngħatatx deċiżjoni sal-aħħar tas-sena inkwistjoni.

134.

Madankollu, il-Kummissjoni tonqos milli tagħti analiżi preċiża taċ-ċifri li tagħti l-possibbiltà ta’ spjegazzjoni sħiħa tad-diskrepanzi. Tali analiżi kienet forsi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-deċiżjonijiet konfermatorji tal-OLAF, liema deċiżjonijiet jidher li ġew injorati miż-żewġ partijiet f’dan il-kuntest. Sa fejn jista’ jingħad, dawn id-deċiżjonijiet ma ġewx magħduda mad-dokumenti trażmessi, iżda jidher li kienu inklużi fir-rapporti tal-Kummissjoni.

135.

Il-Kummissjoni lanqas ma eżaminat il-fatt li G. Strack indika li fid-dokumenti li ntbagħtu lilu ma kienet identifikabbli ebda deċiżjoni konfermatorja dwar diversi talbiet.

136.

Għaldaqstant, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-argument li fl-aħħar tas-sena kienu għadhom ma ngħatawx id-deċiżjonijiet konfermatorji kollha, fl-aħħar tal-perijodu inkwistjoni ta’ tliet snin kien għad hemm iktar minn 250 talbiet konfermatorji pendenti. Fid-dawl tat-termini tar-Regolament Nru 1049/2001, tali xogħol b’lura ftit jidher kredibbli.

137.

Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni jista’ jispjega diskrepanzi żgħar, iżda d-differenzi sinjifikattivi preżenti huma wisq kbar. Billi madankollu aċċettat l-argument tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi.

138.

Madankollu, kuntrarjament għal proċedura li fiha tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dokumenti addizzjonali ( 48 ), f’dan il-każ ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza li r-risposta tal-Kummissjoni ma kinitx kompluta. Il-Qorti Ġenerali madankollu setgħet tistabbilixxi dan pjuttost faċilment kieku talbet lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall id-diskrepanza bejn in-numru tar-rapporti u n-numru ta’ dokumenti li ntbagħtu lil G. Strack.

139.

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti li tiddeċiedi jekk l-elementi ta’ prova li tiddisponi minnhom f’kawża għandhomx jiġu kkompletati. In-natura probatorja jew mhux probatorja tal-atti tal-kawża taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-fatti li hija għandha, u din l-evalwazzjoni ma tistax tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-atti tal-proċess ( 49 ).

140.

Madankollu, l-evidenza insuffiċjenti f’dan il-każ hija bbażata fuq żnaturament tal-evidenza permezz ta’ konklużjoni li teċċedi manifestament il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’eċċezzjoni hija awtorizzata li, fin-nuqqas tal-miżuri ta’ informazzjoni meħtieġa, tirrikonoxxi żball ta’ liġi.

141.

Għaldaqstant, din il-parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sa fejn tiċħad l-argument ta’ G. Strack li l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar id-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda kollha.

142.

Rigward dan il-punt, il-każ għadu ma jistax jiġi deċiż, peress li la l-kontribut tad-dokumenti mill-OLAF, la l-eżistenza u l-portata tad-deċiżjonijiet kollettivi konfermatorji u lanqas id-deċiżjonijiet konfermatorji li kienu għadhom pendenti fit-tmiem tal-2007 ma huma spjegati biżżejjed ( 50 ). Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

E – Fuq il-ħames aggravju — l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-data

143.

Il-ħames aggravju jikkonċerna l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jiġifieri l-motivazzjoni tagħha (ara sezzjoni 1 iktar ’il fuq), l-eżami individwali tal-kanċellazzjonijiet (ara sezzjoni 2 iktar ’il fuq) u l-legalità tat-tħassir tal-kanċellazzjoni ta’ informazzjoni personali dwar kategoriji ta’ persuni partikolari (ara sezzjoni 3 iktar ’il fuq).

1. Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

144.

G. Strack jallega li l-Qorti Ġenerali qieset bħala suffiċjenti l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, għalkemm din ma kinitx tinkludi informazzjoni dwar il-konsultazzjoni mal-persuni kkonċernati jew dwar jekk dawn xtaqux li d-data tagħhom tiġi pproċessata b’mod kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-kwistjoni ta’ kategoriji differenti tal-persuni kkonċernati.

145.

Madankollu, din il-parti tal-ħames aggravju ma tistax tintlaqa’ peress li, fil-punti 120, 125 u 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet rekwiżiti applikabbli dwar il-motivazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, motivazzjoni qasira tista’ tkun biżżejjed jekk ir-raġunijiet abbażi tad-deċiżjoni jkunu suffiċjentement ċari.

146.

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ informazzjoni dwar konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tali nuqqas tagħha huwa indikazzjoni ċara biżżejjed li ma kienx hemm tali konsultazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex twieġeb dwar nuqqas ta’ motivazzjoni tat-talba għall-aċċess skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, peress li ma ngħatawx tali raġunijiet.

147.

Finalment, sa fejn G. Strack, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju, jinvoka l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx suffiċjentement il-kritika tiegħu dwar il-kanċellazzjonijiet li saru mill-OLAF, huwa biżżejjed li jingħad li huwa ma jikkritikax din id-deċiżjoni fid-dettall, minkejja li kellu għarfien tal-eżistenza tagħha u tal-motivazzjoni tagħha l-iktar tard fir-risposta ( 51 ).

2. Fuq l-eżami individwali tad-dokumenti

148.

Permezz tat-tieni parti tal-ħames aggravju, G. Strack jikkritika l-fatt li fil-punti 162 sa 164 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet wettqet eżami individwali suffiċjenti tal-ħtieġa għall-ipproċessar kunfidenzjali tal-informazzjoni kkanċellata. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka, b’mod partikolari, il-fatt li l-ismijiet kollha tneħħew b’mod uniformi, mingħajr ma ġie eżaminat effettivament jekk kienx hemm ksur tal-privatezza. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix prova tan-nuqqas ta’ eżami individwali tad-dokumenti, iżda l-iktar l-iktar prova tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-eċċezzjoni skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, din il-kwistjoni hija madankollu s-suġġett tat-tielet parti tal-ħames aggravju, li ser jiġi indirizzat iktar ’il quddiem.

3. Fuq il-legalità tal-kanċellazzjonijiet

149.

Finalment, G. Strack, permezz tat-tielet parti tal-ħames aggravju tiegħu, jikkontesta r-rikonoxximent, mill-Qorti Ġenerali, tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

150.

Skont din id-dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

151.

Il-Kummissjoni implementat din l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi neħħiet l-ismijiet u l-indirizzi kollha fid-dokumenti trażmessi.

152.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li, skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 japplikaw bis-sħiħ, meta talba ppreżentata skont ir-Regolament Nru 1049/2001 tkun intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li jkun fihom data personali. Dan jimplika partikolarment li, b’mod ġenerali, applikant għandu, b’konformità mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, juri n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data personali ( 52 ).

a) Evalwazzjoni

153.

G. Strack fil-fatt isostni korrettament li l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu obbligati, anki mingħajr prova korrispondenti, li jieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet tat-trasferiment, anki meta l-applikant jonqos milli jipprovdi prova għal tali raġunijiet; madankollu, fil-każ preżenti, la huma identifikabbli tali raġunijiet u lanqas ġew invokati minn G. Strack.

154.

Barra minn hekk, G. Strack jiżviluppa l-idea li l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, li jippermetti l-aċċess għal dokumenti, jiġġustifika l-iżvelar skont l-Artikolu 8(a) tar-Regolament Nru 45/2001, meta dan ikun fl-interess pubbliku. Madankollu, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 8(a) twassal sabiex il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 53 ) dwar l-Artikolu 8(b) issir ineffettiva.

155.

Barra minn hekk, huwa irrilevanti jekk l-applikant jiżvelax jew le data kritika dwaru fit-talbiet konfermatorji. Il-protezzjoni tad-data personali tapplika qabelxejn indipendentement mit-tifsira tad-data inkwistjoni.

b) Fuq in-neċessità ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

156.

Barra minn hekk, G. Strack huwa tal-fehma li l-Kummissjoni ma kellhiex sempliċiment tneħħi l-ismijiet u l-indirizzi kollha iżda kellha tistaqsi lill-partijiet ikkonċernati jekk kinux jaqblu mal-iżvelar tad-data personali tagħhom.

157.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 178 tas-sentenza appellata, tikkonstata li konsultazzjoni ma kinitx neċessarja, peress li kien ċar li d-data personali kellha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fin-nuqqas ta’ raġunijiet imperattivi għall-iżvelar.

158.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

159.

Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, konsultazzjoni ma’ partijiet terzi fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess għad-dokumenti mibgħuta minnhom lill-istituzzjonijiet hija neċessarja biss meta ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Obbligu ta’ konsultazzjoni possibbli fir-rigward tad-dokumenti maħruġa mill-istituzzjonijiet fi kwalunkwe każ jista’ ma jmurx lil hinn minn dan.

160.

G. Strack evidentement jassumi li l-possibbiltà tal-iżvelar ta’ data personali hija dubjuża fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ma tkunx iddeċidiet jekk taqbilx mal-iżvelar. Madankollu, dan ma huwiex minnu.

161.

Peress li l-iżvelar tal-informazzjoni personali huwa pproċessar, dan huwa biss permess meta jkun hemm waħda mir-raġunijiet għall-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001. L-approvazzjoni tal-partijiet ikkonċernati hija waħda minn dawn ir-raġunijiet. Normalment, ebda żvelar ma huwa permess.

162.

Ir-rekwiżit għal konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ma huwiex maħsub sabiex jikkjarifika l-possibbiltà tal-iżvelar, iżda huwa pjuttost intiż li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-iżvelar. Madankollu, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jimponi ebda obbligu lill-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward.

163.

Għall-istess raġuni, l-argument ta’ G. Strack li jipprovdi li, fil-kuntest tal-ipproċessar sħiħ tat-talba tiegħu għall-aċċess ( 54 ), il-Kummissjoni kellha, fi kwalunkwe każ, tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-iżvelar tat-talba konfermatorja, ma jistax jintlaqa’. Għalkemm l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplika għall-aċċess għal dawn id-dokumenti, madankollu l-informazzjoni personali inkluża ma toħloq ebda ambigwità dwar jekk l-aċċess jistax jingħata. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż jekk kellux isir rikors għal konsultazzjoni sabiex tikiseb l-approvazzjoni dwar l-iżvelar mingħand il-partijiet ikkonċernati.

c) Fuq il-kunsens mill-partijiet ikkonċernati għall-iżvelar

164.

G. Strack huwa wkoll tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kellhom jikkunsidraw jekk il-partijiet ikkonċernati kinux diġà qablu dwar l-iżvelar tad-data personali tagħhom b’rabta mat-talbiet konfermatorji tagħhom. Minn tal-inqas f’każ wieħed, dan jirriżulta ukoll mid-dokumenti li ntbagħtulu. F’dan id-dokument, l-applikant iddikjara dan li ġej:

“In view of the public interest, I cannot treat this as confidential. My question was not confidential. The public interest in this issue must prevail ( 55 )”

165.

Madankollu, jidher ferm improbabbli li l-partijiet ikkonċernati jkunu diġà qablu f’termini astratti u ġenerali dwar l-iżvelar tad-data tagħhom fil-kuntest ta’ talba konfermatorja. Anki l-eżempju msemmi għandu jinftiehem fis-sens li l-persuna kkonċernata tikkontradixxi r-rifjut tal-aċċess iżda mhux madankollu li taqbel mal-iżvelar tad-data personali tagħha.

166.

Barra minn hekk, G. Strack ma jistax jakkuża lill-Qorti Ġenerali li ma indirizzatx dan l-argument, peress li, skont il-każ, huwa invokah biss biss fis-seduta u għalhekk tardivament.

d) Fuq l-uffiċjali firmatarji tat-talbiet konfermatorji

167.

Sa fejn G. Strack talab l-iżvelar tal-ismijiet tal-uffiċjali li ffirmaw it-talbiet konfermatorji, ma huwiex ċar jekk huwa kienx diġà għamel tali talba quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dan l-argument huwa inammissibbli, peress li l-appell ma jistax imur lil hinn mis-suġġett tal-proċeduri tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li dawn l-ismijiet, jiġifieri s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u d-Direttur tal-OLAF, kienu indikati. Dan jirriżulta mill-inqas b’mod indirett ukoll mill-intestatura tal-eżempji ta’ talbiet konfermatorji ippreżentati minn G. Strack. Dan tal-aħħar ma ssottomettiex il-paġni bil-firem.

e) Fuq l-ismijiet tal-uffiċjali li jidhru fid-dokument dwar il-Kawża T‑110/04.

168.

Fir-rigward tal-ismijiet tal-uffiċjali li tneħħew fid-dokumenti dwar il-Kawża T‑110/04, G. Strack jitlob li ssir distinzjoni bejn uffiċjali li qed jiġu akkużati għall-aġir ħażin tagħhom, u uffiċjali oħra. Madankollu, fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ persuni, huwa ġeneralment il-każ li l-iżvelar tad-data personali tagħhom għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data ġeneralment ma jkunx possibbli. Il-fatt li l-ismijiet tal-uffiċjali li qed jiġu akkużati minħabba l-aġir tagħhom għandhom jingħataw protezzjoni partikolari, għalhekk ma jeħtieġx li ssir distinzjoni.

f) Fuq il-kodifikazzjoni tal-ismijiet

169.

Barra minn hekk, G. Strack jargumenta li l-Kummissjoni, fid-dokumenti tal-Kawża T‑110/04, ma kellhiex tneħħi l-ismijiet, iżda tikkodifikahom (b’mod anonomu), sabiex ittejjeb il-leġibbiltà tad-dokumenti. Dan kellu jkun meħtieġ speċjalment peress li l-Qorti Ġenerali kkodifikat l-ismijiet f’din il-kawża.

170.

Madankollu, fil-punti 202 sa 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet b’mod korrett li kodifikazzjoni komprensiva tal-ismijiet f’dokumenti tal-Kummissjoni koperti b’talba voluminuża tkun timponi piż ta’ xogħol sproporzjonat. Għalhekk, dan l-argument ta’ G. Strack ma jistax jintlaqa’.

4. Konklużjoni intermedjarja dwar il-ħames aggravju

171.

Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

F – Fuq is-sitt aggravju — l-ipproċessar kunfidenzjali ta’ proċeduri antidumping

172.

Is-sitt aggravju jikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

173.

Fil-fat, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal ċerta informazzjoni u dokumenti sabiex tipprekludi l-identifikazzjoni ta’ kumpanniji involuti f’każijiet ta’ antidumping li ġew ipproċessati mir-rikorrent fil-Kawża T‑110/04.

174.

Il-Qorti Ġenerali approvat dan ir-rifjut fil-punti 226 sa 229 tas-sentenza appellata, peress li kienu parzjalment involuti sigrieti kummerċjali u barra minn hekk kellha tiġi protetta r-reputazzjoni tal-kumpanniji kkonċernati. Ebda interess pubbliku superjuri ma huwa identifikabbli fl-iżvelar ta’ din l-informazzjoni.

175.

Qabelxejn, G. Strack jenfasizza li l-miżuri ta’ antidumping huma ppubblikati, inter alia, l-ismijiet tal-kumpanniji. Madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni li l-informazzjoni rrifjutata tikkonċerna proċeduri li wasslu għal tali pubblikazzjoni. Għalhekk, ma ġiex ipprovat li l-interess fl-ipproċessar kunfidenzjali sar bla effett.

176.

Barra minn hekk, kuntarjament għal fehma ta’ G. Strack, jista’ jkun hemm interess kemm fir-rigward tal-ismijiet tal-kumpanniji kif ukoll fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ pproċessar kunfidenzjali, peress li l-allegazzjoni tista’ tagħti l-possibbiltà li tinselet konklużjoni dwar il-kumpannija.

177.

Madankollu, G. Strack jargumenta li jeżisti interess pubbliku superjuri fl-investigazzjoni ta’ proċeduri antidumping, li jiġġustifika l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni u li għandu jiġi eżaminat ex officio kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Qorti Ġenerali.

178.

Dan l-argument huwa essenzjalment korrett. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, fil-każijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tivverifika jekk hemmx interess pubbliku superjuri, li jiġġustifika madankollu l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati ( 56 ). Għaldaqstant, huwa neċessarju li, minn tal-inqas, l-aspetti l-iktar importanti tal-każ jiġu eżaminati ex officio mill-istituzzjoni ( 57 ) . Madankollu, f’dan l-istadju, l-argumenti partikolari li għandhom jiġu invokati mill-applikant essenzjalment ikunu deċiżivi ( 58 ).

179.

A fortiori, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, il-kwistjoni ta’ ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 imwettaq fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, għandha tiġi eżaminata biss jekk titqajjem mir-rikorrent. Meta r-rikorrent ma jilmentax dwar l-assenza totali ta’ kull verifika, huwa għandu jindika l-aspetti li ma ġewx evalwati b’mod xieraq. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma twettaq ebda żball ta’ dritt jekk tikkonċentra fuq l-argumenti tiegħu ( 59 ).

180.

Matul il-proċedura ġudizzjarja, G. Strack ma argumentax dwar il-fatt li ma tteħidx inkunsiderazzjoni biżżejjed l-interess partikolari fit-trasparenza tal-proċeduri antidumping ( 60 ). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tista’ tiġi akkużata b’ebda żball ta’ liġi.

181.

Barra minn hekk, sa fejn G. Strack jargumenta kontra l-fatt li l-ismijiet tal-uffiċjali li kienu responsabbli għal ċerti proċeduri tneħħew, ma huwiex evidenti li din il-kwistjoni kienet saħansitra s-suġġett tal-proċedura tal-ewwel istanza. Dan l-argument huwa inammissibbli, peress li skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax jemenda s-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

G – Fuq is-seba’ aggravju — talba għad-danni għall-ipproċessar tat-talba għall-aċċess

182.

Is-seba’ aggravju jikkonċerna t-talba ta’ G. Strack għal kumpens għad-danni immaterjali tiegħu, li kkawżat il-Kummissjoni minħabba l-ipproċessar tat-talba tiegħu għall-aċċess għad-dokumenti. Dawn id-danni jirrużultaw, minn naħa, fid-deterjorament tas-saħħa fiżika ta’ G. Strack, u min-naħa l-oħra, fit-tfixkil tad-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet.

183.

Fil-punti 261 sa 266 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeterminat li ma setgħet tiġi pprovata ebda rabta kawżali speċifika biżżejjed bejn l-allegat aġir illegali u l-allegata ħsara.

184.

Dawn id-dikjarazzjonijiet huma essenzjalment konformi mal-kriterji applikabbli.

185.

Fil-fatt, il-prinċipji komuni tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340(2) TFUE ma jistgħux jiġu invokati insostenn tal-eżistenza ta’ obbligu tal-Unjoni li tikkumpensa kull konsegwenza dannuża, anki remota, tal-aġir tal-organi tagħha. Il-kundizzjoni dwar ir-rabta każwali taħt din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu ( 61 ).

186.

F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma eżawrixxiet l-evidenza kollha pprovduta minn G. Strack, fil-punti 263 u 264 tas-sentenza appellata, aċċettat, li fid-dawl tal-ħafna tilwim legali bejnu u l-Kummissjoni u r-responsabbiltà konġunta tiegħu għal din il-kawża, tali rabta fir-rigward ta’ kwalunkwe deterjorament possibbli tas-saħħa fiżika tiegħu ma setgħetx tiġi kkonstatata.

187.

Madankollu, fir-rigward tal-possibbiltajiet li jipparteċipa fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, kuntrarjament għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 265 tas-sentenza appellata, huwa irrelevanti li G. Strack seta’ jipparteċipa fid-diskussjoni anki mingħajr id-dokumenti (kif fil-fatt għamel). Għalhekk, huwa ġie prekluż milli jiżviluppa argumenti għal din id-diskussjoni abbażi ta’ dawn id-dokumenti.

188.

Madankollu, l-argument żviluppat f’dan il-punt tas-sentenza, li huwa bbażat fuq il-fatt li G. Strack ressaq talba għall-aċċess tal-20 ta’ Ġunju 2007 ftit qabel tmiem il-perijodu għall-konsultazzjoni fil-31 ta’ Lulju 2007, huwa iktar vijabbli. Fil-fatt, G. Strack ma pprovax li, kieku l-Kummissjoni aġixxiet b’mod xieraq, kien jirċievi d-dokumenti mitluba fil-ħin, sabiex jagħmel użu minnhom waqt il-konsultazzjoni.

189.

Anki jekk jitqies, kif qies G. Strack, li t-talba tiegħu ġiet irreġistrata tard wisq u li l-estensjoni tat-terminu għad-deċiżjoni bi 15-il jum ieħor kienet ukoll tardiva u għalhekk mhux effettiva, ma jistax jiġi miċħud li fil-prinċipju, il-Kummissjoni kienet intitolata, fid-dawl tat-talba voluminuża, għall-estensjoni tat-terminu. Għalhekk, kieku bbenefikat mill-estensjoni tat-terminu, il-Kummissjoni kien ikollha twieġeb għall-ewwel talba mhux iktar kmieni mill-31 ta’ Lulju 2007. Parteċipazzjoni effettiva fil-konsultazzjoni abbażi tad-dokumenti mitluba ma kinitx tkun iktar possibbli f’din id-data.

190.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali setgħet korrettament tassumi li ma kien hemm ebda rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn in-nuqqasijiet possibbli tal-Kummissjoni u l-limiti fil-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ G. Strack ( 62 ).

VI – Fuq l-ispejjeż

191.

Peress li l-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż hija annullata u d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedura preżenti ta’ appell għandha tiġi rriżervata ( 63 ).

VII – Konklużjoni

192.

Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

Il-punt 6 tad-dispożittiv tas-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni (T‑392/02, EU:T:2013:8) huwa annullat sa fejn il-Qorti Ġenerali tirrifjuta l-motiv ta’ G. Strack li jipprovdi li l-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar id-deċiżjonijiet konfermatorji ta’ ċaħda kollha.

2.

Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fil-punt 7 tad-dispożittiv tas-sentenza ċċitata hija annullata.

3.

Il-kumplament tal-appell u l-appell inċidentali huma miċħuda.

4.

Il-kawża hija rrinvijata lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi fuq il-motiv imsemmi fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza.

5.

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

( 3 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali T‑110/04, EU:T:2007:78.

( 4 ) Sentenza Coen (C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 21) u d-digriet Städter vs BĊE (C‑102/12 P, EU:C:2012:723, punt 13).

( 5 ) Sentenza Moussis vs Il-Kummissjoni (227/83, EU:C:1984:276, punt 12), Coen (C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 21) u Transportes Evaristo Molina vs Il-Kummissjoni (C‑36/09 P, EU:C:2010:670, punt 37).

( 6 ) Sentenza Helmut Müllers vs CES (C‑79/70, EU:C:1971:79, punt 18) u s-sentenza Politi vs ETF (C‑154/99 P, EU:C:2000:354, punt 22).

( 7 ) Sentenza Helmut Müllers vs CES (C‑79/70, EU:C:1971:79, punt 17).

( 8 ) Sentenza Helmut Müllers vs CES (C‑79/70, EU:C:1971:79, punt 19 et seq) u b’mod speċjali dwar l-aċċess għad-dokumenti d-digriet tal-Qorti Ġenerali ClientEarth et vs Il-Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593, punt 45).

( 9 ) Digriet tal-Qorti Ġenerali ClientEarth et vs Il-Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593, punt 41).

( 10 ) Digriet tal-Qorti Ġenerali ClientEarth et vs Il-Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593, punt 26).

( 11 ) Digriet tal-Qorti Ġenerali ClientEarth et vs Il-Kummissjoni (T 278/11, EU:T:2012:593, punti 8, 10 sa 12).

( 12 ) Sentenza Helmut Müllers vs CES (C‑79/70, EU:C:1971:79, punt 6), Transportes Evaristo Molina vs Il-Kummissjoni (C‑36/09 P, EU:C:2010:670, punt 33) kif ukoll Gbagbo et vs Il-Kunsill (C‑478/11 P sa C-482/11 P, EU:C:2013:258, punt 53. Ara wkoll id-Digriet tal-Qorti Ġenerali ClientEarth et vs Il-Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593, punt 30).

( 13 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni (T‑545/11, EU:T:2013:523, punti 4, 6 u 12 fir-rigward tad-dati).

( 14 ) Sentenza Moussis vs Il-Kummissjoni (227/83, EU:C:1984:276, punt 12), Coen (C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 21) u Transportes Evaristo Molina vs Il-Kummissjoni (C‑36/09 P, EU:C:2010:670, punt 37).

( 15 ) Sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40).

( 16 ) Sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 57 et seq).

( 17 ) Ittra tal-24 ta’ Lulju u tas-7 ta’ Settembru 2007.

( 18 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

( 19 ) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 2005; 124, p. 4).

( 20 ) Ara s-sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 80) u Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35).

( 21 ) Ara s-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 60).

( 22 ) Sentenza Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, P, EU:C:2008:375, punt 46) u Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament (C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punt 42).

( 23 ) Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll is-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44), u l-eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 42 et seq).

( 24 ) Din tinsab biss fl-Artikolu 47(2) tal-Karta.

( 25 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem tat-12 ta’ Lulju 2007, Jorgic vs Il-Ġermanja (Rikors 74613/01, punti 64 u 65).

( 26 ) Sentenza tal- Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem tat-22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il-Belġju (Rikorsi Nri 32492/96, 32547/96, 32548/96, 33209/96 u 33210/96, Reports of Judgements and decisions 2000 - VII, p. 1, punt 98), tal-5 ta’ Ottubru 2010, DMD Group vs Is-Slovakkja (Rikors Nru19334/03, punt 60) u tad-9 ta’ Jannar 2013, Oleksandr Volkov vs L-Ukraina (Rikors Nru 21722/11, Rapporti ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 2013, punt 150).

( 27 ) Kif jipprovdu l-Artikolu 101 tal-Kostituzzjoni Ġermaniża skont is-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tal-Ġermanja (Qorti Federali Kostituzzjonali) tat-8 ta’ April 1997 (1 PBvU 1/95, BVerfGE 95, 322, 327 et seq) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni ta’ Venezja), Rapport dwar l-Indipendenza tas-Sistema Ġudizzjarja, Taqsima I: L-Indipendenza tal-Imħallfin, tas-16 ta’ Marzu 2010 (CDL-AD(2010)004, Nru 75).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet Maruccio vs Il-Kummissjoni (C‑528/08 P, EU:C:2009:761, punt 58).

( 29 ) Ara n-notifika f’ĠU 2007 C 269, p. 42.

( 30 ) ĠU 2010 C 288, p. 5.

( 31 ) Ara s-sentenza Internationaler Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑182/99 P, EU:C:2003:526, punt 28 et seq).

( 32 ) Sentenzi Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C 58/12 P, EU:C:2013:770, punt 72) kif ukoll tal-QEDB tas 26 ta’ Ottubru 2000, Kudla VS IL-Polonja, Recueil des arrêts et décisions, 2000 XI, §§ 156 u 157

( 33 ) Sentenza Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 190 u 196) u Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 73).

( 34 ) Sentenza Internationaler Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608).

( 35 ) Sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256).

( 36 ) Sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punti 82 u 83).

( 37 ) Sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 90).

( 38 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 56), Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 41).

( 39 ) Sentenzi Wirtschaftsvereinigung Eisen- und Stahlindustrie vs Il-Kummissjoni (C‑180/88, EU:C:1990:441, punti 22 u 29 et seq) u Windpark Groothusen vs Il-Kummissjoni (C‑48/96 P, EU:C:1998:223, punt 80)

( 40 ) Bħala eżempju, ara l-eżami mill-ġdid tas-sentenza M vs EMEA (C‑197/09 RX-II, EU:C:2009:804, punt 45) kif ukoll id-digrieti Iride u Iride Energia vs Il-Kummissjoni (C‑150/09 P, EU:C:2010:34, punt 74) u Kronoply vs Il-Kummissjoni (C‑117/09 P, EU:C:2010:370, punt 44).

( 41 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 59).

( 42 ) Sentenza Jurašinović vs Il-Kunsill (C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punt 27).

( 43 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 47)

( 44 ) Sentenza PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 35).

( 45 ) Sentenzi PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37), Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17) u l-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445, punt 51).

( 46 ) Sentenzi Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 57) u Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/08 P, EU:C:2013:445, punt 52).

( 47 ) Skont ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni matul is-sena 2007 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (KUMM(2008) 630 finali, p. 10).

( 48 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali Williams vs Il-Kummissjoni (T‑42/05, EU:T:2008:325, punt 68).

( 49 ) Sentenzi Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑315/99 P, EU:C:2001:391, punt 19), Glencore u Compagnie Continentale vs Il-Kummissjoni (C‑24/01 P u C‑25/01 P, EU:C:2002:642, punti 77 u 78), kif ukoll Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il-Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 319).

( 50 ) Madankollu, il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu avżati li l-Kummissjoni tiċċara din il-kwistjoni ex officio billi tagħti dettalji dwar in-numri korrispondenti ta’ G. Strack, u possibbilment dwar id-dokumenti neqsin, jew li G. Strack jippreżenta mill-ġdid talba għall-aċċess għad-dokumenti li għadhom neqsin, sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni fid-dawl tal-kummenti tiegħi. B’dan il-mod ikunu jistgħu jsolvu l-kawża f’dan il-punt, possibbilment anki qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar dan l-appell, u ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jirrikorru quddiem il-Qorti Ġenerali bla bżonn.

( 51 ) Ara l-punt 109 et seq hawn fuq.

( 52 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punti 63 u 77).

( 53 ) Ara l-punt 154 hawn fuq.

( 54 ) Kif issostni l-Qorti Ġenerali fil-punt 141, it-talba ta’ G. Strack ma kinitx tirreferi biss għad-deċiżjonijiet konfermatorji, iżda wkoll għat-talbiet konfermatorji, fatt li ġie injorat mill-Kummissjoni.

( 55 ) Paġna 126 tal-annessi tal-appell (“Fid-dawl tal-interess pubbliku ma nistax nittratta dan bħala kunfidenzjali. Il-mistoqsija tiegħi ma kinitx kunfidenzjali. L-interess pubbliku f’din il-kwistjoni għandu jiġi l-ewwel.”).

( 56 ) Sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49).

( 57 ) Ara s-sentenza L-Isvezja vs API u l-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 152), u għal opinjonijiet legali fi proċedura leġiżlattiva, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 67).

( 58 ) Sentenza LPN vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi L-Isvezja vs Il-Kummissjoni u MyTravel Group (C‑506/08 P, EU:C:2011:107, punt 105).

( 60 ) Ara l-punti 71 sa 73 tar-replika fl-ewwel istanza.

( 61 ) Sentenzi Dumortier et vs Il-Kunsill (64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21), Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.) u d-digriet Mauerhofer vs Il-Kummissjoni (C‑433/10 P, EU:C:2011:204, punt 127).

( 62 ) Is-sentenza Richez-Parise et vs Il-Kummissjoni (19/69, 20/69, 25/69 u 30/69, EU:C:1970:47, punti 43 u 44) kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Odigitria vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T‑572/93, EU:T:1995:131, punt 65) u Farrugia vs Il-Kummissjoni (T‑230/94, EU:T:1996:40, punt 43).

( 63 ) Ara l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura.