KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2014 ( 1 )

Kawża C‑114/13

Theodora Hendrika Bouman

vs

Rijksdienst voor Pensioenen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeidshof te Antwerpen (il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 46a(3)(ċ) — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt — Kalkolu tal-benefiċċji — Regoli nazzjonali antikumulu — Kunċett ta’ ‘assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata’ — Pensjoni nazzjonali skont skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja bil-possibbiltà li tintalab dispensa mill-affiljazzjoni matul ċertu perijodu — Portata taċ-ċertifikazzjoni redatta mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor — Regolament 574/72 — Artikolu 47”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba preliminari qed tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel okkażjoni sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ benefiċċji “abbażi ta’ assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla [fakultattiva] kontinwata” fil-kuntest tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, li jeżenta l-imsemmija benefiċċji mill-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antikumulu ( 2 ).

2.

Fil-kawża prinċipali, l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen (Qorti tax-Xogħol f’Antwerpen, il-Belġju) tistaqsi dwar il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk l-imsemmija dispożizzjoni tinkludix il-każ partikolari tal-pensjoni tax-xjuħija Olandiża li tirriżulta minn assigurazzjoni li fil-prinċipju hija obbligatorja iżda li tipprevedi, f’ċerti kundizzjonijiet, id-dispensa mill-affiljazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Fl-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71, wieħed isib, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, id-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-klawżoli tat-tnaqqis, tas-sospensjoni u tat-tneħħija applikabbli għall-benefiċċji tal-invalidità, tax-xjuħija jew tas-superstiti taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

4.

L-Artikolu 46a(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Ir-regoli segwenti jkunu applikabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u t-tneħħija stipulati mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-każ ta’ irkib (overlapping) [kumulu] ta’ benefiċċju fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija jew is-superstiti ma benefiċċju ta’ l-istess tip jew benefiċċju ta’ tip differenti jew ma dħul ieħor:

[…]

(ċ)

m’għandha tittieħed ebda konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li jingħataw abażi ta’ assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla [fakultattiva] kontinwata;

[…].”

5.

Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 ( 3 ), fl-Artikolu 57 tiegħu, intitolat “Kalkolu ta’ l-ammonti dovuti korrispondenti għall-perjodi ta’ assigurazzjoni voluntarja jew assigurazzjoni kontinwata magħżula [assigurazzjoni fakultattiva kontinwata]” jipprovdi:

“L-istituzzjoni ta’ kull Stat Membru għandha tikkalkula, konformement mal-leġislazzjoni li hija tapplika, l-ammont dovut li jikkorrispondi għall-perijodi ta’ assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja [assigurazzjoni fakultattiva kontinwata] li, taħt l-Artikolu 46[a](3)(c) tar-Regolament [Nru 1408/71], m’għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli ta’ Stat Membru ieħor li jirrelataw mal-waqfien, riduzzjoni jew sospensjoni”.

B – Id-dritt nazzjonali

1. Id-dritt Belġjan

6.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-iskema tal-pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti ta’ ħaddiema migranti (Belgisch Staatsblad, 16 ta’ Jannar 1968, p. 441), jipprovdi:

“Fejn il-konjuġi superstiti huwa intitolat, minn naħa, għall-pensjoni tas-superstiti skont l-iskema tal-pensjoni tal-impjegati u, min-naħa l-oħra, għal waħda jew iktar pensjonijiet tal-irtirar jew għal kwalunkwe benefiċċju ieħor sostituttiva, abbażi tal-iskema tal-pensjoni tal-impjegati jew abbażi ta’ waħda jew iktar skemi tal-pensjoni, il-pensjoni tas-superstiti ma tistax tiġi akkumulata mal-imsemmija pensjonijiet tal-irtirar ħlief sas-somma ta’ 110 % tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li kellha tingħata lill-konjuġi superstiti għall-karriera kollha tax-xogħol tiegħu”.

2. Id-dritt Olandiż

7.

Il-Liġi li tistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-pensjonijiet tax-xjuħija (Algemene Ouderdomswet, iktar ’il quddiem l-“AOW”) tipprevedi l-assigurazzjoni obbligatorja, b’mod partikolari, għaċ-ċittadini kollha li jirrisjedu fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

8.

L-Artikolu 22 tad-Digriet Irjali dwar it-tnaqqis u l-estensjoni taċ-ċirku ta’ persuni assigurati koperti minn assigurazzjonijiet soċjali (Besluit beperking en uitbreiding kring verzekerden volksverzekeringen, iktar ’il quddiem id-“Digriet Olandiż”) jipprovdi:

“Kemm-il darba ma tkunx qegħda taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi u li hija intitolata għal benefiċċju skont skema legali jew extralegali tas-sigurtà soċjali barra mill-pajjiż, jew skont skema ta’ xi organizzazzjoni internazzjonali, għandha tiġi ddispensata, fuq talba tagħha, mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pensjonijiet, mill-assigurazzjoni taħt l-[AOW] […] sakemm:

a)

hija intitolata, b’mod permanenti u esklużiv, għal benefiċċju li jissemma fil-parti introduttiva ta’ din id-dispożizzjoni u l-ammont mensili ta’ dan il-benefiċċju huwa għallinqas ta’ 70% tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Liġi dwar is-salarju minimu u l-ħlas minimu għal vaganzi [Wet minimumloon en minimumvakantiebijslag]

[…]”.

III – Il-kawża prinċipali

9.

T. Bouman hija ċittadina Olandiża, miżżewġa ċittadin Belġjan u li għexet il-Belġju mill-1957 sal-1974.

10.

Peress li żewġha miet fl-1968, ilha tirċievi pensjoni tas-superstiti mill-1 ta’ Settembru 1969.

11.

Wara li marret lura l-Pajjiżi l-Baxxi fl-1974, T. Bouman ħallset il-kontribuzzjonijiet sabiex tikkostitwixxi favur tagħha, pensjoni tax-xjuħija Olandiża skont l-AOW.

12.

Għall-aħħar erba’ snin ta’ qabel l-età tal-pensjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Awwissu 2003, T. Bouman talbet u kisbet id-dispensa mill-assigurazzjoni taħt l-AOW skont l-Artikolu 22 tad-Digriet Olandiż. Għalhekk hija waqfet tħallas il-kontribuzzjonijiet taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Olandiża, bil-konsegwenza li l-kostituzzjoni tal-pensjoni tagħha taħt l-AOW ma kinitx kompluta.

13.

Il-pensjoni li ilha tirċievi taħt l-AOW, mill-1 ta’ Ġunju 2007, meta laħqet l-età tal-pensjoni, ma hijiex kompluta.

14.

Permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2009, l-Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet Belġjan għamel reviżjoni tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li minnu tibbenefika T. Bouman, u ddeċieda li jnaqqsu, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2007, b’qies għall-ammont tal-pensjoni taħt l-AOW, u li l-eċċess tal-benefiċċju mħallas għandu jiġi rkuprat.

15.

Fl-4 ta’ Mejju 2009, T. Bouman ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen (Qorti tax-Xogħol ta’ Antwerpen).

16.

Is-Sociale Verzekeringsbank (Uffiċċju Nazzjonali tal-Pensjonijiet Olandiż, iktar ’il quddiem is-“SVB”) intalab jiddetermina jekk il-benefiċċju ta’ Bouman jitħallasx abbażi ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

17.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Lulju 2009 u tal-15 ta’ Ġunju 2010, l-SVB indika li l-assigurazzjoni skont l-AOW hija, fil-prinċipju, assigurazzjoni obbligatorja u li l-kwistjoni mhix waħda ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata ħlief f’żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, meta r-regolarizzazzjoni tal-perijodi mhux assigurati fil-passat tintalab f’terminu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tal-ewwel assigurazzjoni obbligatorja jew, it-tieni nett, meta l-kontinwazzjoni volontarja tal-assigurazzjoni tintalab fis-sena ta’ wara t-tmiem tal-assigurazzjoni obbligatorja. Fiż-żewġ każijiet, huwa indispensabbli li titressaq talba indirizzata lis-SVB u ma hemmx dubju, skont is-SVB, li T. Bouman qatt ma rrikorriet għal din il-possibbiltà ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

18.

Minn dan is-SVB jikkonkludi li l-pensjoni taħt l-AOW tal-persuna kkonċernata “bl-ebda mod ma tirriżulta, lanqas parzjalment, minn xi perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja, iżda hija għal kollox kkostitwita minn perijodi ta’ assigurazzjoni obbligatorja”.

19.

Peress li l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen ċaħdet ir-rikors fil-mertu permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, T. Bouman ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem l-Arbeidshof te Antwerpen.

20.

L-Arbeidshof te Antwerpen għandha d-dubji tagħha dwar il-konformità tal-pożizzjoni tas-SVB mal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, u tqis li hija kompetenti sabiex teżamina din il-kwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

IV – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-parti tal-benefiċċju [taħt l-]AOW mogħtija lil resident Olandiż, li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu dan ir-resident Olandiż jista’ jirrinunzja fuq sempliċi talba għall-affiljazzjoni fl-iskema Olandiża u għaldaqstant l-obbligu li jagħmel il-kontribuzzjoni dovuta, u effettivament talab li jirrinunzja għal perijodu limitat, għandha tiġi mqabbla ma’ benefiċċju mħallas taħt assigurazzjoni kontinwa fakultattiva fis-sens tal-Artikolu 46a(3)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 b’tali mod li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tar-regola antikumulu li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 li tistabbilixxi regolament ġenerali tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti tal-ħaddiema impjegati?”

22.

Id-digriet tar-rinviju tal-4 ta’ Marzu 2013 wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2013. Ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet bil-miktub minn T. Bouman, mir-Renju tal-Belġju u mill-Kummissjoni Ewropea. Peress li ma tressqet l-ebda talba f’dan is-sens, ma saritx seduta.

V – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

23.

Il-kawża preżenti hija partikolari minħabba l-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni qed tintalab mill-qorti tar-rinviju Belġjana li għandha dubju dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-pożizzjoni espressa fid-dokument maħruġ mis-SVB, l-Uffiċċju tal-Pensjonijiet Olandiż.

24.

Fil-fatt, id-dokument redatt mis-SVB jiddikjara n-natura obbligatorja tal-perijodi kollha tal-assigurazzjoni mħallsa minn T. Bouman, u jwarrab għalhekk l-ipoteżi li l-pensjoni Olandiża tagħha tista’ tirriżulta, għal kollox jew parzjalment, minn perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata.

25.

Infakkar li, skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 574/72, l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti tikkalkula l-ammont dovut, korrispondenti għall-perijodi tal-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli antikumulu ta’ Stat Membru ieħor.

26.

Sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju f’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi eżaminat jekk iċ-ċertifikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 574/72, torbotx lill-istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor.

27.

Il-problematika tar-rikonoxximent ta’ dokumenti amministrattivi fil-qasam tas-sigurtà soċjali tirriżulta mid-dover tal-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri li jikkoperaw in bona fide, sabiex id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jingħataw effett sħiħ u sabiex jiġi aċċertat it-twettiq tal-għanijiet tal-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE. Dan id-dover ġenerali jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE ( 4 ).

28.

Fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza FTS ( 5 ), invokata mill-Kummissjoni f’din il-kawża sabiex issostni li l-qorti tar-rinviju Belġjana hija marbuta bil-pożizzjoni meħuda mis-SVB, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li ċ-ċertifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, redatta skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72 (ċertifikat E 101 ( 6 )), torbot lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri l-oħra sa fejn hija tiddikjara l-affiljazzjoni ta’ ħaddiema kkollokati fl-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża tagħhom.

29.

Din is-soluzzjoni tissuġġetta l-imsemmija ċertifikazzjoni għall-istħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru ospitanti, billi tissottometti r-riżoluzzjoni ta’ tilwim potenzjali għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 7 ), mingħajr preġudizzju għar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-istituzzjoni li tkun ħarġitu, kif ukoll għall-ftuħ mill-Istat Membru ospitanti ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru tal-istituzzjoni li tkun ħarġitu ( 8 ).

30.

Jekk din il-limitazzjoni fl-istħarriġ ġudizzjarju hija ġġustifikata għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, applikabbli għad-dokument amministrattiv li jiddikjara l-affiljazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-iskema tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru, ma tistax madankollu tiġi awtomatikament estiża, fl-opinjoni tiegħi, għaċ-ċertifikazzjonijiet l-oħra maħruġa fl-ambitu rregolat mir-Regolament Nru 1408/71.

31.

Jidhirli li din il-pożizzjoni hija kkonfortata mill-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Adanez-Vega, fir-rigward ta’ ċertifikazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor, invokata sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċju tal-qgħad. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għas-sentenza FTS, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li ċertifikazzjoni maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti Spanjola li ssemmi l-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettqa fil-kwalità ta’ ħaddiem impjegat, ma tikkostitwixxix prova inkontestabbli fir-rigward tal-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża u lanqas fir-rigward tal-qrati Ġermaniżi u dan jippresupponi li dawn tal-aħħar jibqgħu għal kollox liberi li jivverifikaw il-kontenut taċ-ċertifikazzjoni ( 9 ).

32.

Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, teżisti linja ta’ distinzjoni bejn, minn naħa, id-dokumenti amministrattivi, li huma dikjaratorji tal-affiljazzjoni tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti li għandhom l-għan li jispeċifikaw l-avvenimenti li seħħew jew il-perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

33.

F’dan it-tieni każ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, li għandhom il-kompitu li jistabbilixxu d-drittijiet tal-persuna kkonċernata, jibqgħu liberi li jivverifikaw l-elementi kollha rilevanti, inklużi dawk ikkonfermati mill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikazzjoni.

34.

Dan huwa eżattament il-każ f’din il-kawża, peress li l-awtoritajiet Belġjani għandhom iqisu l-perijodi tal-assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Olandiża, biex ikunu jistgħu jiddeterminaw il-firxa tad-drittijiet ta’ T. Bouman, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli antikumulu Belġjani. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Belġjana tista’ tistħarreġ il-kontenut taċ-ċertifikazzjoni maħruġa mill-awtorità Olandiża skont l-Artikolu 47 tar-Regolament 574/72, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

35.

Il-qorti tar-rinviju tista’ għalhekk, b’mod utli, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, domanda preliminari fil-kuntest ta’ tali verifika.

B – Dwar il-kunċett tal- “assigurazzjoni volontarja jew ta ’ assigurazzjoni kontinwata ” fis-sens tal-Artikolu 46a (3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71

36.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jitqiesu biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet fil-mira tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 10 ). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi li huma rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 11 ).

37.

Irrid nippreċiża, qabel kollox, li l-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni kontinwata” ma għandux xi definizzjoni legali fir-Regolament Nru 1408/71.

38.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-formulazzjoni tal-Artikolu 46a (3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-regolament jużaw, sabiex jindikaw il-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni kontinwata”, termini kemxejn differenti, li madankollu jikkoinċidu, sa fejn jisħqu fuq in-natura volontarja tal-affiljazzjoni fl-assigurazzjoni ( 12 ).

39.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kuntest tar-regola tad-dritt interpretata, infakkar li r-Regolament Nru 1408/71 jifforma, permezz tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tiegħu, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt, imsejsa fuq il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli ( 13 ).

40.

Din is-sistema ta’ koordinazzjoni ma testendix, fil-prinċipju, għall-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, peress li din tal-aħħar, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 1408/71, tibqa’ eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikoli 13 sa 14d ta’ dan ir-regolament, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn, għall-fergħa kkonċernata, teżisti biss fi Stat Membru skema volontarja ( 14 ).

41.

L-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, jeskludi l-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva mill-applikazzjoni tar-regoli antikumulu, fil-każ fejn dawn tal-aħħar huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

42.

Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi konsegwenza loġika tal-esklużjoni tal-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata mis-sistema ta’ koordinazzjoni, imsejsa fuq il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni. B’hekk tippermetti lill-persuna li tkun iċċaqalqet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li għażlet li tikkostitwixxi favur tagħha pensjoni tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti b’mod volontarju fi Stat Membru ieħor, li żżomm il-kopertura soċjali komplementari relatata ma’ din l-għażla.

43.

Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li ddaħħlet fir-Regolament Nru 1408/71 permezz tar-Regolament 1248/92.

44.

Kif jirriżulta mill-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni dak iż-żmien ( 15 ), il-limitazzjoni li ddaħħlet permezz tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, kienet maħsuba sabiex twieġeb għal tendenza li tirriżulta mis-sentenza Schaap II, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 574/72 ( 16 ). Din l-aħħar dispożizzjoni, li ġiet abrogata permezz tar-Regolament Nru 1248/92, kienet teżenta l-benefiċċji li jikkorrispondu għall-perijodi ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżoli nazzjonali antikumulu fil-kuntest tal-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 1408/71 ( 17 ).

45.

Ta’ min wieħed ifakkar li M. Schaap, ċittadin Olandiż, kien qed isostni li l-imsemmi Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 574/72, li t-titolu tiegħu kien fih riferiment espliċita għall-każ tas-sovrapożizzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni volontarja u obbligatorja, kien jimpedixxi lill-awtoritajiet Olandiżi milli jnaqqsu mill-pensjoni Olandiża tiegħu il-parti tal-pensjoni Ġermaniża akkwistata abbażi tal-perijodi tal-assigurazzjoni volontarja, anki jekk fil-każ tiegħu il-perijodi tal-assigurazzjoni ma kinux sovraposti.

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-Regolament Nru 1408/71 “iħalli lil ħaddiem il-vantaġġ ta’ benefiċċji li jikkorrispondu għal kwalunkwe perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva”, anki lil hinn mill-ipotesi ta’ perijodi sovraposti, u, konsegwentement, estendiet l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 574/72 għall-każijiet kollha ta’ kumulu tal-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 1408/71 ( 18 ).

47.

Fid-dawl tal-oriġini tad-dispożizzjoni interpretata kif ukoll tal-għanijiet li riedu jintlaħqu meta din iddaħħlet fis-sistema tar-Regolament Nru 1408/71, l-espressjoni “assigurazzjoni volontarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla” għandha, fl-opinjoni tiegħi, tingħata interpretazzjoni li hija wiesgħa biżżejjed sabiex ma ċċaħħadx lil persuna kkonċernata mill-benefiċċju tal-perijodu kollu ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

48.

Din il-pożizzjoni hija kkonfortata mill-għan tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa dak li jiffaċilita l-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li jiġu rrispettati l-karatteristiċi proprji tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, u mingħajr ma jiġu ppenalizzati l-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ( 19 ).

49.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom għalhekk jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, li jimplika b’mod partikolari li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u lanqas isofru minn tnaqqis fl-ammont ta’ dawn tal-aħħar, minħabba l-fatt li eżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu mogħti lilhom permezz tat-Trattat FUE ( 20 ).

50.

Kif issostni wkoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża, sabiex tkun armonjuża mal-mira ta’ dan l-għan li huwa l-bażi tar-Regolament Nru 1408/71, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod li teskludi l-possibbiltà li l-ħaddiem, jew membru tal-familja tiegħu li jkun qiegħed jibbenefika mid-dritt tal-benefiċċji dderivat, jiġi, minħabba s-sistema tar-regoli nazzjonali dwar l-antikumulu ( 21 ), imċaħħad mill-benefiċċju tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa b’mod volontarju taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

51.

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-espressjoni “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” hija wkoll ikkonfortata mill-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

52.

Fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, li għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, billi timponi r-rikonoxximent tal-perijodi tal-assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni wiesgħa tal-espressjoni inkwistjoni, billi ddeċidiet li din tkopri t-“tipi kollha ta’ assigurazzjoni li fihom element volontarju”, sew jekk ikun hemm kif ukoll jekk ma jkunx hemm il-kontinwazzjoni tar-rabta ta’ assigurazzjoni stabbilita preċedentement ( 22 ).

53.

Fl-opinjoni tiegħi, it-totalità ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jargumentaw, b’mod ċar, favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata”.

54.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-każ preżenti, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-pensjoni taħt l-AOW tirriżulta, fil-prinċipju, minn skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, li għaliha T. Bouman ġiet suġġetta awtomatikament għaliha mar-ritorn tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1974.

55.

Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li għal ċertu perijodu matul l-affiljazzjoni, is-sitwazzjoni ta’ T. Bouman kienet taqa’ taħt l-ipotesi msemmija fl-Artikolu 22 tad-digriet Olandiż, li jippermetti li tinkiseb id-dispensa mill-affiljazzjoni fuq talba tal-persuna kkonċernata. T. Bouman talbet u kisbet din id-dispensa unikament għall-erba’ snin ta’ qabel l-età tagħha tal-irtirar.

56.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa meħtieġ, essenzjalment, li ssir id-domanda dwar jekk l-assigurazzjoni li hija imposta b’mod awtomatiku, iżda li tipprevedi l-possibbiltà tal-irtirar mill-affiljazzjoni fuq talba tal-persuna kkonċernata taqax taħt il-kunċett ta’ “assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” fis-sens tad-dispożizzjoni interpretata.

57.

Kuntrarjament għall-pożizzjoni espressa fl-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju, ma nqisx li r-rikonoxximent tan-natura fakultattiva tal-iskema ġenerali, li l-affiljazzjoni fiha hija awtomatika, iżda li minnha tista’ tintalab id-dispensa, bħal fil-każ preżenti, huwa konfliġġenti mal-prinċipju stess ta’ assigurazzjoni fakultattiva.

58.

In-natura fakultattiva tal-affiljazzjoni fl-iskema tal-assigurazzjoni tista’, fl-opinjoni tiegħi, tirriżulta kemm mill-fatt li l-persuna kkonċernata għandha titlob l-affiljazzjoni tagħha fl-iskema tal-assigurazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-assigurazzjoni, kif ukoll mill-fatt li għandha d-dritt li tikseb dispensa mill-affiljazzjoni. Fis-sustanza tagħhom, iż-żewġ sitwazzjonijiet jimplikaw għażla min-naħa tal-assigurat u huma xhieda tal-fatt li l-affiljazzjoni, jekk tkompli, ma hijiex eżenti mill-aspett fakultattiv.

59.

Nisħaq, f’dan ir-rigward, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet imħallsa minn T. Bouman, matul il-perijodu fejn hija kellha d-dritt li titlob id-dispensa, affettwaw l-ammont tal-pensjoni tagħha taħt l-AOW, billi kkonċedewlha protezzjoni soċjali komplementari.

60.

Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju akkwistat abbażi ta’ assigurazzjoni volontarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata”, fis-sens tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, dik il-parti tal-benefiċċju li tirriżulta minn perijodu li matulu l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li titlob id-dispensa mill-affiljazzjoni, iżda li astjeniet milli tagħmel dan, jekk il-kontinwazzjoni fl-affiljazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, għandha impatt fuq il-firxa tal-benefiċċju tagħha fil-ġejjieni.

61.

F’dan ir-rigward, ma jiniex konvint mill-approċċ iktar limitat propost mir-Renju tal-Belġju, li l-espressjoni “assigurazzjoni b’għażla kontinwata” tirreferi esklużivament għall-mekkaniżmi li jippermettu lil assigurat li jkopri l-perijodi ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar, biex jagħmel tajjeb għal lakuni fil-kostituzzjoni tal-pensjoni.

62.

Fl-opinjoni tiegħi, la mit-termini u lanqas mill-istruttura tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li l-ħlasijiet li jagħmlu tajjeb għal lakuni huma karatteristika intrinsika ta’ assigurazzjoni “volontarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

63.

Fid-dawl tal-għan li jinsab fil-bażi tad-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri li l-persuna kkonċernata ma tiġix imċaħħda mill-benefiċċju ta’ kwalunkwe perijodu ta’ assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata, imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ( 23 ), din l-espressjoni hija miftuħa għal interpretazzjoni iktar wiesgħa u ġġib fix-xejn l-għanijiet differenti li jistgħu jiġu segwiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata.

64.

Tista’ wkoll, għalhekk, tkopri l-fakultà mogħtija lil persuna kkonċernata li tirtira mill-affiljazzjoni għal ċerti perijodi, jew li tastjeni milli tagħmel dan, kemm-il darba din l-għażla libera jkollha konsegwenza fuq il-firxa tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali tagħha fil-ġejjieni.

65.

Issa, din hija s-sitwazzjoni fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-fatt li T. Bouman kellha għażla bejn il-kontinwazzjoni fl-affiljazzjoni tagħha taħt l-AOW u d-dispensa, li kien jimplika, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, konsegwenza għall-perijodi tagħha ta’ affiljazzjoni kif ukoll għall-ammont tal-pensjoni tagħha tax-xjuħija.

66.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, inqis li l-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri l-parti tal-benefiċċju li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li tikseb dispensa mill-affiljazzjoni fl-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja, fl-ipotesi fejn l-affiljazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, taffettwa l-firxa tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali.

VI – Konklużjoni

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Arbeidshof te Antwerpen:

L-Artikolu 46a(3)(ċ) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-parti tal-benefiċċju li tirriżulta minn perijodu ta’ assigurazzjoni li matulu l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li tikseb dispensa mill-affiljazzjoni fl-iskema tal-assigurazzjoni obbligatorja, fl-ipotesi fejn l-affiljazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, taffettwa l-firxa tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”).

Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie abrogat u ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 72). Madankollu jibqa’ applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, rigward il-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva adottata taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti fis-seħħ. Ir-Regolament Nru 883/2004 għandu, fl-Artikolu 53(3)(ċ) dispożizzjoni identika għal dik interpretata f’din il-kawża.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1248/92, tat-30 ta’ April 1992 (ĠU L 136, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”). Ir-Regolament (KE) Nru 978/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 284, p.1.), li jħassar l-imsemmi regolament b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, fih l-istess dispożizzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(3) tiegħu.

( 4 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża FTS (sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, C-202/97, Ġabra p. I-883), punt 56.

( 5 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 59), kif ukoll is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C-178/97, Ġabra p. I-2005, punt 46), u tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C-2/05, Ġabra p. I-1079, punti 30 u 31).

( 6 ) Li issa ġie ssostitwit permezz tal-formola A1 stabbilita skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009.

( 7 ) Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni hija attwalment irregolata mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll permezz tad-deċiżjoni A1 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-kordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, tat-12 ta’ Ġunju 2009, dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2010 C 106, p.1).

( 8 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq FTS (punti 57 u 58) u Herbosch Kiere (punti 28 u 29).

( 9 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega (C-372/02, Ġabra p. I-10761, punti 36 u 48). Ara, ukoll, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch (C-102/91, Ġabra p. I-4341, punti 53 u 54).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, Ġabra p. 3781, punt 12), u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

( 11 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑583/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

( 12 ) Teżisti distinzjoni bejn, minn naħa, il-verżjonijiet lingwistiċi li jagħmlu differenza bejn il-kunċetti ta’ “volontarja” u ta’ “fakultattiva” (kontinwata)” (b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ingliża, Franċiża, Taljana, Litwana jew Pollakka) u, min-naħa l-oħra, dawk li jużaw l-istess kelma għall-assigurazzjoni “volontarja” u l-assigurazzjoni “volontarja kontinwata” jew “kontinwata b’mod volontarju” (b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwi Daniża, Ġermaniża, Olandiża u Svediża).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1977, Perenboom (102/76, Ġabra p. 815), u tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

( 14 ) Għall-kummentarju tad-dispożizzjoni analoga tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 883/2004, ara K. Ślebzak, Koordynacja systemów zabezpieczenia społecznego, LEX Wolters Kluwer, Varsavja, 2012, p. 256, u H.D. Steinmeyer, Europäisches Sozialrecht, M. Fuchs (stampatur), 6 Edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2013, p. 209.

( 15 ) Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li temenda r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 [COM(89) 370 finali, p. 23]

( 16 ) Sentenza tal-5 ta’ April 1979, Schaap, imsejħa “Schaap II” (176/78, Ġabra p. 1673), b’nota ta’ D. Wyatt, European Law Review (1981, p. 54 sa 55).

( 17 ) L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 574/72, kif emendat bir-Regolament (KEE) tal-Kunsill, tal-4 ta’ Ġunju 1974 (ĠU L 152, p. 1) kien jipprovdi, fil-paragrafu (2) tiegħu: “Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 46(3) tar-Regolament [Nru 1408/71, fil-verżjoni inizjali], l-ammonti tal-benefiċċji li jikkorispondu mal-perjodi ta’ assigurazzjoni volontarja jew b’għażla ssoktata [jew fakultattiva kontinwata] ma għandhomx jitqiesu”.

( 18 ) Is-sentenza Schaap II (punti 10 u 11).

( 19 ) Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Nikula (C-50/05, Ġabra p. I-7029, punt 20), u tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (C-440/09, Ġabra p. I-1033, punt 28).

( 20 ) Sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Reichling (C-406/93, Ġabra p. I-4061, punt 24); tad-9 ta’ Novembru 2006, Nemec (C-205/05, Ġabra p. I-10745, punti 37 u 38); tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C-352/06, Ġabra p. I-3827, punt 29), kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).

( 21 ) Għandu jiġi ppreċiżat li dan l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkonferma li r-Regolament 1408/71 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regola antikumulu nazzjonali, bħalma hija dik fil-kawża preżenti, kemm-il darba jiġu osservati l-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmi regolament, u mingħajr preġudizzju għas-soluzzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni eventwali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, van den Booren, C‑127/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 34 u 38).

( 22 ) Sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1977, Liégeois (93/76, Ġabra p. 543, punti 14 u 17), u tat-18 ta’ Mejju 1989, Hartmann Troiani, (368/87, Ġabra p. 1333, punt 12). Il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kunċett tal-“assigurazzjoni b’għażla kontinwata”, interpretazzjoni li b’xi mod tmur lil hinn mis-sens normali tal-kelma, billi ddeċidiet li dan il-kunċett jiġbor fih l-assimilazzjoni ta’ perijodi ta’ studju ma’ perijodi ta’ xogħol, indipendentament mill-eżistenza ta’ rabta ta’ assigurazzjoni stabbilita preċedentement, u jkopri wkoll il-fidi retroattiv tad-drittijiet tal-pensjoni. Għal kummentarju analitiku, ara P. Mavridis, La sécurité sociale à l’épreuve de l’intégration européenne, Sakkoulas-Bruylant, Athènes-Bruxelles, 2003, p. 515 sa 518.

( 23 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.